Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 52022PC0731

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818

    COM/2022/731 final

    Strasburgu, 13.12.2022

    COM(2022) 731 final

    2022/0425(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818

    {SWD(2022) 424 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Matul l-aħħar għaxar snin, l-UE u partijiet oħrajn tad-dinja raw żieda fil-kriminalità serja u organizzata. Skont il-Valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-Europol, il-biċċa l-kbira tal-kriminalità organizzata tinvolvi l-ivvjaġġar internazzjonali, tipikament immirat lejn il-kuntrabandu tal-persuni, id-drogi jew oġġetti illeċiti oħrajn fl-UE. B’mod partikolari, il-kriminali jagħmlu użu frekwenti mill-ajruporti ewlenin tal-UE, kif ukoll minn ajruporti reġjonali iżgħar li joperaw linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi. 1 Bl-istess mod, ir-Rapport tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu tal-Europol juri li t-theddida terroristika fl-UE għadha reali u serja, 2 filwaqt li jindika li l-biċċa l-kbira tal-kampanji terroristiċi għandhom karattru tranżnazzjonali bl-involviment ta’ kuntatti tranżnazzjonali jew ta’ vjaġġi barra mill-UE. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni dwar il-vjaġġaturi bl-ajru hija għodda importanti għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jiġġieldu l-kriminalità serja u t-terroriżmu fl-UE.

    Id-data tal-vjaġġaturi bl-ajru tinkludi Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (API) u Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) li, meta jintużaw flimkien, ikunu partikolarment effettivi biex jidentifikaw vjaġġaturi ta’ riskju għoli u biex jikkonfermaw ix-xejra tal-ivvjaġġar ta’ individwi suspettati. Meta passiġġier jixtri biljett ma’ trasportatur tal-ajru, se jiġi ġġenerat PNR mis-sistemi ta’ prenotazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru għall-finijiet tan-negozju tagħhom. Dan jinkludi data dwar l-itinerarju sħiħ, id-dettalji tal-ħlas, id-dettalji ta’ kuntatt u t-talbiet speċjali tal-passiġġier. Fejn japplika obbligu għal dak l-għan, din id-data tal-PNR tintbagħat lill-Unità tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (PIU) tal-pajjiż tad-destinazzjoni u spiss tal-pajjiż tat-tluq.

    Fl-UE, id-Direttiva dwar il-PNR 3 ġiet adottata fl-2016 biex tiżgura li l-Istati Membri kollha jimplimentaw regoli dwar il-ġbir ta’ data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru biex jipprevjenu, jidentifikaw, jinvestigaw u jipprosegwixxu reati terroristiċi u kriminalità serja, mingħajr preġudizzju għar-regoli eżistenti tal-UE dwar l-obbligu għat-trasportaturi tal-ajru li jiġbru d-data tal-API stabbilita fid-Direttiva dwar l-API. 4 Skont id-Direttiva dwar il-PNR, l-Istati Membri jridu jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR diment li jkunu diġà ġabru tali data fil-kors normali tan-negozju tagħhom. Id-Direttiva dwar il-PNR tippermetti l-ipproċessar konġunt kemm tad-data tal-API kif ukoll tad-data tal-PNR, minħabba li d-definizzjoni tagħha tad-data tal-PNR tinkludi “kwalunkwe informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (API) miġbura”. 5 Madankollu, id-Direttiva dwar il-PNR ma tobbligax lit-trasportaturi tal-ajru jiġbru xi data lil hinn mill-kors normali tan-negozju tagħhom. Konsegwentement, id-Direttiva dwar il-PNR ma twassalx għall-ġbir tas-sett sħiħ ta’ data tal-API, minħabba li t-trasportaturi tal-ajru ma għandhom l-ebda skop kummerċjali biex jiġbru tali data.

    Huwa biss fejn japplika obbligu għal dak l-għan li d-data tal-API tinġabar mit-trasportatur tal-ajru waqt ir-reġistrazzjoni tal-passiġġier (reġistrazzjoni online u fl-ajruport). Din imbagħad tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera bħala “manifest tal-lista tal-passiġġieri” komplut li jkun fih il-passiġġieri kollha abbord mat-tluq tal-ajruplan. Filwaqt li d-data tal-API titqies bħala informazzjoni “vverifikata” minħabba li tikkorrespondi għal vjaġġaturi li eventwalment ikunu imbarkaw l-inġenju tal-ajru, u li tista’ tintuża wkoll mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jidentifikaw persuni suspettati u persuni mfittxija, id-data tal-PNR hija informazzjoni “mhux ivverifikata” ipprovduta mill-passiġġieri. Id-data tal-PNR ta’ passiġġier partikolari ġeneralment ma jkunx fiha l-elementi potenzjali kollha tal-PNR, iżda biss dawk ipprovduti mill-passiġġier u/jew meħtieġa għall-prenotazzjoni u, b’hekk, għall-iskop tan-negozju normali tat-trasportatur tal-ajru.

    Mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-API fl-2004, hemm kunsens globali li d-data tal-API ma hijiex biss strument ewlieni għall-ġestjoni tal-fruntieri, iżda wkoll għodda importanti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari biex jiġu miġġielda l-kriminalità serja u t-terroriżmu. B’hekk, fil-livell internazzjonali, mill-2014, ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ripetutament talbu għall-istabbiliment u għat-tnedija globali tas-sistemi tal-API u tal-PNR għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. 6 Barra minn hekk, l-impenn mill-Istati parteċipanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) biex jistabbilixxu sistemi tal-API jikkonferma l-importanza tal-użu ta’ din id-data fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità tranżnazzjonali.  7

    Kif muri mir-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tad-Direttiva dwar il-PNR, l-ipproċessar konġunt tad-data tal-API u tal-PNR mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi – li jfisser li d-data tal-PNR miġbura mit-trasportaturi tal-ajru għall-finijiet tan-negozju normali tagħhom u ttrasferita lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi hija kkomplementata minn obbligu li t-trasportaturi tal-ajru jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-API – iżid sostanzjalment l-effettività tal-ġlieda kontra reati serji u t-terroriżmu fl-UE. 8 L-użu kkombinat tad-data tal-API u tad-data tal-PNR jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonfermaw l-identità tal-passiġġieri u jtejjeb ħafna l-affidabbiltà tad-data tal-PNR. Tali użu kkombinat qabel il-wasla jippermetti wkoll lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jagħmlu valutazzjoni u jwettqu skrinjar aktar mill-qrib biss ta’ dawk il-persuni li huma l-aktar probabbli, abbażi ta’ kriterji u prattiki ta’ valutazzjoni oġġettivi u f’konformità mal-liġi applikabbli, li jippreżentaw theddida għas-sigurtà. Dan jiffaċilita l-ivvjaġġar tal-passiġġieri l-oħrajn kollha u jnaqqas ir-riskju li l-passiġġieri jkunu soġġetti għal eżami mal-wasla mill-awtoritajiet kompetenti abbażi ta’ elementi diskrezzjonali bħar-razza jew l-oriġini etnika li jistgħu jiġu assoċjati b’mod żbaljat mar-riskji għas-sigurtà mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

    Madankollu, il-qafas legali attwali tal-UE jirregola biss l-użu tad-data tal-PNR għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu, iżda ma jagħmilx dan speċifikament għad-data tal-API, li tista’ tintalab biss fuq titjiriet li ġejjin minn pajjiżi terzi, li jwassal għal nuqqas ta’ sigurtà, b’mod partikolari fir-rigward ta’ titjiriet intra-UE li għalihom l-Istati Membri jitolbu lit-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR. L-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri jiksbu l-aktar riżultati operattivi effettivi fuq titjiriet fejn tinġabar kemm id-data tal-API kif ukoll id-data tal-PNR. Dan ifisser li l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ma jistgħux jibbenefikaw mir-riżultati tal-ipproċessar konġunt tad-data tal-API u tad-data tal-PNR fuq titjiriet fl-UE, li għalihom tiġi ttrasferita biss id-data tal-PNR.

    Sabiex tindirizza dan in-nuqqas, l-Istrateġija tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2021 lejn żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ u reżiljenti talbet għal użu akbar tad-data tal-API flimkien mad-data tal-PNR għat-titjiriet intra-Schengen biex tissaħħaħ b’mod sinifikanti s-sigurtà interna, f’konformità mad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt fundamentali għal-libertà tal-moviment. 9  

    Għalhekk, ir-Regolament propost għandu l-għan li jistabbilixxi regoli aħjar għall-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API mit-trasportaturi tal-ajru għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-drittijiet fundamentali rilevanti stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (“il-Karta”), b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali, u r-rekwiżiti ta’ neċessità u proporzjonalità li jirriżultaw, il-proposta hija, kif spjegat ulterjorment hawn isfel, limitata bir-reqqa fil-kamp ta’ applikazzjoni u fiha limiti u salvagwardji stretti għall-protezzjoni tad-data personali.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Ir-regoli proposti dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-datatal-API għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja huma allinjati mar-regoli applikabbli għall-ipproċessar tad-data tal-PNR, kif stabbilit fid-Direttiva dwar il-PNR. 10 Huma jqisu l-interpretazzjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, b’mod partikolari dak li huwa speċifikat f’dik il-ġurisprudenza rigward l-ipproċessar tad-data tal-PNR għal titjiriet intra-UE, fejn it-trasferiment tad-data tal-PNR lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq titjiriet intra-UE jrid ikun selettiv u ma jistax ikun sistematiku, sakemm ma jkunx iġġustifikat minn theddida terroristika ġenwina u preżenti jew prevedibbli. 11  

    Sa fejn ikun hemm koinċidenza possibbli bejn ir-Regolament propost u r-regoli tad-Direttiva dwar il-PNR, meta jitqies li – kif imsemmi – skont dik id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ “data tal-PNR” tinkludi “kwalunkwe data ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (API) miġbura”, ir-regoli tar-Regolament propost jipprevalu, meta jitqies li dan huwa kemm lex specialis kif ukoll lex posterior. Filwaqt li l-Istati Membri jridu, skont id-Direttiva dwar il-PNR, jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR diment li jkunu diġà ġabru tali data fil-kors normali tan-negozju tagħhom, ir-Regolament propost jistabbilixxi obbligu li t-trasportaturi tal-ajru jiġbru d-data tal-API f’sitwazzjonijiet speċifiċi u jittrasferixxu dik id-data b’mod speċifiku. Għalhekk, ir-Regolament propost jikkomplementa d-Direttiva dwar il-PNR, billi jiżgura li fil-każijiet kollha li fihom l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi – jiġifieri l-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri – jirċievu data tal-PNR skont id-Direttiva dwar il-PNR, hemm obbligu li t-trasportaturi tal-ajru jiġbru u jittrasferixxu wkoll id-data tal-API lil dawn l-awtoritajiet kompetenti.

    Wara t-trażmissjoni tad-data tal-API lill-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (PIUs) stabbiliti mid-Direttiva dwar il-PNR, minbarra r-rekwiżiti limitati f’dan ir-rigward kif stabbiliti fir-Regolament propost, ir-regoli dwar l-ipproċessar sussegwenti tad-data tal-API mill-PIUs huma dawk stabbiliti fid-Direttiva dwar il-PNR. Kif imsemmi, id-Direttiva dwar il-PNR tippermetti l-ipproċessar konġunt tad-data tal-API u tad-data tal-PNR, billi d-definizzjoni tagħha ta’ data tal-PNR tinkludi “kwalunkwe data ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (API) miġbura”, inkluża għalhekk id-data tal-API riċevuta mill-PIUs skont ir-Regolament propost. Għaldaqstant, japplikaw ir-regoli tal-Artikolu 6 u tal-Artikoli 9 u dawk segwenti tad-Direttiva dwar il-PNR, relatati ma’ kwistjonijiet bħall-iskopijiet preċiżi tal-ipproċessar, il-perjodi ta’ żamma, it-tħassir, l-iskambju ta’ informazzjoni, it-trasferiment mill-Istati Membri lil pajjiżi terzi u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ tali data personali.

    Barra minn hekk, l-atti ġeneralment applikabbli tad-dritt tal-Unjoni se japplikaw f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fih. Fejn għandu x’jaqsam l-ipproċessar ta’ data personali, dan jgħodd, b’mod partikolari, għar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-data (GDPR), 12 id-“Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi” (LED) rigward il-protezzjoni tad-data 13 u r-Regolament tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data 14 . Dawk l-atti mhumiex affettwati mill-proposta preżenti.

    L-applikabbiltà tal-atti tad-dritt tal-Unjoni msemmija hawn fuq tfisser, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tal-API riċevuta skont dan ir-Regolament, li l-Istati Membri qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jfisser li r-regoli tal-Karta japplikaw ukoll. B’mod partikolari, ir-regoli ta’ dawk l-atti tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Karta.

    Filwaqt li tiżgura l-konsistenza mar-regoli stipulati fil-proposta għal Regolament dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għall-finijiet ta’ kontroll tal-fruntieri u effiċjenzi fit-trażmissjonijiet tad-data tal-API, il-proposta preżenti tipprevedi l-obbligu li t-trasportaturi tal-ajru jiġbru l-istess sett ta’ data tal-API u jittrasferixxu tali data lejn l-istess router stabbilit skont dak ir-Regolament propost l-ieħor.

    Il-ġbir tad-data tal-API mid-dokumenti tal-ivvjaġġar huwa konsistenti wkoll mal-linji gwida tal-ICAO dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar li Jinqraw minn Magni, 15 li huma trasposti fir-Regolament 2019/1157 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni, fid-Direttiva tal-Kunsill 2019/997 dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ emerġenza tal-UE u fir-Regolament 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi tas-sigurtà u l-bijometrika fil-passaporti. Dawn ir-Regolamenti huma l-prekursuri li jippermettu estrazzjoni awtomatizzata ta’ data kompluta u ta’ kwalità għolja mid-dokumenti tal-ivvjaġġar.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Għal dan ir-Regolament propost dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, filwaqt li jitqiesu l-għan tiegħu u l-miżuri previsti, il-bażi ġuridika xierqa hija l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Skont il-punt (d) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 82 tat-TFUE, l-Unjoni għandha s-setgħa li tadotta miżuri relatati mal-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti tal-Istati Membri b’rabta mal-proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet. Skont il-punt (a) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 87 tat-TFUE, l-Unjoni għandha s-setgħa li tadotta miżuri dwar il-ġbir, il-ħżin, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-kooperazzjoni tal-pulizija fl-UE.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika użata għall-proposta preżenti hija l-istess bħal dik użata għad-Direttiva dwar il-PNR, li hija xierqa meta jitqies mhux biss li r-Regolament propost għandu essenzjalment l-istess għan, iżda wkoll li jfittex li jikkomplementa d-Direttiva dwar il-PNR.

    Sussidjarjetà

    L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jridu jingħataw għodod effettivi biex jiġġieldu t-terroriżmu u l-kriminalità serja. Billi l-biċċa l-kbira tar-reati serji u l-atti terroristiċi jinvolvu vjaġġar internazzjonali, ħafna drabi bl-ajru, id-data tal-PNR uriet li hija effiċjenti ħafna biex tipproteġi s-sigurtà interna tal-UE. Barra minn hekk, l-investigazzjonijiet għall-fini tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma fil-biċċa l-kbira dipendenti fuq il-kooperazzjoni internazzjonali u transfruntiera.

    F’żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, il-ġbir, l-ipproċessar u l-iskambju ta’ data tal-passiġġieri, inkluża data tal-PNR u tal-API, mill-Istati Membri huma wkoll miżuri ta’ kumpens effiċjenti. Billi taġixxi b’mod koerenti fil-livell tal-UE, il-proposta se tikkontribwixxi biex tiżdied is-sigurtà tal-Istati Membri u, b’estensjoni, tal-UE kollha kemm hi.

    Id-Direttiva dwar l-API hija parti mill-acquis ta’ Schengen relatat mal-qsim tal-fruntieri esterni. Għalhekk, hija ma tirregolax il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API fuq titjiriet intra-UE. Fin-nuqqas ta’ data tal-API biex tikkomplementa d-data tal-PNR għal dawn it-titjiriet, l-Istati Membri implimentaw varjetà ta’ miżuri differenti li jfittxu li jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ data tal-identità dwar il-passiġġieri. Dawn jinkludu kontrolli fiżiċi tal-konformità biex tiġi vverifikata d-data tal-identità bejn id-dokument tal-ivvjaġġar u l-karta tal-imbark li jiġġeneraw kwistjonijiet ġodda mingħajr ma tissolva l-problema sottostanti tan-nuqqas ta’ data tal-API.

    L-azzjoni fil-livell tal-UE se tgħin biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet armonizzati dwar is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali, fl-Istati Membri. Is-sistemi differenti tal-Istati Membri li diġà stabbilew mekkaniżmi simili, jew li se jagħmlu dan fil-futur, jistgħu jħallu impatt negattiv fuq it-trasportaturi tal-ajru, billi jista’ jkollhom jikkonformaw ma’ diversi rekwiżiti nazzjonali diverġenti, pereżempju, fir-rigward tat-tipi ta’ informazzjoni li għandha tiġi ttrasferita u l-kundizzjonijiet li taħthom din l-informazzjoni jeħtieġ li tiġi pprovduta lill-Istati Membri. Dawn id-differenzi huma ta’ preġudizzju għall-kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja. Tali regoli armonizzati jistgħu jiġu stabbiliti biss fil-livell tal-UE.

    Billi l-objettivi ta’ din il-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, jista’ jiġi konkluż li l-UE hija kemm intitolata li taġixxi kif ukoll f’pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod indipendenti. Għalhekk, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    Proporzjonalità

    Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità stipulat fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, jeħtieġ li n-natura u l-intensità ta’ miżura partikolari jkunu jaqblu mal-problema identifikata. Il-problemi kollha indirizzati f’din l-inizjattiva leġiżlattiva jitolbu, b’xi mod jew ieħor, azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-UE li tippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw dawn il-problemi b’mod effettiv.

    Ir-regoli proposti dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API, soġġetti għal limitazzjonijiet u salvagwardji stretti, se jsaħħu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja. Konsegwentement, ir-regoli proposti jikkorrespondu għal ħtieġa identifikata biex tissaħħaħ is-sigurtà interna, billi jirrispondu b’mod effettiv għall-problema li tirriżulta min-nuqqas ta’ pproċessar konġunt tad-data tal-API u tad-data tal-PNR, inkluż fuq dawk it-titjiriet intra-UE li għalihom l-Istati Membri jirċievu data tal-PNR.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta huwa limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ, jiġifieri huwa limitat għal dawk l-elementi li jeħtieġu approċċ armonizzat tal-UE, jiġifieri l-iskopijiet li għalihom l-API tista’ tintuża mill-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri, l-elementi tad-data li jeħtieġ li jinġabru u l-mezzi għall-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API mill-vjaġġaturi. It-trasferiment tad-data tal-API lir-router inaqqas il-kumplessità għat-trasportaturi tal-ajru biex iżommu konnessjonijiet mal-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri u jintroduċi ekonomiji ta’ skala, filwaqt li jnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni għall-iżbalji u l-abbuż. L-iskop ikopri biss ir-reati terroristiċi u l-kriminalità serja, kif definiti fil-proposta, fid-dawl tan-natura serja tagħhom u d-dimensjoni tranżnazzjonali tagħhom.

    Sabiex l-interferenza fuq id-drittijiet tal-passiġġieri tiġi limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ, għadd ta’ salvagwardji huma stabbiliti fil-proposta. B’mod aktar speċifiku, l-ipproċessar tad-data tal-API skont ir-Regolament propost huwa ristrett għal lista magħluqa u limitata ta’ data tal-API. Lil hinn minn hekk, ma għandha tinġabar l-ebda data tal-identità addizzjonali. Barra minn hekk, ir-Regolament propost jipprevedi biss regoli dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ data tal-API permezz tar-router lill-PIUs għall-finijiet limitati speċifikati hemmhekk u ma jirregolax l-ipproċessar ulterjuri tad-data tal-API mill-PIUs, minħabba li, kif spjegat hawn fuq, dan huwa kopert minn atti oħrajn tad-dritt tal-Unjoni (id-Direttiva dwar il-PNR, il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-Karta). Il-funzjonalitajiet tar-router u, b’mod partikolari, il-kapaċità tiegħu li jiġbor u jipprovdi informazzjoni statistika komprensiva jappoġġaw ukoll il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mit-trasportaturi tal-ajru u mill-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri. Huma previsti wkoll ċerti salvagwardji speċifiċi, bħal regoli dwar ir-reġistrazzjoni, il-protezzjoni tad-data personali u s-sigurtà.

    Sabiex jiġu żgurati n-neċessità u l-proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data skont ir-Regolament propost u, b’mod aktar speċifiku, fir-rigward tal-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API fuq titjiriet intra-UE, l-Istati Membri se jirċievu biss data tal-API għal dawk it-titjiriet intra-UE li huma jkunu għażlu f’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, l-ipproċessar ulterjuri tad-data tal-API mill-PIUs ikun soġġett għal-limiti u s-salvagwardji stabbiliti fid-Direttiva dwar il-PNR, kif interpretat mill-QĠUE fil-kawża Ligue des droits humains 16 fid-dawl tal-Karta.

    Għażla tal-istrument

    L-azzjoni proposta hija Regolament. Fid-dawl tal-ħtieġa li l-miżuri proposti jkunu direttament applikabbli u applikati b’mod uniformi madwar l-Istati Membri, Regolament huwa għalhekk l-għażla xierqa ta’ strument legali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Id-Direttiva dwar l-API ma timpedixxix l-ipproċessar tad-data tal-API għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u soġġett għar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data personali. Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ din il-possibbiltà madwar l-Istati Membri hija problematika, kif instab mill-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-API, li twassal għal lakuni fis-sigurtà minħabba nuqqas ta’ kriterji definiti mill-UE dwar il-ġbir u t-trasferiment tal-API għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi: 17  

    L-iskop tal-infurzar tal-liġi huwa interpretat b’mod wiesa’ fil-liġijiet nazzjonali ta’ xi Stati Membri, li jvarjaw minn reati amministrattivi, it-tisħiħ tas-sigurtà interna u tal-ordni pubbliku, għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-salvagwardja tal-interessi tas-sigurtà nazzjonali. L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-API indikat ukoll li użu effettiv tad-data tal-API għall-infurzar tal-liġi jkun jeħtieġ strument legali ddedikat għal dan l-iskop distint. 18

    Il-varjetà ta’ skopijiet għall-ġbir tad-data tal-API żżid il-kumplessità biex tiġi żgurata l-konformità mal-qafas tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali. Ir-rekwiżit li titħassar id-data tal-API fi żmien 24 siegħa huwa stabbilit biss fil-każ tal-użu tad-data tal-API għall-għan prinċipali tad-Direttiva dwar l-API, jiġifieri l-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Ma huwiex ċar jekk dan ir-rekwiżit japplikax ukoll fir-rigward tal-ipproċessar imwettaq għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi.

    Is-sett tad-data tal-API li jista’ jintalab mit-trasportaturi għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, minbarra l-prattika ta’ xi Stati Membri li jitolbu data tal-API li tmur lil hinn mil-lista mhux eżawrjenti inkluża fid-Direttiva dwar l-API, joħloq ostakli addizzjonali għat-trasportaturi tal-ajru biex jikkonformaw mar-rekwiżiti differenti meta jittrasportaw il-passiġġieri lejn l-UE.

    Bl-istess mod, id-Direttiva dwar l-API ma tagħti l-ebda indikazzjoni tat-titjiriet li għalihom tista’ tintalab id-data tal-API u lanqas lil liema awtorità għandha tiġi ttrasferita d-data tal-API jew il-kundizzjonijiet tal-aċċess għal tali data għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    It-tħejjija ta’ din il-proposta involviet firxa wiesgħa ta’ konsultazzjonijiet ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri (awtoritajiet kompetenti tal-fruntieri, Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri), rappreżentanti tal-industrija tat-trasport u trasportaturi individwali. L-aġenziji tal-UE – bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-UE għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), ipprovdew ukoll kontribut. Din l-inizjattiva tintegra wkoll il-fehmiet u l-feedback li waslu matul il-konsultazzjoni pubblika mwettqa fl-aħħar tal-2019 fil-qafas tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-API. 19

    L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni fil-kuntest tat-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt li tappoġġa din il-proposta ġabru feedback mill-partijiet ikkonċernati bl-użu ta’ diversi metodi. Dawn l-attivitajiet kienu jinkludu, b’mod partikolari, valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, studju ta’ sostenn estern u serje ta’ workshops tekniċi.

    Ġiet ippubblikata valutazzjoni tal-impatt tal-bidu għal feedback mill-5 ta’ Ġunju 2020 sal-14 ta’ Awwissu 2020, b’total ta’ seba’ kontribuzzjonijiet riċevuti li jipprovdu feedback dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-API futura, il-kwalità tad-data, is-sanzjonijiet, ir-relazzjoni tad-data tal-API u d-data tal-PNR, u l-protezzjoni tad-data personali. 20  

    L-istudju ta’ sostenn estern twettaq abbażi ta’ riċerka bbażata fuq dokumentazzjoni, intervisti u stħarriġ ma’ esperti fis-suġġett li eżaminaw miżuri possibbli differenti għall-ipproċessar tad-data tal-API b’regoli ċari li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar leġittimu, huma konsistenti mal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data personali tal-UE, u ma’ strumenti eżistenti oħrajn tal-UE u standards internazzjonali.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw ukoll serje ta’ workshops tekniċi ma’ esperti mill-Istati Membri u mill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen. Dawn il-workshops kellhom l-għan li jlaqqgħu flimkien esperti għal skambju ta’ fehmiet dwar l-għażliet possibbli li kienu previsti biex isaħħu l-qafas futur tal-API għall-finijiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll għall-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu.

    Il-valutazzjoni tal-impatt ta’ akkumpanjament tistabbilixxi deskrizzjoni aktar dettaljata tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati (l-Anness 2).

    Valutazzjoni tal-impatt

    F’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni wettqet Valutazzjoni tal-Impatt, kif ippreżentata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ akkumpanjament [referenza]. Il-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju rrieżamina l-abbozz ta’ valutazzjoni tal-impatt waqt il-laqgħa tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2022 u ta l-opinjoni pożittiva tiegħu fit-30 ta’ Settembru 2022.

    Fid-dawl tal-problemi identifikati dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API, il-Valutazzjoni tal-Impatt evalwat l-għażliet ta’ politika dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġbir tad-data tal-API għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, flimkien ma’ għażliet dwar il-mezzi biex tittejjeb il-kwalità tad-data tal-API. Fir-rigward tal-ġbir tad-data tal-API għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, il-valutazzjoni tal-impatt qieset il-ġbir tad-data tal-API fuq it-titjiriet kollha barra l-UE, minn naħa, u l-ġbir tad-data tal-API fuq it-titjiriet kollha barra l-UE u fuq titjiriet intra-UE magħżula, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, il-Valutazzjoni tal-Impatt qieset ukoll għażliet biex tittejjeb il-kwalità tad-data tal-API – jew biex tinġabar id-data tal-API bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati u manwali, jew biex tinġabar id-data tal-API bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati biss.

    Abbażi tas-sejbiet tar-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt, l-għażla ppreferuta għal strument tal-API għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi tinkludi l-ġbir tad-data tal-API fuq it-titjiriet kollha lejn u barra l-UE, kif ukoll fuq titjiriet intra-UE magħżula li għalihom tiġi ttrasferita d-data tal-PNR. Dan se jsaħħaħ b’mod sinifikanti r-robustezza tal-analiżi meħtieġa tad-data rilevanti relatata mal-vjaġġaturi tal-ajru fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu, bl-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri jibbenefikaw mid-disponibbiltà tad-data tal-API, ivverifikata u, b’hekk, ta’ kwalità ogħla, sabiex jiġu identifikati l-persuni involuti fi kriminalità serja jew terroriżmu. Il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi jibnu fuq il-kapaċitajiet żviluppati għat-trasferiment tad-data tal-API, permezz tar-router, għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni, mingħajr kostijiet addizzjonali għall-eu-LISA. It-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-data tal-API biss lir-router, li mbagħad jittrażmetti dik id-data lill-Unità tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri ta’ kull Stat Membru kkonċernat. Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li din hija soluzzjoni kosteffiċjenti għat-trasportaturi tal-ajru, li tnaqqas parti mill-kostijiet tat-trażmissjoni mġarrba mit-trasportaturi tal-ajru, filwaqt li tillimita wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni għal żbalji jew abbuż. Madankollu, differenti mis-sitwazzjoni attwali, skont ir-Regolament propost, it-trasportaturi tal-ajru jkollhom bżonn jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-API fuq it-titjiriet kollha koperti, irrispettivament mill-ħtiġijiet tan-negozju normali tagħhom u inklużi wkoll it-titjiriet intra-UE. Il-proposta hija konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima 21 u l-miri tal-Unjoni għall-2030 u l-2040.

    Drittijiet fundamentali

    Din l-inizjattiva tipprevedi l-ipproċessar tad-data personali tal-vjaġġaturi u, għalhekk, tillimita l-eżerċitar tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali kif garantit mill-Artikolu 8 tal-Karta u mill-Artikolu 16 tat-TFUE. Kif sottolinjat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE), 22 id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex dritt assolut, iżda kwalunkwe limitazzjoni trid titqies b’rabta mal-funzjoni tagħha fis-soċjetà u tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. 23 Il-protezzjoni tad-data personali hija wkoll marbuta mill-qrib mar-rispett għad-dritt għall-privatezza, bħala parti mid-dritt għall-ħajja privata u tal-familja protett mill-Artikolu 7 tal-Karta.

    Fir-rigward tal-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għal titjiriet intra-UE magħżula, din l-inizjattiva taffettwa wkoll l-eżerċitar tad-dritt fundamentali għal-libertà tal-moviment previst mill-Artikolu 45 tal-Karta u mill-Artikolu 21 tat-TFUE. Skont il-QĠUE, ostakolu għal-libertà tal-moviment tal-persuni jista’ jiġi ġġustifikat biss meta jkun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u meta jkun proporzjonat għall-objettiv leġittimu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali 24 .

    Skont dan ir-Regolament, il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API jistgħu jkunu biss għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità serja, kif definiti mid-Direttiva dwar il-PNR. Id-dispożizzjonijiet f’din il-proposta jipprevedu kriterji uniformi għall-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API fuq titjiriet barra l-UE (li jkunu deħlin u ħerġin) minn naħa, u titjiriet intra-UE magħżula, min-naħa l-oħra, abbażi ta’ valutazzjoni mwettqa mill-Istati Membri u soġġetti għal rieżami regolari, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Ligue des droits humains. L-obbligu li t-trasportaturi tal-ajru jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-API lir-router ikopri t-titjiriet intra-UE kollha. It-trażmissjoni mir-router lill-PIUs hija soluzzjoni teknika sabiex it-trażmissjoni tad-data tal-API lill-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri tiġi limitata għal titjiriet magħżula biss, mingħajr ma tiġi divulgata informazzjoni kunfidenzjali li fuqha jkunu ntgħażlu t-titjiriet intra-UE. Tali informazzjoni għandha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali, fid-dawl tar-riskju ta’ ċirkomvenzjoni li jkun jeżisti, jekk issir magħrufa mill-pubbliku ġenerali jew, b’mod aktar speċifiku, minn persuni involuti fi kriminalità serja jew f’attivitajiet terroristiċi.

    L-użu obbligatorju ta’ mezzi awtomatizzati mit-trasportaturi tal-ajru biex tinġabar ċerta data tal-API mill-vjaġġaturi jista’ jwassal għal riskji, inkluż mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data personali. Madankollu, tali riskji kienu limitati u mtaffija. L-ewwel nett, ir-rekwiżit japplika biss fir-rigward ta’ ċerta data tal-API, fejn mezzi awtomatizzati jistgħu jintużaw b’mod responsabbli, jiġifieri għal data li tinqara mill-magni fuq id-dokumenti tal-vjaġġaturi. It-tieni, ir-Regolament propost fih rekwiżiti rigward il-mezzi awtomatizzati li għandhom jintużaw, li għandhom jiġu elaborati ulterjorment f’att delegat. Fl-aħħar nett, huma previsti diversi salvagwardji, bħar-reġistrazzjoni, regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali u superviżjoni effettiva.

    Barra minn hekk, filwaqt li – minbarra d-dispożizzjoni li tiżgura l-konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop – ir-Regolament propost ma jirregolax l-użu li l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jagħmlu mid-data tal-API li jirċievu taħtu minħabba li – kif spjegat hawn fuq – diġà huwa kopert minn leġiżlazzjoni oħra, fl-interess taċ-ċarezza huwa mfakkar fil-premessi li kwalunkwe użu bħal dan ma jista’ jwassal għal ebda diskriminazzjoni prekluża skont l-Artikolu 21 tal-Karta.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din l-inizjattiva leġiżlattiva dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API, rispettivament, għall-iffaċilitar tal-kontrolli fil-fruntieri esterni u għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, ikollha impatt fuq il-baġit u l-ħtiġijiet tal-persunal tal-eu-LISA u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    Għall-eu-LISA, huwa stmat li se jkun meħtieġ baġit addizzjonali ta’ madwar EUR 45 miljun (33 miljun taħt il-QFP attwali) biex jiġi installat ir-router u EUR 9 miljun fis-sena mill-2029 ’il quddiem għall-ġestjoni teknika tiegħu, flimkien ma’ madwar 27 kariga addizzjonali biex jiġi żgurat li l-eu-LISA jkollha r-riżorsi meħtieġa biex twettaq il-kompiti attribwiti lilha f’dan ir-Regolament propost u fir-Regolament propost dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għall-iffaċilitar tal-kontrolli fil-fruntieri esterni.

    Għall-Istati Membri, huwa stmat li EUR 11-il miljun (EUR 3 miljun taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali) iddedikati għall-aġġornament tas-sistemi u l-infrastrutturi nazzjonali meħtieġa għall-PIUs jistgħu jkunu intitolati għal rimborż mill-Fond għas-Sigurtà Interna 25 , u mill-2028 ’il quddiem, progressivament sa madwar EUR 2 miljun fis-sena. Kwalunkwe intitolament bħal dan fl-aħħar mill-aħħar se jkollu jiġi ddeterminat f’konformità mar-regoli li jirregolaw dawk il-fondi, kif ukoll mar-regoli dwar il-kostijiet li jinsabu fir-Regolament propost.

    Fid-dawl tal-konnessjoni mill-qrib bejn dan ir-Regolament propost u r-Regolament propost dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għall-iffaċilitar tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasferiment tad-data tal-API lir-router, id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva, fl-anness ta’ dan ir-Regolament propost, hija identika għaż-żewġ proposti.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Il-Kummissjoni tiżgura li l-arranġamenti meħtieġa jkunu fis-seħħ sabiex timmonitorja l-funzjonament tal-miżuri proposti u tevalwahom fl-isfond tal-objettivi ta’ politika ewlenin. 4 snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet tar-Regolament dwar l-API propost, u kull 4 snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-implimentazzjoni tar-Regolament u l-valur miżjud tiegħu. Ir-rapport jirrapporta wkoll dwar kwalunkwe impatt dirett jew indirett fuq id-drittijiet fundamentali. Huwa jeżamina r-riżultati miksuba fl-isfond tal-objettivi u jivvaluta jekk ikunx għadu validu l-motiv sottostanti u kwalunkwe implikazzjoni għall-għażliet futuri.

    In-natura obbligatorja tal-obbligu li t-trasportaturi tal-ajru jiġbru d-data tal-API fuq titjiriet barra l-UE u titjiriet intra-UE magħżula u l-introduzzjoni tar-router tal-API se jippermettu perspettiva aktar ċara kemm dwar it-trażmissjoni tad-data tal-API mit-trasportaturi tal-ajru, kif ukoll dwar l-użu tad-data tal-API mill-Istati Membri f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli. Dan se jappoġġa lill-Kummissjoni fil-kompiti tagħha ta’ evalwazzjoni u infurzar billi jipprovdilha statistika affidabbli dwar il-volum ta’ data trażmessa u dwar it-titjiriet li għalihom tintalab id-data tal-API.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-Kapitolu 1 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali għal dan ir-Regolament, billi jibda bir-regoli dwar is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fih ukoll lista ta’ definizzjonijiet.

    Il-Kapitolu 2 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-ġbir, it-trasferiment lir-router u t-tħassir tad-data tal-API mit-trasportaturi tal-ajru, u r-regoli dwar it-trażmissjoni tad-data tal-API mir-router lill-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri.

    Il-Kapitolu 3 fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-reġistrazzjonijiet, speċifikazzjonijiet dwar min huma l-kontrolluri tad-data personali b’rabta mal-ipproċessar tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali skont dan ir-Regolament, is-sigurtà u l-awtomonitoraġġ mit-trasportaturi tal-ajru u mill-PIUs.

    Il-Kapitolu 4 jistabbilixxi wkoll regoli dwar il-konnessjonijiet u l-integrazzjoni mar-router mill-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri u mit-trasportaturi tal-ajru, kif ukoll dwar il-kostijiet tal-Istati Membri b’konnessjoni magħhom. Huwa fih ukoll dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sitwazzjoni ta’ impossibbiltà teknika parzjali jew sħiħa li jintuża r-router u dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara kkawżata lir-router.

    Il-Kapitolu 5 fih dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni, dwar il-penali possibbli applikabbli għat-trasportaturi tal-ajru għan-nuqqas ta’ konformità tal-obbligi tagħhom stabbiliti f’dan ir-Regolament u dwar it-tħejjija ta’ manwal prattiku mill-Kummissjoni.

    Il-Kapitolu 6 jipprevedi emendi għal strumenti eżistenti oħrajn, jiġifieri r-Regolament (UE) 2019/818.

    Il-Kapitolu 7 fih id-dispożizzjonijiet finali ta’ dan ir-Regolament, li jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ atti delegati, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u d-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tiegħu.

    2022/0425 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, il-punt (d) tal-Artikolu 82(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 87(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 26 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Id-dimensjoni tranżnazzjonali tal-kriminalità serja u organizzata u t-theddida kontinwa ta’ attakki terroristiċi fit-territorju Ewropew jitolbu azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu adottati miżuri xierqa bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni. L-informazzjoni dwar il-vjaġġaturi bl-ajru, bħar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) u, b’mod partikolari, l-Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (API), hija essenzjali sabiex jiġu identifikati vjaġġaturi b’riskju għoli, inklużi dawk li ma jkunux magħrufa b’mod ieħor mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u biex jiġu stabbiliti rabtiet bejn membri ta’ gruppi kriminali u jiġu miġġielda l-attivitajiet terroristiċi.

    (2)Filwaqt li d-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE 27 tistabbilixxi qafas legali għall-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API mit-trasportaturi tal-ajru bl-għanijiet li jittejbu l-kontrolli fuq il-fruntieri u tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali, hija tiddikjara wkoll li l-Istati Membri jistgħu jużaw id-data tal-API għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Madankollu, il-ħolqien biss ta’ tali possibbiltà jwassal għal diversi lakuni u nuqqasijiet. B’mod partikolari, dan ifisser li, minkejja r-rilevanza tagħha għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, id-data tal-API mhux fil-każijiet kollha tinġabar u tiġi ttrasferita mit-trasportaturi tal-ajru għal dawk il-finijiet. Dan ifisser ukoll li, fejn l-Istati Membri jkunu aġixxew fuq il-possibbiltà, it-trasportaturi tal-ajru jiffaċċjaw rekwiżiti diverġenti skont il-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ meta u kif jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-API għal dan l-iskop. Dawk id-diverġenzi jwasslu mhux biss għal kostijiet u kumplikazzjonijiet bla bżonn għat-trasportaturi tal-ajru, iżda huma wkoll ta’ preġudizzju għas-sigurtà interna tal-Unjoni u għall-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura differenti tal-finijiet tal-iffaċilitar tal-kontrolli fuq il-fruntieri u tal-infurzar tal-liġi, huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas legali distint għall-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għal kull wieħed minn dawk il-finijiet.

    (3)Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 li tistabbilixxi regoli dwar l-użu tad-data tal-PNR għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja. Skont dik id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu data tal-PNR, inkluża kwalunkwe data tal-API miġbura, lill-Unità ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (“PIU”) nazzjonali stabbilita skont dik id-Direttiva sal-punt li jkunu diġà ġabru tali data fil-kors normali tan-negozju tagħhom. Konsegwentement, dik id-Direttiva ma tiggarantix il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API fil-każijiet kollha, minħabba li t-trasportaturi tal-ajru ma għandhom l-ebda skop kummerċjali li jiġbru sett sħiħ ta’ tali data. L-iżgurar li l-PIUs jirċievu d-data tal-API flimkien mad-data tal-PNR huwa importanti, billi l-ipproċessar konġunt ta’ tali data huwa meħtieġ għall-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri biex ikunu jistgħu jipprevjenu, jidentifikaw, jinvestigaw u jħarrku b’mod effettiv reati terroristiċi u kriminalità serja. B’mod partikolari, tali pproċessar konġunt jippermetti l-identifikazzjoni akkurata ta’ dawk il-passiġġieri li jista’ jkollhom bżonn jiġu eżaminati ulterjorment, f’konformità mal-liġi applikabbli, minn dawk l-awtoritajiet. Barra minn hekk, dik id-Direttiva ma tispeċifikax fid-dettall liema informazzjoni tikkostitwixxi data tal-API. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli komplementari li jirrikjedu li t-trasportaturi tal-ajru jiġbru u sussegwentement jittrasferixxu sett speċifikament definit ta’ data tal-API, liema rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw sal-punt li t-trasportaturi tal-ajru jkunu marbuta skont dik id-Direttiva biex jiġbru u jittrasferixxu data tal-PNR fuq l-istess titjira.

    (4)Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti, fil-livell tal-Unjoni, regoli ċari, armonizzati u effettivi dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja.

    (5)Meta titqies ir-relazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ atti, jenħtieġ li dan ir-Regolament jinftiehem bħala li jikkomplementa r-regoli previsti fid-Direttiva (UE) 2016/681. Għalhekk, id-data tal-API għandha tinġabar u tiġi ttrasferita f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tas-sitwazzjonijiet u l-mod li bih dan għandu jsir. Madankollu, ir-regoli ta’ dik id-Direttiva japplikaw fir-rigward ta’ kwistjonijiet mhux koperti speċifikament minn dan ir-Regolament, speċjalment ir-regoli dwar l-ipproċessar sussegwenti tad-data tal-API riċevuta mill-PIUs, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-kundizzjonijiet tal-aċċess mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), it-trasferimenti lejn pajjiżi terzi, iż-żamma u d-depersonalizzazzjoni, kif ukoll il-protezzjoni ta’ data personali. Sa fejn japplikaw dawk ir-regoli, japplikaw ukoll ir-regoli ta’ dik id-Direttiva dwar il-penali u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament iħalli dawk ir-regoli mhux affettwati.

    (6)Il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API jaffettwaw il-privatezza tal-individwi u jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali. Sabiex jiġu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), jenħtieġ li jiġu previsti limiti u salvagwardji adegwati. B’mod partikolari, kwalunkwe pproċessar tad-data tal-API u, b’mod partikolari, tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, jenħtieġ li jibqa’ limitat għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħqu l-objettivi segwiti minn dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-API miġbura u ttrasferita skont dan ir-Regolament ma twassal għall-ebda forma ta’ diskriminazzjoni prekluża mill-Karta.

    (7)Fid-dawl tan-natura komplementari ta’ dan ir-Regolament b’rabta mad-Direttiva (UE) 2016/681, l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru skont dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw fir-rigward tat-titjiriet kollha li għalihom l-Istati Membri għandhom jitolbu li t-trasportaturi tal-ajru jittrażmettu d-data tal-PNR skont id-Direttiva (UE) 2016/681, jiġifieri t-titjiriet, inklużi kemm it-titjiriet skedati kif ukoll dawk mhux skedati, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn pajjiżi terzi (titjiriet barra l-UE), u bejn diversi Stati Membri (titjiriet intra-UE) sa fejn dawk it-titjiriet ikunu ntgħażlu f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/681, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tat-trasportaturi tal-ajru li jwettqu dawk it-titjiriet.

    (8)Għaldaqstant, minħabba li d-Direttiva (UE) 2016/681 ma tkoprix titjiriet domestiċi, jiġifieri, titjiriet li jitilqu u jinżlu fit-territorju tal-istess Stat Membru mingħajr ebda waqfa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz, u fid-dawl tad-dimensjoni tranżnazzjonali tar-reati terroristiċi u tal-kriminalità serja koperti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li tali titjiriet ma jkunux koperti minn dan ir-Regolament lanqas. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jinftiehemx bħala li qiegħed jaffettwa l-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu, skont il-liġi nazzjonali tagħhom u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, obbligi li t-trasportaturi tal-ajru jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-API dwar tali titjiriet domestiċi.

    (9)Fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-atti tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati u fl-interess tal-konsistenza u l-koerenza, jenħtieġ li d-definizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu allinjati kemm jista’ jkun mad-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/681 u fir-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API] u jiġu interpretati u applikati fid-dawl tagħhom 29 .

    (10)B’mod partikolari, il-punti ta’ informazzjoni li flimkien jikkostitwixxu d-data tal-API li għandha tinġabar u sussegwentement tiġi ttrasferita skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu dawk elenkati b’mod ċar u eżawrjenti fir-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API], li jkopru kemm l-informazzjoni relatata ma’ kull passiġġier kif ukoll l-informazzjoni dwar it-titjira ta’ dak il-vjaġġatur. Skont dan ir-Regolament, tali informazzjoni dwar it-titjiriet jenħtieġ li tkopri informazzjoni dwar il-punt ta’ qsim tal-fruntiera tad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat biss fejn applikabbli, jiġifieri, mhux meta d-data tal-API tkun relatata ma’ titjiriet intra-UE.

    (11)Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti kemm jista’ jkun dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API mit-trasportaturi tal-ajru, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu allinjati ma’ dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API], fejn xieraq. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-regoli dwar il-kwalità tad-data, l-użu mit-trasportaturi tal-ajru ta’ mezzi awtomatizzati għal tali ġbir, il-mod preċiż li bih għandhom jittrasferixxu d-data tal-API miġbura lir-router u t-tħassir tad-data tal-API.

    (12)Sabiex jiġi żgurat l-ipproċessar konġunt tad-data tal-API u tad-data tal-PNR biex jiġu miġġielda b’mod effettiv it-terroriżmu u l-kriminalità serja fl-Unjoni u fl-istess ħin tiġi minimizzata l-interferenza mad-drittijiet fundamentali tal-passiġġieri protetti skont il-Karta, jenħtieġ li l-PIUs ikunu l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jkunu fdati biex jirċievu, u sussegwentement jipproċessaw u jipproteġu ulterjorment, id-data tal-API miġbura u ttrasferita skont dan ir-Regolament. Fl-interess tal-effiċjenza u biex jiġi minimizzat kwalunkwe riskju għas-sigurtà, jenħtieġ li r-router, kif iddisinjat, żviluppat, ospitat u teknikament miżmum mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) f’konformità mar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API], jittrażmetti d-data tal-API, miġbura u ttrasferita lilu mit-trasportaturi tal-ajru skont dan ir-Regolament, lill-PIUs rilevanti. Minħabba l-livell meħtieġ ta’ protezzjoni tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, inkluż biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkonċernata, jenħtieġ li d-data tal-API tiġi trażmessa mir-router lill-PIUs rilevanti b’mod awtomatizzat.

    (13)Għal titjiriet barra l-UE, il-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se tinżel it-titjira u/jew li mit-territorju tiegħu se titlaq it-titjira jenħtieġ li tirċievi d-data tal-API mir-router għal dawk it-titjiriet kollha, minħabba li d-data tal-PNR tinġabar għal dawk it-titjiriet kollha f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/681. Jenħtieġ li r-router jidentifika t-titjira u l-PIUs korrispondenti bl-użu tal-informazzjoni li tinsab fil-lokalizzatur tar-rekords tal-PNR, element tad-data komuni għas-settijiet tad-data kemm tal-API kif ukoll tal-PNR li jippermetti l-ipproċessar konġunt tad-data tal-API u tad-data tal-PNR mill-PIUs.

    (14)Fir-rigward tat-titjiriet intra-UE, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), sabiex tiġi evitata interferenza bla bżonn mad-drittijiet fundamentali rilevanti protetti skont il-Karta u biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni, jenħtieġ li jiġi previst approċċ selettiv. Minħabba l-importanza li jiġi żgurat li d-data tal-API tkun tista’ tiġi pproċessata flimkien mad-data tal-PNR, jenħtieġ li dak l-approċċ jiġi allinjat ma’ dak tad-Direttiva (UE) 2016/681. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li d-data tal-API dwar dawk it-titjiriet tiġi trażmessa biss mir-router lill-PIUs rilevanti, fejn l-Istati Membri jkunu għażlu t-titjiriet ikkonċernati b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/681. Kif imfakkar mill-QĠUE, l-għażla tinvolvi li l-Istati Membri jimmiraw l-obbligi inkwistjoni biss lejn, fost l-oħrajn, ċerti rotot, xejriet tal-ivvjaġġar jew ajruporti, soġġetti għar-rieżami regolari ta’ dik l-għażla.

    (15)Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni ta’ dak l-approċċ selettiv skont dan ir-Regolament fir-rigward ta’ titjiriet intra-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jfasslu u jissottomettu lill-eu-LISA l-listi tat-titjiriet li jkunu għażlu, sabiex l-eu-LISA tkun tista’ tiżgura li għal dawk it-titjiriet biss id-data tal-API tiġi trażmessa mir-router lill-PIUs rilevanti u li d-data tal-API dwar titjiriet intra-UE oħrajn titħassar minnufih u b’mod permanenti.

    (16)Sabiex ma tiġix ipperikolata l-effettività tas-sistema li tibbaża fuq il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API stabbilita b’dan ir-Regolament, u tad-data tal-PNR skont is-sistema stabbilita bid-Direttiva (UE) 2016/681, għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, b’mod partikolari billi jinħoloq ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni, l-informazzjoni dwar liema titjiriet intra-UE ntgħażlu mill-Istati Membri jenħtieġ li tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li tali informazzjoni ma tiġix kondiviża mat-trasportaturi tal-ajru u, għalhekk, jenħtieġ li huma jkunu meħtieġa jiġbru d-data tal-API dwar it-titjiriet kollha koperti minn dan ir-Regolament, inklużi t-titjiriet intra-UE kollha, u mbagħad jittrasferuha lir-router, fejn jenħtieġ li tiġi ppromulgata l-għażla meħtieġa. Barra minn hekk, bil-ġbir tad-data tal-API dwar it-titjiriet intra-UE kollha, il-passiġġieri ma jiġux mgħarrfa fuq liema titjiriet intra-UE magħżula d-data tal-API u, b’hekk ukoll tal-PNR, tiġi trażmessa lill-PIUs f’konformità mal-valutazzjoni tal-Istati Membri. Dak l-approċċ jiżgura wkoll li kwalunkwe bidla relatata ma’ dik l-għażla tkun tista’ tiġi implimentata malajr u b’mod effettiv, mingħajr ma jiġi impost kwalunkwe piż ekonomiku u operazzjonali bla bżonn fuq it-trasportaturi tal-ajru.

    (17)Fl-interess li tiġi żgurata l-konformità mad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali u f’konformità mar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API], jenħtieġ li dan ir-Regolament jidentifika l-kontrolluri. Fl-interess ta’ monitoraġġ effettiv, l-iżgurar ta’ protezzjoni adegwata tad-data personali u l-minimizzazzjoni tar-riskji għas-sigurtà, jenħtieġ li jiġu previsti wkoll regoli dwar ir-reġistrazzjoni, is-sigurtà tal-ipproċessar u l-awtomonitoraġġ. Meta jkunu relatati mal-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jinftiehmu bħala li jikkomplementaw l-atti ġeneralment applikabbli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 , id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 . Jenħtieġ li dawk l-atti, li japplikaw ukoll għall-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament f’konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu, ma jiġux affettwati minn dan ir-Regolament.

    (18)Ir-router li għandu jinħoloq u jitħaddem skont ir-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API] jenħtieġ li jnaqqas u jissimplifika l-konnessjonijiet tekniċi meħtieġa għat-trasferiment tad-data tal-API, u jillimitahom għal konnessjoni waħda għal kull trasportatur tal-ajru u għal kull PIU. Għalhekk, dan ir-Regolament jipprevedi l-obbligu li l-PIUs u t-trasportaturi tal-ajru jistabbilixxu tali konnessjoni mar-router u jiksbu l-integrazzjoni meħtieġa miegħu, sabiex jiżguraw li s-sistema għat-trasferiment tad-data tal-API stabbilita minn dan ir-Regolament tkun tista’ tiffunzjona kif suppost.

    (19)Fid-dawl tal-interessi tal-Unjoni involuti, jenħtieġ li l-kostijiet xierqa mġarrba mill-Istati Membri b’rabta mal-konnessjonijiet u l-integrazzjoni tagħhom mar-router, kif meħtieġ skont dan ir-Regolament, jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli u soġġetti għal ċerti eċċezzjonijiet. Jenħtieġ li l-kostijiet koperti minn dawk l-eċċezzjonijiet jitħallsu minn kull Stat Membru kkonċernat innifsu.

    (20)F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1726, l-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-eu-LISA bil-kompitu li tiffaċilita l-konnettività mat-trasportaturi tal-ajru sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/681, b’mod partikolari billi jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-PNR permezz tar-router.

    (21)Ma jistax jiġi eskluż li, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u minkejja li jkunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha f’konformità ma’ dan ir-Regolament u, fir-rigward tar-router, mar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API], ir-router jew is-sistemi jew l-infrastruttura li jgħaqqdu l-PIUs u t-trasportaturi tal-ajru tagħhom jonqsu milli jiffunzjonaw kif suppost, u b’hekk iwasslu għal impossibbiltà teknika li jintuża r-router biex tiġi trażmessa d-data tal-API. Minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tar-router u li ġeneralment ma jkunx raġonevolment possibbli għat-trasportaturi tal-ajru li jittrasferixxu d-data tal-API affettwata min-nuqqas b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu permezz ta’ mezzi alternattivi, jenħtieġ li l-obbligu li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-data tal-API lir-router ma jibqax japplika sakemm tippersisti l-impossibbiltà teknika. Sabiex jiġu minimizzati d-durata u l-konsegwenzi negattivi tagħha, jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati f’każ bħal dan jinformaw minnufih lil xulxin u jieħdu minnufih il-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizzaw l-impossibbiltà teknika. Jenħtieġ li dan l-arranġament ikun mingħajr preġudizzju għall-obbligi skont dan ir-Regolament tal-partijiet kollha kkonċernati biex jiżguraw li r-router u s-sistemi u l-infrastruttura rispettivi tagħhom jiffunzjonaw kif suppost, kif ukoll għall-fatt li t-trasportaturi tal-ajru huma soġġetti għal penali meta jonqsu milli jissodisfaw dawk l-obbligi, inkluż meta jfittxu li jiddependu fuq dan l-arranġament meta tali dipendenza ma tkunx ġustifikata. Sabiex jiskoraġġixxu tali abbuż u jiffaċilitaw is-superviżjoni u, fejn meħtieġ, l-impożizzjoni ta’ penali, it-trasportaturi tal-ajru li jiddependu fuq dan l-arranġament minħabba l-falliment tas-sistema u l-infrastruttura tagħhom stess jenħtieġ li jirrapportaw dwar dan lill-awtorità superviżorja kompetenti.

    (22)Sabiex jiġi żgurat li r-regoli ta’ dan ir-Regolament jiġu applikati b’mod effettiv mit-trasportaturi tal-ajru, jenħtieġ li ssir dispożizzjoni għall-ħatra u għall-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mis-superviżjoni ta’ dawk ir-regoli. Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament dwar tali superviżjoni, inkluż fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ penali fejn meħtieġ, jenħtieġ li jħallu l-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u mad-Direttiva (UE) 2016/680 mhux affettwati, inkluż b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament.

    (23)Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi dawk finanzjarji, kontra dawk it-trasportaturi bl-ajru li jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API skont dan ir-Regolament.

    (24)Sabiex jiġu adottati miżuri relatati mar-rekwiżiti tekniċi u r-regoli operazzjonali għall-mezzi awtomatizzati għall-ġbir ta’ data tal-API li tinqara mill-magni, mal-protokolli u l-formati komuni li għandhom jintużaw għat-trasferiment tad-data tal-API mit-trasportaturi tal-ajru, mar-regoli tekniċi u proċedurali għat-trażmissjoni tad-data tal-API mir-router u lill-PIUs u mal-konnessjonijiet u l-integrazzjoni tal-PIUs u tat-trasportaturi tal-ajru mar-router, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 4, 5, 10 u 11, rispettivament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 33 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (25)Il-partijiet interessati kollha u, b’mod partikolari, it-trasportaturi tal-ajru u l-PIUs, jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jagħmlu t-tħejjijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies li xi wħud minn dawk it-tħejjijiet, bħal dawk li jirrigwardaw l-obbligi dwar il-konnessjoni u l-integrazzjoni mar-router, jistgħu jiġu ffinalizzati biss meta jkunu tlestew il-fażijiet tad-disinn u tal-iżvilupp tar-router u r-router jibda jopera. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss minn data xierqa wara d-data li fiha r-router jibda jopera, kif speċifikat mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API]. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni tadotta atti delegati skont dan ir-Regolament diġà minn data aktar bikrija, sabiex tiżgura li s-sistema stabbilita minn dan ir-Regolament tkun operattiva mill-aktar fis possibbli.

    (26)L-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni, għall-identifikazzjoni, għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, fid-dawl tad-dimensjoni tranżnazzjonali tar-reati kkonċernati u l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni fuq bażi transfruntiera sabiex dawn jiġu indirizzati b’mod effettiv, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment, iżda pjuttost jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

    (27)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (28)[F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.] JEW [F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda ma hijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.]

    (29)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fi [XX]. 34

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU 1

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar:

    (a)il-ġbir mit-trasportaturi tal-ajru ta’ data ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (“data tal-API”) dwar titjiriet barra l-UE u titjiriet intra-UE magħżula;

    (b)it-trasferiment mit-trasportaturi tal-ajru lir-router tad-data tal-API;

    (c)it-trażmissjoni mir-router lill-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (“PIUs”) tad-data tal-API dwar titjiriet barra l-UE u titjiriet intra-UE magħżula.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament japplika għat-trasportaturi tal-ajru li jwettqu titjiriet barra l-UE jew titjiriet intra-UE skedati jew mhux skedati.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)“trasportatur tal-ajru” tfisser impriża tat-trasport bl-ajru kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/681;

    (b)“titjiriet barra l-UE” tfisser kwalunkwe titjira kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/681;

    (c)“titjira intra-UE” tfisser kwalunkwe titjira kif definita fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/681;

    (d)“titjira skedata” tfisser titjira kif definita fil-punt (e) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API];

    (e)“titjira mhux skedata” tfisser titjira kif definita fil-punt (f) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API];

    (f)“passiġġier” tfisser kwalunkwe persuna kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/681;

    (g)“ekwipaġġ” tfisser kwalunkwe persuna kif definita fil-punt (h) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API];

    (h)“vjaġġatur” tfisser kwalunkwe persuna kif definita fil-punt (i) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API];

    (i)data ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri” jew “data tal-API” tfisser id-data kif definita fil-punt (j) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API];

    (j)“reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri” jew “PNR” tfisser reġistru tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar ta’ kull passiġġier kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/681;

    (k)“Unità ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri” jew “PIU” tfisser l-awtorità kompetenti stabbilita minn Stat Membru, kif tinsab fin-notifiki u l-modifiki ppubblikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1) u (5), rispettivament, tad-Direttiva (UE) 2016/681;

    (l)“reati terroristiċi” tfisser ir-reati kif definiti fl-Artikoli minn 3 sa 12 tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 ;

    (m)“kriminalità serja” tfisser ir-reati kif definiti fil-punt (9) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/681;

    (n)“router” tfisser ir-router kif definit fil-punt (k) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API];

    (o)data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679.

    KAPITOLU 2

    L-IPPROĊESSAR TA’ DATA TAL-API

    Artikolu 4

    Il-ġbir, it-trasferiment u t-tħassir tad-data tal-API mit-trasportaturi tal-ajru

    1.It-trasportaturi tal-ajru għandhom jiġbru d-data tal-API tal-vjaġġaturi fuq it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2, għall-fini tat-trasferiment ta’ dik id-data tal-API lir-router f’konformità mal-paragrafu 6. Meta t-titjira jkollha l-kodiċi kondiviż bejn trasportatur tal-ajru wieħed jew aktar, huwa t-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira li għandu jkollu l-obbligu li jittrasferixxi d-data tal-API.

    2.It-trasportaturi tal-ajru għandhom jiġbru d-data tal-API b’tali mod li d-data tal-API li jittrasferixxu f’konformità mal-paragrafu 6 tkun akkurata, kompluta u aġġornata.

    3.It-trasportaturi tal-ajru għandhom jiġbru d-data tal-API msemmija fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API] bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati biex tinġabar id-data li tinqara mill-magni tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-vjaġġatur ikkonċernat. Huma għandhom jagħmlu dan f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi dettaljati u mar-regoli operazzjonali msemmija fil-paragrafu 5, fejn tali regoli jkunu ġew adottati u jkunu applikabbli.

    Madankollu, meta tali użu ta’ mezzi awtomatizzati ma jkunx possibbli minħabba li d-dokument tal-ivvjaġġar ma jkunx fih data li tinqara mill-magni, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jiġbru dik id-data b’mod manwali, b’tali mod li tiġi żgurata l-konformità mal-paragrafu 2.

    4.Kwalunkwe mezz awtomatizzat użat mit-trasportaturi tal-ajru għall-ġbir tad-data tal-API skont dan ir-Regolament għandu jkun affidabbli, sigur u aġġornat.

    5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u regoli operazzjonali dettaljati għall-ġbir tad-data tal-API msemmija fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API] bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati f’konformità mal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

    6.It-trasportaturi tal-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-API miġbura skont il-paragrafu 1 lir-router, b’mezzi elettroniċi. Huma għandhom jagħmlu dan f’konformità mar-regoli dettaljati msemmija fil-paragrafu 9, meta tali regoli jkunu ġew adottati u jkunu applikabbli.

    7.It-trasportaturi tal-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-API kemm fil-mument tar-reġistrazzjoni kif ukoll immedjatament wara l-għeluq tat-titjira, jiġifieri, ladarba l-vjaġġaturi jkunu telgħu abbord l-inġenju tal-ajru bi tħejjija għat-tluq u ma jkunx għadu possibbli għall-vjaġġaturi li jitilgħu abbord jew jitilqu mill-inġenju tal-ajru.

    8.Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li t-trasportaturi tal-ajru jżommu u jużaw id-data, fejn meħtieġ, għall-kors normali tan-negozju tagħhom f’konformità mal-liġi applikabbli, it-trasportaturi tal-ajru għandhom immedjatament jikkoreġu, jimlew jew jaġġornaw, jew inkella jħassru b’mod permanenti, id-data tal-API kkonċernata fiż-żewġ sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)meta jsiru konxji li d-data tal-API miġbura ma tkunx akkurata, ma tkunx kompluta jew ma għadhiex aġġornata jew tkun ġiet ipproċessata illegalment, jew li d-data ttrasferita ma tikkostitwix data tal-API;

    (b)meta jkun tlesta t-trasferiment tad-data tal-API f’konformità mal-paragrafu 3.

    Meta t-trasportaturi tal-ajru jiksbu l-għarfien imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu wara li jkunu lestew it-trasferiment tad-data f’konformità mal-paragrafu 6, huma għandhom jinformaw minnufih lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA). Malli tirċievi tali informazzjoni, l-eu-LISA għandha tinforma minnufih lill-PIUs li jkunu rċevew id-data tal-API trażmessa permezz tar-router.

    9.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli dettaljati meħtieġa dwar il-protokolli komuni u l-formati tad-data appoġġati li għandhom jintużaw għat-trasferimenti tad-data tal-API lir-router imsemmi fil-paragrafu 6.

    Artikolu 5

    Trażmissjoni tad-data tal-API mir-router lill-PIUs

    1.Ir-router għandu, immedjatament u b’mod awtomatizzat, jittrażmetti d-data tal-API, ittrasferita lilu mit-trasportaturi tal-ajru skont l-Artikolu 4, lill-PIUs tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se tinżel it-titjira jew li mit-territorju tiegħu se titlaq it-titjira, jew it-tnejn li huma fil-każ ta’ titjiriet intra-UE. Meta titjira jkollha waqfa waħda jew aktar fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn għajr dak li minnu tkun telqet, ir-router għandu jittrażmetti d-data tal-API lill-PIUs tal-Istati Membri kollha kkonċernati. 

    Għall-fini ta’ tali trażmissjoni, l-eu-LISA għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata tabella ta’ korrispondenza bejn l-ajruporti differenti tal-oriġini u tad-destinazzjoni u l-pajjiżi li jappartjenu għalihom.

    Madankollu, għat-titjiriet intra-UE, ir-router għandu jittrażmetti biss id-data tal-API lil dik il-PIU fir-rigward tat-titjiriet inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 2.

    Ir-router għandu jittrażmetti d-data tal-API f’konformità mar-regoli dettaljati msemmija fil-paragrafu 3, fejn tali regoli jkunu ġew adottati u jkunu applikabbli.2.L-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw id-Direttiva (UE) 2016/681 għal titjiriet intra-UE f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva għandhom jistabbilixxu lista tat-titjiriet intra-UE kkonċernati u għandhom, sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21, jipprovdu lill-eu-LISA b’dik il-lista. Dawk l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva, jirrieżaminaw regolarment u, fejn meħtieġ, jaġġornaw dawk il-listi u għandhom jipprovdu minnufih lill-eu-LISA bi kwalunkwe listi aġġornati bħal dawn. L-informazzjoni li tinsab f’dawk il-listi għandha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali.

    3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli tekniċi u proċedurali dettaljati meħtieġa għat-trażmissjonijiet tad-data tal-API mir-router imsemmi fil-paragrafu 1.

    KAPITOLU 3

    IR-REĠISTRAZZJONI, IL-PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI U S-SIGURTÀ

    Artikolu 6

    Żamma ta’ reġistrazzjonijiet

    1.It-trasportaturi tal-ajru għandhom joħolqu reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar skont dan ir-Regolament imwettqa bl-użu tal-mezzi awtomatizzati msemmija fl-Artikolu 4(3). Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandhom ikopru d-data, il-ħin u l-post tat-trasferiment tad-data tal-API.

    2.Ir-reġistrazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw biss biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-integrità tad-data tal-API u l-legalità tal-ipproċessar, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, inklużi l-proċedimenti għall-penali għal ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti f’konformità mal-Artikoli 15 u 16.

    3.It-trasportaturi tal-ajru għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu r-reġistrazzjonijiet li jkunu ħolqu skont il-paragrafu 1 kontra aċċess mhux awtorizzat u riskji oħrajn għas-sigurtà.

    4.It-trasportaturi tal-ajru għandhom iżommu r-reġistrazzjonijiet li jkunu ħolqu skont il-paragrafu 1 għal perjodu ta’ żmien ta’ sena mill-mument tal-ħolqien ta’ dawk ir-reġistrazzjonijiet. Huma għandhom iħassru dawk ir-reġistrazzjonijiet minnufih u b’mod permanenti mal-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ żmien.

    Madankollu, jekk dawk ir-reġistrazzjonijiet ikunu meħtieġa għal proċeduri għall-monitoraġġ jew għall-iżgurar tas-sigurtà u l-integrità tad-data tal-API jew il-legalità tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar, kif imsemmi fil-paragrafu 2, u dawk il-proċeduri jkunu diġà bdew fil-mument tal-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, it-trasportaturi tal-ajru jistgħu jżommu dawk ir-reġistrazzjonijiet sakemm ikun meħtieġ għal dawk il-proċeduri. F’dak il-każ, huma għandhom iħassru dawk ir-reġistrazzjonijiet minnufih meta ma jkunux għadhom meħtieġa għal dawk il-proċeduri.

    Artikolu 7

    Kontrolluri tad-data personali

    Il-PIUs għandhom ikunu kontrolluri, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva (UE) 2016/680 b’rabta mal-ipproċessar tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali skont dan ir-Regolament permezz tar-router, inklużi t-trażmissjoni u l-ħżin għal raġunijiet tekniċi ta’ dik id-data fuq ir-router.

    It-trasportaturi tal-ajru għandhom ikunu kontrolluri, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679, għall-ipproċessar tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali b’rabta mal-ġbir minnhom ta’ dik id-data u t-trasferiment tagħha lir-router skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 8

    Sigurtà

    Il-PIUs u t-trasportaturi tal-ajru għandhom jiżguraw is-sigurtà tad-data tal-API, b’mod partikolari d-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, li huma jipproċessaw skont dan ir-Regolament.

    Il-PIUs u t-trasportaturi tal-ajru għandhom jikkooperaw, f’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, ma’ xulxin u mal-eu-LISA biex jiżguraw tali sigurtà.

    Artikolu 9

    Awtomonitoraġġ

    It-trasportaturi tal-ajru u l-PIUs għandhom jimmonitorjaw il-konformità tagħhom mal-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar minnhom tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, inkluż permezz ta’ verifika frekwenti tar-reġistrazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 7.

    KAPITOLU 4

    KWISTJONIJIET RELATATI MAR-ROUTER

    Artikolu 10

    Konnessjonijiet tal-PIUs mar-router

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PIUs tagħhom ikunu konnessi mar-router. Huma għandhom jiżguraw li s-sistemi u l-infrastruttura nazzjonali tagħhom għar-riċeviment u l-ipproċessar ulterjuri tad-data tal-API ttrasferita skont dan ir-Regolament ikunu integrati mar-router.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konnessjoni ma’ dak ir-router u l-integrazzjoni miegħu jippermettu lill-PIUs tagħhom jirċievu u jipproċessaw aktar id-data tal-API, kif ukoll jiskambjaw kwalunkwe komunikazzjoni relatata magħha, b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu.

    2.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli dettaljati meħtieġa dwar il-konnessjonijiet u l-integrazzjoni mar-router imsemmi fil-paragrafu 1.

    Artikolu 11

    Konnessjonijiet tat-trasportaturi tal-ajru mar-router

    1.It-trasportaturi tal-ajru għandhom jiżguraw li jkunu konnessi mar-router. Huma għandhom jiżguraw li s-sistemi u l-infrastruttura tagħhom għat-trasferiment tad-data tal-API lir-router skont dan ir-Regolament ikunu integrati mar-router.

    It-trasportaturi tal-ajru għandhom jiżguraw li l-konnessjoni u l-integrazzjoni mar-router jippermettulhom jittrasferixxu d-data tal-API, kif ukoll jiskambjaw kwalunkwe komunikazzjoni relatata magħha, b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu.

    2.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli dettaljati meħtieġa dwar il-konnessjonijiet u l-integrazzjoni mar-router imsemmi fil-paragrafu 1.

    Artikolu 12

    Kostijiet tal-Istati Membri

    1.Il-kostijiet imġarrba mill-Istati Membri b’rabta mal-konnessjonijiet u l-integrazzjoni tagħhom mar-router imsemmi fl-Artikolu 10 għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    Madankollu, il-kostijiet li ġejjin għandhom jiġu esklużi u għandhom jitħallsu mill-Istati Membri:

    (a)il-kostijiet għall-ġestjoni tal-proġetti, inklużi l-kostijiet għal-laqgħat, il-missjonijiet u l-uffiċċji;

    (b)il-kostijiet għall-ospitar ta’ sistemi nazzjonali tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT), inklużi l-kostijiet għall-ispazju, l-implimentazzjoni, l-elettriku u t-tkessiħ;

    (c)il-kostijiet għat-tħaddim tas-sistemi tal-IT nazzjonali, inklużi l-operaturi u l-kuntratti ta’ appoġġ;

    (d)il-kostijiet għad-disinn, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ networks nazzjonali ta’ komunikazzjoni.

    2.L-Istati Membri għandhom iħallsu wkoll il-kostijiet li jirriżultaw mill-amministrazzjoni, mill-użu u mill-manutenzjoni tal-konnessjonijiet u mill-integrazzjoni tagħhom mar-router.

    Artikolu 13

    Azzjonijiet f’każ ta’ impossibbiltà teknika li jintuża r-router

    1.Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router biex tiġi trażmessa d-data tal-API minħabba nuqqas ta’ funzjonament tar-router, l-eu-LISA għandha tinnotifika minnufih lit-trasportaturi tal-ajru u lill-PIUs b’dik l-impossibbiltà teknika b’mod awtomatizzat. F’dak il-każ, l-eu-LISA għandha immedjatament tieħu miżuri biex tindirizza l-impossibbiltà teknika li tuża r-router u għandha tinnotifika minnufih lil dawk il-partijiet meta din tkun ġiet indirizzata b’suċċess.

    Matul il-perjodu ta’ żmien bejn dawk in-notifiki, l-Artikolu 4(6) ma għandux japplika, sa fejn l-impossibbiltà teknika tipprevjeni t-trasferiment tad-data tal-API lir-router. Sa fejn ikun il-każ, l-Artikolu 4(1) lanqas ma għandu japplika għad-data tal-API inkwistjoni matul dak il-perjodu ta’ żmien.

    2.Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router biex tiġi trażmessa d-data tal-API minħabba nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi jew tal-infrastruttura msemmija fl-Artikolu 10 ta’ Stat Membru, il-PIU ta’ dak l-Istat Membru għandha tinnotifika minnufih lit-trasportaturi tal-ajru, lill-PIUs l-oħrajn, lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni b’dik l-impossibbiltà teknika b’mod awtomatizzat. F’dak il-każ, dak l-Istat Membru għandu immedjatament jieħu miżuri biex jindirizza l-impossibbiltà teknika li juża r-router u għandu jinnotifika minnufih lil dawk il-partijiet meta din tkun ġiet indirizzata b’suċċess.

    Matul il-perjodu ta’ żmien bejn dawk in-notifiki, l-Artikolu 4(6) ma għandux japplika, sa fejn l-impossibbiltà teknika tipprevjeni t-trasferiment tad-data tal-API lir-router. Sa fejn ikun il-każ, l-Artikolu 4(1) lanqas ma għandu japplika għad-data tal-API inkwistjoni matul dak il-perjodu ta’ żmien.

    3.Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router biex tiġi trażmessa d-data tal-API minħabba nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi jew tal-infrastruttura msemmija fl-Artikolu 11 ta’ trasportatur tal-ajru, dak it-trasportatur tal-ajru għandu jinnotifika minnufih lill-PIUs, lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni b’dik l-impossibbiltà teknika b’mod awtomatizzat. F’dak il-każ, dak it-trasportatur tal-ajru għandu immedjatament jieħu miżuri biex jindirizza l-impossibbiltà teknika li juża r-router u għandu jinnotifika minnufih lil dawk il-partijiet meta din tkun ġiet indirizzata b’suċċess.

    Matul il-perjodu ta’ żmien bejn dawk in-notifiki, l-Artikolu 4(6) ma għandux japplika, sa fejn l-impossibbiltà teknika tipprevjeni t-trasferiment tad-data tal-API lir-router. Sa fejn ikun il-każ, l-Artikolu 4(1) lanqas ma għandu japplika għad-data tal-API inkwistjoni matul dak il-perjodu ta’ żmien.

    Meta l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, it-trasportatur tal-ajru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jissottometti lill-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 15 rapport li jkun fih id-dettalji kollha meħtieġa dwar l-impossibbiltà teknika, inklużi r-raġunijiet għall-impossibbiltà teknika, il-firxa u l-konsegwenzi tagħha, kif ukoll il-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata.

    Artikolu 14

    Responsabbiltà fir-rigward tar-router

    Jekk kwalunkwe nuqqas minn Stat Membru jew minn trasportatur tal-ajru milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament jikkawża ħsara lir-router, dak l-Istat Membru jew it-trasportatur tal-ajru għandu jinżamm responsabbli għal tali ħsara, ħlief jekk u sa fejn l-eu-LISA tkun naqset milli tieħu miżuri raġonevoli biex tipprevjeni l-ħsara milli sseħħ jew biex timminimizza l-impatt tagħha.

    KAPITOLU 5

    SUPERVIŻJONI, PENALI U MANWAL

    Artikolu 15

    Awtorità superviżorja nazzjonali

    1.L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni fit-territorju tagħhom mit-trasportaturi tal-ajru tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għall-iżgurar tal-konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkollhom il-mezzi kollha meħtieġa u s-setgħat investigattivi u ta’ infurzar kollha meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż billi jimponu l-penali msemmija fl-Artikolu 16, fejn xieraq. Huma għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati dwar it-twettiq ta’ dawk il-kompiti u l-eżerċitar ta’ dawk is-setgħat, filwaqt li jiżguraw li tali twettiq u eżerċitar ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jkunu soġġetti għal salvagwardji f’konformità mad-drittijiet fundamentali garantiti skont id-dritt tal-Unjoni.

    3.    L-Istati Membri għandhom, sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-isem u bid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet li jkunu ħatru skont il-paragrafu 1 u bir-regoli dettaljati li jkunu stabbilew skont il-paragrafu 2. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla jew emenda sussegwenti għalihom.

    4.Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680.

    Artikolu 16

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    L-Istati Membri għandhom, sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

    Artikolu 17

    Manwal prattiku

    Il-Kummissjoni għandha, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-PIUs, ma’ awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri, mat-trasportaturi tal-ajru u mal-aġenziji tal-Unjoni rilevanti, tħejji u tagħmel disponibbli għall-pubbliku manwal prattiku, li jkun fih linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Il-manwal prattiku għandu jqis il-manwali eżistenti rilevanti.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta l-manwal prattiku fil-forma ta’ rakkomandazzjoni.

    KAPITOLU 6

    IR-RELAZZJONI MA’ STRUMENTI EŻISTENTI OĦRAJN

    Artikolu 18

    Emendi għar-Regolament (UE) 2019/818

    __________

       Fl-Artikolu 39, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1. Repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (CRRS) huwa stabbilit għall-finijiet ta’ għoti ta’ appoġġ għall-objettivi tas-SIS, tal-Eurodac u tal-ECRIS-TCN, f’konformità mal-istrumenti legali rispettivi li jirregolaw dawk is-sistemi, u sabiex jiġu pprovduti data statistika u rapportar analitiku bejn is-sistemi għall-finijiet ta’ politika, operazzjonali u ta’ kwalità tad-data. Is-CRRS għandu jappoġġa wkoll l-objettivi tar-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* [dan ir-Regolament].”

    *    Ir-Regolament (UE) [numru] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ xy dwar [titolu adottat uffiċjalment] (ĠU L …)”

    “2. L-eu-LISA għandha tistabbilixxi, timplimenta u tospita fis-siti tekniċi tagħha s-CRRS li jkun fiha d-data u l-istatistika msemmija fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2018/1862 u fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/816 separati b’mod loġiku skont is-sistema ta’ informazzjoni tal-UE. L-eu-LISA għandha tiġbor ukoll id-data u l-istatistika mir-router kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) …/… * [dan ir-Regolament]. L-aċċess għas-CRRS għandu jingħata permezz ta’ aċċess sigur u kkontrollat u profili ta’ utenti speċifiċi, għall-iskop biss ta’ rapportar u statistika, lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2018/1862, fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/816 u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) …/… * [dan ir-Regolament].”

    KAPITOLU 7

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 19

    Eżerċitar tad-delega

    1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(5) u (9), fl-Artikolu 5(3), fl-Artikolu 10(2) u fl-Artikolu 11(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin minn [id-data tal-adozzjoni tar-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4(5) u (9), fl-Artikolu 5(3), fl-Artikolu 10(2) u fl-Artikolu 11(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 20

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    1.Sa [4 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], u kull 4 snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport li jkun fih evalwazzjoni ġenerali ta’ dan ir-Regolament, inkluża valutazzjoni ta’:

    (a)l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

    (b)kemm dan ir-Regolament laħaq l-objettivi tiegħu;

    (c)l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq id-drittijiet fundamentali protetti skont id-dritt tal-Unjoni;

    (d)Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. Jekk ikun xieraq, fid-dawl tal-evalwazzjoni mwettqa, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-ħsieb li temenda dan ir-Regolament.

    2.L-Istati Membri u t-trasportaturi tal-ajru għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ tabbozza r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu joqogħdu lura milli jipprovdu tali informazzjoni jekk, u sa fejn, ikun meħtieġ li ma jiddivulgawx metodi ta’ ħidma kunfidenzjali jew li ma jipperikolawx l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin tal-PIUs tagħhom jew ta’ awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali pprovduta tkun protetta kif xieraq.

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika minn sentejn mid-data li fiha r-router jibda jopera, speċifikata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API].

    Madankollu, l-Artikolu 4(5) u (9), l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 19 għandhom japplikaw minn [Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    L-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ din il-proposta huma koperti mid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva konġunta annessa mal-proposta għal Regolament (UE) [il-ġestjoni tal-fruntieri tal-API].

    (1)    L-Europol, Serious and Organised Crime Threat Assessment (SOCTA), 2021,  https://www.europol.europa.eu/cms/sites/default/files/documents/socta2021_1.pdf .
    (2)    L-Europol, Terrorism Situation and Trend Report (Te-SAT), 2021,  https://www.europol.europa.eu/cms/sites/default/files/documents/tesat_2021_0.pdf .
    (3)    Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja.
    (4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri.
    (5)    Ara l-punt 18 tal-Anness 1 tad-Direttiva (UE) 2016/681.
    (6)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2178(2014), 2309(2016), 2396(2017), 2482(2019), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 6/16 tal-OSKE tad-9 ta’ Diċembru 2016 dwar it-Titjib tal-użu ta’ Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri.
    (7)     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 6/16 tal-OSKE tad-9 ta’ Diċembru 2016 dwar it-Titjib tal-użu ta’ Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri.
    (8)    Il-Kummissjoni Ewropea, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li Jakkumpanja r-Rapport dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2016/681, SWD(2020)128 final.
    (9)    COM(2021) 277 final (2.6.2021).
    (10)    Id-Direttiva dwar il-PNR tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ipproċessar tad-data, bħall-awtoritajiet kompetenti involuti (l-Artikolu 7), il-perjodu taż-żamma tad-data (l-Artikolu 12) u l-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 13).
    (11)    QĠUE, is-Sentenza fil-Kawża C-817/19, Ligue des droits humains.
    (12)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.
    (13)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.
    (14)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
    (15)    ICAO, Document 9303, Machine Readable Travel Documents, Eigth Edition, 2021, disponibbli fuq: https://www.icao.int/publications/documents/9303_p1_cons_en.pdf .
    (16)    QĠUE, is-Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2022, il-Kawża C-817/19, Ligue des droits humains.
    (17)    Il-Kummissjoni Ewropea, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, Evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE dwar l-obbligu tat-trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (id-Direttiva dwar l-API), Brussell, 8.9.2020, SWD(2020)174 final, pp. 26, 43.
    (18)    SWD(2020)174, p. 57.
    (19)    SWD(2020)174.
    (20)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12434-Border-law-enforcement-advance-air-passenger-information-API-revised-rules_mt .
    (21)    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119 tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas għall-kisba tan-newtralità klimatika (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima).
    (22)    Il-QĠUE, is-Sentenza tad-9.11.2010, il-Kawżi Magħquda C-92/09 u C-93/09 Volker und Markus Schecke u Eifert [2010] Ġabra I-0000.
    (23)    F’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet fuq l-eżerċitar tad-dritt għall-protezzjoni tad-data, sakemm il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw l-essenza tad-dritt u tal-libertajiet u, soġġetti għall-prinċipju tal-proporzjonalità, ikunu meħtieġa u ġenwinament jilħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.
    (24)    Il-QĠUE, Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, il-Kawża C-673/16, Coman. 
    (25)    Ir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna.
    (26)    ĠU C , , p. .
    (27)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu tat-trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24).
    (28)    Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132).
    (29)    ĠU C , , p. .
    (30)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
    (31)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
    (32)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39
    (33)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
    (34)    [ĠU C …]
    (35)    Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).
    Op