Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0244

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar it-talba biex titlaqqa' Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati (2022/2705(RSP))

    ĠU C 493, 27.12.2022, p. 109–109 (GA)
    ĠU C 493, 27.12.2022, p. 130–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 493/130


    P9_TA(2022)0244

    It-talba biex titlaqqa' Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar it-talba biex titlaqqa' Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati (2022/2705(RSP))

    (2022/C 493/13)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta' Mejju 2022 dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (il-Konferenza),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Mejju 2022 dwar is-segwitu għall-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea (2) u tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-verżjoni attwali tat-Trattati daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009 u billi l-Unjoni Ewropea ffaċċjat diversi kriżijiet u sfidi bla preċedent minn dak iż-żmien 'l hawn;

    B.

    billi fid-9 ta' Mejju 2022 il-Konferenza temmet il-ħidma tagħha u ppreżentat il-konklużjonijiet tagħha, li fihom 49 proposta u 326 miżura;

    C.

    billi minbarra l-proposti leġiżlattivi, il-ftuħ ta' proċess ta' riformi istituzzjonali huwa meħtieġ sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet u jiġu ssodisfati l-aspettattivi ta' dan il-proċess ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

    D.

    billi politiki ġodda u, f'xi każijiet, emendi tat-Trattat, huma meħtieġa mhux bħala mezz fihom infushom, iżda fl-interessi taċ-ċittadini kollha tal-UE, peress li għandhom l-għan li jsawru mill-ġdid l-UE b'mod li jsaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi, kif ukoll il-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà tagħha;

    1.

    Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Konferenza tad-9 ta' Mejju 2022;

    2.

    Jirrimarka li f'konformità mat-test fundatur tal-Konferenza, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom li jsegwu b'mod effettiv il-konklużjonijiet tal-Konferenza, kull wieħed minnhom fl-ambitu tal-kompetenzi tiegħu u f'konformità mat-Trattati;

    3.

    Jinnota li diversi proposti tal-Konferenza jirrikjedu emendi għat-Trattati, u li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament għandu jħejji proposti għal emendi tat-Trattat kif xieraq;

    4.

    Jirrimarka, speċjalment wara l-aktar kriżijiet reċenti, li t-Trattati jeħtieġ li jiġu emendati b'mod urġenti biex jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha l-kompetenza li tieħu azzjoni aktar effettiva matul kriżijiet futuri;

    5.

    Jissottometti lill-Kunsill, skont il-proċedura ta' reviżjoni ordinarja stabbilita fl-Artikolu 48 tat-TUE, għal dawk ir-raġunijiet, il-proposti li ġejjin għall-emendar tat-Trattati, fost l-oħrajn:

    li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi billi tirriforma l-proċeduri tal-votazzjoni, inkluż li tippermetti deċiżjonijiet fil-Kunsill b'votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata minflok b'unanimità f'oqsma rilevanti, bħall-adozzjoni ta' sanzjonijiet u l-hekk imsejħa klawżoli “passerelle”, u f'każ ta' emerġenza;

    li jiġu adattati l-kompetenzi konferiti lill-Unjoni fit-Trattati, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa, t-theddid transkonfinali għas-saħħa, fit-tlestija tal-unjoni tal-enerġija bbażata fuq l-effiċjenza enerġetika u l-enerġiji rinnovabbli mfassla f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali biex jittaffa t-tibdil fil-klima, fid-difiża, u fil-politiki soċjali u ekonomiċi; li jiġi żgurat li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġi implimentat bis-sħiħ u li jiġi inkorporat il-progress soċjali fl-Artikolu 9 tat-TFUE marbut ma' Protokoll dwar il-Progress Soċjali fit-Trattati; li jiġi appoġġat it-tisħiħ tal-kompetittività u r-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE, b'attenzjoni speċjali mogħtija lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-kontrolli tal-kompetittività u li jiġu promossi investimenti orjentati lejn il-futur iffukati fuq it-tranżizzjoni ġusta, ekoloġika u diġitali;

    li l-Parlament jingħata drittijiet sħaħ ta' kodeċiżjoni dwar il-baġit tal-UE, u d-dritt li jibda, jemenda jew iħassar il-leġiżlazzjoni;

    li tissaħħaħ il-proċedura għall-protezzjoni tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE u li jiġu ċċarati d-determinazzjoni u l-konsegwenzi tal-ksur tal-valuri fundamentali (l-Artikolu 7 tat-TUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea);

    6.

    Jipproponi b'mod aktar speċifiku li l-Artikoli tat-Trattat li ġejjin jiġu emendati kif ġej:

    l-Artikolu 29 tat-TUE

    “Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet li għandhom jiddefinixxu l-atteġġjament tal-Unjoni lejn materja partikolari ta' natura ġeografika jew tematika. Meta deċiżjoni tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew għalkollox, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma' pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-linji tal-politika nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet tal-Unjoni.”

    l-Artikolu 48(7) ir-raba' subparagrafu tat-TUE

    “Għall-adozzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet , il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata kif definit fl-Artikolu 238(3), punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea , wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tingħata bil-maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.”

    7.

    Jistieden lill-Kunsill iressaq dawn il-proposti direttament lill-Kunsill Ewropew għall-eżami, bil-għan li tissejjaħ Konvenzjoni magħmula minn rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri, tal-Parlament u tal-Kummissjoni;

    8.

    Jemmen li r-rappreżentanti tas-sħab soċjali tal-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, is-soċjetà ċivili tal-UE u l-pajjiżi kandidati għandhom jiġu mistiedna bħala osservaturi għall-Konvenzjoni;

    9.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  Testi adottati, P9_TA(2022)0141.

    (2)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.

    (3)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 90.


    Top