This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022XC0223(02)
Publication of an application for registration of a name pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs 2022/C 87/05
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2022/C 87/05
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2022/C 87/05
C/2022/1053
ĠU C 87, 23.2.2022, p. 16–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 87/16 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2022/C 87/05)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Äkta Gränna Polkagrisar”
Nru tal-UE: PGI-SE-02603 – 21 ta’ April 2020
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]
“Äkta Gränna Polkagrisar”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
L-Iżvezja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
L-“Äkta Gränna Polkagrisar” hu ħelu tradizzjonali bi strixxi spirali ħomor magħmul miz-zokkor imħawwar biż-żejt naturali tal-peppermint.
L-“Äkta Gränna Polkagrisar” għandu l-karatteristiċi li ġejjin:
Forma: Stikka ċilindrika dritta.
|
Tul: 10-50 cm |
|
Dijametru: 10-100 mm |
|
Superfiċe: Xotta u lixxa. |
|
Piż: 25-350 gramma |
Kulur: Abjad newtrali bi strixxi spirali ħomor karminju (lewn NCS 1080-R), fejn l-intensità tal-kulur aħmar tista’ tvarja ftit minn lott għall-ieħor.
|
|
|
Zokkor: 85-99 % |
|
Glukożju: 0-15 % |
|
Żejt tal-peppermint |
Kulur aħmar naturali – normalment aħmar karminju (E120)
Togħma: Togħma ċara tan-nagħniegħ li tiġi bbilanċjata wara ftit ħin bil-ħlewwa. Togħma friska u dejjiema tal-peppermint.
Aroma: Aroma ta’ nagħniegħ b’sfumaturi ħelwin.
Konsistenza: Iebsa imma tista’ tomgħodha kemm xejn. Għandha tkun possibbli li tinqata’ b’sikkina mingħajr ma titfarrak. Il-konsistenza tiddependi fuq għadd ta’ fatturi ambjentali u fatturi oħra. Il-parti ta’ ġewwa hija poruża bi bżieżaq tal-arja żgħar, tondi u delikati.
Esperjenza meta jittiekel: Inizjalment iebes ħafna, bil-mod il-mod jinbidel għal li tista’ tomgħodu u jirtab. It-toqob mimlija bl-arja jistgħu jiġu nnutati b’mod ċar. Il-bżieżaq tal-arja huma r-raġuni għaliex il-“polkagris” jiżviluppa wara xi ftit ħin konsistenza li tomgħod fil-ħalq.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Biex tipprepara l-“Äkta Gränna Polkagrisa”, iz-zokkor, ix-xropp tal-glukożju, l-ilma u l-ħall jitgħallew f’borom mingħajr għatu. Il-lott imsajjar ma jistax ikun fih aktar minn 5 kg zokkor.
Ladarba l-lott jilħaq madwar 150 °C il-massa titferra’ fuq ċangatura mkessħa. Parti żgħira tal-massa titneħħa u tiġi kkulurita ħamra.
Wara li l-massa titkessaħ għal madwar 70 °C, l-arja tinħadem fiha u fl-istess ħin titħawwar biż-żejt tal-peppermint.
Ladarba l-massa tkun bajda u poruża, id-dulċier tal-“polkagris” ikollu madwar 10 minuti biex jifforma l-“polkagrisar”. Il-massa tiġi ffurmata f’forma tawwalija qabel mal-massa ta’ kulur aħmar titqiegħed fuqha. Wara li tintewa u titgħawweġ, il-massa tiġi ffurmata f’“polkagris” kbir bi strixxi spirali ħomor li jinqata’ min-nofs. Iż-żewġ nofsijiet huma rromblati fi stikek irqaq li jerġgħu jinqatgħu min-nofs. Dan il-proċess ikompli sakemm il-“polkagrisar” ikun laħaq it-tul u l-ħxuna mixtieqa.
Il-“polkagrisar” komplut jitħalla jiksaħ fuq ċinga trasportatriċi li tkun qed tiċċaqlaq b’mod kostanti sabiex il-prodott jikseb il-forma lixxa u uniformi li hija karatteristika tal-“Äkta Gränna Polkagrisar”.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat
L-“Äkta Gränna Polkagrisar” jinbiegħ imgeżwer f’imballaġġ tal-karti jew bis-cellophane ittikettat “Äkta Gränna Polkagrisar”.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat
L-ebda rekwiżit addizzjonali għajr dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ordinarja.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
L-“Äkta Gränna Polkagrisar” isir fil-parroċċa ta’ Gränna fil-parti tal-Majjistral tal-provinċja ta’ Småland.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta maż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-metodu ta’ kif isir l-“Äkta Gränna Polkagrisar”, li joriġina fi Gränna u li nżamm sal-lum il-ġurnata.
L-arti ta’ kif isir l-“Äkta Gränna Polkagrisar” ġiet ivvintata fil-belt ta’ Gränna minn Amalia Eriksson f’nofs is-snin 1800. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ir-riċetta u l-metodu ta’ tħejjija ngħaddew f’sistema ta’ apprendisti, li fiha dulċiera ġodda jitgħallmu s-sengħa minn dulċier stabbilit tal-“polkagris”.
Sabiex tinkiseb il-konsistenza partikolari li tikkaratterizza l-“Äkta Gränna Polkagrisar”, dulċier tas-sengħa tal-“polkagris” għandu jkun jaf, fost affarijiet oħra, kif il-konsistenza hija affettwata mill-kwantitajiet tad-diversi ingredjenti, mill-punt tat-togħlija, mill-ammont ta’ arja maħduma fil-massa u mid-daqs tal-prodott finali.
Glukożju żejjed jew nuqqas ta’ ilma jwebbes il-“polkagris”, filwaqt li nuqqas ta’ ħall se jagħmlu imrammel. Jekk il-massa titgħalla bil-mod wisq, jew jekk it-temperatura tal-massa tkun baxxa ħafna meta titqiegħed fuq il-mejda mkessħa, il-“polkagris” jibqa’ artab. Id-dulċier għandu jiżgura wkoll li l-massa titkessaħ b’mod uniformi billi jċaqlaqha u billi jitwi t-truf b’mod kostanti.
Ladarba l-massa tkun tkessħet għat-temperatura t-tajba, id-dulċier jibda jaħdem l-arja fil-massa billi jiġbed u jgħawweġ b’mod ripetut madwar ganċ imwaħħal mal-ħajt. L-arja maħduma fil-massa jagħmilha bajda. Jekk il-dulċier ma jħaddimx fih biżżejjed arja, ikun hemm inqas bżieżaq tal-arja fil-massa, u b’hekk il-“polkagris” jibqa’ iebes. Ħafna arja tagħmel il-“polkagris” fraġli u jitfarrak aktar malajr.
Id-dulċier tal-“polkagris” għandu wkoll jadatta l-varjabbli msemmija hawn fuq skont id-daqs tal-prodott finali. Il-“Polkagris” kbir għandu t-tendenza li jiċċattja bil-piż tiegħu stess, b’tali mod li l-forma karatteristika ta’ stikka tonda tal-“Äkta Gränna Polkagrisar” tintilef. Id-dulċier tal-“polkagris” jista’ jmur kontra dan il-fenomenu billi jagħli l-massa f’temperatura ogħla jew billi juża aktar glukożju.
Sa mill-bidu tiegħu kien prodott lokali, u r-reputazzjoni tal-ħelu speċjali nfirex malajr permezz tal-artikli tal-istampa. Fil-bidu tas-snin 1900, l-“Äkta Gränna Polkagrisar” kien magħruf fil-parti l-kbira tal-Iżvezja. L-“Äkta Gränna Polkagrisar” kien ukoll esportat lejn l-Istati Uniti. Illum l-“Äkta Gränna Polkagrisar” hu magħruf sew madwar l-Iżvezja kollha u mit-turisti li jżuru Gränna, il-“belt tal-polkagris”.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
https://www.livsmedelsverket.se/globalassets/produktion-handel-kontroll/livsmedelsinformation-markning-halsopastaenden/skyddade-beteckningar/produktbeskrivning_akta_granna_polkagrisar_2021_10_04.pdf