EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC0211(03)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2022/C 70/08

C/2022/852

ĠU C 70, 11.2.2022, p. 23–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 70/23


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2022/C 70/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

“Sopa da Pedra de Almeirim”

Nru tal-UE: TSG-PT-02627 – 6 ta’ Awwissu 2020

Stat Membru jew pajjiż terz: Il-Portugall

1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat / ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati

“Sopa da Pedra de Almeirim”

2.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.21. Ikliet ippreparati.

3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

3.1.   Indika jekk il-prodott: (kaxxi ta’ kontroll , )

jirriżultax minn metodu ta’ produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondi għal prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew l-oġġett tal-ikel;

huwiex prodott minn materja prima jew minn ingredjenti li kienu jintużaw tradizzjonalment.

L-isem “Sopa da Pedra de Almeirim” ġieli jintuża ħażin, jiġifieri t-tiftix fuq l-internet kultant itella’ riċetti li jkopru firxa wiesgħa ta’ verżjonijiet ta’ “Sopa da Pedra de Almeirim” magħmulin miċ-ċanga, mill-karrotti u mill-kaboċċi, li ma humiex inklużi fir-riċetta ġenwina ta’ “Sopa da Pedra de Almeirim”, li dawk l-ingredjenti ma jiffurmawx parti minnha.

Għalhekk, meta jintuża l-isem “Sopa da Pedra de Almeirim”, dan jirreferi għal prodott speċifiku, magħmul minn ċerti ingredjenti (u minn dawk l-ingredjenti biss) li jikkonforma kemm mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif ukoll mal-metodu ta’ produzzjoni partikolari.

3.2.   Indika jekk l-isem:

kienx jintuża tradizzjonalment sabiex jirreferi għall-prodott speċifiku;

jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott.

L-isem “Sopa da Pedra de Almeirim” għadu jintuża u ssir referenza għalih f’bosta kotba msemmija fil-punt 4.3.

Ilha soppa tipika f’Almeirim għal diversi sekli, u l-preżentazzjoni kummerċjali ta’ dan il-platt bħala “Sopa da Pedra de Almeirim” lil pubbliku ferm usa’ bdiet fl-1960, meta restorant beda jipprepara u joffri s-soppa b’dak l-isem. Minħabba l-karatteristiċi fiżiċi tagħha, peress li s-soppa fiha biċċiet kbar, hija ta’ lewn kannella ħamrani u fiha ħafna ingredjenti, tqabblet mal-ġebel li bih huma pavimentati ħafna mit-toroq fil-parti l-qadima ta’ Almeirim. B’hekk, saret magħrufa bħala “Sopa da Pedra de Almeirim”.

4.   Deskrizzjoni

4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

“Sopa da Pedra de Almeirim” hija speċjalità magħmula mill-ħaxix, b’mod partikolari mill-fażola u mill-patata, u l-laħam tal-majjal (saqajn, ħaddejn, bacon u zalzett).

Karatteristiċi fiżiċi

“Sopa da Pedra de Almeirim” hija soppa ħoxna li fiha biċċiet kbar, minħabba l-preżenza ta’ ingredjenti bħall-fażola, il-patata u z-zalzett. Dawn il-karatteristiċi fiżiċi huma l-ispirazzjoni wara l-isem tal-platt, peress li jfakkru fil-ġebel li bih huma pavimentati l-eqdem toroq ta’ Almeirim.

Tabella I tistabbilixxi l-parametri fiżiċi prinċipali u l-meded rispettivi għall-ingredjenti prinċipali:

 

Parametru (valuri medji)

Kummenti

Ingredjenti

Daqs (cm)

 

Fażola pinto mnixxfa

1,0 - 2,0

 

Patata

0,5 - 3,0

Maqtugħa f’biċċiet kubi żgħar

Majjal: saqajn u/jew ħaddejn

1,0 - 3,0

Dawn jistgħu jkunu s-saqajn ta’ quddiem jew ta’ wara

 

Ħxuna (mm)

 

Zalzett: chouriço u morcela

4,0 - 10,0

Maqtugħ fi flieli

Zalzett: farinheira

5,0 - 12,0

Maqtugħ fi flieli

Karatteristiċi organolettiċi

Is-soppa hija ta’ lewn kannella ħamrani, b’biċċiet kbar ta’ daqsijiet differenti mxerrda tad-diversi ingredjenti tagħha, fosthom iz-zalzett, il-laħam, il-patata u l-kosbor.

Il-fażola tipproduċi speċi ta’ “krema” li tgħaqqad il-brodu u tipproduċi konċentrat, u l-kubi żgħar tal-patata wkoll jagħtu lis-soppa konsistenza iktar magħquda.

“Sopa da Pedra de Almeirim” hija soppa magħquda. Il-laħam tal-majjal jagħmilha kremuża u l-kombinazzjoni fluwida tal-fażola u l-patata tagħtiha sawra bellusija. Għandha togħma qawwija u bbilanċjata minħabba l-laħam tal-majjal u z-zalzett. Hemm ukoll ħjiliet ta’ ħwawar, bħall-imsiemer tal-qronfol u l-kemmun, miz-zalzett morcela, u ta’ bżar ħelu/paprika miċ-chouriço. Iż-żieda tal-kosbor frisk tagħti lis-soppa ċerta freskezza.

Is-soppa hija kombinazzjoni distintiva ta’ dawn it-togħmiet u sawriet, immarkata minn noti pikkanti miz-zalzett u l-majjal, u freskezza minħabba ż-żieda tal-kosbor frisk.

4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li l-produtturi għandhom isegwu, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti użati, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Materja prima

Il-materja prima u l-ingredjenti addizzjonali użati biex issir “Sopa da Pedra de Almeirim” huma kif ġej (għal kwantità ta’ 50 litru):

Fażola pinto mnixxfa (6 sa 8 kg)

Chouriço tal-majjal (1,4 sa 2,1 kg)

Mazzit tal-morcela (1,4 sa 2,1 kg)

Zalzett farinheira (1,35 sa 2,25 kg)

Saqajn u/jew ħaddejn tal-majjal (15 sa 25 kg)

Bacon ippreservat (0,5 sa 1,5 kg)

Patata (15 sa 25 kg)

Basal (2,5 sa 5 kg)

Kosbor frisk – qabel u wara t-tisjir (30 sa 150 g)

Tewm (250 sa 500 g)

Werqa randa (10 sa 30 werqa randa mnixxfa)

Bżar (15 sa 25 g)

Paprika (30 sa 150 g) u/jew pejst tal-bżar aħmar (200 sa 350 g)

Żejt taż-żebbuġa (1 sa 2,5 l) u/jew xaħam għall-ikel (200 sa 400 g)

Ilma (biżżejjed biex issir il-kwantità ta’ soppa indikata)

Melħ, għat-togħma

Preparazzjoni – madwar 30 sa 60 minuta

Is-saqajn jiġu mmellħa l-ġurnata ta’ qabel, u mbagħad imlaħalħa immedjatament qabel it-tisjir biex jitneħħa l-melħ żejjed. Bl-istess mod, il-fażola mnixxfa trid tixxarrab minn qabel, jew inkella trid titlaħlaħ bl-ilma qabel ma titqiegħed fil-borma. Il-basal u t-tewm jinqatgħu f’biċċiet irqaq. Il-patata tinqata’ f’biċċiet żgħar.

Tisjir – madwar 2 sa 4 sigħat

L-ewwel nett, mal-borma jiżdied l-ilma, flimkien mal-fażola, mal-basal, mat-tewm, mal-paprika u/jew mal-pejst tal-bżar aħmar, mal-bżar, mal-weraq tar-rand u, jekk jintużaw, ma’ ħwawar oħra bħall-kosbor, maż-żejt taż-żebbuġa jew max-xaħam għall-ikel (mhux neċessarjament f’dik l-ordni). L-ingredjenti jitpoġġew fil-borma kesħin, mingħajr ma jinqlew.

Imbagħad, jiżdiedu s-saqajn, il-ħaddejn, il-bacon u z-zalzett. Iz-zalzett farinheira jista’ jiżdied aktar tard, meta s-saqajn u l-fażola pinto jkunu kważi saru. Xi koki saħansitru jippreferu jsajruhom għalihom, biex jevitaw li jinqasmu.

Meta jkun sar kollox, jitneħħew il-laħam u z-zalzett. Ladarba jibirdu, dawn jinqatgħu f’biċċiet żgħar u fi flieli, rispettivament.

Il-patata, maqtugħa f’kubi żgħar irregolari, imbagħad tiżdied mal-brodu, li jkun għadu jtektek fil-borma. F’dan il-punt, il-ħwawar jistgħu jiġu aġġustati, jekk ikun hemm bżonn. Ladarba l-patata tkun saret, jintefa n-nar. Is-soppa jenħtieġ li titħalla toqgħod biex il-fażola tipproduċi l-“krema” tagħha u tgħaqqad il-brodu. Il-patata jenħtieġ ukoll li tkun bdiet tiddiżintegra, b’tali mod li t-truf tal-kubi irregolari żgħar jiġu għat-tond, li wkoll jgħin biex il-brodu jagħqad. Dan jiżgura li l-ingredjenti kollha jingħaqdu flimkien b’mod tajjeb u jipproduċu soppa lixxa u bellusija.

4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

L-oriġini ta’ “Sopa da Pedra de Almeirim”, qabel ma kienet magħrufa b’dak l-isem, tmur lura għall-platti tradizzjonali tal-bdiewa lokali f’dan ir-reġjun agrikolu fuq ix-xtajta tax-xmara Tagus.

Il-biedja ta’ sussistenza kellha importanza partikolari f’dan ir-reġjun, peress li ż-żona kienet tintuża bħala riżerva tal-kaċċa għar-rikreazzjoni tar-Re u tan-nies tal-palazz tiegħu, jiġifieri in-nies tal-lokal ma kellhomx permess jikkaċċaw. B’riżultat ta’ dan, il-ħxejjex imkabbra fil-ġonna kulinarji u l-majjali mrobbija fid-djar, li kienu jinqatlu fix-xitwa u l-partijiet kollha tagħhom kienu jintużaw, kienu kruċjali għas-sopravivenza tal-popolazzjoni.

Kienu preċiżament dawn li kienu jikkostitwixxu l-ingredjenti tal-famuża “Sopa da Pedra de Almeirim”, anke jekk ir-riċetta tvarja bejn familja u oħra. In-nies kienu jkabbru l-fażola u l-patata, u l-laħam tal-majjal kien jiġi ppreservat f’kontenituri tat-tmelliħ u kien jintuża biex isir iz-zalzett. Bħala regola, dawn kienu l-prodotti li ffurmaw il-bażi tas-soppa tradizzjonali tar-reġjun, li kienet sustanzjuża ħafna u ideali biex tagħti s-saħħa meħtieġa għax-xogħol agrikolu iebes. Barra minn hekk, peress li kienet rikka, u kien fiha l-majjal, il-bacon u z-zalzett, kienet meqjusa ikla sħiħa. “Din ir-riċetta, li toriġina min-nies komuni, hija parti integrali mill-kultura popolari ta’ Almeirim,” jgħid l-istoriku lokali Eurico Henriques, li huwa wkoll il-kunsillier muniċipali ta’ Almeirim responsabbli għall-kultura.

Kien biss ħafna wara, fil-bidu tas-snin sittin (sitt deċennji), li s-soppa saret magħrufa bħala “Sopa da Pedra de Almeirim”. Il-popolarità ta’ din l-ispeċjalità lokali kibret l-iżjed bis-saħħa tal-ħanut żgħir tal-merċa mmexxi mill-bejjiegħ tal-ħut José Manuel “Toucinho” u minn martu Maria Manuela Aranha, li twieldet fl-1912 u hija meqjusa bħala “l-omm tas-sopa da pedra”, li ommha Mariana kienet ilha tagħmel din is-soppa tal-laħam u l-fażola minn ħafna qabel l-1960 [ara: Morreu a Mãe da Sopa da Pedra - YouTube, imtella’ fl-4 ta’ Mejju 2009].

Skont l-istorja tal-familja, dan il-ħanut fil-parti l-qadima tal-belt kien jilqa’ lill-bejjiegħa li jivvjaġġaw, li kienu jieqfu fl-inħawi biex ibigħu l-oġġetti tagħhom u biex jirkupraw saħħithom għall-bqija tal-vjaġġ tagħhom. Hawnhekk kienu jduqu wħud mill-platti reġjonali li kienet tipprepara l-familja. Is-soppa lokali tal-fażola, tal-patata u taz-zalzett dejjem kienet tkun fil-menù, u kienet favorita sew fost il-vjaġġaturi. Hélia Costa, bint il-koppja li stabbilew il-ħanut tal-merċa u aktar tard ir-restorant, tirrakkonta: “Dawn il-bejjiegħa kienu wkoll il-fornituri tagħna, nies li konna nafuhom sew. Darba waħda, wieħed minnhom ġie biex jiekol, u ommi servietu soppa minn riċetta li kienu jagħmlu n-nanniet tiegħi. Tant għoġbitu li ried iġib lil uħud minn sħabu biex iduquha. Imma peress li hawnhekk kienu jsiru sopop oħra, biex ikun jista’ jidentifika din ir-riċetta speċifika, qal: ‘Dik is-soppa skura u tqila, li qisha l-ġebel tat-triq’, b’referenza għat-toroq miksija biċ-ċagħaq taż-żona. Għad hawn ħafna toroq miksija b’ċagħaq bħal dawn f’dawn in-naħat.”

L-isem li ngħatat, ispirat mill-ġebel tal-pavimentar tal-eqdem toroq f’din il-belt fir-Ribatejo, sar l-isem kummerċjali ta’ soppa rustika tradizzjonali li, meta ġriet il-kelma, saret famuża u bdiet tiġbed il-viżitaturi lejn il-belt, li kienu jiġu hemm biss biex iduquha. Il-ħanut tal-merċa żgħir ta bidu, fl-1962, għar-restorant rinomat bħala “l-pijunier tas-Sopa da Pedra de Almeirim”. Matul is-snin, fetħu restoranti oħra u dawn bdew jagħmlu s-“Sopa da Pedra de Almeirim” skont ir-riċetti lokali, u din l-attività kulinari baqgħet dejjem tikber fl-importanza.

Inkluża fil-Contos Tradicionais do Povo Português [Ħrejjef Folkloristiċi Tradizzjonali mill-Portugall] (1883) ta’ Teófilo Braga, il-leġġenda tgħid li kollox beda minn fra li b’makakkerija kbira daħak b’bidwi u wasslu biex jemmen li kien għamel soppa tajba minn ġebla li kien qed iġorr fil-but. Mal-ġebla żied il-patata, il-fażola u z-zalzett biex issir is-soppa. Bl-assoċjazzjoni tal-isem “Sopa da Pedra” mas-soppa deskritta fl-istorja, u x-xebh tal-ingredjenti tagħha ma’ dawk tas-soppa ta’ Almeirim, il-fatti u l-ħrejjef malajr tħalltu. Din il-leġġenda saret reklam li għen jagħmel is-“Sopa da Pedra de Almeirim” ta’ veru popolari. Peress li l-viżitaturi fir-restoranti spiss kienu jistaqsu għall-ġebla, sar komuni li tiżdied waħda mas-suppiera qabel tisserva.

Il-fama tas-“Sopa da Pedra de Almeirim” infirxet mal-pajjiż kollu, u anke f’pajjiżi oħra, bis-saħħa tal-Confraria Gastronómica de Almeirim [is-Soċjetà Gastronomika ta’ Almeirim], li l-għan tagħha huwa li xxerred u tippreserva l-wirt kulturali, storiku, etnografiku u kulinari ta’ din il-muniċipalità fir-Ribatejo. “Fost ir-riċetti tipiċi kollha ta’ Almeirim, is-Sopa da Pedra tispikka b’mod ċar. Nivvjaġġaw madwar il-pajjiż kollu biex nippromwovuha, u diġà xandarna l-kelma f’pajjiżi bħal Spanja, Franza, il-Belġju u l-Ungerija,” jgħid Rui Figueiredo, il-Gran Mastru tas-Soċjetà, li, mill-2013, bdiet torganizza l-festival annwali tas-“Sopa da Pedra de Almeirim”.

Din l-ispeċjalità tradizzjonali tant hija assoċjata mill-qrib ma’ Almeirim, il-post tal-oriġini tagħha, li matul is-snin is-“Sopa da Pedra de Almeirim” bdiet tissejjaħ ikona kulinari ewlenija, waħda mill-ispeċjalitajiet l-aktar magħrufa tal-Portugall, fuq programmi televiżivi ddedikati għall-kċina nazzjonali (RTP, 2009, 7 Maravilhas da Gastronomia| Sopa da Pedra| Reportagem; RTP Memória, 2017, Horizontes da Memória, Sopa da Pedra, Almeirim, 1999; TV4Ribatejo, 2009, Morreu a Mãe da Sopa da Pedra).

Persuni ewlenin fil-preservazzjoni u t-tixrid ta’ platti nazzjonali, bħal Maria de Lourdes Modesto, inkludew is-“Sopa da Pedra de Almeirim” fost ir-riċetti popolari tagħhom mis-1960ijiet ’l hawn [Modesto, M.L. (1982), Cozinha Tradicional Portuguesa [Il-Kċina Tradizzjonali Portugiża], Verbo, Lisbona, l-ewwel edizzjoni].

Il-festival annwali tas-Sopa da Pedra, li ilu jsir kull sena mill-2013, diġà sar avveniment ewlieni fil-ħajja kulturali tal-belt u jġib eluf ta’ viżitaturi lejn il-belt. Bl-appoġġ tal-kunsill muniċipali, dan l-avveniment huwa promoss mis-Soċjetà Gastronomika ta’ Almeirim, li ġiet stabbilita bil-għan li tippromwovi l-affarijiet tipiċi lokali, u b’mod partikolari s-“Sopa da Pedra de Almeirim”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top