EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IR4105

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida”

COR 2022/04105

ĠU C 79, 2.3.2023, p. 51–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 79/51


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida”

(2023/C 79/09)

Relatur:

Markku MARKKULA (FI/PPE), President tar-Reġjuni ta’ Helsinki

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida

COM(2022) 332 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

Għaliex hija kruċjali? L-Aġenda għall-Innovazzjoni tista’ tkun strumentali biex titħaffef it-trasformazzjoni

1.

jilqa’ l-Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida biex tingħata spinta lill-ħsieb innovattiv u tiġi stimulata l-azzjoni għall-innovazzjoni bl-għan li l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem fix-xjenza, il-bażi industrijali, l-ekosistemi vibranti tan-negozji ġodda, il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-innovazzjoni, u l-bażi tat-talent. Il-KtR jisħaq li l-miri ambizzjużi tal-politika tal-innovazzjoni tal-UE jistgħu jintlaħqu billi tiġi evitata l-frammentazzjoni u billi jiġu organizzati miżuri influwenti permezz ta’ kollaborazzjoni effettiva bejn l-industrija, l-akkademja, l-inizjattivi soċjali u l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, fil-livell lokali, reġjonali u dak transreġjonali, filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali kkawżati mit-tibdil fil-klima, il-ħtieġa għal reżiljenza akbar għat-theddid għas-saħħa, jew it-trasformazzjoni diġitali, biex insemmu xi wħud;

2.

iqis, madankollu, li din il-Komunikazzjoni kellha tipproponi oqsma ġodda u approċċ aktar profond għall-innovazzjoni fil-politiki Ewropej. Fil-kuntest ta’ sfidi multipli (globalizzazzjoni, ambjent, saħħa, tixjiħ tal-popolazzjoni, depopolazzjoni ta’ żoni rurali kbar u paċi/gwerra), il-Kummissjoni għandha tislet mit-tagħlimiet meħuda minn dawn il-kriżijiet, taħseb b’mod kreattiv, u fost oħrajn, tiftaħ dibattitu dwar it-tip ta’ innovazzjoni li hija meħtieġa għal soċjetà Ewropea reżiljenti. Il-ħtieġa li tiżdied l-enfasi fuq l-innovazzjonijiet soċjetali u soċjali hija partikolarment sinifikanti, kemm f’dawk relatati direttament mal-isfidi msemmija hawn fuq, kif ukoll f’oħrajn, bħall-impjiegi, speċjalment taż-żgħażagħ;

3.

jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea żżid mal-Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida mingħajr dewmien miżuri komplementari li jiffukaw fuq kwistjonijiet soċjetali, soċjali u tal-enerġija, u tintegra dawn il-miżuri biex taċċellera t-trasformazzjonijiet soċjetali lejn tkabbir sostenibbli;

4.

jirrimarka li l-miżuri ta’ politika jridu jinkludu miri ċari biex jingħalqu żewġ distakki fl-innovazzjoni: f’diversi oqsma tal-politika tal-innovazzjoni, l-Ewropa qiegħda taqa’ lura meta mqabbla mal-mexxejja globali — l-Istati Uniti u l-Asja — u fi ħdan l-UE, bosta reġjuni ma jqisux biżżejjed l-importanza kruċjali tal-innovazzjoni, ir-reġjuni bl-aqwa prestazzjoni huma sa disa’ darbiet aktar innovattivi minn dawk bl-agħar prestazzjoni; Il-KtR ifakkar li mhux ir-reġjuni kollha għandhom l-istess riżorsi tekniċi, umani u finanzjarji biex itejbu r-riżultati tagħhom fil-qasam tal-innovazzjoni;

5.

jisħaq li l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Innovazzjoni ġdida tirrikjedi miżuri aktar radikali milli l-UE tipikament tadotta fl-inizjattivi ta’ politika tagħha fl-Ewropa kollha, u li l-proċessi ta’ innovazzjoni għandhom ikunu aktar sistemiċi u jieħdu aktar riskji. Din il-mira jeħtieġ li tkun ċara, realistika, ta’ sfida u li tista’ titkejjel biex jirdoppja l-impatt u jitnaqqas bin-nofs iż-żmien tal-proċess;

6.

jenfasizza li l-Aġenda ta’ Innovazzjoni jeħtieġ li tkun sinjal kritiku għall-UE kollha biex twettaq azzjonijiet konkreti u b’impatt — immedjati kif ukoll fit-tul — biex tindirizza d-distakki fl-innovazzjoni u tippromovi ekosistemi tal-innovazzjoni lokali u reġjonali bbażati fuq il-post;

7.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-mewġa l-ġdida ta’ innovazzjoni — l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda — hija msejsa fuq xjenza, teknoloġija u inġinerija mill-aktar avvanzati, u li ħafna drabi żżewweġ l-avvanzi fl-isferi fiżiċi, bijoloġiċi u diġitali u li għandha l-potenzjal li tipprovdi soluzzjonijiet trasformattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi globali. Il-KtR jenfasizza li l-għan ta’ din il-mewġa l-ġdida għandu jkun li jitħaffu l-proċessi multidixxiplinari ta’ kokreazzjoni li se jżidu l-innovazzjoni soċjetali (1) u soċjali (2) sabiex jittejbu l-prosperità u l-benesseri tal-individwi u tal-komunitajiet, u li dawn l-azzjonijiet għandhom iqisu l-aspetti umani b’mod rigoruż, sabiex l-Ewropa tibbenefika iktar mill-iżvilupp ta’ mentalità ta’ tmexxija intraprenditorjali universali;

8.

jilqa’ r-rikonoxximent tal-azzjoni pilota Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali u, b’mod aktar speċifiku, ir-rikonoxximent tar-rwol tas-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali fil-promozzjoni tal-widien reġjonali tal-innovazzjoni teknoloġika profonda interkonnessi, konnessi fil-livell interreġjonali, u l-investimenti fl-innovazzjoni interreġjonali;

9.

jesprimi dispjaċir li l-Kummissjoni Ewropea tilfet l-opportunità li tenfasizza l-ħtieġa ta’ rabta b’saħħitha bejn l-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka permezz taċ-ċentri taż-Żona (3);

10.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri tal-UE jżidu r-ritmu tal-ħolqien ta’ ċentri taż-ŻER bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni taż-ŻER, biex jiġi żgurat li s-sħubijiet u l-azzjonijiet tar-RŻI jiġu aġġornati bħala oqsma ta’ prijorità fuq l-aġendi tal-mexxejja politiċi lokali u reġjonali;

Għaliex l-innovazzjonijiet u t-tmexxija tal-UE fit-teknoloġija profonda huma aktar kritiċi minn qatt qabel?

11.

jenfasizza l-potenzjal tal-Ewropa li ssir mexxejja globali fl-innovazzjoni, fl-oqsma li ġejjin: sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, batteriji, teknoloġiji diġitali, drones u intelliġenza artifiċjali (IA), informatika ta’ prestazzjoni għolja, produzzjoni u disinn tas-semikondutturi, beni komuni industrijali (industry commons), saħħa u ikel, akkwist tal-innovazzjoni, u kollaborazzjoni bejn l-industrija u l-universitajiet permezz ta’ programmi tal-UE. Il-KtR jirrimarka wkoll li l-kumpaniji tal-UE huma mexxejja globali fil-privattivi ekoloġiċi ta’ valur għoli u fil-privattivi ekoloġiċi f’industriji intensivi fl-enerġija. Barra minn hekk, waħda minn kull ħames pubblikazzjonijiet globali tax-xjenza tal-ogħla kwalità tiġi prodotta fl-UE. Madankollu, biex issir mexxejja globali fin-negozju u r-RŻI jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ ħafna strumenti ta’ politika ambizzjużi;

12.

jisħaq li s-suċċess jista’ jinkiseb biss permezz ta’ azzjoni konnessa fil-livell lokali/reġjonali. Il-KtR jenfasizza l-fatt li l-Ewropa għadha lura meta mqabbla mal-Istati Uniti u ċ-Ċina fil-finanzjament tal-proċess kollu tal-innovazzjoni. L-investiment privat qed jikber b’rata aktar mgħaġġla minn bnadi oħra, iżda l-Ewropej bil-kapital ta’ riskju għadhom relattivament avversi għar-riskju meta jiġu biex jagħmlu investimenti sinifikanti meta mqabbla ma’ dawk fl-Istati Uniti u ċ-Ċina;

13.

jitlob li jinsiltu tagħlimiet mit-tnax-il aġenda għall-innovazzjoni preċedenti tal-UE matul dawn l-aħħar deċennji, li ma biddlux biżżejjed ix-xejra tal-innovazzjoni fis-segwenti:

it-tranżizzjoni lejn kreattività ċċentrata fuq l-objettivi u kultura ta’ innovazzjoni;

il-bidla minn clusters ikkompartimentalizzati żżejjed għal ekosistemi ta’ innovazzjoni awtentiċi u miftuħa;

l-iżvilupp ta’ mentalità ta’ tmexxija intraprenditorjali;

il-promozzjoni ta’ programmi speċifiċi li jibdew fl-iskola, li jiffukaw b’mod partikolari fuq in-nisa u l-bniet;

jinżamm il-fokus fuq in-negozji ġodda a skapitu ta’ kumpaniji li qed jespandu u jikbru;

iż-żieda fil-ġestjoni tal-għarfien, l-orkestrazzjoni u s-sinerġiji bejn il-proġetti;

il-kollaborazzjoni mal-innovazzjoni lokali/reġjonali, l-ekosistemi bbażati fuq il-post u dawk tematiċi;

valutazzjoni komparattiva u prattiki tajba ta’ tagħlim komparattiv u kunċetti ta’ trasformazzjoni sistemika fil-livell globali;

il-kondiviżjoni tas-sinerġiji u l-għarfien bejn il-programmi tal-UE u inizjattivi oħra biex jixxejnu d-distakki fl-innovazzjoni;

il-ħolqien ta’ sħubijiet Ewropej u l-governanza f’diversi livelli u t-trasformazzjoni sistemika;

14.

iħeġġeġ lill-bliet u lir-reġjuni jieħdu approċċ immexxi mill-missjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi kritiċi soċjetali u biex jistabbilixxu l-missjonijiet tagħhom, bħall-pjani direzzjonali u l-pjani ta’ azzjoni tal-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali u d-Diġitalizzazzjoni. Dawn għandhom iqisu l-Istrateġiji Reġjonali ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti u jużaw l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE, dawk nazzjonali, reġjonali u lokali, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Iż-żieda fis-sinerġiji bejn il-FEŻR, il-programm Ewropa Diġitali u l-programm Orizzont hija essenzjali, speċjalment biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-SMEs, l-universitajiet, iċ-ċentri tat-teknoloġija u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni. It-tisħiħ tan-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali jgħin biex jiġu ġestiti l-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali u biex jiġu stabbiliti kurituri u networks Ewropej għat-tmexxija globali;

15.

jirreferi għall-inizjattivi ta’ suċċess u l-aħjar prattiki mill-bliet u r-reġjuni, inklużi kampanji tal-UE mal-KtR, bħad-Djalogi taċ-Ċittadini, il-Kampijiet tal-Innovazzjoni, ir-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej u x-Xjenza Tiltaqa’ mar-Reġjuni, li wrew kif l-inkorporazzjoni lokali tgħin biex jinbeda djalogu ffukat dwar l-isfidi man-networks lokali differenti tal-atturi biex jingħelbu l-ostakli istituzzjonali u fil-mentalità fl-indirizzar tal-isfidi soċjetali;

16.

ifakkar li t-teknoloġija profonda hija mmirata lejn il-progress soċjetali, u jeħtieġ li jitqies il-kunċett ta’ aċċettabbiltà u utilità soċjali. Dan jirrikjedi żieda fl-investimenti pubbliċi u privati fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, biex iwasslu għan-newtralità teknoloġika u biex tiġi evitata dipendenza minn teknoloġija speċifika partikolari. Il-KtR jenfasizza li l-innovazzjoni soċjetali tinvolvi kapaċitajiet għas-soluzzjoni tal-problemi u aspetti intraprenditorjali fl-indirizzar tat-tfixkil biex b’hekk jinħoloq valur u jiġu evitati ostakli u spejjeż negattivi għas-soċjetà. Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Innovazzjoni jeħtieġ li tagħti attenzjoni aktar soda lill-partijiet ikkonċernati kollha tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, inklużi ċ-ċittadini u, b’mod aktar wiesa’, ir-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà u l-proċessi ta’ kokostruzzjoni meħtieġa;

17.

jirrimarka li n-networks ta’ għarfien globali u t-tagħlim kollaborattiv huma essenzjali, u għalhekk l-atturi lokali li jipparteċipaw f’networks internazzjonali, bħal xjenzati, kumpaniji, u NGOs konnessi globalment, jistgħu u għandhom iġibu l-għarfien rilevanti u s-soluzzjonijiet potenzjali minn barra l-kuntest lokali;

18.

jenfasizza li l-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti għandhom rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali biex jistimulaw aħjar it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u jsolvu l-isfidi soċjetali b’mod minn isfel għal fuq, kollaborattiv u dipendenti fuq il-kuntest, bis-soluzzjonijiet li ġew riċerkati l-aħjar. Il-KtR jilqa’ l-isforzi tan-network tal-Inizjattiva Vanguard biex jinbnew ktajjen tal-valur industrijali Ewropej ibbażati fuq komplementarjetajiet fl-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti;

19.

jargumenta li l-governanza tal-innovazzjoni għandha tibbenefika mid-diversità fit-tendenzi ta’ tmexxija u ta’ ġestjoni għall-iżvilupp ta’ prattiki komportamentali u maniġerjali biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni lejn mentalità intraprenditorjali u soċjetà tat-tagħlim — li topera għall-ġenerazzjonijiet kollha u bejn il-fruntieri kollha — li tkun effettiva fil-kodisinn, fil-kollaborazzjoni, il-kondiviżjoni tal-għarfien, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza;

20.

iqis li meta s-soluzzjonijiet teknoloġiċi għal sfida soċjetali jkunu appoġġjati b’mod wiesa’ u ppruvati sew, bħal fil-ġemellaġ tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-livell tal-UE għandu rwol vitali x’jaqdi fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għat-tkabbir, il-kondiviżjoni u l-istabbiliment tal-istandards b’enfasi fuq l-iskop u l-impatt, filwaqt li tiġi evitata regolamentazzjoni li twassal għal lock-ins teknoloġiċi. Dan l-appoġġ jista’ jiġi żviluppat permezz ta’ involviment imsaħħaħ taċ-ċittadini bl-użu ta’ diversi strumenti ta’ komunikazzjoni;

21.

ifakkar li hemm domanda dejjem akbar biex jinħolqu b’mod konġunt politiki ta’ innovazzjoni ddedikati fi ħdan ir-reġjuni u s-setturi industrijali — u li dan jirrikjedi progress aktar mgħaġġel fit-teknoloġija profonda, fil-ġemellaġġ ekoloġiku u diġitali u fl-SDGs;

In-natura tal-innovazzjoni: ibbażata fuq il-post, strutturali, trasformattiva, b’enfasi fuq l-impatt

22.

jafferma mill-ġdid li l-politika Ewropea tal-innovazzjoni, flimkien mal-politika Ewropea tar-riċerka, jeħtieġ li tiżgura d-disponibbiltà ta’ xjenza ta’ kwalità għolja biex tagħti spinta lill-innovazzjoni u tgħin lis-soċjetà u lin-negozji jiffaċċjaw u jindirizzaw il-kriżijiet u l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-bliet u r-reġjuni kollha tal-UE llum il-ġurnata. Il-KtR jenfasizza r-rwol importanti kontinwu tal-finanzjament reġjonali Ewropew permezz tal-FEŻR u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Il-KtR iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iqisu d-dikjarazzjoni (4) tal-Kummissjoni Ewropea li l-qafas regolatorju għall-2021-2027 li jirregola l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni taħt ġestjoni kondiviża u l-fondi taħt ġestjoni diretta jippermetti sinerġiji msaħħa bejn il-FEŻR u Orizzont Ewropa;

23.

jinnota li l-pjan ta’ azzjoni konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u l-KtR fil-qasam tar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, u l-politiki relatati biex jiżdiedu l-flussi tal-għarfien u t-tagħlim kollaborattiv fit-tfassil tal-politika fl-Ewropa kollha joffri opportunitajiet biex ir-riċerkaturi, l-intraprendituri, u s-soċjetà ċivili jingħataw is-setgħa biex jikkonsolidaw l-ekosistemi reġjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħhom u jsiru parti integrali minn network pan-Ewropew ta’ eċċellenza;

24.

jirrimarka li l-finanzjament tal-UE mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (maħsub l-aktar għall-irkupru u t-tiġdid ekonomiku wara l-COVID-19) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (intiż l-aktar biex jappoġġja r-reġjuni tal-faħam u t-territorji l-oħra l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika) għadu ma jistax iwassal l-impatt sħiħ tiegħu fit-trawwim tal-innovazzjoni, l-aktar minħabba li l-proċessi involuti għall-użu tal-fondi jimxu bil-mod ħafna u huma soġġetti għal regoli stretti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat;

25.

jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-KtR, li jippermetti liċ-ċittadini u lir-rappreżentanti eletti demokratikament tagħhom jinfluwenzaw id-direzzjoni u l-iskop tal-innovazzjoni, u jiżviluppaw soluzzjonijiet bħala utenti innovaturi. F’dan ir-rigward, huwa importanti li nirresponsabbilizzaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u nappoġġjawhom b’kull mod, kif ukoll niżguraw li huma mħejjija sew biex jappoġġjaw l-innovazzjoni fil-livell lokali;

26.

jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm rabta aħjar bejn l-Aġenda għall-Innovazzjoni u l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar billi jintużaw is-sejbiet reċenti tan-network RegHub tal-KtR dwar l-akkwist pubbliku (5) u jitneħħew l-ostakli għall-investiment pubbliku (6), u billi jiġi involut l-iżvilupp lokali u reġjonali biex jinstabu soluzzjonijiet regolatorji innovattivi li jippromovu l-innovazzjoni. Hawnhekk l-approċċ tal-beni komuni industrijali u dawk soċjetali huwa essenzjali fl-integrazzjoni taż-żewġ aġendi;

27.

fir-rigward tal-politika tar-riċerka tal-UE, l-aġenda ta’ politika taż-ŻER, u l-Forum taż-ŻER, jitlob li t-teħid ta’ deċiżjonijiet ikun aktar miftuħ, biċ-ċittadini jkunu kontributuri u atturi attivi, filwaqt li jqis bis-sħiħ il-kontribut tal-KtR u tal-partijiet ikkonċernati konnessi reġjonalment. Dan ifisser li ssir enfasi akbar fuq il-valur pubbliku tax-xjenza u l-innovazzjoni meta jintgħażlu l-isfidi li għandhom jiġu indirizzati mill-UE, filwaqt li fl-istess ħin jinbena l-appoġġ pubbliku meħtieġ għal aktar żvilupp u implimentazzjoni;

Punti speċifiċi dwar il-ħames oqsma ta’ inizjattiva ewlenin

Inizjattiva ewlenija dwar il-finanzjament lin-negozji tat-teknoloġija profonda li qed jespandu

28.

jinnota li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej għandhom suq finanzjarju funzjonali bbażat fuq kapital ta’ riskju appoġġjat mill-gvern nazzjonali u swieq ta’ ekwità privata, u li l-fond propost tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) li jipprovdi għotjiet pubbliċi u investiment ta’ ekwità paċenzjuż għandu jġib valur addizzjonali lis-suq u jevita li jfixkel dak eżistenti;

29.

jenfasizza li hemm bżonn ta’ finanzjament għall-inizjattivi li joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għal kumpaniji ġodda u innovattivi bbażati fuq it-teknoloġija biex ikomplu joperaw fiż-żona lokali tagħhom bl-użu ta’ sinerġiji u jiżviluppaw komplementarjetajiet addizzjonali ma’ partijiet ikkonċernati lokali oħra, bħal organizzazzjonijiet ta’ riċerka u kumpaniji oħra;

30.

iqis li rabtiet aktar robusti bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jinkludu t-tixrid effettiv tar-riżultati ta’ proġetti mwettqa taħt il-programm ta’ riċerka Orizzont — b’enfasi partikolari fuq il-valur tagħhom fuq it-titjib tal-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali u t-Triangolu tal-Għarfien (riċerka, edukazzjoni u innovazzjoni), u fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-bliet, ir-reġjuni, u ċ-ċittadini, b’mod partikolari fuq l-impjiegi u l-benesseri. Il-KtR jenfasizza l-ħtieġa li r-riżultati tal-proġetti ta’ riċerka tal-Orizzont dwar il-portali tad-data miftuħa tal-istituzzjonijiet jinxterdu b’mod effettiv;

31.

jafferma mill-ġdid li l-EIC u l-portafoll tiegħu mhumiex magħrufa sew fost l-industriji, in-negozji ġodda, in-negozji li qed jespandu, u l-SMEs madwar l-Ewropa. L-aċċess għas-servizzi tiegħu għandu jkun aktar sempliċi u aktar faċli biex jintuża;

32.

jitlob li r-rwol tal-fond tal-EIC ikun katalizzatur, b’perjodu ta’ żmien twil iżda limitat, u jħeġġeġ li l-ħruġ b’suċċess jinkiseb permezz ta’ offerti pubbliċi inizjali;

33.

jipproponi li l-enfasi għandha tkun fuq negozji u ekosistemi ġodda li jirrikjedu investimenti kbar ħafna b’perjodi ta’ żmien twal, bħall-batteriji tal-karozzi elettriċi, l-idroġenu, is-semikondutturi li għandhom it-tendenza ma jattirawx finanzjament privat dirett kmieni biżżejjed; l-investimenti trasformattivi jeħtieġu finanzjament pubbliku “paċenzjuż”, aktar milli finanzjament privat, li prinċipalment jixpruna l-innovazzjoni “abbażi tas-suq”;

34.

jenfasizza li t-“tensjoni kreattiva” u l-“qerda kreattiva” huma mezzi effettivi biex tiġi vvintata xi ħaġa li hija notevolment ġdida — il-ħolqien konġunt ta’ inizjattivi rivoluzzjonarji. Dan jirrikjedi użu parzjali tal-finanzjament tal-UE biex jinżammu, jiġu attirati u organizzati mill-ġdid it-talenti u r-riżorsi minn inizjattivi ta’ kwalità għolja tal-ekonomija tas-suq li indirizzaw sfidi simili bl-użu ta’ sħubijiet kummerċjali u/jew pubbliċi-privati ta’ esperjenza u li ilhom għaddejjin;

35.

ifakkar li l-Ewropa teħtieġ taċċellera l-proċess kollu tal-innovazzjoni fuq il-post abbażi tal-iskrinjar ta’ ideat kreattivi, l-esperimentazzjoni, l-ittestjar, il-ħolqien ta’ prototipi, it-tagħlim komparattiv, u l-applikazzjoni fuq skala akbar. Il-Kummissjoni Ewropea għandha turi l-innovazzjoni tagħha billi toħloq forom ġodda għall-finanzjament ta’ attivitajiet lokali li juru potenzjal globali fil-fażi inizjali tagħhom. Dawn l-iskemi ta’ finanzjament tal-UE jinkoraġġixxu l-finanzjament tal-fattibbiltà nazzjonali u reġjonali, inkluż l-użu attiv tal-fondi ta’ koeżjoni;

36.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tmexxi u tindirizza l-aktar problema strutturali sinifikanti fis-suq tal-ishma billi tippermetti lill-kumpaniji elenkati joħorġu ishma ġodda u jbigħuhom lis-suq mingħajr proċess peżanti ta’ ħruġ ta’ ishma;

37.

jenfasizza li, filwaqt li s-suċċess ta’ kwalunkwe aġenda ta’ innovazzjoni jiddependi fuq il-kapaċità kontinwa li jiġu sostitwiti prodotti u servizzi qodma b’oħrajn ġodda, l-effetti ta’ tfixkil tagħha għandhom jiġu indirizzati permezz tal-kodisinn u l-kokostruzzjoni biex tiġi żgurata aċċettazzjoni dejjiema, bl-involviment ukoll tal-atturi lokali u reġjonali;

Inizjattiva ewlenija biex niffaċilitaw l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda bi spazji tal-esperimentazzjoni u l-akkwist pubbliku

38.

jenfasizza l-importanza tal-Proċess ta’ Skoperta Miftuħa u jirreferi għal korp ta’ riċerka u metodi ppruvati għall-orkestrazzjoni u l-ġestjoni ta’ proċessi ta’ kollaborazzjoni u esperimentazzjoni f’diversi livelli fi trasformazzjoni sistemika radikali. Il-KtR jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittejbu l-kapaċitajiet professjonali u l-postijiet tax-xogħol biex isiru ambjenti ta’ tagħlim li jiġġeneraw ideat li jistgħu jitwettqu, billi jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-fiduċja u l-esperimentazzjoni fi proġetti konġunti b’viżjoni, għanijiet, strateġiji u pjani ta’ azzjoni approvati;

39.

jenfasizza li f’approċċ ibbażat fuq il-kooperazzjoni f’diversi livelli, is-soluzzjonijiet għall-problemi lokali għandhom, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jiġu żviluppati b’mod konġunt mal-partijiet ikkonċernati kollha tal-ispirali kwadrupli b’mod konness f’ambjenti tad-dinja reali. Dan l-iżvilupp se jwassal għal tagħlim rapidu, espansjoni u korrezzjonijiet rapidi fit-triq tal-innovazzjoni — filwaqt li ċerti partijiet tal-koordinazzjoni u l-monitoraġġ iseħħu fil-forma ta’ networks transreġjonali. L-għan huwa li jiġi rikonoxxut x’inhu possibbli, u jiġu estiżi l-aspettattivi ta’ dak li huwa possibbli biex dak li huwa impossibbli jsir possibbli, wara jitqabblu prattiki alternattivi biex jiġu evalwati u jkun hemm tagħlim dwar mogħdijiet ta’ esperimentazzjoni ta’ suċċess u dawk li ma rnexxewx, kif ukoll li jiġu mħeġġa d-diffużjoni u l-adozzjoni tal-innovazzjoni barra mill-kuntest oriġinali tagħha;

40.

itenni li monitoraġġ u valutazzjoni adegwati tal-innovazzjoni huma essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva tal-politika. Il-KtR ifakkar (7) fl-użu u l-iżvilupp ulterjuri tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali dwar politiki reġjonali bbażati fuq il-post. Il-KtR ifakkar li din hija għodda essenzjali biex jitqabblu l-bidliet fil-prestazzjoni tal-politiki ta’ innovazzjoni reġjonali u biex jiġu organizzati proċessi ta’ tagħlim komparattiv bejn ir-reġjuni, u b’hekk jittejbu l-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

41.

jenfasizza li l-esperimentazzjoni fuq skala kbira tirrikjedi Sħubijiet Ewropej fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa, l-użu ta’ akkwist pubbliku innovattiv, u l-appoġġ tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-innovazzjoni, mill-istadji bikrija tar-riċerka sal-prova tal-kunċett, it-trasferiment tat-teknoloġija, u l-finanzjament u l-espansjoni tal-esperimenti, il-kumpaniji, u n-negozji ġodda biex jirnexxu, bħala sors ta’ ispirazzjoni, fi proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEIs) u Widien tal-Idroġenu;

Inizjattiva ewlenija biex inħaffu u nsaħħu l-innovazzjoni fl-Ekosistemi Ewropej tal-Innovazzjoni madwar l-UE u nindirizzaw id-distakk fl-innovazzjoni

42.

jipproponi li l-widien tal-innovazzjoni reġjonali, flimkien mal-istituzzjonijiet ewlenin tal-edukazzjoni għolja għandhom isiru katalisti essenzjali għall-bidla soċjetali u industrijali u għandhom jippermettu lir-reġjuni b’oqsma simili ta’ speċjalizzazzjoni jikkollaboraw u jmexxu ’l quddiem proġetti konġunti ta’ innovazzjoni. F’dan il-kuntest se tkun meħtieġa sistema komprensiva, koordinata u deċentralizzata għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-programmi;

43.

jinnota li biex jintlaħqu l-miri li ġew stabbiliti, Orizzont Ewropa (EUR 100 miljun) u l-Investimenti Interreġjonali fl-Innovazzjoni (I3) (EUR 70 miljun) taħt il-FEŻR se jipprovdu biżżejjed riżorsi biss għall-qafas inizjali, li għandu jiġi appoġġjat minn sforzi radikalment aktar estensivi u finanzjament sussegwenti. Il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa sinerġiji effettivi bejn dawn il-flussi ta’ finanzjament billi tibni fuq inizjattivi bħas-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali u n-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali;

44.

jilqa’ l-miżuri effettivi tal-Kummissjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-dimensjoni reġjonali fil-politika tal-UE u l-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali bħala l-muftieħ biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u tinkiseb l-awtonomija strateġika tal-UE għal tkabbir intelliġenti u sostenibbli. Il-KtR jirrimarka li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huma fil-qalba tal-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali b’kultura b’saħħitha ta’ negozji ġodda u negozji. L-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni għolja, speċjalment l-universitajiet tax-xjenzi applikati u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja simili oħrajn li joperaw fl-iżvilupp ta’ prattika fil-ħajja reali, jeħtieġ li jsaħħu r-rwol tagħhom bħala xpruni attivi tal-innovazzjoni fir-reġjuni, jiżguraw it-taħriġ ta’ professjonisti tant meħtieġa, jattiraw talent ġdid, u jippermettu li innovazzjonijiet teknoloġiċi importanti jiġu trasferiti għall-ekonomija lokali;

45.

jirrimarka r-rwol importanti tal-edukazzjoni vokazzjonali, li tiffoka fuq it-taħriġ tat-tekniċi u professjonisti oħra orjentati lejn il-prattika, fl-implimentazzjoni ta’ din l-Aġenda ta’ Innovazzjoni;

46.

jenfasizza l-isfida fundamentali tal-aġenda Ewropea għall-innovazzjoni fit-teknoloġija profonda, li għandha inċentivi, esperjenzi u riżorsi inadegwati biex tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati fi tranżizzjoni sistemika. Neħtieġu wkoll inċentivi għall-bidla fl-istituzzjonijiet ewlenin tal-edukazzjoni għolja minn “ippubblika jew inqered” għal enfasi akbar fuq kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali ewlenin urġenti u jiġu appoġġjati l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda u t-trasferiment globali tat-teknoloġija f’kollaborazzjoni mal-industrija;

47.

jipproponi li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, flimkien mal-atturi l-oħra tal-ispiral kwadruplu, jeħtieġ li jiżviluppaw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ orkestraturi professjonali tal-ekosistemi lokali fejn ir-riċerkaturi, l-istudenti u l-kumpaniji jesperimentaw flimkien u jippilotaw teknoloġiji ġodda fil-kultura l-ġdida intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni;

48.

itenni l-importanza li l-inizjattivi jkunu mmirati u ffinanzjati biex jixxejnu ż-żewġ distakki fl-innovazzjoni ħalli jiġu ffaċilitati sħubijiet ta’ eċċellenza li jinvolvu għadd ta’ atturi fil-livell globali u aċċess miftuħ għal dawn anke għal imsieħba minn pajjiżi u reġjuni bi prestazzjoni baxxa. Dawn huma kruċjali għall-ħolqien ta’ ekosistema tal-innovazzjoni tal-UE aktar robusta u koeżiva;

49.

itenni li ċ-ċentri taż-ŻER li jgħaqqdu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-atturi tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huma strument ideali biex jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ il-merti ta’ approċċ ibbażat fuq il-post għax-xjenza u l-innovazzjoni fil-ħolqien konġunt ta’ soluzzjonijiet ġodda biex jiġu indirizzati l-kriżijiet attwali permezz ta’ approċċ reġjonali minn isfel għal fuq;

50.

jirrakkomanda azzjonijiet permezz tan-Network Enterprise Europe f’termini ta’ trasferiment tat-teknoloġija internazzjonali u kooperazzjoni teknoloġika fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

Inizjattiva ewlenija biex inrawmu, nattiraw u nżommu t-talenti fit-teknoloġija profonda

51.

iħeġġeġ il-ħolqien ta’ pjan ta’ azzjoni partikolari b’inċentivi u finanzjament adegwat biex jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jaqdu rwol attiv biex isolvu sfidi soċjetali ewlenin, irawmu l-innovazzjoni fit-teknoloġija profonda fl-Ewropa, il-kollaborazzjoni mal-industrija, u l-integrazzjoni u jħarrġu t-talent meħtieġ fl-Ewropa;

52.

jenfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u speċjalment tal-istudenti, bħala katalisti bejn in-negozji ġodda u l-mentalità xjentifika u s-sħubijiet bejn l-universitajiet u l-industrija biex jappoġġjaw l-innovazzjoni fit-teknoloġija profonda u t-trasferiment tat-teknoloġija; l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom isiru l-muturi tal-bidla strutturali meħtieġa biex titħaffef l-innovazzjoni fit-teknoloġija profonda biex jinħoloq, jinżamm u jibqa’ t-talent fl-Ewropa. Iċ-ċentri tat-teknoloġija jistgħu jaqdu rwol importanti f’dan ir-rigward bħala medjaturi u faċilitaturi;

53.

jipproponi li l-aqwa istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jagħtu eżempju, bħal fl-Istati Uniti, għal oħrajn fil-bidla fil-mentalità lejn soċjetà li tagħti valur lill-intraprenditorija, lill-kumpaniji ġodda u li qed jikbru, lill-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-industrija, lit-teknoloġija profonda, u lill-indirizzar tal-isfidi soċjetali;

54.

jafferma mill-ġdid li l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), il-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) tiegħu, u l-portafolli tagħhom mhumiex magħrufa sew fost il-bliet, ir-reġjuni, l-istudenti, iċ-ċittadini u d-dinja akkademika madwar l-Ewropa;

Inizjattiva ewlenija biex intejbu l-għodod tat-tfassil tal-politika

55.

jirrakkomanda li jiżdied il-fehim tan-natura dejjem tinbidel tal-innovazzjoni fit-tfassil tal-politika lokali u reġjonali permezz tal-inizjattiva tas-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali u l-kollaborazzjoni bejn il-JRC, id-DĠ RTD, id-DĠ GROW, id-DĠ REGIO u l-KtR. Din għandha ssir f’kooperazzjoni mat-territorji involuti fil-proġett pilota Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali tal-KtR-JRC u flimkien ma’ networks b’esperjenza madwar l-Ewropa kollha ffukati fuq l-innovazzjoni bħall-EARTO, ERRIN, u ENoLL;

56.

jinnota li din l-inizjattiva ewlenija tinkludi punti ta’ azzjoni li huma rilevanti ħafna għar-reġjuni u l-bliet. Il-KtR jaqbel mad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-appoġġ lir-reġjuni fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ innovazzjoni aħjar u jipproponi li jiġi nnegozjat pjan ta’ implimentazzjoni konġunt li jqis l-elementi differenti tal-Aġenda ta’ Innovazzjoni u ta’ din l-Opinjoni;

57.

ifakkar (lir-reġjuni kollha) li din l-Aġenda għall-Innovazzjoni ġdida hija sforz vitali u estensiv biex jinħolqu b’mod konġunt strumenti ġodda biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali jaħarqu li jeħtieġu kollaborazzjoni Ewropea, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tuża s-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali u għodod oħra biex toħloq appoġġ għall-bliet u r-reġjuni ħalli jħejju l-aġendi ta’ innovazzjoni reġjonali tagħhom u jaċċelleraw il-miżuri ta’ innovazzjoni mal-partijiet interessati tagħhom;

58.

jaqbel mal-ħtieġa li jiġu definiti u użati t-terminoloġija, l-indikaturi, it-tassonomija tad-data, u settijiet ta’ data komparabbli ewlenin biex jiġi appoġġjat it-tfassil tal-politika assistit mill-evidenza, li ser jiġu ppubblikati fuq portali istituzzjonali tad-data miftuħa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess, l-użu u l-konsultazzjoni;

Il-passi li jmiss

59.

jipproponi li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka joħloq arena Ewropea ta’ kollaborazzjoni virtwali għall-kondiviżjoni, l-esperimentazzjoni u l-ittestjar ta’ metodi, għodod u prattiki fil-politiki u l-miżuri tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet jistgħu jużaw fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ innovazzjoni tagħhom;

60.

jenfasizza li l-proċess tal-Aġenda għall-Innovazzjoni jirrikjedi valutazzjoni regolari tal-progress u aġġustamenti mal-partijiet interessati;

61.

jenfasizza l-importanza kruċjali li jiżdiedu s-sinerġija u l-kollaborazzjoni bejn l-inizjattivi ewlenin tal-UE u li jintwera kif dan iseħħ fil-prattika reali fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida fil-livelli lokali u reġjonali. F’dan ir-rigward, l-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom iżidu l-użu sinerġiku ta’ sorsi differenti ta’ finanzjament Ewropej u nazzjonali mmirati speċjalment biex isaħħu l-bażi tal-innovazzjoni tal-bliet u r-reġjuni;

62.

jenfasizza li sabiex jiżdied l-iżvilupp tan-negozju Ewropew li qed jespandi, jeħtieġ li l-mexxejja politiċi fil-livelli kollha jimpenjaw ruħhom biex jiffinanzjaw ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni ħafna aktar milli għamlu sa issa u, b’dik l-għajnuna, jestendu pjattaformi ġodda ta’ tkabbir u ekosistemi tal-innovazzjoni miftuħa influwenti bbażati fuq il-post fl-Ewropa kollha. Il-fażi pijuniera tista’ tinħoloq bl-użu tar-reġjuni u l-bliet pilota li jipparteċipaw fis-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali;

63.

jirrakkomanda li jiġi approfondit l-iżvilupp metodoloġiku biex jitwettqu l-proċessi ta’ trasformazzjoni sistemika fil-livelli kollha ta’ governanza, li jiffukaw fuq kollox fuq innovazzjonijiet trasformattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi globali. Waħda mill-miri hija li jiżdied l-użu tal-aħjar għarfien ibbażat fuq ix-xjenza f’dawn il-proċessi ta’ trasformazzjoni. Il-mira l-oħra hija li jinħolqu b’mod konġunt il-prattiki fil-livell lokali għat-tmexxija Ewropea fil-punti b’saħħithom eżistenti bħall-Patt Ekoloġiku, l-approċċ tat-tranżizzjoni doppja, u t-tisħiħ tar-reżiljenza strateġika;

64.

iħeġġeġ biex tiġi ffaċċjata l-kompetizzjoni globali għat-talent u t-tmexxija fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, il-matematika u l-kapaċità tal-innovazzjoni, bl-użu ta’ żewġ inizjattivi tal-Istati Uniti bħala referenza: l-inizjattiva ta’ finanzjament il-ġdida il-Fondazzjoni Nazzjonali tax-Xjenza (National Science Foundation — NSF), imsejħa l-Muturi tal-Innovazzjoni Reġjonali (Regional Innovation Engines), li hija programm li jikkatalizza u jrawwem l-ekosistemi tal-innovazzjoni fl-Istati Uniti kollha, u l-Programm ta’ Aċċellerazzjoni tal-Intraprenditorija Reġjonali tal-MIT (MIT Regional Entrepreneurship Acceleration Program — REAP) li huwa inizjattiva globali u jgħin lir-reġjuni jaċċelleraw it-tkabbir ekonomiku u jippromovu l-progress soċjali permezz tal-intraprenditorija mmexxija mill-innovazzjoni;

65.

jenfasizza li l-Aġenda għall-Innovazzjoni se tirnexxi biss jekk tiġi evitata l-frammentazzjoni u jekk il-miżuri jiġu implimentati b’mod effettiv. L-Ewropa se ssir il-mexxejja globali fix-xjenza, il-bażi industrijali, l-ekosistemi vibranti tan-negozji ġodda, il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-innovazzjoni, u l-bażi tat-talent — u dan se joħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-SDGs tan-NU.

Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2022.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Il-Playbook tas-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali juri ħtieġa għal trasformazzjonijiet soċjetali u l-użu tal-innovazzjoni soċjetali bħala wieħed mill-istrumenti.

(2)  Definizzjoni tal-OECD ta’ innovazzjoni soċjali (https://www.oecd.org/regional/leed/social-innovation.htm).

(3)  Ta’ min ifakkar li f’Novembru 2021, il-Kunsill Ewropew fassal 20 azzjoni ta’ prijorità, li waħda minnhom (“Il-bini ta’ ekosistemi reġjonali u nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jittejbu l-eċċellenza u l-kompetittività reġjonali/nazzjonali”) iddeskriviet il-ħtieġa li jiġu definiti u pilotati ċ-Ċentri taż-ŻER biex ikunu jistgħu jinħolqu ekosistemi kompetittivi tar-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-UE, biex jixxejnu d-distakki territorjali u biex jiġi żgurat il-fluss aktar faċli ta’ talenti u investimenti.

(4)  Brussell, 5.7.2022 C(2022) 4747 final Anness tal-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz ta’ Avviż tal-Kummissjoni dwar is-sinerġiji bejn il-programmi tal-FEŻR u Orizzont Ewropa.

(5)  https://cor.europa.eu/en/engage/Documents/RegHub/report-consultation-01-public-procurement.pdf

(6)  https://cor.europa.eu/en/engage/Documents/RegHub/RegHub%20report%20on%2021%20century%20rules.pdf

(7)  CoR-517-2020.


Top