Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IR0729

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tmien rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

    COR 2022/00729

    ĠU C 498, 30.12.2022, p. 45–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 498/45


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tmien rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

    (2022/C 498/09)

    Relatur:

    Nathalie SARRABEZOLLES (FR/PSE) Membru tal-Kunsill tad-Dipartiment ta’ Finistère

    Dokumenti ta’ referenza:

    Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni: Il-koeżjoni fl-Ewropa sal-2050

    SWD(2022) 24 final

    COM(2022) 34 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

    1.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tat-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni, li jistabbilixxi kemm l-iżviluppi ewlenin kif ukoll id-disparitajiet territorjali li r-reġjuni Ewropej esperjenzaw matul l-aħħar għaxar snin, u li jistabbilixxi wkoll il-bażi għad-dibattitu dwar il-futur tal-koeżjoni wara l-2027;

    2.

    jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kuntest storiku li qed tesperjenza l-Unjoni Ewropea: il-pandemija tal-COVID-19 u dawk li r-Rapport dwar il-Koeżjoni jiddeskrivi bħala xejriet ewlenin ġodda, bħat-tibdil fil-klima u l-iperkonnettività diġitali, huma sorsi ġodda ta’ inugwaljanza territorjali u qed jalimentaw il-klima ta’ skuntentizza fl-Ewropa;

    3.

    jinnota li l-irkupru bil-mod tal-proċess ta’ konverġenza f’dawn l-aħħar snin jaħbi xejriet differenti ħafna: diversi reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni fin-Nofsinhar u fil-Majjistral tal-Ewropa kisbu tkabbir baxx jew negattiv. Fl-istess ħin, it-tkabbir reġjonali fil-Lvant xi drabi għadu kkaratterizzat minn differenzi qawwija bejn ir-reġjuni kapitali u reġjuni oħra;

    4.

    jenfasizza l-impatt tal-Brexit fuq l-ekonomija Ewropea, u b’mod partikolari fuq il-kooperazzjoni interreġjonali, l-ekosistemi ta’ riċerka u taħriġ u d-demografija ta’ ħafna reġjuni Ewropej;

    5.

    jinnota l-ħtieġa għall-koeżjoni fl-Ewropa enfasizzata mill-gwerra fl-Ukrajna, fil-fruntieri tal-Ewropa;

    6.

    jappella għalhekk lill-Kummissjoni biex tirrifletti b’mod miftuħ u strateġiku dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2027 fit-taħlita ta’ politiki Ewropej;

    Il-politika ta’ koeżjoni bħala politika ta’ żvilupp fit-tul

    7.

    iqis li d-differenzi reġjonali identifikati fir-Rapport dwar il-Koeżjoni jsaħħu bis-sħiħ il-leġittimità tal-politika ta’ koeżjoni kif definita fit-Trattati, jiġifieri t-tnaqqis fid-diskrepanzi tal-ġid u l-iżvilupp bejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea;

    8.

    għalhekk jilqa’ l-analiżi tar-Rapport dwar il-Koeżjoni dwar l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 fuq l-investiment fit-territorji kollha tal-Unjoni Ewropea;

    9.

    jinnota li l-politika ta’ koeżjoni ħafna drabi qdiet rwol ewlieni biex jinżamm livell suffiċjenti ta’ investiment pubbliku fid-dawl ta’ tnaqqis fl-investimenti nazzjonali;

    10.

    jirrimarka li l-impatt pożittiv tal-investimenti appoġġjati mill-politika ta’ koeżjoni huwa kkonfermat fuq medda twila ta’ żmien, kif enfasizzat fil-Kapitolu 9 tar-Rapport dwar il-Koeżjoni;

    11.

    ifakkar ukoll li l-proċeduri ta’ programmazzjoni speċifiċi għall-politika ta’ koeżjoni jippermettu li ċerti proġetti jiġu ffinanzjati sa tliet snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni, u b’hekk ikun impossibbli li jitqabblu ma’ programmi Ewropej oħra taħt ġestjoni diretta;

    12.

    jenfasizza l-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni biex tindirizza l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari permezz tal-miżuri ta’ flessibbiltà introdotti minn April 2020 (iż-żewġ pakketti “Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus” (CRII));

    13.

    iqis, madankollu, li huwa essenzjali li tinżamm l-intestatura tal-politika ta’ koeżjoni dwar it-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali fl-Ewropa;

    Definizzjoni tal-kunċett “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni”

    14.

    jara l-opportunitajiet għall-introduzzjoni ta’ kunċett ġdid fir-Rapport dwar il-Koeżjoni, li għandu l-għan li jestendi approċċ komprensiv għall-politika ta’ koeżjoni għal kwalunkwe politika pubblika Ewropea li tħalli impatt territorjali;

    15.

    jenfasizza li dan il-kunċett jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni li juri r-rwol tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    16.

    iqis li dan il-kunċett jista’ jippermetti li kull politika Ewropea tqis id-diversità tar-realtajiet reġjonali differenti fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li żżid l-effikaċja tagħha u ttejjeb il-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE fost iċ-ċittadini;

    17.

    jopponi, madankollu, l-interpretazzjoni restrittiva ħafna ta’ dan il-kunċett li skontha dan il-prinċipju japplika biss għall-programmi operattivi u lanqas japplika għall-Ftehim ta’ Sħubija; jinsisti mal-Kummissjoni Ewropea li dan il-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” għandu japplika għall-politiki Ewropej kollha sabiex jitnaqqas l-effett antikoeżiv ta’ ċerti politiki jew programmi Ewropej;

    18.

    jappoġġja b’mod partikolari l-ħtieġa msemmija fir-Rapport dwar il-Koeżjoni li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tappoġġja l-koeżjoni fl-Ewropa;

    19.

    jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jiżguraw li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u s-suċċessur possibbli tagħha jintegraw b’mod dirett l-approċċ tal-politika ta’ koeżjoni bbażat fuq il-governanza f’diversi livelli u s-sħubija;

    20.

    jenfasizza barra minn hekk il-ħtieġa li jiġu allinjati aħjar u jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u Orizzont Ewropa sabiex tissaħħaħ l-innovazzjoni fir-reġjuni Ewropej kollha sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tar-reġjuni, li jippermettu lill-UE tikkompeti fuq skala globali billi tinvesti fl-eċċellenza reġjonali u jistgħu jkunu soluzzjoni għan-nassa tal-iżvilupp tar-reġjuni bi dħul medju;

    21.

    jirrimarka, f’dan ir-rigward, li huwa importanti li dawn ir-reġjuni maqbudin fin-nassa tal-iżvilupp bi dħul medju jkollhom appoġġ speċifiku, jew bħala parti mill-fatt li jappartjenu għall-kategorija ta’ reġjuni intermedji jew permezz ta’ aċċess aktar faċli għall-istrumenti ta’ kooperazzjoni territorjali fil-qasam tal-innovazzjoni;

    22.

    jappella għall-konsolidazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti sabiex jissaħħu l-kompetittività u l-ekosistema tal-innovazzjoni abbażi ta’ strateġiji bbażati fuq il-post u kooperazzjoni territorjali msaħħa;

    23.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi l-kunċett “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” u biex tagħmlu mekkaniżmu reali għall-evalwazzjoni tal-impatt tal-politiki Ewropej fuq il-koeżjoni fl-Ewropa; jipproponi li t-test rurali previst fil-Komunikazzjoni dwar “Viżjoni fit-tul għaż-Żoni Rurali tal-UE” jiġi integrat f’dan il-mekkaniżmu sabiex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn iż-żoni; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa linji gwida speċifiċi dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ dan il-kunċett, inkluż permezz ta’ att leġiżlattiv wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;

    Il-politika ta’ koeżjoni fil-qalba ta’ strateġija Ewropea fit-tul

    24.

    ifakkar li għalkemm il-politika ta’ koeżjoni tinsab fil-qalba tat-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, mhijiex parti minn strateġija Ewropea fit-tul bħala tali, għall-kuntrarju tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 li kienet involuta direttament fit-twettiq tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    25.

    jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa strateġija Ewropea ġdida fit-tul għall-2030 li torbot l-imperattivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali filwaqt li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tinkludi l-politiki u l-fondi Ewropej kollha li jappoġġjaw l-investiment skont il-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” introdott fir-Rapport dwar il-Koeżjoni;

    26.

    jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u artikulazzjoni bejn il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 kif ukoll ir-riskju ta’ dupplikazzjoni u effett ta’ esklużjoni fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu reali li jivverifika l-addizzjonalità tal-finanzjament mill-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

    27.

    jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki Ewropej dwar l-investiment jitpoġġew fuq l-istess livell sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni bejn id-diversi politiki Ewropej fil-prattika, peress li attwalment ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat huma ostaklu għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, meta mqabbla ma’ politiki oħrajn;

    28.

    f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrifletti b’mod fundamentali l-evoluzzjoni tal-qafas leġiżlattiv Ewropew dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex il-proġetti appoġġjati mill-programmi u l-fondi Ewropej differenti jkunu suġġetti għall-istess regoli;

    Id-definizzjoni ta’ integrazzjoni aħjar tal-politika ta’ koeżjoni fis-Semestru Ewropew

    29.

    jinnota li r-Rapport dwar il-Koeżjoni ma jagħmilx referenza għar-rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni, minkejja r-rwol akbar tas-Semestru Ewropew fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027;

    30.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni ta’ taqsima ġdida dwar id-disparitajiet territorjali fir-rapporti tal-pajjiżi tal-pakkett tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew ippubblikat f’Mejju 2022, sakemm din l-inklużjoni tkun immirata esklużivament lejn it-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali fl-Ewropa u mhux l-impożizzjoni ta’ riformi strutturali kompletament maqtugħa mill-għanijiet fit-tul tal-politika ta’ koeżjoni;

    31.

    jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex iżżid l-enfasi fuq l-isfidi tal-koeżjoni territorjali li jaffettwaw it-territorji u r-reġjuni Ewropej fir-rapporti tal-pajjiżi rilevanti u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi;

    32.

    jappella biex issir riflessjoni aktar komprensiva mmirata lejn ir-riforma tal-qafas attwali għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi sabiex il-fażijiet differenti tas-Semestru Ewropew ikunu jistgħu jintegraw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” u jinvolvu aħjar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    33.

    jinnota, fuq il-bażi tat-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni, li d-defiċit tal-investiment pubbliku fi ħdan l-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi dejn moħbi; għalhekk, itenni t-talba tiegħu li diġà esprimieha diversi drabi għal “regola tad-deheb tal-kofinanzjament”, li fiha l-infiq tal-Istati Membri u l-komunitajiet territorjali fil-kofinanzjament tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment, f’konformità mal-limiti ta’ kofinanzjament tal-Unjoni applikabbli għalihom, ma jingħaddx mal-infiq strutturali, pubbliku jew simili kif definiti fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir; jenfasizza li l-investimenti pubbliċi, bħal dawk iddedikati għat-tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u soċjali sostenibbli u ż-żamma tal-kompetittività Ewropea, huma importanti għall-ġenerazzjonijiet futuri u għalhekk għandhom jiġu ttrattati b’mod adegwat fir-rigward tal-investiment pubbliku, inkluż permezz ta’ bidla fir-regoli tal-kontabilità Ewropea;

    34.

    itenni l-appell tiegħu minn Opinjonijiet (1) preċedenti rigward kodiċi ta’ kondotta għall-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Il-kodiċi ta’ kondotta huwa meħtieġ biex is-Semestru Ewropew isir aktar trasparenti, inklużiv u demokratiku, iżda wkoll aktar effettiv billi jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dan iżid is-sjieda fil-livell lokali u reġjonali, u b’hekk itejjeb l-implimentazzjoni tar-riformi ekonomiċi mixtieqa fl-Istati Membri;

    Lejn qafas strateġiku ġdid għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej …

    35.

    jinnota ċerta tendenza lejn il-multiplikazzjoni tal-fondi ta’ investiment fil-livell Ewropew, li wħud jinsabu taħt ġestjoni diretta, ġestjoni kondiviża (bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej — il-Fondi SIE) jew bi rwol ewlieni tal-Istat fl-implimentazzjoni tagħhom (il-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza appoġġjati mill-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza);

    36.

    jinsab imħasseb dwar it-tendenza attwali ta’ żieda fit-trasferiment tal-Fondi SIE lejn politiki jew programmi oħra, bħall-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jew programmi taħt ġestjoni diretta bħal Orizzont Ewropa; b’dan il-mod, jopponi bil-qawwa t-trasferiment tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) lejn il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza: il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ibbażat fuq l-Artikolu 175 tat-TFUE, għandu l-għan li jissupplimenta l-isforzi tal-politika ta’ koeżjoni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 174 tat-TFUE u mhux il-kuntrarju; barra minn hekk, ifakkar li l-politika ta’ koeżjoni diġà tirrappreżenta kontribut ewlieni għall-investiment ekoloġiku Ewropew u għall-indipendenza enerġetika tal-UE; għalhekk jikkonkludi li r-riċentralizzazzjoni tal-fondi Ewropej permezz tat-trasferiment tal-fondi msemmi hawn fuq lejn il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza mhijiex ġustifikata;

    37.

    jinnota li din it-tendenza twassal għal effett negattiv doppju fejn, minn naħa waħda, tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni bħala politika ta’ żvilupp fit-tul u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tagħha bħala linja baġitarja sempliċi fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni Ewropea;

    38.

    jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa qafas strateġiku ġdid għall-perjodu ta’ wara l-2027 li jiffoka fuq sħubija u governanza f’diversi livelli u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-fondi ta’ investiment kollha tal-Unjoni Ewropea b’dimensjoni territorjali, jiġifieri l-Fondi SIE, il-Fond Soċjali għall-Klima li possibbilment jinħoloq fil-futur, il-FAEŻR u l-Fond futur għall-Irkupru u r-Reżiljenza fejn rilevanti;

    39.

    jinsisti b’mod partikolari fuq l-integrazzjoni mill-ġdid meħtieġa tal-FAEŻR f’dan il-qafas strateġiku ġdid;

    40.

    jappella wkoll sabiex tingħata attenzjoni partikolari lill-futur tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex jinkorpora dimensjoni territorjali aktar estensiva u li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jissaħħaħ fl-implimentazzjoni tiegħu;

    … li għandu l-għan li jikseb semplifikazzjoni ġenwina fl-implimentazzjoni tal-Fondi SIE …

    41.

    jinnota li l-qafas leġiżlattiv għall-politika ta’ koeżjoni tal-2021-2027 fih miżuri sinifikanti ta’ semplifikazzjoni, bħall-estensjoni ta’ għażliet ta’ spejjeż semplifikati, li jridu jiġu evalwati ladarba jiġu applikati fil-kuntest tal-programmazzjoni għall-2021-2027;

    42.

    ifakkar, madankollu, li l-proliferazzjoni tal-fondi u r-regoli, l-iskedi ta’ żmien u l-modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża dan l-aħħar wasslet għal żieda fil-piż amministrattiv għall-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fondi, li ħafna drabi jinsabu fil-livell reġjonali;

    43.

    jinnota li dan il-piż amministrattiv iwassal għal dewmien fil-ħolqien ta’ Fondi SIE li għalihom ir-reġjuni ħafna drabi jitqiesu responsabbli, u li jdgħajjef l-immaġni tal-politika ta’ koeżjoni bħala politika ta’ investiment effettiva f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej;

    44.

    jenfasizza r-rwol ewlieni tar-reġjuni fid-dekompartimentalizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Fondi SIE u fir-rabta tagħhom ma’ approċċ ibbażat fuq il-post sabiex jiġu appoġġjati l-istrateġiji ta’ żvilupp ibbażati fuq il-post;

    45.

    jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni tibda proċess ta’ riflessjoni fit-tul li jinvolvi lill-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-Fondi SIE fil-livell reġjonali biex jiġu ssemplifikati r-regoli ta’ ġestjoni, monitoraġġ u verifika li jwasslu għal riforma ġenwina fid-dawl tal-pakkett leġiżlattiv li jmiss tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ wara l-2027;

    46.

    ifakkar l-appell tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex jiġi implimentat kuntratt ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet li jimmaniġġjaw il-politika ta’ koeżjoni biex jerġgħu jagħmlu l-Fondi SIE attraenti għall-iżviluppaturi tal-proġetti u b’tali mod li l-programmi li kellhom żball residwu baxxa ħafna matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 ikunu jistgħu jibbenefikaw minn semplifikazzjoni tar-regoli ta’ ġestjoni, kontroll u awditjar għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

    … u jiffoka fuq sħubija ġenwina ta’ fiduċja mal-awtoritajiet lokali u reġjonali …

    47.

    jinnota ċerta ċentralizzazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-2021-2027 u mminar tal-prinċipju tas-sħubija u tar-rwol tal-awtoritajiet reġjonali fid-definizzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment fil-programmi operattivi;

    48.

    jilqa’ l-intenzjoni espressa fir-Rapport dwar il-Koeżjoni li jissaħħu l-governanza f’diversi livelli u l-prinċipju tas-sħubija;

    49.

    jappoġġja l-inizjattiva reċenti għal Komunità Ewropea tal-Prattika dwar is-Sħubija 2021-2027 li għandha twassal għal titjib sinifikanti fil-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija;

    50.

    jenfasizza l-approċċ uniku tal-politika ta’ koeżjoni, li l-programmi operattivi tagħha tal-Fondi SIE huma bbażati fuq analiżi tal-ħtiġijiet territorjali stabbiliti fil-livell lokali u jsegwu proċess għalkollox parteċipattiv u demokratiku, għall-kuntrarju tal-pjani għall-irkupru nazzjonali appoġġjati mill-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li fil-biċċa l-kbira kienu ddisinjati mingħajr l-involviment tar-reġjuni;

    51.

    jappella għalhekk lill-Kummissjoni biex tagħti valur lir-rwol tar-reġjuni fil-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi marbuta mas-sħubija, speċjalment għall-perjodu ta’ wara l-2027;

    Il-politika ta’ koeżjoni bħala strument biex titreġġa’ lura d-depopolazzjoni fiż-żoni interni, rurali u muntanjużi

    52.

    jesprimi tħassib dwar it-tixjiħ progressiv tal-popolazzjoni, it-tnaqqis fir-rati tat-twelid u d-depopolazzjoni taż-żoni interni, speċjalment iż-żoni rurali u muntanjużi;

    53.

    jinnota li t-tfixkil ekonomiku u soċjali, l-aktar reċenti kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-kunflitt fl-Ukrajna, jaffettwa l-prospetti taż-żgħażagħ għall-futur tagħhom;

    54.

    jenfasizza l-importanza li tiġi definita strateġija tal-UE dwar id-demografija, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-opportunitajiet li joffru l-flussi migratorji legali fi ħdan l-UE, filwaqt li tissaħħaħ il-koordinazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali u jingħata appoġġ u protezzjoni lir-rifuġjati;

    Enfasi speċjali fuq ir-reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi permanenti

    55.

    jesprimi dispjaċir li r-Rapport dwar il-Koeżjoni jagħti biss attenzjoni superfiċjali lill-isfidi li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi permanenti u r-reġjuni ultraperiferiċi;

    56.

    jappella għal enfasi speċjali fuq ir-reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi permanenti definiti fl-Artikolu 174 tat-TFUE, jiġifieri b’mod partikolari r-reġjuni insulari, b’densità baxxa ta’ popolazzjoni, transfruntiera u muntanjużi u fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi fi kwalunkwe proġett ta’ riforma li jikkonċerna l-futur tal-politika ta’ koeżjoni,

    57.

    jenfasizza l-ħidma importanti li saret fil-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni tal-koeżjoni tal-gżejjer u jirrikonoxxi l-importanza ta’ patt għall-gżejjer Ewropej;

    58.

    fir-rigward taż-żoni rurali, jilqa’ l-fatt li r-Rapport dwar il-Koeżjoni jirrikonoxxi l-impatt potenzjalment negattiv tat-tranżizzjonijiet demografiċi fuq il-koeżjoni fl-Ewropa; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-futur issaħħaħ l-intervent tal-finanzjament u l-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni u tal-pjani strateġiċi tal-PAK, b’mod partikolari permezz ta’ limiti minimi li jqisu s-sehem tal-popolazzjoni u t-territorju taż-żoni rurali fl-UE kollha, għar-reġjuni rikonoxxuti fl-Artikolu 174 u l-kooperazzjoni bejn iż-żoni urbani u rurali, li kull wieħed minnhom għandu vantaġġi komparattivi u komplementari bil-għan li jkun hemm żvilupp territorjali armonjuż;

    59.

    fl-istess ħin jenfasizza r-rwol pożittiv li jaqdu ż-żoni metropolitani fl-iżgurar tal-iżvilupp koeżiv permezz tad-distribuzzjoni tal-ġid u l-benefiċċji f’żona partikolari u l-ħolqien ta’ rabtiet urbani-rurali aktar effiċjenti. Itenni li l-PDG per capita ma jagħtix stampa sħiħa tal-livell ta’ żvilupp tagħhom u jirrakkomanda l-użu tal-metodoloġija tal-Indiċi tal-Progress Soċjali biex jiġu identifikati l-aktar sfidi urġenti li jeħtieġ li jiġu ffinanzjati fiż-żoni metropolitani mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (2);

    Tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali

    60.

    ifakkar li l-baġit allokat għall-fergħa tal-“kooperazzjoni territorjali” tal-politika ta’ koeżjoni tal-2021-2027 tnaqqas b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu preċedenti, ħaġa li timmina l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tieħu azzjoni biex tindirizza kwistjonijiet importanti ta’ koeżjoni fiż-żoni transfruntiera;

    61.

    jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza fir-Rapport dwar il-Koeżjoni biex tissaħħaħ il-koperazzjoni transfruntiera u interreġjonali; jappella sabiex il-ħtieġa dejjem tikber li tissaħħaħ il-koeżjoni, li jiġu sostnuti l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti bejn it-territorji tal-Unjoni Ewropea u li jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda ta’ kooperazzjoni li qed joħorġu fil-kuntest reali, għandhom jiġu riflessi b’mod sħiħ fil-politika ta’ koeżjoni futura għall-perjodu ta’ wara l-2027.

    62.

    jiddispjaċih li r-reġjuni l-aktar milquta ħażin minn dan it-tnaqqis huma dawk elenkati fl-Artikolu 174 tat-TFUE, li, minħabba l-iżvantaġġi naturali u permanenti tagħhom, jeħtieġu b’mod partikolari li jsaħħu l-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali tagħhom mar-reġjuni l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

    Brussel, it-12 ta’ Ottubru 2022.

    Vasco ALVES CORDEIRO

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


    (1)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ rkupru għall-Ewropa li jindirizza l-pandemija tal-COVID-19: Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 160).

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Is-Semestru Ewropew u l-Politika ta’ Koeżjoni: l-allinjament tar-riformi strutturali mal-investimenti fit-tul (ĠU C 275, 14.8.2019, p. 1).

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni: It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (ĠU C 306, 15.9.2017, p. 24).

    (2)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni: L-isfidi tar-reġjuni metropolitani u l-pożizzjoni tagħhom fil-politika ta’ koeżjoni futura ta’ wara l-2020 (ĠU C 79, 10.3.2020, p. 8).


    Top