Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0051

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

    COM/2022/51 final

    Brussell, 16.2.2022

    COM(2022) 51 final

    2022/0035(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-għan ewlieni tal-proposta huwa li l-emendi għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) adottati waqt il-laqgħa annwali tagħha f’ Settembru 2021 jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni. Il-proposta tinkludi wkoll it-titjib editorjali tan-NAFO u tadatta l-kliem għall-kuntest legali tal-UE. In-NAFO hija l-organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd li hija responsabbli għall-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral li huma f’idejha. Il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tan-NAFO japplikaw biss għaż-Żona Regolatorja tan-NAFO li tinsab fl-ibħra internazzjonali u li hija ddefinita bħala ż-żona li tinsab lil hinn miż-żona li fiha s-sajd jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-istati kostali. L-UE ilha mill-1979 Parti Kontraenti tan-NAFO.

    Skont il-Konvenzjoni tan-NAFO, il-miżuri ta’ konservazzjoni li l-Kummissjoni tan-NAFO tadotta huma vinkolanti (skont l-Artikolu XIV u l-Artikoli VI.8 u VI.9 tagħha) u l-Partijiet Kontraenti huma obbligati jimplimentawhom.

    Bis-saħħa tar-Regolament (UE) 2019/833, il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tan-NAFO ġew implimentati fid-dritt tal-Unjoni. Din il-proposta tkopri l-emendi adottati min-NAFO waqt il-laqgħa annwali tagħha f’Settembru 2021. Dawk l-emendi daħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2021 u japplikaw minn dik id-data.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Din il-proposta hija konsistenti mar-Regolament (UE) 2019/833.

    Din il-proposta hija konformi mal-Parti VI tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (li tittratta l-politika esterna), u tipprevedi li l-Unjoni twettaq is-sajd estern tagħha skont l-obbligi internazzjonali tagħha u ssejjes l-attivitajiet tas-sajd tal-UE fuq il-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tas-sajd.

    Il-proposta tikkumplimenta r-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-ġestjoni ta’ flotot tas-sajd esterni, li jipprevedi li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni tinħarġilhom awtorizzazzjoni tas-sajd mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, u tikkumplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jipprevedi l-inklużjoni tal-lista tan-NAFO tal-bastimenti li jwettqu sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU) fil-lista tal-Unjoni tal-bastimenti li jwettqu dan it-tip ta’ sajd.

    Din il-proposta ma tkoprix l-opportunitajiet tas-sajd tal-UE li d-deċiżjonijiet dwarhom teħodhom in-NAFO. Skont l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), huwa l-Kunsill li għandu d-dritt jadotta miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, tad-dazji, tal-għajnuna u tal-limiti kwantitattivi u dwar l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd u l-allokazzjoni tagħhom.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta hija konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni.

     

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 43(2) tat-TFUE minħabba li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta tidħol fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (l-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE). Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Proporzjonalità

    Il-proposta se tiżgura li jintlaħqu l-obbligi tal-UE marbutin man-NAFO mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan.

    Għażla tal-istrument

    L-istrument magħżul jemenda r-Regolament (UE) 2019/833.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhix rilevanti.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li temenda r-Regolament (UE) 2019/833 billi timplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-emendi għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li ġew adottati waqt l-aħħar laqgħa annwali tan-NAFO f’Settembru tal-2021. L-esperti nazzjonali u r-rappreżentanti tal-industrija tal-Istati Membri tal-UE ġew ikkonsultati kemm fil-perjodu ta’ qabel il-laqgħa annwali tan-NAFO li matulha ġew adottati dawn ir-rakkomandazzjonijiet u kemm waqt in-negozjati li saru fin-NAFO.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Din il-proposta timplimenta fid-dritt tal-Unjoni emendi għall-miżuri ta’ konservazzjoni tan-NAFO li ġew adottati f’konformità il-pariri xjentifiċi u dwar il-kontroll tal-kumitati permanenti tan-NAFO.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mhix rilevanti. Din il-proposta timplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-emendi għall-miżuri ta’ konservazzjoni tan-NAFO li torbot lill-Partijiet Kontraenti u li japplikaw direttament għall-Istati Membri.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Din il-proposta mhix marbuta mal-idoneità regolatorja u mas-simplifikazzjoni (il-programm imsejjaħ “REFIT”).

    Drittijiet fundamentali

    Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Mhux applikabbli.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-proposta timplimenta l-emendi adottati fil-laqgħa annwali tan-NAFO ta’ Settembru 2021 dwar il-kalkolu tal-kwota “Oħrajn”, li jintroduċu miżuri ta’ akkumpanjament għall-Bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M fir-rigward tal-ispezzjoni tal-ħatt l-art, kif ukoll tal-ħalibatt ta’ Greenland. L-emendi jinkludu wkoll dispożizzjonijiet riveduti dwar proċeduri addizzjonali, ksur serju fir-rigward tal-użu ta’ daqsijiet tal-malji, tal-għeriebel jew tal-gradilji, u l-miżuri msaħħa relatati mas-segwitu għall-ksur, kif ukoll it-trażmissjoni ta’ dokumenti lin-NAFO u lill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd.

    Il-proposta tiddelega wkoll lill-Kummissjoni s-setgħat li temenda r-Regolament (UE) 2019/833 dwar il-ħatt l-art, it-trażbord u l-ispezzjoni għall-ħalibatt ta’ Greenland tal-Artikolu 10(1)(e), u l-miżuri ta’ kontroll għall-Bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M tal-Artikolu 9a, jekk in-NAFO temenda l-miżuri tagħha fil-futur. Jeħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu emendati mill-ewwel biex il-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jistadu bl-istess mod bħall-bastimenti tal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn tan-NAFO f’kull staġun tas-sajd li jkun imiss.

    2022/0035 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 ġie addottat sabiex jimplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-iktar regoli aġġornati għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO). Sussegwentement, dan ir-Regolament ġie emendat bil-miżuri tan-NAFO adottati waqt il-laqgħat annwali tagħha fl-2019 u l-2020 3 .

    (2)Sussegwentement, fl-43 Laqgħa Annwali tagħha ta’ Settembru 2021, in-NAFO addottat għadd ta’ deċiżjonijiet legalment vinkolanti għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taħt ir-responsabbiltà tagħha fir-rigward taż-żamma tal-qabdiet tal-kwota “Oħrajn”, l-ispezzjoni fil-port tal-ħatt l-art tal-Bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M u tal-ħalibatt ta’ Greenland, tal-monitoraġġ u d-dispożizzjonijiet imsaħħa dwar il-ksur u l-infurzar tagħhom.

    (3)Dawk id-deċiżjonijiet huma indirizzati lill-Partijiet Kontraenti tan-NAFO, u jinkludu wkoll obbligi għall-operaturi. Wara li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar (CEM) tan-NAFO daħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2021, dawn bdew jorbtu lill-Partijiet Kontraenti kollha tan-NAFO. F’dak li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea, dawn iridu jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni sal-punt li fih mhumiex diġà previsti mid-dritt tal-Unjoni.

    (4)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/833 jiġi emendat sabiex japplika dawn il-miżuri l-ġodda tan-NAFO għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.

    (5)Ċerti dispożizzjonijiet tas-CEM x’aktarx jiġu emendati waqt il-laqgħat annwali tan-NAFO li ġejjin wara li ddaħħlu miżuri tekniċi ġodda b’rabta mat-tibdil fil-bijomassa tal-istokkijiet u minħabba li jiġu riveduti r-restrizzjonijiet fuq iż-żoni fejn jistgħu jsiru l-attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ. Għalhekk, sabiex tali emendi futuri tas-CEM jiġu implimentati malajr fid-dritt tal-Unjoni qabel jibda l-istaġun tas-sajd, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-miżuri tal-ħatt l-art u ta’ ispezzjoni għall-ħalibatt ta' Greenland u l-miżuri ta’ kontroll għall-Bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M:

    (6)Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet ix-xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 4 . B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenħtieġ li jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom jenħtieġ li jkollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

    (7)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/833 jiġi emendat kif xieraq,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi fir-Regolament (UE) 2019/833

    Ir-Regolament (UE) 2019/833 b’dan huwa emendat kif ġej:

    (1)Fl-Artikolu 7(3), il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(d) fejn il-projbizzjoni fuq is-sajd (moratorja) jew, fejn il-kwota “Oħrajn” miftuħa għal dak l-istokk tkun ittieħdet kompletament: 1 250 kg jew 5 %, skont liem hija l-ikbar, fir-rigward ta’ dawk il-Partijiet Kontraenti wara n-notifika tagħhom għall-użu tal-kwota “Oħrajn” f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament;”

    (2)Fl-Artikolu 9a(1), il-punt (c), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “kull Stat Membru għandu jispezzjona fil-portijiet tiegħu mill-inqas 50 % tal-ħatt l-art jew tat-trażbord tal-qabdiet tal-bakkaljaw mid-Diviżjoni 3M u jħejji rapport tal-ispezzjoni fil-format preskritt fl-Anness IV.C tas-CEM imsemmi fil-punt 9 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, u jibagħtu lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO fi żmien 12-il jum tax-xogħol mid-data meta jkun temm l-ispezzjoni, u jibgħat kopja tiegħu lill-Kummissjoni u lill-EFCA.”.

    (3)Fl-Artikolu 10(1), il-punt (e) l-ewwel sentenza hi ssostitwita b'dan li ġej:

    “(e) kull Stat Membru għandu jispezzjona fil-portijiet tiegħu il-ħatt l-art kollu tal-ħalibatt ta’ Greenland, jekk il-kwantità ta’ dan l-istokk abbord tkun tirrappreżenta jew iktar minn 5 % tal-qabda totali jew iktar minn 2 500 kg u għandu jħejji rapport tal-ispezzjoni fil-format preskritt fl-Anness IV.C tas-CEM imsemmi fil-punt 9 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, u jibagħtu lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO fi żmien 14-il jum tax-xogħol mid-data meta jkun temm l-ispezzjoni, u jibgħat kopja tiegħu lill-Kummissjoni u lill-EFCA.”

    (4)Fl-Artikolu 29, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Novembru ta' kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-EFCA (u kopja tagħha lill-Kummissjoni), li għandha tiżgura li din l-informazzjoni tingħadda lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO:

    (a) id-dettalji ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti li għandha taġixxi bħala l-punt ta' kuntatt għall-finijiet tan-notifika mill-ewwel ta' ksur fiż-Żona Regolatorja, u kull tibdil sussegwenti fihom, mill-inqas 15-il jum qabel ma jidħol fis-seħħ dak it-tibdil;

    (b) l-ismijiet tal-ispetturi u tal-ispetturi li jkun għadhom qed jitħarrġu u isem kull pjattaforma ta' spezzjoni li huwa jkun assenja għall-Iskema, kif ukoll is-sinjal tas-sejħa bir-radju tagħha u d-dettalji ta' kuntatt għall-komunikazzjoni magħha. Huwa għandu jagħti notifika tat-tibdil fid-dettalji nnotifikati b'dan il-mod tal-inqas 60 jum minn qabel kull meta dan ikun possibbli.”

    (5)Fl-Artikolu 35(1), il-punt (g) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(g) is-sajd b’daqs tal-malja, b’għeriebel jew bi gradilji distanzjati mhux awtorizzati, jew mingħajr l-użu ta’ għeriebel jew gradilji tal-għażla kuntrarju għall-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14;”.

    (6)Fl-Artikolu 36(1), il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “jiżgura li s-sanzjonijiet applikabbli fir-rigward tal-ksur, u sal-punt possibbli fi ħdan il-leġiżlazzjoni domestika għal ksur serju ripetut, partikolarment dak identifikat taħt l-Artikolu 35(3)(c) (iii) u (iv), ikunu adegwati fis-severità biex ikunu effettivi biex jiżguraw konformità, iwaqqfu milli jsir ksur ieħor jew milli jirrepeti ruħu, u jċaħħad lill-awturi tar-reati milli jgawdi l-benefiċċji li jokkorru mill-ksur.”

    (7)Fl-Artikolu 36(2) jiżdiedu l-punti (e) u (f):

    “(e) rekwiżiti ta’ rappurtar miżjuda jew addizzjonali; fost l-oħrajn, rappurtar iktar frekwenti, jew data addizzjonali li għandha tiġi rrapportata; kif ukoll

    (f) rekwiżiti ta’ monitoraġġ miżjuda jew addizzjonali fost l-oħrajn, l-użu ta’ osservatur jew ta’ spettur abbord jew monitoraġġ elettroniku mill-bogħod f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-bastimenti tas-sajd li joperaw fin-NAFO.”

    (8)Fl-Artikolu 40(3), it-tieni sentenza hi ssostitwita b'dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO.”

    (9)L-Artikolu 50, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a) il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c) il-proċeduri li jikkonċernaw bastimenti b' qabda totali abbord ta' aktar minn 50 tunnellata ta' piż ħaj, li jidħlu fiż-Żona Regolatorja biex jistadu għall-ħalibatt ta' Greenland b'rabta mal-kontenut tan-notifiki previsti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 10(2), u l-kondizzjonijiet għall-bidu tas-sajd previsti fil-punt (d) tal-Artikolu 10(2); kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-ħatt l-art, l-ispezzjonijiet għall-ħalibatt ta' Greenland tal-Artikolu 10(1), il-punt (e);”,

    (b) jiżdied il-punt (l) li ġej:

    “(l) miżuri ta’ kontroll għall-Bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M tal-Artikolu 9a.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    ĠU C , , p. .
    (2)    Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1627 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u (KE) Nru 1386/2007 (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 1).
    (3)    Ir-Regolament (UE) 2021/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 32).
    (4)

       ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    Top