Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 52022XC1114(03)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2022/C 431/08

    C/2022/8071

    ĠU C 431, 14.11.2022, pagg. 26–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 431/26


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2022/C 431/08)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI/INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI

    Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

    “Emmental français est-central”

    Nru tal-UE: PGI-FR-9180-AM01 – 16.4.2021

    DOP ( ) IĠP (X)

    1.   Grupp applikant u interess leġittimu

    Syndicat des Fabricants et Affineurs d’Emmental Traditionnel (SFAET) [L-Unjoni tal-Produtturi u ta’ dawk li jieħdu ħsieb is-Sajran tal-Emmental]

    26 rue Proudhon – 25000 Besançon

    Tel. +33 381834613

    Email: emmentalgrandcru.labelrouge@gmail.com

    Il-grupp jikkonsisti mill-produtturi kollha tal-ħalib u l-produtturi kollha tal-ġobon inklużi fl-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Emmental français est-central”. Għalhekk għandu dritt leġittimu li jipproponi emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    2.   Stat membru jew pajjiż terz

    Franza

    3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Oħrajn: aġġornament tad-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u tal-grupp applikant, aġġornament tar-referenzi għall-korpi ta’ spezzjoni, aġġornament tar-rekwiżiti nazzjonali (il-punti ewlenin li jridu jiġu ċċekkjati).

    4.   Tip ta’ emenda/i

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti).

    5.   Emenda/i

    5.1.    Deskrizzjoni tal-prodott

    Għall-ġobon ippreżentat f’forma maħkuka, żdied dan li ġej: “meta jitqiegħed fil-borża, l-istrixxi tal-ġobon maħkuk iridu jkunu viżwalment separati u mhux magħquda flimkien f’ċapep.” Din is-sentenza tidher fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali, iżda fit-taqsima dwar il-prova li l-prodott joriġina fiż-żona ġeografika, li hija l-post il-ħażin għal aspett tad-deskrizzjoni tal-prodott.

    Il-paragrafu korrispondenti dwar il-forom differenti ta’ preżentazzjoni ġie emendat ukoll fid-Dokument Uniku u tressaq għall-punt 3.5.

    5.2.    Żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika, li tinkludi 13-il département fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali, tnaqqset għal 6 départements: Doubs, Haute-Marne, Haute-Saône, Jura, Territoire de Belfort u Vosges. Id-départements ta’ Ain, Côte d’Or, Haute-Savoie, Isère, Rhône, Saône-et-Loire u Savoie ma għadhomx jiffurmaw parti miż-żona ġeografika.

    Dan it-tiċkin taż-żona ġeografika jagħmilha possibbli li tissaħħaħ ir-rabta tal-IĠP mat-territorju, peress li ż-żona ġeografika mċekkna hija kkaratterizzata minn kundizzjonijiet klimatiċi aktar omoġenji.

    Mill-2006 ’l hawn, l-operaturi kollha awtorizzati biex jipproduċu l-ħalib u biex jagħmlu u jieħdu ħsieb is-sajran tal-“Emmental français est-central” jinsabu fiż-żona ġeografika mċekkna kif definita fl-emenda proposta għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.

    5.3.    Prova tal-oriġini

    Is-sentenza “Kwalunkwe operatur li jixtieq ikun involut fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kollha jew f’parti minnha jrid jinforma lill-grupp sabiex jiġi awtorizzat, ħaġa li trid issir qabel ma ssir l-ebda produzzjoni” żdiedet fil-bidu tat-taqsima biex tfakkar lill-operaturi kollha bl-obbligu tagħhom li jagħmlu l-identità tagħhom magħrufa qabel jibdew il-produzzjoni ħalli jkunu jistgħu jiġu spezzjonati mill-korpi ta’ spezzjoni. Din iż-żieda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    5.4.    Metodu ta’ produzzjoni

    5.4.1.   Produzzjoni tal-ħalib – għalf tal-merħla li tipproduċi l-ħalib

    5.4.1.1.   Tipi pprojbiti ta’ għalf

    L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali tipprojbixxi l-għoti ta’ ċerti tipi ta’ għalf lill-merħla li tipproduċi l-ħalib (baqar li jreddgħu u baqar li ma jipproduċux ħalib). Żdiedet projbizzjoni fuq għalf li fih materja prima, addittivi u għajnuniet għall-ipproċessar derivati minn organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM). Il-preżenza ta’ materja prima u addittivi derivati minn OĠM fl-għalf mogħti lill-merħla li tipproduċi l-ħalib tirrappreżenta riskju dirett jew indirett għas-saħħa tal-konsumaturi u għall-ambjent.

    Ġiet introdotta wkoll projbizzjoni fuq “prodotti dderivati miż-żejt tal-palm u l-qlub tal-ġewż tal-palm fi kwalunkwe forma”, peress li dawn il-prodotti ma humiex meqjusa xierqa minħabba l-kontroversja madwarhom.

    Barra minn hekk, sabiex titneħħa kull ambigwità mill-formulazzjoni, issa ġie speċifikat li t-tipi ta’ għalf elenkati huma pprojbiti kemm fl-għalf bażiku kif ukoll fl-għalf supplimentari.

    Dawn l-emendi kollha saru wkoll fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

    5.4.1.2.   Għalf bażiku

    L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali tipprovdi li l-għalf bażiku għall-merħla li tipproduċi l-ħalib huwa bbażat fuq il-ħaxix u l-ħuxlief. L-annimali jridu jiġu mrobbija f’konformità maċ-ċikli tradizzjonali tal-alternazzjoni bejn ir-ragħa u ż-żamma fl-istalla.

    Ġie miżjud li l-għalf bażiku jinkludi, minbarra l-ħaxix, il-ħuxlief u l-ħuxlief tat-tieni qatgħa, il-foraġġ aħrax kollu mqassam jew aħdar jew niexef. Jinkludi wkoll it-tuberi u l-pitravi tal-pjanti. Madankollu, il-foraġġ imqassam ma jistax ikun fil-lista ta’ tipi pprojbiti ta’ għalf.

    Din l-emenda saret ukoll fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

    Ġie speċifikat li l-proporzjon ta’ 50 % tar-razzjon totali pprovdut mill-ħaxix u l-ħuxlief għandu jinftiehem li jfisser il-perċentwal minimu tal-materja niexfa fir-razzjon totali pprovdut mill-għalf bażiku.

    Din l-emenda saret ukoll fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

    Żdied ukoll li 100 % tal-foraġġ li jikkostitwixxi l-għalf bażiku tal-baqar li jipproduċu l-ħalib irid jiġi miż-żona ġeografika tal-IĠP. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-applikazzjoni għal emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa li tissaħħaħ ir-rabta bejn il-prodott u t-territorju tiegħu. Il-karatteristiċi organolettiċi huma influwenzati mill-mikroflora fil-ħalib. Il-bijodiversità ta’ din il-mikroflora stess tiddependi fuq in-natura tal-mergħat u tal-foraġġ imqassam lill-annimali. Il-ħalib mill-mergħat fiż-żona ġeografika huwa kkaratterizzat minn kontenut ta’ proteini ogħla mill-medja għal Franza. Din il-karatteristika speċifika hija msaħħa mill-fatt li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ foraġġ minn barra ż-żona ġeografika.

    Din l-emenda saret fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

    It-terminu “żamma fl-istalla” jista’ jiġi interpretat b’modi differenti. Ġie ssostitwit bil-kliem “alloġġ tal-annimali” fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    5.4.1.3.   Ragħa

    L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali teħtieġ perjodu minimu ta’ ragħa ta’ 5 xhur. Dan ir-rekwiżit żdied għal 6 xhur. Żdied ukoll li, matul il-perjodu tar-ragħa, kull azjenda jrid ikollha mill-inqas 0,30 ettari miksija bil-ħaxix, ikkunsmat frisk, għal kull baqra li tredda’, li minnhom mill-inqas 0,20 ettari jkunu aċċessibbli mill-post tal-ħlib u jintużaw għar-ragħa.

    Ir-ragħa obbligatorju u l-aħjar użu mill-mergħat huma element ewlieni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-mergħa hija kkaratterizzata minn diversità botanika u mikrobika wiesgħa. Iż-żamma taċ-ċikli tradizzjonali tar-ragħa u tal-produzzjoni tal-ħuxlief tikkontribwixxi għal din il-bijodiversità.

    Dawn l-emendi saru fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

    5.4.1.4.   Tagħlif mill-maxtura

    Żdiedet dispożizzjoni mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali (li tispeċifika li meta annimali oħra għajr il-baqar li jipproduċu l-ħalib ikunu preżenti fl-istess maqjel (l-istess bini) u dawn jiġu mitmugħa għalf li ma huwiex awtorizzat għall-baqar li jipproduċu l-ħalib, dawn l-annimali għandhom jinżammu f’kamra separata fi ħdan il-maqjel.

    L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tipprojbixxi l-għoti bħala għalf ta’ diversi tipi ta’ materja prima lill-merħla li tipproduċi l-ħalib, u teħtieġ li l-merħla li tipproduċi l-ħalib tinżamm separata minn merħliet oħra fir-razzett, b’mod partikolari fil-livell tal-bini tal-bhejjem. Din id-dispożizzjoni tiżgura b’mod partikolari li l-għalf imqassam lill-merħla tal-ħalib ma jiġix ikkontaminat minn materja prima pprojbita, b’mod partikolari prodotti ffermentati, u tagħmel l-ispezzjoni aktar faċli.

    Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    5.4.1.5.   Arranġamenti għat-tqassim tal-għalf

    L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiddikjara li l-foraġġ niexef (il-ħuxlief, il-ħuxlief tat-tieni qatgħa) maħsub għall-baqar li jipproduċu l-ħalib (inklużi l-baqar li ma jipproduċux ħalib) ma għandux jixxarrab qabel jew waqt it-tqassim. Fejn jitqassmu tuberi jew pitravi lill-baqar li jipproduċu l-ħalib, dak kollu li ma jittikilx irid jitneħħa fi żmien 24 siegħa mit-tqassim.

    Din il-kjarifika żdiedet ukoll fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

    5.4.1.6.   Għalf supplimentari

    Ġie speċifikat li, ħlief għall-melassa u l-vinassa tal-pitravi, l-għalf supplimentari irid jitqassam f’forma disidratata jew inerta.

    Din it-taqsima telenka l-materja prima u l-addittivi li huma awtorizzati biex jiffurmaw parti mill-għalf supplimentari tal-merħla li tipproduċi l-ħalib. Il-klassifikazzjoni ġiet emendata biex tikkorrispondi man-nomenklatura tal-leġiżlazzjoni Ewropea fis-seħħ (ir-Regolament (UE) Nru 68/2013). L-intestaturi tal-kategoriji ġew emendati skont dan.

    Il-kategorija li qabel kienet imsejħa “1- Ħbub tal-qamħ: il-prodotti u l-prodotti sekondarji tagħhom” ġiet sostitwita bil-kategorija “1- Ħbub taċ-ċereali u prodotti dderivati minnhom” f’konformità man-nomenklatura fis-seħħ. Is-sorgu żdied mal-lista ta’ materja prima attwalment awtorizzata. Is-sorgu huwa alternattiva għall-qamħirrum u ma għandux kontraindikazzjonijiet għall-użu bħala għalf għall-merħliet li jipproduċu l-ħalib.

    Isem il-kategorija li qabel kienet imsejħa “2- Żrieragħ taż-żejt jew frott taż-żejt, il-prodotti u l-prodotti sekondarji tagħhom” inbidel għal “2- Żrieragħ taż-żejt, frott taż-żejt u prodotti derivati minnhom” f’konformità man-nomenklatura fis-seħħ. Iż-żejt tal-palm tneħħa mil-lista ta’ tipi ta’ materja prima attwalment awtorizzati fil-forma ta’ żrieragħ, żejt jew pasta taż-żrieragħ żejtnin.

    Ġie speċifikat li l-materja prima awtorizzata kollha tista’ tiġi inkluża fil-forma ta’ żjut u xaħmijiet.

    Isem il-kategorija li qabel kienet imsejħa “3- Żrieragħ tal-legumi” nbidel għal “3- Żrieragħ tal-legumi u prodotti derivati minnhom” f’konformità man-nomenklatura fis-seħħ.

    Isem il-kategorija li qabel kienet imsejħa “4- Prodotti mill-produzzjoni taz-zokkor” inbidel għal “4- Tuberi, għeruq u prodotti derivati minnhom” f’konformità man-nomenklatura fis-seħħ. Dawn li ġejjin żdiedu mal-lista tat-tipi ta’ materja prima attwalment awtorizzati:

    vinassa likwida tal-pitravi;

    polpa disidratata tal-pitravi (diġà hija awtorizzata taħt il-kategorija “6- Għalf deidratat” fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali) u polpa tat-tuberi deidratata;

    proteini tal-patata.

    Il-proteini tal-patata diġà huma awtorizzati f’taqsima oħra tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali.

    Il-materja prima “kannamiela” issa ġiet inkluża taħt il-kategorija “7- Pjanti oħra, alka u prodotti derivati minnhom”.

    Isem il-kategorija li qabel kienet imsejħa “5- Foraġġ deidratat” inbidel għal “6- Foraġġi u għalf oħxon, u prodotti derivati minnhom” f’konformità man-nomenklatura fis-seħħ. Il-ħaxix u l-legumi disidratati żdiedu mal-lista ta’ tipi ta’ materja prima attwalment awtorizzati. Il-ħuxlief tal-ħaxix u l-ħuxlief leguminuż diġà huma awtorizzati bħala għalf għall-merħliet li jipproduċu l-ħalib skont l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali. Din l-awtorizzazzjoni ġiet estiża għal dawk l-istess tipi ta’ foraġġ f’forma disidratata jew fil-forma ta’ prodotti derivati f’konċentrati ta’ proteini.

    Isem il-kategorija li qabel kienet imsejħa “6- Pjanti oħra, il-prodotti u l-prodotti sekondarji tagħhom” inbidel għal “7- Pjanti oħra, alka u prodotti derivati minnhom” f’konformità man-nomenklatura fis-seħħ.

    Il-Kategorija 7 u t-tabella tal-addittivi awtorizzati skont l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali ġew sostitwiti bit-tliet intestaturi ġodda li ġejjin sabiex jiġu allinajti man-nomenklatura Ewropea fis-seħħ:

    Kategorija 11: Minerali u prodotti derivati minnhom;

    Kategorija 12: Prodotti u prodotti sekondarji tal-fermentazzjoni tal-mikroorganiżmi – ara l-emenda 13 għall-vinassa;

    Addittivi u għajnuniet għall-ipproċessar (ara l-lista simplifikata ta’ addittivi awtorizzati mir-Regolamenti (KE) Nru 1831/2003 u (UE) 2019/962).

    Dawn l-emendi, li ma jibdlux il-karatteristiċi tal-prodott, ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.

    5.4.1.7.   Reġimi tat-tagħlif għall-baqar li jipproduċu l-ħalib

    Ir-reġimi tat-tagħlif ġew aġġornati f’konformità mal-bidliet spjegati hawn fuq:

    żieda fil-ħin minimu tar-ragħa minn 5 xhur għal 6 xhur;

    sostituzzjoni tal-frażi “ħaxix u/jew ħuxlief u/jew ħuxlief tat-tieni qatgħa” b’“għalf bażiku”.

    Il-frażi “biex l-annimali jibqgħu f’saħħithom” tħassret peress li ma kinitx meħtieġa.

    Din l-emenda, li ma tibdilx il-karatteristiċi tal-prodott, ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    5.4.2.   Fabbriki tal-ġobon – Il-ħażna u l-ġbir tal-ħalib

    Is-sentenzi “Il-ħalib miġbur mill-fabbriki tal-ġobon irid ikun traċċabbli. Irid ikun hemm reġistru tal-ġbir li jinżamm aġġornat mill-fabbrika tal-ġobon.” tħassru peress li ma jappartjenux għat-taqsima dwar “Il-metodu tal-produzzjoni”.

    Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    5.4.3.   Fabbriki tal-ġobon – Katina tal-produzzjoni

    Is-sentenza “L-impjanti tal-produzzjoni jridu jkunu jinsabu fiż-żona ġeografika definita fil-punt 3.” tħassret peress li hija repetizzjoni ta’ rekwiżit fit-taqsima dwar id-definizzjoni taż-żona ġeografika.

    Is-sentenza “Il-ħalib użat għall-produzzjoni jrid jiġi minn azjendi awtorizzati li jikkonformaw mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.” tħassret peress li hija repetizzjoni ta’ rekwiżit fit-taqsima dwar il-prova li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika.

    Il-paragrafu “Sabiex tkun tista’ tiġi ċċekkjata fi kwalunkwe ħin, it-traċċabbiltà tal-produzzjoni tal-‘Emmental français est-central” trid tiġi żgurata sabiex l-oriġini tal-ħalib użat tkun magħrufa u l-prodott ikun jista’ jiġi mmonitorjat fl-istadji kollha tal-produzzjoni. Is-sistema trid tagħmilha possibbli wkoll li l-ġobnijiet prodotti jiġu identifikati aktar ’il quddiem.” tħassar mit-taqsima “Il-metodu tal-produzzjoni” u tmexxa għat-taqsima dwar il-prova li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika, għax dan jidher aktar xieraq.

    Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.

    5.4.4.   Fabbriki tal-ġobon – Produzzjoni

    It-test ġie ċċarat biex jiġi kkonfermat li kull preżervattiv għajr il-melħ huwa pprojbit.

    Żdiedet l-istipulazzjoni li l-ebda wieħed mill-ingredjenti u l-għajnuniet għall-ipproċessar ma jista' jkun idderivat minn organiżmi ġenetikament modifikati. Dan huwa ġġustifikat minn valutazzjoni li għadha ma tlestietx tar-riskji għall-konsumatur u għall-ambjent.

    It-tul massimu ta’ ħin li għalih trid tinżamm it-temperatura tal-baqta (90 minuta) tħassar minħabba li ma għandu l-ebda sinifikat teknoloġiku jew kwalitattiv.

    Il-paragrafu “Ir-rekwiżiti kollha relatati mal-kundizzjonijiet għall-ġbir, ir-riċeviment u l-ħażna tal-ħalib fil-fabbrika tal-ġobon u l-produzzjoni tal-ġobon iridu jiġu kkontrollati u mmonitorjati mill-persuna responsabbli għall-produzzjoni. L-iskedi kollha ta’ reġistrazzjoni tal-produzzjoni jridu jinżammu għal perjodu ta’ 3 snin.” tħassar mit-taqsima “Il-metodu tal-produzzjoni” u tmexxa għat-taqsima dwar il-prova li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika, għax dan jidher aktar xieraq.

    Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.

    5.4.5.   Faċilitajiet tas-sajran – Tul tas-sajran tal-ġobon

    Is-sentenza “Il-faċilitajiet tas-sajran iridu jkunu jinsabu fiż-żona ġeografika definita fil-punt 3.” tħassret peress li hija repetizzjoni ta’ rekwiżit fit-taqsima dwar id-definizzjoni taż-żona ġeografika.

    Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    5.5.    Rabta

    It-taqsima “Elementi li jiġġustifikaw ir-rabta maż-żona ġeografika” ġiet riformulata kompletament sabiex din ir-rabta tiġi enfasizzata aħjar b’mod aktar konċiż.

    Żdiedet is-sentenza introduttorja “Ir-rabta mal-oriġini tal-‘Emmental français est-central’ hija bbażata fuq il-kwalità speċifika tiegħu.”.

    Ir-referenza għall-massif Alpin tneħħiet peress li dan ma għadux parti miż-żona ġeografika ddefinita.

    In-natura speċifika tal-prodott tinkludi l-elementi stabbiliti fit-taqsima “Deskrizzjoni tal-prodott”.

    Din ir-riformulazzjoni, li ma tibdilx ir-rabta, taffettwa wkoll id-Dokument Uniku.

    5.6.    Tikkettar

    F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, żdied ir-rekwiżit li l-isem tal-prodott u l-logo tal-UE jidhru fl-istess kamp viżiv. Għal dak il-għan, is-sentenza “Minbarra l-informazzjoni obbligatorja meħtieġa mir-regoli dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tikkettar irid juri l-isem irreġistrat tal-prodott u l-logo tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea fl-istess kamp viżiv.” issostitwiet is-sentenza “Id-denominazzjoni ‘Emmental français est-central’ u l-logo Ewropew tal-IĠP huma obbligatorji fuq it-tikkettar tal-ġobon maħsub għall-bejgħ lill-konsumaturi.”

    Din il-kjarifika saret ukoll fid-Dokument Uniku.

    5.7.    Oħrajn

    Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u tal-grupp applikant ġew aġġornati. Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    Korpi ta’ spezzjoni:

    L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ ċertifikazzjoni tħassru b’applikazzjoni tal-istruzzjonijiet applikabbli fil-livell nazzjonali sabiex jiġi armonizzat il-kliem tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodotti.

    Taħt din l-intestatura, issa qed jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet responsabbli għall-ispezzjonijiet nazzjonali, jiġifieri l-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO) u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Prevenzjoni tal-Frodi (DGCCRF).

    L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp taċ-ċertifikazzjoni issa jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-INAO u fil-bażi tad-data tal-Kummissjoni Ewropea.

    Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    Fir-rekwiżiti nazzjonali, l-obbligi l-ġodda tar-ragħa żdiedu mat-tabella li fiha l-punti ewlenin li jridu jiġu ċċekkjati. Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    DOKUMENT UNIKU

    “Emmental français est-central”

    Nru tal-UE: PGI-FR-9180-AM01 – 16.4.2021

    DOP ( ) IĠP (X)

    1.   Isem/Ismijiet

    “Emmental français est-central”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Franza

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.3. Ġobon

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    Ġobon tal-ħalib tal-baqra nej, imsajjar, ippressat u mmellaħ b’fetħiet li jvarjaw mid-daqs ta’ ċirasa sa dak ta’ ġewża, li fih minimu ta’ 45 % xaħam fil-materja niexfa, li jirrappreżenta mill-inqas 62 g f’100 g ġobon. Il-pejst għandu kwalità ratba u li tinħall fil-ħalq. Il-qoxra iebsa u niexfa, u ta’ kulur minn isfar dehbi sa kannella ċar. Il-ġobon jitħalla jsir għal mill-inqas 12-il ġimgħa mid-data tal-produzzjoni sakemm joħroġ mill-kantina.

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    L-għalf bażiku għall-merħla jikkonsisti minn ħaxix, ħuxlief u ħuxlief tat-tieni qatgħa kif ukoll il-foraġġ aħrax kollu li ma huwiex inkluż fil-lista ta’ tipi pprojbiti ta’ għalf.

    L-għalf bażiku jrid jammonta għal mill-inqas 50 % tal-materja niexfa fir-razzjon tal-ikel totali, inkluż matul il-perjodu tar-ragħa.

    Ir-ragħa huwa obbligatorju għal mill-inqas 6 xhur biex tinżamm ir-rabta mal-mergħat taż-żona ġeografika.

    100 % tal-foraġġ li jikkostitwixxi l-għalf bażiku għall-baqar li jipproduċu l-ħalib irid jiġi miż-żona ġeografika.

    Matul il-perjodu tar-ragħa, kull azjenda jrid ikollha mill-inqas 0,30 ettari miksija bil-ħaxix, ikkunsmat frisk, għal kull baqra li tredda’, li minnhom mill-inqas 0,20 ettari jkunu aċċessibbli mill-post tal-ħlib u jintużaw għar-ragħa.

    Id-densità tal-bhejjem tal-merħla li tipproduċi l-ħalib ma għandhiex taqbeż 1,6 unitajiet ta’ bhejjem li jipproduċu l-ħalib għal kull ettaru taż-żona tal-foraġġ allokata lill-merħla li tipproduċi l-ħalib, inklużi ċereali kkunsmati fl-azjenda stess.

    Il-prodotti ffermentati huma pprojbiti sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni minn spori ta’ batterji tal-aċidu butiriku li jistgħu jibdlu l-kwalitajiet tal-ġobon.

    Il-foraġġ niexef maħsub għall-baqar li jipproduċu l-ħalib ma għandux jixxarrab qabel jew waqt it-tqassim.

    Fejn jitqassmu tuberi jew pitravi lill-baqar li jipproduċu l-ħalib, dak kollu li ma jittikilx irid jitneħħa fi żmien 24 siegħa mit-tqassim.

    L-għalf supplimentari ma jistax jammonta għal aktar minn 50 % tal-materja niexfa fir-razzjon tal-ikel totali imqassam lill-baqar li jipproduċu l-ħalib.

    Dawn li ġejjin huma pprojbiti mid-dieta tal-annimali s-sena kollha (kemm fl-għalf bażiku kif ukoll fl-għalf supplimentari):

    prodotti ta’ silaġġ fil-forma ta’ għalf iffermentat u balal ta’ foraġġ li jkunu ġew imgeżwra, biex jinħolqu kundizzjonijiet anaerobiċi;

    tipi ta’ għalf li jaffettwaw b’mod negattiv ir-riħa tal-ħalib;

    xorrox likwidu;

    ilbieba mhux disidratata, frott, fdalijiet ta’ frott jew ħxejjex użati bħala ikel għall-annimali u polpa;

    prodotti dderivati miż-żejt tal-palm u l-qlub tal-ġewż tal-palm fi kwalunkwe forma;

    preservattivi tal-ħuxlief għajr il-klorur tas-sodju;

    għalf li fih materja prima, addittivi u għajnuniet għall-ipproċessar derivati minn organiżmi ġenetikament modifikati.

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-produzzjoni tal-ħalib, il-proċess tal-produzzjoni tal-ġobon u s-sajran iridu jsiru fiż-żona ġeografika.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    Il-ġobon jiġi fil-forom li ġejjin:

    roti sħaħ (minn 60 kg sa 130 kg – b’dijametru minn 0,70 m sa 1 m – għoli ta’ mill-inqas 14-il cm fil-ġnub) jew biċċiet (¼ ta’ rota, ⅛ ta’ rota, eċċ.), blokok u sezzjonijiet trażversali twal (longes), jew

    porzjonijiet u biċċiet, jew

    porzjonijiet żgħar ħafna, jew

    maħkuk (meta jitqiegħed fil-borża, l-istrixxi tal-ġobon maħkuk iridu jkunu viżwalment separati u mhux magħquda flimkien f’ċapep).

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Minbarra l-informazzjoni obbligatorja meħtieġa mir-regoli dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tikkettar irid juri l-isem irreġistrat tal-prodott u l-logo tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea fl-istess kamp viżiv.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika tikkonsisti fid-départements li ġejjin: Doubs, Haute-Marne, Haute-Saône, Jura, Territoire de Belfort u Vosges.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    Ir-rabta mal-oriġini tal-“Emmental français est-central” hija bbażata fuq il-kwalità speċifika tiegħu.

    Iż-żona tal-produzzjoni tradizzjonali tal-“Emmental français est-central” tinsab fuq żewġ ktajjen ta’ muntanji (il-Vosges u l-Jura) li jiffurmaw dak li hu magħruf bħala r-reġjun “Lvant Ċentrali” [“Est-central”].

    Dawn il-ktajjen ta’ muntanji huma kkaratterizzati minn xtiewi twal u kesħin, sjuf sħan u relattivament xotti, u ammont abbundanti ta’ xita b’ħafna jiem ta’ xita. Din il-klima hija partikolarment adattata għall-produzzjoni ta’ ħaxix u ħuxlief ta’ kwalità għolja (kontenut għoli ta’ proteini u aċidi xaħmin).

    Il-mergħat fir-reġjun tal-Lvant Ċentrali ta’ Franza għandhom diversità botanika u mikrobika kbira.

    Din id-diversità hija ppreservata mill-prattiki agronomiċi tal-produtturi tal-ħalib, b’mod partikolari biż-żamma taċ-ċikli tradizzjonali tar-ragħa u tal-produzzjoni tal-ħuxlief.

    Il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi diffiċli f’dan ir-reġjun jagħmluh idealment adattat għat-trobbija tal-baqar li jipproduċu l-ħalib, li jagħmlu użu tajjeb mill-ħaxix u l-għalf prodott mill-mergħat tiegħu.

    Fil-Medjuevu, l-arti tal-produzzjoni ta’ roti kbar tal-ġobon ipprovdiet soluzzjoni għall-preservazzjoni tal-provvista abbundanti ta’ ħalib sajfi matul ix-xitwa.

    Gradwalment, peress li l-produzzjoni ta’ dawn il-ġobnijiet kienet teħtieġ volumi kbar ta’ ħalib (sa 900 litru ħalib għal kull rota), il-produtturi waqqfu kooperattivi biex jiġbru flimkien il-ħalib tagħhom. Ir-reġjun tal-Lvant Ċentrali huwa magħruf għall-kooperattivi tiegħu tal-produzzjoni tal-ġobon, li jissejħu “fruitières”.

    Illum, il-fabbriki tal-ġobon għadhom jiffurmaw parti integrali mill-wirt reġjonali minħabba r-relazzjoni mill-qrib tagħhom mal-art, u jgħinu jmantnu l-attività ekonomika u soċjali fil-muniċipalitajiet rurali tar-reġjun Lvant Ċentrali ta’ Franza.

    L-“Emmental français est-central” huwa ġobon tal-ħalib tal-baqra nej, imsajjar, ippressat u mmellaħ b’fetħiet li jvarjaw mid-daqs ta’ ċirasa sa dak ta’ ġewża. Il-pejst għandu kwalità ratba u li tinħall fil-ħalq. Il-qoxra iebsa u niexfa, u ta’ kulur minn isfar dehbi sa kannella ċar. Il-ġobon jitħalla jsir għal mill-inqas 12-il ġimgħa mid-data tal-produzzjoni sakemm joħroġ mill-kantina. Huma ġobnijiet kbar (minn 60 kg sa 130 kg – b’dijametru minn 0,70 m sa 1 m – għoli ta’ mill-inqas 14-il cm fil-ġnub).

    Dawn huma l-karatteristiċi mfittxija waqt l-għażla finali mwettqa minn dawk li jieħdu ħsieb is-sajran abbażi tal-għarfien tradizzjonali.

    Il-kwalità speċifika tal-“Emmental français est-central” hija dovuta għall-għalf tal-merħla tal-baqar li jipproduċu l-ħalib u l-obbligu tar-ragħa (għal mill-inqas 6 xhur), li joħloq rabta qawwija bejn l-“Emmental français est-central” u d-diversi żoni li jiffurmaw ir-reġjun tal-Lvant Ċentrali.

    L-għalf bażiku tal-baqar li jipproduċu l-ħalib jiġi esklużivament miż-żona ġeografika: ħaxix matul il-perjodu tas-sajf, u ħuxlief u foraġġ aħrax matul ix-xitwa. Għalhekk, l-għalf lokali mogħti lill-baqar jirriżulta prinċipalment mir-rispett taċ-ċikli tradizzjonali tar-ragħa u l-produzzjoni tal-ħuxlief, li jgħin biex jiġu ppreservati l-bijodiversità tal-mergħat iżda wkoll il-bijodiversità mikrobika tal-ħalib.

    Il-karatteristiċi organolettiċi tal-“Emmental français est-central” huma influwenzati mill-flora tal-mergħat u speċjalment mill-mikroflora tal-ħalib, li jrid jintuża nej. Għalhekk il-ħalib mill-mergħat tar-reġjun Lvant Ċentrali għandu kontenut ogħla ta’ proteini, li huwa essenzjali biex isir il-ġobon.

    Barra minn hekk, il-projbizzjoni fuq l-użu tal-għalf iffermentat (silaġġ u balal imgeżwra u tondi tal-ħuxlief) u tal-għalf supplimentari minn pjanti jfuħu (Cruciferae, eċċ.) tipprevjeni l-okkorrenza ta’ fermentazzjoni butirika u aċidità fil-ħalib u aktar tard fil-ġobon, u tipprevjeni togħmiet u rwejjaħ li ma humiex pjaċevoli għall-konsumaturi.

    Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ fermentazzjoni butirika minħabba l-kwalità tal-ħalib u l-lipoliżi limitata minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħażna tal-ħalib miġbur jippermettu li l-prodott isir għal perjodu itwal u jżomm aħjar.

    Dawn il-prekawzjonijiet huma essenzjali biex jippermettu li r-roti kbar ta’ ġobon imsajjar u ppressat magħmul minn ħalib nej isiru fil-kantini għal perjodu twil ta’ żmien (mill-inqas 12-il ġimgħa għall-kuntrarju ta’ 6 ġimgħat għall-Emmental Franċiż standard), skont it-tradizzjoni.

    Il-proċess tas-sajran jikkonsisti fi tliet stadji, inkluża fażi intermedja f'kantini sħan li matulha jiġu ffurmati l-fetħiet karatteristiċi fil-pejst. Dawn il-fetħiet huma separati minn xulxin, għandhom forma sferika għal ovali, imqassma tajjeb, regolari u definiti sew, li jvarjaw mid-daqs ta’ ċirasa għal dak ta’ ġewża.

    Il-proteoliżi aktar pronunzjata, li tirriżulta minn sajran fit-tul, hija r-raġuni għat-togħma tipika nadifa u ta’ frott.

    Fi tmiem il-proċess tas-sajran, huwa f’idejn min jieħu ħsieb is-sajran biex jagħżel il-ġobon abbażi ta’ diversi punteġġi relatati mal-karatteristiċi organolettiċi tal-IĠP “Emmental français est-central”, bħall-fetħiet, il-pejst, it-togħma u l-aroma.

    Il-perjodu ta’ maturazzjoni ta’ 12-il ġimgħa, flimkien mal-kwalitajiet intrinsiċi tal-ħalib użat, huwa għalhekk l-aktar fattur importanti li jagħti lill-“Emmental français est-central” il-karatteristiċi tiegħu. Il-maestrija tat-tliet fażijiet tas-sajran flimkien ma’ proċess ta’ għażla bir-reqqa minn dawk li jieħdu ħsieb is-sajran fl-aħħar ta’ dan l-istadju jikkontribwixxu għall-karatteristiċi tipiċi tal-prodott, li huwa kkaratterizzat prinċipalment minn qoxra iebsa u niexfa, ta’ kulur isfar dehbi sa kannella ċar, pejst artab u li jdub fil-ħalq u fetħiet li jvarjaw mid-daqs ta’ ċirasa għal dak ta’ ġewża.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

    https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-17d4b020-03b3-42af-88ee-d9124b73b41b


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    In alto