Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0327

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 93, 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali

    COM/2022/327 final

    Brussell, 6.7.2022

    COM(2022) 327 final

    2022/0209(NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 93, 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Kuntest

    Kif indikat mill-Kummissjoni fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tagħha għall-2021 1 , il-miżuri li jindirizzaw it-trasport jistgħu jappoġġaw bis-sħiħ it-tranżizzjoni ekoloġika billi jġibu tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u titjib fil-kwalità tal-arja, filwaqt li jrawmu t-tkabbir tal-produttività u jsaħħu r-reżiljenza tal-ekosistemi industrijali. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni saħqet fuq l-importanza tal-investimenti fit-trasport pubbliku u fl-infrastruttura li jappoġġaw il-bidla lejn mobbiltà aktar sostenibbli u intelliġenti, inklużi networks multimodali Ewropej bla xkiel u effiċjenti kif ukoll it-titjib tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport għall-passiġġieri u għall-merkanzija.

    Sistema tat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali li taħdem tajjeb hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-konnettività madwar l-Ewropa kollha, tiġi stabbilita Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, titrawwem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali f’konformità mal-Artikoli 170 u 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), u jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE (il-“Patt Ekoloġiku Ewropew” 2 ) u tiġi appoġġata r-reżiljenza tal-industrija tal-UE u l-ktajjen tal-valur tagħha (l-“Istrateġija Industrijali l-Ġdida” kif aġġornata 3 ), inklużi dawk li jappoġġjaw l-objettivi tat-trasformazzjoni diġitali u tad-diġitalizzazzjoni (“l-Istrateġija Diġitali Ewropea” 4 ). Fid-9 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tagħha (“l-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti) 5 , li fiha t-tisħiħ tat-trasport bil-ferrovija u fl-ilmijiet navigabbli interni, kif ukoll it-trasport multimodali, huwa komponent essenzjali tat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tat-trasport Ewropew, li min-naħa tiegħu huwa kruċjali sabiex jintlaħaq l-għan tal-Unjoni tan-newtralità klimatika sal-2050.

    Dawk l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu mingħajr investimenti kbar mill-Istati Membri. Il-firxa ta’ investimenti li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw sabiex jappoġġaw modi ta’ trasport b’emissjonijiet baxxi tvarja minn investimenti fi flotta ġdida jew eżistenti għal investimenti fl-infrastruttura ferrovjarja, fit-terminals tat-trażbord u f’workshops ta’ manutenzjoni, anke bil-għan li tiġi stimulata d-domanda għal flotta b’emissjonijiet żero u għal soluzzjonijiet diġitali li jippermettu l-interoperabbiltà bejn il-modi tat-trasport u fi ħdan is-setturi. Dan jitlob regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jippermettu dawk l-investimenti fejn tali appoġġ pubbliku jkun meħtieġ filwaqt li tiġi ppreservata u mtejba l-kompetizzjoni fit-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali.

    Skont l-Artikolu 93 tat-TFUE, “Miżuri ta’ għajnuna meħtieġa għall-koordinament tat-trasport, jew li jikkorrispondu ma’ rimborżi dwar ċerti piżijiet li jeżistu fil-prinċipju ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattati”. L-Artikolu 93 tat-TFUE huwa inkluż taħt it-“Titolu VI – TRASPORT”, li d-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw esklużivament għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u fl-ilmijiet navigabbli interni, kif stabbilit fl-Artikolu 100(1) tat-TFUE. Il-proposta attwali tkopri t-trasport bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, inkluż it-trasport multimodali 6 .

    i)Għajnuna li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-koordinazzjoni tat-trasport

    Il-Linji Gwida Komunitarji tal-2008 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji 7 (“Linji Gwida Ferrovjarji”) kellhom l-għan li jikkodifikaw u jaġġornaw il-prattika tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà mat-Trattat tal-għajnuna għall-impriżi fis-settur tat-trasport ferrovjarju wara l-evoluzzjoni tal-qafas legali settorjali, b’mod partikolari sabiex jiġi akkumpanjat il-ftuħ gradwali tas-suq għall-kompetizzjoni. Il-kontroll tal-idoneità 8 tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, inklużi l-Linji Gwida Ferrovjarji, imwettaq fl-2020 ikkonferma l-ħtieġa ta’ reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u intermodali, minħabba l-iżviluppi regolatorji u tas-suq ewlenin mill-2008 9 . F’dak l-isfond, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra mhux biss reviżjoni tal-Linji Gwida Ferrovjarji, iżda wkoll l-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija sabiex jgħinu t-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali (kemm is-servizzi tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija) jħaddnu t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha l-għan li żżid iċ-ċertezza legali u tnaqqas il-piż amministrattiv fir-rigward ta’ ċerti miżuri ta’ għajnuna nazzjonali li jappoġġaw il-bidla modali tal-merkanzija u tal-passiġġieri mit-triq għal modi u soluzzjonijiet ta’ trasport li jniġġsu anqas, li huma mfassla, abbażi ta’ prattika wiesgħa ta’ teħid tad-deċiżjonijiet mill-Kummissjoni, b’mod li jiżgura li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu limitati. Ir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija jżidu ċ-ċertezza legali għall-Istati Membri u għall-benefiċjarji tal-għajnuna f’termini ta’ kif għandhom jitfasslu l-miżuri. Fl-istess ħin, huma jissimplifikaw il-proċeduri, billi jeżentaw ċerti miżuri mill-obbligu skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE li jinnotifikaw l-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha, fejn ikun possibbli, abbażi tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà ex ante li jiżguraw li d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni jkunu limitati.

    Il-Kummissjoni kisbet esperjenza sinifikanti fir-rigward tal-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport koperta mit-Taqsima 6.3 tal-Linji Gwida Ferrovjarji kif ukoll għajnuna għall-appoġġ ta’ modi u soluzzjonijiet tat-trasport li jniġġsu inqas u li huma aktar sostenibbli mit-trasport bit-triq biss, inkluża għajnuna biex tgħin it-trasport intermodali 10 u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni. Fl-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport hija strumentali għal bidla modali u, taħt ċerti kundizzjonijiet, ma twassal għall-ebda distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, eżenzjoni ġenerali tal-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport ġiet mitluba fil-wiesa’ mill-Istati Membri. Għalhekk, huwa xieraq li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħti għajnuna għall-eżenzjoni ta’ kategorija pprovduta mill-Istati Membri b’appoġġ għal dawk il-miżuri, fejn jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

    L-eżenzjoni ta’ kategorija tkopri l-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 93 tat-TFUE u tappoġġa t-trasferiment tal-merkanzija u tal-passiġġieri minn modi ta’ trasport li jniġġsu aktar (b’mod partikolari, it-trasport bit-triq) għal modi u soluzzjonijiet ta’ trasport li jniġġsu anqas u aktar sostenibbli, f’konformità mal-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

    ii) Għajnuna li tirrappreżenta rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku

    Fir-rigward tal-għajnuna għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku (li bħalissa ma huwiex kopert mil-Linji Gwida Ferrovjarji), il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll il-possibbiltà ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-kumpens mogħti mill-Istati Membri għat-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku fis-setturi tat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali, sakemm ma tkunx koperta mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 11 (ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007).

    B’mod partikolari, fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija, l-obbligi tas-servizz pubbliku jistgħu jkunu strument xieraq sabiex jiġu promossi s-servizzi f’żoni u f’segmenti fejn inkella t-trasport tal-merkanzija jsir bit-triq biss.

    Din il-proposta ma tkoprix għajnuna biex tikkumpensa l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jikkonċernaw it-trasport tal-passiġġieri rregolati mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Dik id-dispożizzjoni teżenta mir-rekwiżit ta’ notifika minn qabel il-kumpens għal servizz pubbliku għall-operat ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew għall-konformità mal-obbligi tariffarji stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali u mħallsa f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

    Problema li l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza

    Hemm bżonn ta’ regoli speċifiċi li jippermettu simplifikazzjoni proċedurali fir-rigward tal-għajnuna għat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali.

    Skont it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni stabbilit fl-Artikoli 108(4) u 109 tat-TFUE, huwa f’idejn il-Kunsill li jiddetermina l-kategoriji ta’ għajnuna li jistgħu jiġu eżentati min-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat, u li l-Kummissjoni tadotta r-regolamenti li jistabbilixxu regoli dettaljati relatati ma’ tali eżenzjoni.

    Permezz ta’ regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, il-Kummissjoni teżenta mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE, il-miżuri ta’ għajnuna identifikati mill-Kunsill, u b’hekk tippermetti lill-Istati Membri jimplimentawhom direttament mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (ir-“Regolament ta’ Awtorizzazzjoni tal-2015”) 12 jidentifika numru ta’ kategoriji ta’ għajnuna li jistgħu jiġu eżentati mill-Kummissjoni mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Madankollu, ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni tal-2015 ikopri biss miżuri ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarati kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2) jew 107(3) tat-TFUE, iżda jħalli barra l-miżuri ta’ għajnuna li l-kompatibbiltà tagħhom tiġi vvalutata skont l-Artikolu 93 tat-TFUE.

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li tali distakk għandu jimtela fl-interess ta’ simplifikazzjoni proċedurali għall-Istati Membri li jistabbilixxu miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali.

    Peress li l-għajnuna mill-Istat għat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali taqa’ taħt l-Artikolu 93 tat-TFUE, li jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mal-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE, regolament tal-Kunsill abilitanti speċifiku għat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali jidher iġġustifikat bis-sħiħ (“Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport”). Fil-fatt, l-Artikolu 93 tat-TFUE jinsab taħt it-Titolu VI, tal-Parti 3 tat-TFUE, li jikkonċerna t-trasport, u jgħid li l-għajnuna mill-Istat għandha tkun kompatibbli mat-Trattati jekk tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ koordinazzjoni tat-trasport jew jekk tirrappreżenta rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku. Għaldaqstant, il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern skont l-Artikolu 93 tat-TFUE tiddependi fuq il-verifika ta’ jekk l-għajnuna ssegwix dawk l-objettivi. Ir-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija tal-Kummissjoni jistabbilixxi l-kriterji rilevanti għal dak il-għan.

    Din il-proposta għandha l-għan li tallinja r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali mal-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti. Skont ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport, il-Kummissjoni se tkun tista’ tadotta regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għall-għajnuna skont l-Artikolu 93 tat-TFUE li tinvolvi riskju limitat ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ. Din il-proposta tippermetti lill-Kummissjoni tadotta regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija meta l-Kummissjoni jkollha biżżejjed esperjenza biex tiddefinixxi kriterji ċari ta’ kompatibbiltà, filwaqt li tiżgura li l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun limitat.

    Ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport ma huwiex se jkollu impatt dirett huwa nnifsu iżda se jikkostitwixxi bażi legali għall-adozzjoni ta’ regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija possibbli. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-opzjonijiet politiċi differenti għal kwalunkwe regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija bħal dan/dawn u l-impatti tagħhom fil-kuntest ta’ Valutazzjoni tal-Impatt, abbażi tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika u ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    Din il-proposta tikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali tal-Unjoni, b’mod partikolari l-objettiv tal-infurzar u tas-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, minn naħa waħda, u l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, min-naħa l-oħra.

    Fir-rigward tal-interess tal-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kif indikat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tat-8 ta’ Mejju 2012 13 , l-infurzar tal-għajnuna mill-Istat għandu jiffoka fuq każijiet bl-akbar impatt fuq is-suq intern. Dan jimplika, minn naħa, skrutinju aktar b’saħħtu ta’ għajnuna kbira u potenzjalment distortiva, u, min-naħa l-oħra, analiżi simplifikata ta’ każijiet b’effett limitat biss fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni. Din tal-aħħar tista’ tinkiseb billi dawk il-kategoriji ta’ għajnuna jiġu eżentati b’mod sħiħ mir-rekwiżit ta’ notifika.

    Fir-rigward tal-interess fis-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jeħtieġ li jkun hemm approċċ konsistenti fil-proċeduri applikabbli għall-għajnuna fil-forma ta’ kumpens għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku kemm fis-segmenti tas-suq tal-passiġġieri kif ukoll f’dawk tal-merkanzija. L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 diġà jipprevedi eżenzjoni min-notifika ta’ kumpens għal servizz pubbliku f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri. Madankollu, bħalissa ma teżisti l-ebda eżenzjoni ta’ kategorija simili għall-kumpens għal servizz pubbliku għat-trasport tal-merkanzija. Għalhekk, l-għajnuna għar-rimborż tat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bit-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni jew multimodali, kif imsemmi fl-Artikolu 93 tat-TFUE, għandha tiddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport.

    Fir-rigward tal-kontribut tagħha għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, din il-proposta se tiffaċilita l-promozzjoni ta’ sistema tat-trasport multimodali ekoloġika, effiċjenti u interkonnessa, li hija pass meħtieġ lejn l-għan tal-Unjoni tan-newtralità klimatika sal-2050. F’dak ir-rigward, hemm rabta ċara bejn din il-proposta u r-reviżjoni ppjanata tal-Linji Gwida Ferrovjarji, peress li t-tnejn huma maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-finanzjament pubbliku tal-bidla modali tat-traffiku mit-triq għat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni jew multimodali aktar sostenibbli, u fl-aħħar mill-aħħar jappoġġaw it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tat-trasport Ewropew, filwaqt li jiżguraw li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jibqgħu limitati. Ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost ikun eżentat mill-miżuri ta’ obbligu ta’ notifika li jaqgħu taħt l-Artikolu 93 tat-TFUE li għalihom huwa possibbli li jiġu ddefiniti kundizzjonijiet ċari ta’ kompatibbiltà.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta huwa l-Artikolu 109 tat-TFUE li jippermetti li l-Kunsill jagħmel kwalunkwe regolament xieraq, b’mod partikolari sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom japplika l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, u l-kategoriji ta’ għajnuna eżenti minn dik il-proċedura.

    Il-kompetenza tal-Kunsill li jieħu kwalunkwe regolament xieraq sabiex jiddetermina l-kategoriji ta’ għajnuna li jistgħu jiġu eżentati bħala kategorija, kif stabbilit fl-Artikolu 109 tat-TFUE 14 , tgħodd għall-miżuri kollha ta’ għajnuna mill-Istat, inkluż fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali, koperti mill-Artikolu 93 tat-TFUE.

    Sussidjarjetà u proporzjonalità

    Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3 tat-TFUE (“L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fl-oqsma li ġejjin: [...] (b) l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern”). Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tilħaq l-objettiv tagħha, li huwa li l-Kummissjoni tagħti eżenzjoni ta’ kategorija lill-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport u l-għajnuna għar-rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku, diment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.Għażla tal-istrument

    L-istrument propost huwa dak ta’ regolament tal-Kunsill.

    Skont l-Artikolu 109 tat-TFUE, regolament huwa l-uniku strument legali disponibbli għall-Kunsill sabiex jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom japplika l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, u l-kategoriji ta’ għajnuna eżentati minn dik il-proċedura.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Il-konklużjoni tal-kontroll tal-idoneità tal-Linji Gwida Ferrovjarji hija li dawk il-linji gwida jeħtieġu rieżami sħiħ sabiex jiġu allinjati mal-iżviluppi tas-suq u regolatorji kif ukoll mal-prijoritajiet ġenerali l-ġodda stabbiliti fl-Aġenda tal-Patt Ekoloġiku. Fost l-oħrajn, il-kontroll tal-idoneità indika l-adegwatezza ta’ eżenzjoni ta’ kategorija b’mod partikolari għal diversi tipi ta’ għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport li ġew approvati mill-Kummissjoni matul dawn l-aħħar għaxar snin permezz ta’ deċiżjonijiet sabiex ma jitqajmux oġġezzjonijiet 15 , mingħajr ma tkun twettqet proċedura ta’ investigazzjoni formali. B’mod aktar speċifiku, l-evalwazzjoni tat-Taqsima 6.3 tal-Linji Gwida Ferrovjarji, dwar l-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport, uriet li l-każijiet kollha rriżultaw f’deċiżjonijiet sabiex ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ġeneralment fi żmien limitat min-notifika 16 .

    Il-kontroll tal-idoneità tal-Linji Gwida Ferrovjarji nbena fuq rieżami komprensiv tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat approvat skont il-Linji Gwida Ferrovjarji u/jew l-Artikolu 93 tat-TFUE, il-feedback riċevut mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa. Il-ħtieġa ta’ Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport hija saħansitra aktar urġenti fid-dawl tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-importanza akbar ta’ bidla modali għal modi ta’ trasport aktar sostenibbli, bħat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali, sabiex sal-2050 tintlaħaq il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Din il-proposta ma tirrikjedi l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

    Ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost fih innifsu mhux se jkollu impatt dirett fuq il-partijiet ikkonċernati, minħabba li se jipprovdi biss bażi ġuridika għall-Kummissjoni sabiex tadotta regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija. Fid-dawl tan-natura teknika ta’ din il-proposta, li sempliċiment qiegħda tħejji t-triq għar-regolamenti futuri ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, ma hija se titwettaq l-ebda konsultazzjoni pubblika. Madankollu, fl-1 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni ppubblikat pjan direzzjonali li jikkonċerna speċifikament l-inizjattiva sabiex tiġi żviluppata din il-proposta. Il-partijiet ikkonċernati kellhom erba’ ġimgħat sabiex jipprovdu feedback dwar il-pjan direzzjonali 17 .

    Se ssir konsultazzjoni pubblika għar-reviżjoni tal-Linji Gwida Ferrovjarji, li tinkludi l-proġett sabiex jiġu ssimplifikati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-koordinazzjoni tat-trasport permezz ta’ regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija. Se titwettaq ukoll konsultazzjoni pubblika speċifika għar-regolamenti futuri ta’ eżenzjoni ta’ kategorija tal-Kummissjoni.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Ma hemmx bżonn li din il-proposta tiġi appoġġata minn valutazzjoni tal-impatt. L-għan ta’ din il-proposta huwa li l-Kunsill jadotta Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport, li se jippermetti lill-Kummissjoni tadotta regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali li jinvolvi riskju limitat ta’ distorsjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni. Din il-proposta ma tinvolvi l-ebda eżenzjoni ta’ kategorija immedjata tal-kategoriji ta’ għajnuna koperti mir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport previst, iżda tippermetti lill-Kummissjoni tadotta regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija fi stadju sussegwenti.

    Il-kontenut tar-regolamenti futuri ta’ eżenzjoni ta’ kategorija tal-Kummissjoni se jkun sostnut minn valutazzjoni tal-impatt.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Din il-proposta għandha l-għan, fost affarijiet oħra, li tissimplifika r-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-koordinazzjoni tat-trasport u dwar l-għajnuna mill-Istat li tirrappreżenta r-rimborż għat-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku fis-setturi tat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali u tnaqqas in-numru ta’ notifiki ta’ għajnuna mill-Istat u l-kostijiet regolatorji relatati.

    Ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost jippermetti lill-Kummissjoni tadotta regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għall-għajnuna għat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali. L-adozzjoni ta’ tali regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija se ġġib benefiċċji lill-Unjoni kollha kemm hi. L-ewwel nett, se trawwem trasformazzjoni ekoloġika u diġitali fundamentali tat-trasport Ewropew f’konformità mal-objettivi ta’ politika stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. It-tieni, din se tnaqqas b’mod notevoli l-piż amministrattiv u l-kost għall-investimenti f’modi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi u għall-konsolidazzjoni/l-espansjoni ta’ modi u soluzzjonijiet tat-trasport eżistenti li jniġġsu anqas mit-trasport bit-triq. It-tielet, din se tissimplifika l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku u se tappoġġa modi u soluzzjonijiet ta’ trasport aktar nodfa f’żoni u segmenti, fejn it-trasport altrimenti jsir bit-triq biss.

    Drittijiet fundamentali

    Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-Unjoni.5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost se jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha mad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost, kull ħames snin il-Kummissjoni se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport. Barra minn hekk, se jiġi ppreżentat abbozz ta’ rapport minn qabel għall-kunsiderazzjoni lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost. Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar l-Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost, dak il-kumitat se jiġi kkonsultat ukoll mill-Kummissjoni meta jkollha l-ħsieb tadotta regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u qabel ma tadotta kwalunkwe regolament bħal dan.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost jidentifika żewġ kategoriji ta’ għajnuna eżentati min-notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE: (i) għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport; u (ii) għajnuna għar-rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku. Dawk il-kategoriji jirriflettu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-TFUE. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost ma jinkludix kumpens għal servizz pubbliku għat-tħaddim ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew għall-konformità mal-obbligi tariffarji stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali, koperti mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

    L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost jindika l-elementi li l-Kummissjoni se tispeċifika fir-regolamenti sussegwenti tagħha għall-eżenzjoni ta’ kategorija min-notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE tal-kategoriji ta’ għajnuna msemmija hawn fuq. Dawk il-kategoriji huma l-istess bħal dawk identifikati fir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni tal-2015.

    L-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost jindika t-tip ta’ kundizzjonijiet li, fir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija sussegwenti tagħha, il-Kummissjoni tista’ tispeċifika sabiex tiżgura l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna koperta minn din il-proposta. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(3)(b) jippermetti lill-Kummissjoni teskludi ċerti setturi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija. Dik id-dispożizzjoni tqis li din il-proposta tippermetti lill-Kummissjoni tadotta regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija peress li tikseb esperjenza suffiċjenti sabiex tiddefinixxi kriterji ċari ta’ kompatibbiltà, filwaqt li tiżgura li l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun limitat.

    Fir-rigward tat-trasparenza u tal-monitoraġġ, il-perjodu ta’ validità u l-emenda tar-regolamenti, is-smigħ tal-partijiet interessati, il-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat u l-konsultazzjoni tiegħu, u r-rapport ta’ evalwazzjoni, l-Artikoli 2 sa 6 tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-Trasport propost jirriflettu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni tal-2015.

    2022/0209 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 93, 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 109 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 18 ,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 19 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara permezz ta’ regolamenti li ċerti kategoriji speċifikati ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern u huma eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Filwaqt li r-Regolament (UE) 2015/1588 ikopri ċerti kategoriji ta’ għajnuna lil impriżi li joperaw f’setturi differenti, bħal għajnuna favur il-protezzjoni ambjentali, dan ma jkoprix, fost l-oħrajn, għajnuna għall-appoġġ tat-trasport bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, inkluż it-trasport multimodali 20 . Is-setturi tat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali saru dejjem aktar rilevanti fil-livell tal-Unjoni, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 21 , u l-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti  22 .

    (2)Skont l-Artikolu 93 tat-Trattat, l-għajnuna relatata mat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multirmodali, li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-koordinazzjoni tat-trasport jew li tirrappreżenta r-rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku, għandha tkun kompatibbli mat-Trattati.

    (3)Il-Kummissjoni applikat l-Artikol 93, l-Artikol 107(1) u l-Artikol 108 tat-Trattat f’diversi deċiżjonijiet li jikkonċernaw ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat lil impriżi attivi fis-setturi tat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u multimodali u żviluppat linji gwida għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat li jitqiesu li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ koordinazzjoni tat-trasport 23 . Mill-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna bħal din ma twassalx għal distorsjoni sinifikanti fil-kompetizzjoni, sakemm tingħata abbażi ta’ proċeduri miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorji u jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kompatibbiltà abbażi tal-esperjenza miksuba.

    (4)Għalhekk, bil-għan li tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni f’każijiet li fihom id-distorsjoni tal-kompetizzjoni tkun limitata għal minimu, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tiddikjara permezz ta’ regolamenti li l-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport jew ir-rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 93 tat-Trattat hija kompatibbli mas-suq intern u hija eżentata mir-rekwiżiti ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    (5)L-għajnuna mill-Istat li tirrappreżenta rimborż għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fir-rigward ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri diġà hija koperta mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, inkluż meta l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw dak ir-Regolament għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq passaġġi fuq l-ilma interni u ilmijiet marittimi nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament 24 . Il-kumpens għal servizz pubbliku li jikkonċerna t-trasport pubbliku tal-passiġġieri jenħtieġ għalhekk li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (6)Meta tadotta regolamenti li jeżentaw ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-rekwiżiti ta’ notifika stabbilita fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat (“regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija”), il-Kummissjoni jenħtieġ li tispeċifika l-iskop tal-għajnuna, il-kategoriji ta’ benefiċjarji u l-limiti li jillimitaw l-għajnuna eżentata, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-akkumulazzjoni tal-għajnuna u l-kundizzjonijiet tal-monitoraġġ, u li torbot kull kundizzjoni dettaljata ulterjuri sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna koperta minn dan ir-Regolament.

    (7)Huwa importanti għall-partijiet kollha li jkunu jistgħu jivverifikaw jekk għajnuna tingħatax f’konformità mar-regoli applikabbli. Għalhekk, it-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat hija essenzjali biex ir-regoli tat-Trattat ikunu applikati b’mod korrett u twassal għal konformità aħjar, akkontabbiltà akbar, evalwazzjoni mill-pari u, fl-aħħar nett, infiq pubbliku aktar effettiv. Għal din ir-raġuni l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprovdu sommarji ta’ informazzjoni dwar l-għajnuna implimentata minnhom, li hija koperta minn regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-miżuri adottati mill-Istati Membri, dawk is-sommarji jenħtieġ li jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni.

    (8)Skont l-Artikolu 108(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha żżomm taħt rieżami kostanti s-sistemi eżistenti kollha ta’ għajnuna, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Għal dak il-għan u sabiex jiġi żgurat l-akbar livell possibbli ta’ trasparenza u kontroll adegwat, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-Istati Membri jirreġistraw u jaħżnu informazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija adottati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura wkoll li l-Istati Membri jipprovdulha rapport, tal-anqas fuq bażi annwali, dwar l-applikazzjoni ta’ tali regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija. Dawk ir-rapporti jenħtieġ li jkunu aċċessibbli għall-Istati Membri kollha.

    (9)Qabel tadotta regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippermetti lill-partijiet interessati kollha jissottomettu l-kummenti tagħhom sabiex tiġbor feedback li jkun kemm jista’ jkun komprensiv u rappreżentattiv. Għal dak il-għan jenħtieġ li tippubblika abbozz ta’ tali regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

    (10)Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat, stabbilit bl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2015/1588, jenħtieġ li jiġi kkonsultat fl-istess ħin tal-pubblikazzjoni ta’ abbozz ta’ regolament. Madankollu, fl-interess tat-trasparenza, l-abbozz ta’ regolament jenħtieġ li jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni fl-istess ħin li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv għall-ewwel darba.

    (11)Il-kontroll tal-għoti tal-għajnuna jinvolvi fatturi fattwali, legali u ekonomiċi ta’ natura kumplessa ħafna u varjetà kbira f’ambjent f’evoluzzjoni kontinwa. Il-Kummissjoni jenħtieġ li għalhekk tirrieżamina b’mod regolari l-kategoriji ta’ għajnuna li jenħtieġ li jkunu eżentati min-notifika. Għal dak il-għan, jenħtieġ li tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull ħames snin,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Eżenzjonijiet ta’ kategorija

    1.Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolamenti adottati f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5, tiddikjara li l-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, huma kompatibbli mas-suq intern u ma humiex soġġetti għar-rekwiżiti ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat:

    (a)għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport;

    (b)għajnuna għar-rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku, eskluż il-kumpens għal servizz pubbliku fir-rigward tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri, li huwa kopert mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

    2.Għal kull kategorija ta’ għajnuna, ir-regolamenti adottati skont il-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw:

    (c)l-għan tal-għajnuna;

    (d)il-kategoriji tal-benefiċjarji;

    (e)limiti espressi f’termini ta’ intensitajiet ta’ għajnuna fir-rigward ta’ sett ta’ kostijiet eliġibbli jew f’termini ta’ ammonti massimi ta’ għajnuna jew, għal ċerti tipi ta’ għajnuna fejn jista’ jkun diffiċli li tiġi identifikata l-intensità tal-għajnuna jew li jiġi identifikat l-ammont preċiż tal-għajnuna, b’mod partikolari strumenti ta’ inġinerija finanzjarja jew investimenti ta’ kapital ta’ riskju jew dawk ta’ natura simili, f’termini ta’ livell massimu ta’ appoġġ mill-Istat f’dik il-miżura jew relatat magħha, mingħajr preġudizzju għall-kwalifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati fid-dawl tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

    (f)il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-akkumulazzjoni tal-għajnuna;

    (g)il-kundizzjonijiet ta’ trasparenza u monitoraġġ f’konformità mal-Artikolu 2.

    3.Flimkien ma’ dan, ir-regolamenti adottati skont il-paragrafu 1 jistgħu, b’mod partikolari:

    (h)jistabbilixxu limiti jew kondizzjonijiet oħra għan-notifika ta’ għotjiet ta’ għajnuna individwali;

    (i)jeskludu ċerti setturi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom;

    (j)jimponu aktar kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà tal-għajnuna eżentata skont dawk ir-regolamenti.

    Artikolu 2

    Trasparenza u monitoraġġ

    4.Ir-regolamenti adottati skont l-Artikolu 1(1) għandhom jinkludu regoli dettaljati sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-monitoraġġ tal-għajnuna koperta minn dawk ir-regolamenti.

    5.Meta l-Istati Membri jimplimentaw skemi ta’ għajnuna jew għajnuna individwali eżentati minn notifika skont ir-regolamenti msemmija fl-Artikolu 1(1), huma għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, bil-għan li jiġu ppubblikati, sommarji tal-informazzjoni dwar tali għajnuna.

    6.L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni tar-regolamenti adottati skont l-Artikolu 1(1). Meta l-Kummissjoni jkollha informazzjoni li tipprovdi raġunijiet biex temmen li regolament adottat skont l-Artikolu 1(1) mhux qed jiġi applikat kif suppost, l-Istati Membri għandhom jgħaddulha kull informazzjoni li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tivvaluta jekk għajnuna mogħtija skont dak ir-regolament tikkonformax mal-kundizzjonijiet kollha tiegħu.

    7.Mill-anqas darba fis-sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni tar-regolamenti adottati skont l-Artikolu 1(1), f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-Kummissjoni, preferibbilment f’forma kompjuterizzata. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawk ir-rapporti aċċessibbli għall-Istati Membri kollha. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5 għandu jeżamina u jevalwa dawk ir-rapporti darba fis-sena.

    Artikolu 3

    Perjodu ta’ validità tar-regolamenti u l-emendi tagħhom

    8.Ir-regolamenti adottati skont l-Artikolu 1(1) għandhom jispeċifikaw il-perjodu ta’ validità tagħhom. Ir-regolamenti għandhom jipprevedu perjodu tranżizzjonali f’każ li l-perjodu ta’ validità tagħhom ma jiġix estiż meta jiskadi.

    9.Meta r-regolamenti adottati skont l-Artikolu 1(1) jitħassru jew jiġu emendati b’regolament ġdid, ir-regolament il-ġdid għandu jipprovdi għal perjodu tranżizzjonali ta’ sitt xhur biex jippermetti l-aġġustament tal-għajnuna koperta mir-regolament imħassar jew emendat.

    Artikolu 4

    Smigħ ta’ partijiet interessati

    Qabel l-adozzjoni ta’ regolament skont l-Artikolu 1(1), il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tiegħu sabiex il-persuni u l-organizzazzjonijiet interessati kollha jkunu jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom f’terminu stabbilit mill-Kummissjoni. Dak il-limitu ta’ żmien għandu jkun ta’ mill-inqas xahar, ħlief meta l-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li tistabbilixxi skadenza iqsar.

    Artikolu 5

    Konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat

    10.Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat (“il-Kumitat”):

    (k)fl-istess ħin li jiġu ppubblikati abbozzi ta’ regolamenti skont l-Artikolu 4; u

    (l)qabel ma tadotta kwalunkwe regolament skont l-Artikolu 1(1).

    11.Il-konsultazzjoni tal-Kumitat għandha ssir f’laqgħa msejħa mill-Kummissjoni permezz ta’ komunikazzjoni elettronika. L-abbozzi u d-dokumenti li jridu jiġu eżaminati għandhom jiġu annessi mall-komunikazzjoni elettronika. Il-laqgħa għandha ssir mhux aktar kmieni minn xahrejn wara l-komunikazzjoni elettronika. Dak il-perjodu jista’ jitnaqqas fil-każ tal-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, meta ġġustifikat għal raġunijiet ta’ urġenza jew għall-estensjoni tad-data tal-applikazzjoni ta’ regolament.

    12.Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f’perjodu li jista’ jiġi stabbilit mill-President skont l-urġenza tal-każ, meta jkun neċessarju billi jittieħed vot.

    13.L-opinjoni tal-Kumitat għandha titniżżel fil-minuti. Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu d-dritt li jitlob li l-pożizzjoni tiegħu titniżżel fil-minuti. Il-Kumitat jista’ jirrakkomanda li l-opinjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    14.Il-Kummissjoni għandha tqis l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat. Hija għandha tinforma lill-Kumitat bil-mod li bih tkun tqieset l-opinjoni tiegħu.

    Artikolu 6

    Rapport ta’ evalwazzjoni

    Kull ħames snin il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għandha tissottometti abbozz tar-rapport sabiex jiġi kkunsidrat mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, COM/2020/575 final.
    (2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final.
    (3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa”, COM(2020) 102 final, l-10 ta’ Marzu 2020 kif aġġornata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”, COM(2021) 350 final.
    (4)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”, COM(2020) 67 final, id-19 ta’ Frar 2020.
    (5)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti — inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur, COM/2020/789 final, SWD(2020) 331 final.
    (6)    “Trasport multimodali” tfisser it-trasport ta’ passiġġieri jew merkanzija, jew it-tnejn li huma, bl-użu ta’ żewġ modi ta’ trasport jew aktar, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).
    (7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji (“Linji Gwida Ferrovjarji”) (ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13).
    (8)    Is-sejbiet tal-kontroll tal-idoneità tal-linji gwida ferrovjarji mwettqa mill-Kummissjoni fl-2019 u fl-2020 huma disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/2044-Pakkett-tal-2012-g%C4%A7all-modernizzazzjoni-tal-g%C4%A7ajnuna-mill-Istat-linji-gwida-dwar-il-ferroviji-u-l-assigurazzjoni-ta%E2%80%99-kreditu-g%C4%A7all-esportazzjoni-fuq-perjodu-qasir-kontroll-tal-idoneita_mt.
    (9)    B’mod partikolari, il-Linji Gwida Ferrovjarji kienu qabel l-aktar pakkett ferrovjarju reċenti (ir-raba’ wieħed) (2016), li se jlesti l-liberalizzazzjoni u l-ftuħ tas-suq tas-settur ferrovjarju ( https://transport.ec.europa.eu/transport-modes/rail/railway-packages/fourth-railway-package-2016_en ). Seħħew żviluppi leġiżlattivi oħrajn, eż. ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Eurovignette (id-Direttiva (UE) 2022/362 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li temenda d-Direttivi 1999/62/KE, 1999/37/KE u (UE) 2019/520, fir-rigward tal-ħlas li jrid isir mill-vetturi għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, ĠU L 69, 4.3.2022, p. 1), li introduċiet ċerti bidliet fis-sistema tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura tat-toroq. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jaffettwa l-mod kif jiġu kkalkolati d-differenzi fil-kostijiet bejn it-triq u modi oħrajn ta’ trasport għall-fini tal-għoti ta’ għajnuna għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni modali mit-triq għal modi ta’ trasport li jniġġsu anqas.
    (10)    Trasport intermodali jfisser moviment ta’ merkanzija (fl-istess unità tat-tagħbija jew vettura) b’modi suċċessivi ta’ trasport mingħajr l-maniġġ tal-merkanzija nnifisha meta jinbidlu l-modi. Għalhekk huwa tip ta’ trasport multimodali ( https://stats.oecd.org/glossary/detail.asp?ID=4303 ).
    (11)    Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 351, 3.12.2007, p. 1).
    (12)    ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.
    (13)    COM(2012) 209 final.
    (14)    “Il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista’ jagħmel regoli approprijati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 u jista’ partikolarment jiffissa l-kondizzjonijiet li fihom l-Artikolu 108(3) għandu japplika u l-kategoriji ta’ għajnuna eżenti minn din il-proċedura”.
    (15)    Ara l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).
    (16)    Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Kontroll tal-Idoneità tal-pakkett ta’ modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-2012, il-linji gwida ferrovjarji u l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir {SEC(2020) 372 final} - {SWD(2020) 258 final}, il-parti 3/4, p. 139 u l 211, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/fitness_check_-_annexs_part3_en.pdf .
    (17)    Ara https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13153-Trasport-fuq-l-art-aktar-ekologiku-regoli-simplifikati-dwar-l-g%C4%A7ajnuna-mill-Istat-ir-Regolament-gdid-ta%E2%80%99-Awtorizzazzjoni-dwar-it-Trasport-fuq-l-Art-_mt .
    (18)    ĠU C , , p. .
    (19)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1). Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).
    (20)    “Trasport multimodali” tfisser it-trasport ta’ passiġġieri jew merkanzija, jew it-tnejn li huma, bl-użu ta’ żewġ modi ta’ trasport jew aktar, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1-128).
    (21)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u il-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final.
    (22)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur, COM/2020/789 final, SWD(2020) 331 final.
    (23)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji (ĠU C184, 22.7.2008, p. 13).
    (24)    Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 351, 3.12.2007, p. 1).
    Top