This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022XC0817(02)
Publication of an application for approval of an amendment, which is not minor, to a product specification pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs 2022/C 312/06
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2022/C 312/06
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2022/C 312/06
C/2022/5929
ĠU C 312, 17.8.2022, p. 9–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 312/9 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2022/C 312/06)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI LI MHIJIEX MINURI
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
“Pitina”
Nru tal-UE: PGI-IT-02332-AM01 – 21.2.2022
DOP ( ) IĠP (X)
1. Grupp applikant u interess leġittimu
Associazione Produttori Pitina |
Via Roma, 1 - 33092 Meduno – PN |
ITALIA |
Tel. +39 3356987484
Email: info@pitina-igp.it
L-Associazione Produttori Pitina [l-Assoċjazzjoni tal-Produtturi tal-“Pitina”] hija intitolata tissottometti applikazzjoni għal emenda f’konformità mal-Artikolu 13(1) tad-Digriet Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013 tal-Ministeru tal-Politika tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Forestrija.
2. Stat membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i
☐ |
Isem il-prodott |
☒ |
Deskrizzjoni tal-prodott |
☐ |
Żona ġeografika |
☐ |
Prova tal-oriġini |
☒ |
Metodu ta’ produzzjoni |
☐ |
Rabta |
☐ |
Tikkettar |
☐ |
Oħrajn [speċifika] |
4. Tip ta’ emenda/i
☒ |
Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
☐ |
Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
5. Emenda/i
5.1. Emenda ta’ elementi essenzjali: Deskrizzjoni tal-prodott
Il-kontenut massimu ta’ melħ u proteina indikat fl-Artikolu 2(4) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (Deskrizzjoni tal-prodott) u fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku (Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)) ġie emendat kif ġej.
Il-valur ta’ limitu għall-kontenut ta’ melħ ġie emendat minn “< 3,5 %” għal “< 5,3 %”.
L-emenda tikkonċerna l-korrezzjoni ta’ żball klerikali fil-parametru għall-“melħ”. Il-valur attwali huwa r-riżultat ta’ żball fit-tipa li qaleb iż-żewġ numri. Dan jidher biċ-ċar minn tqabbil maċ-ċifri indikati fl-Artikolu 5(2)(5) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, li juru li huwa permess minimu ta’ 15 g u massimu ta’ 32 g melħ fit-taħwir għal kull kilogramma ta’ pejst tal-laħam: minħabba t-tnaqqis fil-piż ta’ 30–35 % matul il-maturazzjoni, l-ammont ta’ 32 g melħ miżjud mat-taħwir għal kull kilogramma ta’ laħam frisk isir 47,5–49,2 g melħ fil-laħam immaturat, li huwa qrib il-limitu korrett ta’ 5,3 % u ma jkunx kompatibbli mal-limitu inkorrett li huwa stabbilit attwalment. Iċ-ċifra korretta għadha konsistenti ma’ dożaġġ baxx ta’ melħ, peress li l-klorur tas-sodju tradizzjonalment jaġixxi bħala preservattiv flimkien mal-affumikazzjoni.
Il-valur ta’ limitu għall-kontenut ta’ proteina ġie emendat minn “< 28 %” għal “< 38 %”.
L-emenda tikkonċerna bidla fil-parametru għal “proteina”. Storikament, in-nagħaġ u l-mogħoż li l-laħam tagħhom kien jintuża għall-produzzjoni tal-“Pitina” kienu annimali avvanzati fl-età li jkunu waslu fl-aħħar tal-ħajja utli tagħhom. Bidliet sussegwenti f’dak li jitqies bħala “fl-aħħar tal-ħajja utli tagħhom” gradwalment wasslu għall-użu ta’ annimali ta’ età iżgħar, bir-riżultat li l-kontenut ta’ proteina għandu tendenza jkun ogħla.
Kienet in-norma li l-“Pitina” jkun fiha inqas minn 28 % tproteina meta saru l-ewwel valutazzjonijiet fiżikokimiċi fuq kampjuni razzjonali ta’ prodotti magħmula mil-laħam ta’ annimali avvanzati fl-età b’kontenut baxx ta’ proteina. L-espansjoni tal-produzzjoni b’rispons għall-evoluzzjoni kostanti tad-drawwiet moderni tal-konsum tal-ikel agrikolu u l-użu ta’ annimali li jiġu minn ċikli ta’ trobbija għall-produzzjoni (laħam u ħalib) tejbu l-kwalità tal-laħam li jintuża, u għalhekk wasslu għall-istandardizzazzjoni tal-kontenut ta’ proteina skont il-karatteristiċi tal-laħam li jintuża l-aktar, filwaqt li xorta jiġu rrispettati l-metodi ta’ pproċessar tradizzjonali.
It-tradizzjoni tal-“Pitina” u l-karatteristiċi oriġinali tagħha huma ppreservati intatti permezz ta’ regolamenti li jispeċifikaw il-kontenut massimu ta’ proteini pjuttost milli l-valur minimu, li huwa l-każ għall-maġġoranza tar-rekwiżiti deskrittivi għaz-zlazet u/jew prodotti oħrajn tal-laħam.
5.2. Emenda ta’ elementi mhux essenzjali: Metodu ta’ produzzjoni
Il-punt 5 tal-Artikolu 5(2) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (Stadji u metodi ta’ produzzjoni) u l-punt 3.3 tad-Dokument Uniku (Għalf u materja prima) ġew emendati fir-rigward tal-użu ta’ nitrati u nitriti fit-taħlita tat-taħwir biex l-użu ta’ dawn iż-żewġ addittivi jsir fakultattiv flok obbligatorju.
L-emenda tintroduċi l-kelma “fakultattivament” fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fir-rigward tal-użu ta’ nitriti u nitrati fit-taħlita tat-taħwir.
L-għan tal-emenda huwa li tipprevedi b’mod espliċitu dispożizzjoni l-possibbiltà li n-nitriti u n-nitrati ma jintużawx bħala preservattivi u/jew stabilizzaturi, peress li għadd ta’ produtturi ma jqisux li din il-prattika hija essenzjali għall-produzzjoni tal-“Pitina” li tikkonforma mar-rekwiżiti. L-emenda ma teħtieġx bidla fid-deskrizzjoni tal-prodott, peress li d-deskrizzjoni tal-prodott lest tispeċifika li dawn l-addittivi jinsabu fi kwantitajiet ta’ inqas minn 100 mg/kg nitrati u inqas minn 25 mg/kg nitriti, dan huwa konsistenti wkoll meta l-addittivi jkunu kompletament nieqsa.
5.3. Emenda ta’ elementi mhux essenzjali: Metodu ta’ produzzjoni
Il-punti 6 u 7 tal-Artikolu 5(2) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (Stadji u metodi ta’ produzzjoni) ġew emendati biex jipprovdu speċifikazzjonijiet aktar dettaljati li jikkonċernaw l-istadji tal-affumikazzjoni u tat-tnixxif.
B’mod partikolari, il-punt 6 ġie emendat biex jispeċifika li l-affumikazzjoni “tista’ tiġi alternata mat-tnixxif” u t-temperatura ambjentali għall-affumikazzjoni nbidlet minn “18–30 °C” għal “ma tridx taqbeż it-30 °C”.
Fil-punt 7, il-ħin tal-bidu għall-kalkolu tad-durata tat-tnixxif inbidel minn “24:00 fil-jum meta jibda t-tnixxif” għal “mis-siegħa meta jibda t-tnixxif”.
L-effett ikkombinat ta’ dawn l-emendi huwa li jagħmlu l-possibbiltà li l-istadji tat-tnixxif u tal-affumikazzjoni jiġu alternati bħala waħda espliċita, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti korrispondenti li diġà huma speċifikati. Il-livell baxx ta’ affumikazzjoni li jsir lill-“Pitina” u n-natura delikata tal-proċess ta’ tnixxif ma jirrikjedux sekwenza riġida taż-żewġ operazzjonijiet daqskemm jirrikjedu kombinazzjoni tal-effetti meħtieġa għall-istadju tal-maturazzjoni. Fil-proċess ta’ produzzjoni tal-“Pitina”, xi drabi jkun hemm ħtieġa li jiġu alternati l-istadji tal-affumikazzjoni u tat-tnixxif, filwaqt li jinżammu l-ħinijiet tad-durata u tal-kombustjoni oriġinali minimi, massimi u totali, u dawn, fi kwalunkwe każ, iridu jippreċedu l-istadju tal-maturazzjoni.
Il-limitu tat-temperatura minima għall-ispazju tal-affumikazzjoni tneħħa peress li ma kienx parametru teknoloġiku li jaffettwa l-eżiti tal-proċess ta’ produzzjoni u b’hekk huwa possibbli li jiġu koperti wkoll it-temperaturi fi tmiem il-proċess, li jistgħu jinżlu taħt it-18 °C, b’mod partikolari matul ix-xhur kesħin tax-xitwa. Sabiex jiġu żgurati l-affumikazzjoni u l-preservazzjoni korretti tal-prodott, l-uniku limitu tat-temperatura importanti li għandu jiġi osservat huwa t-temperatura massima ta’ 30 °C.
Finalment, il-formulazzjoni relatata mal-metodu tal-kalkolu tal-bidu tal-istadju tat-tnixxif ġiet ikkoreġuta biex jitneħħa l-iżball li sar fl-abbozzar tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali, li b’mod żbaljat jiddikjara li l-kalkolu tal-istadju tat-tnixxif jibda 24 siegħa wara li jibda t-tnixxif fir-realtà.
L-emendi deskritti ma jirriżultawx f’bidliet fil-kompożizzjoni jew fid-deskrizzjoni tal-prodott.
DOKUMENT UNIKU
“PITINA”
Nru tal-UE: PGI-IT-02332-AM01 – 21.2.2022
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Pitina”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-“Pitina” tinkiseb minn taħlita magħmula minn:
— |
parti magħmula l-aktar mid-dgħif ta’ waħda mill-ispeċijiet ta’ annimali li ġejjin: nagħaġ, mogħoż, ċrejjev, dajn, ċerv aħmar, kamoxxi; |
— |
parti magħmula l-aktar minn laħam xaħmi taż-żaqq jew tal-ispalla tal-majjal. |
Minn barra, il-“Pitina” għandha forma semisferika, ta’ kulur bejn isfar dehbi u isfar fil-kannella;
meta tinqata’, il-kulur minn ġewwa huwa bejn aħmar jgħajjat u bordeaux skur li jiskura aktar lejn il-tarf. Meta jinqata’, il-pejst tal-laħam huwa dgħif b’konsistenza fina ħafna. It-togħma hija kumplessa u bnina bl-aroma karatteristika tal-affumikar.
Meta tinħareġ għall-konsum, il-“Pitina” jkollha l-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi li ġejjin:
|
Indewwa: < 55 % |
|
Melħ < 5,3 % |
|
Proteina: < 38 % |
|
Nitrati < 100 mg/kg |
|
Nitriti < 25 mg/kg |
|
Il-“Pitina” tiżen bejn 100 u 300 gramma. |
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
— |
Materja prima tal-laħam:
|
It-taħwir:
|
It-taħwir huwa magħmul minn taħlita ta’ melħ tal-baħar jew melħ tal-blat jew taħlita tat-tnejn li huma, flimkien ma’ bżar, tewm, inbid u ħxejjex aromatiċi; b’mod fakultattiv, jistgħu jintużaw ukoll nitriti u nitrati. |
|
Il-ħxejjex aromatiċi li huma permessi huma: l-ġnibru, il-karwija jew il-bużbież selvaġġ, iż-żerriegħa tal-bużbież, l-Achillea moschata. |
Il-kisi:
|
Dqiq tal-qamħirrum |
Il-materja prima jrid ikollha r-rekwiżiti li ġejjin:
(a) |
kulur u karatteristiċi tal-laħam: dgħif aħmar, mingħajr rita ta’ xaħam u mingħajr mikroemoraġiji jew ematomi; |
(b) |
kulur u karatteristiċi tal-laħam taż-żaqq u/jew tal-ispalla tal-majjal: dgħif aħmar jagħti fir-roża u xaħam abjad silġ. |
Mhuwiex permess laħam li jiġi sseparat b’mod mekkaniku.
Il-materja prima tal-laħam irid ikollha l-perċentwali ta’ kompożizzjoni li ġejjin:
|
Minimu |
Massimu |
Id-dgħif |
70 % |
90 % |
Ix-xaħmi |
10 % |
30 % |
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-“Pitina”, mit-tneħħija tax-xaħam ta’ barra tal-materja prima tal-laħam sal-maturazzjoni tal-prodott, isiru fiż-żona ġeografika ta’ produzzjoni.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
Il-“Pitina” hija kkummerċjalizzata sħiħa, ippakkjata f’vakwu jew f’atmosfera mmodifikata. L-operazzjonijiet ta’ ppakkjar tal-“Pitina” jridu jkunu parti mill-proċess tal-produzzjoni u jsiru biss fiż-żona tal-produzzjoni. Huwa neċessarju li l-ippakkjar ikun limitat għall-kuntest tal-produzzjoni tal-“Pitina” sabiex tkun iggarantita ż-żamma tal-ispeċifità tal-prodott. Bil-kontra ta’ prodotti oħra mmaturati, il-pejst tal-“Pitina” ma jitpoġġiex f’musrana. L-uniku element ta’ “kisi” u ta’ protezzjoni huwa magħmul mid-dqiq tal-qamħirrun preżenti fuq il-wiċċ tal-pejst li jingħata forma semisferika. Għalhekk, l-ippakkjar tal-prodott waqt il-produzzjoni jevita li tintilef il-forma tal-“Pitina”, u jevita wkoll li l-prodott jibbies ħafna minħabba li jibqa’ f’ambjenti b’kundizzjonijiet ta’ umdità u temperatura mhux ikkontrollati.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Kull pakkett għandu jkollu l-logo tal-prodott u s-simbolu tal-Unjoni Ewropea. L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Pitina” trid tidher fuq it-tikketta b’ittri ċari u indelibbli, distingwibbli b’mod ċar minn kull kitba oħra li tidher fuq it-tikketta; warajha eżatt għandu jkun hemm il-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” u/jew l-akronimu “IĠP”.
Il-logo tal-prodott jidher hawn taħt:
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Il-“Pitina” hija prodotta biss fil-provinċja ta’ Pordenone, fil-muniċipalitajiet ta’ Andreis, Barcis, Cavasso Nuovo, Cimolais, Claut, Erto Casso, Frisanco, Maniago, Meduno, Montereale Valcellina, Tramonti di Sopra u Tramonti di Sotto.
5. Rabta maż-żona ġeografika
L-ispeċifiċità tal-“Pitina” hija bbażata fuq il-kwalitajiet intrinsiċi u l-oriġinalità tal-prodott, u dawn jintwerew mill-użu mhux tas-soltu tal-laħam tal-annimali tal-kaċċa jew tan-nagħaġ u tal-mogħoż, li ma jinsab fl-ebda post ieħor fl-Alpi, u mill-metodi ta’ preservazzjoni li, b’differenza minn preparazzjonijiet oħrajn tal-laħam, ma jinvolvux musrana jew qoxra iżda saff irqiq ta’ dqiq tal-qamħirrun li, flimkien ma’ użu għaqli tal-affumikazzjoni, jippermetti li l-prodott jiġi mmaturat u jevita li l-prodott jinxef. Il-“Pitina” toriġina minn territorju b’kundizzjonijiet ekoambjentali distinti, li l-Osservatorju Meteoroloġiku Reġjonali (OSMER, 2011) iddefinixxa bħala “żona prealpina magħluqa bi profil klimatiku awtonomu, ikkaratterizzata minn medji annwali ta’ preċipitazzjonijiet rekord, b’taħlit frekwenti tal-masses ta’ arja, flimkien mal-ispeċifiċità tal-kuntest orografiku li għandu ‘l-aktar medda silġ wiesgħa permanenti u baxxa fl-Alpi””. Ġeografikament, it-territorju ta’ produzzjoni tal-“Pitina” jinkludi tliet widien imsejħa Valcellina, Val Colvera u Val Tramontina, li jinsabu fir-reġjun muntanjuż fuq il-pjanura għolja tal-Punent tal-Friuli, magħluq bejn ix-xmajjar Tagliamento u Piave. Parti mit-territorju tinsab fir-reġjun tal-Parco Naturale Dolomiti Friulane. Huwa territorju storikament ikkaratterizzat minn faqar, emigrazzjoni u ekonomija ta’ sopravivenza, fejn il-laħam kien prodott prezzjuż u fejn it-trobbija tal-ħnieżer kienet rari ħafna. Il-proteini tal-annimali kienu pprovduti mil-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż li kienu jinqatlu meta jilħqu ċertu età jew għax ikunu weġġgħu jew waqgħu ġo foss, jew inkella, xi kultant, mil-laħam tal-annimali ungulati tal-kaċċa li kważi dejjem kienet tkun illegali. Il-ħtieġa li l-ftit laħam li kellhom jinżamm għall-aktar żmien twil possibbli speċjalment għax-xhur tax-xitwa, wasslet għall-evoluzzjoni ta’ tekniki ta’ preservazzjoni li madankollu huma komuni fir-reġjun kollu tal-Alpi u fiż-żona tat-Tramuntana tal-Ewropa, fosthom l-affumikazzjoni u l-istabbilizzazzjoni permezz taż-żieda tax-xaħam tal-majjal. Fil-każ tal-“Pitina”, il-laħam li ma kienx jittiekel mill-ewwel u, b’mod aktar ġenerali, il-partijiet inqas ta’ kwalità, kienu jitqattgħu f’biċċiet, imbagħad kienu jneħħulhom ix-xaħam u l-għeruq, jagħmluhom kapuljat fuq injama li kienet tissejjaħ “pestadoria” b’sikkina tqila msejħa “manarin”; u minn dan il-kapuljat kienu jiffurmaw pulpetti biż-żieda tal-melħ, ta’ ħwawar (li xi kultant kienu tħallew jimmaċeraw fl-inbid) u bużbież salvaġġ. Imbagħad il-pulpetti (“pitine”) kienu jinksew bid-dqiq tal-qamħirrum u kienu jiġu affumikati fil-fuklar (“fogher” jew “fogolar”). Sensiela ta’ xehdiet bil-fomm, miġbura minn storiċi lokali mill-1978 (“La cultura popolare di Andreis e la sua valle” — teżi ta’ Renata Vettorelli — Università degli studi di Urbino — sena akkademika 1981-1982) tippermetti li wieħed jgħid b’ċertezza li l-preparazzjoni u l-konsum tal-“Pitina” kienu komuni ħafna fil-bidu tas-snin 1800 fil-Val Tramontina u fil-widien fil-qrib. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota r-referenza għall-“Pitina” u l-karatteristiċi speċifiċi tagħha fil-ktieb “La Valle del Colvera” (Mazzoli, Maniago, 1973): “… Il-Pitina kienet tiġi ppreparata bil-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż…” u d-deskrizzjoni aktar dettaljata fil-ktieb “Civiltà contadina del Friuli — architettura spontanea e lavoro a Navarons” ippubblikat fl-1979: “Il-Pitina hija pulpetta (b’dijametru ta’ tmien ċentimetri u ħoxna tliet ċentimetri) tal-laħam tan-nagħaġ jew tal-muntun, tal-mogħoż jew tal-bodbod jew tal-kamoxxi. Il-laħam jiġi ddissussat, jitneħħilu x-xaħam, jagħmluh kapuljat bil-magna jew bl-idejn, iżidulu l-melħ u l-bżar flimkien mat-tewm u perċentwal ta’ xaħam. Il-preparazzjoni titħallat sew u tinkesa bid-dqiq tal-polenta. Il-porzjonijiet jiġu affumikati fuq l-injam tal-ġnibru. Il-‘pitini’ jistgħu jinżammu f’post niexef anki għal aktar minn sena” (l-awtur uża l-kelma “pitini” bħala plural tad-denominazzjoni).
It-tradizzjoni tal-“Pitina” fil-Val Tramontina tissemma’ fil-“Guida turistica” tal-ħames żona tal-komunità muntanara (V Comunità Montana) ppubblikata fl-1989. “… jixraq li tissemma l-‘pitina’… magħmula mil-laħam tal-muntun affumikat bi ħxejjex u ħwawar aromatiċi rari miżjuda bil-ħila tal-esperti skont riċetta antika tal-familja li hija mħarsa strettament”. L-isem “Pitina” ġej mill-Val Tramontina. L-ewwel produtturi li għad hemm evidenza storika tagħhom kienu l-abitanti tal-frazioni ta’ Inglagna u Frasaneit, fil-muniċipalità ta’ Tramonti di Sopra. Mill-1969, f’din il-muniċipalità l-assoċjazzjoni Pro Loco reġgħet’ qajmet it-tradizzjoni lokali billi organizzat il-Festa tal-Pitina li ilha sseħħ kull sena f’Lulju minn dak iż-żmien. Bejn l-1997 u l-2000, l-Arcigola Slow Food daħħal il-“Pitina” fl-ewwel lista ta’ prodotti f’riskju li jintilfu, u fl-istess żmien inħareġ video (Pieffe immagini, Maniago, 1999) u twaqqaf “kumitat” biex jiġu salvagwardati t-tradizzjoni u r-riċetta. Kważi fl-istess żmien, il-prodott iddaħħal fl-ewwel lista tar-reġistru tal-prodotti tradizzjonali mfassal mir-Reġjun tal-Friuli Venezia Giulia b’konformità mad-Digriet Ministerjali 350/99.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jinsab fis-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335”
inkella:
billi tmur direttament fil-paġna ewlenija tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u mbagħad fuq “Prodotti DOP IGP STG” (man-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.