Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC1004(02)

    Avviż tal-Kummissjoni dwar gwida informali relatata ma’ kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jqumu f’każijiet individwali (l-ittri gwida) 2022/C 381/07

    C/2022/6925

    ĠU C 381, 4.10.2022, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 381/9


    Avviż tal-Kummissjoni dwar gwida informali relatata ma’ kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jqumu f’każijiet individwali (l-ittri gwida)

    (2022/C 381/07)

    I.   IR-REGOLAMENT 1/2003

    1.

    Ir-Regolament 1/2003(1) (1) jistabbilixxi sistema ta’ infurzar għall-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Filwaqt li huwa mfassal biex jippermetti lill-Kummissjoni tiffoka fuq il-kompitu primarju tagħha tal-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-Regolament 1/2003 joħloq ukoll ċertezza legali peress li jipprevedi li l-ftehimiet (2) li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) TFUE li madankollu jissodisfaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 101(3) TFUE huma validi u infurzabbli bis-sħiħ mingħajr deċiżjoni minn qabel minn awtorità tal-kompetizzjoni (l-Artikolu 1 tar-Regolament 1/2003).

    2.

    Il-qafas tar-Regolament 1/2003, filwaqt li jipprevedi l-kompetenza parallela tal-Kummissjoni, tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-qrati tal-Istati Membri biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE fl-intier tagħhom, jillimita r-riskji ta’ applikazzjoni inkonsistenti permezz ta’ firxa ta’ miżuri, u b’hekk jiżgura l-aspett primarju taċ-ċertezza legali għall-kumpaniji kif rifless fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (3), jiġifieri li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu applikati b’mod konformi fl-Unjoni kollha.

    3.

    L-impriżi huma ġeneralment f’pożizzjoni tajba biex jevalwaw il-legalità tal-azzjonijiet tagħhom b’tali mod li jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar jekk għandhomx jipproċedu bi ftehim jew prattika unilaterali, u f’liema forma. Dawn jafu l-fatti u għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-qafas tar-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, il-ġurisprudenza u d-deċiżjonijiet eżistenti tal-Kummissjoni kif ukoll gwida estensiva fil-linji gwida u l-avviżi tal-Kummissjoni, li ġew ipprovduti sabiex jgħinu aktar l-awtovalutazzjoni mill-impriżi (4). Il-Kummissjoni pproduċiet ukoll linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE (5). Dan fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jippermetti lill-impriżi biex jivvalutaw b’mod affidabbli l-ftehimiet tagħhom fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE.

    4.

    Meta l-każijiet, minkejja l-elementi ta’ hawn fuq, jwasslu għal inċertezza ġenwina għax ikunu kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 jew102 TFUE, impriżi individwali jistgħu jfittxu gwida informali mill-Kummissjoni (6). F’konformità mal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima II ta’ dan l-Avviż, talba għal gwida ma twassalx għall-jedd biex applikant jirċievi din il-gwida, peress li dan l-Avviż ma jistax jerġa’ jintroduċi sistema li tkun inkonsistenti mal-qafas ta’ awtovalutazzjoni tar-Regolament 1/2003. Madankollu, fejn tqis li jkun xieraq u soġġett għall-prijoritajiet ta’ infurzar tagħha, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi din il-gwida informali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101 jew 102 b’dikjarazzjoni bil-miktub (b’ittra gwida). Dan l-Avviż jistabbilixxi d-dettalji ta’ dan l-istrument.

    II.   QAFAS GĦALL-VALUTAZZJONI TA’ JEKK GĦANDHIEX TINĦAREĠ ITTRA GWIDA

    5.

    Ir-Regolament 1/2003 jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex tinvestiga u tipproċessa b’mod effettiv il-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, u biex timponi multi (7). Objettiv importanti tar-Regolament 1/2003 huwa li jiżgura l-infurzar effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni billi jistabbilixxi sistema ta’ awtovalutazzjoni, u b’hekk ineħħi s-sistema preċedenti ta’ notifika u jippermetti lill-Kummissjoni tiffoka l-politika ta’ infurzar tagħha fuq l-aktar ksur serju tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (8).

    6.

    Filwaqt li r-Regolament 1/2003 huwa mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-Kummissjoni li toħroġ gwida informali għal impriżi individwali (9), kif stabbilit f’dan l-Avviż, jenħtieġ li din il-kapaċità ma tinterferixxix mal-objettiv primarju tar-Regolament 1/2003, li huwa li jiġi żgurat infurzar effettiv tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tipprovdi biss orjentamenti informali lil impriżi individwali sakemm dan ikun kompatibbli mal-prijoritajiet ta’ infurzar tagħha.

    7.

    Soġġett għall-punt 6, meta tirċievi talba għal ittra gwida, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk ikunx xieraq li tipproċessa t-talba. Il-ħruġ ta’ ittra gwida jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk valutazzjoni prima facie tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet legali tal-imġiba jew tal-imġiba prevista tissuġġerixxi li, fil-fehma tal-Kummissjoni, hemm raġunijiet validi biex jiġu pprovduti kjarifiki dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE tal-ftehim jew tal-prattika unilaterali inkwistjoni permezz ta’ ittra gwida. Tali valutazzjoni prima facie se tkun ibbażata fuq iż-żewġ elementi kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    Kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti: Il-valutazzjoni sostantiva tal-ftehim jew tal-prattika unilaterali fir-rigward tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE toħloq kwistjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi li għaliha ma hemm l-ebda ċarezza suffiċjenti fil-qafas legali eżistenti tal-Unjoni inkluża l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u lanqas gwida ġenerali suffiċjenti disponibbli pubblikament fil-livell tal-Unjoni fil-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew fl-ittri gwida preċedenti; kif ukoll

    (b)

    Interess fl-għoti ta’ gwida: Il-valutazzjoni prima facie tal-ftehim jew tal-prattika unilaterali jissuġġerixxu li kjarifika pubblika tal-applikabbiltà tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE permezz ta’ ittra gwida tipprovdi valur miżjud fir-rigward taċ-ċertezza legali, filwaqt li jitqies wieħed jew aktar mill-elementi li ġejjin:

    l-importanza ekonomika reali jew potenzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati mill-ftehim jew mill-prattika unilaterali, b’mod partikolari filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

    jekk l-objettivi tal-ftehim jew il-prattika unilaterali humiex rilevanti biex jinkisbu l-prijoritajiet tal-Kummissjoni jew l-interessi tal-Unjoni;

    il-kobor tal-investimenti magħmula jew li għandhom isiru mill-impriżi kkonċernati, li huma marbutin mal-ftehim jew mal-prattika unilaterali; kif ukoll

    il-punt sa fejn il-ftehim jew il-prattika jikkorrispondu jew x’aktarx jikkorrispondu għal użu aktar mifrux fl-Unjoni (10).

    8.

    Il-Kummissjoni normalment ma tikkunsidrax talba għal ittra gwida fl-ebda waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    meta l-kwistjonijiet imqajma fit-talba huma identiċi jew simili għal kwistjonijiet imqajma f’kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jew

    meta l-ftehim jew il-prattika unilaterali li għaliha tirreferi t-talba hija soġġetta għal proċedimenti pendenti mal-Kummissjoni, ma’ qorti ta’ Stat Membru jew awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru.

    9.

    Il-Kummissjoni mhux se tikkunsidra mistoqsijiet ipotetiċi u mhux se toħroġ ittri gwida dwar ftehimiet jew prattiki unilaterali li ma għadhomx qed jiġu implimentati mill-partijiet. L-impriżi jistgħu madankollu jippreżentaw talba għal ittra gwida lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet imqajma minn ftehim jew prattika unilaterali li huma jipprevedu, jiġifieri qabel l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim jew il-prattika unilaterali. F’dan il-każ, l-ippjanar irid ikun laħaq stadju avvanzat biżżejjed biex tiġi kkunsidrata talba.

    III.   INDIKAZZJONIJIET DWAR KIF TINTALAB GWIDA

    10.

    Talba tista’ tiġi ppreżentata minn impriża jew impriżi li jkunu daħlu jew beħsiebhom jidħlu fi ftehim jew prattika unilaterali li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni mqajma minn dan il-ftehim jew il-prattika unilaterali.

    11.

    It-talba għal ittra gwida jenħtieġ li tintbagħat fl-indirizz li ġej:

    European Commission

    Directorate-General for Competition For the attention of the Antitrust Registry

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    jew permezz ta’ ittra elettronika lil comp-greffe-antitrust@ec.europa.eu

    12.

    Fit-talba għal ittra gwida, l-applikant(i) għandu/hom jinkludu:

    l-identità tal-impriżi kollha kkonċernati kif ukoll indirizz wieħed għall-kuntatti mal-Kummissjoni;

    il-mistoqsijiet speċifiċi li dwarhom qed tintalab gwida informali;

    l-informazzjoni sħiħa u eżawrjenti dwar il-punti kollha rilevanti għal evalwazzjoni infurmata tal-kwistjonijiet imqajma, inkluża d-dokumentazzjoni pertinenti, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ toħroġ ittra gwida abbażi tal-informazzjoni pprovduta;

    il-valutazzjoni preliminari tal-applikant(i) stess, filwaqt li jitqies il-punt 7 (a) ta’ dan l-Avviż, dwar l-għaliex it-talba tippreżenta kwistjoni(jiet) ġdida/ġodda jew mhux solvuta/i fid-dawl tal-qafas legali eżistenti tal-Unjoni, inkluża l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-gwida ġenerali disponibbli għall-pubbliku fil-livell tal-Unjoni fil-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jew tal-ittri gwida preċedenti;

    il-valutazzjoni preliminari tal-applikant(i) stess, wara li jiġu kkunsidrati l-elementi elenkati fil-punt 7 (b) ta’ dan l-Avviż, dwar l-għaliex kjarifika pubblika tal-applikabbiltà tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE permezz ta’ ittra gwida tipprovdi valur miżjud fir-rigward taċ-ċertezza legali;

    il-valutazzjoni preliminari tal-applikant(i) stess, skont l-aħjar ħiliet tiegħu (tagħhom), tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE għall-kwistjoni/jiet ġdida/ġodda jew mhux solvuta/i li jqumu mill-ftehim jew mill-prattika unilaterali;

    l-informazzjoni l-oħra kollha li tippermetti evalwazzjoni tat-talba fid-dawl tal-aspetti spjegati fil-punti 8-9 ta’ dan l-Avviż, inkluża b’mod partikolari dikjarazzjoni li, sa fejn ikun jaf l-applikant(i), il-ftehim jew il-prattika unilaterali li tirreferi għalihom it-talba ma jkunux soġġetti għal proċedimenti pendenti quddiem qorti jew awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru;

    jekk it-talba jkollha fiha elementi kkunsidrati bħala sigrieti tan-negozju, għandha tingħata indikazzjoni ċara ta’ dawn l-elementi;

    kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni oħra rilevanti għall-valutazzjoni tal-ftehim jew tal-prattika unilaterali.

    13.

    Qabel is-sottomissjoni formali tat-talba għal ittra gwida, l-impriża/i jistgħu jikkuntattjaw lis-servizzi tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, biex jiddiskutu s-sottomissjoni maħsuba tagħhom b’mod informali u kunfidenzjali.

    IV.   L-IPPROĊESSAR TAT-TALBA

    14.

    Fil-prinċipju, il-Kummissjoni se tevalwa t-talba abbażi tal-informazzjoni pprovduta u mhux tipproċessa applikazzjonijiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 12 ta’ dan l-Avviż. Madankollu l-Kummissjoni tista’ tuża informazzjoni addizzjonali għad-dispożizzjoni tagħha minn sorsi pubbliċi, ġurisprudenza preċedenti, prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ittri gwida fil-livell tal-Unjoni jew kwalunkwe sors ieħor u tista’ titlob lill-applikant(i) jew, f’każijiet eċċezzjonali, lil partijiet magħżula oħra biex jipprovdu informazzjoni supplimentari filwaqt li jissalvagwardjaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant(i). Meta din l-informazzjoni jkun fiha data personali, il-Kummissjoni tipproċessa d-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (11).

    15.

    Il-Kummissjoni tista’ taqsam l-informazzjoni li tintbagħat lilha ma’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u tirċievi rispons mingħandhom. Il-Kummissjoni tista’ tiddiskuti l-mertu tat-talba mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri qabel ma toħroġ ittra gwida.

    16.

    B’referenza għall-punti 13-15 ta’ dan l-Avviż, ir-regoli dwar is-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament 1/2003 japplikaw għall-informazzjoni pprovduta mill-applikant(i) jew minn partijiet terzi magħżula oħra.

    17.

    Il-Kummissjoni tuża l-aħjar sforzi tagħha biex tinforma lill-applikant dwar l-azzjoni li biħsiebha tieħu fir-rigward tat-talba għal gwida fi żmien raġonevoli, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ. Fejn ma tinħareġ l-ebda ittra gwida, il-Kummissjoni għandha tinforma bil-miktub lill-applikant(i) dwar dan.

    18.

    L-applikant(i) jista’/jistgħu jirtira/jirtiraw it-talba tiegħu/tagħhom fi kwalunkwe ħin. F’każijiet bħal dawn, ma tinħareġ l-ebda ittra gwida. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ talba għal gwida informali tibqa’ disponibbli għall-Kummissjoni u tista’ tintuża biex tniedi proċeduri sussegwenti skont ir-Regolament 1/2003.

    19.

    It-talba għal ittra ta’ orjentament ma tippreġudikax is-setgħa tal-Kummissjoni li tipproċedi skont ir-Regolament 1/2003 fir-rigward tal-fatti ppreżentati fit-talba.

    V.   ITTRI GWIDA

    20.

    Ittra gwida maħruġa mill-Kummissjoni tistabbilixxi:

    id-deskrizzjoni fil-qosor tal-fatti li fuqhom tkun ibbażata;

    ir-raġunament legali prinċipali li jkun il-bażi tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE rigward kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti mqajma mill-ftehim jew mill-prattika unilaterali.

    21.

    Ittra gwida tista’ tkun limitata għal parti mill-mistoqsija/mistoqsijiet imqajma fit-talba. Tista’ tinkludi wkoll aspetti addizzjonali għal dawk stabbiliti fit-talba. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi f’ittra gwida limitu ta’ żmien għall-applikazzjoni tagħha jew tispeċifika li l-ittra gwida hija bbażata fuq l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ċerti ċirkostanzi fattwali.

    22.

    L-ittri gwida jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqies l-interess leġittimu tal-applikant(i) biex jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali tagħhom. Qabel ma tiġi ppubblikata l-ittra gwida, il-Kummissjoni taqbel mal-applikant(i) dwar il-verżjoni pubblika.

    VI.   L-EFFETTI TAL-ITTRI GWIDA

    23.

    L-ewwel nett, l-ittri gwida huma maħsuba biex jgħinu lill-impriżi jwettqu huma stess valutazzjoni infurmata tal-ftehimiet jew tal-prattiki unilaterali tagħhom. F’dan ir-rigward, l-applikant(i) jibqa’/jibqgħu responsabbli biex iwettaq/iwettqu l-awtovalutazzjoni tiegħu/tagħhom stess tal-applikabbiltà tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE. L-ittri gwida jirriflettu l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-fatti ppreżentati lilha u ma joħolqu l-ebda dritt jew obbligu għall-applikant(i) jew għal kwalunkwe parti terza.

    24.

    Ittra gwida ma tistax tippreġudika l-valutazzjoni tal-istess kwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    25.

    Meta ftehim jew prattika unilaterali jkunu ffurmaw il-bażi fattwali għal ittra gwida, il-Kummissjoni ma tkunx prekluża milli sussegwentement teżamina dan l-istess ftehim jew prattika unilaterali fi proċedura skont ir-Regolament 1/2003. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tieħu inkonsiderazzjoni l-ittra gwida preċedenti, soġġetta b’mod partikolari għal bidliet fil-fatti sottostanti, għal kwalunkwe aspett ġdid skopert mill-Kummissjoni jew imqajjem permezz ta’ ilment, għal żviluppi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew għal bidleit ta’ firxa usa’ tal-politika tal-Kummissjoni u l-iżviluppi fis-swieq ikkonċernati. Fil-prinċipju u soġġett għall-punt 26 ta’ dan l-Avviż, il-Kummissjoni mhix se timponi multi fuq l-applikant(i), fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda mill-applikant(i) li jiddependi/u in bona fede fuq l-ittra gwida tal-Kummissjoni (12). Meta l-interess pubbliku jitlob dan, il-Kummissjoni tista’ wkoll timmodifika jew tirrevoka ittra gwida kif xieraq (13).

    26.

    Il-kjarifiki dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE inklużi f’ittra gwida huma espressament ikkundizzjonati mill-preċiżjoni u l-verità tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant(i) u kwalunkwe diverġenza materjali mill-informazzjoni pprovduta mill-applikant(i) tagħmel l-ittra gwida inoperattiva.

    27.

    L-ittri gwida mhumiex deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u ma jorbtux lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jew lill-qrati tal-Istati Membri li għandhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Madankollu, huwa f’idejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-qrati tal-Istati Membri li jqisu l-ittri gwida maħruġa mill-Kummissjoni kif jidhrilhom xieraq fil-kuntest ta’ każ.

    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1). B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ ġabriet ta’ dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għall-finijiet ta’ dan l-Avviż, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 TFUE jenħtieġ li jinftiehmu, jekk ikun il-każ, bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 rispettivament tat-Trattat dwar il-KE. It-TFUE introduċa wkoll ċerti bidliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ “Komunità” b’“Unjoni” u ta’ “suq komuni” b’“suq intern”. Meta t-tifsira tibqa’ l-istess, it-terminoloġija tat-TFUE tintuża tul dan l-Avviż.

    (2)  F’dan l-Avviż, it-terminu “ftehim” jintuża għal ftehimiet, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u għal prattiki miftiehma. It-terminu “prattiki unilaterali” jirreferi għall-imġiba ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti. It-terminu “impriżi” jkopri bl-istess mod l-“assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”.

    (3)  Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija magħmula minn żewġ qrati: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

    (4)  Il-Kummissjoni ħarġet regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, linji gwida u avviżi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippubblika d-deċiżjonijiet tagħha. It-testi kollha jinsabu hawn: https://ec.europa.eu/competition-policy/index_en

    (5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Avviż — Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97).

    (6)  Ara l-Premessa 38 tar-Regolament 1/2003.

    (7)  Ara b’mod partikolari l-Artikoli minn 7 sa 9, 12, minn 17 sa 24 u 29 tar-Regolament 1/2003.

    (8)  Ara b’mod partikolari l-Premessa 3 tar-Regolament 1/2003.

    (9)  Ara l-Premessa 38 tar-Regolament 1/2003.

    (10)  Dan l-Avviż ma jbiddilx il-possibbiltà għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li jipprovdu gwida skont il-qafas legali tagħhom, b’mod partikolari meta ftehim jew prattika unilaterali jikkorrispondu jew jistgħu jikkorrispondu għal użu li huwa fil-biċċa l-kbira limitat għal Stat Membru wieħed.

    (11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p.39).

    (12)  Applikant ma jistax jiddikjara li jista’ joqgħod fuq ittra gwida jekk il-fatti li fuqhom hija bbażata jkunu nbidlu materjalment.

    (13)  Biex jiġu evitati dubji, il-Kummissjoni mhijiex obbligata timmodifika jew tirrevoka ittra gwida qabel ma teżamina ftehim jew prattika unilaterali fi proċedura skont ir-Regolament 1/2003 u timponi multi fuq l-applikant(i).


    Top