Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IR1229

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji tal-Baġit tal-UE”

    COR 2022/01229

    ĠU C 79, 2.3.2023, p. 99–106 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 79/99


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji tal-Baġit tal-UE”

    (2023/C 79/12)

    Relatur:

    Nathalie SARRABEZOLLES (FR/PSE), Membru tal-Kunsill tad-Dipartiment ta' Finistère

    Dokumenti ta’ Referenza:

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji tal-Baġit tal-UE

    COM(2021) 566 final

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

    COM(2021) 570

    Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

    COM(2021) 569

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

    COM(2021) 570

    Emenda 1

    Premessa 3

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    L-iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), hija parti ċentrali tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima. Meta titqies ir-rabta mill-qrib tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet mal-objettivi tal-politika dwar il-klima tal-Unjoni , huwa xieraq li jiġi allokat sehem mid-dħul ikkonċernat għall-baġit tal-Unjoni.

    L-iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), hija parti ċentrali tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima. Meta titqies ir-rabta mill-qrib tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet mal-objettivi tal-politika dwar il-klima tal-Unjoni kif ukoll in-natura transfruntiera tal-emissjonijiet tal-karbonju, jista’ jkun xieraq li jiġi kkunsidrat li jiġi allokat sehem mid-dħul ikkonċernat għall-baġit tal-Unjoni , taħt il-kundizzjonijiet stretti li: (1) dan mhux se jaffettwa b’mod negattiv il-kapaċità finanzjarja tal-awtoritajiet nazzjonali biex jissodisfaw l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku ;

    Raġuni

    It-trasferiment tad-dħul mill-ETS mil-livell ta’ Stat Membru għal dak tal-UE jista’ jnaqqas il-kapaċità tal-Istati Membri li jinvestu f’miżuri dwar it-tibdil fil-klima minħabba inqas dħul.

    Emenda 2

    Premessa 5

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Sabiex jiġi evitat impatt eċċessivament rigressiv fuq il-kontribuzzjonijiet mill-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, jenħtieġ li tiġi stabbilita kontribuzzjoni massima għall-Istati Membri eliġibbli. Għall-perjodu mill-2023 sal-2027, l-Istati Membri huma eliġibbli jekk l-introjtu nazzjonali gross per capita, imkejjel skont l-istandard tal-kapaċità tal-akkwist u kkalkulat abbażi taċ-ċifri tal-Unjoni għall-2020 ikun anqas minn 90 % tal-medja tal-UE. Għall-perjodu mill-2028 sal-2030, jenħtieġ li jintuża l-introjtu nazzjonali gross per capita fl-2025 . Jenħtieġ li l-kontribuzzjoni massima tiġi stabbilita billi l-ishma tal-Istati Membri fir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskambju totali tal-emissjonijiet jitqabblu mal-ishma tal-introjtu nazzjonali gross tal-Unjoni ta’ dawk l-Istati Membri. Jenħtieġ li tiġi stabbilita kontribuzzjoni minima għall-Istati Membri kollha jekk is-sehem tagħhom tal-ammont totali tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ETS ikun anqas minn 75 % tas-sehem tagħhom fl-introjtu nazzjonali gross tal-Unjoni.

    Sabiex jiġi evitat impatt eċċessivament rigressiv fuq il-kontribuzzjonijiet mill-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, jenħtieġ li tiġi stabbilita kontribuzzjoni massima għall-Istati Membri eliġibbli. Għall-perjodu mill-2023 sal-2027, l-Istati Membri huma eliġibbli jekk l-introjtu nazzjonali gross per capita, imkejjel skont l-istandard tal-kapaċità tal-akkwist u kkalkulat abbażi taċ-ċifri tal-Unjoni għall-perjodu 2018-2020 ikun anqas minn 90 % tal-medja tal-UE. Għall-perjodu mill-2028 sal-2030, jenħtieġ li jintuża l-introjtu nazzjonali gross per capita fil-perjodu 2023-2025 . Jenħtieġ li l-kontribuzzjoni massima tiġi stabbilita billi l-ishma tal-Istati Membri fir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskambju totali tal-emissjonijiet jitqabblu mal-ishma tal-introjtu nazzjonali gross tal-Unjoni ta’ dawk l-Istati Membri. Jenħtieġ li tiġi stabbilita kontribuzzjoni minima għall-Istati Membri kollha jekk is-sehem tagħhom tal-ammont totali tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ETS ikun anqas minn 75 % tas-sehem tagħhom fl-introjtu nazzjonali gross tal-Unjoni.

    Raġuni

    Il-prattika komuni fil-politika ta’ koeżjoni hija li jintużaw iċ-ċifri tal-introjtu nazzjonali gross għal medja ta’ tliet snin biex ir-reġjuni u l-Istati Membri jiġu kklassifikati bħala aktar żviluppati, inqas żviluppati jew fi tranżizzjoni. Aħna nipproponu l-adozzjoni ta’ dan il-metodu biex jiġi kkalkulat il-mekkaniżmu ta’ rifużjoni applikat għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ETS.

    Emenda 3

    Premessa 6

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Ir-Regolament (UE) [XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill15 jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera biex jikkomplementa l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet u biex jiżgura l-effettività tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima. Meta titqies ir-rabta mill-qrib tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera mal-politika tal-Unjoni dwar il-klima, jenħtieġ li sehem mid-dħul mill-bejgħ ta’ ċertifikati jiġi ttrasferit għall-baġit tal-Unjoni bħala riżorsa proprja.

    Ir-Regolament (UE) [XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill15 jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera biex jikkomplementa l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet u biex jiżgura l-effettività tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima. Meta titqies ir-rabta mill-qrib tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera mal-politika tal-Unjoni dwar il-klima kif ukoll in-natura transfruntiera tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-ktajjen ta’ valur industrijali , jenħtieġ li sehem mid-dħul mill-bejgħ ta’ ċertifikati jiġi ttrasferit għall-baġit tal-Unjoni bħala riżorsa proprja.

    Raġuni

    In-natura transfruntiera tal-emissjonijiet tal-karbonju u tal-ktajjen tal-valur industrijali tagħmilha diffiċli li d-dħul mis-CBAM jiġi attribwit lil Stati Membri individwali u tikkostitwixxi argument qawwi favur l-allokazzjoni tad-dħul fil-livell tal-UE.

    Emenda 4

    Premessa 7

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    F’Ottubru 2021, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u l-Qafas Inklużiv tal-G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt laħqu ftehim dwar l-allokazzjoni lil ġurisdizzjonijiet tas-suq parteċipanti ta’ 25 % tal-profitti residwi ta’ intrapriżi multinazzjonali kbar li jkunu jaqbżu l-livell limitu ta’ profittabbiltà ta’ 10 % (“il-Ftehim tal-OECD/G20 IF Pilastru 1”). Jenħtieġ li r-riżorsa proprja tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ rata uniformi ta’ ġbir għas-sehem tal-profitti residwi tal-intrapriżi multinazzjonali, riallokata lill-Istati Membri [skont id- Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar ir-riallokazzjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni.]

    F’Ottubru 2021, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u l-Qafas Inklużiv tal-G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt laħqu ftehim dwar l-allokazzjoni lil ġurisdizzjonijiet tas-suq parteċipanti ta’ 25 % tal-profitti residwi ta’ intrapriżi multinazzjonali kbar li jkunu jaqbżu l-livell limitu ta’ profittabbiltà ta’ 10 % (“il-Ftehim tal-OECD/G20 IF Pilastru 1”). Jenħtieġ li r-riżorsa proprja tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ rata uniformi ta’ ġbir għas-sehem tal-profitti residwi tal-intrapriżi multinazzjonali, riallokata lill-Istati Membri [skont id-dħul fis-seħħ tal-konvenzjoni multilaterali u d- Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar ir-riallokazzjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni.]

    Raġuni

    Hemm bżonn li jiġi speċifikat li l-istabbiliment ta’ din ir-riżorsa proprja ġdida jiddependi mill-konklużjoni tal-konvenzjoni multilaterali mmirata lejn l-operazzjonalizzazzjoni tal-Ewwel Pilastru tal-ftehim tal-OECD/G20.

    Emenda 5

    Artikolu 1

    Ibdel il-punt (1)(d)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    2a.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (e), dan li ġej għandu japplika sas-sena finanzjarja 2030:

    2a.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (e), dan li ġej għandu japplika sas-sena finanzjarja 2030:

    (a)

    meta s-sehem ta’ Stat Membru fl-ammont totali ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1, punt (e), ikun anqas minn 75 % tas-sehem tiegħu fid-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni, dak l-Istat Membru għandu jagħmel disponibbli ammont li jkun ugwali għal 75 % ta’ dak is-sehem tad-dħul nazzjonali gross, multiplikat bl-ammont totali ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1, punt (e).

    (a)

    meta s-sehem ta’ Stat Membru fl-ammont totali ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1, punt (e), ikun anqas minn 75 % tas-sehem tiegħu fid-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni, dak l-Istat Membru għandu jagħmel disponibbli ammont li jkun ugwali għal 75 % ta’ dak is-sehem tad-dħul nazzjonali gross, multiplikat bl-ammont totali ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1, punt (e).

    (b)

    is-sehem ta’ Stat Membru fl-ammont totali ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1, punt (e), ma għandux ikun ogħla minn 150 % tas-sehem ta’ dak l-Istat Membru fid-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni għal Stati Membri bi dħul nazzjonali gross per capita li jkun anqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni, imkejjel skont l-istandard tal-kapaċità tal-akkwist u kkalkolat abbażi taċ-ċifri għall- 2020 , għall-perjodu mill-2023 sal-2027, u abbażi taċ-ċifri għall- 2025 , għall-perjodu mill-2028 sal-2030.

    (b)

    is-sehem ta’ Stat Membru fl-ammont totali ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1, punt (e), ma għandux ikun ogħla minn 150 % tas-sehem ta’ dak l-Istat Membru fid-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni għal Stati Membri bi dħul nazzjonali gross per capita li jkun anqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni, imkejjel skont l-istandard tal-kapaċità tal-akkwist u kkalkolat abbażi taċ-ċifri għall- 2018-2020 , għall-perjodu mill-2023 sal-2027, u abbażi taċ-ċifri għall- 2023-2025 , għall-perjodu mill-2028 sal-2030.

    Raġuni

    Il-prattika komuni fil-politika ta’ koeżjoni hija li jintużaw iċ-ċifri tal-introjtu nazzjonali gross għal medja ta’ tliet snin biex ir-reġjuni u l-Istati Membri jiġu kklassifikati bħala aktar żviluppati, inqas żviluppati jew fi tranżizzjoni. Aħna nipproponu l-adozzjoni ta’ dan il-metodu biex jiġi kkalkulat il-mekkaniżmu ta’ rifużjoni applikat għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ETS.

    Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

    COM(2021) 569

    Emenda 6

    Premessa 3

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    L-introduzzjoni tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq, kif stabbilit fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill14 , tista’ twassal għal impatti soċjali fuq terminu qasir. Biex tiġi indirizzata din l-isfida, ir-Regolament (UE) [XXX] finali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxa15 Fond Soċjali għall-Klima, li għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont il-qafas finanzjarju pluriennali. Għalhekk, jenħtieġ li l-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-intestatura 3, “Riżorsi Naturali u Ambjent”, u l-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament jiġu adattati għas-snin 2025, 2026 u 2027 .

    L-introduzzjoni tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq, kif stabbilit fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill14 , tista’ twassal għal impatti soċjali fuq terminu qasir. Biex tiġi indirizzata din l-isfida, ir-Regolament (UE) [XXX] finali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill15 stabbilixxa Fond Soċjali għall-Klima, li għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont il-qafas finanzjarju pluriennali. Għalhekk, jenħtieġ li l-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-intestatura 3, “Riżorsi Naturali u Ambjent”, u l-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament jiġu adattati għas-snin 2024, 2025, 2026 u 2027 .

    Raġuni

    Il-Fond Soċjali għall-Klima jenħtieġ li jibda sena qabel l-estensjoni tal-ETS għas-settur tat-trasport u tal-bini sabiex il-familji vulnerabbli, l-intrapriżi mikro u żgħar u l-utenti tal-mobbiltà jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw.

    Emenda 7

    Premessa ġdida wara l-premessa 3

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

     

    Huwa xieraq li jiġi introdott “aġġustament awtomatiku għall-fluttwazzjoni tal-prezzijiet tal-karbonju” għal-limitu massimu tal-intestatura 3 biex jippermetti rinfurzar annwali tal-approprjazzjonijiet għall-Fond Soċjali għall-Klima fil-każ ta’ prezzijiet ogħla tal-karbonju fis-setturi tal-mobbiltà u tal-bini.

    Raġuni

    Hemm bżonn li jiġi żgurat li l-baġit tal-Fond Soċjali għall-Klima jiġi rinfurzat f’każ li l-prezz tal-karbonju fis-setturi tal-ETS2 ikun ogħla mis-suppożizzjonijiet inizjali tal-Kummissjoni.

    Emenda 8

    Artikolu 1, ġdid (3) li jdaħħal l-Artikolu 4b

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

     

    Jiddaħħal 4b:

    “Artikolu 4b

    Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-prezz tal-karbonju

    1.     Mill-2024, wara l-preżentazzjoni tal-kontijiet proviżorji tas-sena n-1 skont l-Artikolu 245(3) tar-Regolament Finanzjarju, għandu jsir aġġustament ’il fuq għal-limitu massimu tan-nefqa għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-intestatura 3 u għal-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament għas-sena kurrenti fl-eventwalità li l-prezz tal-karbonju fis-setturi ETS2 ikun ogħla mis-suppożizzjonijiet oriġinali tal-Kummissjoni.

    2.     L-aġġustament annwali se jiġi kkalkulat abbażi tal-livell medju tal-EU-27 tal-prezz tal-karbonju ETS2 fis-sena - 1.”

    Raġuni

    Hemm bżonn li jiġi żgurat li l-baġit tal-Fond Soċjali għall-Klima jiġi rinfurzat f’każ li l-prezz tal-karbonju fis-setturi tal-ETS2 ikun ogħla mis-suppożizzjonijiet inizjali tal-Kummissjoni.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

    1.

    jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi tliet riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE, iżda jibqa’ mħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt kredibbli fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba ta’ dawn il-miżuri għall-kumpaniji u l-konsumaturi Ewropej;

    2.

    jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti riżorsi ġodda mhux biss biex jitħallas lura d-dejn tan-Next Generation EU iżda wkoll biex tiżdied l-awtonomija finanzjarja tal-baġit tal-UE b’mod permanenti u biex jitnaqqsu l-inċentivi tal-Istati Membri biex jadottaw mentalità ta’ “juste retour” (rimborż ġust); ir-riżorsi proprji għandhom jiġu stabbiliti b’mod sostenibbli għall-baġits tal-Istati Membri;

    3.

    josserva li l-ewwel riżorsa proprja dwar l-iskart mill-imballaġġ mhux irriċiklat, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021, mhijiex allokata biex tiġi investita direttament fl-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik; għalhekk, jappella sabiex l-UE tkun aktar ambizzjuża fit-tnaqqis tal-użu tal-plastik u fil-promozzjoni tar-riċiklaġġ tiegħu.

    4.

    jinnota li l-introduzzjoni tal-ewwel basket ta’ riżorsi proprji ġodda fl-2023, f’konformità mal-pjan direzzjonali stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2021, se tibgħat messaġġ pożittiv lill-investituri dwar is-swieq finanzjarji u l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni; ifakkar li dħul suffiċjenti minn riżorsi proprji ġodda huwa essenzjali biex jiġi ggarantit il-ħlas lura tad-dejn tan-Next Generation EU mingħajr ma jiġu pperikolati l-programmi tal-UE fil-QFP li jmiss.

    Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri

    5.

    jappoġġja l-proposta għall-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) biex jistimola l-azzjoni klimatika globali. Is-CBAM għandu jiġi inkorporat fi strateġija industrijali usa’ tal-UE dwar it-tranżizzjonijiet;

    6.

    jirrimarka li l-introjtu mis-suq tal-karbonju u minn imposta tal-karbonju fil-fruntieri jista’ jonqos maż-żmien hekk kif l-ekonomija Ewropea tiddekarbonizza u pajjiżi terzi oħra jadottaw progressivament mekkaniżmi simili tal-ipprezzar tal-karbonju;

    7.

    jirrikonoxxi l-mekkaniżmu bħala għodda utli għall-UE biex tgħin fir-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 b’mod globali, madankollu dan iqajjem tħassib, bħall-impatt imprevedibbli tal-mekkaniżmu fuq is-swieq tal-UE, inklużi l-SMEs u l-biedja. Il-Kummissjoni Ewropea għandha żżid il-monitoraġġ u r-rappurtar lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu u l-impatt tiegħu fuq is-swieq;

    8.

    jenfasizza li l-allokazzjonijiet bla ħlas tal-ETS (1) għandhom jitneħħew b’mod gradwali għas-setturi koperti mis-CBAM, u jiġu sostitwiti bl-irkant tal-kwoti tal-emissjonijiet kollha, sabiex jiżgura l-kompatibbiltà mad-WTO fuq perjodu twil ta’ żmien.

    Riżorsa proprja ġdida bbażata fuq l-ETS

    9.

    jappoġġja l-proposta li jinħolqu riżorsi proprji ġodda bbażati fuq Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) riformata; jenfasizza li n-natura transfruntiera tal-emissjonijiet tal-karbonju, li huma assoċjati ma’ esternalitajiet negattivi mhux ristretti għall-pajjiżi emittenti, tipprovdi raġunament b’saħħtu għall-allokazzjoni tad-dħul mill-irkant miċ-ċertifikati tal-ETS għal-livell tal-UE; jenfasizza li dan ma għandux jolqot ħażin il-kapaċità tal-Istati Membri biex jiffinanzjaw il-programmi nazzjonali tagħhom dwar it-tibdil fil-klima;

    10.

    huwa essenzjali li jittaffew l-effetti negattivi soċjali u territorjali tal-estensjoni tal-ETS għas-settur tal-bini u t-trasport (ETS 2). Il-KtR jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqaf Fond Soċjali għall-Klima ffinanzjat b’ammont ekwivalenti għal 25 % tad-dħul mill-ETS2 tkun għal kollox mhux biżżejjed biex tikkumpensa għall-iskala vasta ta’ rinnovazzjonijiet tad-djar u l-elettrifikazzjoni tat-trasport bit-triq. Il-KtR jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-ETS u fil-ġestjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima. Il-KtR jirrakkomanda li l-Fond Soċjali għall-Klima jiġi integrat fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni tal-politika ta’ koeżjoni sabiex tiġi ssemplifikata l-ġestjoni tiegħu fil-prattika għall-awtoritajiet maniġerjali u l-benefiċjarji. Għandha tingħata prijorità biex l-għodod eżistenti ta’ investiment u koeżjoni jiffunzjonaw aħjar u aktar malajr minflok ma jiġu stabbiliti fondi ġodda li jiddupplikaw il-mekkaniżmi u l-objettivi eżistenti b’regoli differenti u bir-riskju li jiġu evitati r-regoli attwali dwar l-eliġibbiltà tas-sorsi tal-enerġija;

    11.

    jemmen li sabiex inżommu l-pass mat-tibdil teknoloġiku, regolatorju u tas-suq, is-CBAM għandu jkun dinamiku u l-iskop settorjali u l-kopertura tal-emissjonijiet tiegħu għandhom jiġu rieżaminati regolarment, sabiex jitqies l-impatt lokali u reġjonali tal-mekkaniżmu; jinsab lest li jappoġġja l-valutazzjoni tal-impatti territorjali tas-CBAM;

    12.

    jappoġġja l-idea li l-Fond Soċjali għall-Klima jiġi ffinanzjat permezz ta’ riżorsi proprji minflok ma jiġu allokati r-rikavati tal-ETS2 permezz ta’ dħul assenjat; jinnota li mekkaniżmu ta’ allokazzjoni jagħmel l-ippjanar fit-tul diffiċli peress li l-ammonti annwali jkunu imprevedibbli u volatili;

    13.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ETS se tkun 71 % tad-dħul totali minn dan l-ewwel basket ta’ riżorsi proprji ġodda. Għalhekk, iż-żamma ta’ riżorsa proprja bbażata fuq l-ETS hija kruċjali għall-kredibbiltà tal-pakkett.

    14.

    jinsab imħasseb, madankollu, li l-volum ta’ riżorsi għall-Fond Soċjali għall-Klima jista’ jkun insuffiċjenti fil-każ ta’ prezzijiet tal-karbonju għoljin ħafna. Il-KtR jappoġġja l-idea (2) li jinħoloq “aġġustament awtomatiku għall-fluttwazzjoni tal-prezzijiet tal-karbonju” biex jissaħħaħ il-baġit annwali tal-Fond Soċjali għall-Klima f’każ ta’ prezzijiet ogħla tal-karbonju fis-setturi tal-ETS2;

    15.

    iqis li l-Fond Soċjali għall-Klima għandu jibda fl-2024, sena qabel l-implimentazzjoni tal-ETS fil-qasam tat-trasport bit-triq u s-setturi tal-bini sabiex il-familji vulnerabbli, l-intrapriżi mikro u żgħar u l-utenti tal-mobbiltà, l-iżjed dawk li jiffaċċjaw il-faqar tal-mobbiltà, jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw.

    Riżorsa proprja bbażata fuq il-ftehim tal-OECD/G20 dwar “L-Ewwel Pilastru”

    16.

    jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex tinħoloq riżorsa proprja ġdida bbażata fuq “l-Ewwel Pilastru” tal-ftehim internazzjonali dwar it-taxxa tal-OECD/G20; jinnota, madankollu, li l-istabbiliment ta’ din ir-riżorsa proprja ġdida jiddependi mill-finalizzazzjoni b’suċċess tal-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD/G20 matul l-2022;

    17.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji għall-eventwalità li ġurisdizzjonijiet ewlenin, u b’mod partikolari l-Istati Uniti, ma jirratifikawx il-ftehim; iqis li, f’każ bħal dan, l-UE għandha timxi ’l quddiem u tipproponi Taxxa fuq is-Servizzi Diġitali tal-UE li sservi bħala soluzzjoni interim sakemm tiġi stabbilita soluzzjoni aktar globali għall-intaxxar ta’ kumpaniji multinazzjonali kbar;

    18.

    ifakkar li l-ftehim tal-OECD/G20 tal-2021 dwar it-tassazzjoni globali ppreveda l-konklużjoni tal-ħidma preparatorja dwar il-konvenzjoni multilaterali sa kmieni fl-2022; josserva li l-progress fl-implimentazzjoni qed jieqaf peress li l-OECD għadha ma ffinalizzatx it-test tal-konvenzjoni multilaterali; jinsab imħasseb li bidla politika fl-elezzjonijiet ta’ nofs il-mandat tal-Istati Uniti tista’ tipperikola l-kapaċità tal-Istati Uniti li jiffirmaw u jirratifikaw l-konvenzjoni multilaterali.

    Riżorsi proprji possibbli oħra

    19.

    jirrimarka li, b’mod ġenerali, it-tliet riżorsi proprji ġodda proposti se jrendu sa EUR 17-il biljun fis-sena mill-2026 sal-2030 skont l-istimi tal-Kummissjoni Ewropea; jinnota li dan l-ammont mhux se jkun biżżejjed biex ikopri kemm l-ispejjeż tal-ħlas lura tad-dejn tan-Next Generation EU (EUR 15-il biljun fis-sena) kif ukoll il-finanzjament tal-Fond Soċjali għall-Klima (EUR 9,7 biljun/sena); jenfasizza, għaldaqstant, li se jkunu meħtieġa riżorsi proprji ġodda addizzjonali; jenfasizza l-importanza tal-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali u jistieden lill-Kummissjoni tqishom meta tippreżenta riżorsi proprji ġodda.

    20.

    jinsab imħasseb dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jallokaw il-fondi li ma ntefqux mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jew il-PAK lura lill-pjan REPowerEU; jafferma mill-ġdid li l-politiki l-ġodda għandhom jiġu ffinanzjati b’mezzi finanzjarji ġodda;

    21.

    jinnota li r-riforma futura tas-sistema tal-baġit tal-UE tirrikjedi riżorsi proprji tal-UE li jappoġġjaw it-tranżizzjoni ġusta lejn ekonomiji ċirkolari kompetittivi. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-proposti Ex'Tax biex it-tassazzjoni tinbidel minn fuq ix-xogħol għal fuq it-tniġġis u l-użu tar-riżorsi, kif propost fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Din il-bidla fit-tassazzjoni (taxshift) hija bbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas kif ukoll fuq il-prinċipji “nagħmlu x-xogħol irodd” u “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”. L-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji tallinja l-politiki tat-taxxa mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fost l-oħrajn;

    22.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem fuq proposti għal riżorsi proprji ġodda mingħajr dewmien; iqis bħala promettenti ħafna l-idea li tinħoloq riżorsa proprja marbuta ma’ korporazzjonijiet ewlenin, li tibni fuq il-proposta tal-BEFIT (In-Negozju fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni fuq l-Introjtu) ippjanata għall-2023; josserva li, skont ċerti studji, l-implimentazzjoni tal-ftehim OECD/G20 tista’ twassal għal żieda fid-dħul mit-taxxa korporattiva fl-Ewropa b’aktar minn EUR 80 biljun fis-sena (3);

    23.

    jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tistabbilixxi Faċilità “RebuildUkraine”, li suppost se taġixxi bħala l-istrument legali ewlieni għall-appoġġ tal-UE għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; jenfasizza li kompiti ġodda jeħtieġu sorsi finanzjarji ġodda u jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward li l-ħtiġijiet addizzjonali b’riżultat tal-gwerra jisbqu bil-bosta l-mezzi disponibbli fil-QFP attwali u l-impenn li se jkun meħtieġ li jiġu identifikati sorsi ġodda ta’ finanzjament;

    24.

    jilqa’ bil-qawwa li l-Kummissjoni akkumpanjat il-proposta għal skema ġdida tal-ETS u l-abbozz ta’ Regolament li jistabbilixxi CBAM bi grilji tas-sussidjarjetà. Ir-raġunament mogħti fir-rigward tal-valur miżjud Ewropew tal-proposti u l-introduzzjoni ta’ miżuri li jirriżultaw mill-kompetenzi tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima kif definiti fl-Artikoli 191 sa 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jissodisfa l-valutazzjoni proprja tal-KtR tal-kompatibbiltà sħiħa tal-proposti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Brussell, it-30 ta’ Novembru 2022.

    Vasco ALVES CORDEIRO

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


    (1)  Skont l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, il-kumpaniji jridu jiksbu kwoti tal-emissjonijiet li jkopru l-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom. L-allokazzjoni bla ħlas hija stabbilita bħala metodu tranżitorju għall-allokazzjoni ta’ kwoti b’kuntrast mal-metodu prestabbilit (irkant). Madankollu, il-kwoti allokati bla ħlas għadhom jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-għadd totali ta’ kwoti disponibbli.

    (2)  Abbozz ta’ Opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima (COM(2021) 568 — C9-0324/2021 — 2021/206 (COD), 9.2.2022.

    (3)  Barake, Mona et al 2021 Revenue Effects of the Global Minimum Tax: Country-by-Country Estimates (Effetti fuq id-dħul tat-taxxa minima globali: stimi għal kull pajjiż), Osservatorju tat-Taxxa tal-UE, Nota Nru 2, Ottubru 2021 (Mhux disponibbli bil-Malti).


    Top