EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC1024(02)

Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 2022/C 407/06

PUB/2022/1081

ĠU C 407, 24.10.2022, p. 11–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 407/11


Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014

(2022/C 407/06)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 6b(5) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

Komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta li toriġina fi Stat Membru

(ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012)

“Χαλλούμι / Halloumi / Hellim”

Nru tal-UE: PDO-CY-01243-AM01 – 1.8.2022

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem tal-prodott

“Χαλλούμι / Halloumi / Hellim”

2.   Stat membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Ċipru

3.   Awtorità tal-istat membru li tikkomunika l-emenda standard

Dipartiment tal-Agrikoltura – Ministeru tal-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

4.   Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i

F’konformità mad-Dokument Uniku u mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, u mad-data xjentifika li tappoġġahom, l-emendi approvati la jaffettwaw il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u/jew organolettiċi tal-prodott u lanqas ir-rabta tiegħu maż-żona ġeografika. Dan jintwera wkoll mill-fatt li l-karatteristiċi tal-prodott, li huma deskritti fid-Dokument Uniku u fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u li essenzjalment huma attribwibbli għall-karatteristiċi tal-ħalib tal-mogħoż u tan-nagħaġ, huma assoċjati mat-tip ta’ ħalib u huma marbuta miegħu, jiġifieri l-ħalib tal-mogħoż u tan-nagħaġ, mhux mal-ħalib ta’ razez speċifiċi. Barra minn hekk, xi wħud mill-karatteristiċi tal-ħalib tal-mogħoż u tan-nagħaġ, li kif deskritt fid-Dokument Uniku u fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, jaffettwaw il-karatteristiċi tal-Χαλλούμι (Halloumi) / Hellim, jirriżultaw mill-konsum tal-flora lokali, kemm jekk friska kif ukoll jekk imnixxfa. Madankollu, ma hemm l-ebda indikazzjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jew fid-Dokument Uniku, jew xi data xjentifika, li torbot il-karatteristiċi tal-Χαλλούμι (Halloumi) / Hellim ma’ tip partikolari ta’ għalf u/jew ma’ perċentwal ta’ għalf mogħti u/jew ma’ kombinazzjoni ta’ razza speċifika (nagħaġ u mogħoż) ma’ tip speċifiku u perċentwal ta’ għalf. Għalhekk, kwalunkwe esklużjoni ta’ razez u limiti perċentwali fuq l-għalf għajr dawk previsti fil-leġiżlazzjoni (ir-Regolament (UE) Nru 664/2014) tikkomplika l-applikazzjoni tad-DOP Χαλλούμι (Halloumi) / Hellim fil-prattika u ma għandha l-ebda impatt pożittiv bi kwalunkwe mod fuq il-kwalità tal-prodott u/jew fuq it-tisħiħ tar-rabta maż-żona ddefinita.

Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi nnutat li l-emendi approvati jissimplifikaw ukoll il-proċedura għall-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għad-DOP Χαλλούμι (Halloumi) / Hellim, peress li jippermettu traċċar aħjar.

Fid-Dokument Uniku, fit-Taqsima 3.3 “Għalf u materja prima”, it-tieni paragrafu taħt l-intestatura “Materja prima”, li jirreferi għal razez ta’ annimali produttivi li l-ħalib tagħhom jintuża għall-produzzjoni tal-Χαλλούμι (Halloumi) / Hellim, huwa emendat kif ġej:

“Il-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż jiġi minn razez lokali u razez oħrajn, inklużi l-inkroċji ta’ bejniethom, li jitrabbew fiż-żona ġeografika ddefinita.”

Barra minn hekk, fit-Taqsima 3.3 “Għalf u materja prima” tad-Dokument Uniku, it-tieni paragrafu taħt l-intestatura “Għalf” huwa emendat kif ġej:

“Il-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż jiġi minn razez lokali u razez oħrajn, inklużi l-inkroċji ta’ bejniethom, li jirgħu matul is-sena kollha, sakemm il-kundizzjonijiet tat-temp ikunu jippermettu. Il-foraġġ oħxon kollu li huwa parti mid-dieta tan-nagħaġ u tal-mogħoż jiġi prodott lokalment (foraġġ aħdar, ħuxlief, silaġġ, tiben/qasab u ragħa fuq pjanti selvaġġi). Fir-rigward tas-supplimenti tal-għalf jistgħu jintużaw ċereali, inkluż xgħir u qamħirrum, għalf tal-proteini bħal grixa tal-fażola tas-sojja dekortikata, bil-qoxra parzjalment imneħħija, prodotti u prodotti sekondarji ta’ materja prima diversa bħan-nuħħala tal-qamħ, u sustanzi inorganiċi, vitamini u mikronutrijenti.”

Iż-żieda fid-domanda għall-ħalib wasslet biex il-bdiewa jfittxu razez ġodda u aktar produttivi bi kwalità tal-ħalib aħjar. Dan, fil-fatt, jikkomplika l-proċedura għall-ispezzjoni u għat-traċċar tal-ħalib maħsub għall-produzzjoni tal-Χαλλούμι (Halloumi) / Hellim. Barra minn hekk, fir-rigward tas-supplimenti tal-għalf, minħabba t-tendenza li jiġu inklużi ċereali oħrajn u għalf tal-proteini, l-istabbiliment ta’ perċentwal speċifiku għax-xgħir u għan-nuħħala huwa fattur li jxekkel il-proċedura ta’ spezzjoni b’mod konsiderevoli.

Għalhekk, sabiex jiġu ssimplifikati u ffaċilitati l-ispezzjonijiet u tiġi żgurata konformità sħiħa mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, se jiġu applikati l-emendi approvati.

Deskrizzjoni tal-prodott

Fit-test kollu, se jintuża l-isem “Halloumi”, li jirrappreżenta l-ismijiet indikati hawn fuq, jiġifieri:

 

“Χαλλούμι” (Halloumi) / “Hellim”

Hemm żewġ tipi ta’ Halloumi – frisk u matur.

Il-Halloumi frisk huwa magħmul minn baqta prodotta minn ħalib imbaqqat bil-kimożina. Jissajjar u jingħata l-forma karatteristika tiegħu. Huwa ftit iebes u elastiku, mitwi (f’forma rettangolari jew nofs ċirku), ta’ kulur abjar għal safrani ċar, għandu konsistenza magħquda u jinqata’ faċilment, b’togħma u riħa karatteristiċi. Għandu riħa qawwija ta’ ħalib/xorrox u għandu aroma u togħma ta’ nagħniegħ, riħa tal-kampanja u togħma mielħa qawwija. Il-kontenut massimu ta’ ndewwa huwa 46 %, il-kontenut minimu tax-xaħam huwa 43 % (f’piż niexef) u l-kontenut massimu tal-melħ huwa 3 %.

Il-Halloumi matur huwa magħmul minn baqta prodotta minn ħalib imbaqqat bil-kimożina. Jissajjar u jingħata l-forma karatteristika tiegħu u jitħalla jimmatura fix-xorrox immellaħ għal mill-inqas 40 jum. Huwa bejn ftit iebes sa iebes, inqas elastiku, mitwi (f’forma rettangolari jew nofs ċirku), ta’ kulur abjad għal safrani, għandu konsistenza magħquda u jinqata’ faċilment, b’togħma u riħa karatteristiċi. Għandu riħa qawwija ta’ ħalib/xorrox u aroma u togħma ta’ nagħniegħ, riħa tal-kampanja u togħma mielħa qawwija; huwa ħarira morr u mielaħ ħafna. Il-kontenut massimu ta’ ndewwa huwa 37 %, il-kontenut minimu tax-xaħam huwa 40 % (f’piż niexef), il-kontenut massimu tal-melħ huwa 6 % u l-aċidità hija 1,2 % (espressa bħala aċidu lattiku f’piż niexef).

Il-ġobon Halloumi jiżen bejn 150 sa 350 gramma.

DOKUMENT UNIKU

“Χαλλούμι / Halloumi / Hellim”

Nru tal-UE: PDO-CY-01243-AM01 – 1.8.2022

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Χαλλούμι / Halloumi / Hellim”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Ċipru

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Fit-test kollu, se jintuża l-isem “Halloumi”, li jirrappreżenta l-ismijiet indikati hawn fuq, jiġifieri:

 

“Χαλλούμι” (Halloumi) / “Hellim”

Hemm żewġ tipi ta’ Halloumi – frisk u matur.

Il-Halloumi frisk huwa magħmul minn baqta prodotta minn ħalib imbaqqat bil-kimożina. Jissajjar u jingħata l-forma karatteristika tiegħu. Huwa ftit iebes u elastiku, mitwi (f’forma rettangolari jew nofs ċirku), ta’ kulur abjar għal safrani ċar, għandu konsistenza magħquda u jinqata’ faċilment, b’togħma u riħa karatteristiċi. Għandu riħa qawwija ta’ ħalib/xorrox u għandu aroma u togħma ta’ nagħniegħ, riħa tal-kampanja u togħma mielħa qawwija. Il-kontenut massimu ta’ ndewwa huwa 46 %, il-kontenut minimu tax-xaħam huwa 43 % (f’piż niexef) u l-kontenut massimu tal-melħ huwa 3 %.

Il-Halloumi matur huwa magħmul minn baqta prodotta minn ħalib imbaqqat bil-kimożina. Jissajjar u jingħata l-forma karatteristika tiegħu u jitħalla jimmatura fix-xorrox immellaħ għal mill-inqas 40 jum. Huwa bejn ftit iebes sa iebes, inqas elastiku, mitwi (f’forma rettangolari jew nofs ċirku), ta’ kulur abjad għal safrani, għandu konsistenza magħquda u jinqata’ faċilment, b’togħma u riħa karatteristiċi. Għandu riħa qawwija ta’ ħalib/xorrox u aroma u togħma ta’ nagħniegħ, riħa tal-kampanja u togħma mielħa qawwija; huwa ħarira morr u mielaħ ħafna. Il-kontenut massimu ta’ ndewwa huwa 37 %, il-kontenut minimu tax-xaħam huwa 40 % (f’piż niexef), il-kontenut massimu tal-melħ huwa 6 % u l-aċidità hija 1,2 % (espressa bħala aċidu lattiku f’piż niexef).

Il-ġobon Halloumi jiżen bejn 150 sa 350 gramma.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Fir-rigward tal-ħalib użat biex isir il-Halloumi, japplika dan li ġej, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 664/2014:

Il-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż jiġi minn razez lokali u razez oħrajn, inklużi l-inkroċji ta’ bejniethom, li jirgħu matul is-sena kollha, sakemm il-kundizzjonijiet tat-temp ikunu jippermettu. Il-foraġġ oħxon kollu li huwa parti mid-dieta tan-nagħaġ u tal-mogħoż jiġi prodott lokalment (foraġġ aħdar, ħuxlief, silaġġ, tiben/qasab u ragħa fuq pjanti selvaġġi). Fir-rigward tas-supplimenti tal-għalf jistgħu jintużaw ċereali, inkluż xgħir u qamħirrum, għalf tal-proteini bħal grixa tal-fażola tas-sojja dekortikata, bil-qoxra parzjalment imneħħija, prodotti u prodotti sekondarji ta’ materja prima diversa bħan-nuħħala tal-qamħ, u sustanzi inorganiċi, vitamini u mikronutrijenti.

Il-ħalib tal-baqar jiġi minn baqar bojod u suwed li jinżammu ġewwa u jiġu mitmugħa foraġġ, ħuxlief, silaġġ u tiben li huma prodotti f’Ċipru, primarjament minn pjanti tal-foraġġ indiġeni, u supplimenti tal-għalf. B’mod speċifiku, id-dieta tal-baqar tikkonsisti f’foraġġ prodott lokalment (35-40 %) (pjanti tal-foraġġ aħdar, ħuxlief, silaġġ u tiben/qasab). 60-65 % li jifdal tad-dieta tagħhom jikkonsisti f’supplimenti tal-għalf li fihom primarjament xgħir, qamħirrum, sojja u nuħħala. Fir-rigward tas-supplimenti tal-għalf, 20 % tax-xgħir u n-nuħħala jiġu prodotti lokalment, filwaqt li s-sojja u l-qamħirrum jiġu importati.

Ħalib (ħalib frisk tan-nagħaġ jew tal-mogħoż jew taħlita tagħhom, bil-ħalib tal-baqra jew mingħajr), kimożina (iżda mhux kimożina tal-ħnieżer), weraq friski jew nixfin tan-nagħniegħ Ċiprijott (Mentha viridis) u melħ. Il-proporzjon ta’ ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż jew taħlita tagħhom irid ikun dejjem iżjed mill-proporzjon ta’ ħalib tal-baqar. Fi kliem ieħor, meta jintuża l-ħalib tal-baqar flimkien mal-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż, il-proporzjon tal-ħalib tal-baqar fil-Halloumi ma jridx ikun iktar mill-proporzjon tal-ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż jew it-taħlita tagħhom. Il-ħalib li jintuża biex isir il-Halloumi huwa ħalib Ċiprijott mhux skremat. Il-ħalib irid ikun pastorizzat jew ikun issaħħan għal temperatura ogħla minn 65 °C. Ma jridx ikun ħalib ikkondensat jew li fih kwalunkwe wieħed mill-prodotti li ġejjin: ħalib tat-trab, ħalib ikkondensat, kaseinat tal-potassju, koloranti, preservattivi jew addittivi oħrajn. Ma jridx ikun fih antibijotiċi, pestiċidi jew sustanzi oħrajn li jagħmlu l-ħsara.

Il-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż jiġi minn razez lokali u razez oħrajn, inklużi l-inkroċji ta’ bejniethom, li jitrabbew fiż-żona ġeografika ddefinita.

Il-ħalib tal-baqar jiġi minn baqar suwed u bojod li ġew introdotti bil-mod f’Ċipru, sa mill-bidu tas-seklu 20, u li issa adattaw tajjeb ħafna għall-kundizzjonijiet lokali.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-ħalib tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-baqar li huwa l-materja prima għall-produzzjoni tal-ġobon “Halloumi” jiġi prodott fiż-żona ġeografika ddefinita. Il-Halloumi nnifsu wkoll jiġi prodott fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-ġobon “Halloumi” jrid jiġi ppakkjat fiż-żona ġeografika ddefinita għar-raġunijiet li ġejjin: (a) il-Halloumi jrid jiġi ppakkjat immedjatament wara li jiġi prodott, ħalli ma jkomplix isir, (b) ma jistax ikun hemm interruzzjoni (produzzjoni kontinwa) fil-proċess tal-produzzjoni tal-Halloumi (produzzjoni-ippakkjar), (c) biex tkun żgurata t-traċċabilità l-pakkett irid jiġi ppakkjat mill-produttur u ttikkettat minnu wkoll, (d) sabiex jiġi evitat li kwalunkwe ġobon prodott barra t-territorju ta’ Ċipru jiġi kkummerċjalizzat bħala Halloumi DOP, biex ikunu ggarantiti l-kwalità u l-oriġini tal-prodott u jiġi żgurat li jistgħu jitwettqu l-kontrolli meħtieġa.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-ħalib użat fil-produzzjoni tal-“Halloumi”, f’każijiet fejn tintuża taħlita ta’ ħalib, it-tipi differenti ta’ ħalib iridu jissemmew fuq it-tikketta, f’ordni dekrexxenti ta’ perċentwali.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-konfini amministrattivi tad-distretti ta’ Nicosia, Limassol, Larnaca, Famagusta, Paphos u Kyrenia.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi naturali: Ċipru għandu klima Mediterranja karatterizzata minn sjuf sħan u xotti u xtiewi ħfief u bix-xita. It-terren tal-gżira għandu rwol importanti ħafna wkoll: il-muntanji jinżel ammont ta’ xita relattivament għoli u dan jaffettwa l-idroloġija u l-ambjent taż-żoni li qegħdin iktar fil-baxx, għaliex l-għadd kbir ta’ xmajriet jieħdu l-ilma min-nixxigħat għal diversi xhur wara li x-xita tkun waqfet. Meta jitqies id-daqs tiegħu, Ċipru għandu fost l-aktar flora rikka fil-Mediterran, minħabba l-istruttura ġeoloġika, il-klima, il-pożizzjoni ġeografika, il-baħar tal-madwar u l-konfigurazzjoni tal-art tiegħu (Tsintidis et al., 2002). Hemm 1 908 speċijiet differenti ta’ pjanti, li 140 minnhom huma endemiċi, jiġifieri jinsabu biss f’Ċipru (id-Dipartiment tal-Foresti, 2004). Finalment, ir-razez lokali tal-annimali tal-ħalib f’Ċipru jinkludu n-nagħġa lokali ta’ denbha oħxon, li hija adattata sew għall-klima niexfa u għat-temperaturi għoljin taż-żona, u l-mogħoż lokali Machaira u Pissouri. In-nagħaġ ta' Chios u l-mogħoż ta’ Damasku (introdotti fis-snin ħamsin u s-snin tletin rispettivament) huma wkoll tipi ta’ razez lokali, għaliex il-karatteristiċi morfoloġiċi u tal-produzzjoni tagħhom nqatgħu minn dawk tal-popolazzjonijiet ta’ oriġini wara programm nazzjonali ta’ tnissil li ilu għal żmien twil.

Fatturi umani: ir-referenzi storiċi juru li l-produzzjoni tal-Halloumi f’Ċipru ilha magħrufa minn żmien il-qedem. Il-Halloumi jissemma bħala “calumi” f’kodiċi li fih ħames manuskritti dwar l-istorja ta’ Ċipru li jinżamm fil-librerija tal-Mużew Correr f’Venezja. Dan imur lura għall-1554 u b’hekk jikkostitwixxi l-eqdem referenza bil-miktub għall-Halloumi li nstabet sa issa. Aktar tard hemm ukoll referenzi għall-Halloumi, fost l-oħrajn minn Archimandrite Kyprianos fl-1788.

L-importanza tal-Halloumi fil-ħajja tan-nies lokali tidher ċara fl-arti (il-poeżija, il-letteratura) u fil-pożizzjoni li okkupa fil-wirjiet agrikoli (Lyssi, 1939). Il-lista ta’ klassijiet u premji monetarji u l-kundizzjonijiet tad-dħul għall-Wirja Agrikola ta’ Lyssi, li ġiet ippubblikata kemm bil-Grieg kif ukoll bit-Tork, tinkludi l-prodotti li jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni. L-isem Tork għal “Halloumi” huwa “Hellim”. Il-produtturi Ċiprijotti Torok tal-Halloumi jużaw iż-żewġ ismijiet għall-prodott tradizzjonali tagħna jew sempliċiment l-isem “Hellim”. Hemm ħafna evidenza li ż-żewġ ismijiet “Halloumi” u “Hellim” jirreferu għall-istess prodott tradizzjonali Ċiprijot, li għalih jintużaw iż-żewġ ismijiet (il-gazzetta Halkin Sesi, 1959 u 1962 u l-imballaġġ tal-prodott għall-esportazzjoni li juri ż-żewġ ismijiet).

Ir-rabta mill-qrib bejn il-prodott u n-nies tal-gżira hija evidenti wkoll mill-fatt li l-lum il-ġurnata “Halloumas”, “Hallouma”, “Halloumakis” u “Halloumis” huma kunjomijiet Ċiprijotti komuni.

Sa minn żmien il-qedem, il-Halloumi kien element importanti fid-dieta Ċiprijotta (Bevan, 1919; Pitcairn, 1934; Zigouris, 1952) u ssodisfa l-ħtiġijiet tal-familji Ċiprijotti matul is-sena kollha. Il-Halloumi kien “il-ġobon famuż Ċiprijott prodott b’mod speċjali”, wieħed mill-iktar oġġetti tal-ikel komuni u tajbin mal-ħobż, f’kull dar Ċiprijotta, essenzjali għal kull familja tal-kampanja (Xioutas, 2001). Minbarra li jittiekel lokalment, sa minn żmien il-qedem il-Halloumi ġie esportat lejn diversi pajjiżi (Archimandrite Kyprianos, 1788), inkluż l-Eġittu, is-Sirja, il-Greċja, it-Turkija, il-Palestina, Franza, is-Sudan, ir-Renju Unit, l-Amerka, l-Awstralja u ċ-Ċina (Dawe, 1928).

Il-proċess tal-produzzjoni huwa uniku, b’mod partikolari l-istadji tat-tisjir tal-prodott f’temperatura għolja għal tul ta’ ħin speċifiku, it-tiwi u ż-żieda tan-nagħniegħ Ċiprijott. It-tisjir tal-baqta huwa importanti ħafna għaliex, skont studju rilevanti, ittejjeb il-kwalitajiet organolettiċi tal-prodott. B’mod speċifiku, it-tisjir tal-baqta f’temperatura għolja jipproduċi livelli għoljin ta’ ċerti komposti ta’ sustanzi kimiċi bażiċi li jgħinu biex jiddeterminaw it-togħma partikolari tal-Halloumi. Uħud minn dawn il-komposti huma lattoni, bħal delta-dodekalatton (ikkaratterizzat minn togħma ta’ frott) u delta-dekalatton (ikkaratterizzat minn togħma kremuża), filwaqt li oħrajn huma ketoni tal-metil, li huma kkaratterizzati minn togħma simili għall-ħalib (P. Papademas, 2000).

It-tiwja tipika tal-baqta, bħala parti mill-ipproċessar tradizzjonali, tqiegħed lill-Halloumi fuq livell differenti mill-ġobniet l-oħrajn kollha. Il-prattika tat-tiwi bdiet tintuża għaliex, tradizzjonalment, hekk kien iżjed faċli biex wieħed ipoġġi l-ġobniet fil-kontenituri fejn kienu jinżammu fix-xorrox. Barra minn hekk, il-weraq tan-nagħniegħ jitpoġġa bejn is-saffi tal-baqta (matul il-proċess tat-tiwi) sabiex ma jiċċaqlaqx, u b’hekk in-nagħniegħ ikun jista’ jirrilaxxa l-aroma karatteristika tiegħu fil-prodott finali. L-użu tan-nagħniegħ (Mentha viridis) fl-istadju tat-tiwi jagħti l-aroma karatteristika tiegħu lill-prodott finali minħabba l-preżenza tat-terpenes pulegone (“terpene tan-nagħniegħ”) u l-karvone (Papademas u Robinson, 1998). Huma l-produtturi lokali li għandhom l-għarfien ta’ dan il-proċess tal-produzzjoni.

Speċifiċità tal-prodott

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott jinkludu:

(a)

il-fatt li ma jiddellikx jew idub f’temperaturi għoljin (jista’ jittiekel mhux biss kif inhu iżda wkoll moqli, mixwi, eċċ.);

(b)

it-trattament tal-baqta bis-sħana fix-xorrox f’temperatura ta’ iktar minn 90 °C għal mill-inqas 30 minuta, li hija karatteristika unika tal-proċess tal-produzzjoni u tikkontribwixxi għall-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi tal-prodott;

(c)

it-tiwi li jagħtih il-forma karatteristika tiegħu;

(d)

il-karatteristiċi organolettiċi tiegħu (b’riħa u togħma karatteristiċi – għandu riħa qawwija ta’ ħalib/xorrox u għandu aroma u togħma ta’ nagħniegħ, riħa tal-kampanja u togħma mielħa qawwija) dovuti l-aktar għall-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż, li jiġu affettwati mid-dieta tal-annimali, in-nagħniegħ li jiġi miżjud matul il-proċess tal-produzzjoni u l-komposti volatili li jiffurmaw matul it-trattament bis-sħana tal-baqta fix-xorrox; u

(e)

il-karattru tradizzjonali tiegħu, li jirriżulta mill-fatt li ilu jsir f’Ċipru minn żmien il-qedem skont il-metodu tradizzjonali li għadda minn ġenerazzjoni għall-oħra, u li llum il-ġurnata huma l-produtturi lokali li għandhom l-għarfien ta’ dan il-proċess.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Ir-rabta bejn il-Halloumi u l-ambjent ġeografiku tinsab fl-ispeċifiċità tal-klima tal-gżira Mediterranja. Il-veġetazzjoni lokali li jieklu l-annimali tal-ħalib tgħaddi mill-istadju ta’ bur aħdar għal foraġġ nofsu niexef u finalment niexef skont il-fażijiet karatteristiċi tal-mikroklima lokali. Uħud minn dawn il-pjanti huma endemiċi. Din il-veġetazzjoni Ċiprijotta lokali, mittiekla mill-annimali friska jew imnixxfa, għandha effett kruċjali fuq il-kwalità tal-ħalib u konsegwentament il-karatteristiċi speċifiċi tal-ġobon (Papademas, 2000). Il-preżenza tal-baċillus Lactobacillus cypricasei (laktobaċillus minn ġobon Ċiprijott), li ġie iżolat mill-Halloumi Ċiprijott biss, hija prova tar-rabta bejn il-mikroflora tal-gżira u l-prodott (Lawson et al., 2001). Barra minn hekk, iż-żieda tan-nagħniegħ Ċiprijott tkompli tikkontribwixxi għat-togħma karatteristika tal-prodott. Fatturi oħrajn li jaffettwaw il-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott, speċjalment it-togħma u r-riħa tiegħu, huma t-tip ta’ ħalib użat, għaliex il-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż fih aċidi xaħmin ta’ piż molekulari baxx, u l-komposti volatili ffurmati matul il-proċess tal-produzzjoni.

Fir-rigward tar-rabta bejn il-fatturi umani u l-prodott, il-Halloumi huwa kkunsidrat bħala tradizzjonali għal Ċipru, għaliex, kif deskritt fil-punt 5.1, kellu rwol importanti ħafna fil-ħajja u fid-dieta tan-nies tal-gżira, kemm Ċiprijotti Griegi kif ukoll Ċiprijotti Torok, minn żmien il-qedem u l-għarfien tal-proċess tal-produzzjoni ngħadda minn ġenerazzjoni għal oħra. Kemm il-forma mitwija karatteristika tiegħu kif ukoll il-fatt speċifiku li ma jdubx f’temperaturi għoljin ġejjin minn dan il-proċess ta' produzzjoni tradizzjonali li għadda minn ġenerazzjoni għal oħra.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

http://www.moa.gov.cy/moa/da/da.nsf/All/82B33F7D83ABF5A8C225879C00346BA5?OpenDocument


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.


Top