Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0064

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni

    COM/2022/64 final

    Brussell, 24.2.2022

    COM(2022) 64 final

    2022/0044(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-Artikolu 16(1)(d) tar-Regolament dwar Orizzont Ewropa 1 dwar l-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi terzi mal-programm jipprevedi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni ta’ pajjiżi terzi u territorji li flimkien jissodisfaw il-kriterji kollha spjegati fih. Tali pajjiżi terzi jew territorji għandhom jipparteċipaw fil-programm Orizzont Ewropa abbażi ta’ ftehim li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz jew tat-territorju għal kwalunkwe programm tal-Unjoni.

    Il-Gżejjer Faeroe saru formalment assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru (FP7) fl-2010, u firxa ta’ proġetti Ewropej huma xhieda tal-involviment attiv tar-riċerkaturi u tal-istituti tal-Gżejjer Faeroe f’oqsma bħall-ambjent, l-oċeanografija, it-tibdil fil-klima, l-ekosistemi u l-ġestjoni tas-sajd. L-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont 2020 mill-2014 tat lir-riċerkaturi, lill-istituti tar-riċerka u lill-intrapriżi fil-Gżejjer Faeroe aċċess sħiħ għall-finanzjament tal-Unjoni u għall-attivitajiet kollaborattivi għar-riċerka u l-innovazzjoni fuq l-istess livell ta’ entitajiet mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi oħra li kienu assoċjati wkoll ma’ Orizzont 2020. Din il-parteċipazzjoni saret importanti ħafna għall-komunità tar-riċerka tal-Gżejjer Faeroe, u tistabbilixxi pilastru importanti ġdid u ta’ suċċess tar-relazzjonijiet bejn il-Gżejjer Faeroe u l-UE. Bil-ftehimiet suċċessivi dwar l-assoċjazzjoni mal-Programmi Qafas tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Unjoni li huma limitati fiż-żmien għad-durata ta’ kull programm sussegwenti tal-UE, bħalissa ma hemm l-ebda ftehim internazzjonali stabbilit li jirregola l-parteċipazzjoni tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe f’Orizzont Ewropa jew li jrawwem il-kooperazzjoni xjentifika, fir-riċerka u fl-innovazzjoni bejn il-komunitajiet tar-riċerka tal-UE u tal-Gżejjer Faeroe.

    Fl-14 ta’ Mejju 2020, permezz ta’ Ittra ta’ Intenzjoni, il-Gżejjer Faeroe esprimew l-interess formali tagħhom li jassoċjaw ma’ Orizzont Ewropa. Il-Gżejjer Faeroe jissodisfaw il-kriterji għall-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi terzi jew territorji mal-Programm Qafas Orizzont Ewropa, kif stabbilit mir-Regolament dwar Orizzont Ewropa (l-Artikolu 16(1)(d)). Huma għandhom, b’mod partikolari, kapaċità tajba fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni; huma impenjati lejn ekonomija tas-suq miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, inkluż trattament ġust u ekwu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u huma appoġġati minn istituzzjonijiet demokratiċi; u jippromwovu b’mod attiv il-politiki sabiex jittejjeb il-benessri ekonomika u soċjali taċ-ċittadini tagħhom.

    Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, mal-Gżejjer Faeroe dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni u l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027). Il-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Riċerka u l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-EFTA nħatru mill-Kunsill biex jaġixxu fil-kapaċità tal-kumitati speċjali ħalli jassistu lill-Kummissjoni matul in-negozjati.



    In-negozjati bdew fit-3 ta’ Settembru 2021 u tlestew b’suċċess fit-8 ta’ Ottubru 2021, meta t-test tal-abbozz ta’ Ftehim ġie inizjalat minn rappreżentanti mill-Partijiet futuri kollha. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Riċerka u l-Grupp ta’ Ħidma tal-EFTA tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew inżammu infurmati regolarment matul in-negozjati.

    Il-Ftehim anness ma’ din il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill huwa magħmul minn żewġ partijiet, b’mod partikolari l-“ftehim komprensiv” dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-Programmi tal-Unjoni u Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) (“il-Protokoll ta’ Orizzont Ewropa”) f’konformità mad-direttivi ta’ negozjar li l-Kummissjoni kisbet mill-Kunsill.

     

    Il-“ftehim komprensiv” jirregola b’mod komprensiv il-kundizzjonijiet ta’ assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe applikabbli fil-programmi kollha tal-UE. Dan jirregola t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE, il-modalitajiet għall-istabbiliment tal-parteċipazzjoni fi kwalunkwe programm tal-Unjoni partikolari (jew l-assoċjazzjoni miegħu) u l-involviment tal-Gżejjer Faeroe fil-governanza tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni, li jirriflettu l-prinċipju tal-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Dan fih regoli dettaljati għall-istabbiliment tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-Programmi tal-Unjoni, inkluż, fejn applikabbli, mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika. Il-“ftehim komprensiv” fih regoli komprensivi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, inklużi setgħat li l-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-OLAF u l-UPPE jeżerċitaw għal dak il-għan, kif ukoll regoli dwar l-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-irkupru u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-territorju tal-Gżejjer Faeroe. Huwa jistabbilixxi wkoll strutturi istituzzjonali, jiġifieri Kumitat Konġunt inkarigat, fost l-oħrajn, mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u mill-eżami ta’ kif tista’ tittejjeb u tiġi żviluppata l-kooperazzjoni skont il-Ftehim.

    Il-“ftehim komprensiv” huwa maħsub biex joħloq qafas ġuridiku dejjiemi għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe fir-rigward tal-programmi tal-UE. Huwa mistenni li jibqa’ fis-seħħ għal diversi Oqfsa Finanzjarji Pluriennali tal-UE, b’mod simili għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit jew il-ftehimiet qafas mal-pajjiżi tas-Sħubija għat-Tkabbir u l-Viċinat Ewropew dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fil-programmi tal-UE. Il-Protokolli eventwali dwar l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ kull programm speċifiku tal-Unjoni jistgħu jiżdiedu ma’ dan il-“ftehim komprensiv” fil-futur, jekk tali Programmi jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe skont l-atti bażiċi tal-UE li jistabbilixxu kull Programm rilevanti, jekk din tkun ix-xewqa politika taż-żewġ Partijiet, u skont il-proċeduri interni meħtieġa. It-tul ta’ żmien tal-Protokolli se jkun limitat fiż-żmien għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe programm partikolari tal-Unjoni.

    Qiegħed jiġi propost li l-Protokolli jiġu adottati permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt, li dan il-ftehim se jistabbilixxi. L-elementi essenzjali kollha li għandhom x’jaqsmu mal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-UE huma regolati b’mod komprensiv fil-“ftehim komprensiv”. L-Artikolu 3(4) tal-Ftehim jirrestrinġi speċifikament il-kontenut tal-Protokolli futuri għal: l-identifikazzjoni tal-Programm jew tal-attività rilevanti tal-Unjoni, jew parti minnu/minnha; l-istabbiliment tat-tul ta’ żmien tal-assoċjazzjoni; ir-regolamentazzjoni ta’ kwistjonijiet li huma speċifiċi għall-programm u li ma humiex regolati mod ieħor fil-“ftehim komprensiv”; u – f’każijiet speċifiċi fejn il-programm tal-Unjoni jiġi implimentat permezz ta’ strument finanzjarju jew garanzija baġitarja - l-istabbiliment tal-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe għal tali programm tal-Unjoni.

    L-ewwel Protokoll bħal dan dwar l-assoċjazzjoni ma’ Orizzont Ewropa b’mod eċċezzjonali mhux se jiġi adottat mill-Kumitat Konġunt iżda ġie nnegozjat b’mod parallel mal-“ftehim komprensiv” bħala l-parti integrali tiegħu, u huwa mistenni li jiġi konkluż u jidħol fis-seħħ flimkien mal-“ftehim komprensiv”. Dan il-mod ta’ proċediment ġie awtorizzat mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjar. Kien meħtieġ li tinkiseb assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe mal-Programm Orizzont Ewropa mill-bidu tal-Programm u li tiġi żgurata kooperazzjoni mingħajr interruzzjoni bejn il-komunitajiet ta’ riċerka tal-UE u tal-Gżejjer Faeroe. Għal dak il-għan, issa qiegħda tiġi proposta applikazzjoni provviżorja flimkien ma’ applikazzjoni retroattiva mill-1 ta’ Jannar 2021 tal-Ftehim kollu (jiġifieri “il-ftehim komprensiv” inkluż il-Protokoll ta’ Orizzont Ewropa tiegħu).

    Fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-programm li jipprevedu l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe mal-Orizzont Ewropa, dawn jipprevedu assoċjazzjoni mal-partijiet kollha tal-Programm, ħlief għall-programm speċifiku dwar ir-riċerka dwar id-difiża stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/697 2 . Dan se jiżgura l-kontinwità tal-assoċjazzjoni sħiħa preċedenti ma’ Orizzont 2020, u mal-predeċessur tiegħu, l-FP7. Din il-parteċipazzjoni ġiet ivvalutata bħala ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet, b’valur miżjud partikolari f’oqsma tematiċi bħall-ambjent, is-saħħa u l-ikel, kif ukoll ir-riċerka dwar l-oċeani.

    Il-Gżejjer Faeroe kienu kontributur nett għaż-żewġ Programmi Qafas preċedenti b’marġni sinifikanti. Il-ftehim il-ġdid propost jistabbilixxi kundizzjonijiet ġusti u bbilanċjati dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-Orizzont Ewropa. Fl-Artikolu 6(6) tiegħu, il-“ftehim komprensiv” jipprevedi l-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ koeffiċjenti u fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 8 jirregola rispettivament l-aġġustament u l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni fir-rigward ta’ programmi fejn – kif inhu l-każ ta’ Orizzont Ewropa – dawn il-mekkaniżmi huma applikabbli. Il-Protokoll ta’ Orizzont Ewropa fl-Anness I tiegħu jirregola ulterjorment l-iskeda tal-pagamenti, il-livell tal-koeffiċjenti applikabbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe u d-dettalji tekniċi għall-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni.

    Il-Protokoll ta’ Orizzont Ewropa jibni fuq l-esperjenza ta’ Orizzont 2020 u tal-FP7 u, bħal fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni preċedenti, jinkludi klawżola ta’ reċiproċità, li tiżgura li r-riċerkaturi u l-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni jkollhom kemm jista’ jkun aċċess biex jipparteċipaw fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Gżejjer Faeroe li huma ekwivalenti għal Orizzont Ewropa, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni domestika tal-Gżejjer Faeroe. L-Anness II tal-Protokoll fih lista ta’ programmi tal-Gżejjer Faeroe miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet tar-riċerka bbażati fl-UE.

    L-abbozz ta’ Ftehim mehmuż ma’ din il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill huwa konformi mad-direttivi ta’ negozjar maħruġa mill-Kunsill.

    2.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    Il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq l-Artikolu 186 u fuq l-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva ppreżentata ma’ din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-implikazzjonijiet baġitarji indikattivi.

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

    - jiddeċiedi dwar l-iffirmar u dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim f’isem l-Unjoni;

    - jawtorizza lin-negozjatur tal-Ftehim biex jiffirma, f’isem l-Unjoni, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni u jissottometti n-notifika meħtieġa skont l-Artikolu 15(2) tal-Ftehim li tinforma li l-Unjoni lestiet il-proċeduri interni meħtieġa għall-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim.

    2022/0044 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 3 (minn hawn ’il quddiem “il-Programm Orizzont Ewropa”).

    (2)Skont l-Artikolu 16(1)(d) tar-Regolament (UE) 2021/695, il-Programm Orizzont Ewropa huwa miftuħ għall-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi terzi u territorji li jissodisfaw b’mod konġunt il-kriterji speċifikati fih.

    (3)Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2021/695, l-assoċjazzjoni ta’ tali pajjiżi u territorji mal-Programm Orizzont Ewropa tirrikjedi ftehim li jkopri l-parteċipazzjoni ta’ tali pajjiż jew territorju fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom, ma jagħtix lill-pajjiż terz xi setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-programm tal-Unjoni, jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    (4)Permezz tal-ittra tal-14 ta’ Mejju 2020, il-Gżejjer Faeroe esprimew l-interess formali tagħhom li jsiru assoċjati mal-Programm Orizzont Ewropa.

    (5)Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni u l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027).

    (6)Dawk in-negozjati ġew konklużi b’suċċess u l-Ftehim ġie inizjalat fit-8 ta’ Ottubru 2021.

    (7)Il-Ftehim jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe mal-programmi tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim, l-assoċjazzjoni mal-programmi tal-Unjoni hija soġġetta għall-adozzjoni tal-Protokolli.

    (8)F’konformità mal-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, il-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) - ġie nnegozjat b’mod parallel mal-Ftehim u jifforma parti integrali minnu.

    (9)Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

    (10)Bil-ħsieb li tiġi żgurata kooperazzjoni mingħajr interruzzjoni bejn l-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe fil-qasam tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-innovazzjoni u li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-Programm Orizzont Ewropa mill-bidu tiegħu, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi applikat b’mod provviżorju, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni huwa b’dan awtorizzat soġġett għall-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina lill-persuna/i li jkollha/jkollhom is-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim.

    Artikolu 3

    Sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja f’konformità mal-Artikolu 15(2) tiegħu u soġġett għan-notifiki previsti fih.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi [id-data tal-adozzjoni tagħha].

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    1.ISEM IL-PROPOSTA:

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni

    2.LINJI BAĠITARJI:

    Linja tad-dħul (Kapitolu/Artikolu/Partita): 6 0 1 0 — Orizzont Ewropa — Dħul assenjat

    Ammont ibbaġitjat għas-sena kkonċernata:

    (fil-każ ta’ dħul assenjat biss):

    Id-dħul jiġi assenjat għal-linja tan-nefqa li ġejja (Kapitolu/Artikolu/Partita):

    Artikolu kollu 01.0101 (01.010101, 01.010102, 01.010103, 01.010111, 01.010112, 01.010113, 01.010171, 01.010172, 01.010173, 01.010174, 01.010176)

    Kapitolu sħiħ 01.02 (01.020101, 01.020102, 01.020103, 01.020210, 01.020211, 01.020212, 01.020220, 01.020230, 01.020231, 01.020240, 01.020241, 01.020242, 01.020243, 01.020250, 01.020251, 01.020252, 01.020253, 01.020254, 01.020260, 01.020261, 01.020270, 01.020301, 01.020302, 01.020303, 01.020401, 01.020402)

    Linja baġitarja 20.XX Nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni Ewropea

    3.IMPATT FINANZJARJU

       Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

         Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul

       Il-proposta għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul assenjat



    L-effett huwa kif ġej: 

    (miljuni ta’ EUR għal pożizzjoni deċimali waħda)

    Linja tad-dħul

    Impatt fuq id-dħul 4 5

    Perjodu ta’ XX xhur li jibda jj/xx/ssss (jekk applikabbli)

    Sena N

    6 0 1 0

    7,8

    84 xahar li jibdew minn 01/01/2021

    1,1

    Sitwazzjoni wara l-azzjoni

    Linja tad-dħul

    2021

    2022

    2023

    2024

    2025

    2026

    2027

    6 0 1 0

    1,1

    1,1

    1,2

    1,1

    1,1

    1,1

    1,2

    (Fil-każ ta’ dħul assenjat biss, bil-kundizzjoni li l-linja baġitarja tkun diġà magħrufa):

    Sitwazzjoni wara l-azzjoni

    Linja tan-nefqa 6

    2021

    2022

    2023

    2024

    2025

    2026

    2027

    L-Artikolu 01.0101 u l-kapitolu 01.02

    1,1

    1,1

    1,1

    1,0

    1,1

    1,1

    1,1

    20.XX

    0,005

    0,011

    0,017

    0,021

    0,026

    0,032

    0,046

    4.MIŻURI KONTRA L-FRODI

    L-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi hija obbligu ġenerali tas-Servizzi kollha tal-Kummissjoni fil-qafas tal-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom li jinvolvu l-użu tar-riżorsi. Il-frodi li tinvolvi l-fondi tal-UE għandha impatt partikolarment negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-Kummissjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.



    L-Istrateġija attwali tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (COM(2019)196) ġiet adottata fid-29 ta’ April 2019, biex tissostitwixxi l-Istrateġija tal-2011. Din hija dokument ta’ politika li jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-frodi fid-dawl tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027. L-objettivi ewlenin tas-CAFS tal-2019 huma 1) “it-titjib ulterjuri tal-fehim tad-disinji ta’ frodi, tal-profili tal-frodaturi u tal-vulnerabbiltajiet sistemiċi marbuta mal-frodi li tolqot il-baġit tal-UE” (ġbir u analiżi tad-data), u 2) “it-titjib tal-koordinazzjoni, tal-kooperazzjoni u tal-proċessi fil-ġlieda kontra l-frodi, partikolarment fost is-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi” (koordinazzjoni, kooperazzjoni u proċessi). L-istrateġija hija akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni ta’ 63 punt, li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu hija, fil-prinċipju, dovuta għal tmiem l-2021.

    Il-prinċipji gwida u l-istandards fil-mira tas-CAFS tal-2019 huma:

       it-tolleranza żero għall-frodi;

       il-ġlieda kontra l-frodi bħala parti integrali mill-kontroll intern;

       il-kosteffettività tal-kontrolli;

       l-integrità professjonali u l-kompetenza tal-persunal tal-UE;

       it-trasparenza dwar kif jintużaw il-fondi tal-UE;

       il-prevenzjoni tal-frodi, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-programmi ta’ nfiq kontra l-frodi;

       il-kapaċità ta’ investigazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni f’waqtu;

       il-korrezzjoni rapida (inkluż l-irkupru ta’ fondi ffrodati u sanzjonijiet ġudizzjarji/amministrattivi);

       il-kooperazzjoni tajba bejn l-atturi interni u esterni, b’mod partikolari bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli, u bejn id-dipartimenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE kkonċernati;

       il-komunikazzjoni interna u esterna effettiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi.

    L-Artikoli 9 – 12 tal-Ftehim fihom dispożizzjonijiet dettaljati dwar miżuri kontra l-frodi. Dawn il-miżuri għandhom ikunu applikabbli orizzontalment biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fil-Programmi jew fl-attivitajiet tal-UE koperti fil-Protokolli futuri li potenzjalment għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt fl-ambitu tal-Ftehim biex il-Gżejjer Faeroe jiġu assoċjati ma’ għadd ta’ programmi jew attivitajiet tal-UE. Dawn huma applikabbli wkoll għall-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe mal-Programm Orizzont Ewropa kopert mill-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) li ġie nnegozjat b’mod parallel mal-Ftehim u jifforma parti integrali minnu.

    B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (l-Artikoli 9 – 12 tal-Ftehim) jipprevedu d-dettalji, il-proċessi meħtieġa u jippermettu l-eżekuzzjoni bla xkiel tal-kompiti mill-korpi li jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tal-UE (il-Kummissjoni, inkluż l-OLAF, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-UPPE). Fl-implimentazzjoni tal-Programmi jew tal-attivitajiet koperti mill-Protokolli tal-Ftehim, il-prinċipju jibqa’ l-istess: l-interessi finanzjarji tal-UE għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inklużi miżuri relatati mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet, inkluż il-frodi, għall-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod skorrett u, fejn xieraq, għall-impożizzjoni tal-penali amministrattivi.

    F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Qorti tal-Awdituri u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. Kif previst b’mod espliċitu fl-Artikolu 9(4) tal-Ftehim, ir-rieżamijiet u l-awditi jistgħu jitwettqu wkoll wara s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ Protokoll, il-waqfien tal-applikazzjoni jew it-terminazzjoni tal-Ftehim.

    Il-Ftehim jiżgura l-possibbiltà li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju tal-Gżejjer Faeroe, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    Il-Ftehim jobbliga lill-awtoritajiet tal-Gżejjer Faeroe jikkooperaw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex dan ikun jista’ jwettaq id-dmir tiegħu li jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-qorti lill-awturi u lill-kompliċi ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali.

    Barra minn hekk, il-Ftehim jipprevedi mekkaniżmu effettiv biex jiġi żgurat l-infurzar fit-territorju tal-Gżejjer Faeroe tad-deċiżjonijiet u s-sentenzi tal-Kummissjoni u d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ talbiet li jirriżultaw mill-Programm.

    5.RIMARKI OĦRA

    Il-metodu għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-UE huwa definit fl-Artikoli 6, 7 u 8 tal-Ftehim. Fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa, huma stabbiliti aktar dettalji tekniċi għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament u tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027), u l-Anness I tiegħu. Il-mudell tal-kontribuzzjoni finanzjarja applikabbli fl-ambitu tal-Programm Orizzont Ewropa huwa speċifiku fost il-programmi l-oħrajn kollha tal-UE, li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika (f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament dwar Orizzont Ewropa).

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.05.2021, p. 1.).
    (2)    Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149.).
    (3)    Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1.).
    (4)    L-ammonti għal kull sena jridu jkunu stima bbażata fuq il-formula jew il-metodu definit fit-Taqsima 5. Għas-sena tal-bidu, l-ammont annwali normalment jitħallas mingħajr tnaqqis jew fuq bażi pro rata.
    (5)    F’każ ta’ riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali, imposti fuq iz-zokkor) l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara t-tnaqqis ta’ 20 % għall-kostijiet tal-ġbir.
    (6)    Tintuża biss jekk ikun hemm bżonn.
    Top

    Brussell, 24.2.2022

    COM(2022) 64 final

    ANNESS

    ta' [...]

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni


    ANNESS

    FTEHIM BEJN l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni

    L-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”),

    minn naħa waħda,

    u

    l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Gżejjer Faeroe”),

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Partijiet”,

    JINNOTAW ix-xewqa tal-Gżejjer Faeroe li jsiru assoċjati ma’ firxa usa’ ta’ programmi u attivitajiet tal-Unjoni;

    JIKKUNSIDRAW li l-Gżejjer Faeroe jikkonkludu dan il-ftehim f’isem ir-Renju tad-Danimarka skont l-Att dwar il-Konklużjoni ta’ Ftehimiet skont id-Dritt Internazzjonali mill-Gvern tal-Gżejjer Faeroe;

    JIXTIEQU jistabbilixxu qafas dejjiemi għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet b’termini u b’kundizzjonijiet ċari u preċiżi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi u fl-attivitajiet tal-Unjoni, kif ukoll mekkaniżmu li jiffaċilita l-istabbiliment ta’ tali parteċipazzjoni fi programmi jew attivitajiet individwali tal-Unjoni;

    JINNOTAW b’mod partikolari x-xewqa tal-Gżejjer Faeroe li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet fl-oqsma tagħhom tal-kompetenzi mal-Unjoni, inkluż iżda mhux limitat għall-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fiż-żgħażagħ, fil-kultura u fl-isport;

    JIKKUNSIDRAW l-għanijiet, il-valuri u r-rabtiet b’saħħithom komuni tal-Partijiet fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, stabbiliti fil-passat permezz tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni għall-Programmi Qafas sussegwenti għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 1 , u filwaqt li jirrikonoxxu x-xewqa komuni tal-Partijiet li jiżviluppaw, li jsaħħu, li jistimulaw u li jestendu ulterjorment ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom fihom;

    BILLI l-programm tal-Unjoni Ewropea Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm Orizzont Ewropa”);



    IQISU l-isforzi tal-Unjoni Ewropea sabiex tmexxi r-rispons billi tingħaqad mas-sħab internazzjonali tagħha sabiex tindirizza l-isfidi globali f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni għan-nies, għall-pjaneta u għall-prosperità fl-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata “Transforming our World: the 2030 Agenda for Sustainable Development”, u billi jirrikonoxxu li r-riċerka u l-innovazzjoni huma xprunaturi ewlenin u għodod essenzjali għat-tkabbir sostenibbli mmexxi mill-innovazzjoni, għall-kompetittività ekonomika u għall-attraenza;

    JIRRIKONOXXU l-prinċipji ġenerali kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695;

    JIRRIKONOXXU l-objettivi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka mġedda li tinbena żona xjentifika u teknoloġika komuni, li jinħoloq suq uniku għar-riċerka u l-innovazzjoni, li titrawwem u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi l-universitajiet, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki u karrieri attraenti fir-riċerka, li tiġi ffaċilitata l-mobilità transfruntiera u transsettorjali tar-riċerkaturi, li jiġi sostnut il-moviment liberu tal-għarfien xjentifiku u l-innovazzjoni, li jiġu promossi r-rispett tal-libertà akkademika u l-libertà tar-riċerka xjentifika, li jiġu appoġġati l-edukazzjoni xjentifika u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, u li jiġu mħeġġa l-kompetittività u l-attraenza tal-ekonomiji parteċipanti, u li l-pajjiżi assoċjati mal-Programm Orizzont Ewropa jkunu sħab potenzjali ewlenin f’dan l-isforz;

    JENFASIZZAW ir-rwol tas-Sħubijiet Ewropej li jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi urġenti tal-Ewropa permezz ta’ inizjattivi miftiehma ta’ riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal dawk il-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li jeħtieġu viżjoni kritika tal-massa u fit-tul, u l-importanza tal-involviment ta’ pajjiżi assoċjati f’dawk is-Sħubijiet Ewropej;

    IFITTXU li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ vantaġġ reċiproku sabiex joħolqu impjiegi deċenti, isaħħu u jappoġġaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni tal-Partijiet billi jgħinu lill-intrapriżi jinnovaw u jespandu fis-swieq tal-Partijiet u jiffaċilitaw l-adozzjoni kif ukoll l-użu u l-aċċessibbiltà tal-innovazzjoni, inklużi l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet;

    JIRRIKONOXXU li l-parteċipazzjoni reċiproka fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ xulxin għandha tipprovdi benefiċċji reċiproċi; filwaqt li jirrikonoxxu li l-Partijiet iżommu d-dritt tagħhom li jillimitaw jew li jikkundizzjonaw il-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom,

    QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan il-ftehim jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi kwalunkwe programm jew attività tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”).



    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) “att bażiku” tfisser:

    (i) att legali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar, għajr rakkomandazzjoni jew opinjoni, li jistabbilixxi programm, li jipprovdi bażi ġuridika għal azzjoni u għall-implimentazzjoni tan-nefqa korrispondenti mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni jew tal-garanzija baġitarja jew tal-assistenza finanzjarja appoġġata mill-baġit tal-Unjoni, inkluż kwalunkwe emenda u kwalunkwe att rilevanti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li jissupplimentaw jew jimplimentaw dak l-att, għajr dawk li jadottaw programmi ta’ ħidma, jew

    (ii) att legali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar, għajr rakkomandazzjoni jew opinjoni, li jistabbilixxi attività ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni għajr programmi, inkluż kwalunkwe emenda u kwalunkwe att rilevanti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li jissupplimentaw jew jimplimentaw dak l-att, għajr dawk li jadottaw programmi ta’ ħidma;

    (b) “ftehim ta’ finanzjament” tfisser ftehimiet relatati ma’ programmi u ma’ attivitajiet tal-Unjoni skont il-Protokolli ta’ dan il-Ftehim, li fihom jipparteċipaw il-Gżejjer Faeroe, li jimplimentaw fondi tal-Unjoni, bħal ftehimiet ta’ għotja, ftehimiet ta’ kontribuzzjoni, ftehimiet ta’ sħubija tal-qafas finanzjarju, ftehimiet ta’ finanzjament u ftehimiet ta’ garanzija;

    (c) “regoli oħra li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-programm u l-attività tal-Unjoni” tfisser ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 (“ir-Regolament Finanzjarju”) li japplikaw għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, u fil-programm ta’ ħidma jew fis-sejħiet jew fi proċeduri oħra ta’ għoti tal-Unjoni;

    (d) “proċedura ta’ għoti tal-Unjoni” tfisser proċedura għall-għoti ta’ finanzjament tal-Unjoni mnedija mill-Unjoni jew minn persuni jew minn entitajiet fdati bl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni;

    (e) “l-entità tal-Gżejjer Faeroe” tfisser kwalunkwe tip ta’ entità, kemm jekk persuna fiżika, persuna ġuridika jew tip ieħor ta’ entità, li tista’ tipparteċipa f’attivitajiet ta’ programm jew attività tal-Unjoni f’konformità mal-att bażiku u li tirrisjedi jew li hija stabbilita fil-Gżejjer Faeroe.

    Artikolu 3

    Stabbiliment tal-parteċipazzjoni

    1.Il-Gżejjer Faeroe għandhom jitħallew jipparteċipaw fi programmi, f’attivitajiet tal-Unjoni, jew f’każijiet eċċezzjonali, il-parti tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni, li tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe, jew li jikkontribwixxu għalihom, f’konformità mal-atti bażiċi u kif koperti mill-Protokolli.

    2.It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) huma stabbiliti fil-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027). Minkejja l-Artikolu 15(7) ta’ dan il-Ftehim, dak il-Protokoll jista’ jiġi emendat mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont dan il-Ftehim.

    3.Minkejja l-Artikolu 15(7) ta’ dan il-Ftehim, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi kwalunkwe programm jew attività partikolari oħra tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fi Protokolli ta’ dan il-Ftehim, li għandhom jiġu adottati u emendati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont dan il-Ftehim.

    4.Il-Protokolli għandhom:

    (a) jidentifikaw il-programmi, l-attivitajiet tal-Unjoni, jew f’każijiet eċċezzjonali, il-parti tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni, li fihom għandhom jipparteċipaw il-Gżejjer Faeroe;

    (b) jistabbilixxu d-durata tal-parteċipazzjoni, li għandha tirreferi għall-perjodu ta’ żmien li matulu l-Gżejjer Faeroe u l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe jistgħu japplikaw għall-finanzjament tal-Unjoni jew jistgħu jiġu fdati bl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni;

    (c) jistabbilixxu kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe u tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe, inklużi modalitajiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet finanzjarji kif identifikati skont l-Artikoli 6 u 7 ta’ dan il-Ftehim, modalitajiet speċifiċi tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni kif identifikat skont l-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim, u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fi strutturi maħluqa għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jikkonformaw ma’ dan il-Ftehim u mal-atti bażiċi u mal-atti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar li jistabbilixxu tali strutturi;

    (d) fejn applikabbli, jistabbilixxu l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe għal programm tal-Unjoni implimentat permezz ta’ strument finanzjarju jew garanzija baġitarja.

    Artikolu 4

    Konformità mal-programm jew mar-regoli tal-attività

    1.Il-Gżejjer Faeroe għandhom jipparteċipaw fil-programmi, fl-attivitajiet tal-Unjoni, jew f’partijiet minnhom koperti mill-Protokolli ta’ dan il-Ftehim skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim, il-Protokolli tiegħu, fl-atti bażiċi u f’regoli oħra li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni.

    2.It-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

    (a)l-eliġibbiltà tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe u kwalunkwe kundizzjoni oħra ta’ eliġibbiltà relatata mal-Gżejjer Faeroe, b’mod partikolari mal-oriġini, il-post ta’ attività jew in-nazzjonalità;

    (b)it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għas-sottomissjoni, il-valutazzjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet u għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet minn entitajiet eliġibbli tal-Gżejjer Faeroe.

    3.It-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet eliġibbli tal-Istati Membri, inkluż ir-rispett għall-miżuri restrittivi 4 tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx previst mod ieħor fit-termini u fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 5

    Parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-governanza ta’ programmi jew attivitajiet

    1.Ir-rappreżentanti jew l-esperti tal-Gżejjer Faeroe jew l-esperti maħtura mill-Gżejjer Faeroe għandhom jitħallew jieħdu sehem bħala osservaturi sakemm is-suġġett ma jkunx jikkonċerna punti riżervati biss għall-Istati Membri jew fir-rigward ta’ programm jew attività li fiha l-Gżejjer Faeroe ma jkunux qegħdin jipparteċipaw, fil-kumitati, fil-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti jew laqgħat simili oħra fejn jieħdu sehem rappreżentanti jew esperti tal-Istati Membri, jew esperti maħtura mill-Istati Membri, u li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni u fil-ġestjoni tal-programmi, tal-attivitajiet jew ta’ partijiet minnhom, li fihom il-Gżejjer Faeroe jipparteċipaw f’konformità mal-Artikolu 3 jew jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn il-programmi, attivitajiet jew partijiet minnhom. Ir-rappreżentanti jew l-esperti tal-Gżejjer Faeroe, jew l-esperti maħtura mill-Gżejjer Faeroe, ma għandhomx ikunu preżenti fiż-żmien tal-votazzjoni. Il-Gżejjer Faeroe għandhom jiġu informati bir-riżultat tal-votazzjoni.

    2.Meta l-esperti jew l-evalwaturi ma jinħatrux abbażi tan-nazzjonalità, in-nazzjonalità ma għandhiex tkun raġuni sabiex jiġu esklużi l-esperti u l-evalwaturi tal-Gżejjer Faeroe.

    3.Soġġetta għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe fil-laqgħat imsemmija fil-paragrafu 1, jew f’laqgħat oħra relatati mal-implimentazzjoni ta’ programmi jew attivitajiet, għandha tkun regolata mill-istess regoli u proċeduri bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri, b’mod partikolari d-drittijiet tal-kelma, il-wasla ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni, sakemm is-suġġett ma jkunx jikkonċerna punti riżervati biss għall-Istati Membri jew fir-rigward ta’ programm jew attività li fiha l-Gżejjer Faeroe ma jkunux qegħdin jipparteċipaw, u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

    4.Il-Protokolli għal dan il-Ftehim jistgħu jiddefinixxu modalitajiet ulterjuri għall-parteċipazzjoni tal-esperti, kif ukoll għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-bordijiet ta’ tmexxija u fl-istrutturi maħluqa għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ programmi jew attivitajiet tal-Unjoni definiti fil-Protokoll rispettiv.

     

    Artikolu 6

    Kundizzjonijiet finanzjarji

    1.Il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe jew tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe fi programmi, f’attivitajiet tal-Unjoni jew f’partijiet minnhom għandha tkun soġġetta għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-finanzjament korrispondenti skont il-baġit tal-Unjoni.

    2.Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tieħu l-forma tat-total ta’:

    (a) tariffa tal-parteċipazzjoni; u

    (b) kontribuzzjoni operazzjonali.

    3.Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali li jsir f’pagament wieħed jew aktar.

    4.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 7, it-tariffa tal-parteċipazzjoni għandha tkun 4 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali annwali u ma għandhiex tkun soġġetta għal aġġustamenti retrospettivi. Mill-2028, il-livell tat-tariffa tal-parteċipazzjoni jista’ jiġi aġġustat mill-Kumitat Konġunt.

    5.Il-kontribuzzjoni operazzjonali għandha tkopri l-infiq operazzjonali u ta’ appoġġ u tkun addizzjonali kemm f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll f’approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-ammonti mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għal programmi jew għal attivitajiet jew b’mod eċċezzjonali, għal partijiet minnhom miżjuda, fejn xieraq, bi dħul assenjat estern li ma jirriżultax minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi u attivitajiet tal-Unjoni minn donaturi oħrajn, koperti minn kull Protokoll rispettiv għal dan il-Ftehim.

    6.Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għandha tkun ibbażata fuq kjavi ta’ kontribuzzjoni definita bħala l-proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Gżejjer Faeroe bil-prezzijiet tas-suq għall-PDG tal-Unjoni Ewropea bil-prezzijiet tas-suq. Il-PDG bil-prezzijiet tas-suq li għandhom jiġu applikati għandhom jiġu ddeterminati mis-servizzi dedikati tal-Kummissjoni abbażi tal-aktar data statistika reċenti disponibbli għall-kalkoli tal-baġit fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha huwa dovut il-pagament annwali. B’deroga, il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għall-2021 għandha tkun ibbażata fuq il-PDG tas-sena 2019 bil-prezzijiet tas-suq. L-aġġustamenti għal din il-kjavi ta’ kontribuzzjoni jistgħu jiġu stabbiliti fil-Protokolli rispettivi.

    7.Il-kontribuzzjoni operazzjonali għandha tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn inizjali miżjuda kif deskritt fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għas-sena applikabbli għall-finanzjament tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni jew b’mod eċċezzjonali, ta’ partijiet minnhom li jipparteċipaw fihom il-Gżejjer Faeroe.

    8.It-tariffa tal-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkollha l-valur li ġej fis-snin 2021 sa 2027:

    2021: 0,5 %;

    2022: 1 %;

    2023: 1,5 %;

    2024: 2 %;

    2025: 2,5 %;

    2026: 3 %;

    2027: 4 %.

    9.Fuq talba, l-Unjoni għandha tipprovdi lill-Gżejjer Faeroe b’informazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha kif inkluża fl-informazzjoni relatata mal-baġit, mal-kontabilità, mal-prestazzjoni u mal-evalwazzjoni pprovduta lill-awtoritajiet baġitarji u tal-kwittanza tal-Unjoni dwar il-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni li fihom jipparteċipaw il-Gżejjer Faeroe. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta wara li jitqiesu kif xieraq ir-regoli tal-Unjoni u tal-Gżejjer Faeroe dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data u hija mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni li l-Gżejjer Faeroe huma intitolati li jirċievu skont l-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim.

    10.Il-kontribuzzjonijiet kollha tal-Gżejjer Faeroe jew il-pagamenti mill-Unjoni, u l-kalkolu tal-ammonti dovuti jew li għandhom jiġu riċevuti, għandhom isiru f’euro.

    11.Id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu huma stabbiliti fil-Protokolli rispettivi.

    Artikolu 7

    Programm u attivitajiet li għalihom japplika mekkaniżmu ta’ aġġustament

    1.Jekk ikun previst hekk fi Protokoll rispettiv, il-kontribuzzjoni operazzjonali ta’ programm, attività, jew parti minnhom għal sena N, tista’ tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel b’mod retrospettiv f’sena waħda jew aktar sussegwenti abbażi tal-impenji baġitarji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ dik is-sena, l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ impenji legali u d-diżimpenn tagħhom.

    2.L-ewwel aġġustament għandu jsir fis-sena N+1 meta l-kontribuzzjoni inizjali tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel bid-differenza bejn il-kontribuzzjoni inizjali u kontribuzzjoni aġġustata kkalkolata bl-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni tas-sena N, aġġustata permezz tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti jekk il-Protokoll rispettiv jipprevedi dan, għas-somma ta’:

    (a)l-ammont ta’ impenji baġitarji magħmula fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn awtorizzati fis-sena N skont il-baġit tal-Unjoni adottat u fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għal impenji magħmula disponibbli mill-ġdid; u

    (b)kwalunkwe approprjazzjoni ta’ dħul assenjat estern li ma tirriżultax minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi u attivitajiet tal-Unjoni minn donaturi oħrajn koperti f’kull Protokoll rispettiv għal dan il-Ftehim u li kienet disponibbli fi tmiem is-sena N.

    3.Kull sena sussegwenti, sakemm l-impenji baġitarji kollha ffinanzjati skont l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li joriġinaw mis-sena N ikunu tħallsu jew ikunu ġew diżimpenjati u mhux aktar tard minn tliet snin wara tmiem il-programm jew wara tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali li jikkorrispondi għas-sena N, skont liema jiġi l-ewwel, l-Unjoni għandha tikkalkola aġġustament tal-kontribuzzjoni tas-sena N billi tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni, aġġustata jekk il-Protokoll rispettiv jipprevedi dan, tas-sena N għad-diżimpenji li jsiru kull sena fuq l-impenji tas-sena N iffinanzjati skont il-baġit tal-Unjoni jew minn diżimpenji li jkunu reġgħu saru disponibbli.

    4.Jekk l-approprjazzjonijiet tad-dħul assenjat estern li ma jirriżultawx minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi u għal attivitajiet tal-Unjoni minn donaturi oħrajn koperti minn kull Protokoll rispettiv għal dan il-Ftehim jiġu kkanċellati, il-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm jew attività rispettiva tal-Unjoni, jew parti minnhom għandha titnaqqas bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni, aġġustata jekk il-Protokoll rispettiv jipprevedi dan, tas-sena N għall-ammont imħassar.

    Artikolu 8

    Programmi u attivitajiet li għalihom japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika

    1.Għandu japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika fir-rigward ta’ dawk il-programmi, attivitajiet tal-Unjoni, jew partijiet minnhom li għalihom hija prevista l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika fi Protokoll rispettiv. L-applikazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika tista’ tkun limitata għal partijiet tal-programm jew tal-attività speċifikati fi Protokoll rispettiv, li jiġu implimentati permezz ta’ għotjiet li għalihom jiġu organizzati sejħiet kompetittivi. Regoli dettaljati dwar l-identifikazzjoni tal-partijiet tal-programm jew tal-attività li għalihom japplika jew ma japplikax il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika jistgħu jiġu stabbiliti fil-Protokoll rispettiv.

    2.L-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għal programm jew attività jew partijiet minnhom għandu jkun id-differenza bejn l-ammonti inizjali tal-impenji legali li fil-fatt saru mal-Gżejjer Faeroe jew mal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe ffinanzjati mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena inkwistjoni u l-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti mħallsa mill-Gżejjer Faeroe kif aġġustata skont l-Artikolu 7, bl-esklużjoni tan-nefqa ta’ appoġġ, li tkopri l-istess perjodu.

    3.Regoli dettaljati dwar l-istabbiliment tal-ammonti rilevanti tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, inkluż fil-każ ta’ konsorzji, u dwar il-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika, jistgħu jiġu stabbiliti fil-Protokoll rispettiv.

    Artikolu 9

    Rieżamijiet u awditi

    1.L-Unjoni għandu jkollha d-dritt li twettaq, f’konformità mal-atti applikabbli ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar, jew ta’ korp tal-Unjoni wieħed jew aktar, u kif previst fi ftehimiet u/jew f’kuntratti rilevanti, rieżamijiet u awditi tekniċi, xjentifiċi, finanzjarji jew ta’ tip ieħor, fil-bini ta’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fil-Gżejjer Faeroe jew ta’ kwalunkwe entità legali stabbilita fil-Gżejjer Faeroe, u li tirċievi finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll ta’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni li tirrisjedi jew li hija stabbilita fil-Gżejjer Faeroe. Tali rieżamijiet u awditi jistgħu jitwettqu mill-aġenti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Awdituri, jew minn persuni oħrajn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

    2.L-aġenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Awdituri, u l-persuni l-oħrajn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jkollhom aċċess xieraq għal siti, xogħlijiet u dokumenti (kemm f’verżjonijiet elettroniċi kif ukoll f’dawk stampati) u għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettqu tali awditi, inkluż id-dritt li jiksbu kopja fiżika/elettronika ta’ kwalunkwe dokument, jew estratti minnu, jew il-kontenut ta’ kwalunkwe mezz ta’ data miżmum mill-persuna fiżika jew ġuridika awditjata, jew mill-parti terza awditjata.

    3.Il-Gżejjer Faeroe ma għandhomx jipprevjenu jew joħolqu xi ostakolu partikolari għad-dritt ta’ dħul fil-Gżejjer Faeroe u għall-aċċess għall-bini tal-aġenti u ta’ persuni oħrajn msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu abbażi tal-eżerċitar tad-dmirijiet tagħhom imsemmija f’dan l-Artikolu.

    4.Ir-rieżamijiet u l-awditi jistgħu jitwettqu, anke wara s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ Protokoll għal dan il-Ftehim skont l-Artikolu 15(4) tiegħu, il-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, skont it-termini stabbiliti fl-atti applikabbli ta’ istituzzjoni waħda jew aktar tal-Unjoni, jew ta’ korp wieħed jew aktar tal-Unjoni, u kif previst fil-ftehimiet u/jew fil-kuntratti rilevanti fir-rigward ta’ kwalunkwe impenn legali li jimplimenta l-baġit tal-Unjoni li tkun daħlet għalih l-Unjoni qabel id-data li fiha s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll rilevanti, il-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim jidħlu fis-seħħ.

    Artikolu 10

    Il-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, il-frodi u reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    1.Il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandhom ikunu awtorizzati jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, fit-territorju tal-Gżejjer Faeroe. Dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu f’konformità mat-termini u mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-atti applikabbli ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar.

    2.L-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe għandhom jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF, fi żmien raġonevoli, bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkunu saru jafu bihom dwar irregolarità, frodi jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    3.Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu fil-bini ta’ kwalunkwe persuna fiżika li tkun residenti fil-Gżejjer Faeroe jew ta’ entità legali li tkun stabbilita fil-Gżejjer Faeroe u li jirċievu fondi tal-Unjoni, kif ukoll ta’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni li tkun residenti jew stabbilita fil-Gżejjer Faeroe.

    4.Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-OLAF b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Faeroe maħtura mill-gvern tal-Gżejjer Faeroe. L-awtorità maħtura għandha tiġi nnotifikata kmieni biżżejjed bil-għan, bl-iskop u bil-bażi legali tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet, sabiex tkun tista’ tipprovdi assistenza. Għal dan il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe, jistgħu jipparteċipaw fil-kontrolli u fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

    5.Fuq talba tal-awtoritajiet tal-Gżejjer Faeroe, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea jew mal-OLAF.

    6.L-aġenti tal-Kummissjoni u l-persunal tal-OLAF għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha, inkluża d-data tal-kompjuter, dwar l-operazzjonijiet ikkonċernati, li huma meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet fuq il-post. Huma jistgħu, b’mod partikolari, jikkopjaw id-dokumenti rilevanti.

    7.Meta l-persuna, l-entità jew parti terza oħra topponi kontroll jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Faeroe, filwaqt li jaġixxu f’konformità mar-regoli u r-regolamenti nazzjonali, għandhom jassistu lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF, sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom fit-twettiq tal-kontroll jew l-ispezzjoni fuq il-post. Din l-assistenza għandha tinkludi t-teħid ta’ miżuri xierqa ta’ prekawzjoni skont il-liġi nazzjonali, b’mod partikolari sabiex tiġi ssalvagwardjata l-evidenza.

    8.Il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jinformaw lill-awtoritajiet tal-Gżejjer Faeroe bir-riżultat ta’ tali kontrolli u spezzjonijiet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jirrapportaw malajr kemm jista’ jkun lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Faeroe b’kull fatt jew suspett relatat ma’ irregolarità li jkunu saru jafu bih waqt il-kontroll jew l-ispezzjoni fuq il-post.

    9.Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali tal-Gżejjer Faeroe, il-Kummissjoni Ewropea tista’ timponi miżuri u penali amministrattivi fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi tal-Gżejjer Faeroe li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ programm jew attività f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    10.Għall-finijiet tal-implimentazzjoni xierqa ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe għandhom jiskambjaw regolarment informazzjoni u, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet għal dan il-Ftehim, jikkonsultaw lil xulxin.

    11.Sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni effettivi mal-OLAF, il-Gżejjer Faeroe għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt.

    12.L-informazzjoni skambjata bejn il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe għandha ssir b’kunsiderazzjoni xierqa tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità. Id-data personali inkluża fl-iskambju ta’ informazzjoni għandha tiġi protetta f’konformità mar-regoli applikabbli.

    13.L-awtoritajiet tal-Gżejjer Faeroe għandhom jikkooperaw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex dan ikun jista’ jwettaq id-dmir tiegħu li jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-qorti l-awturi ta’ reati kriminali, kif ukoll il-kompliċi tagħhom, li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

    Artikolu 11

    Emendi għall-Artikoli 9 u 10

    Il-Kumitat Konġunt skont dan il-Ftehim jista’ jemenda l-Artikoli 9 u 10 ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari sabiex iqis il-bidliet fl-atti ta’ istituzzjoni waħda jew aktar tal-Unjoni.

    Artikolu 12

    Irkupru u infurzar

    1.Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ewropea li jimponu obbligu pekunjarju fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi għajr l-Istati fir-rigward ta’ kwalunkwe pretensjoni li tirriżulta mill-programmi, l-attivitajiet, l-azzjonijiet jew il-proġetti tal-Unjoni, għandhom ikunu infurzabbli fil-Gżejjer Faeroe. It-titolu eżekuttiv għandu jiġi mehmuż mad-deċiżjoni, mingħajr l-ebda formalità oħra għajr verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali maħtura għal dan l-għan mill-gvern tal-Gżejjer Faeroe. Il-gvern tal-Gżejjer Faeroe għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bl-awtorità nazzjonali maħtura tiegħu. F’konformità mal-Artikolu 13, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun intitolata tinnotifika tali deċiżjonijiet infurzabbli direttament lil persuni residenti u lil entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Gżejjer Faeroe. L-infurzar għandu jsir f’konformità mal-liġi u mar-regoli ta’ proċedura tal-Gżejjer Faeroe.

    2.Is-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija b’applikazzjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt jew fi ftehim fir-rigward ta’ programmi, attivitajiet, azzjonijiet jew proġetti tal-Unjoni, għandhom ikunu infurzabbli fil-Gżejjer Faeroe bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni sabiex tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 u sabiex tissospendi l-infurzar tagħha. Madankollu, il-Qrati tal-Gżejjer Faeroe għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar ikun qiegħed isir b’mod irregolari.

    Artikolu 13

    Komunikazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

    L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea involuti fl-implimentazzjoni ta’ programmi jew attivitajiet tal-Unjoni, jew fil-kontrolli ta’ tali programmi jew attivitajiet, għandhom ikunu intitolati li jikkomunikaw direttament, inkluż permezz ta’ sistemi ta’ skambju elettroniku, ma’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fil-Gżejjer Faeroe jew entità legali li tkun stabbilita fil-Gżejjer Faeroe u li tirċievi finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll ma’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ finanzjament tal-Unjoni residenti jew stabbilita fil-Gżejjer Faeroe. Tali persuni, entitajiet u partijiet terzi jistgħu jissottomettu direttament lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha rilevanti li huma meħtieġa jissottomettu abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-programm jew l-attività tal-Unjoni, u abbażi tal-kuntratti jew tal-ftehimiet ta’ finanzjament konklużi għall-implimentazzjoni ta’ dak il-programm jew attività.

    Artikolu 14

    Il-Kumitat Konġunt

    (1)Il-Kumitat Konġunt huwa b’dan stabbilit. Il-kompiti tal-Kumitat Konġunt għandhom jinkludu:

    (a)il-valutazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u tal-Protokolli tiegħu, b’mod partikolari:

    (i) il-parteċipazzjoni u l-prestazzjoni tal-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni;

    (ii) fejn rilevanti, il-livell ta’ ftuħ (reċiproku) għall-entitajiet legali stabbiliti f’kull Parti sabiex jipparteċipaw fi programmi, proġetti, azzjonijiet, attivitajiet, jew partijiet minnhom, tal-Parti l-oħra;

    (iii) l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja u, fejn rilevanti, il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-programmi jew għall-attivitajiet tal-Unjoni koperti mill-Protokolli ta’ dan il-Ftehim;

    (iv) l-iskambju ta’ informazzjoni u, fejn rilevanti, l-eżaminazzjoni ta’ kwalunkwe mistoqsija possibbli dwar l-isfruttament tar-riżultati, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

    (b)id-diskussjoni fuq talba ta’ kwalunkwe Parti fuq restrizzjonijiet applikati jew ippjanati mill-Partijiet dwar l-aċċess għall-programmi rispettivi tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni, inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom;

    (c)l-eżaminazzjoni ta’ kif tista’ tittejjeb u tiġi żviluppata l-kooperazzjoni;

    (d)id-diskussjoni b’mod konġunt tal-orjentazzjonijiet u l-prijoritajiet futuri tal-politiki relatati ma’ programmi jew ma’ attivitajiet koperti mill-Protokolli ta’ dan il-Ftehim;

    (e)l-iskambju ta’ informazzjoni, inter alia, dwar leġiżlazzjoni, deċiżjonijiet jew programmi nazzjonali ġodda li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-Protokolli tiegħu;

    (f)l-adozzjoni ta’ Protokolli ta’ dan il-Ftehim dwar termini u kundizzjonijiet speċifiċi ta’ parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi, attivitajiet tal-Unjoni, jew partijiet minnhom, jew l-emendar ta’ tali Protokolli kif meħtieġ;

    (g)l-emendar tal-Artikoli 9 u 10 ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari sabiex jitqiesu l-bidliet fl-atti ta’ istituzzjoni waħda jew aktar tal-Unjoni.

    (2)Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jittieħdu b’kunsens.

    (3)Il-Kumitat Konġunt, li għandu jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Gżejjer Faeroe, għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

    (4)Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe grupp ta’ ħidma/korp konsultattiv fuq bażi ad hoc fil-livell ta’ esperti li jista’ jassisti fit-twettiq tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    (5)Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena, u, kull meta ċirkostanzi speċjali jirrikjedu dan, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom jiġu organizzati u ospitati b’mod alternat mill-Unjoni u mill-Gżejjer Faeroe.

    (6)Il-Kumitat Konġunt għandu jaħdem fuq bażi kontinwa permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni rilevanti bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni/prestazzjoni tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe. Il-Kumitat Konġunt jista’, b’mod partikolari, iwettaq il-kompiti tiegħu bil-miktub kull meta tinqala’ l-ħtieġa.

    Artikolu 15

    Dispożizzjonijiet finali

    (1)Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak il-għan. Huwa għandu japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021.

    (2)Il-Partijiet jistgħu japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju f’konformità mal-proċeduri u l-leġiżlazzjoni interni rispettivi tagħhom. L-applikazzjoni provviżorja għandha tibda fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak il-għan.

    (3)Jekk il-Gżejjer Faeroe jinnotifikaw lill-Kummissjoni, li taġixxi f’isem l-Unjoni, li ma humiex se jlestu l-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, dan il-Ftehim ma għandux jibqa’ japplika b’mod provviżorju fid-data tal-wasla ta’ din in-notifika mill-Kummissjoni, li għandha tikkostitwixxi d-data ta’ waqfien għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

    Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx jibqgħu japplikaw fl-istess data.

    (4)L-applikazzjoni ta’ Protokoll rilevanti għal dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiża mill-Unjoni f’każ ta’ pagament parzjali jew ta’ nuqqas ta’ pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mill-Gżejjer Faeroe skont il-programm jew l-attività rispettivi tal-Unjoni.

    F’każ ta’ nuqqas ta’ pagament li jista’ jipperikola b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira. F’każ li ma jsir l-ebda pagament fi żmien 20 jum tax-xogħol wara l-ittra formali ta’ tfakkira, għandha tiġi nnotifikata s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll rilevanti mill-Unjoni lill-Gżejjer Faeroe permezz ta’ ittra formali ta’ notifika li għandha tidħol fis-seħħ 15-il jum wara l-wasla ta’ din in-notifika mill-Gżejjer Faeroe.

    F’każ li l-applikazzjoni ta’ Protokoll tiġi sospiża, l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe ma għandhomx ikunu eliġibbli li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti li jkunu għadhom ma tlestewx meta tidħol fis-seħħ is-sospensjoni. Proċedura ta’ għoti għandha titqies bħala li tkun ġiet kompluta meta bħala riżultat ta’ dik il-proċedura jkunu saru impenji legali.

    Is-sospensjoni ma taffettwax l-impenji legali konklużi mal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe skont il-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni qabel ma tkun daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. Il-Protokoll rilevanti għandu jkompli japplika għal tali impenji legali.

    L-Unjoni għandha tinnotifika minnufih lill-Gżejjer Faeroe ladarba l-ammont sħiħ tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta jkun ġie riċevut mill-Unjoni. Is-sospensjoni għandha titneħħa b’effett immedjat malli ssir din in-notifika.

    Mid-data meta titneħħa s-sospensjoni, l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe għandhom jerġgħu jkunu eliġibbli fi proċeduri ta’ għoti mnedija skont il-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni wara din id-data, u fi proċeduri ta’ għoti mnedija qabel din id-data, li għalihom l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ma jkunux skadew.

    (5)Kwalunkwe Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe waqt b’notifika bil-miktub li tinforma lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim. Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat biss fl-intier tiegħu.

    It-terminazzjoni tal-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur kalendarji wara d-data li fiha n-notifika bil-miktub tkun waslet għand id-destinatarju tagħha. Id-data li fiha tidħol fis-seħħ it-terminazzjoni għandha tikkostitwixxi d-data tat-terminazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

    (6)F’każ li l-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju f’konformità mal-paragrafu 3, jew jiġi tterminat f’konformità mal-paragrafu 5, il-Partijiet jaqblu li:

    (a) proġetti, azzjonijiet, attivitajiet jew partijiet minnhom li fir-rigward tagħhom ikunu saru impenji legali matul l-applikazzjoni provviżorja u/jew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u qabel ma dan il-Ftehim ma jibqax japplika jew jiġi tterminat, għandhom ikomplu sakemm dawn jiġu konklużi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim;

    (b) il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għall-programm jew l-attività rilevanti tas-sena N li matulha dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju jew jiġi tterminat, għandha titħallas kompletament f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Ftehim u kwalunkwe regola rilevanti fil-Protokolli rispettivi. Fejn japplika l-mekkaniżmu ta’ aġġustament, il-kontribuzzjoni operazzjonali għall-programm jew l-attività rilevanti tas-sena N għandha tiġi aġġustata f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan il-Ftehim. Għal programmi jew attivitajiet fejn japplikaw kemm il-mekkaniżmu ta’ aġġustament kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika, il-kontribuzzjoni operazzjonali rilevanti tas-sena N għandha tiġi aġġustata f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan il-Ftehim u kkoreġuta f’konformità mal-Artikolu 8 tiegħu. It-tariffa tal-parteċipazzjoni mħallsa għas-sena N bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja għall-programm jew l-attività rilevanti ma għandhiex tiġi aġġustata jew ikkoreġuta.

    (c) meta japplika l-mekkaniżmu ta’ aġġustament, wara s-sena li matulha dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju jew jiġi tterminat, il-kontribuzzjonijiet operazzjonali inizjali għall-programm jew l-attività rilevanti mħallsa għas-snin li matulhom kien japplika dan il-Ftehim għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-Artikolu 7. Fir-rigward ta’ programmi jew ta’ attivitajiet fejn japplikaw kemm il-mekkaniżmu ta’ aġġustament kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika, dawn il-kontribuzzjonijiet operazzjonali għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-Artikolu 7 u għandhom jiġu kkoreġuti awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 8.

    (7)Il-Partijiet għandhom isolvu b’kunsens komuni kwalunkwe konsegwenza oħra tat-terminazzjoni jew tal-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim.

    (8)Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat biss bil-miktub u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ tal-emendi se jsegwi l-istess proċedura bħal dik applikabbli għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    (9)Il-Protokolli għandhom jikkostitwixxu parti integrali minn dan il-Ftehim.

    Magħmul fi …, fi …… jum ta’ …. tas-sena …. 

    Għall-Unjoni Ewropea,

    Għall-Gvern tal-Gżejjer Faeroe,



    Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027)

    Artikolu 1

    L-ambitu tal-assoċjazzjoni

    (1)Il-Gżejjer Faeroe għandhom jipparteċipaw bħala pajjiż assoċjat fil-Programm Orizzont Ewropa u għandhom jikkontribwixxu għall-partijiet kollha tiegħu - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (il-Programm Orizzont Ewropa) imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , u implimentat permezz tal-programm speċifiku stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 6 , fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom, u permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.

    (2)Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , u d-Deċiżjoni (UE) 2021/820 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 , fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom, għandhom japplikaw għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe fil-Komunitajiet tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni.

    Artikolu 2

    Kundizzjonijiet addizzjonali tal-parteċipazzjoni fil-Programm Orizzont Ewropa

    (1)Qabel ma jiġi deċiż dwar jekk l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe humiex eliġibbli sabiex jipparteċipaw f’azzjoni relatata mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-UE skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni jew assigurazzjonijiet speċifiċi, bħal:

    (a)informazzjoni dwar jekk ingħatax jew jekk huwiex se jingħata aċċess reċiproku lill-entitajiet tal-Unjoni għal programmi, proġetti, azzjonijiet, attivitajiet jew partijiet minnhom eżistenti u ppjanati tal-Gżejjer Faeroe, li huma ekwivalenti għall-Programm Orizzont Ewropa kkonċernat;

    (b)informazzjoni dwar jekk il-Gżejjer Faeroe għandhomx fis-seħħ mekkaniżmu nazzjonali ta’ skrinjar tal-investiment u assigurazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-Gżejjer Faeroe jirrapportaw dwarhom u jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe każ possibbli fejn bl-applikazzjoni ta’ tali mekkaniżmu jkunu saru konxji ta’ investiment barrani/akkwiżizzjoni barranija ppjanat(a) minn entità stabbilita jew ikkontrollata minn barra l-Gżejjer Faeroe ta’ entità tal-Gżejjer Faeroe, li tkun irċeviet finanzjament minn Orizzont Ewropa f’azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-Unjoni, dment li l-Kummissjoni tforni lill-Gżejjer Faeroe bil-lista tal-entitajiet rilevanti tal-Gżejjer Faeroe wara l-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotja ma’ dawn l-entitajiet; u

    (c)assigurazzjonijiet li l-ebda wieħed mir-riżultati, mit-teknoloġiji, mis-servizzi u mill-prodotti żviluppati skont l-azzjonijiet ikkonċernati mill-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe ma għandhom ikunu soġġett għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tagħhom lejn l-Istati Membri tal-Unjoni matul l-azzjoni u għal erba’ snin wara tmiem l-azzjoni. Il-Gżejjer Faeroe se jaqsmu lista aġġornata ta’ suġġetti ta’ restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-esportazzjoni fuq bażi annwali, matul l-azzjoni u għal erba’ snin wara tmiem l-azzjoni.

    (2)L-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) skont termini u kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet tal-Unjoni, sakemm ma jkunux meħtieġa limitazzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-għan tal-parteċipazzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    (3)Meta l-Unjoni timplimenta l-Programm Orizzont Ewropa permezz tal-applikazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Gżejjer Faeroe u l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe jistgħu jipparteċipaw fl-istrutturi legali maħluqa skont dawk id-dispożizzjonijiet, f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni li jkunu ġew adottati jew li jkunu se jiġu adottati għall-istabbiliment ta’ dawk l-istrutturi legali.

    (4) Id-drittijiet tal-Gżejjer Faeroe tar-rappreżentazzjoni u tal-parteċipazzjoni fil-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u s-sottogruppi tiegħu għandhom ikunu dawk applikabbli għall-kategorija rilevanti ta’ pajjiżi assoċjati.

    (5)Ir-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC, mingħajr drittijiet tal-vot. Soġġetta għal dik il-kundizzjoni, tali parteċipazzjoni għandha tkun regolata mill-istess regoli u proċeduri bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni, inkluż id-drittijiet tal-kelma u l-proċeduri għall-wasla ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni fir-rigward ta’ punt li jikkonċerna l-Gżejjer Faeroe.

    (6)Il-Gżejjer Faeroe jistgħu jipparteċipaw f’Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 9 , fl-aktar verżjoni aġġornata tiegħu, u mal-att legali li jistabbilixxi l-ERIC.

    (7)Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz, fil-qafas tad-dispożizzjonijiet eżistenti, sabiex jiffaċilitaw il-moviment liberu u r-residenza tal-persuni li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll, u sabiex jiffaċilitaw il-moviment transfruntier ta’ oġġetti u servizzi maħsubin sabiex jintużaw f’attivitajiet bħal dawn.

    (8)Il-Gżejjer Faeroe għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, kif xieraq, sabiex jiżguraw li oġġetti u servizzi, mixtrija fil-Gżejjer Faeroe jew importati fil-Gżejjer Faeroe, li jkunu parzjalment jew kompletament iffinanzjati skont il-ftehimiet ta’ għotja u/jew il-kuntratti konklużi għat-twettiq tal-attivitajiet f’konformità ma’ dan il-Protokoll, ikunu eżentati mid-dazji doganali, mid-dazji tal-importazzjoni u minn tariffi fiskali oħra, inkluża l-VAT, li huma applikabbli fil-Gżejjer Faeroe.

    Artikolu 3

    Reċiproċità

    Entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jipparteċipaw fi programmi, fi proġetti, f’azzjonijiet, f’attivitajiet jew f’partijiet minnhom tal-Gżejjer Faeroe li jkunu ekwivalenti għall-Programm Orizzont Ewropa, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-Gżejjer Faeroe.

    Il-lista mhux eżawrjenti tal-programmi, tal-proġetti, tal-azzjonijiet, tal-attivitajiet ekwivalenti, jew ta’ partijiet minnhom tal-Gżejjer Faeroe hija pprovduta fl-Anness II ta’ dan il-Protokoll.

    Il-finanzjament mill-Gżejjer Faeroe ta’ entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni għandu jkun soġġett għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-Gżejjer Faeroe li jirregolaw l-operat ta’ programmi, proġetti, azzjonijiet, attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, jew partijiet minnhom. Meta ma jkunx hemm finanzjament ipprovdut, l-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jipparteċipaw bil-mezzi tagħhom stess.

    Artikolu 4

    Xjenza Miftuħa

    Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jinkoraġġixxu b’mod reċiproku prattiki tax-xjenza miftuħa fil-programmi, fil-proġetti, fl-azzjonijiet, fl-attivitajiet tagħhom, jew f’partijiet minnhom f’konformità mar-regoli tal-Programm Orizzont Ewropa u mal-liġijiet u mar-regolamenti applikabbli tal-Gżejjer Faeroe.

    Artikolu 5

    Regoli dettaljati dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament u l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika

    (1)Għandu japplika mekkaniżmu ta’ aġġustament u mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika fir-rigward tal-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa.

    (2)Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika għandu jkun ibbażat fuq il-prestazzjoni tal-Gżejjer Faeroe u tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe fil-partijiet tal-Programm Orizzont Ewropa, li huma implimentati permezz ta’ għotjiet kompetittivi.

    (3)Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika huma stabbiliti fl-Anness I ta’ dan il-Protokoll.

    Artikolu 6

    Dispożizzjonijiet finali

    (1)Dan il-Protokoll għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ sabiex il-proġetti u/jew l-azzjonijiet, l-attivitajiet kollha, jew partijiet minnhom, li jkunu ffinanzjati mill-Programm Orizzont Ewropa, l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-obbligi finanzjarji kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll bejn il-Partijiet jitlestew.

    (2)L-Annessi ta’ dan il-Protokoll għandhom jifformaw parti integrali mill-Protokoll.

    Anness I: Regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa (2021-2027)

    Anness II: Lista tal-programmi, il-proġetti, l-azzjonijiet, l-attivitajiet ekwivalenti, jew partijiet minnhom, tal-Gżejjer Faeroe

    ANNESS I

    Regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa (2021-2027)

    I.Kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe

    (1)Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa għandha tiġi stabbilita fuq bażi annwali fi proporzjon ma’, u apparti, l-ammont disponibbli kull sena fil-baġit tal-Unjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn meħtieġa għall-ġestjoni, għall-eżekuzzjoni u għall-operat tal-Programm Orizzont Ewropa, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim.

    (2)It-tariffa tal-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe għandha tiġi stabbilita u tiddaħħal gradwalment skont l-Artikolu 6(4) u (8) ta’ dan il-Ftehim.

    (3)F’konformità mal-Artikolu 6(6) ta’ dan il-Ftehim, il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali li għandha titħallas mill-Gżejjer Faeroe għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Programm Orizzont Ewropa se tiġi kkalkolata għas-snin finanzjarji rispettivi billi jiġi applikat aġġustament għall-kjavi ta’ kontribuzzjoni.

    L-aġġustament għall-kjavi ta’ kontribuzzjoni għandu jkun:

    Il-koeffiċjent użat għall-kalkolu ta’ hawn fuq sabiex tiġi aġġustata l-iskema tal-kontribuzzjoni għandu jkun ta’ 0,4.

    (4)Il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gżejjer Faeroe għal Orizzont Ewropa għandha tiġi aġġustata f’konformità mar-regoli previsti fl-Artikolu 7 ta’ dan il-Ftehim.

    II.Korrezzjoni awtomatika tal-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gżejjer Faeroe

    (1)Għall-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika kif imsemmi fl-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim u l-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll, għandhom japplikaw il-modalitajiet li ġejjin:

    (a)“għotjiet kompetittivi” tfisser għotjiet mogħtija permezz ta’ sejħiet għal proposti fejn il-benefiċjarji finali jistgħu jiġu identifikati fil-ħin tal-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika. L-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi kif definit fl-Artikolu 204 tar-Regolament Finanzjarju huwa eskluż;

    (b)meta jiġi ffirmat impenn legali ma’ konsorzju, l-ammonti użati sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti inizjali tal-impenn legali għandhom ikunu l-ammonti kumulattivi allokati lill-benefiċjarji li huma l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe f’konformità mad-diżaggregazzjoni tal-baġit indikattiv tal-ftehim ta’ għotja;

    (c)l-ammonti kollha ta’ impenji legali li jikkorrispondu għal għotjiet kompetittivi għandhom jiġu stabbiliti bl-użu tas-sistema elettronika tal-Kummissjoni Ewropea eCorda u għandhom jiġu estratti fit-tieni Erbgħa ta’ Frar tas-sena N+2;

    (d)“kostijiet mhux ta’ intervent” tfisser kostijiet tal-Programm minbarra għotjiet kompetittivi, inklużi nefqa ta’ appoġġ, amministrazzjoni speċifika għall-programm, azzjonijiet oħrajn 10 ;

    (e)l-ammonti allokati lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħala entitajiet legali li huma l-benefiċjarju finali 11 għandhom jitqiesu bħala kostijiet mhux ta’ intervent.

    (2)Il-mekkaniżmu għandu jiġi applikat kif ġej:

    (a)Il-korrezzjonijiet awtomatiċi għas-sena N fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għas-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim, għandhom jiġu applikati abbażi ta’ data dwar is-sena N u s-sena N+1 minn e-Corda msemmija fil-punt c) tal-paragrafu (1) tal-punt (II) ta’ dan l-Anness fis-sena N+2 wara li jkun ġie applikat kwalunkwe aġġustament għall-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan il-Ftehim. L-ammont ikkunsidrat se jkun l-ammont ta’ għotjiet kompetittivi li għalihom hija disponibbli d-data, fil-ħin tal-kalkolu tal-korrezzjoni.

    (b)Mis-sena N+2 u sal-2029, l-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għandu jiġi kkalkolat għas-sena N billi tittieħed id-differenza bejn:

    i. l-ammont totali tal-għotjiet kompetittivi mqassma lill-Gżejjer Faeroe jew lill-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe bħala impenji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet tal-baġit tas-sena N; u

    ii. l-ammont tal-kontribuzzjoni operazzjonali aġġustata tal-Gżejjer Faeroe għas-sena N immultiplikat bil-proporzjon bejn:

    A. l-ammont ta’ għotjiet kompetittivi magħmul fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena N, miżjud f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim; u

    B. it-total tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn baġitarju awtorizzati kollha tas-sena N, inklużi l-kostijiet mhux ta’ intervent.

    III.Il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe, il-pagament tal-aġġustamenti magħmula fuq il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gżejjer Faeroe, u l-pagament tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gżejjer Faeroe

     

    (1)Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Gżejjer Faeroe, kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard mill-ħruġ tal-ewwel sejħa għall-fondi tas-sena finanzjarja, l-informazzjoni li ġejja:

    (a)l-ammonti f’approprjazzjonijiet ta’ impenn fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għas-sena inkwistjoni għal-linji baġitarji li jkopru l-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe, fil-Programm Orizzont Ewropa miżjuda, jekk rilevanti, f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim;

    (b)l-ammont tat-tariffa tal-parteċipazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(8) ta’ dan il-Ftehim;

    (c)mis-sena N+1 tal-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għas-sena baġitarja N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim u l-livell ta’ diżimpenn;

    (d)għall-parti tal-Programm Orizzont Ewropa fejn tali informazzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi kkalkolata l-korrezzjoni awtomatika, il-livell ta’ impenji li jkunu saru favur l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe diżaggregati skont is-sena korrispondenti tal-approprjazzjonijiet baġitarji u l-livell totali relatat tal-impenji.

    Abbażi tal-Abbozz tal-Baġit tagħha, il-Kummissjoni għandha tipprovdi stima tal-informazzjoni għas-sena ta’ wara skont il-punti (a) u (b) mill-aktar fis possibbli, u, mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru tas-sena finanzjarja.

    (2)Il-Kummissjoni għandha toħroġ, mhux aktar tard minn April u Ġunju ta’ kull sena finanzjarja, sejħa għal fondi lill-Gżejjer Faeroe li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni tagħhom skont dan il-Protokoll.

    Kull sejħa għall-fondi għandha tipprevedi l-pagament ta’ nofs il-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe mhux aktar tard minn 30 jum wara li tinħareġ is-sejħa għall-fondi.

    Għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Kummissjoni għandha toħroġ sejħa waħda għall-fondi, fi żmien 60 jum mill-firma ta’ dan il-Ftehim.

    (3)Kull sena mill-2023, is-sejħiet għall-fondi għandhom jirriflettu wkoll l-ammont tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali mħallsa għas-sena N-2.

    Is-sejħa għall-fondi maħruġa mhux aktar tard minn April tista’ tinkludi wkoll aġġustamenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Gżejjer Faeroe għall-implimentazzjoni, għall-ġestjoni u għall-operat tal-Programm(i) Qafas preċedenti għar-Riċerka u Innovazzjoni li fih(om) ipparteċipaw il-Gżejjer Faeroe.

    Għal kull waħda mis-snin finanzjarji tal-2028, l-2029 u l-2030, l-ammont li jirriżulta mill-korrezzjoni awtomatika applikata għall-kontribuzzjonijiet operazzjonali mħallsa fl-2026 u fl-2027 mill-Gżejjer Faeroe jew mill-aġġustamenti magħmula f’konformità mal-Artikolu 7(8) ta’ dan il-Ftehim se jkun dovut lil jew mill-Gżejjer Faeroe.

    (4)Il-Gżejjer Faeroe għandhom iħallsu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom skont dan il-Protokoll f’konformità mat-Taqsima III ta’ dan l-Anness. Fin-nuqqas ta’ pagament mill-Gżejjer Faeroe sad-data dovuta, il-Kummissjoni għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira.

    Kull dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jiskatta l-pagament ta’ mgħax ta’ inadempjenza mill-Gżejjer Faeroe fuq l-ammont pendenti, u dan mid-data dovuta.

    Ir-rata tal-imgħax fuq l-ammonti riċevibbli mhux imħallsa fid-data dovuta għandha tkun ir-rata li japplika l-Bank Ċentrali Ewropew fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar meta kellu jsir il-pagament, u miżjuda b’punt u nofs perċentwali.

    ANNESS II

    Lista tal-programmi, tal-proġetti, tal-azzjonijiet, tal-attivitajiet ekwivalenti
    jew ta’ partijiet minnhom, tal-Gżejjer Faeroe

    Il-lista mhux eżawrjenti li ġejja għandha titqies bħala l-programmi, il-proġetti, l-azzjonijiet u l-attivitajiet ekwivalenti tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa:

    Il-Fondazzjoni tar-Riċerka tal-Gżejjer Faeroe;

    Il-Fondazzjoni għar-Riċerka dwar is-Sajd tal-Gżejjer Faeroe.

    (1)    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika (ĠU L 245, 17.9.2010, p. 2), il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (ĠU L 35, 11.2.2015, p. 3).
    (2)    Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
    (3)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU UE L 193, 30.7.2018, p. 1).
    (4)    Il-miżuri restrittivi tal-UE huma miżuri restrittivi adottati skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. 
    (5)    Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU UE L 170, 12.5.2021, p.1). 
    (6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU UE L 167I, 12.5.2021, p. 1).
    (7)    Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni), (ĠU UE L 189, 28.5.2021, p. 61).
    (8)    Id-Deċiżjoni (UE) 2021/820 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) 2021-2027: Nagħtu Spinta lit-Talent u lill-Kapaċità ta’ Innovazzjoni fl-Ewropa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1312/2013/UE (ĠU UE L 189, 28.5.2021, p. 91).
    (9)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (ĠU UE L 206, 8.8.2009, p.1).
    (10)    Azzjonijiet oħrajn jinkludu b’mod partikolari l-akkwist, il-premji, l-istrumenti finanzjarji, l-azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-Abbonamenti (OECD, Eureka, IPEEC, IEA, …), l-esperti (l-evalwaturi, il-monitoraġġ tal-proġetti) eċċ.
    (11)    L-organizzazzjonijiet internazzjonali jitqiesu biss bħala kostijiet mhux ta’ intervent jekk ikunu benefiċjarji finali. Dan ma huwiex se japplika meta organizzazzjoni internazzjonali tkun koordinatur ta’ proġett (tqassam fondi lil koordinaturi oħrajn).
    Top