Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0242

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament (2020/2132(INI))

    ĠU C 493, 27.12.2022, p. 112–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 493, 27.12.2022, p. 100–107 (GA)

    27.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 493/112


    P9_TA(2022)0242

    Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament (2020/2132(INI))

    (2022/C 493/11)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(TFUE),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, kif emendat (1) (Il-Ftehim Qafas tal-2010),

    wara li kkunsidra il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (2) (Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (7),

    wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss ta' bejn l-2019 u l-2024 ippreżentati mill-President tagħha, Ursula von der Leyen, fis-16 ta' Lulju 2019 bit-titolu “A Union that strives for more – My agenda for Europe” (Unjoni li tirsisti għal aktar – L-aġenda tiegħi għall-Ewropa),

    wara li kkunsidra l-istudju ta' Lulju 2020 ikkummissjonat mill-Parlament u bit-titolu “The European Parliament's right of initiative” (Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament Ewropew),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0142/2022),

    A.

    billi, l-Artikolu 15 TUE jispeċifika li l-Kunsill Ewropew jeħtieġ li ma jeżerċitax funzjonijiet leġiżlattivi;

    B.

    billi l-Parlament huwa l-unika istituzzjoni tal-UE eletta demokratikament u direttament miċ-ċittadini; billi, għall-kuntrarju tas-sistemi kostituzzjonali tal-Istati Membri, il-Parlament ma għandu l-ebda dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva dirett ġenerali, li, skont l-Artikolu 17(2) TUE, huwa tal-Kummissjoni, ħlief fejn it-Trattati jiddikjaraw mod ieħor;

    C.

    billi t-Trattati jagħtu dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva indirett minħabba li, skont l-Artikolu 225 TFUE, “il-Parlament Ewropew jista', b'maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu, jitlob lill-Kummissjoni tissottometti proposti adegwati fuq dawk il-kwistjonijiet li dwarhom ikun iqis li hu neċessarju li jsir att tal-Unjoni sabiex jiġu implimentata t-Trattati”;

    D.

    billi l-Artikolu 225 TFUE jistipula wkoll li “jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bir-raġunijiet”;

    E.

    billi r-rapporti fuq inizjattiva proprja u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament jikkostitwixxu għodda importanti għall-istabbiliment tal-aġenda politika tal-UE;

    F.

    billi fl-ambitu tal-Ftehim Qafas tal-2010, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrapporta dwar is-segwitu konkret għal kwalunkwe talba tal-Parlament biex tippreżenta proposta skont l-Artikolu 225 TFUE fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni rilevanti fil-plenarja; billi, meta l-Kummissjoni ma tikkonformax ma' dan l-obbligu, dan jista' jikkostitwixxi nuqqas ta' aġir skont l-Artikolu 265 TFUE;

    G.

    billi terz biss tal-proċeduri ta' inizjattiva leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva tal-Parlament sal-2019 jistgħu jitqiesu li kellhom suċċess u l-biċċa l-kbira tar-rapporti fuq inizjattiva proprja leġiżlattivi (INLs) adottati mill-2011 'l hawn ma ġew segwiti minn ebda preżentazzjoni ta' proposti xierqa mill-Kummissjoni sal-2019 (8);

    H.

    billi l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet jistipula li l-Kummissjoni jeħtiġilha tadotta komunikazzjoni speċifika dwar is-segwitu għal talbiet bħal dawn u li jekk “tiddeċiedi li ma tippreżentax proposta, b'reazzjoni għal tali talba, ser tinforma lill-istituzzjoni kkonċernata bir-raġunijiet dettaljati, u tipprovdi, fejn xieraq, analiżi tal-alternattivi possibbli u tirrispondi għal kwalunkwe kwistjoni mqajma mill-koleġiżlaturi b'rabta mal-analiżi dwar ‘valur miżjud Ewropew’ u dwar ‘kemm tqum in-non-Ewropa’”;

    I.

    billi t-Trattati jagħtu lill-Parlament drittijiet ta' inizjattiva diretti fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu stess, l-elezzjoni tal-Membri tiegħu u l-Istatut tagħhom, l-Istatut tal-Ombudsman Ewropew u d-dritt ta' inkjesta tal-Parlament, li għalihom tapplika proċedura speċjali, u fir-rigward tat-tnedija ta' proċeduri relatati mar-rispett tal-istat tad-dritt u r-reviżjonijiet tat-Trattat;

    J.

    billi d-drittijiet ta' inizjattiva diretti tal-Parlament għadhom 'il bogħod milli jkunu biżżejjed biex jippermettulu jirrappreżenta leħen iċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, u dan effettivament iħalli lill-Kummissjoni b'monopolju fuq l-eżerċizzju tal-inizjattiva leġiżlattiva;

    K.

    billi rwol aktar prominenti għall-Parlament fl-istabbiliment tal-aġenda tal-Unjoni permezz tat-tisħiħ tad-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament jirrikjedi wkoll l-estensjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għal oqsma ta' politika oħrajn u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni interistituzzjonali;

    L.

    billi l-Parlament ipproduċa inizjattiva leġiżlattiva partikolarment ambizzjuża dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, adottata f'Ottubru 2016 (9) u 2020 (10) billi stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jidħlu f'negozjati mal-Parlament dwar ftehim interistituzzjonali f'konformità mal-Artikolu 295 TFUE; billi l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-oqsma fejn jista' jiġi żviluppat id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament;

    M.

    billi l-għoti ta' dritt ta' inizjattiva dirett lill-Parlament jibbilanċja mill-ġdid il-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni;

    N.

    billi l-evidenza empirika turi li s-suċċess tal-inizjattivi tal-Parlament essenzjalment jiddependi fuq il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet segwita mill-Kunsill (maġġoranza kwalifikata jew unanimità) (11);

    O.

    billi fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, il-Parlament fakkar li “fil-każ ta' reviżjoni futura possibbli tat-Trattati, id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva jista' jiġi attribwit ukoll lill-Parlament bħala r-rappreżentant dirett taċ-ċittadini tal-UE”; billi l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kient, fost affarijiet oħra, opportunità storika biex tiġi promossa r-riforma tad-demokrazija Ewropea u tat-Trattati bl-involviment taċ-ċittadini;

    P.

    billi fuq il-pjattaforma diġitali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, id-demokrazija Ewropea kienet waħda mill-kwistjonijiet li kisbet l-aktar kontributi miċ-ċittadini;

    Q.

    billi fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament ippropona “li f'konformità ma' prattika komuni f'għadd ta' Stati Membri, iż-żewġ kmamar tal-leġiżlatura tal-UE, il-Kunsill u, b'mod partikolari, il-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini, jenħtieġ li jingħataw id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva, mingħajr preġudizzju għall-prerogattiva leġiżlattiva bażika tal-Kummissjoni”;

    R.

    billi r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jiddeterminaw ir-regoli għall-abbozzar u l-adozzjoni tar-riżoluzzjonijiet skont l-Artikolu 225 TFUE; billi teżisti distinzjoni fil-prattika bejn ir-rapporti fuq inizjattiva proprja (INI) u r-rapporti INL; billi l-Ftehim Qafas tal-2010 u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ma jagħmlux distinzjoni bħal din;

    Id-dritt(ijiet) ta' inizjattiva dirett(i) tal-Parlament stabbilit(i) mit-Trattati

    1.

    Jenfasizza u jiddispjaċih li l-Parlament, minkejja li huwa l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament, m'għandux dritt ta' inizjattiva dirett ġenerali;

    2.

    Jissottolinja li t-Trattat ta' Lisbona diġà jagħti drittijiet ta' inizjattiva diretti lill-Parlament, filwaqt li jirrikonoxxi l-kompetenza tiegħu li jorganizza lilu nnifsu, il-funzjoni ta' skrutinju tiegħu u l-leġittimità demokratika tiegħu bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta b'mod dirett;

    3.

    Jenfasizza li fi struttura istituzzjonali fejn il-Parlament għad ma għandux dritt ta' inizjattiva dirett ġenerali, il-proċeduri leġiżlattivi speċjali li jniedi jkollhom dinjità kostituzzjonali speċjali u preminenza fuq il-proċeduri leġiżlattivi ordinarji;

    4.

    Ifakkar li f'dawn l-aħħar 20 sena, il-Parlament ripetutament għamel użu minn tali drittijiet leġiżlattivi speċjali, minkejja li huma daqstant insuffiċjenti; jiddispjaċih, madankollu, li dawn il-proċeduri leġiżlattivi speċjali rarament ġew konklużi b'suċċess minħabba n-nuqqas ta' qbil min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Kunsill (12);

    5.

    Jenfasizza li l-Parlament għamel użu mid-dritt ta' inizjattiva tiegħu billi nieda proċedura tal-istat tad-dritt skont l-Artikolu 7 TUE; jikkundanna n-nuqqas ta' segwitu min-naħa tal-Kunsill għal din il-proċedura u għat-talbiet ripetuti sussegwenti tal-Parlament għal azzjoni u jirrimarka li n-nuqqas tal-Kunsill li jagħmel użu effettiv mill-Artikolu 7 TUE jkompli jdgħajjef l-integrità tal-valuri komuni Ewropej, il-fiduċja reċiproka u l-kredibbiltà tal-Unjoni b'mod ġenerali; iqis li huwa essenzjali li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u immedjata tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (13) filwaqt li jitħares ir-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur; iqis li l-Unjoni għadha strutturalment mhux lesta biex tiġġieled ir-rigress fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u l-ksur tagħhom fl-Istati Membri; jemmen li d-deterjorament b'rabta ma' dawn il-kwistjonijiet f'diversi Stati Membri wera l-ħtieġa ta' kooperazzjoni interistituzzjonali ġenwina; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' rispons xieraq għall-inizjattiva tal-Parlament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jidħlu mingħajr dewmien f'negozjati mal-Parlament dwar ftehim interistituzzjonali;

    6.

    Itenni l-proposta motivata tiegħu dwar l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju min-naħa tal-Ungerija tal-valuri li l-Unjoni hija msejsa fuqhom; itenni t-tħassib serju tiegħu li l-proċeduri standard għas-seduti ta' smigħ ma jiżgurawx it-trattament ugwali tal-Parlament, minn naħa waħda, u l-Kummissjoni u terz tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra, f'dik li hija preżentazzjoni ta' proposta motivata u f'termini ta' aċċess għall-informazzjoni; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li s-seduti ta' smigħ għadhom ma rriżultaw f'ebda progress sinifikanti rigward l-indirizzar tar-riskji ċari ta' ksur serju tal-valuri tal-UE;

    7.

    Jiddispjaċih għall-fatt li tliet Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-liġi elettorali emendata tal-Unjoni Ewropea li ġiet adottata fl-2018;

    8.

    Jiddispjaċih ukoll għall-fatt li l-Kunsill sal-lum irrifjuta li jinnegozja mal-Parlament dwar id-dritt ta' inkjesta tiegħu, minkejja li dan imur kontra l-Artikolu 226 TFUE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera, u b'hekk iħalli dispożizzjoni tat-Trattat mhux implimentata minkejja d-dmir li jagħmel dan;

    9.

    Jilqa' l-adozzjoni tal-Istatut il-ġdid tal-Ombudsman Ewropew, b'segwitu għall-inizjattiva tal-Parlament, peress li dan jiżgura li l-istatut ikun konsistenti mat-Trattat ta' Lisbona;

    Id-drittijiet ta' inizjattiva tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew stabbiliti bit-Trattati

    10.

    Jiddispjaċih li fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja, l-Artikolu 121 TFUE jipprevedi biss li l-Parlament jiġi infurmat; jinnota wkoll li l-Kunsill eżerċita l-Artikolu 121 TFUE bħala dritt ta' inizjattiva de facto f'dan il-qasam, u jitlob aktar responsabbiltajiet għall-Parlament bħala l-unika istituzzjoni tal-UE li tirrappreżenta leħen iċ-ċittadini;

    11.

    Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-Artikolu 68 TFUE ġie eżerċitat bħala dritt ta' inizjattiva de facto mill-Kunsill Ewropew fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; jenfasizza l-fatt li l-Kunsill Ewropew mhuwiex koleġiżlatur, u li l-adozzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' programmi operattivi pluriennali f'dan il-qasam mingħajr l-ebda obbligu li jikkonsulta mal-Parlament jew mal-Kummissjoni għandha tiġi riveduta minħabba l-impatt partikolarment serju ta' dawn il-politiki fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jitlob li l-Parlament u l-Kunsill jingħataw din il-kompetenza fuq termini ugwali f'reviżjoni li jmiss tat-Trattat;

    12.

    Jinnota li skont l-Artikolu 76 TFUE, il-Kunsill, permezz ta' kwart tal-Istati Membri tiegħu, għandu dritt ta' inizjattiva li huwa simultanju ma' dak tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni dwar il-liġi amministrattiva u l-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali;

    13.

    Jinnota li dawn l-iżviluppi huma parti minn xejra usa' lejn żbilanċ dejjem akbar bejn il-Kunsill, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni fis-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-oqsma kollha ta' politika, fi gradi differenti; jisħaq li din il-prattika tnawwar l-arkitettura istituzzjonali tal-UE kif stabbilita mit-Trattati; jemmen li l-bilanċ għandu jerġa' jiġi stabbilit favur il-leġittimità demokratika permezz ta' drittijiet ekwivalenti għall-Parlament;

    14.

    Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' trasparenza fl-użu tad-dritt ta' inizjattiva indirett tal-Kunsill stabbilit fl-Artikolu 241 TFUE; jitlob lill-Kunsill jippubblika, b'mod faċli għall-utent u fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea, it-talbiet kollha magħmula bl-użu ta' din il-bażi legali u jinsisti fuq it-talba tiegħu biex il-Kunsill jiżgura l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza fl-atti kollha tiegħu (14), f'konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar l-aċċess għad-dokumenti;

    Id-dritt ta' inizjattiva indirett tal-Parlament stabbilit bit-Trattati

    15.

    Ifakkar li mit-Trattat ta' Maastricht, il-Parlament, b'rikonoxximent tal-leġittimità demokratika unika tiegħu, kiseb id-dritt li jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi;

    16.

    Jinnota li f'konformità mal-Artikolu 225 TFUE, it-talbiet iridu jkunu fil-kompetenza tal-Unjoni u li attwalment l-uniku obbligu tal-Kummissjoni huwa li tinforma lill-Parlament bir-raġunijiet tagħha għan-nuqqas ta' preżentazzjoni ta' proposta;

    17.

    Ifakkar li l-Parlament u l-Kummissjoni qablu li jkomplu jsaħħu dan id-dritt permezz tal-Ftehim Qafas tal-2010; jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrapporta dwar is-segwitu tagħha għat-talbiet tal-Parlament fi żmien tliet xhur u, jekk ikun deċiż hekk mill-kulleġġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva;

    18.

    Jemmen li wasal iż-żmien li tintwera rieda politika aktar ambizzjuża u għalhekk jitlob li jiġi kkunsidrat rieżami tal-Ftehim Qafas tal-2010 bil-għan li jiġu żgurati drittijiet ta' inizjattiva aktar b'saħħithom għall-Parlament;

    19.

    Jiddispjaċih għall-fatt li, sal-2019, fis-segwitu tagħha għar-rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament adottati skont l-Artikolu 225 TFUE, il-Kummissjoni kienet ippreżentat proposti leġiżlattivi b'segwitu għat-talbiet tal-Parlament f'minoranza tal-każijiet biss (15); jiddispjaċih ukoll għall-fatt li l-iskadenzi biex il-Kummissjoni twieġeb għat-talbiet tal-Parlament u tressaq proposti leġiżlattivi ma ġewx rispettati fil-biċċa l-kbira tal-każijiet;

    20.

    Iqis li l-uniku obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lill-Parlament bir-raġunijiet tagħha għalfejn ma tatx segwitu għal INL adottata minn maġġoranza tal-Membri komponenti tal-Parlament huwa dgħajjef wisq, u għalhekk jilqa' bl-aktar mod qawwi l-appoġġ tal-President tal-Kummissjoni von der Leyen għad-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament u l-impenn meħud biex il-Kummissjoni dejjem twieġeb b'att leġiżlattiv għat-talbiet tal-Parlament skont l-Artikolu 225 TFUE, b'rispett sħiħ għall-prinċipji tal-proporzjonalità, tas-sussidjarjetà u tat-tfassil aħjar tal-liġijiet; jistenna li l-Kummissjoni żżomm dan l-impenn biex tniedi leġiżlazzjoni b'segwitu għall-adozzjoni ta' kwalunkwe talba bħal din mill-Parlament adottata mill-maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu f'INL; iqis li kemm dan l-impenn kif ukoll is-setgħa tal-Parlament li jinfluwenza l-aġenda tal-UE għandhom jissaħħu;

    21.

    Ifaħħar lill-Kulleġġ tal-Kummissarji attwali talli wieġeb għat-talbiet kollha tal-Parlament fil-ħin (16), ħlief f'każ wieħed (17); jenfasizza, barra minn hekk, li f'każ wieħed biss talba ma rriżultatx fi proposta leġiżlattiva; iqis li dan juri li ġie stabbilit preċedent interistituzzjonali u jistenna li l-Kummissjoni tkompli tirrispetta l-impenn tagħha li twieġeb għat-talbiet kollha;

    22.

    Jemmen li r-riflessjoni dwar id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament għandha timxi id f'id ma' riflessjoni usa' dwar l-inizjattiva politika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

    23.

    Jissuġġerixxi li s-segwitu għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) għandu jittejjeb u jisħaq li jekk il-Kummissjoni tonqos milli tippubblika l-intenzjonijiet tagħha fl-iskadenzi mogħtija, jew tkun stabbiliet f'komunikazzjoni li ma għandhiex l-intenzjoni li tieħu azzjoni fuq IĊE li tkun issodisfat ir-rekwiżiti proċedurali u tkun konformi mat-Trattati, b'mod partikolari l-valuri fundamentali tal-Unjoni mnaqqxa fl-Artikolu 2 TUE, il-Parlament jista' jiddeċiedi li jagħti segwitu għall-IĊE b'INL;

    Il-futur tad-dritt(ijiet) ta' inizjattiva tal-Parlament

    24.

    Huwa konvint bis-sħiħ li dritt ta' inizjattiva ġenerali u dirett ikompli jsaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Unjoni, jagħti s-setgħa liċ-ċittadini tal-Unjoni u jirrifletti l-evoluzzjoni matul iż-żmien tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha lejn demokrazija Ewropea aktar b'saħħitha;

    25.

    Huwa tal-fehma li l-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament, għandu jingħata d-dritt li jipproponi leġiżlazzjoni;

    26.

    Jemmen bis-sħiħ li t-Trattati għandhom jiġu riveduti sabiex il-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament u għalhekk l-istituzzjoni li tirrappreżenta leħen iċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, jingħata dritt ġenerali u dirett li jniedi leġiżlazzjoni; jisħaq li l-Parlament għandu jniedi l-proċedura skont l-Artikolu 48 TUE biex jistabbilixxi tali dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva; huwa tal-fehma li d-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament għandu tal-anqas japplika f'dawk l-oqsma ta' politika fejn il-Parlament għandu s-setgħa li jippromulga leġiżlazzjoni bħala koleġiżlatur;

    27.

    Jisħaq li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kienet opportunità bla preċedent biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali u jingħata impetu ġdid lid-demokrazija Ewropea u jħeġġeġ bil-qawwa li tiġi segwita r-rakkomandazzjoni tal-parteċipanti fil-Konferenza favur dritt ta' inizjattiva ġenwin għall-Parlament;

    28.

    Itenni d-dinjità kostituzzjonali speċjali u rinforzata tal-kwistjonijiet li bħalissa l-Parlament għandu d-dritt ta' inizjattiva fir-rigward tagħhom, u għalhekk iqis li tali dritt esklużiv għandu jiġi estiż għall-kwistjonijiet fejn il-leġittimità demokratika u s-sovranità tal-Unjoni huma partikolarment rilevanti;

    29.

    Jinnota li d-drittijiet ta' inizjattiva attwali tal-Parlament jinkludu proċeduri leġiżlattivi speċjali differenti, bħal fil-każ ta' regolamenti relatati mal-kompożizzjoni tiegħu stess, l-elezzjoni tal-Membri tiegħu u l-Istatut tagħhom, l-Istatut tal-Ombudsman Ewropew kif ukoll id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament;

    30.

    Iqis li t-Trattati bilkemm jirregolaw tali proċeduri u jitlob ftehim interistituzzjonali ġdid bejn it-tliet istituzzjonijiet iddedikat esklużivament għal din il-kwistjoni, b'rispett sħiħ għad-dinjità kostituzzjonali speċjali tiegħu u filwaqt li tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea; iqis li dan il-ftehim interistituzzjonali l-ġdid jista' jikkontempla miżuri biex jiġi evitat li l-fajls jiġu mblukkati istituzzjonalment;

    31.

    Jikkunsidra li r-regoli interni tal-Parlament għandhom jirriflettu aħjar in-natura speċjali ta' dawn il-proċeduri leġiżlattivi; jirrakkomanda, b'mod partikolari, li meta l-adozzjoni ta' att mill-Parlament tkun tirrikjedi l-approvazzjoni jew il-kunsens tal-Kunsill u l-opinjoni jew il-kunsens tal-Kummissjoni, il-Parlament għandu, b'segwitu għall-votazzjoni dwar l-att propost, jidħol fi proċedura ta' konsultazzjoni ma' dawn l-istituzzjonijiet; huwa wkoll tal-fehma li l-Parlament għandu jissimplifika l-proċeduri biex jinbidlu tali atti proposti b'segwitu għal tali konsultazzjonijiet;

    32.

    Jemmen li l-estensjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u d-definizzjoni ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja fejn il-Parlament igawdi d-dritt ta' inizjattiva għandhom jitqiesu bħala proċessi komplementari;

    33.

    Iqis li r-rikonoxximent ta' dritt ta' inizjattiva dirett tal-Parlament ma jeskludix il-possibbiltà li l-Kummissjoni żżomm dritt simultanju jew iżżomm monopolju tal-inizjattiva bħal fil-qasam tal-baġit; jista' jipprevedi wkoll li l-Kunsill ikollu dritt ta' inizjattiva dirett f'oqsma definiti b'mod strett; jitlob lit-tliet istituzzjonijiet jirriflettu dwar kif id-drittijiet ta' inizjattiva simultanji jistgħu jikkoeżistu b'mod effettiv u jiġu implimentati fil-prattika;

    34.

    Jimpenja ruħu li juża bis-sħiħ, jiżviluppa u jkompli jsaħħaħ il-potenzjal ta' dritt ta' inizjattiva indirett tal-Parlament kif previst fit-Trattati u żviluppat aktar fi ftehimiet interistituzzjonali u permezz tal-impenn tal-President tal-Kummissjoni von der Leyen;

    35.

    Iqis li l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet għandu rwol essenzjali fl-iżgurar ta' kooperazzjoni sinċiera u trasparenti fiċ-ċiklu leġiżlattiv kollu kemm hu u jippermetti li jinkiseb fehim aħjar u reċiproku dwar il-pożizzjonijiet rispettivi tal-istituzzjonijiet differenti;

    36.

    Jitlob valutazzjoni konġunta tal-funzjonament tal-Ftehim Qafas tal-2010 u l-ħtieġa ta' reviżjoni mmirata biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet u l-perjodi ta' żmien tiegħu relatati mad-dritt ta' inizjattiva indirett tal-Parlament ikunu jistgħu jiġu rispettati b'mod effettiv; jitlob ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jivvalutaw flimkien mal-Parlament x'reviżjoni trid issir għall-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli li jista' jkun hemm għas-setgħat tal-Parlament li jipproponi inizjattivi leġiżlattivi;

    37.

    Iqis li huwa xieraq li jiġu rieżaminati r-rekwiżiti, il-proċeduri u r-regoli interni tiegħu, anke fir-rigward tal-abbozzar ta' rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva skont l-Artikolu 225 TFUE biex jiġi żgurat li l-proposti jkunu ffokati u sostanzjati sew; jissuġġerixxi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri deskritti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament għall-abbozzar u l-adozzjoni ta' riżoluzzjonijiet skont l-Artikolu 225 TFUE biex jiġi żgurat li kwalunkwe talba lill-Kummissjoni għal inizjattiva leġiżlattiva titqies b'mod adegwat, filwaqt li dejjem jiġi rispettat il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, irrispettivament mir-riżoluzzjoni parlamentari li tinkludi t-talba;

    38.

    Jimpenja ruħu li jiffavorixxi dawn l-istrumenti bħala l-mezz primarju biex tintalab il-preżentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni; jindika, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li t-talbiet jiġu indirizzati lill-Kummissjoni waħedha u li jiġi żgurat li l-kontenut tar-rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva jibqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tas-suġġett tar-rapport skont kif ikun ġie deċiż; jissottolinja li l-adozzjoni ta' rapporti ffokati u sostanzjati sew skont l-Artikolu 225 TFUE min-naħa tal-Parlament tirrikjedi li tiġi żgurata l-kapaċità teknika u amministrattiva meħtieġa;

    39.

    Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja tar-rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva sabiex jiġi żgurat li l-proċess ikun kemm jista' jkun effettiv, trasparenti u inklużiv; jenfasizza r-rwoli tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u tal-Konferenza tal-Presidenti f'dan ir-rigward;

    40.

    Jenfasizza li l-Parlament jirrispetta bis-sħiħ il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, li jenfasizza l-ħtieġa ta' analiżi minn qabel tal-valur miżjud Ewropew, kif ukoll valutazzjoni dwar il-kost tan-non-Ewropa, u li għandu struttura biex jitwettqu attivitajiet ta' valutazzjoni tal-impatt, sa fejn ikun possibbli li dan isir, qabel ma jippreżenta rapport INL sabiex tissaħħaħ il-valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew prevista fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

    41.

    Jemmen li l-Kummissjoni, meta tivvaluta l-prinċipji tas-sussidjarjetà, tal-proporzjonalità u tat-tfassil aħjar tal-liġijiet bħala parti mis-segwitu tagħha għat-talbiet tal-Parlament għal proposti leġiżlattivi skont l-Artikolu 225 TFUE, għandha tqis kif xieraq l-analiżijiet ta' akkumpanjament li jikkonċernaw il-valur miżjud Ewropew u l-kost tan-non-Ewropa prodotti mill-Parlament; jirrimarka li fl-ambitu tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni diġà hija obbligata twieġeb għal kwalunkwe kwistjoni mqajma mill-koleġiżlaturi fir-rigward ta' tali analiżijiet;

    42.

    Jemmen, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha torbot b'mod ċar l-abbozzi tal-proposti adottati b'segwitu għal proposta mill-Parlament skont l-Artikolu 225 TFUE mar-rapporti INL rilevanti, filwaqt li tipprovdi “impronta ta' influwenza leġiżlattiva” ċara;

    43.

    Jimpenja ruħu li jrawwem koordinazzjoni aktar b'saħħitha mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali billi jqis debitament l-opinjonijiet tagħhom fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 225 TFUE;

    44.

    Itenni li l-aċċessibbiltà, l-etika u t-trasparenza huma ta' importanza kbira u jridu jiggwidaw l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jitlob li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar ir-rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva, bħall-passi proċedurali interni jew is-segwitu tal-Kummissjoni, tkun faċilment disponibbli online fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea;

    45.

    Itenni l-importanza tal-fażi preleġiżlattiva u jfakkar fir-rwol tal-Parlament kif previst fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet u fil-Ftehim Qafas tal-2010; jitlob it-tħaffif tal-ħidma fuq l-istabbiliment ta' bażi ta' data leġiżlattiva konġunta, kif stipulat fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

    46.

    Ifakkar fl-importanza tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili għal-leġittimità demokratika tal-UE; jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jinvolvuhom b'mod sinifikanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-politika;

    o

    o o

    47.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

    (2)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (3)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.

    (4)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.

    (5)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 90.

    (6)  ĠU C 270, 7.7.2021, p. 71.

    (7)  ĠU C 362, 8.9.2021, p. 6.

    (8)  Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, studju bit-titolu “The European Parliament' s right of initiative” (Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament Ewropew), Brussell, 2020, p. 55 u 57.

    (9)  Riżoluzzjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162).

    (10)  Riżoluzzjoni tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (ĠU C 395, 29.9.2021, p. 2).

    (11)  Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, studju bit-titolu “The European Parliament' s right of initiative” (Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament Ewropew), Brussell, 2020, p. 12.

    (12)  Ibid., p. 34-35.

    (13)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.

    (14)  Riżoluzzjoni tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE (ĠU C 411, 27.11.2020, p. 149).

    (15)  Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, studju bit-titolu “The European Parliament' s right of initiative” (Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament Ewropew), Brussell, 2020, p. 54.

    (16)  Tweġibiet mill-Kummissjoni għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament li ġejjin:

    ir-riżoluzzjoni tat-8 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni bit-titolu “Digital finance: emerging risks in crypto-assets – regulatory and supervisory challenges in the area of financial services, institutions and markets” (Finanzi Diġitali: riskji emerġenti relatati mal-kriptoassi – sfidi regolatorji u superviżorji fil-qasam tas-servizzi, l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji" (ĠU C 395, 29.9.2021, p. 72);

    ir-riżoluzzjoni tat-22 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha (ĠU C 404, 6.10.2021, p. 175);

    ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni bit-titolu “Att dwar is-Servizzi Diġitali: adattament tar-regoli tad-dritt kummerċjali u ċivili għall-entitajiet kummerċjali li joperaw online” (ĠU C 404, 6.10.2021, p. 31);

    ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni bit-titolu “Att dwar is-Servizzi Diġitali: Titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku” (ĠU C 404, 6.10.2021, p. 2);

    ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2020 b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati (ĠU C 404, 6.10.2021, p. 63);

    ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar reġim ta' responsabbiltà ċivili għall-intelliġenza artifiċjali (ĠU C 404, 6.10.2021, p. 107);

    ir-riżoluzzjoni tal-21 ta' Jannar 2021 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-dritt ta' skonnessjoni (ĠU C 456, 10.11.2021, p. 161).

    (17)  Tweġiba mill-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Mejju 2020 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni bit-titolu “Xibka ta' sikurezza biex jiġu protetti l-benefiċjarji ta' programmi tal-UE: l-istabbiliment ta' pjan ta' kontinġenza għall-QFP” (ĠU C 323, 11.8.2021, p. 2).


    Top