IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.4.2022
COM(2022) 154 final
2022/0102(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza liċ-Ċekja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2021, iċ-Ċekja talbet awtorizzazzjoni biex sal-31 ta’ Diċembru 2024, tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, li tippermetti liċ-Ċekja teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 85 000.
F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li għamlet iċ-Ċekja permezz tal-ittra bid-data tas-16 ta’ Diċembru 2021. Il-Kummissjoni nnotifikat liċ-Ċekja permezz tal-ittra bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2021 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluż il-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli b’fatturat annwali inqas minn ċertu livell. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-inputs tagħha.
Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, Stati Membri partikolari li aderew wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali tal-ammonti bir-rata ta’ konverżjoni fil-ġurnata tal-adeżjoni tagħhom, kif speċifikat f’dik id-dispożizzjoni.
Skont il-punt (7) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, iċ-Ċekja tista’ teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali.
L-awtorizzazzjoni biex il-livell limitu tal-fatturat annwali jiżdied minn EUR 35 000 għal EUR 85 000 se tissimplifika l-piż amministrattiv fuq in-negozji eliġibbli għall-eżenzjoni u se tistimula l-iżvilupp ta’ tali negozji żgħar billi teħlishom mill-obbligu tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT, bħaż-żamma tar-rekords tal-VAT jew is-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT. Apparti hekk, l-introduzzjoni ta’ tali miżura speċjali se tirriżulta f’inqas piż fuq l-awtorità tat-taxxa billi tnaqqas ir-rekwiżit li jiġu ġestiti u spezzjonati persuni taxxabbli b’fatturat taħt il-livell limitu. Barra minn hekk, se jkun hemm effett pożittiv fuq il-livell ġenerali ta’ konformità mal-obbligi tal-VAT għal dawn il-persuni taxxabbli.
Il-miżura speċjali hija fakultattiva għalkollox għall-persuni taxxabbli. Għalhekk, in-negozji ż-żgħar li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw l-arranġamenti normali tal-VAT.
Skont l-istimi pprovduti miċ-Ċekja, l-introduzzjoni tal-miżura speċjali se twassal għal tnaqqis fil-ġbir tad-dħul mill-VAT ta’ inqas minn 2 % u għalhekk ma tkunx taffettwa b’mod sinifikanti l-ammont totali ta’ dħul mill-VAT jew l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali.
Il-miżura speċjali li tissimplifika l-obbligi tal-operaturi ż-żgħar, hija konformi mal-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għan-negozji ż-żgħar.
Minħabba l-impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtorità tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT, huwa xieraq li ċ-Ċekja tiġi awtorizzata tintroduċi u tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-objettivi tad-Direttiva (UE) 2020/285 li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT, u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm domestikament kif ukoll fil-livell tal-UE, li tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u li tiffaċilita l-konformità tan-negozji kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa.
Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 85 000 huwa konsistenti mad-Direttiva (UE) 2020/285, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. In-Netherlands u l-Belġju ngħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; l-Italja ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000, il-Lussemburgu ngħata livell limitu ta’ EUR 35 000; il-Polonja, il-Latvja u l-Estonja ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; l-Ungerija ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; is-Slovenja ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; il-Litwanja ngħatat livell limitu ta’ EUR 55 000; il-Kroazja ngħatat livell limitu ta’ EUR 45 000; Malta ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; u r-Rumanija ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.
Jenħtieġ li d-derogi mid-Direttiva tal-VAT ikunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitlub miċ-Ċekja, hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2020/285. Dik id-Direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri se jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-Kummissjoni ilha konsistentement tenfasizza l-bżonn li jkun hemm regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, f’Marzu tal-2020, il-Kummissjoni adottat Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali, fejn impenjat ruħha li tkompli taħdem biex tnaqqas il-piż fuq l-SMEs. L-objettiv li jitnaqqas il-piż regolatorju għall-SMEs huwa wieħed mill-pilastri ta’ din l-istrateġija. Din il-miżura speċjali hija f’konformità ma’ tali objettivi, f’dak li jirrigwarda r-regoli fiskali. Hija konsistenti wkoll mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru, li jirrikonoxxi li l-kostijiet tal-konformità fiskali għadhom għoljin fl-UE, u li tipikament, il-kostijiet tal-konformità għall-kumpaniji żgħar ikunu sostanzjalment ogħla milli għall-kumpaniji kbar.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata, il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-awtorità tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT huwa possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu għal proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq billi din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret miċ-Ċekja u tikkonċerna biss dan l-Istat Membru partikolari.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li żżid il-livell limitu tal-eżenzjoni attwali minn EUR 35 000 għal EUR 85 000 (fl-ekwivalenti fil-munita nazzjonali). Din iż-żieda hija miżura ta’ simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 85 000. Għalhekk se jkollha impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtorità tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tad-deroga u l-applikazzjoni tagħha limitata fil-ħin, l-impatt tal-miżura se jkun fi kwalunkwe każ limitat.
Attwalment, abbażi tad-data disponibbli mill-2020, hemm madwar 910 000 impriża żgħira li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiġu eżentati mill-VAT. Iż-żieda fil-livell limitu għal EUR 85 000 se tkun ta’ benefiċċju għal madwar EUR 105 000 impriża addizzjonali, li se twassal għal tnaqqis fid-dħul mill-VAT ta’ inqas minn 2 %.
Il-miżura ta’ deroga se tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. L-impatt baġitarju f’termini ta’ dħul mill-VAT għaċ-Ċekja huwa stmat għal madwar EUR 370 miljun, li jista’ jitqies negliġibbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud, mhu se jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens miċ-Ċekja mid-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT għas-sena finanzjarja 2022 ’il quddiem.
2022/0102 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza liċ-Ċekja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont il-punt (7) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, iċ-Ċekja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fid-data tal-adeżjoni tagħha.
(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2021, iċ-Ċekja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (7) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali (“il-miżura speċjali”). Dik il-miżura speċjali se tkun applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285. Minn dik id-Direttiva jirriżulta li, mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri se jitħallew jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi magħmula minn persuni taxxabbli li l-fatturat annwali fl-Istat Membru tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.
(3)Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2), tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet iċ-Ċekja lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra bid-data tas-16 ta’ Diċembru 2021. Permezz tal-ittra bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni għarrfet liċ-Ċekja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba.
(4)Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li tfittex li tnaqqas il-piż tal-konformità tal-impriżi ż-żgħar u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.
(5)Il-miżura speċjali se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.
(6)Skont l-informazzjoni pprovduta miċ-Ċekja, il-miżura speċjali se jkollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li ċ-Ċekja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali.
(7)Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769, mhu ser isir l-ebda kalkolu ta’ kumpens miċ-Ċekja fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT mis-sena finanzjarja 2022 ’il quddiem.
(8)Peress li ċ-Ċekja tistenna li l-livell limitu miżjud se jirriżulta fi tnaqqis tal-obbligi tal-VAT u għalhekk fi tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-ispejjeż ta’ konformità kemm għall-impriżi ż-żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u mhu se jkun hemm l-ebda impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li ċ-Ċekja tiġi awtorizzata tintroduċi l-miżura speċjali.
(9)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex jippermetti li ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, li tħassar l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE u tistipula regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li ċ-Ċekja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-punt (7) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika Ċeka hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Artikolu 3
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President