Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0089

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

    COM/2022/89 final

    Brussell, 11.3.2022

    COM(2022) 89 final

    2022/0068(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

    Kemm il-Ftehim dwar il-Ħruġ 1 kif ukoll il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni 2 bejn l-Unjoni u r-Renju Unit jippermettu lil Parti tadotta u tapplika ċerti miżuri sabiex twassal għall-konformità mill-Parti l-oħra ma’ deċiżjoni mogħtija minn tribunal jew bord ta’ arbitraġġ. Tali miżuri huma rimedji temporanji applikati sakemm tinkiseb konformità sħiħa 3 . Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi wkoll miżuri ta’ kumpens, li huma awtorizzati minn tribunal tal-arbitraġġ fuq talba ta’ Parti, jekk il-Parti l-oħra tkun instabet li tkun applikat miżuri ta’ rimedju li jkunu inkonsistenti b’mod sinifikanti mad-dispożizzjonijiet applikabbli 4 .

    Barra minn hekk, iż-żewġ Ftehimiet jippermettu li Parti tieħu l-miżuri li ġejjin mingħajr ma jkollha l-ewwel tirrikorri għall-mekkaniżmu rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwim:

    (a)Miżuri ta’ rimedju:

    (a)skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ (fir-rigward ta’ nuqqas ta’ żieda ta’ strumenti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni mal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq) 5 ;

    (b)skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (fir-rigward tas-sussidji, it-trasport bit-triq u s-sajd) 6 ;

    (b)Miżuri ta’ riekwilibriju:

    (a)skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ (fir-rigward tal-miżuri ta’ salvagwardja adottati mir-Renju Unit li joħolqu żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi skont il-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq) 7 ;

    (b)skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (fir-rigward tal-miżuri ta’ salvagwardja adottati mir-Renju Unit li joħolqu żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew skont kwalunkwe ftehim supplimentari) 8 ;

    (c)skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (fir-rigward tad-diverġenzi fl-oqsma tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali, ambjentali jew klimatika jew il-kontroll tas-sussidji) 9 ;

    (c)Kontromiżuri skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (b’reazzjoni għall-miżuri ta’ riekwilibriju skont l-Artikolu 411 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni) 10 ;

    (d)Miżuri ta’ salvagwardja:

    (a)skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ (jekk l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq twassal għal diffikultajiet ekonomiċi, soċjetali jew ambjentali serji li jistgħu jippersistu, jew għad-devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali) 11 ;

    (b)skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (f’każ ta’ diffikultajiet ekonomiċi, soċjetali jew ambjentali serji ta’ natura settorjali jew reġjonali li x’aktarx jippersistu) 12 ;

    (e)Is-sospensjoni tal-obbligi skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew kwalunkwe ftehim supplimentari f’każ ta’ ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew ta’ kwalunkwe ftehim supplimentari jew ta’ nuqqas ta’ ssodisfar ta’ ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ tal-merkanzija, tat-trasport bl-ajru, tat-trasport bit-triq, tas-sajd jew tal-programmi tal-Unjoni 13 ; kif ukoll

    L-Unjoni hija awtorizzata wkoll, skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, li tissospendi jew ittemm l-applikazzjoni tal-Protokoll I, fir-rigward ta’ programmi, attivitajiet tal-Unjoni jew partijiet minnhom, f’każ li r-Renju Unit jonqos milli jħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu jew idaħħal bidliet sinifikanti għal ċerti kundizzjonijiet inizjali.

    L-Unjoni u r-Renju Unit jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali oħra bejniethom li jikkostitwixxu ftehimiet addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni u tali ftehimiet addizzjonali għandhom ikunu parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali ġenerali kif irregolati minn dan il-Ftehim u għandhom jiffurmaw parti mill-qafas ġenerali 14 . Il-miżuri msemmija hawn fuq għandhom għalhekk ikopru wkoll tali ftehimiet addizzjonali.

    Jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ wkoll tieħu miżuri xierqa jekk ir-rikors effettiv għal soluzzjoni ta’ tilwim vinkolanti skont il-Ftehimiet ma jkunx possibbli minħabba li r-Renju Unit ma jikkooperax biex jagħmel tali rikors possibbli.

    Fid-deċiżjoni tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (id-“deċiżjoni tal-Kunsill”) 15 , il-Kunsill ta s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-maġġoranza tal-miżuri msemmija hawn fuq f’isem l-Unjoni “sakemm (jidħol fis-seħħ) att leġiżlattiv speċifiku li jirregola l-adozzjoni tal-miżuri” 16 .

    Il-Kummissjoni u l-Kunsill qablu wkoll dwar dikjarazzjoni konġunta, maħruġa fiż-żmien tal-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, li tipprevedi li, “mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ inizjattiva tagħha skont it-Trattati, il-Kummissjoni se timmira li tipproponi l-att leġiżlattiv speċifiku msemmi hawn fuq sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2022” 17 .

    Din il-proposta leġiżlattiva tissodisfa dan l-impenn politiku. Ir-Regolament propost jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-miżuri msemmija hawn fuq, kif ukoll biex temendahom, tissospendihom jew tħassarhom kif xieraq, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Meta l-miżura tikkonsisti fis-sospensjoni ta’ obbligu skont kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet, is-setgħa testendi għall-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet xierqa fuq il-kummerċ, l-investiment jew attivitajiet oħra fl-ambitu tal-ftehim ikkonċernat. Ir-Regolament propost għalhekk jiżgura li l-Unjoni tkun tista’ taġixxi b’mod tempestiv u effettiv biex tipproteġi l-interessi tagħha fl-implimentazzjoni u fl-infurzar kemm tal-Ftehim dwar il-Ħruġ kif ukoll tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

    Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Ma hemm l-ebda preċedent ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ politika li tirregola l-irtirar mill-Unjoni u s-sħubija ma’ eks-Stat Membru. In-natura bla preċedent tas-sistema ffurmata mill-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni hija partikolarment notevoli fil-każ tal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jippermetti lir-Renju Unit jipparteċipa fis-suq uniku għall-merkanzija fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    Ir-Regolament propost huwa maħsub biex japplika minflok is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Wara l-adozzjoni tar-Regolament propost, il-Kummissjoni għalhekk se tippreżenta proposta għar-revoka tal-partijiet rilevanti ta’ dik id-Deċiżjoni.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Minħabba l-ambitu wiesa’ taż-żewġ Ftehimiet, jista’ jkun li jkollhom jiġu adottati miżuri fir-rigward tal-politiki tal-Unjoni li ġejjin: il-politika komuni tas-sajd, il-politika komuni tat-trasport, il-politika tas-suq intern, il-politika tar-riċerka u l-iżvilupp, il-politika spazjali u l-politika kummerċjali komuni.

    Ir-Regolament propost huwa lex specialis fir-rigward tad-dispożizzjonijiet settorjali tal-liġi tal-Unjoni sal-punt li dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw l-istess suġġett. Jista’ jkun hemm trikkib possibbli eż. fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni 18 jew il-politika tat-trasport 19 .

    Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-politiki tal-Unjoni fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, ir-Regolament propost ma jkoprix miżuri fl-ambitu ta’ dawk il-politiki.

    Proposta leġiżlattiva separata tirregola l-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tal-programmi ta’ riċerka u taħriġ tal-Euratom.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażijiet ġuridiċi huma dawk fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jirregolaw l-oqsma li fihom jista’ jkollhom jiġu adottati miżuri unilaterali u ta’ infurzar, jiġifieri:

    -    l-Artikolu 43 tat-TFUE (sajd);

    -    l-Artikoli 91 u 100 tat-TFUE (trasport);

    -    l-Artikoli 173, 182, 188 u 189 tat-TFUE (programmi tal-Unjoni);

    -    l-Artikolu 207 tat-TFUE (il-politika kummerċjali komuni).

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Ir-Regolament propost jimplimenta l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-Ftehim dwar il-Ħruġ, li t-tnejn li huma huma ftehimiet tal-UE biss. Peress li l-objettiv li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri li jirregolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-miżuri adottati skont l-inizjattiva proposta se jaffettwaw lill-Istati Membri u din is-sitwazzjoni tiġġustifika r-rikors għall-proċeduri tal-komitoloġija.

    Proporzjonalità

    Bl-istess mod, sal-punt li d-drittijiet tal-Unjoni li għandhom jiġu eżerċitati huma stabbiliti fil-Ftehimiet ikkonċernati, il-miżuri proposti ma jeċċedux dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi żgurat eżerċizzju rapidu u effettiv ta’ dawk id-drittijiet. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li japplikaw skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali u ta’ infurzar jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet speċifiċi stabbiliti fihom.

    Għażla tal-istrument

    Il-forma ta’ regolament taqbel mal-objettiv segwit, jiġifieri li jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali u kundizzjonijiet uniformi għall-eżerċizzju tad-drittijiet disponibbli għall-Unjoni fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew kwalunkwe ftehim supplimentari.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    mhux applikabbli

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    L-inizjattiva hija ta’ natura proċedurali u istituzzjonali.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    mhux applikabbli

    Valutazzjoni tal-impatt

    Ma saret ebda valutazzjoni tal-impatt għar-raġunijiet li ġejjin:

    1.Ma hemm l-ebda għażla ta’ politika disponibbli għall-Kummissjoni għaliex: (a) il-proposta prevista torganizza kif il-miżuri diġà miftiehma f’żewġ ftehimiet internazzjonali jittieħdu fl-Unjoni mingħajr marġni ta’ varjazzjoni, u (b) il-Kummissjoni impenjat ruħha quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tippreżenta proposta għal dan l-att leġiżlattiv sa data partikolari.

    2.Ma huwa mistenni l-ebda impatt direttament identifikabbli minħabba n-natura proċedurali tal-att.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    mhux applikabbli

    Drittijiet fundamentali

    Il-miżuri adottati skont ir-Regolament propost ikunu azzjoni legali mill-Unjoni skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan għaliex din l-azzjoni tittieħed f’konformità mar-rekwiżiti li l-azzjoni tittieħed abbażi ta’ bażi ġuridika xierqa, mill-awtoritajiet kompetenti, biex jintlaħaq objettiv leġittimu, jiġifieri dak li jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-Unjoni skont il-Ftehimiet imsemmija hawn fuq, u f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    mhux applikabbli

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Stħarriġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament propost huwa previst fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Dan il-perjodu huwa konformi mal-istħarriġ konġunt taż-żewġ Partijiet għat-TCA kif previst fl-Artikolu 776 tat-TCA.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    mhux applikabbli

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 1 jistabbilixxi s-suġġett tar-Regolament propost, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri biex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv u tempestiv tad-drittijiet tal-Unjoni fl-infurzar u fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

    Dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati permezz tal-miżuri elenkati fit-tieni paragrafu ta’ dak l-Artikolu, f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2 u l-proċedura tal-kumitat stabbilità fl-Artikolu 3. B’mod partikolari, dawn il-miżuri jridu jkunu limitati għal dak li huwa meħtieġ biex jissodisfaw l-għan tagħhom kif previst fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

    L-Artikolu 4 jikkonferma l-karattru lex specialis tar-Regolament propost. L-Artikolu 5 jipprevedi stħarriġ ta’ dan ir-Regolament mill-Kummissjoni fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu, sabiex jiġi żgurat li jibqa’ adattat għall-iskop tiegħu.

    2022/0068 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43, 91, 100, 173, 182, 188, 189 u 207 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħa lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 20 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 21 ,

    Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Fit-30 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 22 (il- “Ftehim dwar il-Ħruġ”). Dak il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

    (2)Fid-29 ta’ April 2021, il-Kunsill ikkonkluda, f’isem l-Unjoni, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra 23 (il- “Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni applika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

    (3)Kemm il-Ftehim dwar il-Ħruġ kif ukoll il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedu li Parti tista’ tadotta ċerti miżuri fil-każijiet speċifiċi u soġġett għall-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fih. Dawn il-miżuri jistgħu jinvolvu s-sospensjoni ta’ ċerti obbligi skont il-Ftehim ikkonċernat.

    (4)L-Unjoni u r-Renju Unit jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali oħra bejniethom li jikkostitwixxu ftehimiet addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni u tali ftehimiet addizzjonali huma parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali ġenerali kif irregolati minn dan il-Ftehim u jiffurmaw parti mill-qafas ġenerali.

    (5)Jekk tinqala’ l-ħtieġa li jiġu eżerċitati d-drittijiet tagħha fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tagħmel użu xieraq mill-istrumenti disponibbli għaliha malajr u b’mod proporzjonat, effettiv u flessibbli, filwaqt li tinvolvi bis-sħiħ lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ wkoll tieħu miżuri xierqa jekk ir-rikors effettiv għal soluzzjoni ta’ tilwim vinkolanti skont dawk il-Ftehimiet ma jkunx possibbli minħabba li r-Renju Unit ma jikkooperax biex jagħmel tali rikors possibbli. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri li jirregolaw l-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri.

    (6)Jenħtieġ li r-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament jieħdu preċedenza fuq kull dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni adottata abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-istess suġġett.

    (7)Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jibqa’ adatt għall-iskop tiegħu, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu, rieżami tal-ambitu u l-implimentazzjoni tiegħu u tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    (8)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju rapidu, effettiv u flessibbli tad-drittijiet korrispondenti tal-Unjoni skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta l-miżuri msemmija hawn fuq u biex tadotta, kif xieraq, miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ jew attivitajiet oħra. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jestendu wkoll għall-emenda, is-sospensjoni jew it-tħassir tal-miżuri adottati. Jenħtieġ li dawn ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 . Minħabba li l-miżuri previsti jinvolvu l-adozzjoni ta’ atti ta’ ambitu ġenerali, u li l-biċċa l-kbira tal-miżuri previsti huma relatati mal-oqsma msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament, il-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li tintuża għall-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih fejn, f’każijiet debitament ġustifikati, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jirrikjedu dan għall-protezzjoni xierqa tal-interessi tal-Unjoni.

    (9)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri li jirregolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, u biex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri meħtieġa inklużi, kif xieraq, ir-restrizzjonijiet kummerċjali, l-investiment jew attivitajiet oħra fl-ambitu tal-Ftehim imsemmi l-aħħar ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, peress li l-Unjoni biss hija Parti fit-TCA u l-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-azzjoni fil-livell tad-dritt internazzjonali fir-rigward ta’ dawn il-ftehimiet tista’ tittieħed biss mill-Unjoni. F’konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dak l-objettiv,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1
    Suġġett u ambitu

    1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli u proċeduri biex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv u tempestiv tad-drittijiet tal-Unjoni fl-infurzar u fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) u jissupplimenta l-ftehimiet għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

    2.Dan ir-Regolament japplika għall-miżuri li ġejjin adottati mill-Unjoni (minn hawn ’il quddiem: “miżuri”):

    (a)is-sospensjoni tat-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodott jew prodotti kkonċernat(i) kif stabbilit fl-Artikolu 34tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (b)miżuri ta’ rimedju u s-sospensjoni tal-obbligi kif stabbilit fl-Artikolu 374 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (c)miżuri ta’ riekwilibriju u kontromiżuri kif stabbiliti fl-Artikolu 411 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (d)ir-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni, il-limitazzjoni u l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjonijiet operattivi tat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, kif ukoll ir-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni, il-limitazzjoni u l-impożizzjoni tal-kundizzjonijiet fuq l-operat ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru, kif stabbilit fl-Artikoli 434(4) u 435(12) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (e)is-sospensjoni tal-obbligi ta’ aċċettazzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 457 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (f)miżuri ta’ rimedju kif stabbiliti fl-Artikolu 469 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (g)miżuri ta’ kumpens u s-sospensjoni tal-obbligi kif stabbiliti fl-Artikolu 501 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (h)miżuri ta’ rimedju u s-sospensjoni tal-obbligi kif stabbilit fl-Artikolu 506 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; 

    (i)is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll I, fir-rigward ta’ programm jew attività waħda jew aktar tal-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew partijiet minnu, kif stabbilit fl-Artikoli 718 u 719 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (j)offerta jew aċċettazzjoni ta’ kumpens temporanju jew is-sospensjoni tal-obbligi fil-kuntest ta’ konformità b’segwitu għal proċedura ta’ arbitraġġ jew ta’ grupp ta’ esperti skont l-Artikolu 749 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (k)miżuri ta’ salvagwardja u miżuri ta’ riekwilibriju kif stabbiliti fl-Artikolu 773 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (l)miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ, investiment jew attivitajiet oħra fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jekk l-aġġudikazzjoni ma tkunx possibbli minħabba li r-Renju Unit ma jkunx qed jieħu l-passi li huma meħtieġa biex proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dak il-Ftehim jew il-Ftehim dwar il-Ħruġ tiffunzjona, inkluż id-dewmien bla bżonn tal-proċedimenti li jammontaw għal nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-proċess;

    (m)is-sospensjoni tal-obbligi skont l-Artikolu 178 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fil-kuntest tal-konformità ma’ deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ;

    (n)miżuri ta’ rimedju kif stabbiliti fl-Artikolu 13 tal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ;

    (o)miżuri ta’ salvagwardja u miżuri ta’ riekwilibriju kif stabbiliti fl-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ.

    Artikolu 2
    Eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni

    1.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:

    (a)li tadotta l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament; kif ukoll

    (b)meta l-miżura tikkonsisti fis-sospensjoni ta’ obbligu skont kull wieħed mill-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), li timponi restrizzjonijiet fuq il-kummerċ, l-investiment jew attivitajiet oħra fl-ambitu tal-ftehim ikkonċernat, li inkella jkunu preklużi mill-obbligu sospiż.

    Fejn xieraq, dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw it-tul ta’ żmien tal-miżuri adottati.

    2.Il-miżuri li għandhom jiġu adottati skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-kriterji li ġejjin, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u tal-interess ġenerali tal-Unjoni:

    (a)l-effettività tal-miżuri li jwasslu għall-konformità tar-Renju Unit mal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1(1);

    (b)il-potenzjal tal-miżuri li jipprovdu solliev lill-operaturi ekonomiċi fl-Unjoni milquta mill-miżuri tar-Renju Unit;

    (c)id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista għall-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati, biex ikun evitat jew minimizzat kwalunkwe impatt negattiv fuq l-industriji downstream, awtoritajiet jew entitajiet kontraenti, jew fuq il-konsumaturi finali fl-Unjoni;

    (d)l-evitar ta’ kumplessità amministrattiva sproporzjonata u spejjeż fl-applikazzjoni tal-miżuri;

    (e)kull kriterju speċifiku li jista’ jiġi stabbilit fil-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2).

    3.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda, tissospendi jew tħassar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Fejn xieraq, dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw it-tul ta’ żmien tas-sospensjoni.

    4.Fejn ikun hemm tħassib partikolari ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, dak jew dawk l-Istat(i) Membru/i, jista’/jistgħu jitlob/jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2). Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b’mod pożittiv għal tali talba, din għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien tempestiv bir-raġunijiet tagħha.

    5.Jekk, minħabba diverġenzi sinifikanti persistenti, il-miżuri ta’ riekwilibriju msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament idumu aktar minn sena, Stat Membru wieħed jew aktar jista’/jistgħu jitlob/jitolbu lill-Kummissjoni tattiva l-klawżola ta’ stħarriġ prevista fl-Artikolu 411 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-Kummissjoni għandha teżamina din it-talba fi żmien tempestiv u għandha tikkunsidra li tgħarraf kif xieraq lill-Kunsill ta’ Sħubija dwar dik il-kwistjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b’mod pożittiv għal tali talba, din għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien tempestiv bir-raġunijiet tagħha.

    6.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 3(2).

    7.Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(3).

    Artikolu 3
    Proċedura ta’ kumitat

    1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tar-Renju Unit. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

    Artikolu 4
    Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni

    Dan ir-Regolament għandu japplika minkejja kull dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni adottata abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-istess suġġett.

    Artikolu 5
    Klawsola ta’ stħarriġ

    Sa [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: Jekk jogħġbok daħħal id-data ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 6
    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7. Il-Ftehim ġie konkluż skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135, ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.
    (2)    Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10. Ftehim konkluż skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2). Il-Ftehim kien japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.
    (3)    L-Artikoli 178 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u 749 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
    (4)    L-Artikolu 374(12) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
    (5)    L-Artikolu 13 tal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ.
    (6)    L-Artikoli 374, 469 u 506 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
    (7)    L-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ
    (8)    L-Artikolu 773 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
    (9)    L-Artikolu 411 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu adottati u applikati sakemm il-Parti l-oħra ma titlobx l-istabbiliment ta’ tribunal tal-arbitraġġ biex jeżamina jekk humiex konsistenti mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.
    (10)    L-Artikolu 411 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
    (11)    L-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ.
    (12)    L-Artikolu 773 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
    (13)    Artikoli 34, 434(4), 435(12), 457, 501 u 506.
    (14)    L-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2540) jikkostitwixxi tali ftehim addizzjonali.
    (15)    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689
    (16)    L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill:
    (17)    Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, paragrafu 3.
    (18)    Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50)
    (19)    Ir-Regolament (UE) 2019/712 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 (ĠU L 123, 10.5.2019, p. 4)
    (20)    ĠU C , , p. .
    (21)    ĠU C , , p. .
    (22)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
    (23)    ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
    (24)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
    Top