Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022JC0048

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbiltà militari 2.0

    JOIN/2022/48 final

    Brussell, 10.11.2022

    JOIN(2022) 48 final

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbiltà militari 2.0


    1.Introduzzjoni

    Il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża 1 , li l-Kunsill Ewropew approva f’Marzu 2022, enfasizzat li: “L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna kkonfermat il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ sostanzjalment il-mobbiltà militari tal-forzi armati tagħna fl-Unjoni u lil hinn minnha.” Fid-dawl ta’ “impenji ġodda bil-għan li jsaħħu u jinvestu b’mod sostanzjali fil-mobbiltà militari”, hija talbet “Pjan ta’ Azzjoni ambizzjuż u rivedut sal-aħħar tal-2022”. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari 2.0 iwieġeb għal din it-talba.

    Il-mobbiltà militari hija vitali għas-sigurtà u għad-difiża Ewropej tagħna. Il-forzi tal-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li jkunu jistgħu jirrispondu malajr u bi skala suffiċjenti għall-kriżijiet li jinqalgħu fil-fruntieri esterni tal-UE u lil hinn minnhom. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, tgħallimna kemm huwa importanti li l-għajnuna militari titmexxa malajr u kemm jista’ jkun mingħajr xkiel.

    L-esperjenza tal-Istati Membri fil-kuntest tal-Ukrajna turi li l-Unjoni ħadet passi ’l quddiem fir-rigward tal-mobbiltà militari. Pereżempju, l-arranġamenti rilevanti żviluppati mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għenu lill-Istati Membri jqassru l-ħinijiet għall-moviment transfruntier. Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Istati Membri spiss kienu lesti li jagħmlu eżenzjonijiet sabiex isolvu kwistjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex jegħlbu r-restrizzjonijiet nazzjonali tagħhom. Wasal iż-żmien li nimxu minn approċċ ta’ każ b’każ lejn soluzzjonijiet strutturali. Fl-istess ħin, rajna wkoll limitazzjonijiet — pereżempju s-sistemi ferrovjarji differenti bejn l-Ukrajna u l-Istati Membri tal-UE kif ukoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea pprevenew soluzzjonijiet ta’ mobbiltà ottimali. Id-dipendenza qawwija fuq soluzzjonijiet ta’ trasport ċivili kuntrattati saret evidenti wkoll.

    Filwaqt li jibni fuq il-progress li sar minn meta tnediet l-inizjattiva tal-mobbiltà militari fl-2017 2 , dan il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid jiftaħ il-kapitolu li jmiss tal-ħidma fir-rigward tal-mobbiltà militari għall-perjodu bejn l-2022 u l-2026. Dan ġie estiż fil-kamp ta’ applikazzjoni u jipproponi miżuri addizzjonali, u għalhekk se jikkontribwixxi għal network ta’ mobbiltà militari konness sew, b’ħinijiet iqsar ta’ reazzjoni u b’infrastruttura u b’kapaċitajiet tat-trasport li jkunu kapaċi, siguri, sostenibbli u reżiljenti.

    Il-Pjan ta’ Azzjoni jindirizza l-ħtieġa li l-kapaċità tal-infrastruttura tat-trasport tittejjeb ulterjorment sabiex jiġu ġġestiti l-piż, id-daqs u l-iskala tal-moviment militari b’miżuri ġodda sabiex il-ħidma tagħna timxi skont il-prijoritajiet u jiġu inklużi r-rekwiżiti tal-katina tal-provvista tal-fjuwil għat-trasport militari. Dan ikompli bl-isforz li jissimplifika u jarmonizza regoli u proċeduri nazzjonali kumplessi, twal u diverġenti, inkluż billi jintroduċi azzjonijiet ġodda sabiex jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-proċessi amministrattivi. Dan iżid pilastru ġdid ta’ tħejjija u reżiljenza li jinkludi l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ trasport strateġiċi f’konformità mar-Rapport tar-Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża (CARD) ta’ Novembru 2020. Jipproponi miżuri sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tas-settur tat-trasport minn attakki ċibernetiċi u minn theddid ibridu ieħor, u sabiex tiġi promossa r-reżiljenza klimatika u s-sigurtà tal-enerġija tiegħu. Il-pilastru l-ġdid tas-sħubija jiddeskrivi proposti għat-tisħiħ tad-djalogu, tal-kooperazzjoni u tal-konnettività ma’ firxa ta’ sħab esterni.

    Il-pedamenti li ilhom stabbiliti mill-2018 jipprovdu bażi soda għal dan il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid:

    ·Il-Kunsill approva r-Rekwiżiti Militari għall-Mobbiltà Militari fl-UE u lil hinn minnha, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-rotot militari ewlenin 3 . 

    ·Hemm baġit ta’ EUR 1,69 biljun għal proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport b’użu doppju fl-ambitu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) bejn l-2021 u l-2027. 4  

    ·L-ewwel Programm ta’ Ħidma tal-FNE għall-2021 sal-2023 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ użu doppju għal dawn il-proġetti ġew adottati f’Awwissu 2021 5 . Dan witta t-triq għall-adozzjoni tal-ewwel mewġa ta’ proġetti b’valur ta’ EUR 339 miljun fl-24 ta’ Mejju 2022 filwaqt li t-tieni sejħa tnediet aktar kmieni fl-istess xahar. Dawn id-dati ġew aċċellerati meta mqabbla mal-iskedi ta’ żmien previsti oriġinarjament fid-dawl tal-gwerra fl-Ukrajna sabiex titħaffef l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali li se jtejbu l-mobbiltà militari.

    ·Il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament rivedut dwar in-network trans-Ewropew tat-trasport 6 li għall-ewwel darba jirrifletti wkoll il-mobbiltà militari fin-network trans-Ewropew tat-trasport. Il-koerenza bejn in-network militari tal-UE u n-networks tat-TEN-T tjiebet u ġew proposti standards infrastrutturali ġodda, li se jtejbu direttament il-mobbiltà militari fil-modalitajiet kollha tat-trasport.

    ·Ġew indirizzati wkoll aspetti regolatorji u proċedurali: il-formalitajiet doganali għall-movimenti militari transfruntiera ġew issimplifikati. It-trasport ta’ oġġetti perikolużi fid-dominju militari ġie armonizzat. Direttiva ġdida (2019/2235) tipprevedi eżenzjoni mill-VAT u mid-dazju tas-sisa  għal oġġetti jew servizzi użati jew miksuba fil-kuntest ta’ sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni. Erba’ u għoxrin Stat Membru tal-UE u n-Norveġja ssieħbu fil-Programm tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar “L-Ottimizzazzjoni tal-Proċeduri tal-Permess għall-Moviment Transfruntier fl-Ewropa”.

    ·Fil-qafas tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), l-Istati Membri nedew proġetti kollaborattivi differenti. Il-proġett dwar il-Mobbiltà Militari jgħaqqad flimkien lil 25 Stat Membru u pajjiżi terzi 7 sabiex jikkoordinaw miżuri nazzjonali rilevanti inklużi dawk maqbula mill-Istati Membri fl-hekk imsejħa “wegħda tal-mobbiltà militari” tal-25 ta’ Ġunju 2018 8 . Il-proġett dwar iċ-Ċentri Loġistiċi jinvolvi 17-il Stat Membru li jaħdmu flimkien sabiex jgħaqqdu l-imħażen loġistiċi u l-kapaċitajiet tagħhom sabiex inaqqsu l-ħin ta’ reazzjoni u jottimizzaw l-użu tal-kapaċitajiet.

    2.Approċċ strateġiku

    Skont id-direzzjoni stabbilita mill-Boxxla Strateġika u filwaqt li jitqiesu kemm il-prinċipji ta’ gwida spjegati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 9 kif ukoll il-kuntest strateġiku li nbidel, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi qafas komprensiv sabiex tissaħħaħ il-mobbiltà militari. Jipproponi azzjonijiet ulterjuri li jippermettu l-moviment rapidu, effiċjenti u mingħajr xkiel ta’ forzi potenzjalment fuq skala kbira, inkluż persunal militari u t-tagħmir tagħhom, kemm fil-kuntest tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tal-UE, kif ukoll għal attivitajiet nazzjonali u multinazzjonali b’mod partikolari fil-qafas tan-NATO.

    Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ta’ dawn l-azzjonijiet, jiġi rifless il-kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-“mobbiltà militari 2.0” u jiġi ffaċilitat involviment effettiv ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, huwa meħtieġ approċċ strateġiku. L-approċċ strateġiku ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa ċċentrat fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat network ta’ mobbiltà militari konness sew li jikkonsisti minn:  

    ·kurituri tat-trasport multimodali, inklużi toroq, ferroviji, rotot tal-ajru, u passaġġi fuq l-ilma interni b’infrastruttura tat-trasport b’użu doppju li kapaċi tiflaħ it-trasport militari;

    ·nodi tat-trasport u ċentri loġistiċi li jipprovdu l-appoġġ u s-sostenn meħtieġa tan-nazzjon ospitanti u ta’ tranżitu sabiex jiffaċilitaw l-iskjerament ta’ truppi u materjal;

    ·regoli, regolamenti u proċeduri armonizzati, u arranġamenti amministrattivi diġitalizzati;

    ·sostenibbiltà, reżiljenza u tħejjija msaħħa tat-trasport ċivili u militari u tal-kapaċitajiet loġistiċi.

    F’konformità ma’ dan l-approċċ u filwaqt li jirrifletti r-rwol essenzjali tal-Istati Membri, il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi azzjonijiet rakkomandati li l-Istati Membri huma mistiedna jmexxu ’l quddiem b’mod komplementari u koerenti, u b’rispett sħiħ tas-sovranità tal-Istati Membri tal-UE fit-territorju nazzjonali tagħhom u l-proċessi nazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-movimenti militari. Dan jinkludi l-attivitajiet tal-Istati Membri permezz ta’ proġetti fil-qafas tal-PESCO.

    Approċċ koerenti u kkoordinat għall-mobbiltà militari huwa interess kondiviż man-NATO. Il-mobbiltà militari għadha “inizjattiva ewlenija” għal kooperazzjoni msaħħa u intensifikata bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet, f’konformità mal-prinċipji gwida tal-UE-NATO, b’interazzjoni u skambju ta’ informazzjoni effiċjenti fi ħdan id-Djalogu Strutturat stabbilit sew bejn il-persunal.

    3.AZZJONIJIET IDENTIFIKATI

    Skont l-approċċ strateġiku, l-azzjonijiet identifikati huma strutturati fuq erba’ pilastri ewlenin: il-kurituri multimodali u ċentri loġistiċi, il-miżuri ta’ appoġġ regolatorju, ir-reżiljenza u t-tħejjija, u s-sħubijiet. 

    3.1    Kurituri Multimodali u Ċentri Loġistiċi: investiment f’infrastruttura tat-trasport b’użu doppju

    Fil-qalba tal-mobbiltà militari hemm il-ħtieġa li tiġi aġġornata l-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju tul in-network tal-mobbiltà militari — li tinkludi rotot tat-trasport multimodali konnessi permezz ta’ ċentri loġistiċi — sabiex tkun kapaċi tiflaħ it-trasport militari potenzjalment tqil u fuq skala kbira fi żmien qasir. L-Istati Membri tal-UE fil-biċċa l-kbira jużaw l-istess infrastruttura tat-trasport kemm għall-movimenti u għat-trasport ċivili kif ukoll militari. Għalhekk, it-tisħiħ tal-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju madwar it-trasport trans-Ewropew (TEN-T) jinvolvi l-iżvilupp ta’ kurituri tat-trasport multimodali u nodi tat-trasport. B’riżultat ta’ dan, l-iżvilupp ta’ infrastruttura tat-trasport b’użu doppju permezz ta’ kofinanzjament mill-istrument ta’ finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) jibqa’ pilastru essenzjali ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni.

    F’konformità mal-Boxxla Strateġika, l-UE se tkompli ssaħħaħ l-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju fin-network trans-Ewropew tat-trasport sabiex tippromwovi moviment rapidu u mingħajr xkiel ta’ persunal, materjal u tagħmir militari għall-iskjerament u l-eżerċizzji operazzjonali, filwaqt li se taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib man-NATO u ma’ sħab oħrajn.

    Waħda mill-azzjonijiet implimentati fl-ambitu tal-ewwel pjan ta’ azzjoni tal-mobbiltà militari kienet li jiġu kkofinanzjati proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport b’użu doppju li jinsabu kemm fuq in-network militari tal-UE kif ukoll fuq in-network tat-TEN-T. It-TEN-T attwali, li ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill Ewropew fl-2013, jinkludi b’mod partikolari t-toroq, il-ferroviji, il-portijiet u l-ajruporti fl-Unjoni Ewropea. Fl-2019, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) wettqu analiżi tal-lakuni sabiex iqabblu t-TEN-T u n-network militari tal-UE. Barra minn hekk, l-analiżi tal-lakuni tal-2019 qabblet ir-rekwiżiti militari għall-infrastruttura tat-trasport mar-rekwiżiti tekniċi għall-infrastruttura tat-trasport TEN-T. Għat-tqabbil bejn in-network militari tal-Istati Membri u t-TEN-T, kien hemm trikkib ta’ 93 % bejn iż-żewġ networks. Dan ifisser li l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport itejbu direttament il-mobbiltà militari. L-objettiv huwa li sal-2030 jitwettaq in-network ewlieni tan-network trans-Ewropew tat-trasport.

    Fl-14 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi r-Regolament TEN-T tal-2013. B’mod partikolari pproponiet li testendi l-kurituri tan-network ewlieni għas-sħab tal-Balkani tal-Punent. Meta rrevediet ir-Regolament TEN-T, il-Kummissjoni inkludiet toroq u sezzjonijiet ferrovjarji addizzjonali fin-network ġeografiku eżistenti sabiex jitnaqqsu l-lakuni man-network militari. L-għan kien li jissaħħu s-sinerġiji bejn l-użu tas-setturi ċivili u militari tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li żżid diversi standards tekniċi għall-infrastruttura tat-TEN-T. Dan se jkun ta’ benefiċċju dirett għall-movimenti ta’ truppi u materjal militari, u b’hekk titrawwem il-mobbiltà militari fl-UE u lil hinn minnha. Fis-27 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni adottat proposta emendata tat-TEN-T sabiex tirrifletti l-kuntest ġeopolitiku l-ġdid wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Qiegħed jiġi propost li erba’ Kurituri Ewropej tat-Trasport jiġu estiżi għall-Ukrajna u għar-Repubblika tal-Moldova sabiex itejbu l-konnessjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab ġirien tagħha. Il-proposta tal-Kummissjoni tindirizza wkoll il-kwistjoni ta’ gauges differenti tal-binarji ferrovjarji użati fl-Ukrajna, fil-Moldova u f’ċerti Stati Membri (l-Istati Baltiċi, il-Finlandja, il-Peniżola Iberika), li xxekkel l-interoperabbiltà ferrovjarja u, għalhekk, ir-reżiljenza tan-network. Il-Kummissjoni pproponiet miżuri għal migrazzjoni progressiva tal-linji ferrovjarji għall-binarji standard Ewropej. 10

    Il-mapep li ġejjin juru n-networks TEN-T attwali għat-toroq, għall-ferroviji, għall-portijiet u għall-ajruporti fl-Unjoni Ewropea (ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013).



    Huma meħtieġa wkoll sforzi ulterjuri sabiex jiġu identifikati l-lakuni u l-konġestjonijiet fl-infrastruttura fiżika tat-trasport fl-Istati Membri. Sa issa, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE (inkluż il-Persunal Militari tal-UE) ħadmu sabiex inaqqsu l-lakuni bejn it-TEN-T u n-networks militari tal-UE fir-reviżjoni tat-TEN-T u billi jiżguraw fondi fil-mobbiltà militari tal-FNE sabiex jappoġġaw proġetti b’użu doppju. L-isforzi issa għandhom jiffokaw fuq l-iżgurar li l-infrastruttura tkun tista’ tintuża bl-aktar mod effettiv meta l-forzi militari jkollhom jiċċaqilqu. L-objettiv huwa li tiżdied il-kapaċità tal-infrastruttura u li jiġi ottimizzat l-użu tagħha, kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll militari. Dan jirrikjedi reżiljenza għolja tal-infrastruttura, l-appoġġ tat-teknoloġiji u l-aċċess għall-enerġija, li jippermettu lill-forzi militari jċaqilqu kapaċità sostanzjali fi żmien qasir ħafna.

    Għalhekk, ir-Rekwiżiti Militari fl-UE u lil hinn minnha jeħtieġ li jiġu aġġornati sabiex jippermettu allinjament ulterjuri tal-istandards għan-network trans-Ewropew tat-trasport u n-network tat-trasport militari tal-UE. Bħala parti minn dan l-aġġornament, l-ambitu tar-Rekwiżiti Militari għandu jitwessa’ sabiex ikopri Infrastruttura tal-Katina tal-Provvista tal-Fjuwil. Meta forzi fuq skala kbira jiġu mċaqilqa fuq distanza twila fi żminijiet ta’ kriżi, huwa essenzjali li jkun hemm provvista sigura ta’ fjuwil disponibbli tul it-triq. Barra minn hekk, filwaqt li t-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa timxi ’l quddiem, hemm interess ġeostrateġiku fl-iżgurar li l-forzi fuq skala kbira jkunu inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili. Barra minn hekk, ir-Rekwiżiti Militari għandhom jindirizzaw ukoll l-infrastrutturi u s-sistemi għal aċċess effettiv għall-ispazju tal-ajru u l-użu tas-sistemi tan-navigazzjoni bl-ajru. Żieda ulterjuri fil-kapaċità tat-TEN-T tirrikjedi wkoll l-esplorazzjoni ta’ rabtiet mal-iżvilupp ta’ ċentri loġistiċi.

    Hemm bżonn li jiġi identifikat sa liema punt in-network tat-trasport militari tal-UE prattikament jissodisfa r-Rekwiżiti Militari għall-infrastruttura. Filwaqt li tibni fuq l-Analiżi tal-Lakuni bejn ir-rekwiżiti ċivili u militari (ippreżentata għall-ewwel darba fl-2019 u mbagħad aġġornata fl-2020), jeħtieġ li ssir valutazzjoni dwar sa liema punt l-infrastruttura fiżika tissodisfa r-rekwiżiti militari. Valutazzjoni bħal din tippermetti li jiġi identifikat f’liema reġjuni hemm lakuni, u x’tipi ta’ lakuni, f’konsultazzjoni man-NATO kif xieraq. Imbagħad ikun aktar faċli li tingħata prijorità lill-iżvilupp u lill-finanzjament tal-infrastruttura fil-livell tal-UE sabiex jitħaffef l-iżvilupp ta’ infrastruttura b’użu doppju u tiġi żgurata r-reżiljenza tan-network tat-trasport. Tali miżuri se jgħinu sabiex tinħoloq konnessjoni mingħajr xkiel tal-imħażen loġistiċi militari u tal-infrastruttura man-network tat-trasport madwar l-UE. L-infrastruttura li tiżgura l-iskjerament rapidu tal-forzi militari se tkun ta’ benefiċċju dirett ukoll għall-użi ċivili, pereżempju kapaċità ġdida tal-infrastruttura li tista’ tintuża mill-Istati Membri li jgħinu lil xulxin b’mod reċiproku għal interventi urġenti sabiex jiġu miġġielda n-nirien mhux ikkontrollati.

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-koerenza u r-rabtiet bejn l-attivitajiet tal-Istati Membri — inkluż permezz tal-proġetti rilevanti differenti tal-PESCO, b’mod partikolari dwar il-Mobbiltà Militari u ċ-Ċentri Loġistiċi — u l-linji ta’ ħidma fil-livell tal-UE fil-firxa sħiħa ta’ suġġetti, jista’ jiġi stabbilit avveniment annwali sabiex jitlaqqgħu flimkien partijiet ikkonċernati differenti mill-istituzzjonijiet tal-UE, proġetti tal-PESCO u sħab rilevanti bħan-NATO. L-ewwel avveniment jista’ jseħħ fit-tieni nofs tal-2023.

    Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:

    ·Sa tmiem l-2022, is-SEAE (inkluż l-EUMS) f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, mas-servizzi tal-Kummissjoni u mal-EDA, se jaġġorna r-Rekwiżiti Militari fl-UE u lil hinn minnha. Ir-Rekwiżiti Militari se jiġu estiżi sabiex ikopru l-Infrastruttura tal-Katina tal-Provvista tal-Fjuwil u jinkludu l-użu doppju tas-sistemi u tal-infrastrutturi tal-komunikazzjoni, tal-ġestjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza tat-traffiku tal-ajru, li jippermettu aċċess effettiv għall-ispazju tal-ajru u għall-użu tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru 11 . Il-koerenza man-NATO se tkompli tiġi żgurata kif xieraq.

    ·Is-servizzi tal-EDA u tal-Kummissjoni se jkomplu l-kooperazzjoni tagħhom fl-iżgurar tal-aċċess għas-servizzi tal-ispazju tal-ajru u tan-navigazzjoni bl-ajru għall-avjazzjoni ċivili u militari fil-kuntest tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) u r-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (SESAR) relatata.

    ·Sa nofs l-2023, is-servizzi tal-Kummissjoni flimkien mas-SEAE se jwettqu studju sabiex jidentifikaw il-possibbiltajiet ta’ movimenti b’avviż qasir u fuq skala kbira sabiex itejbu r-reżiljenza tal-fjuwil, l-ippjanar tal-infrastruttura fit-tul u l-aħjar użu ta’ din l-infrastruttura. L-istudju se jinkludi analiżi sa liema punt in-network fiżiku tat-trasport militari tal-UE jissodisfa r-rekwiżiti tal-infrastruttura kif identifikati fir-Rekwiżiti Militari, f’konsultazzjoni man-NATO kif xieraq. Abbażi tal-kontribut mill-awtoritajiet nazzjonali, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE se janalizzaw il-lakuni possibbli u se jissuġġerixxu azzjonijiet sabiex jindirizzawhom.

    ·Sas-sajf tal-2023, is-SEAE, f’konsultazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni u mal-EDA, se jaħdem ma’ Stat Membru li jkun lest sabiex jorganizza l-ewwel avveniment annwali dwar il-mobbiltà militari li jġib approċċ sħiħ tal-Gvern mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

    ·Kif indikat fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur, il-Kummissjoni, fi ħdan ir-rieżami ġenerali tal-prijoritajiet fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), se tqis it-tisħiħ tal-baġit tal-mobbiltà militari permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa sabiex timplimenta proġetti infrastrutturali b’użu doppju fil-limiti stabbiliti mill-QFP.

    L-Istati Membri tal-UE huma mistiedna:

    ·Iżommu u jiżviluppaw in-network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-mobbiltà militari.

    ·Jiżviluppaw u jissottomettu proposti għal proġetti infrastrutturali b’użu doppju fl-oqsma kollha tat-trasport li jtejbu l-mobbiltà militari f’konformità mal-FNE u l-prijoritajiet iddikjarati tagħha b’enfasi partikolari fuq l-azzjonijiet tat-trasport li fl-istess ħin jindirizzaw l-azzjoni klimatika, inklużi proġetti sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija.

    ·Jikkontribwixxu għall-aġġornament tar-Rekwiżiti Militari għall-Mobbiltà Militari fl-UE u lil hinn minnha u jippreżentaw proposti għal oqsma ġodda li għandhom jiġu inklużi.

    ·Sa nofs l-2023, jippreżentaw lis-servizzi tal-Kummissjoni u lis-SEAE bil-valutazzjonijiet nazzjonali tagħhom tal-kapaċità tan-networks fiżiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-infrastruttura identifikati fir-Rekwiżiti Militari, sabiex jikkontribwixxu għall-istudju msemmi hawn fuq.

    ·Ifittxu sinerġiji dwar l-effiċjenza enerġetika fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom sabiex iħejju l-forzi armati għat-tibdil fil-klima qabel tmiem l-2023, kif mitlub fil-Boxxla Strateġika.

    3.2    Miżuri ta’ Appoġġ Regolatorju

    Il-proċeduri armonizzati u t-tneħħija tal-ostakli proċedurali se jiffaċilitaw il-moviment militari rapidu. Tali miżuri għandhom jirrispettaw is-sovranità tal-Istati Membri tal-UE fuq it-territorju nazzjonali tagħhom u l-proċessi nazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-ħidma li jmiss għandha tiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-ikkomplementar tad-diversi linji ta’ ħidma mnedija mill-2018 bil-għan li jgħinu lill-Istati Membri jissodisfaw il-“wegħda tal-mobbiltà militari” tagħhom tal-2018 12 .

    3.2.1    Permessi għal moviment transfruntier

    Sabiex tgħin fil-moviment ta’ persunal u assi militari, l-UE ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri bl-użu ta’ modalitajiet differenti ta’ trasport. Il-programm tal-EDA dwar “l-Ottimizzazzjoni tal-Proċeduri tal-Permess għall-Moviment Transfruntier fl-Ewropa” (CBMP) ġie stabbilit sabiex jarmonizza u jissimplifika l-proċeduri tal-moviment transfruntier, filwaqt li jiġu indirizzati kemm kwistjonijiet regolatorji kif ukoll proċedurali. F’Novembru 2021, ġew iffirmati żewġ Arranġamenti Tekniċi, wieħed għas-superfiċe 13 u ieħor għall-qasam tal-ajru 14 . Dawn l-arranġamenti jispeċifikaw il-proċeduri li jridu jiġu segwiti għall-moviment matul iż-żminijiet ta’ kriżi, it-tħejjija għall-kriżijiet, it-taħriġ u ta’ kuljum.

    F’ċerti każijiet, l-Istati Membri għad iridu jintegraw dawn l-arranġamenti fil-proċessi nazzjonali. L-EDA bħalissa qiegħda tiffaċilita l-implimentazzjoni tagħhom, anke permezz tan-network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (NPOC) stabbilit mill-proġett tal-Mobbiltà Militari tal-PESCO. Dan se jqassar il-proċessi tal-permess għall-moviment u b’hekk jgħin lill-Istati Membri parteċipanti jilħqu l-għan miftiehem li jwieġbu fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol. L-EDA bdiet taħdem ukoll sabiex tiżviluppa t-tielet arranġament ta’ permess għall-moviment transfruntier fid-dominju marittimu.

    3.2.2    Id-Dwana

    F’Lulju 2020, daħlu fis-seħħ emendi legali 15 sabiex jissimplifikaw il-formalitajiet doganali għall-oġġetti militari u sabiex jistabbilixxu qafas legali għall-Formola 302 tal-UE 16 .

    L-Arranġament tal-Programm tal-Kategorija A tal-EDA “Armonizzazzjoni tar-Rekwiżiti Militari Relatati mad-Dwana” ġie ffirmat f’Mejju 2021 minn 23 Stat Membru kontribwenti flimkien man-Norveġja. Dan għandu l-għan li jiddiġitalizza l-attivitajiet doganali relatati mal-militar u li jagħmel is-sett tad-data li jirriżulta disponibbli għall-iskambju mal-awtoritajiet doganali ċivili. Sal-lum, il-ħidma ffokat fuq l-ewwel objettiv tal-programm, li huwa valutazzjoni tal-ħtiġijiet, il-gwadanji u r-riskji għall-iżvilupp ta’ sistema doganali militari użata mill-Istati Membri kontribwenti. Dawn tal-aħħar, appoġġati mill-EDA, qegħdin jaħdmu f’koordinazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżguraw il-konformità mal-proċeduri doganali kif deskritti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU). Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni se jipprovdu l-bażi għall-passi li jmiss, b’mod partikolari sabiex jiġu ddefiniti l-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti għad-diġitalizzazzjoni tad-dwana militari, inklużi b’mod partikolari t-tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-forzi doganali u militari.

    Il-Kummissjoni se taħdem, jekk ikun meħtieġ, fuq l-emendi legali u fuq il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-sistema diġitali għall-iskambju sigur u rapidu ta’ informazzjoni relatata mal-mobbiltà militari sabiex jiġi żgurat li jkun hemm qafas legali li jkopri l-użu tas-Sistema mill-Istati Membri u li s-Sistema tkun allinjata mal-proċeduri doganali kif stabbiliti fil-Leġiżlazzjoni Doganali tal-UE.

    3.2.3    Id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi amministrattivi

    Kif stabbilit hawn fuq, skont il-programm ta’ ħidma annwali tal-2021, il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) kien jinkludi proposta għall-iżvilupp ta’ sistema diġitali għall-iskambju rapidu u sigur ta’ informazzjoni relatata mal-mobbiltà militari. Konsorzju li jikkonsisti minn kumpaniji minn disa’ Stati Membri flimkien ma’ pajjiż sieħeb wieħed 17 intgħażel minn qabel sabiex jirċievi finanzjament għall-iżvilupp ta’ din is-sistema diġitali, li tista’ tkun disponibbli f’nofs l-2025.

    Il-Kummissjoni se tgħin lill-kuntrattur li se jiżviluppa s-sistema u se tiżgura l-użu tagħha mill-Istati Membri kollha.

    3.2.4    Loġistika msaħħa

    Il-loġistika msaħħa hija faċilitatur kritiku fl-oqsma operazzjonali kollha tal-Forzi Armati tal-Istati Membri. Is-sistemi u l-proċessi loġistiċi nazzjonali eteroġeni mfassla għall-ħtiġijiet individwali huma sfida kbira għall-koerenza tax-xenarju tal-kapaċità Ewropew. Għalhekk, l-EDA qiegħda tappoġġa l-iżvilupp ta’ standards komuni għal network tal-IT tal-loġistika madwar l-UE, 18 f’konformità mal-Prijorità rispettiva tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE u ma’ linja ta’ ħidma speċifika tal-qasam ta’ prijorità ta’ CARD, il-Mobbiltà Militari Msaħħa. Tali network tal-IT jippermetti ġestjoni effettiva tal-istokkijiet u tal-provvisti, inkluża ġestjoni kooperattiva tal-imħażen u kapaċità ta’ Traċċar u Rintraċċar sabiex tittejjeb is-sensibilizzazzjoni dwar il-katina loġistika tal-provvista.

    Barra minn hekk, għandhom jiġu żviluppati standards komuni għal soluzzjonijiet tal-Manifattura Addittiva (MA) militari, sabiex tiġi sfruttata t-teknoloġija, li tista’ potenzjalment tiżgura movimenti militari rapidi billi titħaffef il-provvista ta’ spare parts fil-katina tal-provvista loġistika. Barra minn hekk, l-MA bħala teknoloġija ewlenija tikkontribwixxi kemm għas-sostenibbiltà kif ukoll għall-kompetittività industrijali. Fl-aħħar nett, it-tnaqqis tal-impronta loġistika — bħall-provvista (mill-ġdid) meħtieġa, il-manutenzjoni, u loġistika oħra meħtieġa meta tiċċaqlaq unità u/jew materjal militari — jillibera l-kapaċitajiet u r-riżorsi, u b’hekk jagħmel il-movimenti militari aktar effiċjenti u aktar rapidi. Pereżempju, l-ispezzjoni u l-manutenzjoni ta’ tagħmir użat b’mod reċiproku u ċ-ċertifikazzjoni ta’ tagħmir militari, bħal munizzjon, jistgħu jsiru b’mod kollaborattiv jew fuq il-post jew f’ċentri loġistiċi, bl-użu ta’ standards eżistenti. Appoġġ Imsaħħaħ min-Nazzjonijiet Ospitanti jew forom oħrajn ta’ kooperazzjoni multinazzjonali jistgħu jgħinu sabiex titnaqqas l-impronta loġistika f’dan ir-rigward.

    Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:

    ·Sal-2024, l-EDA se tappoġġa lill-Istati Membri parteċipanti sabiex jimplimentaw bis-sħiħ l-arranġamenti tekniċi għall-proċeduri ta’ permessi għal moviment transfruntier tas-superfiċe u tal-ajru billi timmonitorja l-użu tagħhom kif ukoll billi tidentifika u ssolvi l-konġestjonijiet u l-ostakli; tidentifika oqsma mhux koperti fl-Arranġamenti Tekniċi ffirmati u ttejjeb il-kontenut tagħhom; u tiżviluppa Arranġament Tekniku għad-dominju marittimu.

    ·Sal-aħħar tal-2024, l-EDA se tivvaluta kif se żżid is-sinerġiji bejn il-ħidma mwettqa mill-proġett tal-PESCO “Mobbiltà Militari” u l-proġett tal-PESCO “Network ta’ LogHubs fl-Ewropa u Appoġġ għall-Operazzjonijiet”.

    ·Il-Kummissjoni se tidentifika suġġetti fl-ambitu tal-Fond Ewropew għad-Difiża fi programmi ta’ ħidma annwali futuri li se jsaħħu l-Mobbiltà Militari meta dawn ikunu f’konformità mal-objettivi u mal-kriterji tal-EDF.

    ·Il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżvilupp tas-sistema diġitali għall-iskambju sigur u rapidu ta’ informazzjoni dwar il-mobbiltà militari u, jekk ikun meħtieġ, se tħejji emendi legali għal-Leġiżlazzjoni Doganali tal-UE sabiex tiżgura li jkun hemm qafas legali għall-użu tas-Sistema mill-Istati Membri u li s-Sistema tkun allinjata mal-proċeduri doganali kif stabbilit fil-Leġiżlazzjoni Doganali tal-UE.

    ·Sal-2024, l-EDA se telabora kunċett għal network tal-IT tal-loġistika madwar l-UE kollha sabiex tippermetti l-iskambju ta’ data loġistika fost diversi parteċipanti. Sal-2023, l-EDA se tippreżenta s-sejbiet ta’ studju dwar l-immappjar tas-sistemi tal-IT tal-loġistika nazzjonali u kummerċjali, inkluż is-software tat-Traċċar u r-Rintraċċar u tal-Ippjanar tar-Riżorsi għall-Intrapriżi (ERP), li se jservu bħala bażi sabiex jinbdew aktar azzjonijiet.

    ·Sal-2024, l-EDA se tiddefinixxi l-ewwel pakkett ta’ standards komuni sabiex tippromwovi l-użu militari ta’ soluzzjonijiet ta’ Manifattura Addittiva b’mod interoperabbli.

    L-Istati Membri tal-UE huma mistiedna:

    ·Sa tmiem l-2023, jilħqu l-objettiv massimu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol għall-proċeduri ta’ qsim tal-fruntieri bħala parti mill-“wegħda” tal-mobbiltà militari miftiehma mill-Kunsill f’Ġunju 2018 u jesploraw il-possibbiltà li ż-żmien jitnaqqas għal tlett ijiem tax-xogħol għall-unitajiet ta’ reazzjoni rapida, bil-ħsieb ta’ possibbiltà ta’ aġġustament għall-“wegħda”.

    ·Jipparteċipaw fid-data meħtieġa għall-istudji rilevanti mwettqa fil-livell tal-UE u jipprovduha.

    ·Jappoġġaw b’mod attiv l-iżvilupp ta’ Arranġament Tekniku għall-Permessi ta’ Moviment Transfruntier għad-dominju marittimu.

    3.3    Reżiljenza u Tħejjija

    Network ta’ mobbiltà militari li jiffunzjona tajjeb jeħtieġ li jkun reżiljenti, inkluż fil-kuntest taċ-ċibersigurtà, tat-tibdil fil-klima u ta’ theddid ibridu ieħor li jista’ jkollu fil-mira tiegħu nodi kritiċi fis-sistema tat-trasport użata mill-militar. Pereżempju, attakk ċibernetiku fuq sistemi użati fl-ajruporti, fil-portijiet jew fil-ferroviji jew attakk ċibernetiku fuq assi militari jista’ jkollu konsegwenzi kbar. Għalhekk, id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi u tal-proċeduri, inkluż għall-kooperazzjoni ċivili u militari meħtieġa, se tirrikjedi li jissaħħu s-sistemi tas-CIS/tal-IT kontra t-theddid ċibernetiku. L-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu azzjoni f’dak ir-rigward, billi jibnu fuq il-ħidma tal-EDA. Barra minn hekk, lil hinn mill-iżgurar tal-prerekwiżiti għall-mobbiltà militari, l-Istati Membri għandhom isaħħu l-mobbiltà u l-iskjerament tal-forzi armati tagħhom, sabiex jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jibbażaw fuq l-infrastruttura u fuq il-kapaċitajiet tat-trasport kemm ċivili kif ukoll militari fi żminijiet ta’ kriżi.

    3.3.1    Kapaċitajiet strateġiċi tat-trasport

    Il-kapaċitajiet strateġiċi tat-trasport huma kritiċi sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiskjeraw il-forzi u t-tagħmir tagħhom malajr fl-UE u lil hinn minnha. L-ewwel Rieżami Annwali Kkoordinat dwar ir-Rapport tad-Difiża, approvat mill-Ministri għad-Difiża tal-UE f’Novembru 2020 19 , jinkludi l-“Mobbiltà Militari Msaħħa” bħala wieħed mill-oqsma ta’ prijorità tiegħu. Dan jenfasizza l-ħtieġa ta’ titjib fir-reżiljenza, fil-kapaċitajiet strateġiċi ta’ trasport u fil-loġistika, filwaqt li jqis it-theddid ibridu għall-movimenti militari, u jressaq suġġerimenti sabiex dan it-theddid jiġi indirizzat b’mod olistiku.

    F’konformità mal-qasam ta’ prijorità tal-Mobbiltà Militari Msaħħa, l-UE jeħtieġ li tidentifika u tindirizza l-lakuni u d-defiċits fil-kapaċità loġistika tagħna, inklużi l-kapaċitajiet tal-art (anke l-passaġġi fuq l-ilma interni), tal-baħar u tat-trasport bl-ajru, meħtieġa għal moviment effettiv u effiċjenti ta’ forzi fuq skala kbira. F’dan ir-rigward, huma meħtieġa kapaċitajiet tat-trasport bl-ajru Ewropej imtejba fil-qasam kritiku ta’ merkanzija ta’ daqs eċċessiv jew speċjalizzata (eż. it-trasport ta’ munizzjon). Il-qafas tal-EDA jista’ jappoġġa fl-adattament ta’ assi ta’ merkanzija ċivili b’daqs eċċessiv għal skop militari, u b’hekk jiġu mmassimizzati s-sinerġiji ċivili-militari u jitqiesu l-attivitajiet tal-Proġett tal-PESCO “Trasport Strateġiku bl-Ajru għal Tagħbija Akbar min-Normal (SATOC)” 20 . Barra minn hekk, għandhom jiġu identifikati r-rekwiżiti possibbli għall-assi tat-trasport bil-baħar u t-trasport speċjalizzat bil-ferrovija.

    Sabiex tagħmel l-aħjar użu mill-kapaċitajiet tat-trasport bl-ajru, l-UE għandha ssaħħaħ il-koordinazzjoni tal-kapaċità tal-moviment, inkluż billi tikkoordina mal-istrutturi differenti ta’ koordinazzjoni tal-moviment multinazzjonali fl-Ewropa 21 . Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ rabtiet bejn is-SEAE u l-EDA u strutturi bħal dawn, sabiex jiġu indirizzati talbiet konkreti u jiġu kkoordinati sfidi loġistiċi usa’.

    Fl-aħħar nett, it-tagħlimiet meħuda mill-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna juru l-kapaċità limitata tas-settur ċivili sabiex jissodisfa d-domanda urġenti u possibbilment fuq skala kbira tal-militar fi żminijiet ta’ kriżi. Sabiex jingħeleb il-prinċipju ta’ “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel”, jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ emerġenza sabiex jiġi żgurat li, meta kriżi tas-sigurtà tiġi rikonoxxuta fil-livell tal-UE, il-militar ikun jista’ jingħata aċċess prijoritarju għall-infrastruttura, għall-kapaċitajiet jew għar-rotot tat-trasport — pereżempju l-bini fuq kuntratti qafas u passi prattiċi oħrajn għat-tħejjija għal sitwazzjonijiet bħal dawn u b’rispett sħiħ tas-sovranità tal-Istati Membri tal-UE fuq it-territorju nazzjonali tagħhom u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-movimenti militari. F’dan il-kuntest ukoll, meta possibbli, id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili għandha titnaqqas. B’dan ir-raġunament, l-UE tista’ tivvaluta l-possibbiltajiet sabiex tiżgura l-aċċess għal kapaċitajiet strateġiċi ta’ trasport, pereżempju permezz ta’ kuntratti qafas ma’ fornituri ċivili, inkluż għal użu doppju f’xenarji ta’ għajnuna f’diżastri (eż. għall-infrastruttura medika u ta’ dekontaminazzjoni ta’ CBRN tal-bastimenti). Sabiex jiġu żgurati biżżejjed kapaċitajiet ta’ trasport, l-allinjament mas-sħab ċivili huwa kruċjali, l-ewwel nett bl-immappjar tal-atturi ċivili rilevanti kollha għal kull modalità ta’ trasport.

    3.3.2    Eżerċizzji

    L-eżerċizzji f’formati differenti huma indispensabbli sabiex jittestjaw it-titjib infrastrutturali u proċedurali tagħna, filwaqt li jidentifikaw l-ostakli u l-konġestjonijiet li jkun fadal. F’Jannar 2021, ġiet organizzata diskussjoni bbażata fuq ix-xenarji dwar il-mobbiltà militari bħala avveniment parallel għall-Integrated Resolve tal-Eżerċizzju ta’ Ġestjoni ta’ Kriżijiet tal-UE tal-2020 22 . Għandna nkomplu dawn l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni u ninjettaw objettivi ta’ mobbiltà militari f’“eżerċizzji reali”, inklużi dawk proposti fil-kuntest tal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu mressqa fil-Boxxla Strateġika, jew billi nipparteċipaw f’eżerċizzji multinazzjonali oħrajn inkluż fil-kuntest tan-NATO kif xieraq.

    3.3.3    Il-protezzjoni mir-riskji għas-sigurtà fis-settur tat-trasport

    Il-vulnerabbiltajiet dejjem akbar fis-sistema tat-trasport militari tagħna jistgħu jiġu sfruttati sabiex ifixklu l-mobbiltà militari. Għalhekk hemm ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata r-reżiljenza tan-network li qegħdin nistabbilixxu, sabiex dan jiġi protett mit-theddid ibridu u minn theddid ieħor, inkluż fir-rigward tas-settur tat-trasport ċivili u kummerċjali. Ħidma ulterjuri f’dan il-qasam se tibbenefika mill-azzjonijiet li għaddejjin sabiex jiġi miġġieled it-theddid ibridu 23 u fuq il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, inkluż fid-dawl tal-Proposta reċenti għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat mill-Unjoni sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika (2022/0338 (NLE)) 24 .

    B’mod partikolari, l-UE għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

    ·Li tissaħħaħ ir-reżiljenza fiżika kontra t-theddid naturali u kkawżat mill-bniedem ta’ dawk l-entitajiet li jipprovdu servizzi essenzjali fis-settur tat-trasport. Dan jinkludi l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi 25 (id-Direttiva tas-CER) fis-settur tat-trasport kif ukoll l-iffaċilitar tal-adozzjoni rapida u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat mill-Unjoni sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika, fejn it-trasport huwa wieħed mis-setturi ewlenin 26 ..

    ·Iċ-ċibersigurtà tas-settur tat-trasport ċivili u tas-sistemi ta’ appoġġ tiegħu, inklużi s-sistemi ta’ kontroll tat-traffiku (l-ajru, il-ferrovija, it-trasport bil-baħar), is-sistemi ta’ ġestjoni tat-terminal tal-kontejners, is-sistemi ta’ kontroll għas-siġilli, il-pontijiet, il-mini, eċċ. Dan jinkludi l-aċċellerazzjoni tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tad-Direttiva riveduta adottata reċentement dwar Miżuri li jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (id-Direttiva NIS2) 27 fis-settur tat-trasport u l-ħidma li saret fuq il-linji bażi tar-reżiljenza fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu. F’każ ta’ kriżi taċ-ċibersigurtà, huwa essenzjali li jiġi żgurat skambju xieraq tal-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-akbar għarfien possibbli tas-sitwazzjoni fost is-setturi tat-trasport militari u ċivili. Dan għandu jinkludi wkoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet settorjali rilevanti responsabbli għat-trasport, l-awtoritajiet kompetenti taċ-ċibersigurtà u s-CSIRTS, u, f’konformità mal-kompiti tagħha kif previst fid-Direttiva NIS2, permezz tan-Network Ewropew ta’ Organizzazzjoni ta’ Kollegament f’każ ta’ Ċiberkriżijiet (EU – CyCLONe). Għandhom jiġu esplorati sinerġiji mat-TEN-T 28 . L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jagħmlu użu mill-programm ta’ appoġġ għal perjodu qasir tal-Kummissjoni implimentat mal-ENISA sabiex iżidu t-tħejjija tal-entitajiet essenzjali fis-settur tat-trasport, pereżempju permezz ta’ ttestjar tal-penetrazzjoni.

    ·L-Investimenti Diretti Barranin minn entitajiet mhux tal-UE f’infrastrutturi u f’operazzjonijiet tat-trasport fl-UE li huma kritiċi wkoll għat-trasport militari jistgħu jirrappreżentaw riskju għas-sigurtà għall-UE u għall-Istati Membri tagħha. L-Investiment Dirett Barrani (FDI - Foreign Direct Investment) minn pajjiżi terzi f’infrastruttura b’użu doppju fl-UE jista’ joħloq riskji għas-sigurtà u għall-ordni pubbliku tagħha. Dan huwa partikolarment il-każ meta pajjiżi terzi jużaw miżuri finanzjarji sabiex ikollhom impatt negattiv fuq il-konnettività, jew meta ssir disponibbli intelligence sensittiva għal investituri ta’ pajjiżi terzi. Trikkib qawwi bejn l-infrastruttura ċivili u militari jfisser vulnerabbiltà addizzjonali fil-kuntest tal-FDI. Investimenti bħal dawn se jiġu varati bir-reqqa fil-qafas tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI 29 u tat-TEN-T 30 .

    ·L-impatt tat-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika fuq ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-enerġija tal-infrastruttura u l-kapaċitajiet tat-trasport militari tal-Istati Membri tal-UE. Iż-żieda fil-livelli tal-baħar u avvenimenti tat-temp aktar estremi jżidu rekwiżiti ġodda għall-installazzjonijiet militari filwaqt li t-tnaqqis tad-dipendenza mill-fjuwils fossili fit-trasport militari għandha wkoll implikazzjonijiet għas-sigurtà u d-disponibbiltà ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u teknoloġiji relatati 31 . Din il-ħidma se tibbaża fuq ir-riżultati rilevanti tal-Forum ta’ Konsultazzjoni għall-Enerġija Sostenibbli fis-Settur tad-Difiża u s-Sigurtà (CF SEDSS), inklużi studji ta’ riċerka dwar l-adattabbiltà għat-tibdil fil-klima u l-impatt tat-theddid ibridu fuq id-difiża, u se tidentifika opportunitajiet għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport militari, pereżempju l-idroġenu.

    Ir-reżiljenza tista’ tissaħħaħ ukoll billi jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ konfigurazzjonijiet ċivili u militari tal-mudelli tal-inġenji tal-ajru sabiex jirrikonoxxu b’mod reċiproku l-ispare parts tagħhom. Bħalissa, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) tiċċertifika l-inġenji tal-ajru ċivili u l-komponenti tagħhom użati għall-manutenzjoni u għat-tiswijiet, filwaqt li l-inġenji tal-ajru militari u l-komponenti tagħhom huma ċċertifikati mill-Istati Membri minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali. Dan l-approċċ jikkawża d-duplikazzjoni: l-inġenji tal-ajru militari għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw l-ispare parts tagħhom ma’ dawk ċertifikati għall-użu ċivili jekk ikunu identiċi. Mingħajr ma jinbidlu l-kompetenzi tal-EASA jew tal-Istati Membri, jista’ jiġi previst mekkaniżmu ġdid sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri taċ-ċertifikazzjoni u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru billi l-komponenti u l-partijiet ċertifikati mill-EASA jkunu jistgħu jinġabru għall-użu konġunt mill-operaturi militari u ċivili, u b’hekk jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-kostijiet tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru militari filwaqt li fl-istess ħin tiżdied is-sikurezza tat-titjiriet. Għandu jitnieda studju pilota sabiex jiġu identifikati sinerġiji bejn iż-żewġ mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet fil-qasam tal-ajru jiddependu ħafna fuq l-iskambju u fuq il-kondiviżjoni b’mod effettiv tad-data diġitali fost il-partijiet ikkonċernati u l-operaturi ċivili u militari rilevanti.

    Dan jitlob sforz ċivili-militari konġunt sabiex jiġi żgurat network reżiljenti u robust ta’ kondiviżjoni tad-data b’livell għoli ta’ ċibersigurtà.

    3.3.4. Soluzzjonijiet ibbażati fl-ispazju għall-mobbiltà militari

    Il-komunikazzjoni sigura tan-navigazzjoni attwali u futura bbażata fl-ispazju (Galileo/EGNOS) u l-Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus) għandhom il-potenzjal li jkunu ta’ benefiċċju sinifikanti għall-mobbiltà militari. Għandna nivvalutaw kif nistgħu nużaw dan il-potenzjal.

    Is-Servizz Pubbliku Regolat (PRS - Public Regulated Service) huwa l-aktar servizz sigur ta’ navigazzjoni ta’ Galileo xieraq għal applikazzjonijiet governattivi li jridu jkunu affidabbli anke f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, ekwivalenti għall-Kodiċi M tal-GPS. Il-PRS Galileo jista’ jġib benefiċċji diretti għall-mobbiltà militari billi jipprovdi informazzjoni sigura u akkurata bla interruzzjoni dwar il-Pożizzjonament, Navigazzjoni u Sinkronizzazzjoni f’ambjenti kkontestati, jissodisfa l-ħtiġijiet operazzjonali kritiċi fil-post tal-operazzjonijiet, u jikkontribwixxi għal teħid ta’ deċiżjonijiet u għal kmand u kontroll informati.

    Is-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), anke jekk mhijiex imfassla sabiex topera f’żona ta’ kunflitt, tista’ toffri benefiċċji operazzjonali importanti għall-operazzjonijiet loġistiċi u tat-trasport. F’kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, tista’ tippermetti aċċess sigur għall-bażijiet tal-ajru u għall-ajruporti reġjonali li ma jkollhomx mezzi oħrajn.

    Il-Programm il-ġdid tal-Unjoni għall-Konnettività Sigura, li għalih il-Kummissjoni pproponiet Regolament fil-15 ta’ Frar 2022, għandu l-għan li jiżgura aċċess madwar id-dinja għal servizzi governattivi siguri ta’ komunikazzjoni bis-satellita. F’dan il-kuntest ġew studjati firxa ta’ każijiet ta’ użu, inkluż dwar il-ġestjoni tat-traffiku u l-missjonijiet militari. Minn din l-analiżi, huwa ċar li l-konnettività sigura qiegħda ssir dejjem aktar assi strateġiku għall-użu ta’ vetturi u inġenji tal-ajru awtonomi. Il-mobbiltà militari jeħtieġ li titqies kif xieraq fid-definizzjoni tal-portafoll tas-servizzi tas-sistema ta’ konnettività sigura.

    Il-programm ta’ osservazzjoni tad-Dinja tal-UE Copernicus joffri servizzi ta’ informazzjoni li jisiltu minn data ta’ Osservazzjoni tad-Dinja bbażata fuq is-satelliti (mis-satelliti Sentinel ta’ Copernicus jew mis-satelliti kummerċjali) u minn data in situ (mhux spazjali) fi tliet oqsma ewlenin: 1) il-monitoraġġ ambjentali (l-art: il-kopertura u l-użu tal-art, il-Mudell ta’ Elevazzjoni Diġitali, id-data ta’ referenza tan-network tax-xmajjar u tal-korpi tal-ilma tal-UE; il-baħar; l-atmosfera; it-tibdil fil-klima), 2) il-ġestjoni tal-emerġenzi (fil-każ ta’ diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, eż. għargħar, terremoti, nirien fil-foresti), u 3) is-sigurtà (is-sorveljanza tal-fruntieri u marittima, u l-appoġġ għall-azzjoni esterna tal-UE). Ir-rabtiet possibbli mal-mobbiltà militari jistgħu jiġu esplorati aktar.

    CASSINI — l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex trawwem l-intraprenditorija spazjali fl-UE — se tistimula l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ tfixkil, proċessi u servizzi industrijali. L-iżvilupp ta’ atturi kummerċjali ġodda se jespandi l-firxa ta’ soluzzjonijiet ffaċilitati mill-ispazju, inkluż għall-mobbiltà militari.

    Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:

    ·L-EDA, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mas-SEAE u mas-servizzi tal-Kummissjoni, se ssegwi l-qasam ta’ prijorità ta’ CARD tal-Mobbiltà Militari Msaħħa, sabiex tindirizza l-lakuni u d-defiċits fir-rigward tar-reżiljenza kif ukoll il-kapaċità loġistika u ta’ trasport meħtieġa għall-moviment ta’ forzi fuq skala kbira, inkluża b’mod partikolari merkanzija ta’ daqs kbir jew speċjalizzata (eż. oġġetti perikolużi li jirrikjedu miżuri speċifiċi).

    ·Sal-2023, is-SEAE se jivvaluta l-impronta loġistika għall-missjonijiet u għall-operazzjonijiet tal-PSDK, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċertifikazzjonijiet u tal-ispezzjonijiet, kif ukoll se jidentifika lakuni possibbli fil-kapaċità tat-trasport, u jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar opportunitajiet kollaborattivi.

    ·Sal-2023, l-EDA se tesplora l-adattament ta’ assi ta’ merkanzija ċivili b’daqs eċċessiv għal skopijiet militari, filwaqt li tqis l-attivitajiet tal-Proġett tal-PESCO “Trasport Strateġiku bl-Ajru għal Tagħbija Akbar min-Normal (SATOC)”.

    ·Sal-2024, l-EDA se tidentifika rekwiżiti possibbli għal assi speċjalizzati tat-trasport bil-ferrovija u għal kapaċitajiet ta’ trasport strateġiku bil-baħar.

    ·Is-SEAE, l-EDA u s-servizzi tal-Kummissjoni se jesploraw kif tista’ tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-kapaċità tal-moviment, inkluż billi jfittxu sinerġiji ma’ ċentri multinazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-moviment.

    ·Sa tmiem l-2024, is-servizzi tal-Kummissjoni se jipprovdu ħarsa ġenerali għal kull modalità ta’ trasport tal-atturi ewlenin kollha fid-dominju ċivili għal skopijiet ta’ ppjanar u koordinazzjoni ta’ emerġenza u ta’ kriżi.

    ·Sal-2024, l-EDA, flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni u mas-SEAE (inkluż l-EUMS), se tivvaluta l-benefiċċju tal-kapaċitajiet strateġiċi tat-trasport għal użu doppju, bħall-għajnuna f’każ ta’ diżastru.

    ·Is-SEAE, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-EDA se jisfruttaw eżerċizzji multinazzjonali sabiex jintegraw l-attivitajiet ta’ mobbiltà militari (skjerament, sostenn u riallokazzjoni tal-forzi), inklużi eżerċizzji reali tal-UE u Eżerċizzji Paralleli u Kkoordinati man-NATO, kif ukoll permezz tal-parteċipazzjoni tal-UE f’eżerċizzji tan-NATO, kif xieraq.

    ·Is-SEAE, flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni u l-EDA, se jorganizza eżerċizzji bbażati fuq ix-xenarji li jinvolvu l-esperti tal-Istati Membri.

    ·L-EDA u s-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jiżguraw skambju u kondiviżjoni affidabbli u effettivi tad-data diġitali bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-avjazzjoni ċivili u militari.

    ·Is-servizzi tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-grupp ta’ kooperazzjoni tal-NIS, f’koordinazzjoni ma’ korpi u aġenziji ċivili u militari rilevanti u networks stabbiliti se jwettqu fuq bażi regolari evalwazzjoni tar-riskju u xenarji ta’ riskju minn perspettiva taċ-ċibersigurtà, b’enfasi fuq setturi kritiċi ta’ prijorità. Dan se jitwettaq sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà mal-ittestjar tal-istress tal-infrastrutturi kritiċi, kif stabbilit fil-pjan ta’ ħames punti presidenzjali u l-proposta sussegwenti għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika.

    ·L-EDA, flimkien mas-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni, se tibni fuq inizjattivi li għaddejjin sabiex jissaħħu r-reżiljenza għall-klima u s-sigurtà tal-enerġija tal-installazzjonijiet militari u tal-kapaċitajiet tat-trasport li huma meħtieġa għall-mobbiltà militari, u se tressaq rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri bħala parti mill-ħidma dwar il-klima u d-difiża. Se jiġu esplorati wkoll sinerġiji mat-TEN-T.

    ·Sa tmiem l-2023, is-servizzi tal-Kummissjoni flimkien mal-EASA, u f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet u mal-industrija tal-avjazzjoni militari, se jniedu proġett pilota li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-partijiet użati mill-konfigurazzjonijiet ċivili u militari tal-mudelli tal-inġenji tal-ajru. Il-proġett għandu jinkludi l-elaborazzjoni ta’ ftehim ta’ interfaċċa ċivili-militari sabiex jiġu ddefiniti r-responsabbiltajiet tal-partijiet differenti. Il-proġett pilota għandu jiġi ffinalizzat mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni.

    ·Is-servizzi tal-Kummissjoni, l-EDA u s-SEAE se jesploraw sett ta’ miżuri ta’ emerġenza li jipprovdu lill-militar b’aċċess bi prijorità għall-infrastruttura, għall-kapaċitajiet u għar-rotot tat-trasport, meta meħtieġ, fi żminijiet ta’ kriżi rikonoxxuti fil-livell tal-UE. Sabiex isaħħu s-sinerġiji ċivili/militari, huma se jivvalutaw il-possibbiltajiet li jiżguraw aċċess għal kapaċitajiet strateġiċi tat-trasport, pereżempju permezz ta’ kuntratti qafas ma’ fornituri ċivili.

    L-Istati Membri tal-UE huma mistiedna:

    ·Jiżguraw ir-reżiljenza ċibernetika tal-proċessi u tal-proċeduri diġitali futuri, filwaqt li jibnu fuq il-ħidma tal-EDA u jesploraw il-possibbiltà li jiġu żviluppati rekwiżiti funzjonali relatati mas-sigurtà

    4.    DIMENSJONI TAS-SĦUBIJA

    L-UE u n-NATO għandhom interess kondiviż li jiżguraw il-moviment rapidu tal-persunal militari u t-tagħmir tagħhom kemm għal attivitajiet ta’ rutina fi żmien ta’ paċi kif ukoll fi żminijiet ta’ kriżi. Għalhekk, l-iżgurar tal-koerenza u t-tisħiħ reċiproku fir-rigward tal-linji ta’ ħidma rispettivi kienu parti integrali mill-inizjattiva tal-mobbiltà militari mit-tnedija tagħha. Fid-dawl tal-gwerra fl-Ukrajna, tqajmu mistoqsijiet ġodda fir-rigward tal-ħtieġa li r-rotot tat-trasport jiġu konnessi ma’ pajjiżi u reġjuni ġirien, inkluża l-Ukrajna.

    4.1    L-UE U N-NATO

    Is-sħubija man-NATO hija parti integrali minn dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Id-Djalogu Strutturat dwar il-Mobbiltà Militari huwa l-format ewlieni għall-promozzjoni tad-djalogu u tal-kooperazzjoni fil-livell tal-persunal permezz ta’ laqgħat regolari u se jkompli jibbaża fuq l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet. L-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju għall-movimenti militari huma ta’ benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għan-NATO. Ir-rekwiżiti tekniċi u ġeografiċi jikkoinċidu, u l-istandards tekniċi ġew żviluppati permezz tal-kooperazzjoni. Bis-saħħa ta’ din il-kooperazzjoni, ir-Rekwiżiti Militari tal-UE għall-Mobbiltà Militari huma konsistenti mar-rekwiżiti tan-NATO għal livell ta’ madwar 95 %.

    L-intenzjoni hija li jiġu żgurati approċċ u sinerġiji koerenti bejn l-UE u n-NATO bil-għan li jindirizzaw b’mod effettiv l-ostakli eżistenti, inklużi dawk legali, infrastrutturali u proċedurali, sabiex jiġu ffaċilitati u jitħaffu l-moviment u l-qsim tal-fruntieri ta’ persunal u materjal militari, b’rispett sħiħ għad-deċiżjonijiet nazzjonali sovrani. Dan japplika b’mod partikolari għall-isforzi fir-rigward tat-titjib fl-infrastruttura u r-rekwiżiti relatati, it-tnaqqis tal-ostakli proċedurali u regolatorji, it-tisħiħ tar-reżiljenza, u l-parteċipazzjoni inkroċjata f’eżerċizzji militari relatati mal-mobbiltà.

    L-interazzjonijiet dwar il-mobbiltà militari se jitmexxew ’il quddiem f’konformità mal-prinċipji gwida ta’ kooperazzjoni msaħħa u intensifikata, b’mod partikolari l-ftuħ u t-trasparenza sħaħ, ir-rispett tal-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, l-inklużività u r-reċiproċità, mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-UE.

    4.2 Il-konnessjoni ma’ sħab oħrajn

    Is-SEAE, flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni u l-EDA se jesploraw il-kooperazzjoni ma’ sħab oħrajn f’formati differenti dwar kwistjonijiet relatati mal-mobbiltà militari.

    Dan jinkludi d-diskussjoni ta’ żviluppi militari relatati mal-mobbiltà fid-djalogi dwar is-sigurtà u d-difiża ma’ sħab ewlenin rilevanti tal-UE, bħal dawk li jipparteċipaw fil-proġett tal-PESCO dwar il-Mobbiltà Militari, b’mod partikolari l-Istati Uniti, il-Kanada u n-Norveġja. Ir-Renju Unit huwa mistenni wkoll li jissieħeb dalwaqt f’dan il-proġett tal-PESCO, mat-tlestija tal-proċeduri rilevanti. Dan se jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar kwistjonijiet bħal dawn u għas-sħubija bejn l-UE u n-NATO.

    Barra minn hekk, hemm lok sabiex jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ użu doppju tal-ħidma li għaddejja dwar konnessjoni aħjar tar-rotot ewlenin tat-trasport tal-Istati Membri ma’ pajjiżi sħab ewlenin bħall-Ukrajna, kif previst fil-Komunikazzjoni dwar “korsiji ta’ solidarjetà” bejn l-UE u l-Ukrajna u l-proposta tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2022 li testendi erba’ Kurituri tat-Trasport Ewropej għall-Ukrajna u għall-Moldova 32 . Barra minn hekk, il-proposta emendata għal Regolament tat-TEN-T rivedut f’Lulju 2022 tinkludi dispożizzjoni sabiex jiġi standardizzat il-gauge tal-binarji Ewropej għall-ferroviji sabiex tittejjeb l-interoperabbiltà bejn l-Ukrajna, il-Moldova u l-UE.

    Fl-aħħar nett, l-UE hija lesta li tikkondividi l-aħjar prattiki mill-progress li għamlet fit-tisħiħ tal-mobbiltà militari mas-sħab reġjonali u mal-pajjiżi tat-tkabbir, bħal fil-Balkani tal-Punent, pereżempju fir-rigward tal-approċċ ta’ gvern sħiħ, l-approċċ b’użu doppju u l-passi prattiċi sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u d-dewmien.

     

    Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:

    ·Is-SEAE flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni u mal-EDA se jkomplu d-Djalogu Strutturat bejn l-UE u n-NATO dwar il-mobbiltà militari bil-għan li tiġi kondiviża l-informazzjoni u tiġi żgurata l-koerenza tal-linji ta’ ħidma rispettivi.

    ·Is-SEAE flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni u mal-EDA, meta meħtieġ, se jinkludi l-mobbiltà militari fid-djalogi dwar is-sigurtà u d-difiża mas-sħab rilevanti, b’mod partikolari mal-Kanada, man-Norveġja u mal-Istati Uniti.

    ·Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE se jesploraw il-possibbiltajiet ta’ użu doppju tal-ħidma li għaddejja dwar il-konnessjoni aħjar tar-rotot ewlenin tat-trasport tal-Istati Membri b’enfasi partikolari fuq l-Ukrajna u l-Moldova.

    ·Is-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni se jesploraw possibbiltajiet sabiex jippromwovu d-djalogu mas-sħab reġjonali, b’mod partikolari l-pajjiżi tat-tkabbir, dwar l-aħjar prattiki.

    5. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

    Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari huwa sottomess mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tal-UE biex jiġi kkunsidrat u approvat, sabiex b’hekk ikun jista’ jiġi implimentat fil-ħin u b’mod ikkoordinat.

    Ir-rapporti dwar il-progress konġunti perjodiċi dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jiġu ppreżentati lill-Istati Membri tal-UE, u l-ewwel wieħed għandu jiġi sottomess sa Novembru 2023.

    (1)

    Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża – Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi ċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali (7348/1/22).

    (2)

    Abbażi tal-Komunikazzjoni Konġunta “Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea” (JOIN(2017) 41 final) u l-Komunikazzjoni Konġunta “dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari” (JOIN(2018) 5 final.

    (3)

    Ir-Rekwiżiti Militari għall-Mobbiltà Militari fl-UE lil hinn minnha, aġġornament (ST 10921/19), l-4 ta’ Lulju 2019, approvati mill-Kunsill fil-15 ta’ Lulju u kkonsolidati bil-parti li kien fadal fid-19 ta’ Lulju (ST 11373/19).

    (4)

    Laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew (is-17, it-18, id-19, l-20 u l-21 ta’ Lulju 2020) – Konklużjonijiet,  https://www.consilium.europa.eu/media/45109/210720-euco-final-conclusions-en.pdf , p. 53.

    (5)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1328 tal-10 ta’ Awwissu 2021 li jispeċifika r-rekwiżiti tal-infrastruttura applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ azzjonijiet ta’ infrastruttura b’użu doppju skont ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, C/2021/5859, ĠU L 288, 11.8.2021, p. 37.

    (6)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE, ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.

    (7)

    Il-Kanada, in-Norveġja u l-Istati Uniti

    (8)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u d-Difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE, il-25 ta’ Ġunju 2018, il-paragrafu 18, http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10246-2018-INIT/mt/pdf

    (9)

    Komunikazzjoni Konġunta “dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari” (JOIN(2018) 5 final.

    (10)

    Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1153 u r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013, COM(2022) 384 final

    (11)

    Il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) (il-ġestjoni tan-network, l-interoperabbiltà, il-fornimenti tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, l-użu tal-ispazju tal-ajru minn utenti ċivili u militari) fl-Unjoni hija indirizzata fl-inizjattiva tal-ajru uniku Ewropew u fil-proġett SESAR. Il-qafas regolatorju sottostanti jaffettwa l-użu doppju tas-sistemi u l-infrastruttura tal-ATM.

    (12)

      Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, il-25 ta’ Ġunju 2018, il-paragrafu 18: “Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni fil-livell nazzjonali biex itejbu l-effiċjenza tal-mobbiltà militari, u biex jissimplifikaw u jistandardizzaw ir-regoli u l-proċeduri rilevanti f’koerenza mal-Pjan ta’ Azzjoni u mar-Rekwiżiti Militari għall-Mobbiltà Militari fl-UE u lil hinn minnha, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard mill-2024, u jimmiraw lejn l-ewwel passi li ġejjin li għandhom jintlaħqu sa tmiem l-2019:

    a) jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali għall-mobbiltà militari u jagħtu prijorità għolja lill-implimentazzjoni tagħhom;

    b) f’konformità mal-proċeduri standardizzati rilevanti u soġġetti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-kriterji nazzjonali, jaċċelleraw il-proċeduri ta’ qsim tal-fruntieri, u għal dak il-għan jaħdmu mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jagħtu permessi ta’ moviment transfruntier, inklużi talbiet għal permess għal dħul u moviment għall-modalitajiet kollha (tas-superfiċe, tal-ajru u tal-baħar) u aspetti tal-moviment u tat-trasport militari, għal attivitajiet ta’ rutina fi żmien jum tax-xogħol wieħed; u jqisu li jnaqqsu aktar dan il-perjodu għall-unitajiet ta’ reazzjoni rapida;

    c) jiffaċilitaw u jħaffu l-komunikazzjoni u l-proċeduri, u għal dak il-għan joħolqu network interkonness b’saħħtu ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-aspetti kollha relatati mal-mobbiltà militari biex, fost l-oħrajn, ikunu jistgħu jittrattaw malajr it-talbiet għal movimenti transfruntiera;

    d) jużaw eżerċizzji nazzjonali u multinazzjonali eżistenti xierqa biex jeżerċitaw mobbiltà militari aktar regolari, inkluż matul eżerċizzji diretti, u movimenti b’avviż qasir”.

    (13)

    L-Arranġament Tekniku għall-Moviment fuq is-Superfiċe għandu l-għan li jsaħħaħ il-mobbiltà militari għat-toroq, għall-ferroviji u għall-passaġġi fuq l-ilma interni billi jarmonizza u jissimplifika l-proċeduri amministrattivi u jrawwem il-permessi tal-moviment. Dan ġie ffirmat minn 23 Stat Membru kontribwenti u min-Norveġja.

    (14)

    L-Arranġament Tekniku għall-Moviment fl-Ajru jimmira li jinkludi firxa usa’ ta’ missjonijiet, komplementari għall-Arranġament Tekniku eżistenti għall-Awtorizzazzjoni Diplomatika (DIC), u se jinkludi r-riforniment ta’ fjuwil fl-ajru, pjattaformi tas-Sistema tal-Inġenji tal-Ajru Ppilotat mill-Bogħod (RPAS), missjonijiet ta’ taħriġ, ġettijiet tal-gwerra u ġwienaħ li jduru. Dan ġie ffirmat minn 22 Stat Membru kontribwenti u min-Norveġja.

    (15)

    Bħala riżultat ta’ sentejn ta’ ħidma mwettqa mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-EDA u mal-Istati Membri tal-UE, diversi emendi għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 u għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/2447, jiġifieri l-Atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU), ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali.

    (16)

    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:02015R2446-20220101&from=MT

    (17)

    L-Estonja, il-Litwanja, il-Ġermanja, il-Bulgarija, il-Polonja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u n-Norveġja

    (18)

    Il-loġistika hija sistema magħluqa u reżiljenti, li fiha l-fornituri, il-konsumaturi u l-partijiet terzi kollha qegħdin jikkontribwixxu b’mod reċiproku għall-katina tal-provvista. Loġistika magħmula minn Akkwist, Moviment u Trasport, Taħriġ, Distribuzzjoni u Ġestjoni tal-Provvista. L-għan tal-Loġistika huwa li tipprovdi l-kwantità u l-kwalità mitluba ta’ oġġetti fil-ħin u fil-post mitluba.

    (19)

    L-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tar-reviżjoni tal-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet, id-Dokument 2018/15 tal-Bord ta’ Tmexxija tal-EDA, it-28 ta’ Ġunju 2018.

    (20)

    L-għan ġenerali tal-proġett Trasport Strateġiku bl-Ajru għal Tagħbija Akbar min-Normal huwa li jagħmel tajjeb għan-nuqqas kritiku għat-Trasport Strateġiku bl-Ajru għal Tagħbija Akbar min-Normal billi tiġi żviluppata soluzzjoni Ewropea għat-trasport ta’ merkanzija ta’ daqs eċċessiv u tqila.

    (21)

    Bħal: Il-Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru (EATC), iċ-Ċentru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Moviment (MCCE; il-modalitajiet kollha), u ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tat-Trasport bil-Baħar Multinazzjonali ta’ Ateni (AMSCC). Il-kollegament tal-UE ma’ dawn l-istrutturi se jsir b’rispett sħiħ tal-prinċipji ta’ inklużività tal-Istati Membri kollha fi strutturi multinazzjonali kif affermat mill-ġdid fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u d-Difiża tas-17 ta’ Ġunju 2020 (il-paragrafu 21)

    (22)

    L-avveniment laqqa’ flimkien parteċipanti mill-Istati Membri tal-UE, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna inkluż il-Persunal Militari tal-UE, mis-servizzi tal-Kummissjoni, mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, kif ukoll sħab ewlenin tal-UE — il-persunal tan-NATO u tliet Alleati tan-NATO — l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada u n-Norveġja.

    (23)

    Joint Staff Working Document Fifth Progress Report on the implementation of the 2016 Joint Framework on countering hybrid threats and the 2018 Joint Communication on increasing resilience and bolstering capabilities to address hybrid threats {SWD (2021) 729 final}.

    (24)

    Joint Staff Working Document Fifth Progress Report on the implementation of the 2016 Joint Framework on countering hybrid threats and the 2018 Joint Communication on increasing resilience and bolstering capabilities to address hybrid threats {SWD (2021) 729 final}.

    (25)

    COM (2020) 829 final. Intlaħaq ftehim politiku dwar id-Direttiva tas-CER f’Ġunju 2022 u d-dħul fis-seħħ tagħha huwa mistenni fil-bidu tal-2023. Id-Direttiva tas-CER se tissostitwixxi d-Direttiva 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom.

    (26)

    Il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill ġiet adottata fit-18 ta’ Ottubru 2022. https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_6238

    (27)

    Din id-Direttiva se titħassar u se tiġi ssostitwita b’Direttiva dwar miżuri dwar livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni (id-Direttiva NIS2)

    (28)

    COM (2020) 829 final. Intlaħaq ftehim politiku dwar id-Direttiva tas-CER f’Ġunju 2022 u d-dħul fis-seħħ tagħha huwa mistenni fil-bidu tal-2023. Id-Direttiva tas-CER se tissostitwixxi d-Direttiva 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom.

    (29)

    Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni.

    (30)

    Ara l-Artikolu 47, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1153 u r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013, COM(2021) 812 final.

    (31)

    Permezz ta’ CF SEDSS III, l-EDA qiegħda twettaq, f’kollaborazzjoni mad-DĠ JRC u d-DĠ ENER, studji ta’ riċerka sabiex tesplora l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-infrastrutturi kritiċi tal-enerġija relatati mad-difiża (CEI) u kif iżżid ir-reżiljenza tagħhom kontra t-theddid ibridu. F’dan il-kuntest, fl-2023 se jsir eżerċizzju ta’ simulazzjoni sabiex jiġu identifikati l-vulnerabbiltajiet u jiġu promossi sinerġiji mas-settur ċivili sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tad-difiża

    (32)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ azzjoni għall-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna sabiex jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet agrikoli tal-Ukrajna u l-kummerċ bilaterali mal-UE, COM(2022) 217 final

    Top