Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0082

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġja l-istrateġija ta' rkupru (segwitu tal-PE għall-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ta' Lulju u l-25 inizjattiva tiegħu fil-qasam tal-VAT, it-tassazzjoni tal-intrapriżi u tal-individwi) (2020/2254(INL))

ĠU C 347, 9.9.2022, p. 211–222 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 347, 9.9.2022, p. 185–196 (GA)

9.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/211


P9_TA(2022)0082

Tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġja l-istrateġija ta' rkupru

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġja l-istrateġija ta' rkupru (segwitu tal-PE għall-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ta' Lulju u l-25 inizjattiva tiegħu fil-qasam tal-VAT, it-tassazzjoni tal-intrapriżi u tal-individwi) (2020/2254(INL))

(2022/C 347/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 dwar “Pjan ta' Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta' rkupru” (COM(2020)0312),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 dwar “Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa fl-UE u lil hinn minnha” (COM(2020)0313),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 bit-titolu “Pjan ta' azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu” (COM(2016)0148),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali” (COM(2021)0105),

wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni li għad iridu jiġu adottati, b'mod partikolari dwar il-Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva (BKTK), il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) (1), u l-pakkett tat-tassazzjoni diġitali (2), kif ukoll il-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar dawn il-proposti,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2019 bit-titolu “Lejn teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE” (COM(2019)0008),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” (COM(2020)0067),

wara li kkunsidra l-Qafas Inklużiv (IF) tal-OECD/G20 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ta' Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u Trasferiment tal-Profitti (BEPS) ta' Ottubru 2015,

wara li kkunsidra r-rapport interim tal-IF tal-OECD/G20 bit-titolu “Tax Challenges Arising from Digitalisation” (L-Isfidi tat-Taxxa li Ġejjin mid-Diġitalizzazzjoni) adottat fl-2018, u l-Programm ta' Ħidma tiegħu biex Jiżviluppa Soluzzjoni għall-Isfidi tat-Taxxa li Jirriżultaw mid-Diġitalizzazzjoni tal-Ekonomija adottat f'Mejju 2019,

wara li kkunsidra r-Rapporti dwar il-Pjanijiet Iddettaljati għall-Ewwel Pilastru u t-Tieni Pilastru adottati mill-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 fl-14 ta' Ottubru 2020, kif ukoll ir-riżultati ta' analiżi ekonomika u valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-OECD,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2021 bit-titolu “It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21” (COM(2021)0251),

wara li kkunsidra r-Rapport annwali dwar it-Tassazzjoni għall-2021 – Rieżami tal-politiki tat-tassazzjoni fl-Istati Membri tal-UE, DĠ TAXUD, 18 ta' Mejju 2021,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali bit-titolu “Taxing Multinationals in Europe” (It-Tassazzjoni tal-Kumpaniji Multinazzjonali fl-Ewropa), id-Dipartimenti tal-Affarijiet Ewropej u Fiskali, 2021, Nru 21/12,

wara li kkunsidra l-eżiti ta' diversi summits tal-G7, tal-G8 u tal-G20 li saru dwar kwistjonijiet tat-taxxa internazzjonali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu relatati mal-Kumitati Speċjali TAXE, tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (TAX 1) (4), tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (TAX 2) (5), u tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa (TAX 3) (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (PANA) (7),

wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa: progress, tagħlimiet miksuba u ostakli li jridu jingħelbu (2020/2046(INI)),

wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar riforma tal-politika tal-UE dwar il-prattiki dwar it-taxxa dannużi (inkluża r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta) (2020/2258(INI)),

wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0024/2022),

A.

billi l-impatt u d-daqs bla preċedent tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-ekonomija wasslu għal tnaqqis fid-dħul mit-taxxa u għal żieda fid-dejn u fin-nefqiet fiskali għall-protezzjoni tas-soċjetà u tal-ekonomija, u qed iwasslu għal żieda qawwija fid-dejn tal-gvern; billi l-evitar tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa jikkompromettu d-dħul tal-gvern, kif ukoll is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, tas-sistemi tat-tassazzjoni u tal-ġustizzja fiskali; billi huwa ta' importanza kbira li jiġu miġġielda l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa filwaqt li t-taxxi jinżammu f'livelli li jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija kif ukoll l-irkupru ekonomiku u soċjali tal-Unjoni u l-isfidi fit-tul, bħal popolazzjoni li qed tixjieħ, tranżizzjoni ekoloġika u klimatika u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, filwaqt li ma jiġix kompromess id-dħul adegwat mit-taxxa;

B.

billi l-inċidenza tat-taxxa ġiet trasferita mill-ġid għall-introjtu, mill-kapital għall-introjtu tax-xogħol u l-konsum, mill-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), u mis-settur finanzjarju għall-ekonomija reali, bi trasferiment tal-piż tat-taxxa minn kontribwenti aktar mobbli għal dawk inqas mobbli;

C.

billi rkupru rapidu jirrikjedi rispons ta' politika ekonomiku u fiskali b'saħħtu permezz ta' riformi u investimenti, u fost l-oħrajn, permezz: (i) tal-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwivalenti u effettivi għall-kontribwenti u għall-intrapriżi, it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-benefiċċji tat-taxxi li b'mod inġust joħolqu żvantaġġi għall-SMEs, l-inklużjoni ta' inqas burokrazija biex jiġu promossi l-kompetizzjoni u l-kummerċ domestiku kif ukoll il-kummerċ fis-suq uniku, appoġġjati minn ambjent tat-taxxa sempliċi, aktar ġust, diġitali u aktar prevedibbli; (ii) tal-iżgurar ta' dħul mit-taxxa għall-Istati Membri għall-finanzjament tal-irkupru, it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG u spinta lill-investimenti, u (iii) tal-iżgurar ta' tassazzjoni ġusta tal-intrapriżi u taċ-ċittadini, it-tisħiħ tat-trasparenza u l-fiduċja fis-soċjetà u kompetizzjoni ġusta, abbażi ta' standards miftiehma u sistemi ta' rapportar ikkoordinati u diġitalizzati;

D.

billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġja l-istrateġija ta' rkupru (il-“Pjan ta' Azzjoni”) huwa parti minn strateġija usa' tat-taxxa tal-Unjoni fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), it-tassazzjoni tal-intrapriżi u tal-individwi; billi l-Pjan ta' Azzjoni jistabbilixxi approċċ doppju li jgħaqqad l-azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u jissimplifika l-passi biex jitneħħew l-ostakli u l-piżijiet amministrattivi bla bżonn, speċjalment għaċ-ċittadini u għall-SMEs;

E.

billi l-SMEs jifformaw 99 % tal-intrapriżi fl-Unjoni u joħolqu tnejn minn kull tliet impjiegi fis-settur privat, iżda l-kost tal-konformità mar-regoli tat-taxxa jammonta għal 30 % tal-piż tat-taxxa tagħhom, filwaqt li għall-kumpaniji l-kbar dan jammonta biss għal 2 %;

F.

billi hemm bżonn li jinbnew aktar fiduċja reċiproka u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki madwar l-Istati Membri kollha fir-rigward tas-sistemi ta' rapportar nazzjonali;

G.

billi r-Rapport Speċjali tal-2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa fl-UE (8) kkonkluda li l-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri ma kinitx aktar valida, kienet ineżatta jew inkompluta;

H.

billi r-regoli internazzjonali attwali dwar it-taxxa korporattiva ma għadhomx adatti fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u tal-globalizzazzjoni tal-ekonomija; billi l-iżviluppi fid-diġitalizzazzjoni u dipendenza aktar qawwija fuq assi intanġibbli u ż-żieda tagħhom fil-ktajjen tal-valur, joħolqu prospetti u sfidi f'termini ta' traċċabbiltà ta' operazzjonijiet ekonomiċi u eventi taxxabbli, inkluż l-iffaċilitar ta' prattiki ta' evitar tat-taxxa, speċjalment meta dawn l-operazzjonijiet ikunu transfruntiera jew iseħħu barra mill-Unjoni;

I.

billi t-tassazzjoni korporattiva għandha tkun iggwidata mill-prinċipju tat-tassazzjoni tal-profitti fejn jiġu ġġenerati, approċċ aktar armonizzat u koordinat għas-sistema tat-tassazzjoni korporattiva madwar l-Unjoni kollha jista' jippermetti aktar l-indirizzar tal-kompetizzjoni inġusta kkawżata minn prattiki dwar it-taxxa dannużi li jfixklu l-funzjonament tas-suq uniku u spiss iwasslu għal allokazzjoni ħażina tar-riżorsi;

J.

billi kooperazzjoni aħjar bejn l-Unjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali u trasparenza akbar fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva jistgħu jżidu l-ġbir tat-taxxi u l-konformità mar-regoli tat-taxxa u huma meħtieġa biex tissaħħaħ il-kompetittività ġusta fis-suq uniku, u dan jagħmel il-ħidma tal-awtoritajiet tat-taxxa aktar effiċjenti; billi l-użu tat-teknoloġija u tad-diġitalizzazzjoni ffukat fuq użu aktar effiċjenti tad-data disponibbli jista' jappoġġja l-effiċjenza u t-trasparenza tal-awtoritajiet tat-taxxa u jnaqqas il-kostijiet tal-konformità u jżid il-fiduċja tal-pubbliku; billi l-progress li sar permezz tad-diġitalizzazzjoni kemm għall-kontribwenti kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa joffri alternattivi ta' kif jiġu indirizzati sistematikament ċerti frodi tat-taxxa u jista' wkoll jiffaċilita t-tassazzjoni ta' bażijiet tat-taxxa mobbli;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġja l-istrateġija ta' rkupru

1.

Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni u jappoġġja l-implimentazzjoni bir-reqqa tiegħu; josserva li l-maġġoranza tal-25 azzjoni huma relatati mal-VAT, li huwa xieraq minħabba l-livell għoli ta' telf ta' dħul mit-taxxa fil-qasam tal-VAT u l-bżonn li jiġu appoġġjati l-intrapriżi, speċjalment l-SMEs; huwa tal-fehma, madankollu, li għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt ħalli tikkomplementa proposti leġiżlattivi konkreti biex jiġu mifhuma aħjar l-effetti potenzjali fuq il-kontribwenti u l-intrapriżi; jilqa' l-ftehim reċenti dwar ir-rati tal-VAT fil-Kunsill; madankollu, jibqa' mħasseb dwar il-fatt li s-sistema definittiva tal-VAT ma kisbitx appoġġ fil-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika l-Pjan ta' Azzjoni fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali fil-livell tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)/G20 u fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19;

2.

Jemmen li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq inizjattivi bl-għan ta' tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tat-taxxa u żieda fl-armonizzazzjoni tar-regoli proċedurali fis-suq uniku kollu hija tal-akbar importanza; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Programm ta' konformità kooperattiva tal-UE, bħala metodu li jinkoraġġixxi kooperazzjoni eqreb bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-intrapriżi, u jirrakkomanda regoli ċari ta' eliġibbiltà u ta' funzjonament, kif ukoll espansjoni potenzjali tal-programm biex jinkludi kwistjonijiet relatati mal-VAT; jilqa' u jistenna bil-ħerqa l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta' sistema komuni, standardizzata u mifruxa mal-Unjoni kollha għall-ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn, akkumpanjata minn mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni fost l-amministrazzjonijiet tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, u b'reazzjoni għar-rivelazzjonijiet reċenti dwar il-Cum-Ex Files u l-ftehim globali dwar it-taxxa tal-OECD/G20, tivvaluta l-benefiċċji potenzjali ta' rata tat-taxxa minn ras il-għajn minima effettiva; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tniedi mill-ġdid id-diskussjoni dwar ir-reviżjoni mblukkata tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE (9) (Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties);

3.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu modernizzati, simplifikati u armonizzati r-rekwiżiti b'rabta mal-VAT, permezz ta' rapportar u fatturazzjoni elettronika f'ħin reali bbażati fuq it-tranżazzjonijiet; jinnota li tali rapportar jeħtieġ li jkun faċli għall-kontribwenti filwaqt li jippermetti li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkollhom ħarsa ġenerali tad-diversi tranżazzjonijiet f'ħin reali, u b'hekk jiġu ffaċilitati l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' frodi u ta' operaturi ekonomiċi riskjużi; huwa tal-fehma li r-rekwiżiti ta' rapportar u l-formoli tat-taxxa għandhom jikkonverġu madwar l-Istati Membri kollha; jemmen li l-użu tal-għodda tal-estrazzjoni tad-data, Analiżi tan-Networks ta' Tranżazzjonijiet (TNA), jirrappreżenta wieħed mill-modi disponibbli biex jitnaqqsu l-frodi tat-taxxa u jħeġġeġ l-iżvilupp u l-kondiviżjoni ulterjuri tagħha u tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri;

4.

Ifakkar li kwalunkwe miżura tat-taxxa, kemm jekk temporanja kif ukoll jekk le, għandha tevita d-distorsjoni ta' deċiżjonijiet ta' investiment u għandha taġixxi bħala għodda li tappoġġja t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni kif deskritti fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluża l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej; jenfasizza li r-rekwiżiti ta' rapportar m'għandhomx iwasslu għal żieda sproporzjonata fil-kostijiet amministrattivi għall-atturi ekonomiċi, b'mod partikolari għall-SMEs; jinnota li biex id-dħul mit-taxxa mitluf jiġi indirizzat b'mod effettiv, jistgħu jkunu meħtieġa data ta' kwalità aħjar u possibilment kwantitajiet akbar ta' data; jinsisti fuq il-prinċipju li kwalunkwe data miġbura mill-awtoritajiet tat-taxxa mill-kontribwenti, f'konformità mad-drittijiet tal-kontribwenti, trid tiġi provduta lill-Istati Membri darba biss, protetta bl-akbar sigurtà u trid tirrispetta l-liġijiet tal-protezzjoni tad-data; jinnota l-potenzjal tad-data u tal-għodod diġitali biex titnaqqas il-burokrazija u jiġu ssimplifikati diversi obbligi tal-kontribwenti, b'mod partikolari fil-qasam tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT u tad-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi, u jinnota li għandhom jintużaw l-intelliġenza artifiċjali (IA) u tipi differenti ta' software biex tiġi mmassimizzata l-effettività tal-użu tad-data; jesprimi l-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi biex tiżdied il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri sabiex jonqsu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa; jemmen li hemm il-bżonn li mhux biss tiżdied il-kwantità tad-data skambjata, iżda wkoll li titjieb il-kwalità tagħha, bl-għan li tinkiseb sistema aktar effiċjenti;

5.

Jissottolinja li d-diversità tar-regolamenti tat-taxxa tal-Istati Membri tikkostitwixxi sfida kumplessa, b'mod partikolari għall-SMEs u għan-negozji ġodda li joperaw jew lesti li jibdew jinnegozjaw fis-suq uniku, peress li jkollhom ilaħħqu ma' 27 sistema tat-taxxa differenti; jemmen li għandha tingħata attenzjoni xierqa għall-kostijiet ta' konformità ogħla mġarrba mill-SMEs; jenfasizza li l-SMEs ma għandhomx ikunu penalizzati aktar mill-piż finanzjarju assoċjat mal-fatt li jridu joperaw fl-ambitu ta' sistemi nazzjonali differenti, u l-benefiċċji tas-suq uniku għandhom ikunu aċċessibbli faċilment għalihom;

6.

Jaċċentwa li strateġija ta' rkupru sostenibbli għandha tqis is-sostenibbiltà tar-rati tal-imgħax baxxi kurrenti u ż-żieda fl-inflazzjoni fl-Unjoni kollha; huwa tal-fehma li l-piż tat-taxxa m'għandux jimxi mill-qligħ kapitali għax-xogħol, kif jiġri bħalissa; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-għadd kbir ta' ħaddiema mobbli;

7.

Itenni l-importanza tal-fondi Next Generation EU għall-irkupru ekonomiku tal-Unjoni u jaċċentwa l-opportunità li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tintuża biex jitkomplew ir-riformi fiskali u l-investimenti li jwasslu għal sistema fiskali aktar ġusta, aktar sostenibbli u diġitalizzata aħjar; ifakkar li l-programm Fiscalis għall-perjodu 2021-2027, b'baġit ta' EUR 269 miljun, għandu l-għan li jiġġieled l-frodi tat-taxxa u jappoġġja l-ġbir tad-dħul mit-taxxa għall-baġits tal-Unjoni u tal-Istati Membri billi jgħin lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jikkooperaw aħjar fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa;

8.

Jieħu nota tal-fatt li d-dħul mit-taxxa stmat bħala mitluf minħabba l-evażjoni tat-taxxa internazzjonali minn individwi kien ta' EUR 46 biljun fl-2016; josserva d-distorsjonijiet attwali tas-suq uniku minħabba prattiki dwar it-taxxa dannużi li jikkostitwixxu kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa; jinnota li, minbarra l-Pjan ta' Azzjoni, ġiet ippubblikata Komunikazzjoni dwar Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa fl-UE u lil hinn minnha li tiffoka fuq il-bżonn ta' riforma tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi u l-kriterji minquxa fil-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx; jiddeplora l-istaġnar fil-Kunsill b'rabta maż-żewġ kwistjonijiet; jieħu nota tal-eżitu tal-laqgħa tal-ECOFIN tat-8 ta' Diċembru 2021; jesprimi dispjaċir, f'dan ir-rigward, li l-Ministri għall-Finanzi tal-Istati Membri ma setgħux jaqblu dwar ir-riforma tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE tal-1997 dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi u jfakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar ir-riforma tal-politika tal-UE dwar il-prattiki dwar it-taxxa dannużi (inkluża r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta); itenni l-appoġġ tiegħu għall-intenzjoni tal-Kummissjoni li twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta biex ikopri aktar tipi ta' sistemi u aspetti ġenerali tas-sistemi tat-taxxa korporattiva nazzjonali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bħal proċeduri ta' rieżami bejn il-pari fl-ambitu tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta; jirrakkomanda l-inklużjoni ta' sistemi preferenzjali tat-taxxa fuq l-introjtu personali biex jiġu indirizzati skemi speċjali ta' ċittadinanza jew miżuri li jattiraw individwi għonja u mobbli ħafna u nomadi diġitali li potenzjalment iwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti fis-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tat-Tax Symposium (Simpożju dwar it-Taxxa li jmiss fl-2022, tanalizza d-distorsjonijiet fis-suq uniku, u tissuġġerixxi rimedji proporzjonali;

Xprunaturi għall-bidliet

9.

Huwa tal-fehma li stimi aħjar tat-telf kumplessiv ta' dħul mit-taxxa fl-Unjoni u analiżi dettaljata tal-kawżi sistemiċi tiegħu huma essenzjali għal proposti effiċjenti dwar modi kif it-telf ta' dħul mit-taxxa jitnaqqas b'mod effettiv; jaċċentwa li disponibbiltà aħjar tad-data, provduta minn kumpaniji u amministrazzjonijiet tat-taxxa, tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal stimi aħjar; jaċċentwa l-importanza tal-bażi tad-data tal-Istatistika tat-Taxxa Korporattiva tal-OECD u l-kontribuzzjoni tal-Istati Membri għaliha; jiddeplora ulterjorment il-fatt li l-Kunsill ma qasamx mal-Parlament Ewropew l-informazzjoni meħtieġa fil-qafas tar-rapport ta' implimentazzjoni tal-DAC; jenfasizza li l-frodi tal-VAT bħall-“frodi karusell” għandhom impatt dirett fuq ir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u għalhekk fuq il-kompożizzjoni tad-dħul tal-Unjoni (10); jenfasizza li t-tipoloġiji tal-frodi tal-VAT huma multidimensjonali u possibbilment qed jinbidlu biex jiġu adattati għal qafas legali ġdid, bħas-“sistema definittiva” proposta; jistieden lill-Kummissjoni tniedi sforz ikkoordinat min-naħa tal-Istati Membri biex tiġi stabbilita sistema konġunta ta' ġbir ta' statistika dwar il-“frodi karusell” tal-VAT; jirrimarka li tali sistema tista' żżid ma' prattiki li diġà jintużaw f'ċerti Stati Membri; jieħu nota tal-ħolqien tal-Osservatorju tat-Taxxa tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni indipendenti tal-ħidma li saret s'issa fir-rigward ta' kif għandha titmexxa 'l quddiem din l-azzjoni preparatorja, li nbdiet mill-Parlament Ewropew abbażi ta' proġett pilota tal-baġit annwali tal-Unjoni;

10.

Ifakkar li t-trasparenza fiskali, l-ekwità fil-qasam tat-taxxa u ċ-ċertezza tat-taxxa bbażati fuq drittijiet u dmirijiet rispettivi ċari huma l-prinċipju ewlieni li fuqu tinbena l-fiduċja reċiproka bejn il-kontribwenti u l-awtoritajiet tat-taxxa; jappoġġja, f'dak il-kuntest, il-formalizzazzjoni tal-Karta dwar id-drittijiet tal-kontribwenti, aktar konsistenza dwar ir-regoli tar-residenza għal finijiet ta' taxxa għall-individwi u żieda fl-iskambju ta' informazzjoni; jemmen li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-iżvilupp ulterjuri ta' mekkaniżmu Ewropew effettiv għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-identifikazzjoni tal-lakuni f'dan il-mekkaniżmu; huwa tal-fehma li l-eżitu tat-tilwim għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-forma ta' sommarju li jippubblika, fost informazzjoni essenzjali oħra, iżda li ma tkunx kummerċjalment sensittiva, ir-rata tat-taxxa effettiva li tirriżulta mħallsa mill-kontribwent;

11.

Josserva li l-arranġamenti tax-xogħol il-ġodda, bħat-telexogħol, iġibu magħhom kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet għall-ħaddiema u għal min iħaddem; jissottolinja l-bżonn urġenti ta' definizzjoni aħjar tan-nozzjoni ta' residenza għal finijiet ta' taxxa għall-individwi fid-dawl ta' arranġamenti tax-xogħol ġodda li żviluppaw b'ritmu mgħaġġel minħabba l-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza li l-Istati Membri għadhom jużaw kriterji varji biex jiddeterminaw l-istatus ta' residenza għal finijiet ta' taxxa, u dan joħloq riskju ta' tassazzjoni doppja jew ta' nontassazzjoni doppja; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-Pjan ta' Azzjoni li ħabbar proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni fl-2022/2023 li tiċċara fejn il-kontribwenti għandhom jitqiesu bħala residenti għal finijiet ta' taxxa meta jkunu attivi bejn il-fruntieri fl-Unjoni; jistenna bil-ħerqa din il-proposta tal-Kummissjoni li għandu jkollha l-għan li tiżgura d-determinazzjoni aktar konsistenti tar-residenza għal finijiet ta' taxxa fis-Suq Uniku;

12.

Jistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni fi ħdan id-DAC8 biex l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni jiġi estiż biex jinkludi l-kriptoassi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew u msemmija fir-rapport ta' implimentazzjoni tad-DAC; huwa tal-fehma li ċ-ċertezza tat-taxxa tissaħħaħ jekk l-Istati Membri jkollhom fehim komuni ta' liema politiki, inċentivi u prattiki tat-taxxa ma jikkawżawx distorsjoni tas-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi dwar il-linji gwida jew miżuri oħra li jistgħu jgħinu biex jintlaħaq dak l-objettiv;

13.

Jilqa' l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-qasam tal-prevenzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-tassazzjoni doppja tal-VAT;

14.

Jinnota li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni mhuwiex qed jippromwovi l-bidla, peress li l-politika tat-tassazzjoni hija prerogattiva nazzjonali u soġġetta għall-unanimità; ifakkar li l-Artikolu 116 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern mill-Istati Membri jeħtieġ li tiġi eliminata; jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li s-sitwazzjoni attwali xi drabi twassal biex ir-regolamenti tat-taxxa jiġu applikati b'mod inkonsistenti jew mhux uniformi u għal dewmien fl-armonizzazzjoni tal-prattiki dwar it-taxxa madwar l-Unjoni kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw regoli tat-taxxa aktar armonizzati u konsistenti u l-implimentazzjoni tagħhom, biex jipproteġu l-funzjonament tas-suq uniku u jiżguraw il-prinċipju ta' tassazzjoni fejn jiġi ġġenerat il-profitt; jiddeplora l-fatt li proposti bħall-BKKTK, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties u r-riforma tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi baqgħu mblukkati fil-Kunsill;

15.

Ifakkar f'dan ir-rigward fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE”; jinnota li l-Artikolu 116 tat-TFUE, għalkemm issuġġerit fil-Pjan ta' Azzjoni, għadu ma ntużax fi kwistjonijiet tat-taxxa u jippermetti li t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill ikun aktar effettiv; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, ikomplu jesploraw aktar il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet li jintuża għal deċiżjonijiet dwar il-politiki tat-tassazzjoni, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

16.

Jenfasizza l-importanza ta' skambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiġġieldu l-frodi tat-taxxa; jilqa' l-proposta għal Eurofisc 2.0 fil-Pjan ta' Azzjoni biex il-Eurofisc jiġi żviluppat aktar; jappoġġja bil-qawwa s-suġġeriment tal-Kummissjoni li tespandih għat-tassazzjoni diretta; jappoġġja t-trasformazzjoni tal-Eurofisc f'hub tal-Unjoni għall-informazzjoni dwar it-taxxa li ma jservix biss għall-finijiet ta' VAT; ifakkar li l-Eurofisc, bħala n-network tal-Unjoni ta' esperti kontra l-frodi, sabiex ikun effettiv, irid jissaħħaħ u jingħata biżżejjed riżorsi biex iwettaq analiżijiet tar-riskju konġunti, jikkoordina l-investigazzjonijiet u jikkoopera mal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), mal-Europol u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), b'mod partikolari bl-għan li jiġu investigati l-frodi tal-VAT;

17.

Jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE (11), kif imħabbar fil-Pakkett tal-Kummissjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi; jinnota d-diskrepanzi kbar fil-prezzijiet bejn l-Istati Membri li jinċentivaw ix-xiri transfruntier; jinnota wkoll il-fatt li qed jitfaċċaw prodotti ġodda, bħas-sigaretti elettroniċi, prodotti tat-tabakk imsaħħan u prodotti ġodda tat-tabakk; jistenna bil-ħerqa reviżjoni ambizzjuża b'referenza għar-rati u bl-għan li tikkontribwixxi aħjar għall-objettivi tas-saħħa;

Sfidi fil-politika tat-tassazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT

18.

Josserva li s-sistema attwali tal-VAT tal-Unjoni għadha kumplessa wisq, speċjalment għall-SMEs, u vulnerabbli għall-frodi, filwaqt li tiġġenera kostijiet għoljin ta' konformità għall-operaturi ekonomiċi (12); jinnota li l-miżuri differenti biex jiġu indirizzati l-frodi tat-taxxa ġew adottati fl-Istati Membri; ifakkar li l-modernizzazzjoni tas-sistema tal-VAT u l-bidla lejn sistema tal-VAT aktar koerenti madwar l-Unjoni kollha għandhom jiġu indirizzati b'mod urġenti (13);

19.

Jenfasizza li l-indirizzar tad-diskrepanza tal-VAT u tal-frodi tat-taxxa għandu jkun prijorità urġenti għall-Unjoni u għall-Istati Membri fl-ekonomija ta' wara l-COVID-19; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell tad-diskrepanza tal-VAT li fl-2018 kienet stmata madwar EUR 140 biljun, fejn EUR 50 biljun minnhom huma relatati mal-evażjoni u l-frodi tat-taxxa transfruntiera; jinnota bi tħassib li skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, id-diskrepanza tal-VAT tista' titla' għal aktar minn EUR 160 biljun minħabba l-kriżi tal-COVID-19; jinnota li l-kompożizzjoni kumplessa tad-diskrepanza tal-VAT tirrikjedi azzjonijiet multipli, imfassla apposta għall-partijiet speċifiċi tal-kawżi ewlenin tad-diskrepanza;

20.

Jissottolinja li s-sistema attwali tal-VAT għadha frammentata u dan jagħti lok għal piż amministrattiv sinifikanti fuq l-intrapriżi, b'mod partikolari fuq dawk b'operazzjonijiet transfruntiera u fuq l-SMEs, u dan inaqqas il-benefiċċji tal-eżistenza tagħhom fis-suq uniku u jimponi wkoll kostijiet għall-Istati Membri permezz ta' telf possibbli ta' dħul mit-taxxa; jinnota li l-Kummissjoni, bil-proposti l-ġodda, għandha tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs u toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti permezz ta', fost l-oħrajn, l-introduzzjoni ta' rekwiżiti bbażati fuq livell limitu meta rilevanti;

21.

Jilqa' l-istabbiliment tal-One Stop Shop (OSS) tal-Unjoni bl-għan li jissimplifika l-konformità mar-regoli tat-taxxa, speċifikament billi titnaqqas l-inċertezza fis-suq uniku u billi jitnaqqsu l-kostijiet għall-operazzjonijiet transfruntiera li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi transfruntiera jissodisfaw aktar faċilment l-obbligi tal-VAT b'rabta mal-bejgħ online fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif tista' twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-OSS biex jiġu koperti aktar servizzi, b'mod speċjali fir-rigward tat-tranżazzjonijiet kollha B2C ta' oġġetti u t-trasferiment tal-istokk proprju, li jippermetti lill-kumpaniji jirreġistraw għall-VAT f'pajjiż wieħed biss; jilqa' l-proposta ta' reġistrazzjoni unika tal-VAT;

22.

Jinnota l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrieżamina l-eżenzjoni kurrenti mill-VAT għal servizzi finanzjarji u l-assigurazzjoni, b'mod partikolari wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u r-reviżjoni tar-regoli nazzjonali f'dan il-qasam; jenfasizza li tali rieżami għandu jiżgura li r-regoli tal-VAT dwar is-servizzi finanzjarji jkunu adatti għall-ekonomija diġitali kurrenti, inkluża l-Fintech, u li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti internazzjonali għall-kumpaniji tal-Unjoni;

23.

Jinnota li fil-Pjan ta' Azzjoni l-Kummissjoni ddeskriviet “sistema tat-taxxa mfassla tajjeb li għandha rwol importanti fl-appoġġ tat-tranżizzjoni ekoloġika” u li taf tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jistenna bil-ħerqa, f'dan il-kuntest, il-proposta għar-rieżami tar-rati tal-VAT fil-qasam tal-eżenzjonijiet tat-trasport tal-passiġġieri, kif imħabbar fil-Pakkett tal-Kummissjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi; jenfasizza l-ħtieġa li t-taħlita tat-taxxa tiġi bbilanċjata biex jiġi minimizzat gradwalment l-impatt tat-taxxa fuq ix-xogħol imposta fuq il-ħaddiema, u li naħdmu fuq sistema tat-taxxa aktar ġusta;

24.

Jinnota bi tħassib li uħud mill-Istati Membri ġeneralment ma jeżentawx id-donazzjonijiet in natura mill-VAT, u dan iwassal sabiex l-impriżi jeqirdu l-oġġetti tal-konsum, b'mod partikolari l-oġġetti mreġġgħa lura, minkejja li tali eżenzjoni hija possibbli skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (14); jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida għall-Istati Membri li fiha tiċċara li l-eżenzjonijiet mill-VAT għad-donazzjonijiet in natura huma kompatibbli mal-liġi eżistenti tal-Unjoni dwar il-VAT sakemm il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill (COM(2018)0020, b'mod partikolari l-Artikolu 98(2) tagħha) tiġi adottata mill-Istati Membri;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza u tinvestiga l-possibbiltajiet tal-użu tat-teknoloġija, pereżempju l-IA u software differenti billi tapplikahom għar-rapportar tal-VAT f'ħin reali jew fi qrib il-ħin reali fi tranżazzjonijiet B2B, filwaqt li tikkunsidra l-protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità; jinnota li l-aħjar riżultat se jinkiseb jekk l-għodod tal-analiżi tad-data jiġu introdotti u implimentati fi ħdan is-suq uniku jew jekk l-istandards għal tali rapportar jiġu stabbiliti fl-Unjoni kollha simultanjament;

26.

Jilqa' l-bidu tal-operazzjonijiet mill-UPPE f'Ġunju 2021;

27.

Jilqa' t-TNA u jappoġġja l-istabbiliment ta' kooperazzjoni msaħħa bejn il-membri tal-Eurofisc għall-identifikazzjoni rapida tal-frodi karusell; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi lejn użu aktar effiċjenti tal-għodda tat-TNA u tiffoka fuq il-kwalità tad-data pprovduta, peress li tirrappreżenta għodda ewlenija biex tiġi indirizzata l-frodi tal-VAT. jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward teżamina mill-ġdid kif l-għodda tat-TNA tintuża mill-Istati Membri u tassistihom fl-introduzzjoni ta' gwida għall-aħjar prattiki. huwa tal-fehma li sabiex jitnaqqsu l-kostijiet tal-konformità għall-kontribwenti, id-data pprovduta għandha tiġi ġġenerata minn sistema diġitalizzata awtomatizzata ta' rapportar tad-data mill-kontribwent lill-awtoritajiet tat-taxxa (15) (pereżempju permezz tas-sistema ta' fatturazzjoni elettronika msemmija fl-anness hawnhekk);

Riformi kontinwi tas-sistema fiskali internazzjonali u tal-Unjoni

28.

Jinnota li t-tnaqqis tad-diskrepanza (16) stmata minħabba l-evitar tat-taxxa korporattiva ta' madwar EUR 35 biljun fis-sena mill-istimi preċedenti tal-Kummissjoni ta' EUR 50-70 biljun qabel ma ġew introdotti l-miżuri kontra l-BEPS u l-korrelazzjoni bejn titjib u l-isforzi leġiżlattivi dwar l-evitar tat-taxxa mwettqa mill-Kummissjoni; jinnota l-implimentazzjoni tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa tal-2019 u jappella għal rapport ta' evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni dwar l-impatt u l-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza li s-sitwazzjonijiet li fihom xi intrapriżi għadhom jistgħu jnaqqsu l-kont tat-taxxa tagħhom permezz tal-evitar tat-taxxa jew tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa qed jimminaw il-kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku u spiss jagħmlu ħsara lill-kompetittività tal-SMEs; ifakkar li d-diskrepanza fiskali minħabba l-evitar tat-taxxa korporattiva jista' jammonta għal EUR 190 biljun (17) meta jitqiesu arranġamenti speċjali tat-taxxa, ineffiċjenzi fil-ġbir u prattiki oħra; jenfasizza wkoll li reġimi speċjali unilaterali bħar-rati tat-taxxa korporattiva aktar baxxi għal xi kontribwenti jafu jikkostitwixxu riskju għal bażijiet tat-taxxa stabbli madwar l-UE;

29.

Jenfasizza li l-ambjent tat-taxxa globali kurrenti huwa obsolet, u jista' jiġi indirizzat bis-sħiħ biss fuq livell globali; jilqa' l-ftehim storiku b'żewġ pilastri li ntlaħaq fil-Qafas Inklużiv OECD/G20 dwar l-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni u l-applikazzjoni ta' rata tat-taxxa effettiva minima ta' mill-inqas 15 % fuq il-profitti globali tal-MNEs; huwa tal-fehma li hija opportunità unika biex l-arkitettura internazzjonali tat-taxxa ssir aktar konsistenti mal-iżvilupp tal-ekonomija billi jiġu indirizzati aktar id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ġusta fis-suq, ħaġa li ġiet enfasizzata matul il-kriżi tal-COVID-19 filwaqt li ġew enfasizzati problemi relatati mat-tassazzjoni tal-MNEs kbar; jinnota li l-ftehim jirrikjedi lill-parteċipanti kollha “jneħħu t-taxxi fuq is-servizzi diġitali u l-miżuri simili rilevanti l-oħra (..) u jimpenjaw ruħhom biex ma jintroduċux tali miżuri fil-ġejjieni”; jinnota l-ħtieġa ta' implimentazzjoni effettiva fl-Unjoni u lil hinn mis-soluzzjoni b'żewġ pilastri bil-għan li tiġi żgurata distribuzzjoni aktar ġusta tal-profitti u tad-drittijiet ta' tassazzjoni fost il-pajjiżi fir-rigward tal-akbar kumpaniji multinazzjonali u li l-aktar jagħmlu profitt; jilqa' l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2021 biex jiġu implimentati ż-żewġ Pilastri tal-Qafas Inklużiv; jistieden lill-Kunsill jadotta malajr tali proposti biex il-ftehim ikun effettiv sa mill-2023; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-użu ta' kumpaniji fittizji;

30.

Jieħu nota li xi Stati Membri ħadu miżuri unilaterali li kellhom impatt fuq in-negozjati internazzjonali; jinnota li l-Konvenzjoni Multilaterali (MLC) se tirrikjedi li l-partijiet kollha jeliminaw gradwalment it-taxxi kollha fuq is-servizzi diġitali u miżuri simili rilevanti oħra fir-rigward tal-kumpaniji kollha, u jimpenjaw ruħhom li ma jintroduċux tali miżuri qabel tmiem l-2023;

Inwittu t-triq għall-aġenda l-ġdida tal-Unjoni dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi

31.

Ifakkar li l-għażliet ta' politika futuri tal-Unjoni u l-għażliet ta' politika fil-qasam tat-tassazzjoni tal-intrapriżi għandhom ikunu bbażati fuq il-ġustizzja, l-effiċjenza u t-trasparenza tat-taxxa, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa għall-istabbiltà tad-dħul tal-Istati Membri mit-taxxa, meta jitqies ir-rwol deċiżiv tal-gvernijiet fit-trawwim ta' rkupru ekonomiku sostenibbli mill-kriżi tal-Covid-19, u li jwasslu għal taxxi kondiviżi b'mod ġust għat-tipi kollha ta' kumpaniji multinazzjonali, filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet tal-konformità għall-kontribwenti, speċjalment l-SMEs, kif ukoll jitneħħew is-sorsi ta' distorsjonijiet kummerċjali fis-suq uniku, u fil-kummerċ u fl-investimenti;

32.

Jappoġġja r-raġunament wara l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-intrapriża fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu (BEFIT) mistenni fl-2023, bil-għan li titfassal ġabra ta' regoli ġdida u unika dwar it-taxxa korporattiva tal-Unjoni, ibbażat fuq tqassim ġust, komprensiv u effettiv skont formula speċifika u bażi komuni tat-taxxa tat-tassazzjoni fuq l-introjtu għall-impriżi, ħaġa li tipprovdi ċarezza u prevedibbiltà għall-kumpaniji, filwaqt li jiġi rifless il-kunsens milħuq fin-negozjati tal-Pilastru 1 u tal-Pilastru 2 tal-OECD; ifakkar li t-tentattivi preċedenti min-naħa tal-Unjoni li tiddefinixxi ġabra ta' regoli dwar it-taxxa kkunsidraw tliet fatturi: ix-xogħol, l-assi u l-bejgħ; huwa tal-fehma li l-enfasi fuq fattur wieħed ikollu impatt żbilanċjat fuq id-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-miżuri li jistgħu jaġevolaw l-implimentazzjoni tal-proposta BEFIT futura, b'mod partikolari għall-SMEs;

33.

Iqis, madankollu, li l-inizjattiva tal-BEFIT għandha tkun appoġġjata mill-proċess politiku fil-bini ta' appoġġ politiku għall-bidla u li l-inizjattiva għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa biex jitfasslu proposti futuri, u li dan għandu jikkontribwixxi biex jintlaħaq kunsens bejn l-Istati Membri; jistenna bil-ħerqa d-dettalji dwar l-inizjattiva BEFIT u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tibda proċess wiesa' ta' konsultazzjoni inklużiv mal-partijiet ikkonċernati, l-Istati Membri, inklużi l-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-Parlament Ewropew, u tidħol fi djalogu mal-esperti u ċ-ċittadini dwar prinċipji gwida qabel it-tnedija tal-proposta BEFIT mill-Kummissjoni fl-2023; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-ġabra ta' regoli tat-taxxa unika jkollha l-mertu sinifikanti li tnaqqas il-portata tat-trasferiment tal-profitt permezz ta' rikors għal sistemi ta' ppjanar tat-taxxa u tbaxxi l-kostijiet tal-konformità, b'mod partikolari għall-operazzjonijiet ekonomiċi transfruntieri;

34.

Jinnota li l-aġenda l-ġdida dwar it-taxxa korporattiva tinkludi mekkaniżmu biex tiġi indirizzata l-predispożizzjoni favur id-dejn permezz ta' sistema ta' inċentivi, li jgħin biex tiġi appoġġjata r-reżiljenza tal-kumpaniji f'ċirkostanzi ekonomiċi negattivi fil-futur u jitneħħew l-inċentivi li jiffavorixxu mudell ta' finanzjament għall-kumpaniji li jiddependi wisq mid-dejn; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tabbozza proposta dwar inċentiva għat-Tnaqqis tal-predispożizzjoni favur id-dejn u jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa u tinkorpora dispożizzjonijiet b'saħħithom kontra l-evitar biex tiġi evitata kwalunkwe konċessjoni fuq l-ekwità li tintuża bħala għodda ġdida għall-erożjoni tal-bażi;

35.

Jappoġġja, għall-finijiet tat-trasparenza fiskali, il-ġbir ta' data aġġornata regolarment dwar ir-rati effettivi tat-taxxa korporattiva mħallsa mill-akbar kumpaniji tal-Unjoni fuq il-profitti ġġenerati tagħhom fl-Unjoni; tali mmappjar għandu jintuża biex tiġi vvalutata l-effiċjenza tal-qafas tat-taxxa u tar-regoli fis-seħħ;

36.

Jitlob li sal-2022/2023 il-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva waħda jew aktar b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness mehmuż;

37.

Huwa tal-fehma li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti mill-allokazzjonijiet baġitarji xierqa;

o

o o

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjawha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1)  Proposta tal-25 ta' Ottubru 2016 għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva (BKTK), COM(2016)0685 u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) (COM(2016)0683).

(2)  Il-pakkett jikkonsisti mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2018 bit-titolu “Wasal iż-żmien li jiġi stabbilit standard modern, ġust u effiċjenti tat-tassazzjoni għall-ekonomija diġitali” (COM(2018)0146), mill-proposta tal-21 ta' Marzu 2018 għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva ta' preżenza diġitali sinifikanti (COM(2018)0147), mill-proposta tal-21 ta' Marzu 2018 għal direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq is-servizzi diġitali fir-rigward tad-dħul li jirriżulta mill-provvista ta' ċerti servizzi diġitali (COM(2018)0148) u mir-rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2018 dwar it-tassazzjoni korporattiva ta' preżenza diġitali sinifikanti (C(2018)1650).

(3)  ĠU C 399, 24.11.2017, p. 74.

(4)  ĠU C 366, 27.10.2017, p. 51.

(5)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 79.

(6)  ĠU C 108, 26.3.2021, p. 8.

(7)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132.

(8)  Ir-Rapport Speċjali Nru 03/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-26 ta' Jannar 2021 bit-titlu “L-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa fl-UE: sies sod, xquq fl-implimentazzjoni”.

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties bejn kumpaniji assoċjati ta' Stati Membri differenti (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 49).

(10)  Briefing tal-Kumitat BUDG – EU OWN Resources (Ir-Riżorsi Proprji tal-UE) (2020) fuq https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2020/647459/IPOL_BRI(2020)647459_EN.pdf

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta' Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24).

(12)  Skont l-EAVA tal-EPRS (Settembru 2021), id-diskrepanza tal-VAT, inklużi l-evażjoni u l-frodi transfruntiera tal-VAT, fl-2020 jista' jiġi stmat li kienet madwar EUR 120 biljun, p. 42.

(13)  Skont l-EAVA tal-EPRS (Settembru 2021), il-valur miżjud stmat tal-kooperazzjoni estiża bejn l-Istati Membri flimkien mal-implimentazzjoni sħiħa tal-OSS jistgħu jġibu tnaqqis ta' madwar EUR 29 biljun tad-diskrepanza tal-VAT, u tnaqqis ta' madwar EUR 10 biljuni f'kostijiet ta' konformità għall-intrapriżi, p. 39.

(14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(15)  Proposta biex jiġi kkunsidrat l-abbandun tar-rapportar eżistenti u t-twaqqif ta' sistema ta' rapportar armonizzata għal tranżazzjonijiet transfruntiera li tippermetti li t-tranżazzjonijiet jitqabblu b'mod aktar faċli (kif ikkonfermat mill-istudju tal-EPRS).

(16)  COM(2020)0312, p. 5. Jeżistu stimi oħra, pereżempju mill-Parlament Ewropew, b'telf stmat mir-reati finanzjarji, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa huma stmati li jlaħħaq għal EUR 190 biljun. Abbażi tal-ħidma komprensiva tal-OECD fir-rapport dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u Trasferiment tal-Profitti (BEPS), Azzjoni 11, it-telf globali ta' dħul qabel ma ġiet deċiża kull miżura kontra l-BEPS kien jammonta għal madwar USD 100-240 biljun jew 0,35 % tal-PDG globali. Il-Kummissjoni stmat li EUR 50-70 biljun kienu attribwibbli għall-Unjoni qabel ma l-Istati Membri qablu dwar id-Direttivi kontra l-Evitar tat-Taxxa I u II.

(17)  ibid.


ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

A.    Simplifikazzjoni, tnaqqis tal-kostijiet tal-konformità għall-kontribwenti

Rakkomandazzjoni A1 – Proċedura Unika ta' reġistrazzjoni tal-VAT tal-UE u n-Numru Uniku tal-VAT tal-UE

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni timxi lejn l-adozzjoni ta' Proċedura Unika ta' Reġistrazzjoni tal-VAT tal-UE u n-Numru Uniku tal-VAT tal-UE sal-2023.

Proċedura bħal din għandha:

Tnaqqas il-kostijiet tal-konformità, b'mod partikolari għall-SMEs li joperaw fis-suq uniku, u tipproponi proċess identiku għar-reġistrazzjoni tal-VAT madwar l-Unjoni kollha (filwaqt li jiġu rispettati kundizzjonijiet differenti għar-reġistrazzjoni fl-Istati Membri).

Tiżgura li r-reġistrazzjoni tkun aċċessibbli faċilment u tuża pjattaforma online armonizzata jew pjattaformi online armonizzati, li jaħdmu bl-istess mod madwar l-Unjoni kollha, f'għadd minimu miftiehem ta' lingwi, biex ikun jista' jsir użu aktar faċli madwar l-Unjoni kollha.

Rakkomandazzjoni A2 – Tassazzjoni aktar sempliċi għall-Kumpaniji Ewropej (SEs) / SMEs u magħhom

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri biex tnaqqas aktar il-kostijiet u l-kumplessità tat-tassazzjoni tal-SMEs u tal-SEs sal-2023.

Diversi inizjattivi msemmija f'dan ir-rapport għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni; dawn għandhom jiġu segwiti malajr minn proposti konkreti f'perjodu qasir biex jiġu appoġġjati l-SMEs fl-ekonomija ta' wara l-COVID-19.

Sabiex jiġu appoġġjati aktar l-SEs u n-negozji ġodda, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-għażla li tintroduċi reġim tat-taxxa fuq l-introjtu pan-Ewropew uniku għall-SEs u għan-negozji ġodda biex jiġu mminimizzati l-kostijiet tagħhom assoċjati mal-konformità mar-regoli tat-taxxa, speċjalment f'każijiet fejn joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed. Ir-reġim ikun fakultattiv għall-SEs (eż. ristrett skont il-fatturat) u jista' jkun ibbażat fuq l-SE. Id-dħul mit-taxxa mir-reġim jiġi allokat lill-Istati Membri permezz ta' formula miftiehma (eż. ibbażata fuq il-proporzjon ta' residenti impjegati).

B.    Aktar ċertezza għall-kontribwenti u/jew għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri

Rakkomandazzjoni B1 – Mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim għal każijiet fejn żewġ Stati Membri jew aktar jitolbu residenza tat-taxxa:

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti l-esperjenza u tidentifika l-lakuni li fadal fid-Direttiva eżistenti tal-Kunsill (UE) 2017/1852 dwar mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-taxxa fl-Unjoni, u tipproponi mod(i) effiċjenti biex tindirizza l-kunflitti u l-inċertezzi eżistenti rigward ir-residenza kemm għall-persuni fiżiċi kif ukoll għal dawk korporattivi, peress li dawn joħolqu riskji ta' tassazzjoni doppja jew nontassazzjoni doppja. Jistieden lill-Kummissjoni biex sal-2023 tressaq proposti dwar id-definizzjoni ta' residenza tat-taxxa;

Il-Parlament Ewropew ifakkar ukoll li l-eżitu tat-tilwim għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fil-forma ta' sommarju, abbażi tal-proċedura deskritta fl-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2017/1852 u għandu jinkludi rati tat-taxxa effettivi. Ir-reġim stabbilit irid jiżgura l-limiti ta' żmien, jirrifletti l-problemi kkawżati mit-tilwim għall-kontribwenti biex tinkiseb deċiżjoni li tkun legalment vinkolanti u infurzata. Fid-dawl tal-bidliet fl-ekonomija ta’ wara l-COVID-19, fosthom tranżizzjoni lejn metodi ta' xogħol remot, il-Kummissjoni għandha tivvaluta mill-aktar fis possibbli jekk il-leġiżlazzjoni kurrenti hijiex biżżejjed biex jitnaqqsu r-riskji tat-tassazzjoni doppja għall-kontribwenti u, jekk ikun xieraq, tagħmel reviżjoni ta' dik id-Direttiva, jew bħala alternattiva, tipproponi miżuri ġodda. Ġie osservat ukoll li dik id-Direttiva hija nieqsa mill-viżibbiltà, u għandu jsir iżjed min-naħa tal-Kummissjoni biex tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jafu li dan il-mekkaniżmu huwa disponibbli.

Rakkomandazzjoni B2 – Estensjoni tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa u l-mod l-aktar xieraq għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri għal aktar kategoriji ta' introjtu u assi bħall-kriptoassi (DAC8). Peress li l-Istati Membri huma legalment marbuta jibagħtu data għal dawk il-kategoriji biss li għalihom l-informazzjoni diġà hija disponibbli, jidher li, bħala konsegwenza, għad hemm nuqqas ta' informazzjoni fir-rigward ta' ċerti kategoriji ta' introjtu u assi;

Rakkomandazzjoni B3 – Linji gwida dwar inċentivi pożittivi tat-taxxa

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida dwar l-inċentivi tat-taxxa li ma jirriżultawx f’distorsjoni tas-Suq Uniku. Dan huwa minħabba l-fatt li ċ-ċertezza tat-taxxa għall-kontribwenti u għall-Istati Membri tissaħħaħ jekk l-Istati Membri jkollhom fehim komuni ta' liema inċentivi tat-taxxa jagħtu spinta lill-prestazzjoni ekonomika fl-Unjoni mingħajr ma ssir ħsara lill-funzjonament tas-Suq Uniku.

C.    Tnaqqis tad-diskrepanza fiskali u tal-kostijiet tal-konformità

Rakkomandazzjoni C1 – Fatturazzjoni elettronika

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea:

Tistabbilixxi standard komuni armonizzat għall-fatturazzjoni elettronika madwar l-Unjoni kollha mingħajr dewmien u biex sal-2022 tnaqqas il-kost tal-ħolqien ta' sistema frammentata u differenti madwar l-Istati Membri kollha.

Tistabbilixxi r-rwol tal-fatturazzjoni elettronika fir-rapportar f'ħin reali;

Tesplora l-possibbiltà tal-introduzzjoni gradwali tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja madwar l-Unjoni kollha sal-2023, billi tiffoka fuq tnaqqis sinifikanti tal-kostijiet tal-konformità, speċjalment għall-SMEs. Il-ħruġ ta' fatturi għandu jsir biss permezz ta' “sistema” jew “sistemi” mħaddma/ċċertifikati mill-Istat filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-data.

Sal-2023, teżamina l-possibbiltà li s-sistema tipprovdi parti mid-data/dokumenti dwar il-konformità mar-regoli tat-taxxa (jew dawn kollha) għall-kontribwenti eleġibbli, inkluża r-responsabbiltà għall-konformità ta' dawn ir-ritorni (jew partijiet minnhom), speċjalment mil-lat tat-tnaqqis tal-kostijiet tal-konformità u tar-riskju għall-SMEs.

Rakkomandazzjoni C2 – Alternattiva għat-tnaqqis tad-Diskrepanza tal-VAT

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jitnaqqas b'mod sostanzjali d-diskrepanza tal-VAT madwar l-Unjoni kollha, speċjalment fl-ekonomija ta’ wara l-COVID-19, tipproponi miżuri li jnaqqsu b'mod sinifikanti d-diskrepanza identifikata tal-VAT, speċjalment id-diskrepanza assoċjata mal-eżenzjoni fuq il-kummerċ transfruntier tal-Unjoni. It-talba tista' tiġi ssodisfata minn waħda jew aktar mill-inizjattivi li ġejjin sal-2022-2023:

Tniedi mill-ġdid l-inizjattiva tar-reġim definittiv bħala l-aktar mod naturali u effiċjenti biex tiġi indirizzata l-frodi tal-VAT, li tiswa telf annwali konsiderevolment kbir;

Tissimplifika l-konformità mal-obbligi tal-VAT u tirċievi data għall-monitoraġġ u l-indirizzar tal-frodi tat-taxxa (1) sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-VAT relatat mal-kummerċ transfruntier; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi b'mod gradwali iżda fil-pront estensjoni ulterjuri tal-ambitu eżistenti tal-pjattaforma OSS minn B2C għal B2B, speċjalment fir-rigward tal-provvisti B2C ta' oġġetti li għalihom il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT mhijiex stabbilita fl-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT, b'relazzjoni ma' ċerti provvisti ta' servizzi B2B meta s-servizzi pprovduti huma predominantement B2C u b'relazzjoni mal-Artikolu 196 tad-Direttiva 2006/112/KE.

Tfassal u tipproponi standard għar-rapportar online ta' data (fl-ewwel stadju) għall-kummerċ transfruntier tal-Unjoni, preferibbilment bl-użu ta' data minn fatturazzjoni elettronika (jew minn alternattiva, iżda dejjem jinżamm il-prinċipju li d-data trid tiġi pprovduta darba biss), inkluż ipproċessar ta' data ċentralizzat/deċentralizzat effiċjenti u sigur ħafna għad-detezzjoni ta' frodi. Id-data se tissostitwixxi r-rekwiżiti ta' rapportar eżistenti kollha f'dan il-qasam, u se twassal biex jitnaqqsu l-kostijiet ġenerali tal-konformità, b'mod partikolari għall-SMEs. Id-data miġbura għandha tintuża fir-rispett dovut tal-kunfidenzjalità, u b'kunsiderazzjoni tal-liġijiet kollha rilevanti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Jista' jitqies l-użu tat-teknoloġija blockchain (jew alternattiva) u l-fornituri privati jkunu jistgħu jħaddmu skemi bbażati fuq standards komuni tal-Unjoni.

Rakkomandazzjoni C3 – Dikjarazzjoni tat-Taxxa Unika Armonizzata u OSS

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva:

Dikjarazzjoni tat-Taxxa Korporattiva (CIT) Unika u Armonizzata bħala sostenn għall-BEFIT fl-Unjoni. Approċċ standardizzat għall-kontenut u l-format tad-dikjarazzjoni tat-taxxa jista' jintuża għas-simplifikazzjoni tat-tħejjija tad-dikjarazzjoni. Għażla bħal din tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tar-rapportar dwar is-CIT u għat-tnaqqis tal-ħtieġa ta' esternalizzazzjoni tax-xogħol dwar il-konformità mar-regoli tat-taxxa, b'mod partikolari għall-SMEs li jwettqu attività transfruntiera tal-intrapriżi.

Rakkomandazzjoni C4 – Osservatorju tat-Taxxa biex jiġu mmonitorjati u kkwantifikati t-tendenzi fit-tassazzjoni Ewropea

Fl-2019 il-Parlament Ewropew beda t-tnedija ta' Osservatorju tat-Taxxa tal-UE bħala azzjoni preparatorja. Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni indipendenti tax-xogħol li sar u tipproponi modi kif tista' timxi 'l quddiem b'din l-inizjattiva.

D.    Sistema ta' Taxxa Korporattiva Ewropea koordinata ġdida

Rakkomandazzjoni D1 – Soluzzjoni tal-Predispożizzjoni Favur id-Dejn

Il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva biex ittaffi l-predispożizzjoni favur id-dejn ikkawżat mit-taxxa fid-deċiżjonijiet relatati mal-investiment korporattiv indotti mit-tnaqqis tal-ħlasijiet tal-imgħax fuq il-finanzjament tad-dejn.

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni:

Twettaq valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa u tinkludi klawżoli robusti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa fil-proposta għal Inċentivi għat-Tnaqqis tal-Predispożizzjoni Favur id-Dejn; Tqis li tali predispożizzjoni tista' tiġi indirizzata jew billi jiġi permess tnaqqis ġdid tal-kostijiet relatati mal-finanzjament tal-ekwità jew billi jiġu ridotti l-possibbiltajiet ta' tnaqqis tal-imgħax, u jfakkar li l-limitazzjoni tar-riduzzjoni tat-tnaqqis tas-self eċċessiv sa 20 % tal-qligħ tal-kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament (EBITDA) bħala soluzzjoni oħra biex tiġi ridotta l-predispożizzjoni favur id-dejn.

Rakkomandazzjoni D2 – Ġabra ta' regoli unika dwar it-taxxa għall-Unjoni

Fil-Qafas tal-BEFIT futur, il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni:

Tanalizza elementi differenti ta' x'jikkostitwixxi l-attività ekonomika reali tal-intrapriżi (bejgħ, ħaddiema, assi)

Tniedi konsultazzjoni wiesgħa li tinvolvi lill-Istati Membri, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew

E.    Effikaċja tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa, skambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa u kwalità tad-data

Rakkomandazzjoni E1 – Eurofisc 2.0

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni:

Issaħħaħ in-network tal-Unjoni ta' esperti kontra l-frodi, il-Eurofisc, u tipprovdi biżżejjed riżorsi biex jitwettqu analiżijiet tar-riskju konġunti, jiġu kkoordinati l-investigazzjonijiet u jkun hemm kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), il-Europol u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, b'mod partikolari bil-għan li tiġi investigata l-frodi tal-VAT;

Tippreżenta l-proposta Eurofisc 2.0. Itenni r-rakkomandazzjonijiet mir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa: il-progress, it-tagħlimiet miksuba u l-ostakli li jridu jingħelbu. Jinnota li Eurofisc 2.0 jista' jagħti kontribut kbir lill-użu effettiv min-naħa tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-informazzjoni skambjata fil-qasam tat-taxxa u lill-kwalità tal-informazzjoni skambjata.


(1)  Skont l-EAVA tal-EPRS, ix-xenarju ta' kooperazzjoni estiża – l-iskambju ta' informazzjoni + l-OSS se jwassal għal Valur Miżjud Ewropew ta' madwar EUR 39 biljun.


Top