EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC1128(01)

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 2022/C 450/11

PUB/2022/1236

ĠU C 450, 28.11.2022, p. 16–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/16


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2022/C 450/11)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Arbois”

PDO-FR-A0994-AM01

Data tal-komunikazzjoni: 28.9.2022

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Żona ġeografika

Fil-punt (a) u (b) tal-Kapitolu I(IV)(1) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-kliem “huma pprovduti” huwa sostitwit bil-kelma “isiru”, u l-kliem “abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-sena 2021” jiżdied wara “Jura”.

Din l-emenda editorjali tippermetti li ż-żona ġeografika tiġi identifikata b’referenza għall-verżjoni fis-seħħ fl-2021 tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, ippubblikat mill-INSEE, u għalhekk, li jiġi żgurat li ż-żona ġeografika tkun legalment demarkata.

Il-lista tal-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ġeografika u l-ismijiet tagħhom ġew aġġornati mingħajr ma nbidel il-perimetru taż-żona ġeografika sabiex jitqiesu l-bidliet amministrattivi li saru kif speċifikat fil-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali.

Il-punt 6 tad-Dokument Uniku huwa emendat.

Tiżdied ukoll sentenza fil-punt 1 ta’ IV biex jiġi indikat li l-mapep relatati maż-żona ġeografika huma disponibbli fis-sit web tal-INAO.

2.   Żona fil-viċinanza immedjata

Fil-punt (a) tal-Kapitolu I(IV)(3) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-kliem “abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-sena 2021” jiżdied wara “li ġejjin”.

Din l-emenda editorjali tippermetti li ż-żona fil-viċinanza immedjata tiġi riferuta għall-verżjoni fis-seħħ fl-2021 tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, ippubblikat mill-INSEE.

Iż-żieda ta’ din ir-referenza tipprovdi ċertezza legali lid-definizzjoni taż-żona fil-viċinanza immedjata.

Il-lista tal-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona fil-viċinanza immedjata u l-ismijiet tagħhom ġew aġġornati mingħajr ma nbidel il-perimetru sabiex jitqiesu l-bidliet amministrattivi li saru.

It-taqsima “Rekwiżiti addizzjonali” tad-Dokument Uniku hija emendata.

3.   Varjetajiet tad-dwieli

Fil-Kapitolu I(V)(1) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-varjetajiet li jintużaw għall-adattament aligoté B, chenin B, enfariné B, marsanne B, roussane B, sacy B, béclan N, franc noir de Haute-Saône N u gamay N ġew miżjuda mal-varjetajiet tad-dwieli għall-inbejjed li ġejjin:

Inbejjed bojod bla gass: aligoté B, chenin B, enfariné N, marsanne B, roussane B u sacy B;

Inbejjed ħomor u rożè bla gass: béclan N, enfariné N, franc noir de Haute-Saône N, u gamay N

Inbejjed bla gass eliġibbli għat-terminu “vin jaune”: enfariné N.

Il-kumitat nazzjonali kompetenti tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità ddeċieda li għad-denominazzjonijiet li jissottomettu fajl ta’ applikazzjoni, jawtorizza l-possibbiltà li jintroduċu varjetajiet li jintużaw għall-adattament għat-tibdil fil-klima jew għall-aspettattivi tas-soċjetà rigward l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’.

Dawn id-dwieli, li parzjalment joriġinaw mir-reġjun ta’ Jura, jistgħu jkunu ta’ vantaġġ fil-kuntest tat-tisħin globali. Xi wħud minnhom joħorġu tard u jippermettu l-adattament għar-riskju tal-ġlata, filwaqt li oħrajn jipprovdu aċidità u b’hekk irendu nbejjed aktar ibbilanċjati. Huma tal-anqas reżistenti għall-mard daqs id-dwieli li diġà huma awtorizzati għad-denominazzjoni. L-introduzzjoni ta’ dawn il-varjetajiet tad-dwieli hija maħsuba wkoll biex tenfasizza l-karatteristiċi speċifiċi tal-inbejjed koperti mid-denominazzjoni.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn dawn l-emendi.

4.   Regoli dwar il-proporzjon fl-użu

Fil-Kapitolu I(V)(2) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tiżdied dispożizzjoni li tispeċifika li l-proporzjon tal-varjetajiet li jintużaw għall-adattament huwa limitat għal 5 % tal-varjetajiet tad-dwieli tal-azjenda u għandu jiġi vvalutat fuq l-irqajja’ tal-art kollha li jipproduċu l-inbid tad-DOP.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn dawn l-emendi.

5.   Regoli dwar iż-żbir

Fil-punt (b) tal-Kapitolu I(VI)(1) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, id-dispożizzjonijiet dwar iż-żbir tad-dielja huma emendati biex jinkludu l-varjetajiet użati għall-adattament.

It-taqsima “Prattiki enoloġiċi speċifiċi” tad-Dokument Uniku hija emendata.

6.   Stat ġenerali tal-kultivazzjoni tad-dwieli

Fil-punt (f) tal-Kapitolu I(VI)(1) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, sabiex jiġi limitat l-impatt ambjentali tal-kultivazzjoni tad-dwieli, qiegħed jiġi speċifikat li l-fertilizzant tan-nitroġenu minerali sintetiku huwa limitat għal 40 unità fis-sena għal kull ettaru.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

7.   Prattiki oħra ta’ kultivazzjoni

Fil-Kapitolu I(VI)(2) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, sabiex jiġu ppreservati l-karatteristiċi tal-ambjent fiżiku u bijoloġiku, huwa speċifikat li, għall-irqajja’ tal-art b’inklinazzjoni ta’ aktar minn 15 %, il-veġetazzjoni, kemm dik miżrugħa kif ukoll dik li tikber weħidha, trid tiġi mmaniġġjata b’mezzi mekkaniċi jew fiżiċi fuq mill-inqas spazju wieħed bejn il-flanni minn tnejn. Din id-dispożizzjoni tissostitwixxi r-restrizzjoni fuq it-tul tal-flanni għall-irqajja’ tal-art b’inklinazzjoni ta’ aktar minn 15 %.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn dawn l-emendi.

8.   Ħsad

Fil-punt (a) tal-Kapitolu I(VII)(1) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, titħassar id-dispożizzjoni dwar l-istabbiliment tad-data tal-bidu tal-ħsad. Din id-dispożizzjoni titħassar minħabba li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tindika l-kontenut minimu ta’ zokkor tal-għeneb fil-mument tal-ħsad, li jippermetti lill-operaturi jaħsdu skont il-karatteristiċi speċifiċi tas-sena u l-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn dawn l-emendi.

9.   Rendiment

Fil-punt (a) tal-Kapitolu I(VIII)(2) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ir-rendiment massimu għall-inbejjed bojod bla gass jiżdied minn 72 għal 78 hl/ha. Din l-emenda se tippermetti lill-vitikulturi jibbenefikaw mis-snin produttivi, f’kuntest ta’ tnaqqis fil-volum medju tal-produzzjoni.

It-taqsima “Rendimenti massimi” tad-Dokument Uniku hija emendata.

10.   Taħlit tal-varjetajiet tad-dwieli

Fil-punt (a) tal-Kapitolu I(IX)(1), huwa speċifikat li l-varjetajiet li jintużaw għall-adattament ma jistgħux, flimkien jew separatament, jammontaw għal aktar minn 10 % tat-taħlita finali tal-inbejjed.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

11.   Ċirkolazzjoni bejn l-imħażen awtorizzati

Il-punt (b) tal-Kapitolu I(IX)(5) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott dwar id-data taċ-ċirkolazzjoni tal-inbejjed bejn l-imħażen awtorizzati jitħassar.

Sabiex ikunu jistgħu jsiru trasferimenti bikrin tal-inbid, b’mod partikolari lin-negozjanti, qiegħda titħassar id-data minn meta l-inbejjed jistgħu jiġu ċċirkolati bejn l-imħażen awtorizzati.

It-titolu tat-Taqsima IX(5) huwa emendat billi jitħassar il-kliem “għaċ-ċirkolazzjoni tal-prodotti u”.

It-titolu tal-punt (a) tat-Taqsima IX(5) jitħassar.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn dawn l-emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

12.   Rabta maż-żona ġeografika

Fil-Kapitolu I(X)(3) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, jitħassar il-kliem “limitazzjoni tat-tul tal-flanni”. Din l-emenda hija konformi mal-emenda tal-punt “Prattiki oħra ta’ kultivazzjoni” fil-Kapitolu I(VI)(2) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-taqsima “Rabta maż-żona ġeografika” tad-Dokument Uniku hija emendata.

13.   Obbligi ta’ dikjarazzjoni

Fil-Kapitolu II(I)(2) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, id-data ta’ skadenza għall-istqarrija ta’ dikjarazzjoni hija emendata biex tiġi allinjata mad-data ta’ skadenza għad-dikjarazzjoni tal-ħsad.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

14.   Punti ewlenin li jridu jiġu ċċekkjati u metodi ta’ evalwazzjoni

Fil-Kapitolu III(I) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-tabella tal-punti ewlenin li jridu jiġu ċċekkjati hija emendata biex jitqiesu r-regoli editorjali l-ġodda.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn dawn l-emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

15.   Referenzi għall-korp ta’ spezzjoni

Fil-Kapitolu III(II) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, l-indirizz tal-korp ta’ spezzjoni msemmi fl-ewwel paragrafu ġie aġġornat.

It-tieni paragrafu li jsemmi l-korp ta’ spezzjoni tħassar sabiex jikkonforma mar-regoli editorjali l-ġodda għal din il-parti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-tielet paragrafu ġie emendat u r-raba’ paragrafu tħassar biex jissodisfa r-regoli editorjali l-ġodda.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn dawn l-emendi.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

“Arbois”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

15.

Inbid magħmul minn għeneb imqadded

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   Inbejjed bojod bla gass

DESKRIZZJONI QASIRA BIL-MIKTUB

L-inbejjed bojod jesprimu ħafna freskezza, ħafna drabi b’firxa ta’ aromi ta’ frott, flimkien ma’ noti minerali u ta’ żnied. L-inbejjed bojod għandhom qawwa alkoħolika proprja minima skont il-volum ta’ 10,5 %. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed ma tridx tkun iktar minn 14 %. Fl-istadju tal-ippakkjar u tat-tqegħid fis-suq għall-konsumatur, l-inbejjed ikollhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’ 3 grammi għal kull litru jew inqas.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

2.   Inbejjed ħomor u rożè bla gass

DESKRIZZJONI QASIRA BIL-MIKTUB

L-inbejjed ħomor jew rożè għandhom kumplessità aromatika kbira. Il-varjetà poulsard N li jiġu prodotti minnha, b’mod partikolari fil-muniċipalità ta’ Pupillin, li normalment minnha jsir l-inbid aħmar, tagħti lill-inbejjed kulur karatteristiku lewn ir-rubini ċar u aromi ta’ frott. Bil-varjetà pinot noir N, il-kulur huwa aktar skur u n-noti aromatiċi jfakkru fil-frott aħmar. Bil-varjetà trousseau N, l-inbejjed huma aktar tanniċi, spiss aktar ikkuluriti u frekwentement b’noti tal-annimali. Meta l-inbejjed ħomor (jew rożè) jiġu mmaturati, l-aromi spiss jinbidlu għal noti tal-veġetazzjoni ta’ taħt is-siġar, tal-ħumus u tal-faqqiegħ. L-inbejjed ħomor u rożè għandhom qawwa alkoħolika proprja minima skont il-volum ta’ 10 %. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed ma tkunx iktar minn 13.5 %. Fl-istadju tal-ippakkjar u tat-tqegħid fis-suq għall-konsumatur, l-inbejjed ħomor għandhom kontenut ta’ aċidu maliku ta’ 0,4 grammi għal kull litru jew inqas. Fl-istadju tal-ippakkjar u tat-tqegħid fis-suq għall-konsumatur, l-inbejjed ikollhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’ 3 grammi għal kull litru jew inqas.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

3.   Inbejjed bit-terminu tradizzjonali “vin de paille”

DESKRIZZJONI QASIRA BIL-MIKTUB

L-inbid bit-terminu “vin de paille” huwa nbid ħelu li jiżviluppa aromi ta’ frott ippreservat li jfakkru fil-pruna jew fil-larinġ ippreservat, jew aromi ta’ għasel. L-aromi u t-togħmiet ta’ dan l-inbid ivarjaw mhux biss skont l-oriġini tiegħu iżda wkoll skont id-dwieli li minnhom joriġina u l-għarfien ta’ kull produttur jew vitikultur. L-inbejjed bit-terminu tradizzjonali “vin de paille” għandhom qawwa alkoħolika proprja minima skont il-volum ta’ 14 % u qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 19 %. L-inbejjed bit-terminu “vin de paille” għandhom aċidità volatili ta’ inqas minn 25 milliekwivalenti għal kull litru fl-istadju tal-ippakkjar u tat-tqegħid fis-suq għall-konsumatur.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

4.   Inbejjed bit-terminu tradizzjonali “vin jaune”

DESKRIZZJONI QASIRA BIL-MIKTUB

L-inbid bit-terminu “vin jaune” huwa kkaratterizzat prinċipalment mit-“togħma safra” inkomparabbli u kumplessa tiegħu, taħlita ta’ noti aromatiċi ta’ ġewż, tuffieħ, frott ippreservat u ħwawar, u mis-sbuħija tal-kulur bronż tiegħu. L-inbejjed bit-terminu “vin jaune” għandhom qawwa alkoħolika proprja minima skont il-volum ta’ 10,5 %. Fl-istadju tal-ippakkjar u tat-tqegħid fis-suq għall-konsumatur, l-inbejjed ikollhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’ 3 grammi għal kull litru jew inqas.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   

 

Metodu tal-kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 5 000 pjanta għal kull ettaru, bl-eċċezzjoni tad-dwieli mħawla f’vinji mtarrġa. Għad-dwieli li mhumiex imħawla f’vinji mtarrġa u għall-vinji mtarrġa b’mill-inqas 2 flanni ta’ dwieli, kull pjanta għandu jkollha erja massima ta’ 2 m2. Din l-erja tinkiseb billi jiġu mmultiplikati d-distanzi bejn il-flanni u l-ispazju bejn il-pjanti fl-istess flann. Dawn id-dwieli ma jistax ikollhom distanza ta’ aktar minn 2 metri bejn il-flanni.

Huma awtorizzati biss iż-żabra tat-tip Guyot sempliċi jew doppju u ż-żabra qasira (imwettqa skont il-metodu cordon de Royat);

Għall-varjetajiet chardonnay B, poulsard N, savagnin B, trousseau N, aligoté B, chenin B, enfariné N, marsanne B, roussane B, Sacy B, béclan N, franc noir de Haute-Saône N u gamay N, in-numru ta’ rimjiet huwa inqas minn jew ugwali għal 20 rimja għal kull dielja u 120 000 rimja għal kull ettaru. Biż-żabra tat-tip Guyot sempliċi jew doppju, in-numru ta’ rimjiet huwa ta’ mhux aktar minn 10 fuq il-qasba, b’massimu ta’ żewġ blanzuni f’żewġ rimjiet.

Għall-varjetà pinot noir N, in-numru ta’ rimjiet huwa ta’ 80 000 rimja għal kull ettaru jew inqas. Biż-żabra tat-tip Guyot sempliċi jew doppju, in-numru ta’ rimjiet huwa ta’ mhux aktar minn 8 fuq il-qasba, b’massimu ta’ żewġ blanzuni f’żewġ rimjiet.

L-inbejjed eliġibbli għat-terminu tradizzjonali “vin de paille” huma derivati minn għeneb maqtugħ bl-idejn b’mod selettiv.

2.   

 

Prattika enoloġika speċifika

Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbid ma għandhiex tkun aktar minn 13,5 % għall-inbejjed ħomor u rożè, u minn 14 % għall-inbejjed bojod.

L-użu tal-faħam għal skopijiet enoloġiċi għall-produzzjoni tal-inbejjed rożè huwa pprojbit, kemm jekk waħdu kif ukoll imħallat fi preparazzjonijiet. L-użu taċ-ċana huwa pprojbit għall-inbejjed kollha.

It-tekniki ta’ arrikkiment bit-tnaqqis huma permessi fuq il-most għall-inbejjed ħomor. Ir-rata ta’ konċentrazzjoni parzjali hija stabbilita għal massimu ta’ 10 %. Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-prattiki enoloġiċi użati jridu jikkonformaw mar-regoli tal-UE u mal-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.

5.2.   Rendimenti massimi

1.

Inbejjed bojod bla gass

78 ettolitru għal kull ettaru

2.

Inbejjed ħomor u rożè bla gass

66 ettolitru għal kull ettaru

3.

Inbejjed bit-terminu “vin de paille”

20 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

a)

Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed isiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin fid-dipartiment ta’ Jura, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-sena 2021: Abergement-le-Grand, Arbois, Les Arsures, Mathenay, Mesnay, Molamboz, Montigny-lès-Arsures, Les Planches-près-Arbois, Pupillin, Saint-Cyr-Montmalin, Vadans u Villette-lès-Arbois.

b)

Għad-denominazzjoni ġeografika supplimentari “Pupillin”, l-għeneb jinħasad u l-inbejjed jiġu prodotti, żviluppati u mmaturati fil-muniċipalità li ġejja tad-dipartament ta’ Jura, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-sena 2021: Pupillin.

Il-mapep li jirrappreżentaw iż-żona ġeografika huma disponibbli fis-sit web tal-INAO.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

 

Chardonnay B

 

Pinot noir N

 

Poulsard N - Ploussard

 

Savagnin blanc B

 

Trousseau N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.   Deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti għar-rabta

Iż-żona ġeografika tokkupa t-tarf tal-Punent tal-massif ta’ Jura. Tifforma parti mir-reġjun naturali ta’ Revermont, li jmiss:

fil-Lvant, mal-ewwel plateau tal-ġebla tal-ġir ta’ Jura, b’altitudni medja ta’ 550 metru,

fil-Punent, lil hinn mill-pjanura, mat-tarf tal-Lvant tal-wied tettoniku ta’ Bresse.

Iż-żona ġeografika tkopri t-territorju ta’ 13-il muniċipalità fil-canton ta’ Arbois fid-dipartiment ta’ Jura.

L-irqajja’ tal-art demarkati preċiżament għall-ħsad tal-għeneb jitħawlu fuq l-inklinazzjonijiet fit-tarf tal-plateau ġeneralment esposti għall-Punent. Dawn jinsabu fuq inklinazzjonijiet ta’ lom jew tafal tal-perjodu Ġurassiku Bikri u dak Triassiku, iddominati mill-isporġenza kbira tal-ġebla tal-ġir safra tal-perjodu Ġurassiku Medju. Jokkupaw ukoll il-ftit għoljiet baxxi fil-qiegħ tal-muntanji prinċipali, iffurmati mill-istess tafal. L-irdum huwa magħmul minn kwantità kbira ta’ bċejjeċ tal-ġebel tal-ġir li jalimentaw u jrattbu l-lom sottostanti. Lokalment, it-tafal huwa mħallat ma’ “chailles”, residwi tas-silika li jirriżultaw mit-taħlil ta’ ċerti livelli ta’ ġebla tal-ġir. L-altitudni tal-irqajja’ tal-art tad-dwieli hija bejn 250 u 400 metru.

L-inbejjed eliġibbli għad-denominazzjoni ġeografika addizzjonali “Pupillin” huma prodotti biss fil-muniċipalità ta’ Pupillin, li tinsab fin-Nofsinhar ta’ Arbois. F’art imħarbta, b’ħafna bċejjeċ tal-ġebel tal-ġir, l-irqajja’ tal-art demarkati għall-ħsad tal-għeneb għandhom ħamrija żviluppata fuq lom ikanġi fond, tafli u kompatt ħafna.

Iż-żona ġeografika tgawdi minn klima oċeanika friska b’influwenzi kontinentali: dawn jinkludu firxa annwali wiesgħa ta’ temperaturi, b’medja ta’ 10,5 °C, u sjuf sħan u umdi. Fir-reġjun naturali ta’ Revermont tagħmel ħafna aktar xita milli fil-pjanura fil-viċin. Ix-xita annwali taqbeż l-1 000 millimetru, u mqassma b’mod ugwali matul is-sena kollha. Il-ħarifa normalment tkun xemxija u niexfa, iżda b'ħafna riħ.

Il-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona ġeografika, li jiddependu mill-karatteristiċi tas-sit (inklinazzjonijiet imkennija, skular naturali tal-ilma żejjed, espożizzjoni massima għax-xemx) huma essenzjali għat-tħawwil ta’ vinji f’din il-klima reġjonali diffiċli. Il-kenn li joffru l-irdumijiet partikolarment għoljin jipproteġi lill-vinji mir-riħ mit-Tramuntana u l-Lvant.

8.2.   Deskrizzjoni tal-fatturi umani rilevanti għar-rabta

Il-vinji ta’ Jura ilhom jeżisti mill-era Ċeltika. Hemm bosta referenzi għall-eżistenza tagħha mis-sena 1000 ’il quddiem. Mis-seklu 13 “il quddiem, in-nobbli ta’ Salins, Otto IV u s-suċċessuri tiegħu, imbagħad Filippu l-Kuraġġuż, Duka ta’ Bourgogne, kellhom f’idejhom parti kbira mill-vinji ta’ Arbois. Huma kkontribwew b’mod deċiżiv għall-iżvilupp ekonomiku tal-vinji billi ppromwovew l-inbejjed tagħha madwar l-Ewropa u fil-palazzi rjali.

Arbois huwa l-pajjiż ta’ oriġini ta’ Louis PASTEUR, spiss meqjus bħala ‘Missier l-Enoloġija’. Barra minn hekk, huwa kellu dielja ħdejn Arbois.

Meqruda mill-epidemija tal-Phylloxera fl-aħħar tas-seklu 19 u mbagħad affettwata mill-gwerer u l-kriżijiet ekonomiċi tas-seklu 20, il-vinji ġew restawrati bis-saħħa tar-rieda u l-għażliet tal-produtturi tagħha. Fl-1858, twaqqfet is-‘Société de viticulture d’Arbois’ (is-Soċjetà tal-Vitikultura ta’ Arbois), li l-għan tagħha kien li ‘jitħeġġu metodi tajbin ta’ kultivazzjoni tad-dwieli u l-produzzjoni tal-inbejjed...’.

L-ewwel kooperattiva tal-inbid Franċiża twaqqfet fl-1906 f’Arbois. Il-produtturi għalhekk ingħaqdu flimkien sabiex ikollhom għodod effettivi ta’ trasformazzjoni u trobbija, billi waqqfu dixxiplina komuni.

Fl-1908, ġie ffurmat is-‘Syndicat de défense viticole de l’appellation d’origine du canton d’Arbois’ (l-Assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-inbid tad-denominazzjoni ta’ oriġini tal-canton ta’ Arbois), li jorganizza l-ħruġ ta’ ċertifikat tal-oriġini għall-protezzjoni tal-vinja ta’ Arbois.

Matul il-ġenerazzjonijiet, il-produtturi għażlu tliet varjetajiet tipiċi ta’ Jura, il-varjetajiet savagnin B, poulsard N u trousseau N. Adottaw ukoll żewġ varjetajiet ta’ dwieli mill-vinji ġirien ta’ Bourgogne, jiġifieri l-varjetajiet chardonnay B u pinot noir N.

L-irqajja’ tal-art bid-dwieli mħawla fuq l-għoljiet, ħafna minnhom fuq inklinazzjoni wieqfa ħafna, wasslu biex il-produtturi wettqu affarijiet bħal xogħol bil-ktajjen, tgħarbil tal-ħamrija, tiswir tal-vinji mtarrġa, eċċ.

Il-produzzjoni tal-inbejjed bit-terminu ‘vin jaune’ hija karatteristika partikolari ta’ Jura b’oriġini li mhijiex ċara. Il-produtturi ta’ Jura rregolawha b’regoli stretti: l-għażla tal-varjetà savagnin B, il-preservazzjoni tal-iżvilupp naturali tar-razez mikrobiċi endoġeni fl-oriġini tal-‘kisja’, il-maturazzjoni mingħajr vojt, eċċ… L-għeneb jinħasad fl-aqwa maturità u mbagħad isir inbid abjad xott. L-inbid imbagħad jiġi mmaturat, mingħajr ma jitferra” sa fuq, għal minimu ta’ 6 snin f’bettija tal-ballut. Matul dan il-perjodu twil ta’ maturazzjoni, tiżviluppa kisja tal-ħmira b’mod naturali fuq il-wiċċ tal-inbid. Dan jiżgura l-ossidazzjoni kkontrollata matul il-maturazzjoni. Fl-aħħar nett, il-“vin jaune” jiġi ppakkjat fi flixkun oriġinali ta’ 62 ċentilitru msejjaħ “Clavelin”.

Il-produzzjoni tal-inbejjed bit-terminu “vin de paille” ukoll hija karatteristika partikolari ta’ Jura. Sabiex jinkisbu konċentrazzjonijiet għoljin ta’ zokkor fi klima pjuttost umda u kiesħa, isir tqaddid tal-għenieqed magħżula wara li jinqatgħu mid-dielja għal mill-inqas sitt ġimgħat. L-għenieqed jiddendlu ma’ wajers tal-ħadid, jew jitqiegħdu fuq kaxxi mtaqqba jew paraventi, maħżuna f’bini xott u ventilat iżda mhux imsaħħan. Imbagħad, għasir bil-mod b’rendiment baxx ta’ meraq jirriżulta f’most li għandu kontenut għoli ta’ zokkor li jiffermenta bil-mod.

Fl-2009, il-produzzjoni annwali tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Arbois”, li tkopri 820 ettaru, kienet ta’ madwar 15 000 ettolitru ta’ nbejjed ħomor jew rożè, 12 000 ettolitru ta’ nbejjed bojod, 1 000 ettolitru ta’ nbejjed bit-terminu “vin jaune” u 500 ettolitru ta’ nbejjed bit-terminu “vin de paille”. Minn 252 produttur li jaħsdu l-għeneb, 55 jagħmlu l-inbid mill-ħsad tagħhom stess u jipproduċu 60 % tal-inbejjed, 3 kooperattivi tal-inbid jipproduċu 30 % tal-produzzjoni tal-inbid u 7 negozjanti jixtru l-għeneb biex jipproduċu l-10 % li jifdal.

8.3.   Interazzjonijiet kawżali

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Arbois” huma marbuta b’mod partikolari ma’ rqajja’ tal-art demarkati speċifiċi b’ħamrija tal-lom (tafal u ġebla tal-ġir) miksija aktar minn bnadi oħra bi bċejjeċ tal-ġebel tal-ġir, iżda wkoll mal-inklinazzjoni tal-vinji u l-esponiment tagħhom. Id-dwieli fil-qiegħ dejjem ikunu għall-frisk u, fuq il-wiċċ, is-saffi jiffaċilitaw it-tisħin tal-ħamrija u l-iskular.

Il-produtturi kienu jafu fejn kellhom iħawlu l-varjetajiet biex ikunu fuq l-art preferuta tagħhom permezz ta’ osservazzjoni fit-tul. Il-varjetajiet trousseau N u savagnin B għandhom rekwiżiti tal-ħamrija stretti. L-ewwel waħda teħtieġ ħamrija sħuna ħafna biż-żrar, it-tieni waħda ħamrija ċagħqija ħafna fil-wiċċ, iżda b’ħafna frisk aktar fil-fond.

Il-kombinazzjoni ta’ dawn il-fatturi pedoloġiċi, topografiċi u mesoklimatiċi tagħti liż-żona ġeografika l-aħjar kundizzjonijiet għall-produzzjoni ta’ nbejjed bojod aromatiċi, b’togħma ta’ frott u minerali u bi freskezza li tiżgura potenzjal tajjeb ta’ maturazzjoni.

Il-vitikultur jiżgura ġestjoni ottimali tal-pjanta u kontroll tas-saħħa u l-potenzjal tal-produzzjoni riflessi fi prattiki ta’ rendiment ikkontrollati. Huwa jadotta prattiki li jgħinu fil-preservazzjoni tal-ħamrija (strixxi miksija bil-ħaxix, eċċ.) biex jiġu indirizzati r-riskji komuni ta’ erożjoni għall-vinji fuq inklinazzjonijiet weqfin u ħamrija tal-lom.

Għall-inbejjed bid-denominazzjoni ġeografika addizzjonali “Pupillin”, il-ħamrija tal-lom fonda u kompatta, b’inklinazzjonijiet weqfin ħafna, hija partikolarment favorevoli għall-produzzjoni tal-inbejjed ħomor, b’mod partikolari dawk miksuba mill-varjetà poulsard N.

Il-klima diffiċli taż-żona ġeografika minnha nnifisha għandha rwol fil-ħolqien tal-karatteristiċi partikolari tal-“vin jaune”. Il-firxa wiesgħa ta’ temperaturi bejn ix-xitwa u s-sajf, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ħmira tal-“kisja” li hija responsabbli għat-“togħma safra”. It-tradizzjoni tal-maturazzjoni fit-tul, mingħajr vojt, riflessa fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tiffaċilita l-wiri tal-karatteristiċi speċifiċi tal-“vin jaune”. Waqt il-maturazzjoni, l-aromi jikkonċentraw ruħhom u jsiru aktar kumplessi.

In-nixfa relattiva tar-riħ fil-ħarifa tiffavorixxi t-tqaddid tal-għeneb użat għall-produzzjoni tal-“vin de paille”. Il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni sal-15 ta’ Novembru tat-tielet sena wara s-sena tal-ħsad, li minnu mill-inqas 18-il xahar jitqattgħu fil-bettija, jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ aromi kumplessi u r-raffinar tal-inbejjed.

Fl-1285, l-inbid “d’Arbois” kien diġà magħruf ħafna, peress li, skont it-trovatur Jacques BRETEL, xorbu flimkien ma’ Henri DE BRIEY, il-Konti ta’ Chiny, li offrieh lill-mistednin tiegħu fit-turnew ta’ Chauvency.

Louis PASTEUR kien xtara dielja minn Arbois fejn wettaq esperimenti fuq il-fermentazzjoni, li temmew id-dibattitu bejnu u d-difensuri tat-teorija tal-“ġenerazzjoni spontanja”. Huwa wera wkoll li l-mikroflora lokali tikkontribwixxi għar-rabta, minn dejjem xi ftit misterjuża, bejn post u l-karatteristiċi tal-prodott tiegħu.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Żona fil-viċinanza immedjata

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, definita b’deroga għall-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed, hija kostitwita mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-sena 2021:

- Id-dipartiment ta’ Doubs: Arc-et-Senans, Bartherans, Brères, Buffard, By, Cademène, Cessey, Charnay, Châtillon-sur-Lison, Chay, Chenecey-Buillon, Chouzelot, Courcelles, Cussey-sur-Lison, Echay, Epeugney, Fourg, Goux-sous-Landet, Lavans-Quingey, Liesle, Lombard, Mesmay, Montrond-le-Château, Myon, Palantine, Paroy, Pessans, Quingey, Rennes-sur-Loue, Ronchaux, Rouhe, Rurey, Samson, Le Val;

- Id-dipartiment ta’ Jura: Abergement-le-Petit, Abergement-lès-Thésy, Aiglepierre, Aresches, Arlay, Augea, Augerans, Augisey, Aumont, Balanod, Bans, Barretaine, Baume-les-Messieurs, Beaufort-Orbagna, Belmont, Bersaillin, Besain, Biefmorin, Bletterans, Blois-sur-Seille, Blye, Bois-de-Gand, Bonnefontaine, Bornay, Bracon, Brainans, Briod, Buvilly, Cernans, Césancey, La Chailleuse (il-parti li tikkorrispondi għall-muniċipalità qadima ta’ Saint-Laurent-la-Roche biss), Chamblay, Chamole, Champagne-sur-Loue, Champrougier, La Chapelle-sur-Furieuse, Chapelle-Voland, La Charme, La Chassagne, Château-Chalon, La Châtelaine, Chatelay, Le Chateley, Châtillon, Chaumergy, Chaussenans, Chaux-Champagny, La Chaux-en-Bresse, Chemenot, Chêne-Sec, Chevreaux, Chille, Chilly-le-Vignoble, Chilly-sur-Salins, Chissey-sur-Loue, Clucy, Colonne, Commenailles, Condamine, Conliège, Cosges, Courbette, Courbouzon, Courlans, Courlaoux, Cousance, Cramans, Cuisia, Darbonnay, Desnes, Les Deux-Fays, Digna, Domblans, Dournon, Ecleux, L’Etoile, Fay-en-Montagne, La Ferté, Le Fied, Fontainebrux, Foulenay, Francheville, Frébuans, Frontenay, Geraise, Germigney, Geruge, Gevingey, Gizia, Grange-de-Vaivre, Graye-et-Charnay, Grozon, Hauteroche, Ivory, Ivrey, Ladoye-sur-Seille, Larnaud, Lavigny, Lemuy, Loisia, Lombard, Lons-le-Saunier, Le Louverot, La Loye, Macornay, Mantry, Marnoz, La Marre, Maynal, Menétru-le-Vignoble, Messia-sur-Sorne, Miéry, Moiron, Molain, Monay, Montagna-le-Reconduit, Montaigu, Montain, Montbarrey, Montholier, Montmarlon, Montmorot, Mont-sous-Vaudrey, Mouchard, Nance, Neuvilley, Nevy-sur-Seille, Nogna, Ounans, Oussières, Pagnoz, Pannessières, Passenans, Perrigny, Le Pin, Picarreau, Plainoiseau, Plasne, Poids-de-Fiole, Poligny, Pont-d’Héry, Pont-du-Navoy, Port-Lesney, Pretin, Publy, Quintigny, Recanoz, Relans, Repots, Revigny, Rosay, Rotalier, Ruffey-sur-Seille, Rye, Saint-Amour, Saint-Didier, Saint-Lamain, Saint-Lothain, Saint-Maur, Saint-Thiébaud, Sainte-Agnès, Saizenay, Salins-les-Bains, Santans, Sellières, Sergenaux, Sergenon, Souvans, Thésy, Thoissia, Toulouse-le-Château, Tourmont, Trenal, Les Trois-Châteaux, Val-d’Epy (il-parti li tikkorrispondi għall-muniċipalitajiet qodma ta’ Nantey, Val d’Epy u Senaud biss), Val-Sonnette, Vaudrey, Vaux-sur-Poligny, Verges, Véria, Vernantois, Le Vernois, Vers-sous-Sellières, Vevy, La Vieille-Loye, Villeneuve-d’Aval, Villeneuve-sous-Pymont, Villerserine, Villers-Farlay, Villers-les-Bois, Villevieux, Le Villey, Vincent-Froideville, Voiteur.

Żona fil-viċinanza immedjata

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Għad-denominazzjoni ġeografika addizzjonali “Pupillin”, iż-żona fil-viċinanza immedjata, definita b’deroga għall-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni, hija kostitwita mit-territorju tal-muniċipalitajiet imsemmija fil-punti IV(1)(a) u fil-punt IV(3)(a), minbarra l-muniċipalità ta’ Pupillin, li hija ż-żona ġeografika ta’ din id-denominazzjoni ġeografika.

Tikkettar

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Arbois” jista’ jiġi ssupplimentat bit-terminu tradizzjonali “vin de paille”.

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Arbois” jista’ jiġi ssupplimentat bit-terminu tradizzjonali “vin jaune”.

L-inbejjed bit-terminu “vin de paille” għandhom jiġu ppreżentati bilfors bl-indikazzjoni tas-sena inizjali.

Għall-inbejjed bid-denominazzjoni ġeografika addizzjonali “Pupillin”, l-isem tad-denominazzjoni ġeografika addizzjonali għandu jitniżżel wara l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta u jiġi stampat b’ittri, kemm fil-wisa’ kif ukoll fl-għoli, li d-daqs tagħhom ma jaqbiżx dak tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta.

It-tikkettar tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jista’ jispeċifika l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar, sakemm:

ikun post elenkat fir-reġistru tal-artijiet;

jidher fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad.

L-isem tal-post irreġistrat għandu jkun miktub b’ittri li d-daqs tagħhom, kemm fil-wisa’ kif ukoll fl-għoli, ma jkunx akbar minn nofs id-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta.

Ippakkjar

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Il-flixkun imsejjaħ “Clavelin” jew “flixkun tal- 'vin jaune'”, b’kapaċità ta’ madwar 62 ċentilitru, huwa riżervat biss għall-ippakkjar tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini bit-terminu tradizzjonali “vin jaune”.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-f3ff41c6-ac5a-4378-aec8-0837f4d9d8d6


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


Top