Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0064

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (2020/2268(INI))

    ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 347, 9.9.2022, p. 50–85 (GA)

    9.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 347/61


    P9_TA(2022)0064

    Indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (2020/2268(INI))

    (2022/C 347/07)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), u b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 12, 39, 40, 47 u 52 tagħha,

    wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2131 (XX) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta' Diċembru 1965 bit-titlu “Dikjarazzjoni dwar l-Inammissibilità tal-Intervent fl-Affarijiet Interni tal-Istati u l-Protezzjoni tal-Indipendenza u s-Sovranità tagħhom”,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikoli 8, 9, 10, 11, 12, 13, 14, 16 u 17 tagħha, u l-Protokoll tagħha, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi (1) u r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar l-analiżi tas-segwitu mogħti mis-SEAE sentejn wara r-Rapport tal-PE dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar iċ-ċiberdifiża (3),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-5 ta' Diċembru 2018 bit-titlu “Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni” (JOIN(2018)0036) u tal-14 ta' Ġunju 2019 bit-titlu “Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni” (JOIN(2019)0012),

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar il-Ħames Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Konġunt tal-2016 għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-2018 bit-titlu “Inżidu r-reżiljenza u nsaħħu l-kapaċitajiet biex nindirizzaw it-theddidiet ibridi” (SWD(2021)0729),

    wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni għad-demokrazija Ewropea (COM(2020)0790),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2020 bit-titlu “Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta' Azzjoni li jappoġġja l-Irkupru u t-Trasformazzjoni” (COM(2020)0784),

    wara li kkunsidra l-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2021 bit-titlu “Il-Media tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta' Azzjoni b'Appoġġ għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni” (4),

    wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni tal-2018 u l-Gwida tal-2021 għat-Tisħiħ tal-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni (COM(2021)0262), u r-Rakkomandazzjonijiet għall-Kodiċi l-Ġdid ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni maħruġa mill-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva f'Ottubru 2021,

    wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali 09/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titlu “Id-diżinformazzjoni taffettwa lill-UE: qed tiġi indirizzata iżda mhux mitigata”,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2020 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (COM(2020)0829) u l-anness propost għad-direttiva,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (5) (ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI) u l-Gwida ta' Marzu 2020 dwar ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI (C(2020)1981),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' Diċembru 2020 bit-titlu “L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali” (JOIN(2020)0018),

    wara li kkunsidra l-Artikoli tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonalment Illeċiti,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2020 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (COM(2020)0823),

    wara li kkunsidra s-sett ta' għodod tal-UE ta' Marzu 2021 ta' miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju fuq iċ-ċibersigurtà tan-networks 5G,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (6),

    wara li kkunsidra l-istudji, il-briefings u l-analiżi fil-fond mitluba mill-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni (INGE),

    wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ ta' Frances Haugen tat-8 ta' Novembru 2021 organizzata mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tiegħu, flimkien ma' kumitati oħra,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar l-istat tal-kapaċitajiet ta' difiża ċibernetika tal-UE (7),

    wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-SDG 16, li għandu l-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,

    wara li kkunsidra d-diskors tal-2021 dwar l-Istat tal-Unjoni u l-ittra ta' intenzjoni,

    wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Settembru 2021 bit-titlu “L-Aġenda Komuni Tagħna”,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Ġunju 2020 bit-titlu “Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 – X'inhuma l-fatti” (JOIN(2020)0008),

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2021 li jemenda r-reġim ta' sanzjonijiet tiegħu fuq il-Belarussja biex iwessa' l-kriterji ta' deżinjazzjoni ħalli jolqot individwi u entitajiet li jorganizzaw jew jikkontribwixxu għal attakki ibridi u l-istrumentalizzazzjoni tal-bnedmin imwettqa mir-reġim tal-Belarussja,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali dwar l-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (8), adottata skont l-Artikolu 207 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni (A9-0022/2022),

    A.

    billi l-indħil barrani jikkostitwixxi ksur serju tal-valuri u l-prinċipji universali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

    B.

    billi l-indħil barrani, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni huma abbuż tal-libertajiet fundamentali tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta u jheddu dawn il-libertajiet u jimminaw il-proċessi demokratiċi fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, bħall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti; billi l-objettiv tal-indħil barrani huwa d-distorsjoni u r-rappreżentazzjoni falza ta' fatti, it-tkabbir b'mod artifiċjali ta' argumenti unilaterali, l-iskrettu ta' informazzjoni biex jiġi deterjorat id-dibattitu politiku u, fl-aħħar mill-aħħar, l-imminar tal-fiduċja fis-sistema elettorali u għalhekk fil-proċess demokratiku nnifsu;

    C.

    billi r-Russja ilha tinvolvi ruħha f'diżinformazzjoni ta' malizzja u kobor bla preċedent kemm fil-mezzi tal-media tradizzjonali kif ukoll fil-pjattaformi tal-media soċjali, sabiex tqarraq liċ-ċittadini tagħha f’pajjiżhom u l-komunità internazzjonali lejliet u matul il-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, li r-Russja bdiet fl-24 ta' Frar 2022, u dan juri li anke l-informazzjoni tista' tiġi arma;

    D.

    billi kwalunkwe azzjoni kontra l-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni trid hija stess tirrispetta l-libertajiet fundamentali tal-espressjoni u tal-informazzjoni; billi l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) għandha rwol ewlieni fl-evalwazzjoni tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, inkluż l-Artikolu 11 tal-Karta, sabiex jiġu evitati azzjonijiet sproporzjonati; billi l-atturi li jwettqu ndħil barrani u manipulazzjoni tal-informazzjoni jabbużaw minn dawk il-libertajiet biex jiksbu vantaġġ u għalhekk huwa vitali li tissaħħaħ il-ġlieda preventiva kontra l-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni peress li d-demokrazija tiddependi mid-deċiżjonijiet infurmati tan-nies;

    E.

    billi l-evidenza turi li atturi statali jew mhux statali barranin malizzjużi u awtoritarji, bħar-Russja, iċ-Ċina u oħrajn, jużaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u tattiki oħra ta' ndħil biex jindaħlu fil-proċessi demokratiċi fl-UE; billi dawn l-attakki, li huma parti minn strateġija ta' gwerra ibrida u jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali, jiżgwidaw u jqarrqu liċ-ċittadini u jaffettwaw l-imġiba tal-vot tagħhom, jamplifikaw id-dibattiti diviżivi, jifirdu, jippolarizzaw u jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tas-soċjetajiet, jippromwovu d-diskors ta' mibegħda, jaggravaw is-sitwazzjoni ta' gruppi vulnerabbli li huma aktar probabbli li jsiru vittmi ta' diżinformazzjoni, jgħawġu l-integrità tal-elezzjonijiet demokratiċi u r-referenda, joħolqu nuqqas ta' fiduċja fil-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet pubbliċi u l-ordni demokratiku liberali u għandhom l-għan li jiddestabbilizzaw id-demokrazija Ewropea, u għalhekk jikkostitwixxu theddida serja għas-sigurtà u s-sovranità tal-UE;

    F.

    billi l-indħil barrani huwa xejra ta' mġiba li thedded jew tħalli impatt negattiv fuq il-valuri, il-proċeduri demokratiċi, il-proċessi politiċi, is-sigurtà tal-Istati u taċ-ċittadini u l-kapaċità li wieħed jaffronta sitwazzjonijiet eċċezzjonali; billi tali ndħil huwa ta' natura manipulattiva, u jitwettaq u jiġi ffinanzjat b'mod intenzjonat u kkoordinat; billi dawk responsabbli għal tali ndħil, inklużi l-intermedjarji tagħhom fit-territorju tagħhom stess u barra minnu, jistgħu jkunu atturi statali jew mhux statali, u spiss jiġu assistiti fl-indħil barrani tagħhom minn kompliċi politiċi fl-Istati Membri li jiksbu vantaġġi politiċi u ekonomiċi meta jiffavorixxu strateġiji barranin; billi l-użu mill-atturi barranin ta' intermedjarji nazzjonali u l-kooperazzjoni ma' alleati nazzjonali joskuraw il-linja bejn l-indħil barrani u dak nazzjonali;

    G.

    billi t-tattiki tal-indħil barrani jieħdu ħafna forom, inklużi d-diżinformazzjoni, is-soppressjoni tal-informazzjoni, il-manipulazzjoni ta' pjattaformi tal-media soċjali u l-algoritmi, it-termini u kundizzjonijiet u s-sistemi ta' reklamar tagħhom, l-attakki ċibernetiċi, l-operazzjonijiet ta' hack-and-leak biex jinkiseb aċċess għall-informazzjoni tal-votant u jkun hemm indħil fil-leġittimità tal-proċess elettorali, it-theddid u l-fastidju diretti lejn il-ġurnalisti, ir-riċerkaturi, il-politiċi u l-membri ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-donazzjonijiet u self bil-moħbi lil partiti politiċi, il-kampanji li jiffavorixxu kandidati speċifiċi, organizzazzjonijiet u strumenti tal-media, strumenti u organizzazzjonijiet tal-media foloz jew mandatarji, il-ħtif tar-riżorsi mill-elit u l-co-optation, flus minn sorsi illegali, personi u identitajiet foloz, pressjoni għall-awtoċensura, l-isfruttament abbużiv ta' narrattivi storiċi, reliġjużi u kulturali, pressjoni fuq l-istituzzjonijiet edukattivi u kulturali, it-teħid tal-kontroll tal-infrastruttura kritika, il-pressjoni fuq ċittadini barranin li jgħixu fl-UE u l-istrumentazzjoni ta' migranti u l-ispjunaġġ; billi dawn it-tattiki spiss jiġu kkombinati għal effett akbar;

    H.

    billi l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u t-tixrid tad-diżinformazzjoni jistgħu jservu l-interessi ekonomiċi ta' atturi statali u mhux statali u l-intermedjarji tagħhom, u joħolqu dipendenzi ekonomiċi li jistgħu jiġu sfruttati għal għanijiet politiċi; billi f'dinja ta' kompetizzjoni internazzjonali mhux kinetika, l-indħil barrani jista' jkun għodda ewlenija biex jiddestabbilizza u jdgħajjef il-kontropartijiet fil-mira, jew jagħti spinta lill-vantaġġ kompetittiv proprju permezz tal-istabbiliment ta' kanali ta' influwenza, dipendenzi tal-katina tal-provvista, rikatt jew koerċizzjoni; billi d-diżinformazzjoni qed tikkawża ħsara ekonomika diretta u indiretta li ma ġietx ivvalutata b'mod sistematiku;

    I.

    billi l-miżinformazzjoni hija informazzjoni falza li tista' tiġi vverifikata u li mhijiex maħsuba biex tikkawża ħsara, filwaqt li d-diżinformazzjoni hija informazzjoni falza jew qarrieqa li tista' tiġi vverifikata, maħluqa, ippreżentata jew imxerrda apposta bil-ħsieb li tikkawża ħsara jew tipproduċi effett potenzjalment ta' tfixkil fuq is-soċjetà billi tqarraq il-pubbliku jew bil-ħsieb li jinkiseb gwadann ekonomiku;

    J.

    billi hemm bżonn li jintlaħaq qbil fi ħdan l-UE dwar definizzjonijiet u metodoloġiji komuni u granulari biex jitjieb il-fehim komuni tat-theddid u jiġu żviluppati standards xierqa tal-UE għal imputazzjoni u rispons aqwa; billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għamel ammont konsiderevoli ta' xogħol f'dan il-qasam; billi dawn id-definizzjonijiet iridu jiggarantixxu l-impermeabbiltà tal-indħil estern u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-kooperazzjoni ma' sħab tal-istess fehma, f'fora internazzjonali rilevanti, fil-qasam ta' definizzjonijiet komuni ta' ndħil barrani sabiex jiġu stabbiliti normi u standards internazzjonali hija tal-akbar importanza; billi l-UE għandu jkollha rwol ta' tmexxija fl-istabbiliment ta' regoli internazzjonali ċari għall-imputazzjoni ta' ndħil barrani;

    Il-ħtieġa ta' strateġija kkoordinata kontra l-indħil barrani

    K.

    billi t-tentattivi ta' ndħil barrani madwar id-dinja qed jiżdiedu u qed isiru aktar sistemiċi u sofistikati, u jkunu bbażati fuq l-użu mifrux tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u qed idgħajfu l-imputabbiltà;

    L.

    billi huwa d-dmir tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jiddefendu liċ-ċittadini u l-infrastruttura kollha, kif ukoll is-sistemi demokratiċi tagħhom, minn tentattivi ta' ndħil barrani; billi, madankollu, l-UE u l-Istati Membri tagħha jidhru li ma għandhomx il-mezzi xierqa u suffiċjenti biex ikunu jistgħu jipprevjenu, jidentifikaw, jimputaw, jiġġieldu u jippenalizzaw dan it-theddid;

    M.

    billi hemm nuqqas ġenerali ta' għarfien fost ħafna minn dawk li jfasslu l-politiki u ċ-ċittadini b'mod ġenerali, tar-realtà ta' dawn il-kwistjonijiet, li jistgħu jikkontribwixxu b'mod mhux intenzjonat għall-ħolqien ta' aktar vulnerabbiltajiet; billi l-kwistjoni tal-kampanji ta' diżinformazzjoni ma kinitx prijorità fl-aġenda ta' dawk li jfasslu l-politiki Ewropej; billi s-seduti ta' smigħ u l-ħidma tal-Kumitat Speċjali INGE kkontribwew għar-rikonoxximent pubbliku u għall-kuntestwalizzazzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet u sawru b'suċċess id-dibattitu Ewropew dwar l-indħil barrani; billi l-isforzi fit-tul ta' diżinformazzjoni minn barranin diġà kkontribwew għall-ħolqien ta' diżinformazzjoni lokali;

    N.

    billi l-monitoraġġ trasparenti mill-Istat ta' ndħil barrani f'ħin reali minn korpi istituzzjonali u analisti u verifikaturi indipendenti tal-fatti, il-koordinament effettiv tal-azzjonijiet tagħhom u l-iskambju ta' informazzjoni huma kruċjali sabiex tittieħed azzjoni xierqa mhux biss biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar attakki malizzjużi kontinwi iżda wkoll biex dawn l-attakki jiġu indirizzati; billi trid tingħata attenzjoni simili lill-immappjar tas-soċjetà, l-identifikazzjoni tal-oqsma l-aktar vulnerabbli u suxxettibbli għall-manipulazzjoni u d-diżinformazzjoni barranin, u l-indirizzar tal-kawżi ta' dawk il-vulnerabbiltajiet;

    O.

    billi l-ewwel prijorità tad-difiża tal-UE, jiġifieri r-reżiljenza u l-istat ta' tħejjija taċ-ċittadini tal-UE meta affaċċjati mal-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, tirrikjedi approċċ fit-tul li jinkludi s-soċjetà fit-totalità tagħha u li għandu jibda bl-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-problemi fi stadju bikri;

    P.

    billi jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni u koordinament fil-livelli u s-setturi amministrattivi fost l-Istati Membri, fil-livell tal-UE u ma' pajjiżi tal-istess fehma, kif ukoll mas-soċjetà ċivili u s-settur privat, sabiex jiġu identifikati l-vulnerabbiltajiet u jiġu individwati u newtralizzati l-attakki; billi hemm ħtieġa urġenti li l-perċezzjoni tat-theddid tiġi sinkronizzata mas-sigurtà nazzjonali;

    It-tisħiħ tar-reżiljenza permezz tal-għarfien tas-sitwazzjoni, il-litteriżmu fil-media u tal-informazzjoni, il-pluraliżmu tal-media, il-ġurnaliżmu indipendenti u l-edukazzjoni

    Q.

    billi l-għarfien tas-sitwazzjoni, sistemi demokratiċi robusti, stat tad-dritt b'saħħtu, soċjetà ċivili dinamika, twissijiet bikrija u valutazzjoni tat-theddid huma l-ewwel passi lejn il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil; billi, minkejja l-progress kollu li sar fis-sensibilizzazzjoni dwar l-indħil barrani, ħafna nies, inklużi dawk li jfasslu l-politiki u l-impjegati taċ-ċivil li jaħdmu fl-oqsma potenzjalment fil-mira, għadhom mhumiex konxji tar-riskji potenzjali marbuta mal-indħil barrani u kif għandhom jiġu indirizzati;

    R.

    billi l-mezzi ta' informazzjoni indipendenti u ta' kwalità għolja, iffinanzjati b'mod trasparenti u sostenibbli u l-ġurnaliżmu professjonali huma essenzjali għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media u l-istat tad-dritt, u għalhekk huma pilastru tad-demokrazija u l-aqwa rimedju għad-diżinformazzjoni; billi ċerti atturi barranin jieħdu vantaġġ mil-libertà tal-media tal-Punent biex ixerrdu d-diżinformazzjoni; billi l-media professjonali u l-ġurnaliżmu tradizzjonali, bħala sors ta' informazzjoni ta' kwalità, għaddejjin minn żminijiet diffiċli fl-era diġitali; billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità fil-qasam tal-ġurnaliżmu fl-UE u barra minnha huma meħtieġa sabiex jiġu żgurati analiżijiet ġurnalistiċi siewja u standards editorjali għoljin; billi jeħtieġ li l-UE tkompli tappoġġa l-ġurnaliżmu fl-ambjent diġitali; billi l-komunikazzjoni bbażata fuq ix-xjenza għandu jkollha rwol importanti;

    S.

    billi l-media tas-servizz pubbliku editorjalment indipendenti hija essenzjali u insostitwibbli fl-għoti ta' servizzi ta' informazzjoni ta' kwalità għolja u imparzjali lill-pubbliku ġenerali u trid tiġi protetta mill-ħtif malizzjuż u tissaħħaħ bħala pilastru fundamentali tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni;

    T.

    billi l-partijiet ikkonċernati u l-istituzzjonijiet differenti jużaw metodoloġiji u definizzjonijiet differenti biex janalizzaw l-indħil barrani – kollha bi gradi differenti ta' komprensibbiltà, u billi dawn id-differenzi jistgħu jinibixxu l-monitoraġġ, l-analiżi u l-valutazzjoni komparabbli tal-livell ta' theddid, u dan irendi aktar diffiċli l-azzjoni konġunta; billi hemm bżonn ta' definizzjoni u metodoloġija tal-UE biex tittejjeb l-analiżi komuni ta' theddid;

    U.

    billi jeħtieġ li t-terminoloġija li tiffoka fuq il-kontenut, bħall-aħbarijiet fażulli, foloz jew qarrieqa, il-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, tiġi kkomplementata b'terminoloġija li tiffoka fuq l-imġiba, sabiex il-problema tiġi indirizzata b'mod adegwat; billi din it-terminoloġija għandha tiġi armonizzata u osservata b'mod strett;

    V.

    billi t-taħriġ fil-media u l-litteriżmu diġitali u s-sensibilizzazzjoni, kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, huma għodod importanti biex iċ-ċittadini jsiru aktar reżiljenti għat-tentattivi ta' ndħil fl-ispazju tal-informazzjoni u jevitaw il-manipulazzjoni u l-polarizzazzjoni; billi, b'mod ġenerali, is-soċjetajiet b'livell għoli ta' litteriżmu fil-media huma aktar reżiljenti għall-indħil barrani; billi metodi ta' ħidma ġurnalistiċi, bħall-ġurnaliżmu kostruttiv, jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ il-fiduċja fil-ġurnaliżmu fost iċ-ċittadini;

    W.

    billi l-manipulazzjoni tal-informazzjoni tista' tieħu ħafna forom, bħat-tixrid tad-diżinformazzjoni u aħbarijiet kompletament foloz, id-distorsjoni ta' fatti, narrattivi u rappreżentazzjonijiet tal-opinjonijiet, is-soppressjoni ta' ċerti informazzjoni jew opinjonijiet, it-teħid ta' informazzjoni barra mill-kuntest, il-manipulazzjoni tal-emozzjonijiet tan-nies, il-promozzjoni ta' diskors ta' mibegħda, il-promozzjoni ta' xi opinjonijiet għad-detriment ta' oħrajn u l-fastidju tan-nies intiż sabiex isikkithom jew jopprimihom; billi wieħed mill-għanijiet tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni huwa li jinħoloq kaos sabiex jitħeġġeġ it-telf tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-“gwardjani” tradizzjonali u l-ġodda fil-qasam tal-informazzjoni; billi hemm linja sottili li tissepara l-libertà tal-espressjoni u l-promozzjoni tad-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni u l-libertà tal-espressjoni ma għandhiex tintuża b'mod abbużiv;

    X.

    billi l-Ażerbajġan, iċ-Ċina, it-Turkija u r-Russja, fost l-oħrajn, ilkoll attakkaw ġurnalisti u avversarji fl-Unjoni Ewropea, bħal fil-każ tal-blogger u l-opponent tal-Ażerbajġan, Mahammad Mirzali, f'Nantes u dak tal-ġurnalist Tork, Erk Acarer, f'Berlin;

    Y.

    billi hemm evidenza konkreta li l-proċessi demokratiċi tal-UE qed jiġu attakkati u affettwati minn indħil permezz ta' kampanji ta' diżinformazzjoni li jipprovaw iqiegħdu f'dubju l-ideali demokratiċi u d-drittijiet fundamentali; billi d-diżinformazzjoni relatata ma' suġġetti li jinkludu, fost oħrajn, il-ġeneru, il-persuni LGBTIQ+, is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u l-minoranzi hija forma ta' diżinformazzjoni li thedded id-drittijiet tal-bniedem, iddgħajjef id-drittijiet diġitali u politiċi, kif ukoll is-sikurezza u s-sigurtà dawk fil-mira tagħha, u toħloq id-diskordja u n-nuqqas ta' għaqda fost l-Istati Membri; billi matul il-kampanji elettorali hemm it-tendenza li l-kandidati politiċi nisa jiġu attakkati b'mod sproporzjonat minn narrattivi sessisti, li jwassal biex n-nisa jaqtgħu qalbhom milli jieħdu sehem fil-proċessi demokratiċi; billi l-awturi ta' dawn il-kampanji ta' diżinformazzjoni jużaw il-pretest tal-promozzjoni tal-valuri “tradizzjonali” jew “konservattivi” biex jiffurmaw alleanzi strateġiċi mas-sħab lokali ħallu jiksbu aċċess għall-intelligence lokali, u skont rapporti, jirċievu miljuni ta' euro f'finanzjament barrani;

    Z.

    billi wara l-istituzzjonijiet statali, il-ġurnalisti, l-opinjonisti u s-settur privat, kull taqsima tas-soċjetà u kull individwu għandhom rwoli importanti fl-identifikazzjoni u t-twaqqif tat-tixrid tad-diżinformazzjoni u f'li jwissu lin-nies qrib tagħhom bir-riskju li jinsabu fih; billi s-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika u l-ġurnalisti diġà kkontribwew immens għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u għaż-żieda fir-reżiljenza tas-soċjetà, anki f'kooperazzjoni ma' kontropartijiet f'pajjiżi sħab;

    AA.

    billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw l-ilħna tal-minoranzi u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem madwar l-Ewropa għadhom mhumiex iffinanzjati biżżejjed, minkejja li għandhom rwol kruċjali fis-sensibilizzazzjoni dwar id-diżinformazzjoniu u fil-ġlieda kontriha; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom riżorsi adegwati sabiex jagħtu sehemhom biex jillimitaw l-impatt tal-indħil barrani;

    AB.

    billi huwa importanti li jkun hemm aċċess faċli u f'waqtu għal informazzjoni bbażata fuq il-fatti minn sorsi affidabbli meta tibda tinxtered id-diżinformazzjoni;

    AC.

    billi huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-attakki ta' ndħil barrani u t-tentattivi ta' manipulazzjoni tal-isfera tal-informazzjoni sabiex dawn jiġu miġġielda; billi l-analiżi tal-intelligence tal-UE u l-għarfien tas-sitwazzjoni jiddependu mir-rieda tal-Istati Membri li jikkondividu l-informazzjoni; billi l-President tal-Kummissjoni pproponiet li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta' Ċentru Konġunt tal-UE ta' Għarfien tas-Sitwazzjoni; billi l-prevenzjoni u l-miżuri proattivi inklużi l-konfutazzjoni minn qabel tad-diżinformazzjoni u ekosistema ta' informazzjoni b'saħħitha huma ħafna aktar effettivi minn sforzi sussegwenti ta' verifika tal-fatti u ta' konfutazzjoni tad-diżinformazzjoni, li għandhom livell aktar baxx ta' portata mid-diżinformazzjoni oriġinali; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha bħalissa ma għandhomx biżżejjed kapaċitajiet biex jieħdu tali miżuri; billi għodod analitiċi ġodda bbażati fuq l-IA, bħad-Debunk.eu Litwan, jistgħu jgħinu biex jiġu identifikati l-attakki, jiġi kondiviż l-għarfien u jiġi infurmat il-pubbliku;

    AD.

    billi d-diżinformazzjoni tiffjorixxi f'ambjent ta' narrattivi dgħajfa u frammentati fil-livell nazzjonali jew tal-UE, u b'dibattiti polarizzati u ferm imqanqla, hekk kif tisfrutta l-punti dgħajfa u l-preġudizzji fost is-soċjetà u l-individwi, u billi d-diżinformazzjoni tgħawweġ id-dibattitu pubbliku fi żmien l-elezzjonijiet u proċessi demokratiċi oħra u tista' tagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini biex jagħmlu għażliet infurmati;

    Indħil barrani permezz ta' pjattaformi online

    AE.

    billi l-pjattaformi online jistgħu jkunu għodod faċilment aċċessibbli anki f'termini ekonomiċi għal dawk involuti fil-manipulazzjoni tal-informazzjoni u ndħil ieħor, bħall-mibegħda u l-fastidju, li jwasslu għal ħsara għas-saħħa u s-sikurezza tal-komunitajiet online tagħna, it-tiskit tal-għedewwa, l-ispjunaġġ jew it-tixrid tad-diżinformazzjoni; billi ġie ppruvat li l-funzjonament tagħhom jinkoraġġixxi opinjonijiet polarizzati u estremi għad-detriment ta' informazzjoni bbażata fuq il-fatti; billi l-pjattaformi għandhom l-interessi tagħhom stess u jistgħu ma jkunux newtrali fl-ipproċessar tal-informazzjoni; billi xi pjattaformi online jibbenefikaw ħafna minn sistema li żżid il-firda, l-estremiżmu u l-polarizzazzjoni; billi l-ispazju online sar importanti għad-demokrazija tagħna daqs l-ispazju fiżiku u għalhekk jeħtieġ regoli korrispondenti;

    AF.

    billi l-mod ta' kif il-pjattaformi aċċeleraw u aggravaw it-tixrid ta' miżinformazzjoni u diżinformazzjoni huwa bla preċedent u għandu ħafna konsegwenzi; billi l-pjattaformi online jikkontrollaw il-fluss tal-informazzjoni u r-reklamar online, filwaqt li l-pjattaformi jfasslu u jużaw algoritmi biex jikkontrollaw dawn il-flussi, u billi l-pjattaformi mhumiex trasparenti, ma għandhomx proċeduri xierqa biex jivverifikaw l-identità, jużaw terminoloġija vaga u mhux ċara u ftit li xejn jaqsmu informazzjoni dwar id-disinn, l-użu u l-impatti ta' dawn l-algoritmi u jew ma jaqsmu l-ebda informazzjoni dwarhom; billi l-komponent vizzjuż tal-algoritmi tal-pjattaformi online ħoloq problema serja tas-saħħa pubblika li jeħtieġ li tiġi indirizzata; billi l-pjattaformi online għandhom ikunu responsabbli għall-effetti dannużi tas-servizzi tagħhom, peress li xi pjattaformi kienu jafu bid-difetti fl-algoritmi tagħhom – b'mod partikolari r-rwol tagħhom fit-tixrid ta' kontenut diviżiv – iżda naqsu milli jindirizzawhom sabiex jimmassimizzaw il-profitt, kif ġie żvelat mill-informaturi ta' irregolaritajiet;

    AG.

    billi bi tweġiba għall-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Prim Ministri tal-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja bagħtu ittra lis-CEOs tal-pjattaformi tal-media soċjali Big Tech (Twitter, Alphabet, YouTube u Meta) fis-27 ta' Frar 2022, fejn talbu, fost l-oħrajn, is-sospensjoni ta' accounts involuti fi u li jigglorifikaw id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, moderazzjoni msaħħa tal-kontenut bir-Russu u l-Ukren, id-demonetizzazzjoni sħiħa u immedjata tal-accounts kollha li jxerrdu d-diżinformazzjoni mwettqa mill-Gvernijiet tar-Russja u tal-Belarussja, u l-assistenza għall-utenti li jippruvaw isibu informazzjoni affidabbli dwar il-gwerra fl-Ukrajna;

    AH.

    billi hemm kampanji kontinwi ta' ndħil u manipulazzjoni tal-informazzjoni diretti lejn il-miżuri kollha kontra t-tixrid tal-COVID-19, inkluż it-tilqim fl-UE, u l-pjattaformi online naqsu milli jikkoodinaw l-isforzi tagħhom biex jillimitawhom u setgħu anki kkontribwew għat-tixrid tagħhom; billi tali diżinformazzjoni tista' tkun ta' theddida għall-ħajja meta tiskoraġġixxi lin-nies milli jitlaqqmu jew tippromwovi trattamenti foloz; billi l-pandemija aggravat il-ġlieda sistemika bejn id-demokrazija u l-awtoritariżmu, u wasslet biex atturi awtoritarji statali u mhux statali, bħaċ-Ċina u r-Russja, jużaw firxa wiesgħa ta' strumenti fil-miftuħ u bil-moħbi sabiex jipprovaw jiddestabbilizzaw il-kontropartijiet demokratiċi tagħhom; billi l-Facebook Papers żvelaw in-nuqqas tal-pjattaforma li tindirizza d-diżinformazzjoni relatata mat-tilqim, inkluż bl-Ingliż; billi s-sitwazzjoni hija saħansitra agħar għad-diżinformazzjoni relatata mat-tilqim mhux bl-Ingliż; billi din il-kwistjoni tikkonċerna l-pjattaformi kollha;

    AI.

    billi bosta bejjiegħa rreġistrati fl-UE jbigħu likes, segwaċi, kummenti u shares mhux awtentiċi lil kwalunkwe attur li jixtieq iżid b'mod artifiċjali l-viżibbiltà tiegħu online; billi huwa impossibbli li jiġu identifikati l-użi leġittimi ta' tali servizzi, filwaqt li l-użi dannużi jinkludu l-manipulazzjoni tal-elezzjonijiet u ta' proċessi demokratiċi oħra, il-promozzjoni ta' scams, il-pubblikazzjoni ta' posts ta' kritika negattiva dwar il-prodotti tal-kompetituri, il-frodi ta' dawk li jirreklamaw u l-ħolqien ta' pubbliku falz li jintuża biex tissawwar il-konverżazzjoni, għal attakki personali u biex jiżdiedu b'mod artifiċjali ċerti perspettivi li kieku ma kienx għal dan ma kienu jirċievu l-ebda attenzjoni; billi reġimi barranin, bħar-Russja u ċ-Ċina, qed jużaw dawn l-għodod online fuq skala massiva biex jinfluwenzaw id-dibattitu pubbliku fil-pajjiżi Ewropej; billi d-diżinformazzjoni tista' tiddestabbilizza d-demokrazija Ewropea;

    AJ.

    billi l-pjattaformi soċjali, l-applikazzjonijiet u l-apparat diġitali jiġbru u jaħżnu kwantitajiet enormi ta' data personali dettaljata ħafna u ta' spiss sensittiva dwar kull utent; billi tali data tista' tintuża biex tbassar tendenzi fl-imġiba, issaħħaħ il-preġudizzju konjittiv u torjenta l-proċess deċiżjonali; billi din id-data hija sfruttata għal skopijiet kummerċjali; billi l-iżvelar ta' data jseħħ ripetutament, għad-detriment tas-sigurtà tal-vittmi ta' tali żvelar ta' informazzjoni, u d-data tista' tinbiegħ fis-suq illeċitu; billi tali bażijiet tad-data jistgħu jiswew mitqilhom deheb għal atturi malizzjużi li jixtiequ jattakkaw ċerti gruppi jew individwi;

    AK.

    billi, b'mod ġenerali, il-pjattaformi huma mfassla biex jiżguraw li l-għażla li ma tiġix kondiviża d-data ġeneralment mhijiex intuwittiva, hija kumplessa u tieħu ħafna ħin meta mqabbla mal-għażla li tiġi kondiviża d-data;

    AL.

    billi l-pjattaformi online huma integrati fil-biċċa l-kbira ta' ħajjitna u t-tixrid tal-informazzjoni fuq il-pjattaformi jista' jkollu impatt enormi fuq il-ħsieb u l-imġiba tagħna, pereżempju fir-rigward tal-preferenzi tal-vot, l-għażliet ekonomiċi u soċjali, u l-għażla tas-sorsi ta' informazzjoni, u billi dawn l-għażliet deċiżivi ta' importanza pubblika llum fil-fatt huma influwenzati mill-interessi kummerċjali tal-kumpaniji privati;

    AM.

    billi l-mekkaniżmi ta' ġestjoni tal-algoritmi u karatteristiċi oħra tal-pjattaformi tal-media soċjali huma mfassla biex jimmassimizzaw l-involviment; billi ġie rrapportat ripetutament li dawn il-karatteristiċi jippromwovu kontenut polarizzanti, radikalizzanti u diskriminatorju u jżommu lill-utenti fi ċrieki ma' dawk tal-istess fehma; billi dan iwassal għar-radikalizzazzjoni gradwali tal-utenti tal-pjattaformi, kif ukoll għall-kondizzjonament u t-tniġġis tal-proċessi ta' diskussjoni kollettiva, aktar milli għall-protezzjoni tal-proċessi demokratiċi u tal-individwi; billi azzjonijiet mhux ikkoordinati mill-pjattaformi wasslu għal diskrepanzi fl-azzjonijiet tagħhom u ppermettew li d-diżinformazzjoni tinfirex minn pjattaforma għal oħra; billi l-mudell kummerċjali li bih isiru l-flus permezz tat-tixrid ta' informazzjoni polarizzanti u t-tfassil ta' algoritmi jagħmlu l-pjattaformi mira faċli għall-manipulazzjoni minn atturi ostili barranin; billi l-pjattaformi tal-media soċjali jistgħu jitfasslu b'mod differenti sabiex irawmu sfera pubblika online aktar b'saħħitha;

    AN.

    billi l-ħolqien ta' materjal awdjo u awdjoviżiv deepfake qed isir dejjem aktar faċli bl-introduzzjoni ta' teknoloġiji ekonomikament aċċessibbli u faċli biex jintużaw, u t-tixrid ta' tali materjali huwa problema li qed tiżdied b'mod esponenzjali; billi bħalissa, madankollu, 90 % tar-riċerka hija destinata għall-iżvilupp ta' deepfakes u 10 % biss għall-identifikazzjoni tagħhom;

    AO.

    billi s-sistemi ta' awtoregolamentazzjoni bħall-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni tal-2018 irriżultaw f'titjib; billi, madankollu, id-dipendenza fuq ir-rieda tajba tal-pjattaformi la qed taħdem u lanqas hija effettiva u ipproduċiet ftit data sinifikanti dwar l-impatt ġenerali tagħhom; billi, barra minn hekk, il-pjattaformi ħadu miżuri individwali li jvarjaw fil-grad u fl-effett, li rriżultaw f'backdoors li minnhom il-kontenut jista' jkompli jinfirex fi bnadi oħra minkejja li jitneħħa; billi jeħtieġ li jkun hemm ġabra ta' regoli u sanzjonijiet ċari sabiex il-Kodiċi ta' Prattika jkollu effett suffiċjenti fuq l-ambjent online;

    AP.

    billi l-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea għandu l-għan li jsaħħaħ il-Kodiċi ta' Prattika tal-2018 u flimkien mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali jikkostitwixxi pass lil hinn mill-approċċ tal-awtoregolamentazzjoni u għandu l-għan li jintroduċi aktar garanziji u protezzjonijiet għall-utenti, billi jżid l-awtonomija u jegħleb il-passività fir-rigward tas-servizzi offruti, jintroduċi miżuri li jirrikjedu aktar trasparenza u responsabbiltà mill-kumpaniji, u jintroduċi aktar obbligi għall-pjattaformi;

    AQ.

    billi l-azzjonijiet attwali diretti kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni fuq il-pjattaformi online mhumiex effettivi jew ta' deterrent u jippermettu lill-pjattaformi jkomplu jippromwovu kontenut diskriminatorju u malizzjuż;

    AR.

    billi l-pjattaformi jiddedikaw ferm inqas riżorsi għall-ġestjoni tal-kontenut f'lingwi inqas mitkellma, u anke f'lingwi mitkellma ħafna li mhumiex l-Ingliż, meta mqabbel mal-kontenut bl-Ingliż;

    AS.

    billi l-proċeduri ta' lment u ta' appell tal-pjattaformi huma ġeneralment inadegwati;

    AT.

    billi fl-aħħar xhur, diversi atturi ewlenin obdew ir-regoli dwar iċ-ċensura, pereżempju matul l-elezzjonijiet parlamentari fir-Russja f'Settembru 2021, meta Google u Apple neħħew l-apps tal-Votazzjoni Intelliġenti mill-ħwienet tagħhom fir-Russja;

    AU.

    billi n-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-għażliet algoritmiċi tal-pjattaformi jagħmilha impossibbli li jiġu vvalidati d-dikjarazzjonijiet mill-pjattaformi dwar dak li jagħmlu u l-effett tal-azzjonijiet tagħhom biex jiġġieldu l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil; billi hemm diskrepanzi bejn l-effett iddikjarat tal-isforzi tagħhom fl-awtovalutazzjonijiet annwali tagħhom u l-effettività konkreta tagħhom, kif muri fil-Facebook Papers reċenti;

    AV.

    billi n-natura mhux trasparenti tar-reklamar immirat twassal biex kwantitajiet kbar ta' reklamar online minn ditti ta' reputazzjoni tajba, xi kultant anki minn istituzzjonijiet pubbliċi, jispiċċaw fuq siti web li jinkoraġġixxu t-terroriżmu, jospitaw diskors ta' mibegħda u diżinformazzjoni, u dawn jispiċċaw jiffinanzjaw l-espansjoni ta' tali siti web, mingħajr l-għarfien jew il-kunsens ta' dawk li jirreklamaw;

    AW.

    billi s-suq tar-reklamar online huwa kkontrollat minn għadd żgħir ta' kumpaniji Ad Tech kbar li jikkondividu s-suq bejniethom, u Google u Facebook huma l-akbar atturi; billi din il-konċentrazzjoni għolja tas-suq fi ftit kumpaniji hija assoċjata ma' żbilanċ qawwi fil-poter; billi l-użu ta' tekniki ta' clickbait u s-setgħa ta' dawn il-ftit atturi li jiddeterminaw liema kontenut huwa monetizzat u liema mhuwiex, minkejja li l-algoritmi li jużaw ma jistgħux jiddistingwu bejn id-diżinformazzjoni u l-kontenut normali tal-aħbarijiet, jikkostitwixxu theddida għall-media diversifikata; billi s-suq tar-reklamar immirat huwa verament mhux trasparenti; billi l-kumpaniji Ad Tech iġiegħlu lid-ditti jaqilgħu l-ħtija għan-negliġenza tagħhom fil-monitoraġġ ta' fejn jitqiegħdu r-reklami;

    Infrastruttura kritika u setturi strateġiċi

    AX.

    billi l-ġestjoni tat-theddid għall-infrastruttura kritika, speċjalment meta jkunu parti minn strateġija ibrida sinkronizzata u malizzjuża, tirrikjedi sforzi kkoordinati u konġunti fis-setturi kollha, f'livelli differenti – fil-livell tal-UE u f'dawk nazzjonali, reġjonali u lokali – u f'mumenti differenti;

    AY.

    billi l-Kummissjoni pproponiet direttiva ġdida biex ittejjeb ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi li jipprovdu servizzi essenzjali fl-UE, li tinkludi lista proposta ta' tipi ġodda ta' infrastruttura kritika; billi l-lista tas-servizzi se tiġi stabbilita fl-anness għad-direttiva;

    AZ.

    billi l-globalizzazzjoni dejjem tikber tat-tqassim tax-xogħol u tal-ktajjen tal-produzzjoni wasslet għal diskrepanzi fil-manifattura u fil-ħiliet f'setturi ewlenin madwar l-Unjoni; billi dan irriżulta fid-dipendenza għolja tal-UE fuq l-importazzjoni ta' ħafna prodotti essenzjali u assi primarji, li jista' jkun fihom vulnerabbitajiet integrati, li jiġu minn barra; billi r-reżiljenza tal-katina tal-provvista għandha tkun fost il-prijoritajiet ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE;

    BA.

    billi l-investimenti diretti barranin (FDIs) – investimenti minn pajjiżi terzi u kumpaniji barranin – f'setturi strateġiċi fl-UE, iżda wkoll f'żoni tal-viċinat, bħall-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari l-akkwist miċ-Ċina ta' strutturi kritiċi, ħolqu dejjem aktar tħassib f'dawn l-aħħar snin fid-dawl tal-importanza dejjem akbar tar-rabta bejn il-kummerċ u s-sigurtà; billi dawn l-investimenti joħolqu r-riskju li jinħolqu dipendenzi ekonomiċi u li jwasslu għal telf ta' għarfien f'setturi ewlenin tal-produzzjoni u tal-industrija;

    BB.

    billi l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE tirrikjedi kontroll tal-infrastruttura strateġika Ewropea; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri esprimew tħassib dejjem akbar dwar is-sigurtà u l-kontroll tat-teknoloġiji u l-infrastruttura fl-Ewropa;

    Indħil barrani matul il-proċessi elettorali

    BC.

    billi l-atturi malizzjużi li jfittxu li jindaħlu fil-proċessi elettorali jużaw il-ftuħ u l-pluraliżmu tas-soċjetajiet tagħna bħala vulnerabbiltà strateġika biex jattakkaw il-proċessi demokratiċi u r-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; billi huwa fil-kuntest tal-proċessi elettorali li l-indħil barrani jsir aktar perikoluż hekk kif iċ-ċittadini jerġgħu jinvolvu ruħhom u jkunu aktar involuti fil-parteċipazzjoni politika konvenzjonali;

    BD.

    billi n-natura distintiva tal-indħil barrani fil-proċessi elettorali, u l-użu ta' teknoloġiji ġodda f'dan ir-rigward, kif ukoll l-effetti potenzjali tagħhom, jirrappreżentaw theddid partikolarment perikoluż għad-demokrazija; billi l-indħil barrani fil-proċessi elettorali jmur ferm lil hinn mill-“gwerra tal-informazzjoni” tal-media soċjali, u jiffavorixxi kandidati speċifiċi, jiħħekkja u jattakka bażijiet tad-data u jikseb aċċess għall-informazzjoni tal-votanti rreġistrati u jinterferixxi direttament mal-funzjonament normali, il-kompetittività u l-leġittimità tal-proċess elettorali; billi l-indħil barrani għandu l-għan li jintroduċi dubju, inċertezza u nuqqas ta' fiduċja, u mhux biss li jbiddel ir-riżultat tal-elezzjonijiet iżda li jneħħi l-leġittimità tal-proċess elettorali kollu kemm hu;

    Finanzjament bil-moħbi ta' attivitajiet politiċi minn atturi u donaturi barranin

    BE.

    billi hemm evidenza solida li turi li l-atturi barranin qed jindaħlu b'mod attiv fil-funzjonament demokratiku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari matul perjodi ta' elezzjonijiet u referenda, permezz ta' operazzjonijiet ta' finanzjament bil-moħbi;

    BF.

    billi, pereżempju, ir-Russja, iċ-Ċina u reġimi awtoritarji oħra injettaw aktar minn USD 300 miljun f'33 pajjiż biex jindaħlu f'proċessi demokratiċi, u atturi oħra bħall-Iran u l-Venezwela u atturi mil-Lvant Nofsani u mil-lemin estrem tal-Istati Uniti kienu involuti wkoll f'finanzjament moħbi; billi din it-tendenza qed taċċelera b'mod ċar; billi nofs minn dawn il-każijiet jikkonċernaw l-azzjonijiet tar-Russja fl-Ewropa; billi l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus illeċitu huma sors ta' finanzjament politiku minn pajjiżi terzi awtoritarji;

    BG.

    billi l-għodod tal-media maħluqa minn donaturi barranin b'mod mhux trasparenti saru estremament effettivi biex jiksbu għadd kbir ta' segwaċi u jiġġeneraw involviment;

    BH.

    billi dawn l-operazzjonijiet jiffinanzjaw partiti politiċi estremisti, populisti u anti-Ewropej u ċerti partiti u individwi oħrajn jew movimenti li qed jipprovaw iżidu l-frammentazzjoni tas-soċjetà u jimminaw il-leġittimità tal-awtoritajiet pubbliċi Ewropej u nazzjonali; billi dan għen biex iżid il-portata ta' dawn il-partiti u l-movimenti;

    BI.

    billi r-Russja tfittex kuntatti ma' partiti, personaġġi u movimenti sabiex tuża atturi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE biex tilleġittimizza l-pożizzjonijiet Russi u l-gvernijiet bi prokura, biex tagħmel attività ta' lobbying għall-ħelsien mis-sanzjonijiet u biex ittaffi l-konsegwenzi tal-iżolament internazzjonali; billi partiti bħall-Freiheitliche Partei Österreichs Awstrijak, ir-Rassemblement National Franċiż u l-Lega Nord Taljan iffirmaw ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-partit tar-Russja Unita tal-President Russu Vladimir Putin u issa qed jiffaċċjaw allegazzjonijiet mill-media li huma lesti jaċċettaw finanzjament politiku mir-Russja; billi partiti Ewropej oħra bħall-partit Ġermaniż Alternative für Deutschland (AfD), il-partiti Ungeriżi FideszJobbik, u l-partit tal-Brexit tar-Renju Unit ukoll allegatament għandhom kuntatt mill-qrib mal-Kremlin, u l-AfD u Jobbik ħadmu wkoll bħala taparsi “osservaturi elettorali” f'elezzjonijiet ikkontrollati mill-Kremlin, pereżempju f'Donetsk u Lugansk fl-Ukrajna tal-Lvant, biex jimmonitorjaw u jilleġittimizzaw l-elezzjonijiet sponsorjati mir-Russja; billi s-sejbiet dwar il-kuntatti mill-qrib u regolari bejn uffiċjali Russi u rappreżentanti ta' grupp ta' seċessjonisti Katalani fi Spanja, kif ukoll bejn uffiċjali Russi u l-akbar donatur privat għall-kampanja tal-Brexit Vote Leave, jeħtieġu investigazzjoni fil-fond, u huma parti mill-istrateġija usa' tar-Russja biex tuża kull opportunità biex timmanipula d-dibattitu ħalli tippromwovi d-destabbilizzazzjoni;

    BJ.

    billi l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja diġà għamlu rakkomandazzjonijiet estensivi biex inaqqsu l-possibbilitajiet ta' ndħil minn atturi barranin permezz ta' finanzjament politiku;

    BK.

    billi l-liġijiet elettorali, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament ta' attivitajiet politiċi, mhumiex ikkoordinati tajjeb biżżejjed fil-livell tal-UE, u għalhekk jippermettu metodi ta' finanzjament mhux trasparenti minn atturi barranin; billi d-definizzjoni legali ta' donazzjonijiet politiċi hija ristretta wisq, u tippermetti kontribuzzjonijiet in natura barranin fl-Unjoni Ewropea;

    BL.

    billi f'ċerti Stati Membri, ir-reklamar politiku online mhuwiex soġġett għar-regoli għar-reklamar politiku offline; billi hemm nuqqas serju ta' trasparenza fir-reklamar politiku online, li jagħmilha impossibbli għar-regolaturi li jinfurzaw il-limiti tal-infiq u jipprevjenu sorsi illegali ta' finanzjament, b'konsegwenzi potenzjalment diżastrużi għall-integrità tas-sistemi elettorali tagħna;

    BM.

    billi n-nuqqas ta' trasparenza fil-finanzjament joħloq ambjent għall-korruzzjoni, li spiss jakkumpanja l-finanzjament u l-investimenti barranin;

    BN.

    billi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (9) qed jiġi rivedut bil-għan li jinkiseb livell akbar ta' trasparenza f'termini tal-finanzjament tal-attivitajiet politiċi;

    BO.

    billi r-rwol tal-fondazzjonijiet politiċi kiber f'dawn l-aħħar snin u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet kellu rwol pożittiv fil-politika u fit-tisħiħ tad-demokrazija, iżda f'xi każijiet sar mezz aktar imprevedibbli għal forom malizzjużi ta' finanzjament u ndħil indirett;

    BP.

    billi t-teknoloġiji moderni u l-assi diġitali, bħall-kriptovaluta, jintużaw biex jaħbu tranżazzjonijiet finanzjarji illegali lil atturi politiċi u partiti politiċi;

    Ċibersigurtà u reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi

    BQ.

    billi l-okkorrenza ta' attakki ċibernetiċi u inċidenti ffaċilitati miċ-ċibernetika mmexxija minn atturi statali u mhux statali ostili ilha tiżdied f'dawn l-aħħar snin; billi diversi attakki ċibernetiċi, bħall-kampanji globali tal-posta elettronika ta' spear phishing immirati lejn strutturi strateġiċi għall-ħżin tal-vaċċini u l-attakki ċibernetiċi kontra l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), il-Parlament Norveġiż u ħafna oħrajn ġew intraċċati lura għal gruppi ta' hackers appoġġati mill-Istat, li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu affiljati mal-Gvern Russu u ma' dak Ċiniż;

    BR.

    billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata favur l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali fis-seħħ għaċ-ċiberspazju, b'mod partikolari l-Karta tan-NU; billi l-atturi barranin malizzjużi qed jisfruttaw in-nuqqas ta' qafas legali internazzjonali b'saħħtu fil-qasam ċibernetiku;

    BS.

    billi l-Istati Membri żiedu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam taċ-ċiberdifiża fil-qafas tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), inkluż bit-twaqqif ta' Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku; billi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) inkluda l-intelligence, il-komunikazzjoni sigura u ċ-ċiberdifiża fil-programmi ta' ħidma tiegħu; billi l-kapaċità attwali li jiġi ffaċċjat it-theddid ċibernetiku hija limitata minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi umani u finanzjarji, pereżempju fi strutturi kritiċi bħall-isptarijiet; billi l-UE impenjat ruħha li tinvesti EUR 1,6 biljun, fl-ambitu tal-programm Ewropa Diġitali (10), fil-kapaċità ta' rispons u l-użu ta' għodod taċ-ċibersigurtà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u l-individwi, kif ukoll li tiżviluppa kooperazzjoni pubblika-privata;

    BT.

    billi l-lakuni u l-frammentazzjoni fil-kapaċitajiet u l-istrateġiji tal-UE fil-qasam ċibernetiku qed isiru problema dejjem akbar, kif indikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (11); billi s-Sett ta' Għodod taċ-Ċiberdiplomazija tal-UE, stabbilit f'Mejju 2019, wera l-valur miżjud ta' rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi; billi l-Kunsill iddeċieda għall-ewwel darba fit-30 ta' Lulju 2020 li jimponi miżuri restrittivi fuq individwi, entitajiet u korpi responsabbli għal diversi attakki ċibernetiċi jew involuti fihom;

    BU.

    billi l-użu illeċitu u fuq skala enormi ta' programmi ta' sorveljanza, bħall-Pegasus, intużaw minn atturi statali barranin biex jissorveljaw ġurnalisti, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, akkademiċi u uffiċjali pubbliċi u politiċi, inklużi l-Kapijiet tal-Istati Ewropej; billi l-Istati Membri għamlu użu wkoll mill-ispyware ta' sorveljanza;

    Protezzjoni tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet, tal-aġenziji, tad-delegazzjonijiet u tal-missjonijiet tal-UE

    BV.

    billi l-karattru deċentralizzat u multinazzjonali tal-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi l-missjonijiet u operazzjonijiet tagħhom, jista' jiġi sfruttat minn atturi barranin malizzjużi li jixtiequ jrawmu l-firda fl-UE; billi hemm nuqqas ġenerali ta' kultura ta' sigurtà fl-istituzzjonijiet tal-UE minkejja l-fatt li dawn huma miri ċari; billi l-Parlament bħala l-istituzzjoni tal-UE eletta demokratikament qed jiffaċċja sfidi speċifiċi; billi diversi każijiet urew li l-istituzzjonijiet tal-UE jidhru vulnerabbli għal infiltrazzjoni barranija; billi s-sikurezza tal-persunal tal-UE għandha tiġi żgurata;

    BW.

    billi huwa meħtieġ, bħala kwistjoni ta' prijorità, li jiġu stabbiliti proċeduri robusti u koerenti għall-ġestjoni ta' kriżijiet; billi għandu jiġi offrut taħriġ addizzjonali sabiex jissaħħaħ l-istat tat-tħejjija tal-persunal;

    BX.

    billi reċentement seħħew attakki ċibernetiċi fuq diversi istituzzjonijiet tal-UE, u dan jissottolinja l-ħtieġa ta' kooperazzjoni interistituzzjonali b'saħħitha f'termini tal-identifikazzjoni, il-monitoraġġ u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni matul l-attakki ċibernetiċi u/jew bl-għan li jiġu evitati, anki matul il-missjonijiet u l-operazzjonijiet fl-ambitu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-UE; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jorganizzaw eżerċizzji regolari u konġunti biex jidentifikaw punti dgħajfa u jieħdu l-miżuri meħtieġa;

    Indħil minn atturi globali permezz tal-ħtif tar-riżorsi mill-elit, tad-dijaspori nazzjonali, tal-universitajiet u tal-avvenimenti kulturali

    BY.

    billi għadd ta' politiċi, inklużi politiċi u uffiċjali taċ-ċivil Ewropej ta' livell għoli jiġu mqabbda jew eletti b'co-optation minn kumpaniji privati jew nazzjonali barranin ikkontrollati mill-Istat, bi skambju għall-għarfien tagħhom għad-detriment tal-interessi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

    BZ.

    billi ċerti pajjiżi huma partikolarment attivi fil-qasam tal-ħtif tar-riżorsi mill-elit u l-co-optation, b'mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina, iżda anki l-Arabja Sawdija u pajjiżi tal-Golf oħra, ma' pereżempju l-eks Kanċillier Ġermaniż, Gerhard Schröder, u l-eks Prim Ministru tal-Finlandja, Paavo Lipponen, li t-tnejn li huma bdew jaħdmu għal Gazprom biex iħaffu l-proċess ta' applikazzjoni għal Nord Stream 1 u 2, l-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awstrija, Karin Kneissl, li nħatar membru tal-bord ta' Rosneft, l-eks Prim Ministru ta' Franza, François Fillon, li nħatar membru tal-bord ta' Zaroubejneft, l-eks Prim Ministru ta' Franza, Jean-Pierre Raffarin, li huwa involut b'mod attiv fil-promozzjoni tal-interessi Ċiniżi fi Franza, u l-eks Kummissarju Ċek, Štefan Füle, li ħadem għal CEFC China Energy, l-eks Prim Ministru tal-Finlandja, Esko Aho, li attwalment huwa fil-bord ta' Sberbank tal-Kremlin, l-eks Ministru Franċiż għar-Relazzjonijiet mal-Parlament, Jean-Marie Le Guen, li attwalment huwa membru tal-Bord tad-Diretturi ta' Huawei France, l-eks Prim Ministru tal-Belġju, Yves Leterme, li nħatar Kopresident tal-fond ta' investiment Ċiniż. ToJoy, u ħafna politiċi u uffiċjali oħra ta' livell għoli li qed jassumu rwoli simili;

    CA.

    billi l-istrateġiji ta' lobbying ekonomiku jistgħu jiġu kkombinati ma' għanijiet marbuta mal-indħil barrani; billi skont ir-rapport tal-OECD dwar il-lobbying fis-seklu 21 (12), l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada biss għandhom regoli li jkopru l-influwenza barranija; billi hemm nuqqas serju ta' regoli legalment vinkolanti u infurzar tar-reġistru tal-lobbying tal-UE, li jagħmilha prattikament impossibbli li jiġi ttraċċat il-lobbying li jkun ġej minn barra l-UE; billi bħalissa ma hemm l-ebda mod kif jiġu mmonitorjati l-isforzi tal-lobbying fl-Istati Membri li jinfluwenzaw il-leġiżlazzjoni u l-politika barranija permezz tal-Kunsill Ewropew; billi r-regoli dwar il-lobbying fl-UE jiffokaw prinċipalment fuq kuntatt wiċċ imb'wiċċ u ma jqisux l-ekosistema kollha tat-tipi differenti ta' lobbying li jeżistu fi Brussell; billi pajjiżi bħaċ-Ċina u r-Russja, iżda wkoll il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda u t-Turkija, investew ħafna fl-isforzi ta' lobbying fi Brussell;

    CB.

    billi t-tentattiv tal-istrumentalizzazzjoni ta' gruppi vulnerabbli, inklużi minoranzi u dijaspora nazzjonali li tgħix fit-territorju tal-UE, jirrappreżenta element importanti tal-istrateġiji għall-indħil barrani;

    CC.

    billi atturi statali differenti, bħall-Gvern Russu, Ċiniż u, f'miżura inqas, dak Tork, qed jippruvaw iżidu l-influwenza tagħhom billi jistabbilixxu u jużaw istituti kulturali, edukattivi (eż. permezz ta' għotjiet u boroż ta' studju) u reliġjużi madwar l-Istati Membri, permezz ta' sforz strateġiku biex jiddestabbilizzaw id-demokrazija Ewropea u jespandu l-kontroll fuq l-Ewropa tal-Lvant u l-Ewropa Ċentrali; billi s-sitwazzjoni diffiċli allegata tal-minoranza nazzjonali tagħha ntużat fil-passat mir-Russja bħala skuża għal intervent dirett f'pajjiżi terzi;

    CD.

    billi hemm evidenza ta' ndħil Russu u ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni online f'ħafna demokraziji liberali madwar id-dinja, inkluż iżda mhux limitat għar-referendum dwar Brexit fir-Renju Unit, u l-elezzjonijiet presidenzjali fi Franza u fl-Istati Uniti, u appoġġ prattiku ta' partiti politiċi estremisti, populisti u anti-Ewropej u ċerti partiti u individwi oħrajn madwar l-Ewropa, inklużi, fost oħrajn Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Awstrija; billi huwa meħtieġ aktar appoġġ għar-riċerka u l-edukazzjoni biex tkun tista' tinftiehem l-influwenza eżatta tal-indħil barrani fuq avvenimenti speċifiċi, bħall-Brexit u l-elezzjoni tal-President Trump fl-2016;

    CE.

    billi n-networks Russi Sputnik u RT kkontrollati mill-Istat li huma bbażati fil-Punent, flimkien mal-media tal-Punent u li huma kompletament jew parzjalment proprjetà ta' entitajiet legali u individwali Russi u Ċiniżi jinvolvu ruħhom b'mod attiv f'attivitajiet ta' diżinformazzjoni kontra d-demokraziji liberali; billi r-Russja qed tirrikorri għal reviżjoniżmu storiku, qed tfittex li tagħti narrattiva differenti tad-delitti Sovjetiċi u tippromwovi nostalġija Sovjetika fost il-popolazzjoni suxxettibbli fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; billi għax-xandara nazzjonali fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huwa diffiċli li jikkompetu mal-kontenut televiżiv bil-lingwa Russa ffinanzjat mill-Gvern Russu; billi hemm riskju ta' kooperazzjoni żbilanċjata bejn il-media Ċiniża u dik barranija, meta jitqies li l-media Ċiniża hija l-vuċi tal-Partit Komunista Ċiniż kemm lokalment kif ukoll barra mill-pajjiż;

    CF.

    billi nfetħu aktar minn 500 ċentru ta' Confucius madwar id-dinja, inkluż madwar 200 fl-Ewropa, u l-Istituti ta' Confucius u l-Klassijiet ta' Confucius jintużaw miċ-Ċina bħala għodda ta' ndħil fl-UE; billi l-libertà akkademika hija ristretta ħafna fl-Istituti Confucius; billi l-universitajiet u l-programmi edukattivi huma fil-mira ta' finanzjament barrani massiv, b'mod partikolari miċ-Ċina jew il-Qatar, bħall-kampus tal-Università Fudan f'Budapest;

    CG.

    billi l-UE bħalissa ma għandhiex sett ta' għodod meħtieġ biex tindirizza l-ħtif tar-riżorsi mill-elit u tiġġieled l-istabbiliment ta' kanali ta' influwenza, inkluż fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE; billi l-kapaċitajiet ta' għarfien tas-sitwazzjoni u l-istrumenti ta' kontrointelligence għadhom skarsi fil-livell tal-UE, bi grad għoli ta' dipendenza fuq ir-rieda tal-atturi nazzjonali li jikkondividu l-informazzjoni;

    Deterrenza, attribuzzjoni u kontromiżuri kollettivi, inklużi sanzjonijiet

    CH.

    billi l-UE u l-Istati Membri tagħha bħalissa ma għandhomx reġim speċifiku ta' sanzjonijiet relatati mal-indħil barrani u l-kampanji tad-diżinformazzjoni orkestrati minn atturi statali barranin, jiġifieri dawn l-atturi jistgħu jserrħu moħħhom mingħajr inkwiet li mhux se jbatu l-konsegwenzi tal-kampanji ta' destabbilizzazzjoni tagħhom kontra l-UE;

    CI.

    billi l-iżgurar ta' imputazzjoni ċara tad-diżinformazzjoni u l-attakki ta' propaganda, inkluż l-esponiment espliċitu u pubbliku tal-isem l-awturi, l-isponsors tagħhom u l-għanijiet li qed jipprovaw jiksbu, kif ukoll il-kejl tal-effetti ta' dawn l-attakki fuq l-udjenza fil-mira, huma l-ewwel passi lejn id-difiża effettiva kontra tali azzjonijiet;

    CJ.

    billi l-UE għandha ssaħħaħ l-għodod ta' deterrent tagħha u l-għodod għall-imputazzjoni ta' tali attakki u l-klassifika tan-natura tagħhom bħala li jiksru jew ma jiksrux id-dritt internazzjonali, bil-ħsieb li jiġi stabbilit reġim ta' sanzjonijiet effettiv biex atturi barranin malizzjużi jkollhom iħallsu l-ispejjeż tad-deċiżjonijiet tagħhom u jbatu l-konsegwenzi; billi jaf ma jkunx biżżejjed li jiġu mmirati individwi; billi għodod oħra, bħall-miżuri kummerċjali, jistgħu jintużaw biex jipproteġu l-proċessi demokratiċi Ewropej kontra attakki ibridi sponsorjati mill-Istat; billi l-miżuri ta' deterrent iridu jiġu applikati b'mod trasparenti bil-garanziji kollha dovuti; billi l-attakki ibridi huma kkalibrati sabiex deliberatament jaqgħu taħt il-limitu stabbilit fl-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana;

    Kooperazzjoni globali u multilateraliżmu

    CK.

    billi azzjonijiet malizzjużi orkestrati minn atturi statali u mhux statali barranin qed jaffettwaw lil ħafna pajjiżi demokratiċi sħab madwar id-dinja; billi l-alleati demokratiċi jiddependu fuq il-kapaċità tagħhom li jingħaqdu flimkien biex jagħtu rispons kollettiv;

    CL.

    billi l-pajjiżi tal-adeżjoni tal-UE fil-Balkani tal-Punent qed jintlaqtu partikolarment ħażin minn attakki fil-forma ta' ndħil barrani u kampanji ta' diżinformazzjoni li joriġinaw mir-Russja, miċ-Ċina u mit-Turkija, bħall-kampanji ta' ndħil tar-Russja matul il-proċess ta' ratifika tal-Ftehim ta' Prespa fil-Maċedonja ta' Fuq; billi l-pandemija tal-COVID-19 kompliet tiġi sfruttata fil-Balkani tal-Punent miċ-Ċina u r-Russja biex jiddestabbilizzaw dawn il-pajjiżi u jiskreditaw lill-UE; billi l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali huma mistennija jissieħbu fl-inizjattivi tal-UE biex jiġġieldu l-indħil barrani;

    CM.

    billi għad hemm nuqqas ta' fehim komuni u definizzjonijiet komuni fost is-sħab u l-alleati tal-istess fehma fir-rigward tan-natura tat-theddid inkwistjoni; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU qed jitlob kodiċi ta' kondotta globali biex jippromwovi l-integrità tal-informazzjoni pubblika; billi l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija pjattaforma importanti għal diskussjonijiet relatati mas-suġġett;

    CN.

    billi hemm ħtieġa ta' kooperazzjoni globali u multilaterali u appoġġ fost is-sħab tal-istess fehma fl-indirizzar tal-indħil barrani malizzjuż; billi demokraziji oħra żviluppaw ħiliet u strateġiji avvanzati, bħall-Awstralja u t-Tajwan; billi t-Tajwan jinsab fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, prinċipalment miċ-Ċina; billi s-suċċess tas-sistema Tajwaniża huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni fost il-fergħat kollha tal-gvern, iżda wkoll ma' NGOs indipendenti speċjalizzati fil-verifika tal-fatti u l-litteriżmu fil-media u mal-pjattaformi tal-media soċjali, bħall-Facebook, kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-litteriżmu fil-media għall-ġenerazzjonijiet kollha, il-konfutazzjoni tad-diżinformazzjoni, u t-trażżin tat-tixrid ta' messaġġi manipulattivi; billi l-Kumitat Speċjali INGE mar fuq missjoni uffiċjali ta' tlett ijiem fit-Tajwan biex jiddiskuti d-diżinformazzjoni u l-intervent elettorali barrani;

    Il-ħtieġa ta' strateġija kkoordinata tal-UE kontra l-indħil barrani

    1.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar l-okkorenza dejjem akbar u n-natura dejjem aktar sofistikata tal-indħil barrani u tat-tentattivi ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni, fil-biċċa l-kbira mwettqa mir-Russja u ċ-Ċina u mmirati lejn il-partijiet kollha tal-funzjonament demokratiku tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha;

    2.

    jilqa' t-tħabbira tal-President tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2022 dwar projbizzjoni fl-UE kollha fuq is-sorsi ta' propaganda Russi bħal Sputnik TV, RT (li qabel kienet magħrufa bħala r-Russia Today) u organi Russi oħra ta' diżinformazzjoni li għandhom l-uniku għan li jdgħajfu u jaqsmu l-opinjoni pubblika tal-UE u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE; jitlob iktar miżuri f'dan ir-rigward;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, u lill-koleġiżlaturi u l-Istati Membri jappoġġaw, strateġija fuq diversi livelli li tkun ikkoordinata u transsettorjali, kif ukoll riżorsi finanzjarji adegwati, li għandhom l-għan li jipprovdu lill-UE u l-Istati Membri tagħha bi prospettivi u politiki xierqa ta' reżiljenza u għodod ta' deterrent, li jippermettulhom jindirizzaw it-theddid ibridu u l-attakki kollha orkestrati minn atturi statali u mhux statali barranin; iqis li din l-istrateġija għandha tinbena fuq:

    (a)

    terminoloġiji u definizzjonijiet komuni, metodoloġija unika, evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt ex post tal-leġiżlazzjoni adottata s'issa, sistema ta' intelligence kondiviża, u fehim, monitoraġġ, inkluż twissijiet bikrija, u għarfien tas-sitwazzjoni tal-kwistjonijiet involuti;

    (b)

    politiki konkreti li jippermettu l-bini tar-reżiljenza fost iċ-ċittadini tal-UE f'konformità mal-valuri demokratiċi, anki permezz ta' appoġġ lis-soċjetà ċivili;

    (c)

    kapaċitajiet xierqa ta' tħarbit u difiża;

    (d)

    risponsi diplomatiċi u ta' deterrent, inkluż sett ta' għodod tal-UE għall-ġlieda kontra l-indħil barrani u l-operazzjonijiet ta' influwenza, inklużi operazzjonijiet ibridi, permezz ta' miżuri adegwati, eż. l-imputazzjoni tal-awturi u l-esponiment pubbliku ta' isimhom, is-sanzjonijiet u l-kontromiżuri, u sħubijiet globali għall-iskambju ta' prattiki u l-promozzjoni ta' standards internazzjonali ta' mġiba responsabbli tal-Istat;

    4.

    Jissottolinja li l-miżuri kollha għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-imputazzjoni, il-ġlieda u s-sanzjonar tal-indħil barrani jridu jitfasslu b'mod li jirrispetta u jippromwovi d-drittijiet fundamentali, inkluża l-kapaċità taċ-ċittadini tal-UE li jikkomunikaw b'mod sigur, anonimu u mingħajr ċensura, mingħajr indħil żejjed minn kwalunkwe attur barrani;

    5.

    Iqis li din l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq approċċ ibbażat fuq ir-riskju, li jkopri s-soċjetà kollha u l-gvern kollu, u b'mod partikolari l-oqsma li ġejjin:

    (a)

    it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE permezz tal-għarfien tas-sitwazzjoni, tal-litteriżmu fil-media u tal-informazzjoni, tal-pluraliżmu tal-media, tal-ġurnaliżmu indipendenti u tal-edukazzjoni

    (b)

    l-indħil barrani permezz ta' pjattaformi online;

    (c)

    l-infrastruttura kritika u s-setturi strateġiċi;

    (d)

    l-indħil barrani matul il-proċessi elettorali;

    (e)

    il-finanzjament bil-moħbi ta' attivitajiet politiċi minn atturi u donaturi barranin;

    (f)

    iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi;

    (g)

    il-protezzjoni tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji, id-delegazzjonijiet u l-missjonijiet tal-UE;

    (h)

    l-indħil minn atturi globali permezz tal-ħtif tar-riżorsi mill-elit, tad-dijasporti nazzjonali, tal-universitajiet u tal-avvenimenti kulturali;

    (i)

    id-deterrenza, l-imputazzjoni u l-kontromiżuri kollettivi, inklużi sanzjonijiet;

    (j)

    il-kooperazzjoni globali u l-multilateraliżmu;

    6.

    Jitlob, b'mod partikolari, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu r-riżorsi u l-mezzi allokati lill-korpi u lill-organizzazzjonijiet madwar l-Ewropa u globalment – bħal gruppi ta' riflessjoni u verifikaturi tal-fatti – inkarigati bil-monitoraġġ u s-sensibilizzazzjoni tal-gravità tat-theddid, inkluża d-diżinformazzjoni; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-UE f'sens strateġiku usa'; jitlob li l-kapaċità ta' previżjoni u l-interoperabbiltà tal-UE u tal-Istati Membri tagħha jissaħħu biex tiġi żgurata tħejjija robusta għall-previżjoni, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-manipulazzjoni ta' informazzjoni u tal-indħil barranin, biex isaħħu l-protezzjoni tal-interessi strateġiċi u l-infrastruttura tagħhom, u biex jinvolvu ruħhom fil-kooperazzjoni u l-koordinament multilaterali ħalli jintlaħaq fehim komuni għall-kwistjoni fil-fora internazzjonali rilevanti; jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin jiddiskuti kwistjonijiet ta' ndħil barrani fuq bażi regolari;

    7.

    Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas enormi ta' sensibilizzazzjoni, anki fost il-pubbliku usa' u l-uffiċjali taċ-ċivil, dwar il-gravità tat-theddid attwali maħluq minn reġimi awtoritarji barranin u atturi malizzjużi oħra mmirat lejn il-livelli u s-setturi kollha tas-soċjetà Ewropea, bil-għan li jimmina d-drittijiet fundamentali u l-leġittimità tal-awtoritajiet pubbliċi, japprofondixxi l-frammentazzjoni politika u soċjali u, f'xi każijiet, saħansitra jikkawża ħsara li tista' tirriżulta fatali għall-ħajja għaċ-ċittadini tal-UE;

    8.

    Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' normi u miżuri xierqa u suffiċjenti biex jiġu imputati l-atti ta' ndħil barrani u jingħata rispons għalihom, u dan in-nuqqas jirriżulta f'kalkolu attraenti għall-atturi malizzjużi fejn l-ispejjeż u r-riskji huma baxxi u gwadann huwa kbir, peress li r-riskji li jaffaċċjaw riperkussjonijiet għall-azzjonijiet tagħhom bħalissa huma baxxi ħafna;

    9.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi, fejn rilevanti, perspettiva ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta' ndħil barranin fil-valutazzjoni tal-impatt ex ante mwettqa qabel il-preżentazzjoni ta' proposti ġodda, bil-ħsieb li l-ġlieda kontra l-indħil u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni barranin tiġi integrata fit-tfassil tal-politika tal-UE; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jwettqu ukoll rieżamijiet regolari tar-reżiljenza u jivvalutaw l-iżvilupp tat-theddid u l-impatt tagħhom fuq il-leġiżlazzjoni u l-politiki attwali;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-istituzzjonijiet nazzjonali reċenti, bħall-Koordinatur Nazzjonali tal-Awstralja għall-Ġlieda kontra l-Indħil Barrani, il-Kumitat tas-Sigurtà tal-Finlandja li jassisti lill-gvern u lill-ministeri, l-Aġenzija tal-Kontinġenzi Ċivili, l-aġenzija l-ġdida għad-difiża psikoloġika u ċ-Ċentru Nazzjonali dwar iċ-Ċina tal-Iżvezja, u l-aġenzija nazzjonali l-ġdida ta' Franza, Viginum, iċ-Ċentru Nazzjonali għaċ-Ċibersigurtà tal-Litwanja, u t-taskforce interaġenzija għall-koordinament tad-diżinformazzjoni biex tara x'nistgħu nitgħallmu minn dawn l-aħjar prattiki u sa liema miżura tista' tiġi implimentata idea simili fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza ta' approċċ u strumenti proattivi, inklużi l-komunikazzjonijiet strateġiċi bħala attività ewlenija għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri permezz ta' kliem u azzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi taħriġ adegwat fix-xjenza tad-data u toħloq korp ta' monitoraġġ uniku fi ħdan il-Kummissjoni dwar il-manipulazzjoni tal-informazzjoni;

    11.

    Jinsab imħasseb dwar il-ħafna nuqqasijiet u lakuni fil-leġiżlazzjoni u l-politiki attwali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali maħsuba biex jidentifikaw, jipprevjenu u jiġġieldu l-indħil barrani;

    12.

    Jinnota li għadd ta' proġetti u programmi fit-tul, b'enfasi fuq il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni fil-livell teknoloġiku, legali, psikoloġiku u informattiv, qed jiġu ffinanzjati mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta' dawn il-proġetti u l-programmi u l-applikabbiltà tagħhom;

    13.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi taskforce mmexxija minn Věra Jourová, fil-kwalità tagħha ta' Viċi President tal-Kummissjoni għall-Valuri u t-Trasparenza, iddedikata għall-iskrutinju tal-leġiżlazzjoni u l-politiki eżistenti biex jiġu identifikati nuqqasijiet li jistgħu jiġu sfruttati minn atturi malizzjużi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni telimina dawn in-nuqqasijiet; jisħaq li din l-istruttura għandha tikkoopera ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE u mal-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkunsidraw l-istabbiliment ta' Ċentru Ewropew għal Theddid ta' Ndħil u tal-Integrità tal-Informazzjoni, li jkollu riżorsi xierqa u jkun indipendenti u li għandu jidentifika, janalizza u jiddokumenta operazzjonijiet ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u theddid ta' ndħil kontra l-UE kollha kemm hi, iżid l-għarfien tas-sitwazzjoni, jiżviluppa ċentru ta' għarfien speċjalizzat billi jsir pjattaforma għall-koordinament mas-soċjetà ċivili, is-settur tan-negozju, l-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali, u jqajjem kuxjenza pubblika, fost l-oħrajn permezz ta' rapporti regolari dwar theddid sistemiku; jenfasizza li l-proġett ta' ħolqien ta' Ċentru Ewropew għal Theddid ta' Ndħil u tal-Integrità tal-Informazzjoni ġdid, indipendenti u li jkollu riżorsi adegwati, għandu jiċċara u jsaħħaħ ir-rwol tad-diviżjoni StratCom tas-SEAE u tat-task forces tiegħu bħala l-korp strateġiku tas-servizz diplomatiku tal-UE u jipprevjeni t-trikkib tal-attivitajiet; jenfasizza li l-mandat ta' StratCom tas-SEAE għandu jkun iffukat fuq l-iżvilupp strateġiku ta' politiki esterni biex jiġi miġġieled it-theddid konġunt eżistenti u emerġenti u biex jissaħħaħ l-involviment mas-sħab internazzjonali f'dan il-qasam; jirrimarka li StratCom tas-SEAE tista' ssegwi dawn l-objettivi f'kooperazzjoni mill-qrib ma' Ċentru Ewropew għal Theddid ta' Ndħil u tal-Integrità tal-Informazzjoni ġdid u ma' task force ġdida tal-Kummissjoni;

    14.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa lis-soċjetà ċivili biex ikollha rwol attiv fil-ġlieda kontra l-indħil barrani; jistieden lil-livelli u lis-setturi kollha tas-soċjetà Ewropea jistabbilixxu sistemi biex irendu l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini kollha aktar reżiljenti għall-indħil barrani, biex ikunu jistgħu jidentifikaw l-attakki fil-ħin u jiġġieldu l-attakki bl-aktar mod effiċjenti possibbli, anki permezz tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, fi ħdan il-qafas tal-UE tad-drittijiet fundamentali u b'mod trasparenti u demokratiku; isemmi, f'dan il-kuntest, l-aħjar prattiki u l-approċċ li jinkludi s-soċjetà fit-totalità tagħha segwiti mit-Tajwan; jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jipprovdu lis-soċjetà ċivili b'għodod xierqa u fondi speċifiċi għall-istudju, l-esponiment u l-ġlieda kontra l-indħil barrani;

    Il-bini tar-reżiljenza tal-UE permezz tal-għarfien tas-sitwazzjoni, il-litteriżmu fil-media u l-edukazzjoni

    15.

    Jisħaq li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jeħtieġu sistemi sodi, robusti u interkonnessi biex jidentifikaw, janalizzaw, jintraċċaw u jimmappjaw okkorrenzi min-naħa ta' atturi statali u mhux statali barranin ta' ndħil fil-proċessi demokratiċi sabiex jiżviluppaw għarfien tas-sitwazzjoni u fehim ċar tat-tip ta' mġiba li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jiskoraġġixxu u jindirizzaw; jappella għal riċerka u stħarriġ soċjoloġiċi regolari biex jiġu mmonitorjati r-reżiljenza u l-litteriżmu fil-media, kif ukoll biex nifhmu l-appoġġ pubbliku u l-perċezzjonijiet tan-narrattivi ta' diżinformazzjoni l-aktar komuni;

    16.

    Jissottolinja li huwa daqstant ieħor importanti li l-għarfien minn din l-analiżi ma jibqax fi ħdan gruppi ta' speċjalisti fil-qasam tal-indħil barrani, iżda sa fejn possibbli jinqasam bil-miftuħ mal-pubbliku inġenerali, speċjalment ma' persuni li jwettqu funzjonijiet sensittivi, sabiex kulħadd ikun konxju dwar ix-xejriet tat-theddid u jkun jista' jevita r-riskji;

    17.

    Jissottolinja li huwa meħtieġ li tiġi żviluppata metodoloġija komuni għall-iżvilupp tal-għarfien tas-sitwazzjoni, it-twissijiet bikrija u valutazzjoni tat-theddid, il-ġbir ta' evidenza sistematika u d-identifikazzjoni ta' manipulazzjoni tal-ambjent tal-informazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp ta' standards għall-imputazzjoni teknika, pereżempju dwar l-awtentiċità tal-kontenut, sabiex jiġi żgurat rispons effettiv;

    18.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u billi taħdem multilaterali fil-fora internazzjonali rilevanti, tiżviluppa definizzjoni kunċettwali tat-theddid ta' ndħil li qed taffaċċja l-UE; jissottolinja li din id-definizzjoni jeħtieġ li tirrifletti t-tattiki, it-tekniki, il-proċeduri u l-għodda użati biex jiddeskrivu x-xejriet tal-imġiba tal-atturi statali u mhux statali tat-theddid li qed naraw illum; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi lill-FRA tal-UE biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda kunċett diskriminatorju jew mhux ekwi jew preġudizzji inkorporati fi kwalunkwe definizzjoni kunċettwali;

    19.

    Jissottolinja li d-diplomazija pubblika u l-komunikazzjoni strateġika huma elementi essenzjali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-protezzjoni tal-valuri demokratiċi tal-UE; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw aktar u jintensifikaw il-ħidma importanti tad-diviżjoni StratCom tas-SSEAE, mat-taskforces tiegħu, iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN tal-UE) u ċ-Ċellola ta' Fużjoni kontra t-Theddid Ibridu, id-Direttorat tal-Intelligence tal-Istaff Militari tal-UE, is-Sistema ta' Twissija Rapida, il-kooperazzjoni stabbilita fil-livell amministrattiv bejn is-SEAE, il-Kummissjoni u l-Parlament, in-network immexxi mill-Kummissjoni kontra d-diżinformazzjoni, it-task force amministrattiva tal-Parlament kontra d-diżinformazzjoni, u l-kooperazzjoni kontinwa man-NATO, il-G7, is-soċjetà ċivili u l-industrija privata fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar l-intelligence, l-analiżi, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u s-sensibilizzazzjoni dwar il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil barranin; Jilqa' r-Rapporti Speċjali 09/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) bit-titlu “Id-diżinformazzjoni taffettwa lill-UE: qed tiġi indirizzata iżda mhux mitigata”, jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jippubblikaw skeda ta' żmien dettaljata għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA;

    20.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi ta' monitoraġġ permanenti u li jiġu rinforzati ferm qabel l-elezzjonijiet, ir-referenda jew proċessi politiċi importanti oħra madwar l-Ewropa;

    21.

    Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn dawn ir-riżorsi billi jaqsmu l-intelligence rilevanti mal-INTCEN tal-UE u jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-Sistema ta' Twissija Rapida; huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni fl-analiżi u fl-intelligence fi ħdan l-UE u man-NATO jeħtieġ li tissaħħaħ aktar, filwaqt li jeħtieġ li tali kooperazzjoni ssir aktar trasparenti u demokratikament responsabbli, inkluż permezz tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni mal-Parlament;

    22.

    Jilqa' l-idea tal-President tal-Kummissjoni von der Leyen li jiġi stabbilit Ċentru Konġunt tal-Għarfien tas-Sitwazzjoni biex tittejjeb il-previżjoni strateġika u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, filwaqt li jistenna kjarifika ulterjuri dwar l-istruttura u l-missjoni tiegħu; jissottolinja li ċentru bħal dan ikun jirrikjedi kooperazzjoni attiva mas-servizzi tal-Kummissjoni, is-SEAE, il-Kunsill, il-Parlament u l-awtoritajiet nazzjonali; itenni, madankollu, l-importanza li tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol u t-trikkib mal-istrutturi eżistenti tal-UE;

    23.

    Ifakkar fil-ħtieġa li s-SEAE jingħata mandat imsaħħaħ u definit b'mod ċar u r-riżorsi meħtieġa biex id-Diviżjoni għall-Komunikazzjoni Strateġika, it-Task Forces u l-Analiżi tal-Informazzjoni timmonitorja u tindirizza l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil lil hinn mis-sorsi barranin li attwalment huma koperti mit-tliet task forces u timmira lejn kopertura ġeografika usa' billi jiġi applikat approċċ ibbażat fuq ir-riskju; jitlob b'mod urġenti li s-SEAE jkollu kapaċitajiet adegwati sabiex jindirizza l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil min-naħa taċ-Ċina, partikolarment billi jinħoloq tim speċifiku għal-Lvant Imbiegħed; jisħaq ulterjorment fuq il-ħtieġa li tingħata spinta sinifikanti lill-għarfien espert u lill-kapaċità lingwistika fir-rigward taċ-Ċina u ta' reġjuni oħra ta' importanza strateġika, fis-SEAE, fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-UE b'mod ġenerali, u li jintużaw sorsi ta' intelligence minn sorsi miftuħa li bħalissa mhumiex użati biżżejjed;

    24.

    Jisħaq fuq l-importanza ta' media mifruxa b'mod wiesa', kompetittiva u pluralistika, ġurnalisti, verifikaturi tal-fatti u riċerkaturi indipendenti u media soda tas-servizz pubbliku għal dibattitu demokratiku vivaċi u liberu; jilqa' pożittivament l-inizjattivi biex jitlaqqgħu flimkien, jitħarrġu u jiġu appoġġati b'modi oħra l-organizzazzjonijiet ta' ġurnalisti, verifikaturi tal-fatti u riċerkaturi indipendenti fl-Ewropa kollha, u b'mod partikolari fir-reġjuni l-aktar f'riskju, bħall-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali u l-Fond Ewropew għad-Demokrazija; jiddispjaċih li l-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali ma jinkludix l-Istati Baltiċi; jilqa' pożittivament anki l-inizjattivi mmirati biex jistabbilixxu indikaturi tal-affidabbiltà tal-ġurnaliżmu u tal-verifika tal-fatti li jkunu faċli li jintgħarfu, bħal dak mibdi minn Reporters mingħajr fruntieri; jistieden lill-Kummissjoni tikkuntrasta s-sjieda monopolistika tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa;

    25.

    Ifaħħar ir-riċerka indispensabbli u l-ħafna inizjattivi kreattivi u ta' suċċess dwar il-litteriżmu diġitali u fil-media kif ukoll dawk ta' sensibilizzazzjoni mwettqa minn individwi, skejjel, universitajiet, organizzazzjonijiet tal-media, istituzzjonijiet pubbliċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

    26.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jallokaw is-sorsi ta' finanzjament pubbliċi tal-UE lill-verifikaturi tal-fatti, lir-riċerkaturi, lill-media u l-ġurnalisti investigattivi u ta' kwalità u lill-NGOs indipendenti li jirriċerkaw u jinvestigaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil, li jippromwovu l-litteriżmu diġitali, fil-media u fl-informazzjoni u mezzi oħra biex jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini, u li jirriċerkaw modi kif titkejjel b'mod sinifikattiv l-effikaċja tat-taħriġ fil-litteriżmu diġitali, fil-media u fl-informazzjoni, tal-kampaniji ta' sensibilizzazzjoni, tal-konfutazzjoni tad-diżinformazzjoni u tal-komunikazzjoni strateġika;

    27.

    Jitlob li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ il-media professjonali u pluralistika, bil-garanzija li l-pubblikaturi jirċievu introjtu ġust għall-użu li jsir mill-kontenut tagħhom fuq l-internet; jissottolinja li diversi pajjiżi fid-dinja qed jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-media jkollha riżorsi finanzjarji adegwati; itenni l-appell tiegħu għall-ħolqien ta' fond Ewropew permanenti għall-mezzi tal-informazzjoni u jilqa' favorevolment, f'dan ir-rigward, l-inizjattiva “News”, inklużi l-possibbiltajiet il-ġodda ta' finanzjament għas-settur tal-media u għal-litteriżmu fil-media u fl-informazzjoni fil-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027; josserva, madankollu, li l-flussi ta' finanzjament jistgħu joħolqu dipendenza jew iħallu impatt fuq l-indipendenza tal-media; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tat-trasparenza tal-finanzjament tal-media; jemmen li d-divulgazzjoni pubblika tal-informazzjoni ta' min hu s-sid tal-istrumenti tal-media, min jagħtihom donazzjonijiet jew min ifornihom b'kontenut u min iħallas għall-kontenut ġurnalistiku hija meħtieġa għall-protezzjoni tal-pluraliżmu tal-media.

    28.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-analiżijiet, ir-rapportar ta' inċidenti u l-valutazzjonijiet ibbażati fuq l-intelligence ta' theddid pubbliku fir-rigward tal-manipulazzjoni tal-inforamzzjoni u tal-indħil u li tali informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku; jissuġġerixxi għaldaqstant il-ħolqien ta' bażi tad-data fuq skala tal-UE għall-inċidenti ta' ndħil barrani rrapportati mill-awtoritajiet tal-UE u tal-Istati Membri; jissottolinja l-fatt li l-informazzjoni dwar tali inċidenti tista' tkun kondiviża, meta jkun il-każ, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-pubbliku, bil-lingwi kollha tal-UE;

    29.

    Jistieden lill-Istati Membri kollha jinkludu l-litteriżmu diġitali u fil-media, kif ukoll l-edukazzjoni dwar suġġetti bħad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali, l-istorja reċenti, l-affarijiet internazzjonali, il-ħsieb kritiku u l-parteċipazzjoni pubblika, fil-kurrikuli tagħhom, mis-snin bikrin sal-edukazzjoni għall-adulti, inkluż it-taħriġ għall-għalliema u għar-riċerkaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ favur l-edukazzjoni storika u r-riċerka dwar il-mod kif l-indħil barrani u t-totalitariżmu tal-imgħoddi influwenzaw is-soċjetà b'mod ġenerali, u l-ġrajjiet demokratiċi fuq skala kbira b'mod speċifiku;

    30.

    Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri, fil-livelli amministrattivi kollha, jidentifikaw is-setturi f'riskju ta' tentattivi ta' ndħil u jipprovdu taħriġ u eżerċizzji regolari għall-persunal li jaħdem f'dawn is-setturi sabiex jiġu identifikati u evitati t-tentattivi ta' ndħil, u jissottolinja li tali sforzi jkunu jibbenefikaw minn format standardizzat stabbilit mill-UE; jirrakkomanda li l-moduli ta' taħriġ komprensivi jiġu offruti wkoll lill-impjegati tas-servizz pubbliku kollha; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, it-taħriġ offrut lill-Membri u lill-persunal mill-amministrazzjoni tal-Parlament; jirrakkomanda li dan it-taħriġ jiġi żviluppat aktar;

    31.

    Jissottolinja l-bżonn li tiżdied is-sensibilizzazzjoni rigward l-indħil barrani fil-livelli kollha tas-soċjetà; jilqa' pożittivament l-inizjattivi meħuda mis-SEAE, mill-Kummissjoni u mill-amministrazzjoni tal-Parlament, bħal avvenimenti ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni għall-ġurnalisti, l-għalliema, l-influwenzaturi, l-istudenti, iċ-ċittadini anzjani u l-viżitaturi, kemm offline kif ukoll online, fi Brussell u fl-Istati Membri kollha l-oħra, u jirrakkomanda li dawn jiġu żviluppati aktar;

    32.

    Jistieden lill-Istati Membri, lill-amministrazzjoni tal-UE u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqsmu l-aħjar prattiki għat-taħriġ u għas-sensibilizzazzjoni fil-litteriżmu fil-media u fl-informazzjoni, kif mitlub fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (13); jistieden lill-Kummissjoni torganizza dawn l-iskambji f'kooperazzjoni mal-Grupp ta' Esperti dwar il-Litteriżmu fil-Media; jissottolinja l-fatt li l-Istati Membri jeħtieġ li jimplimentaw id-direttiva riveduta malajr u korrettament;

    33.

    Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jelaboraw Kodiċi Etiku biex jiggwida lill-awtoritajiet pubbliċi u lir-rappreżentanti politiċi fl-użu tal-pjattaformi u tan-networks tal-media soċjali; iqis li hu neċessarju li jiġi inkoraġġut l-użu ta' tali pjattaformi u networks biex jiġu miġġielda l-manipulazzjoni u l-miżinformazzjoni fl-isfera pubblika;

    34.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw programmi ta' sensibilizzazzjoni u ta' litteriżmu fil-media u fl-informazzjoni mfasslin apposta, anki għad-dijaspori u għall-minoranzi, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema għall-kondiviżjoni faċli tal-materjal bil-lingwi minoritarji, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-traduzzjoni u jintlaħqu kemm jista' jkun nies; jistieden lir-reġjuni u lill-muniċipalitajiet jieħdu rwol ta' tmexxija, billi huwa importanti li jiġu involuti ż-żoni rurali u l-gruppi demografiċi kollha;

    35.

    Jissottolinja l-fatt li risposta essenzjali għat-tentattivi ta' ndħil barrani hija d-difiża tal-gruppi fil-mira ewlenin li lejhom ikunu mmirati; jenfasizza l-bżonn ta' azzjoni mmirata, permezz ta' qafas ġuridiku tal-UE armonizzat, kontra t-tixrid tad-diżinformazzjoni u tad-diskors ta' mibegħda dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneri, mal-persuni LGBTIQ+, mal-minoranzi u mar-rifuġjati; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta strateġiji maħsuba biex jostakolaw il-finanzjament tal-persuni u tal-gruppi li attivament jipparteċipaw fil-manipulazzjoni tal-informazzjoni jew ixerrduha, spiss immirata lejn it-temi u l-gruppi hawn fuq imsemmija, bit-tir li tinbet firda fis-soċjetà; jitlob li jsiru kampanji ta' komunikazzjoni pożittiva dwar dawn il-kwistjonijiet u jissottolinja l-bżonn ta' taħriġ sensittiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru;

    36.

    Jirrikonoxxi li l-attakki u l-kampanji tad-diżinformazzjoni tal-ġeneru spiss jintużaw bħala parti minn strateġija politika usa' maħsuba biex timmina l-parteċipazzjoni ndaqs fil-proċessi demokratiċi, speċjalment tan-nisa u tal-persuni LGBTIQ+; jisħaq fuq il-fatt li d-diżinformazzjoni dwar il-persuni LGBTIQ+ tkebbes il-mibegħda, kemm online kif ukoll offline, u thedded ħajjet in-nies; jitlob li ssir riċerka dwar id-diżinformazzjoni online b'lenti intersettorjali u għas-superviżjoni tal-bidliet li l-pjattaformi qegħdin jagħmlu biex jirrispondu għall-kampanji ta' diżinformazzjoni tal-ġeneru online; jitlob li tingħata dejjem aktar attenzjoni lid-diżinformazzjoni tal-ġeneru bis-saħħa tal-ħolqien ta' sistemi ta' twissija bikrija li permezz tagħhom il-kampanji ta' diżinformazzjoni tal-ġeneru jkunu jistgħu jiġu rrapportati u identifikati;

    37.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq strateġija ġenerali dwar il-litteriżmu fil-media u fl-informazzjoni, b'enfasi speċjali fuq il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni;

    38.

    Jilqa' pożittivament il-ħolqien ta' grupp ta' esperti dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali permezz tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, li se jikkonċentra fuq il-ħsieb kritiku, it-taħriġ għall-għalliema, l-isforzi maħsuba biex jilqgħu mill-bidu u jikkonfutaw id-diżinformazzjoni u għall-verifika tal-fatti, kif ukoll fuq l-involviment tal-istudenti, fost kompiti oħra; jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi r-riżultati tal-ħidma ta' dan il-grupp ta' esperti u timplimenta l-konklużjonijiet tiegħu;

    39.

    Jissottolinja l-importanza tal-komunikazzjoni strateġika biex jiġu miġġielda l-aktar narrattivi komuni kontra d-demokrazija; jitlob titjib fil-komunikazzjoni strateġika tal-UE biex jiżdied il-kuntatt tagħha kemm maċ-ċittadini kif ukoll esternament; jisħaq li l-organizzazzjonijiet demokratiċi kollha jeħtieġ li jiddefendu d-demokrazija u jsostnu l-istat tad-dritt u għandhom responsabbiltà komuni li jinteraġixxu maċ-ċittadini, bl-użu tal-lingwi u tal-pjattaformi li jippreferu huma;

    40.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kampanji ta' komunikazzjoni pubblika effikaċi fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19, bil-għan li tinxtered informazzjoni preċiża u fil-ħin biex tikkontrobilanċja l-miżinformazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-vaċċini;

    41.

    Jinsab imħasseb immens bit-tixrid ta' propaganda minn Stati barranin, li toriġina l-aktar minn Moska u Beijing, u anki minn Ankara, li tiġi tradotta bil-lingwi lokali, pereżempju permezz ta' kontenut medjatiku ffinanzjat minn RT, Sputnik, Anadolu, CCTV, Global Times-, Xinhua-, TRT World jew mill-Partit Komunista Ċiniż u taparsi huwa ġurnaliżmu, u distribwit mal-gazzetti; isostni li tali kanali ma jistgħux jitqiesu media reali u għalhekk ma għandhomx igawdu mill-istess drittijiet u protezzjoni bħall-media demokratika; jinsab imħasseb bl-istess mod dwar kif dawn in-narrattivi nfirxu għal prodotti ġurnalistiċi awtentiċi; jissottolinja l-bżonn li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-kampanji ta' diżinformazzjoni tar-Russja u taċ-Ċina, li t-tir tagħhom huwa li jqajmu dubji dwar il-valuri demokratiċi u jifirdu lill-UE, inkwantu dawn jikkostitwixxu s-sors ewlieni ta' diżinformazzjoni fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal studju dwar l-istandards minimi għall-media bħala bażi li fuqha tirrevoka possibbilment il-liċenzji f'każ ta' ksur; jitlob lill-Kummissjoni tintegra l-konklużjonijiet tal-istudju fil-leġiżlazzjoni imminenti, bħal f'liġi possibbli dwar il-libertà tal-istampa; josserva li l-atturi tal-indħil barrani jistgħu jippreżentaw ruħhom b'mod falz bħala ġurnalisti; jemmen li, f'każijiet bħal dawn, għandu jkun possibbli li tali persuna jew organizzazzjoni tiġi sanzjonata billi, pereżempju, l-ismijiet ta' dawk responsabbli jissemmew espliċitament, jiġu esklużi mill-konferenzi stampa jew ikunilhom revokat l-akkreditament;

    42.

    Jinsab imħasseb immens bl-attakki, il-fastidju, il-vjolenza u t-theddid fil-konfront tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-persuni l-oħra li jikxfu l-indħil barrani, fatt li jista' wkoll jikkomprometti l-indipendenza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr proposti konkreti u ambizzjużi dwar is-sikurezza ta' dawn il-persuni kollha, inkluż strument anti-SLAPP (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika), kif ukoll appoġġ ekonomiku, legali u diplomatiku, kif tħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1534 tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta' professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea (14); jitlob lill-Istati Membri jipproteġu b'mod effikaċi lill-ġurnalisti u lill-professjonisti tal-media permezz ta' strumenti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi;

    43.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti d-deċiżuri fil-livell lokali u reġjonali responsabbli għal deċiżjonijiet strateġiċi fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, bħall-infrastrutturi, iċ-ċibersigurtà, il-kultura u l-edukazzjoni; jissottolinja li l-politiċi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali spiss ikunu jistgħu jidentifikaw l-iżviluppi ta' tħassib fi stadju bikri u jisħaq li spiss ikun meħtieġ għarfien lokali biex jiġu identifikati u implimentati kontromiżuri adegwati;

    44.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu kanali ta' komunikazzjoni u joħolqu pjattaformi li fuqhom il-kumpaniji, l-NGOs u l-persuni, fosthom membri tad-dijaspori, ikunu jistgħu jirrapportaw każijiet li fihom jisfaw vittmi ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni jew indħil; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw lil dawk li jisfaw vittmi ta' attakki u dawk li jafu b'tali attakki jew li jkunu sottoposti għal pressjoni;

    Indħil barrani permezz ta' pjattaformi online

    45.

    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieżami propost tal-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni u l-proposti għal Att dwar is-Servizzi Diġitali, Att dwar is-Swieq Diġitali u miżuri oħra marbuta mal-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, bħala strumenti potenzjalment effikaċi biex jindirizzaw l-indħil barrani; jirrakkomanda li l-qari finali ta' dawn it-testi jqis l-aspetti stabbiliti fil-bqija ta' din it-taqsima;

    46.

    Jisħaq li l-libertà tal-espressjoni ma tridx tiġi interpretata ħażin bħala l-libertà li wieħed iwettaq attivitajiet online li huma illegali offline, bħall-fastidju, id-diskors ta' mibegħda, id-diskriminazzjoni razzjali, it-terroriżmu, il-vjolenza, l-ispjunaġġ u t-theddid; jissottolinja li l-pjattaformi jeħtieġ li mhux biss jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż li fih joperaw, iżda wkoll jissodisfaw it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-kontenut ta' ħsara online; jistieden lill-pjattaformi jsaħħu l-isforzi biex jipprevjenu li jerġa' jidher il-kontenut illegali li jkun identiku għal dak li jkun ġie identifikat bħala illegali u jkun tneħħa;

    47.

    Jissottolinja l-bżonn, fuq kollox, li jitkompla l-istudju dwar iż-żieda fid-diżinformazzjoni u fl-indħil barrani online u li l-leġiżlazzjoni fuq skala tal-UE tiżgura iżjed trasparenza, monitoraġġ u obbligu ta' rendikont b'mod konkret u sinifikattiv fir-rigward tal-operazzjonijiet imwettqa mill-pjattaformi online u tal-aċċess għad-data għal min, leġittimament, ifittex l-aċċess, partikolarment f'dawk li huma algoritmi u reklamar online; jitlob lill-kumpaniji tal-media soċjali jżommu l-libreriji tar-reklami;

    48.

    Jitlob l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni u azzjonijiet li jobbligaw lill-pjattaformi, speċjalment dawk b'riskju sistemiku għas-soċjetà, jagħmlu l-parti tagħhom biex inaqqsu l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil, pereżempju billi jużaw indikazzjonijiet li juru l-awturi reali wara l-accounts, jillimitaw l-accounts użati regolarment biex ixerrdu d-diżinformazzjoni jew li jiksru ripetutament it-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaforma, jissospendu, u jekk neċessarju u abbażi ta' leġiżlazzjoni ċara, iħassru l-accounts mhux awtentiċi użati għal kampanji ta' ndħil ikkoordinati jew jiddemonetizzaw is-siti li jxerrdu d-diżinformazzjoni, jistabbilixxu miżuri ta' mitigazzjoni għar-riskji ta' ndħil maħluqa mill-effetti tal-algoritmi, mill-mudelli ta' reklamar, mis-sistemi ta' rakkomandazzjoni u mit-teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali tagħhom, u jissenjalaw il-kontenut ta' diżinformazzjoni kemm fil-posts kif ukoll fil-kummenti; ifakkar fil-bżonn li dawn il-miżuri jiġu implimentati b'mod trasparenti u responsabbli;

    49.

    Jistieden lill-Kummissjoni tqis totalment in-nota ta' gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-aħjar prattiki għal oqfsa ġuridiċi u proċedurali effikaċi għall-mekkaniżmi ta' awtoregolamentazzjoni u ta' koregolamentazzjoni tal-moderazzjoni tal-kontenut, adottat f'Ġunju 2021;

    50.

    Jitlob implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (15), li jillimita l-kwantità ta' data dwar l-utenti li l-pjattaformi jistgħu jaħżnu u għal kemm żmien tali data tista' tintuża, speċjalment għall-pjattaformi u għall-applikazzjonijiet li jużaw data privata u/jew sensittiva ħafna, bħall-messaġġerija, is-saħħa, il-finanzi, l-applikazzjonijiet ta' dating u l-gruppi ta' diskussjoni ż-żgħar; jistieden lill-pjattaformi li jagħmluha ta' gwardjani jastjenu milli jabbinaw id-data personali mad-data personali minn servizzi oħra offruti mill-gwardjan jew mad-data personali li ġejja mis-servizzi ta' partijiet terzi, jaġevolaw b'mod indaqs il-kunsens jew iċ-ċaħda fir-rigward tal-ħżin u tal-kondiviżjoni tad-data u jippermettu lill-utenti jagħżlu jekk ikunux id-destinatarji ta' reklamar personalizzat online ieħor; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kollha biex jipprojbixxu t-tekniki ta' mikroimmirar għal skopijiet ta' reklamar politiku, b'mod partikolari iżda mhux limitat għal dawk ibbażati fuq data personali sensittiva, għall-oriġini etnika, it-twemmin reliġjuż jew l-orjentament sesswali, u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra testendi projbizzjoni fuq il-mikroimmirar għar-reklamar tematiku;

    51.

    Jitlob li jkun hemm regoli vinkolanti tal-UE li jobbligaw lill-pjattaformi jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti biex jittestjaw regolarment is-sistemi tagħhom u jidentifikaw, jivvalutaw u jimmitigaw ir-riskju ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni, indħil u vulnerabbiltajiet li huma involuti fl-użu tas-servizzi tagħhom, inkluż il-mod kif id-disinn u l-ġestjoni tas-servizzi tagħhom jikkontribwixxu għal tali riskju; jitlob li jkun hemm regoli vinkolanti tal-UE li jobbligaw lill-pjattaformi joħolqu sistemi ta' monitoraġġ tal-mod kif is-servizzi tagħhom jintużaw, pereżempju l-monitoraġġ f'ħin reali tal-posts l-aktar popolari u tal-mument f'rassenja għal kull pajjiż, sabiex jinqabdu l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil u jiġi ssenjalat l-indħil suspett lill-awtoritajiet kompetenti, u jiżdiedu l-kostijiet għall-atturi li jippermettu li tingħalaq għajn waħda għal azzjonijiet bħal dawn iffaċilitati mis-sistemi tagħhom;

    52.

    Jitlob lill-pjattaformi online jimpenjaw riżorsi adegwati għall-prevenzjoni tal-indħil barrani dannuż, kif ukoll għall-garanzija ta' kundizzjonijiet ta' xogħol aħjar, assistenza psikoloġika u ħlas ġust għall-moderaturi tal-kontenut; jitlob lill-pjattaformi tal-media soċjali l-kbar ifornu rapporti għal kull pajjiż dwar ir-riżorsi ddedikati għall-attivitajiet nazzjonali ta' verifika tal-fatti jew ta' riċerka, għall-moderazzjoni tal-kontenut, inklużi l-kapaċitajiet umani u tal-intelliġenza artifiċjali bil-lingwi individwali, u għall-kollaborazzjoni mas-soċjetà ċivili lokali; jissottolinja l-bżonn li dawn il-pjattaformi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni fi swieq iżgħar u li jirrendu inqas mil-lat kummerċjali fl-UE;

    53.

    Jistieden lill-pjattaformi tal-media soċjali jirrispettaw b'mod sħiħ l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha tal-UE, indipendentement mil-lingwa użata fid-disinn tas-servizzi, tal-istrumenti u tal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tagħhom, kif ukoll fil-miżuri maħsuba għal aktar trasparenza u ambjent online aktar sikur; jisħaq fuq il-fatt li dan jirreferi mhux biss għal-lingwi uffiċjali, nazzjonali u reġjonali kollha, iżda wkoll għal-lingwi tad-dijaspori mdaqqsin fi ħdan l-UE; jissottolinja li dawn is-servizzi għandhom ukoll ikunu aċċessibbli għall-persuni b'insuffiċjenza fis-smigħ;

    54.

    Jitlob li jkun hemm indikazzjonijiet ċari u leġġibbli tad-deepfakes (vidjos realistiċi imma foloz), kemm għall-utenti tal-pjattaformi kif ukoll fil-metadata tal-kontenut, bil-għan li titjieb it-traċċabbiltà tagħhom għar-riċerkaturi u għall-verifikaturi tal-fatti; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-inizjattivi mmirati biex itejbu l-awtentiċità u t-traċċabbiltà tal-kontenut, bħall-iżvilupp ta' marki tal-ilma u standards ta' awtentiċità, u l-introduzzjoni ta' standards globali;

    55.

    Jitlob ir-regolamentazzjoni tas-servizzi li joffru strumenti u servizzi ta' manipulazzjoni tal-media soċjali, pereżempju l-azzjonijiet maħsuba biex iżidu l-firxa tal-accounts jew tal-kontenut bl-użu ta' involviment artifiċjali jew profili mhux awtentiċi; jissottolinja li din ir-regolamentazzjoni teħtieġ tkun ibbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-prattiki attwali u tar-riskji assoċjati u għandha timpedixxi lil dawn is-servizzi milli jintużaw minn atturi b'intenzjonijiet ħżiena għal skopijiet ta' ndħil politiku;

    56.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' trasparenza fir-rigward tal-persuna fiżika jew ġuridika reali wara l-kontenut u l-accounts online għal dawk li jixtiequ jirreklamaw; jistieden lill-pjattaformi jintroduċu mekkaniżmi biex jiġu identifikati u sospiżi, b'mod partikolari, l-accounts mhux awtentiċi marbuta ma' operazzjonijiet ikkoordinati ta' influwenza; jissottolinja li dawn il-prattiki ma għandhomx jindaħlu fil-kapaċità li dak li jkun jidher anonimu online, fatt li huwa ta' importanza kruċjali fil-protezzjoni tal-ġurnalisti, tal-attivisti, tal-komunitajiet emarġinati u tal-persuni f'pożizzjonijiet vulnerabbli (eż. l-informaturi ta' irregolaritajiet, id-dissidenti u l-oppożituri politiċi ta' reġimi awtokratiċi), u għandhom jagħtu spazju għal accounts ta' satira u umoriżmu;

    57.

    Jissottolinja li responsabbiltà akbar biex jitneħħa l-kontenut ma tridx twassal għat-tneħħija arbitrarja ta' kontenut legali; iħeġġeġ kawtela fir-rigward tas-sospensjoni għalkollox tal-accounts ta' individwi reali jew tal-użu tal-massa ta' filtri awtomatiċi; josserva bi tħassib id-deċiżjonijiet arbitrarji tal-pjattaformi li jissopprimu l-accounts tal-uffiċjali eletti; jisħaq fuq il-fatt li tali accounts għandhom jitħassru biss abbażi ta' leġiżlazzjoni ċara bbażata fuq valuri demokratiċi, li jissarrfu fil-politika tal-impriża u infurzata bis-saħħa ta' superviżjoni demokratika indipendenti, u li jrid ikun hemm proċess totalment trasparenti li jinkludi d-dritt ta' appell;

    58.

    Jitlob li jkun hemm regoli vinkolanti li jobbligaw lill-pjattaformi joħolqu kanali ta' komunikazzjoni faċilment disponibbli u effikaċi għall-persuni jew għall-organizzazzjoni li jridu jirrapportaw kontenut illegali, ksur tat-termini u l-kundizzjonijiet, diżinformazzjoni jew indħil barrani jew manipulazzjoni, meta jkun il-każ, u dawk akkużati jkunu jistgħu jirrispondu qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni ristrettiva, u t-twaqqif ta' proċeduri ta' rinviju u appell li jkunu imparzjali, trasparenti, rapidi u aċċessibbli għall-vittmi ta' kontenut imtella' online, għal dawk li jirrapportaw il-kontenut u għall-persuni jew għall-organizzazzjonijiet milquta mid-deċiżjoni li jiġu indikati l-accounts, tal-limitazzjoni tal-viżibbiltà tagħhom, tad-diżabilitazzjoni tal-aċċess għalihom, tas-sospensjoni tagħhom jew tal-limitazzjoni tal-aċċess għar-rikavat mir-reklami; jirrakkomanda li l-pjattaformi tal-media soċjali jaħtru punt ta' kuntatt speċifiku għal kull Stat Membru u jiffurmaw task forces għal kull elezzjoni importanti f'kull Stat Membru;

    59.

    Jitlob li jkun hemm regoli leġiżlattivi biex jiżguraw it-trasparenza fil-konfront tal-utenti u tal-pubbliku ġenerali, pereżempju billi jobbligaw lill-pjattaformi joħolqu arkivji pubbliċi faċilment konsultabbli ta' reklami online, inkluż min huma d-destinatarji fil-mira u min ħallas għalihom kif ukoll min immodera u ħassar il-kontenut, jistabbilixxu miżuri awtoregolatorji u jagħtu aċċess komprensiv sinifikattiv għall-informazzjoni dwar l-elaborazzjoni, l-użu u l-impatt tal-algoritmi lill-awtoritajiet kompetenti, riċerkaturi approvati affiljati ma' istituzzjonijiet akkademiċi, mal-media, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jirrappreżentaw l-interess pubbliku; jemmen li l-metrika ta' dawn il-libreriji għandha tkun armonizzata biex tippermetti analiżi bejn il-pjattaformi u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-pjattaformi;

    60.

    Jitlob li jintemmu l-mudelli kummerċjali li jissejsu fuq il-fatt li jinkoraġġixxu lill-persuni jibqgħu għal żmien itwal fuq il-pjattaformi billi jingħataw kontenut li jinvolvihom; jistieden lid-deċiżuri leġiżlattivi u lill-pjattaformi jiżguraw, permezz tal-użu ta' moderaturi umani u awditur terz, li l-algoritmu ma jippromwovux kontenut illegali, estremist, diskriminatorju jew radikalizzanti, iżda pjuttost joffru lill-utenti pluralità ta' perspettivi u jagħtu prijorità u jippromwovu fatti u kontenut b'bażi xjentifika, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet soċjali importanti bħal dik tas-saħħa pubblika u tat-tibdil fil-klima; iqis li s-sistemi ta' klassifikazzjoni bbażati fuq l-involviment u d-dipendenza joħolqu theddida sistemika għas-soċjetà tagħna; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni attwali tal-inċentivi għall-prezzijiet meta r-reklami mmirati ħafna b'kontenut kontroversjali spiss għandhom prezzijiet ferm irħas għall-istess kwantità ta' viżwalizzazzjonijiet meta mqabbla mar-reklami inqas immirati b'kontenut soċjalment integrattiv;

    61.

    Jitlob li l-algoritmi jiġu mmodifikati sabiex tieqaf il-promozzjoni ta' kontenut li joriġina minn accounts mhux awtentiċi u minn kanali li jistimulaw artifiċjalment it-tixrid tal-manipulazzjoni barranija dannuża tal-informazzjoni; jitlob li l-algoritmi jkunu modifikati biex ma jagħtux spinta lill-kontenut kontroversjali u li jqanqal rabja; jisħaq fuq il-bżonn li l-UE tistabbilixxi miżuri biex tobbliga permezz ta' leġiżlazzjoni, lill-kumpaniji tal-media soċjali jimpedixxu kemm jista' jkun possibbli l-amplifikazzjoni tad-diżinformazzjoni ladarba tinqabad, u li għandu jkun hemm konsegwenzi għall-pjattaformi jekk ma jirrispettaw l-obbligu li jħassru d-diżinformazzjoni;

    62.

    Jisħaq fuq il-bżonn li titjieb il-fażi tat-testijiet u jsir rieżami sistematiku tal-konsegwenzi tal-algoritmi, anki kif isawru d-dibattitu pubbliku u jinfluwenzaw l-eżiti politiċi u b'liema mod tingħata prijorità lill-kontenut; jissottolinja li tali rieżami għandu jeżamina wkoll jekk il-pjattaformi jistgħux jissodisfaw il-garanziji mwiegħda fit-termini u l-kundizzjonijiet rispettivi tagħhom u jekk għandhomx stabbiliti biżżejjed salvagwardji biex jimpedixxu mġiba mhux awtentika kkoordinata fuq skala kbira milli timmanipula l-kontenut li jidher fuq il-pjattaformi tagħhom;

    63.

    Jinsab allarmat bil-medja ta' EUR 65 miljun f'rikavat mir-reklami li jgelgel kull sena lejn l-1 400 sit web ta' diżinformazzjoni, bejn wieħed u ieħor, li jimmiraw lejn iċ-ċittadini tal-UE (16); jissottolinja li r-reklami online, kultant anki tal-istituzzjonijiet pubbliċi, jispiċċaw fuq siti web malizzjużi li jippromwovu d-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni mingħajr ma dawk li jirreklamaw ikunu taw il-kunsens tagħhom jew saħansitra mingħajr ma jkunu jafu u li b'hekk jiffinanzjaw tali siti; jinnota li ħames kumpaniji, fosthom Google Ads, iħallsu 97 % ta' dawn ir-rikavat mir-reklmami u huma responsabbli mis-selezzjoni ta' siti web tal-pubblikaturi elenkati fl-inventarju tagħhom, u għalhekk għandhom is-setgħa jiddeterminaw liema kontenut huwa monetizzat u liema mhux; iqis li hu inaċċettabbli li l-algoritmi li jqassmu l-fondi mir-reklami huma kaxxa sewda sħiħa għall-pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni u mil-liġijiet tal-antitrust biex tiżgura suq li jaħdem u tkisser dan il-monopolju; jitlob lil dawn l-atturi jimpedixxu li s-siti web li jxerrdu d-diżinformazzjoni jkunu ffinanzjati mis-servizzi tar-reklami tagħhom; jifraħ lill-organizzazzjonijiet iddedikati għas-sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni; jissottolinja li dawk li jirreklamaw għandu jkollhom id-dritt li jkunu jafu u jiddeċiedu fejn jitqiegħdu r-reklami tagħhom u liema sensar ipproċessa d-data tagħhom; jitlob li jiġi stabbilit proċess ta' medjazzjoni li tippermetti lil dawk li jirreklamaw ikunu rimborżati meta r-reklami jitqiegħdu fuq siti web li jippromwu d-diżinformazzjoni;

    64.

    Jissottolinja li l-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni aġġornat, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-Att dwar is-Swieq Diġitali u miżuri oħra marbuta mal-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea se jirrikjedu mekkaniżmu ta' kontroll, valutazzjoni u sanzjonijiet effikaċi ladarba adottati, sabiex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali u dak tal-UE fuq bażi regolari u jiġu identifikati u rimedjati l-lakuni mingħajr dewmien u sabiex tiġi sanzjonata l-applikazzjoni ħażina tal-impenji kif ukoll in-nuqqas li jiġu applikati; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm f'kull Stat Membru koordinaturi tas-servizzi diġitali b'saħħithom u mgħammra bir-riżorsi, kif ukoll biżżejjed riżorsi biex jippermettu lill-fergħa tal-infurzar tal-Kummissjoni teżegwixxi l-kompiti fdati lilha mill-Att dwar is-Servizzi Diġitali; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiġi żgurat li l-pjattaformi online jkunu suġġetti għal awditjar indipendenti ċċertifikat mill-Kummissjoni; josserva li, biex tkun garantita l-indipendenza tagħhom, l-awdituri ma jistgħux ikunu ffinanzjati mill-pjattaformi individwali;

    65.

    Jitlob, f'dan ir-rigward, li jiġu definiti, permezz tal-koregolamentazzjoni, indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tiġi żgurata l-verifikabbiltà tal-azzjonijiet meħuda mill-pjattaformi kif ukoll tal-effetti tagħhom; jissottolinja li dawn il-KPIs għandhom jinkludu metrika speċifika għall-pajjiż, bħall-pubbliku destinatarju li għalih tkun immirata d-diżinformazzjoni, l-involviment (click-through rate [perċentwal ta' klikkjaturi], eċċ.), il-finanzjament tal-attivitajiet nazzjonali ta' verifika tal-fatti jew ta' riċerka u l-prevalenza u l-forza tar-relazzjonijiet nazzjonali mas-soċjetà ċivili;

    66.

    Jinsab imħasseb ħafna bin-nuqqas ta' trasparenza fir-reviżjoni tal-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni, billi d-diskussjoni baqgħet fil-biċċa l-kbira dominju esklużiv tas-settur privat u tal-Kummissjoni; jiddispjaċih li l-Parlament Ewropew, u b'mod partikolari l-Kumitat Speċjali INGE, u ċerti partijiet ikkonċernati ewlenin oħra ma ġewx ikkonsultati b'mod adegwat matul l-abbozzar tar-reviżjoni tal-Kodiċi ta' Prattika;

    67.

    Jiddeplora n-natura ta' awtoregolamentazzjoni kontinwa tal-Kodiċi ta' Prattika, inkwantu l-awtoregolamentazzjoni mhijiex biżżejjed f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarsien tal-pubbliku mit-tentattivi ta' ndħil u manipulazzjoni; jinsab inkwetat li l-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni aġġornat jaf ma jkunx kapaċi jagħti tweġiba lill-isfidi futuri; huwa mħasseb bid-dipendenza qawwija tal-gwida dwar it-tisħiħ tal-Kodiċi ta' Prattika mill-proposta tal-Kummissjoni relatata mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali; jitlob li tittieħed azzjoni malajr biex jiġi żgurat li l-Kodiċi ta' Prattika jinkorpora impenji vinkolanti għall-pjattaformi biex jiggarantixxu t-tħejjija tal-UE qabel l-elezzjonijiet li jmiss fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

    68.

    Jitlob lill-UE tipproteġi u tinkoraġġixxi d-djalogu fi ħdan il-komunità teknoloġika u l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-imġiba u l-istrateġiji tal-pjattaformi soċjali; iqis li komunità teknoloġika miftuħa biss tista' ssaħħaħ l-opinjoni pubblika kontra l-attakki, il-manipulazzjoni u l-indħil; jitlob li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jitwaqqaf Ċentru tal-Kondiviżjoni u tal-Analiżi tal-Informazzjoni (ISAC) bejn is-settur pubbliku u dak privat fir-rigward tad-diżinformazzjoni, li fih il-membri jitraċċaw, jindikaw u jikkondividu l-informazzjoni dwar it-theddid relatati mal-kontenut ta' diżinformazzjoni u mal-aġenti inkarigati mid-distribuzzjoni, skont klassifikazzjoni tat-theddid; jemmen li dan ikun jista' jinforma lis-Sistema tat-Twissija Rapida tal-UE u lill-Mekkaniżmu tal-G7 u jġib vantaġġi anki lill-atturi iżgħar b'inqas riżorsi; jitlob li jiġi stabbilit standard fil-livell industrijali għas-servizzi tar-reklami u dwar is-servizzi ta' monetizzazzjoni online dwar id-diżinformazzjoni bil-għan li jiġi demonetizzat l-kontenut ta' ħsara li għandu jintuża anki mis-sistemi ta' pagament online u mill-pjattaformi tal-kummerċ elettroniki u awditjat minn partijiet terzi;

    69.

    Jisħaq fuq il-bżonn li l-Kodiċi ikun jista' jagħmilha ta' strument effikaċi sad-dħul fis-seħħ tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali; jemmen li l-Kodiċi għandu jantiċipa wħud mill-obbligi tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u jobbliga lill-firmatarji jimplimentaw għadd ta' dispożizzjonijiet ta' dan l-Att f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għad-data għar-riċerkaturi u għar-regolaturi, u t-trasparenza tar-reklami, inkluża t-trasparenza tal-algoritmi u tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni; iħeġġeġ lill-firmatarji jissottoponu l-konformità tagħhom ma' dawn l-obbligi għal awditjar minn awditur indipendenti u jitlob il-pubblikazzjoni ta' dawn ir-rapporti ta' awditjar;

    70.

    Jiddeplora n-nuqqas ta' trasparenza fl-ambitu tal-proċess ta' monitoraġġ tal-konformità mal-Kodiċi, kif ukoll l-għażla taż-żmien meta saret ir-reviżjoni tal-Kodiċi, li se titlesta qabel il-konklużjoni tal-Kumitat Speċjali INGE; josserva li, tal-inqas, l-aġendi tal-laqgħat, in-noti konklużivi u l-listi ta' attendenza għandhom isiru disponibbli pubblikament; iħeġġeġ lill-firmatarji jagħtu xhieda fil-Parlament dwar l-impenji tagħhom relatati mal-Kodiċi u dwar il-mod kif implimentaw u se jimplimentaw tali impenji;

    71.

    Jemmen li r-regolaturi tal-media indipendenti, bħall-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, jistgħu jkollhom rwol kruċjali x'jiżvolġu fil-monitoraġġ u fl-infurzar tal-Kodiċi;

    72.

    Jilqa' favorevolment il-proposta biex titwaqqaf task force stabbilita fil-gwida dwar it-tisħiħ tal-Kodiċi tal-Kummissjoni; jinsisti li l-Kummissjoni tistieden lir-rappreżentanti tal-Parlament, lir-regolaturi nazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra, fosthom is-soċjetà ċivili u l-komunità tar-riċerka, ikunu parti minn din it-task force;

    Infrastruttura kritika u setturi strateġiċi

    73.

    Iqis li, minħabba n-natura interkonnessa u transfruntiera tagħha, l-infrastruttura kritika qiegħda ssir dejjem aktar vulnerabbli għall-indħil estern u jemmen li l-qafas attwalment stabbilit għandu jiġi rivedut; jilqa' pożittivament, għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ġdida biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi li jipprovdu servizzi essenzjali fl-Unjoni Ewropea;

    74.

    Jirrakkomanda lill-Istati Membri jżommu l-prerogattiva li jidentifikaw l-entitajiet kritiċi, imma dak il-koordinament fil-livell tal-UE huwa neċessarju biex:

    (a)

    jissaħħu l-kanali ta' kollegament u komunikazzjoni użati minn atturi multipli, anki għas-sigurtà kumplessiva tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-UE;

    (b)

    jiġu sostnuti l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri permezz tal-Grupp għar-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi, billi tiġi żgurata parteċipazzjoni diversifikata tal-partijiet ikkonċernati, u b'mod partikolari l-involviment effikaċi tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tat-trade unions;

    (c)

    jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki mhux biss fost l-Istati Membri iżda wkoll fil-livell reġjonali u lokali, inkluż fil-Balkani tal-Punent, u bejn is-sidien u l-operaturi tal-infrastruttura kritika, anki permezz tal-komunikazzjoni interaġenzija, bil-għan li jiġu identifikati fi stadju bikri żviluppi preokkupanti u jitfasslu l-kontromiżuri adegwati;

    (d)

    tiġi implimentata strateġija komuni li tirrispondi għall-attakki ċibernetiċi fuq l-infrastruttura kritika;

    75.

    Jirrakkomanda li l-lista tal-entitajiet kritiċi tista' tiġi estiża biex tinkludi l-infrastruttura elettorali diġitali u s-sistemi edukattivi, minħabba l-importanza kruċjali tagħhom biex jiggarantixxu l-funzjonament u l-istabbiltà fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u li għandha tkun permessa flessibbiltà meta tittieħed deċiżjoni dwar iż-żieda mal-lista ta' setturi strateġiċi ġodda li għandhom jiġu protetti;

    76.

    Jitlob approċċ ġenerali tal-UE biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' theddid ibridu għall-proċessi elettorali u jittejbu l-koordinament u l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod kritiku d-dipendenza mill-pjattaformi u mill-infrastruttura tad-data fil-kuntest tal-elezzjonijiet; jemmen li hemm nuqqas ta' superviżjoni demokratika fuq is-settur privat; jitlob li jkun hemm aktar superviżjoni demokratika fuq il-pjattaformi, inkluż aċċess xieraq għad-data u għall-algoritmi għall-awtoritajiet kompetenti;

    77.

    Jirrakkomanda li l-obbligi li jirriżultaw mill-proposta għal direttiva, inklużi l-valutazzjonijiet tat-theddid, tar-riskji u tal-vulnerabbiltajiet għal kull pajjiż u fil-livell tal-UE, għandhom jirriflettu l-aktar żviluppi reċenti u jitwettqu miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka f'kollaborazzjoni mal-INTCEN tas-SEAE; jissottolinja l-bżonn ta' biżżejjed riżorsi biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu joffru l-analiżi l-aktar avvanzata u l-aktar reċenti, b'superviżjoni demokratika soda, li ma għandhiex tipprekludi evalwazzjoni minn qabel min-naħa tal-FRA biex jiġi garantit ir-rispett tad-drittijiet fundamentali;

    78.

    Jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jipprovdu alternattivi ta' finanzjament lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kandidati għall-adeżjoni mal-UE u lill-pajjiżi kandidati potenzjali l-oħra, fejn l-investimenti diretti barranin intużaw mill-pajjiżi terzi bħala strument ġeopolitiku biex iżidu l-influwenza tagħhom f'tali pajjiżi, biex jimpedixxu li partijiet kbar tal-infrastruttura kritika tal-pajjiżi kandidati u tal-UE jispiċċaw f'idejn il-pajjiżi u l-kumpaniji barra l-UE, kif ġara fil-każ tal-port tal-Pirew fil-Greċja u kif qiegħed jiġri bl-investimenti Ċiniżi fit-tqegħid ta' kejbils sottomarini fil-Baħar Baltiku, fil-Mediterran u fil-Baħar Artiku; jilqa' favorevolment, għalhekk, ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani bħala strument importanti għall-koordinament tal-azzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-investimenti barranin, u jitlob li jitfassal qafas regolatorju aktar rigoruż, u infurzar aktar strinġenti tal-qafas, bil-għan li jiġu żgurati l-imblokk tal-investimenti diretti barranin b'effetti negattivi fuq is-sigurtà tal-UE, kif speċifikat fir-regolament, u aktar trasferiment ta' kompetenzi lill-istituzzjonijiet Ewropej fl-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin; jitlob l-abolizzjoni tal-prinċipju tal-offerta l-aktar baxxa fid-deċiżjonijiet ta' investiment tal-gvernijiet; jistieden lill-Istati Membri kollha mingħajr mekkaniżmi ta' skrinjar tal-investimenti jistabbilixxu miżuri bħal dawn; jemmen li l-qafas għandu jkun kollegat aħjar ma' analiżijiet indipendenti ta' istituti nazzjonali u tal-UE jew ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, pereżempju gruppi ta' riflessjoni, biex jiġu mmappjati u valutati l-flussi tal-investiment dirett barrani; iqis li jista' jkun opportun ukoll li jiġu inklużi setturi strateġiċi oħra fil-qafas, bħall-5G u teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) oħra, sabiex tiġi limitata d-dipendenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha mill-fornituri ta' riskju għoli; jissottolinja li dan l-approċċ għandu japplika b'mod indaqs għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi kandidati potenzjali;

    79.

    Jemmen li l-UE quddiemha għandha aktar sfidi minħabba n-nuqqas ta' investimenti tagħha fl-imgħoddi, fatt li kkontribwixxa għad-dipendenza tagħha minn fornituri barranin ta' teknoloġija; jirrakkomanda li jsiru sikuri l-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista tal-infrastruttura kritika u tal-materjal kritiku fi ħdan l-UE; jemmen li t-tranżizzjoni tal-UE lejn awtonomija strateġika miftuħa u sovranità diġitali hija importanti u hija t-triq it-tajba 'l quddiem; jisħaq li l-UE mistennija tuża strumenti ġodda biex issaħħaħ il-pożizzjoni ġeopolitika tagħha, fosthom strument kontra l-koerċizzjoni; iqis l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep, imħabbar mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-partijiet essenzjali għall-produzzjoni taċ-ċipep jiġu mmanifatturati fl-UE, huwa pass importanti biex tiġi limitata d-dipendenza minn pajjiżi terzi bħaċ-Ċina u l-Istati Uniti; jemmen li l-investimenti fil-produzzjoni taċ-ċipep iridu jsiru b'mod ikkoordinat fil-blokk kollu, ikunu bbażati fuq analiżi tad-domanda, sabiex jevitaw tellieqa għas-sussidji pubbliċi nazzjonali u l-frammentazzjoni tas-suq uniku; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni toħloq fond Ewropew speċifiku għas-semikondutturi, li jkun isostnu l-ħolqien ta' forza tax-xogħol ikkwalifikata li tant hemm bżonnha u jagħmel tajjeb għall-kostijiet ta' stabbiliment ogħla tal-faċilitajiet ta' manifattura u proġettazzjoni fl-UE; iqis lit-Tajwan bħala sieħeb importanti biex tingħata spinta lill-produzzjoni tas-semikondutturi fl-UE;

    80.

    Jitlob żvilupp ulterjuri ta' network Ewropew ta' infrastrutturi tad-data u fornituri ta' servizzi bi standards ta' sigurtà Ewropej, bħal GAIA-X, li huwa pass importanti biex jinħolqu alternattivi validi għall-fornituri ta' servizzi eżistenti u lejn ekonomija diġitali miftuħa, trasparenti u sikura; jissottolinja l-bżonn li l-SMEs jissaħħu u tiġi evitata l-formazzjoni ta' kartelli fis-suq tas-settur tal-clouds; ifakkar li ċ-ċentri tad-data huma infrastrutturi kritiċi; jinsab imħasseb bl-influwenza tal-pajjiżi terzi u tal-kumpaniji tagħhom fuq l-iżvilupp ta' GAIA-X;

    81.

    Jissottolinja li l-integrità, id-disponibbiltà u l-kunfidenzjalità tan-networks pubbliċi ta' komunikazzjoni elettronika, bħas-sinsli tal-internet u l-kejbils ta' komunikazzjoni sottomarini, huma fundamentali għas-sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevjenu s-sabotaġġ u l-ispjunaġġ f'dawn in-networks ta' komunikazzjoni u jippromwovu l-użu ta' standards interoperabbli fil-qasam tar-routing sikur biex jiġu żgurati l-integrità u s-sodezza tan-networks u tas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, anki permezz tal-istrateġija Global Gateway reċenti;

    82.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet li jiżguraw provvista sikura, sostenibbli u ekwa ta' materja prima użata għall-produzzjoni ta' komponenti u teknoloġiji kritiċi, inklużi batteriji u tagħmir, 5G u teknoloġiji sussegwenti, u prodotti kimiċi u farmaċewtiċi, filwaqt li tisħaq fuq l-importanza tal-kummerċ dinji, tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema, u tal-ambjent naturali u bis-saħħa tal-infurzar tal-istandards soċjali u tas-sostenibblità internazzjonali fir-rigward tal-użu tar-riżorsi; ifakkar fil-bżonn li jingħata l-finanzjament neċessarju għar-riċerka u l-iżvilupp bil-għan li jinstabu sostituti adegwati f'każ ta' interruzzjoni tal-ktajjen tal-provvista;

    Indħil barrani matul il-proċessi elettorali

    83.

    Jitlob li l-protezzjoni tal-proċess elettorali kollu tiġi definita bħala kwistjoni ta' sigurtà tal-UE u nazzjonali prijoritarja, billi elezzjonijiet liberi u ġusti huma fil-qalba tal-proċess demokratiku; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' risposta għall-indħil biex tiġġieled kontra l-indħil barrani fil-proċessi elettorali li, fost miżuri oħra, għandu jikkonsisti minn kanali ta' komunikazzjoni diretta maċ-ċittadini;

    84.

    Jenfasizza l-bżonn li titrawwem ir-reżiljenza soċjetali kontra d-diżinformazzjoni matul il-proċessi elettorali, anki fis-settur privat u dak akkademiku, u li jiġi adottat approċċ olistiku li fih dan l-indħil għandu jiġi indirizzat fuq bażi kostanti, mill-programmi tal-edukazzjoni skolastika sal-affidabbiltà u l-integrità teknika tal-vot, u permezz ta' miżuri strutturali li jindirizzaw in-natura ibrida tiegħu; jitlob, b'mod partikolari, pjan għat-tħejjija tal-elezzjonijiet Ewropej fl-2024 li jinvolvi strateġija, it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni tal-partiti politiċi Ewropej u tal-persunal tagħhom kif ukoll miżuri ta' sigurtà msaħħa għall-prevenzjoni tal-indħil barrani;

    85.

    Jemmen li l-miżinformazzjoni/diżinformazzjoni permezz tal-media soċjali saru problema dejjem ikbar għall-integrità elettorali; iqis li l-pjattaformi tal-media soċjali għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni u l-funzjonament korrett tal-politiki għall-protezzjoni tal-integrità elettorali; jinsab allarmat bl-iskoperti reċenti skont liema ditti privati jiġu impjegati minn atturi b'intenzjonijiet ħżiena biex jindaħlu fl-elezzjonijiet, jiżirgħu narrattivi foloz u jinkoraġġixxu kospirazzjonijiet virali, l-aktar fuq il-media soċjali; jitlob investigazzjoni fil-fond dwar kif jiġi miġġieled il-fenomenu tad-“diżinformazzjoni kkummissjonata”, li qiegħed isir dejjem aktar sofistikat u komuni f'kull rokna tad-dinja;

    86.

    Jenfasizza l-importanza enormi tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali biex jagħtu l-informazzjoni rilevanti u jifformulaw rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex is-sistema elettorali ssir aktar reżiljenti u biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-indħil barrani fil-proċessi elettorali; jitlob li jitjiebu u jissaħħu l-proċessi elettorali, billi l-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali huma strument fundamentali biex ikun miġġieled l-użu dejjem akbar tal-proċessi elettorali inikwi u mbagħbsa minn reġimi illiberali li jfittxu li jidhru demokratiċi; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-bżonn ta' rivalutazzjoni u aġġornament tal-istrumenti u tal-metodi ta' osservazzjoni elettorali internazzjonali biex jiġu indirizzati t-tendenzi u t-theddid il-ġodda, inkluża l-ġlieda kontra l-osservaturi elettorali foloz, l-iskambju tal-aħjar prattiki mas-sħab tal-istess fehma, u kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Kunsill tal-Ewropa, u l-atturi rilevanti kollha fil-qafas tad-Dikjarazzjoni ta' Prinċipji għall-Osservazzjoni Internazzjonali tal-Elezzjonijiet u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Osservaturi Internazzjonali tal-Elezzjonijiet; jisħaq fuq il-fatt li l-parteċipazzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali mhux awtorizzati tikkomprometti l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-Parlament Ewropew; jilqa' pożittivament u jirrakkomanda l-infurzar sħiħ tal-proċedura ta' “każijiet ta' osservazzjoni elettorali mhux uffiċjali individwali ta' Membri tal-Parlament Ewropew” tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet (adottata fit-13 ta' Diċembru 2018) li tippermetti l-esklużjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew mid-delegazzjonijiet ta' osservazzjoni elettorali uffiċjali għal kemm idum il-mandat;

    Finanzjament bil-moħbi ta' attivitajiet politiċi minn donaturi barranin

    87.

    Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li jeżisti l-bżonn li nifhmu aħjar l-effetti tal-finanzjament bil-moħbi tal-attivitajiet politiċi fuq, pereżempju, it-tendenzi antidemokratiċi fl-Ewropa, il-finanzjamenti barranin tal-attivitajiet politiċi permezz ta' operazzjonijiet bil-moħbi jirrappreżentaw madankollu ksur gravi tal-integrità tal-funzjonament demokratiku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari matul il-perjodi elettorali, u għalhekk jiksru l-prinċipju ta' elezzjonijiet liberi u ġusti; jisħaq għalhekk fuq il-fatt li għandu jitqies illegali fl-Istati Membri kollha l-involviment fi kwalunkwe attività bil-moħbi ffinanzjata minn atturi barranin li t-tir tagħha jkun li tinfluwenza l-proċessi politiċi Ewropej u nazzjonali; josserva, f'dan ir-rigward, li pajjiżi bħall-Awstralja implimentaw liġijiet li jipprojbixxu l-indħil barrani fil-politika;

    88.

    Jikkundanna l-fatt li l-partiti estremisti, populisti u anti-Ewropej u ċerti partiti u persuni oħrajn għandhom rabtiet ma' tentattiv ta' ndħil fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni u huma espliċitament kompliċi f'tali tentattivi u jinsab allarmat bil-fatt li dawn il-partiti jintużaw biex jagħtu vuċi lill-atturi tal-indħil barrani bil-għan li jilleġittimaw il-gvernijiet awtoritarji tagħhom; jitlob informazzjoni kompluta li tiċċara r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn tali partiti u persuni u r-Russja; iqis dawn ir-relazzjonijiet estremament inopportuni u jikkundanna l-kompliċità li, fil-persegwiment tal-objettivi politiċi, tista' tesponi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha għall-attakki minn potenzi barranin;

    89.

    Jistieden lill-Istati Membri jimlew b'mod partikolari dawn il-lakuni li ġejjin meta jarmonizzaw ulterjorment ir-regolamentazzjonijiet nazzjonali u jimponu projbizzjoni fuq id-donazzjonijiet barranin;

    (a)

    kontributi in natura minn atturi barranin lil partiti politiċi, fondazzjonijiet, persuni li jokkupaw karigi politiċi jew uffiċjali eletti, inklużi self finanzjarju minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika bis-sede tagħha barra mill-UE u miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (għajr għall-eletturi Ewropej), donazzjonijiet anonimi ta' valur ogħla minn ċertu soll, u n-nuqqas ta' limiti ta' nfiq għall-kampanji politiċi li jippermetti l-influwenza permezz ta' donazzjonijiet kbar; individwi, atturi jew partiti politiċi li ġielhom offrut u/jew aċċettaw kontribut finanzjarju jew in natura minn attur barrani jeħtiġilhom ikollhom l-obbligu li jirrapportawh lill-awtoritajiet kompetenti u din l-informazzjoni għandha tkun irrapportata, imbagħad, fil-livell tal-UE biex ikun jista' jsir monitoraġġ fuq skala tal-UE;

    (b)

    donaturi prestanome b'ċittadinanza nazzjonali (17): it-trasparenza relatata mad-donaturi fiżiċi u ġuridiċi trid tiġi infurzata permezz ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità min-naħa tad-donaturi biex jattestaw l-istatus tagħhom u l-għoti ta' setgħat ta' infurzar akbar lill-kummissjonijiet elettorali; id-donazzjonijiet minn sorsi interni tal-UE li jaqbżu soll minimu speċifiku għandhom jiġu rreġistrati f'reġistru uffiċjali u tiġi stabbilita rabta ma' persuna fiżika, u għandu jiġi ffissat limitu massimu għad-donazzjonijiet minn persuni privati jew ġuridiċi (u entitajiet sussidjarji) lill-partiti politiċi;

    (c)

    kumpaniji fittizji u sussidjarji nazzjonali ta' kumpaniji omm barranin (18): il-kumpaniji fittizji għandhom jiġu pprojbiti u għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar robusti sabiex tiġi żvelata l-oriġini ta' finanzjament permezz tal-kumpaniji omm; il-finanzjamenti u d-donazzjonijiet lill-partiti politiċi lil hinn minn ċertu soll iridu jiġu rreġistrati f'reġistru pubbliku u ċentrali b'isem u b'indirizz uffiċjali li jkun possibbli li tiġi stabbilita rabta ma' persuna eżistenti, u l-Istati Membri għandhom jiġbru tali informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet fl-Istati Membri jkollhom id-dritt li jinvestigaw l-oriġini tal-finanzjament, jivverifikaw l-informazzjoni mingħand il-kumpaniji sussidjarji nazzjonali u jindirizzaw in-nuqqas ta' data suffiċjenti fir-reġistri nazzjonali, speċjalment f'sitwazzjoni li fihom tintuża xibka ta' kumpaniji fittizji;

    (d)

    organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u partijiet terzi (19), ikkoordinati minn atturi barranin u maħluqa bl-għan li jinfluwenzaw il-proċessi elettorali: għandhom jiġu kkunsidrati regoli aktar uniformi u żieda fit-trasparenza fl-UE għall-organizzazzjonijiet li l-għan tagħhom hu li jiffinanzjaw l-attivitajiet politiċi meta jfittxu li jinfluwenzaw direttament il-proċessi elettorali bħall-kampanji elettorali u tar-referenda; tali regoli ma għandhomx jimpedixxu lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u lill-partijiet terzi milli jirċievu finanzjamenti għall-kampanji dwar kwistjonijiet speċifiċi; ir-regoli li jiżguraw it-trasparenza tal-finanzjamenti u tad-donazzjonijiet iridu japplikaw ukoll għall-fondazzjonijiet politiċi;

    (e)

    reklami politiċi online mhumiex suġġetti għar-regoli dwar ir-reklamar fuq it-televiżjoni, ir-radju u l-istampa u normalment mhumiex irregolati fil-livell tal-UE: huwa għalhekk neċessarju li jiġi pprojbit ir-reklamar li jixtru l-atturi li jkunu ġejjin minn barra l-UE u ż-ŻEE u tiġi garantita trasparenza totali tax-xiri tar-reklamar politiku online minn atturi minn ġewwa l-UE; jissottolinja l-bżonn li tiġi garantita trasparenza u responsabbiltà demokratika ferm akbar dwar l-użu tal-algoritmi; jilqa' favorevolment il-fatt li l-Kummissjoni ħabbret proposta leġiżlattiva ġdida dwar it-trasparenza tal-kontenut politiku sponsorizzat, kif propost fl-ambitu tal-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, li għandha l-għan li tipprevjeni mużajk ta' 27 corpus ta' leġiżlazzjoni nazzjonali differenti dwar ir-reklamar politiku online u se tiggarantixxi li l-partiti tal-UE jkunu jistgħu jagħmlu kampanji online qabel l-elezzjonijiet Ewropej filwaqt li tillimita r-riskju ta' ndħil barrani u teżamina liema regoli fost dawk li l-partiti politiċi fi ħdan l-Istati Membri individwali u l-pjattaformi tal-media soċjali prinċipali adottaw volontarjament jistgħu jsiru validi għal kulħadd fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jaġġornaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar ir-reklamar politiku, li ma żammewx il-pass mal-evoluzzjoni kostanti lejn il-mezz diġitali bħala modalità primarja ta' komunikazzjoni politika; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mod kif tiddefinixxi demokratikament ir-reklamar politiku bbażat fuq kwistjonijiet speċifiċi biex ittemm sitwazzjoni li fiha l-pjattaformi privati bi skop ta' qligħ jiddeċiedu x'inhu bbażat fuq kwistjonijiet speċifiċi u x'mhuwiex;

    (f)

    għandu jiġi implimentat il-monitoraġġ tal-infiq elettorali permezz ta' awdituri indipendenti u l-informazzjoni dwar l-infiq u d-donazzjonijiet għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-awdituri indipendenti b'mod puntwali, filwaqt li jiġu mitigati r-riskji bħall-kunflitt ta' interessi u l-attivitajiet ta' lobbying fir-rigward tal-finanzjament politiku; fid-definizzjoni ta' divulgazzjoni proattiva u l-istituzjonijiet responsabbli mir-regolamenti finanzjarji għandhom ikollhom mandat ċar, u l-kapaċità, ir-riżorsi u is-setgħa ġuridika li jwettqu investigazzjonijiet u jagħmlu rinviju tal-każijiet għall-prosekuzzjoni;

    90.

    jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tagħmel analiżi tal-finanzjamenti bil-moħbi fl-UE u tippreżenta proposti konkreti li għandhom l-għan li jimlew il-lakuni kollha li jagħtu lok għal metodi ta' finanzjament opak tal-partiti politiċi, tal-fondazzjonijiet jew tal-uffiċjali eletti minn sorsi ta' pajjiżi terzi u tipproponi standards komuni fil-livell tal-UE li jkunu japplikaw għal-liġijiet elettorali nazzjonali fl-Istati Membri kollha; jemmen li l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jintroduċu rekwiżiti ċari f'dik li hi trasparenza fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi kif ukoll projbizzjoni fuq id-donazzjonijiet lill-partiti politiċi u lill-atturi politiċi individwali minn barra l-UE u ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni għall-eletturi Ewropej li jgħixu barra mill-UE u miż-ŻEE, u jistabbilixxu strateġija ċara fir-rigward tar-reġim ta' sanzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu awtorità tal-UE għall-kontrolli finanzjarji għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-prattiki finanzjarji illeċiti u l-indħil tar-Russja u ta' reġimi awtoritarji oħrajn; jissottolinja l-bżonn li jiġu pprojbiti d-donazzjonijiet jew il-finanzjamenti li jużaw teknoloġiji emerġenti kkaratterizzati minn traċċabbiltà estremament diffiċli; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jallokaw aktar riżorsi u jafdaw mandati aktar b'saħħithom lill-aġenziji inkarigati mis-sorveljanza bil-ħsieb li tintlaħaq kwalità tad-data aħjar;

    91.

    Jimpenja ruħu li jiżgura li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, il-gruppi ta' riflessjoni, l-istituti u l-NGOs kollha li jirċievu kontribut matul l-attività parlamentari għall-iżvilupp tal-politika tal-UE jew kwalunkwe rwol konsultattiv fil-proċess leġiżlattiv ikunu totalment trasparenti, indipendenti u mingħajr kunflitti ta' interessi f'termini ta' finanzjament u sjieda tagħhom;

    92.

    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej; isostni l-isforzi kollha biex jinkiseb livell ogħla ta' trasparenza fil-finanzjament tal-attivitajiet tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, b'mod partikolari invista tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, inkluża projbizzjoni fuq id-donazzjonijiet kollha li jkunu ġejjin minn barra l-UE u minn sorsi anonimi, bl-eċċezzjoni tad-dijaspora mill-Istati Membri tal-UE, u fuq id-donazzjonijiet li jkunu ġejjin minn barra li ma jistgħux jiġu ddokumentati permezz ta' kuntratt, ftehimiet ta' servizz jew ħlasijiet assoċjati mal-affiljazzjoni ma' partiti politiċi Ewropej, filwaqt li jkunu awtorizzati ħlasijiet ta' sħubija mill-partiti politiċi nazzjonali barra mill-UE u miż-ŻEE lill-partiti politiċi Ewropej; iħeġġeġ lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali jimpenjaw ruħhom li jiġġieldu kontra l-indħil barrani u jikkumbattu t-tixrid tad-diżinformazzjoni billi jiffirmaw karta li jkun fiha impenji speċifiċi f'dan ir-rigward;

    93.

    Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa jkunu jsaħħu l-immunità tas-sistema politika tal-Istati Membri u tal-Unjoni fl-intier tagħha mill-influwenza finanzjarja barranija;

    Ċibersigurtà u reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi

    94.

    Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jżidu malajr l-investimenti fil-kapaċitajiet u fil-kompetenzi ċibernetiċi strateġiċi tal-UE biex jinqabad, jinkixef u jiġi miġġieled l-indħil barrani, bħall-intelliġenza artifiċjali, il-komunikazzjoni sikura u l-infrastrutturi tad-data u tal-cloud, bil-għan li titjieb iċ-ċibersigurtà tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tinvesti aktar ukoll fiż-żieda tal-għarfien diġitali u tal-għarfien espert tekniku tal-UE sabiex tifhem aħjar is-sistemi diġitali użati fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni talloka iżjed riżosi kemm umani kif ukoll materjali u finanzjarji, għall-kapaċitajiet ta' analiżi tat-theddid ċibernetiku, b'mod partikolari l-INTCEN tas-SEAE, u għaċ-ċibersigurtà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-aġenziji tal-UE, b'mod partikolari l-ENISA u l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (CERT-EU), u tal-Istati Membri; jiddispaċih bin-nuqqas ta' kooperazzjoni u armonizzazzjoni fost l-Istati Membri f'dawk li huma materji relatati maċ-ċibersigurtà;

    95.

    Jilqa' pożittivament il-proposti tal-Kummissjoni għal strateġija ġdida dwar iċ-ċibersigurtà u għal direttiva ġdida dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (20) (NIS2); jirrakkomanda li l-eżitu finali tax-xogħol li għaddej fuq il-proposta jimla l-lakuni tad-Direttiva NIS tal-2016, b'mod partikolari billi jqawwi r-rekwiżiti ta' sigurtà, iwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħha, joħloq qafas ta' kooperazzjoni Ewropea u kondiviżjoni tal-informazzjoni, isaħħaħ il-kapaċitajiet ta' ċibersigurtà tal-Istati Membri, jiżviluppa l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, jintroduċi rekwiżiti ta' infurzar aktar severi u jagħmel iċ-ċibersigurtà responsabbiltà tal-ogħla livell tal-ġestjoni tal-entitajiet Ewropej fundamentali għas-soċjetà tagħna; jenfasizza l-importanza li jintlaħaq livell komuni għoli ta' ċibersigurtà fl-Istati Membri kollha sabiex jiġu limitati l-punti dgħajfa fiċ-ċibersigurtà konġunta tal-UE; jissottolinja l-bżonn kruċjali li tiġi żgurata r-reżiljenza tas-sistemi ta' informazzjoni u jilqa' favorevolment, f'dan ir-rigward, in-Network ta' Organizzazzjoni ta' Kollegament f'każ ta' Ċiberkriżijiet (CyCLONe); jinkoraġġixxi l-promozzjoni ulterjuri tal-miżuri tal-OSKE għat-tisħiħ tal-fiduċja għaċ-ċiberspazju;

    96.

    Jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni fid-Direttiva NIS2 li tagħmel valutazzjonijiet ikkoordinati tar-riskji għas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista kritiċi, bl-istess mod bħas-sett ta' għodod tagħha għall-5G, b'tali mod li tqis aħjar ir-riskji assoċjati, pereżempju, mal-użu ta' software u hardware prodotti minn kumpaniji kkontrollati minn Stati barranin; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards globali għas-6G u regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni, konformement mal-valuri demokratiċi; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi skambji bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali dwar l-isfidi, l-aħjar prattiki u s-soluzzjonijiet relatati mal-miżuri tas-sett ta' għodod; jemmen li l-UE għandha tinvesti aktar fil-kapaċitajiet tagħha fil-qasam tat-teknoloġiji tal-5G u ta' wara l-5G sabiex tnaqqas id-dipendenzi minn fornituri barranin;

    97.

    Jisħaq fuq il-fatt li ċ-ċiberkriminalità ma għandhiex konfini u jħeġġeġ lill-UE tintensifika l-isforzi internazzjonali tagħha biex tiġġilidha b'mod effikaċi; jirrimarka li l-UE għandha tieħu rwol ta' tmexxija fl-iżvilupp ta' trattat internazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà li jistabbilixxi normi internazzjonali fil-qasam taċ-ċibersigurtà biex jiġġieled kontra ċ-ċiberkriminalità;

    98.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-UE, in-NATO u sħab internazzjonali tal-istess fehma joffru aktar assistenza fiċ-ċibersigurtà lill-Ukrajna; jilqa' l-użu inizjali tal-esperti tat-Tim ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku ffinanzjat mill-PESCO u jitlob li jsir użu sħiħ mir-reġim ta' sanzjonijiet ċibernetiċi tal-UE kontra l-individwi, l-entitajiet u l-korpi responsabbli minn jew involuti fid-diversi attakki ċibernetiċi mmirati lejn l-Ukrajna;

    99.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien li tħabbar tal-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika li jkun jikkomplementa Politika Ewropea ta' Difiża Ċibernetika, peress li l-qasam ċibernetiku u d-difiża huma relatati mill-qrib ma' xulxin; jitlob aktar investimenti fil-kapaċitajiet u fil-koordinament taċ-ċiberdifiża Ewropea; jirrakkomanda li jitrawwem it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċibernetiċi ta' sħabna permezz tal-missjonijiet ta' taħriġ u tal-missjonijiet ċibernetiċi ċivili tal-UE; jisottolinja l-bżonn ta' armonizzazzjoni u ta' standardizzazzjoni tat-taħriġ relatat mal-qasam ċibernetiku u jitlob li jkun hemm finanzjamenti strutturali tal-UE f'dan is-settur;

    100.

    Jikkundanna l-użu enormi u illeċitu tas-software ta' sorveljanza Pegasus tal-NSO Group min-naħa ta' entitajiet statali, bħall-Marokk, l-Arabja Sawdija, l-Ungerija, il-Polonja, il-Bahrain, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Ażerbajġan, fil-konfront tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-politiċi; ifakkar li Pegasus huwa biss wieħed mill-ħafna eżempji ta' programm abbużat minn entitajiet statali għal skopijiet ta' sorveljanza illeċita tal-massa fil-konfront ta' ċittadini innoċenti; jikkundanna wkoll l-operazzjonijiet ta' spjunaġġ statali l-oħra mmirati kontra l-politiċi Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal lista ta' software ta' sorveljanza illeċitu u taġġorna kontinwament din il-lista; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jużaw din il-lista biex jiżguraw li ssir diliġenza dovuta sħiħa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u kontroll idoneu tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġiji ta' sorveljanza u assistenza teknika Ewropej u tal-importazzjonijiet lejn l-Istati Membri li joħolqu riskju ċar għall-istat tad-dritt; jitlob, barra minn hekk, li jiġi stabbilit Citizen Lab tal-UE, simili għal dak stabbilit fil-Kanada, li jiġbor fih ġurnalisti, esperti tad-drittijiet tal-bniedem u esperti fil-qasam tal-inġinerija inversa ta' malware, li jkun jaħdem biex jiskopri u jikxef l-użu illegali ta' software għal skopijiet ta' sorveljanza illeċita;

    101.

    Jistieden lill-UE tadotta qafas regolatorju robust f'dan il-qasam, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Bureau of Industry and Security (Uffiċċju għall-Industrija u s-Sigurtà) tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li ddaħħal l-NSO Group Technologies f'lista sewda, b'hekk il-kumpanija tkun ipprojbita milli tirċievi teknoloġiji Amerikani;

    102.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-UE qiegħda tikkoopera fuq kwistjonijiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi ma' pajjiżi terzi li kienu involuti mal-NSO Group u li użaw l-ispyware Pegasus biex jispijaw iċ-ċittadini tal-UE; jitlob li jiżdiedu l-garanziji u jissaħħaħ l-iskrutinju demokratiku fuq tali kooperazzjoni;

    103.

    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-investimenti tal-UE fl-NSO Group Technologies u tadotta miżuri mmirati fil-konfront tal-Istati barranin li jużaw software biex jispijaw fuq ċittadini tal-UE jew fuq persuni li jgawdu mill-istatus ta' rifuġjati fil-pajjiżi tal-UE;

    104.

    Jinsab imħasseb li l-ġurnalisti u l-attivisti tad-demokrazija jistgħu jkunu suġġetti għal sorveljanza illegali u fastidju mir-reġimi awtoritarji li minnhom ippruvaw jaħarbu, anke fit-territorju tal-UE, u jqis li dan jirrappreżenta ksur gravi tal-valuri fundamentali tal-Unjoni u tad-drittijiet fundamentali tal-individwi, kif previsti fil-Karta, fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' appoġġ legali fornut lill-vittmi ta' dan is-software ta' spjunaġġ;

    105.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn urġenti li jissaħħaħ il-qafas leġiżlattiv sabiex dawk li jqassmu, jużaw u jabbużaw minn tali software għal skopijiet illeċiti u mhux awtorizzati jinżammu responsabbli; jirreferi, b'mod partikolari, għas-sanzjonijiet imposti fil-21 ta' Ġunju 2021 fil-konfront ta' Alexander Shatrov, l-uffiċjal kap eżekuttiv ta' kumpanija tal-Belarussja li tipproduċi software ta' rikonoxximent tal-wiċċ użat minn reġim awtoritarju, pereżempju biex jiġu identifikati d-dimostranti tal-oppożizzjoni politika; jistieden lill-Kummissjoni timpedixxi kwalunkwe użu jew finanzjament fl-UE ta' teknoloġiji ta' sorveljanza illegali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiddjalogaw mal-gvernijiet tal-pajjiżi terzi biex itemmu l-prattiki u l-leġiżlazzjoni repressivi fil-qasam taċ-ċibersigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, f'ambitu ta' skrutinju demokratiku msaħħaħ; jitlob li l-awtoritajiet kompetenti tal-UE jagħmlu investigazzjoni dwar l-użu illegali tal-ispyware fl-UE u dwar l-esportazzjoni mill-UE ta' dan is-software kif ukoll tar-riperkussjonijiet għall-Istati Membri u għall-pajjiżi assoċjati, fosthom dawk li jipparteċipaw fil-programmi tal-UE, li xtraw u użaw tali spyware u li minnhom ġie esportat biex jikkontrolla illegalment ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati u politiċi;

    106.

    Jitlob reviżjoni ambizzjuża tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (21) sabiex tissaħħaħ il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data personali meta jintużaw apparati elettroniċi, mingħajr ma jitbaxxa l-livell ta' protezzjoni mogħti mid-direttiva, u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Istati Membri li jħarsu s-sigurtà nazzjonali; jenfasizza li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu obbligati jiddivulgaw il-vulnerabbiltajjiet li jsibu fl-apparat informatiku; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw aktar l-azzjonijiet tagħhom abbażi tad-Direttiva dwar Attakki kontra s-Sistemi tal-Informazzjoni (22) sabiex jiżguraw li l-aċċess illegali għas-sistemi tal-informazzjoni u l-interċettazzjoni illegali jiġu ddefiniti bħala reati u jirċievu sanzjonijiet adegwati; ifakkar li kull ksur tal-kunfidenzjalità għal skopijiet ta' sigurtà nazzjonali jrid isir b'mod leċitu u għal skopijiet leġittimi u espliċiti f'soċjetà demokratika, abbażi ta' kundizzjonijiet rigorużi ta' neċessità u proporzjonalità, kif meħtieġ mill-QEDB u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    Protezzjoni tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet, tal-aġenziji, tad-delegazzjonijiet u tal-missjonijiet tal-UE

    107.

    Jissottolinja li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji, id-delegazzjonijiet, il-missjonijiet, l-operazzjonijiet, in-networks, il-bini u l-persunal tal-UE jirrappreżentaw bersall għat-tipi kollha ta' theddid ibridu u ta' attakki minn atturi statali barranin u għandhom, għaldaqstant, ikunu protetti adegwatament, u jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-mezzi, lill-uffiċini u lill-attivitajiet tas-SEAE barra mill-UE u lis-sikurezza tal-persunal tal-UE ddelegat fil-pajjiżi mhux demokratiċi kkaratterizzati minn reġimi repressivi; jistieden li tiġi strutturata r-risposta tal-missjonijiet tal-PSDK fid-dawl ta' dan it-theddid, kif ukoll jitlob li jingħata iżjed appoġġ konkret lil dawn il-missjonijiet permezz ta' komunikazzjoni strateġika; jirrikonoxxi ż-żieda kostanti fl-attakki ffinanzjati mill-Istati barranin kontra l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, inkluż kontra l-EMA, u l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri;

    108.

    Jitlob li jsir kontroll bir-reqqa u perjodiku tas-servizzi, tan-networks, tat-tagħmir u tal-hardware kollha tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-aġenziji, tad-delegazzjonijiet, tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-UE bil-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom għat-theddid għaċ-ċibersigurtà u li jiġu esklużi programmi u apparat potenzjalment perikolużi, bħal dawk żviluppati minn Kaspersky Lab; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jiżguraw gwida xierqa u għodod siguri għall-persunal; jenfasizza l-ħtieġa ta' sensibilizzazzjoni dwar l-użu ta' servizzi u networks siguri fl-istituzzjonijiet u fl-amministrazzjonijiet, anki waqt missjoni; jieħu nota tal-vantaġġi f'termini ta' fiduċja u sigurtà tas-sistemi operattivi ta' network ibbażati fuq sors miftuħ, li jintużaw b'mod wiesa' mill-aġenziji militari u governattivi alleati;

    109.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-koordinament effiċjenti, puntwali u strett bejn id-diversi istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE speċjalizzati fiċ-ċibersigurtà, bħas-CERT-UE, flimkien mal-iżvilupp sħiħ tal-kapaċitajiet operattivi tagħha, kif ukoll l-ENISA u ċ-Ċiberunità Konġunta li se tiġi stabbilita, li se jiżguraw risposta kkoordinata għat-theddid għaċ-ċibersigurtà fuq skala kbira fl-UE; jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni strutturata li għaddejja bejn is-CERT-UE u l-ENISA; jilqa' pożittivament ukoll il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma dwar l-intelligence ċibernetika fi ħdan l-INTCEN tal-UE bil-ħsieb li tiġi promossa l-kooperazzjoni fil-qasam tal-intelligence strateġika; japprezza l-inizjattivi reċenti meħuda mis-Segretarji Ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżviluppaw regoli komuni dwar l-informazzjoni u ċ-ċibersigurtà;

    110.

    Jistenna b'interess iż-żewġ proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti li jistabbilixxu qafas normattiv għas-sigurtà tal-informazzjoni u ċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, fil-korpi u fl-aġenziji kollha tal-UE, u huwa tal-fehma li dawn ir-regolamenti għandhom jinkludu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u tar-reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw fondi u riżorsi addizzjonali għaċ-ċibersigurtà tal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ta' xenarju ta' theddid li qed jevolvi b'mod kostanti;

    111.

    Jistenna b'interess ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-Awditu taċ-Ċibersigurtà, mistenni fil-bidu tal-2022;

    112.

    Jitlob li ssir investigazzjoni bir-reqqa tal-każijiet irrapportati ta' infiltrazzjoni barranija fost il-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob eżami u reviżjoni potenzjali tal-proċeduri tar-riżorsi umani, inklużi l-kontrolli ta' qabel ir-reklutaġġ, biex jimtlew il-lakuni li jippermettu l-infiltrazzjoni barranija; jistieden lill-korpi ta' tmexxija tal-Parlament itejbu l-proċeduri ta' approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal u jħarrxu r-regoli u l-kontrolli rigward l-aċċess għar-reċinti tiegħu biex jimpedixxi li individwi b'rabta stretta mal-interessi barranin ikollhom aċċess għal laqgħat u informazzjoni kunfidenzjali; jistieden lill-awtoritajiet Belġjani jeżaminaw u jaġġornaw il-qafas nazzjonali kontra l-ispjunaġġ biex ikunu possibbli l-identifikazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet effikaċi ta' dawk ħatja; jitlob li jittieħdu azzjonijiet simili fl-Istati Membri l-oħra biex jiġu protetti l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE preżenti fit-territorju tagħhom;

    113.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jissensibilizzaw il-persunal tagħhom permezz ta' taħriġ u gwida adegwata sabiex jipprevjenu, jimmitigaw u jindirizzaw ir-riskji ċibernetiċi u mhux ċibernetiċi għas-sigurtà; jitlob li jkun previst taħriġ obbligatorju u perjodiku dwar is-sigurtà u l-ICTs għall-persunal (inklużi t-trainees) u għall-Membri tal-Parlament Ewropew kollha; jitlob immappjar regolari u ddedikat u valutazzjonijiet tar-riskju ta' influwenzi barranin fi ħdan l-istituzzjonijiet;

    114.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' proċeduri xierqa għall-ġestjoni tal-kriżijiet għal każijiet ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni, inklużi sistemi ta' twissija bejn il-livelli u s-setturi amministrattivi, sabiex jiġi żgurat l-għoti reċiproku ta' informazzjoni u jiġi evitat it-tixrid tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, is-Sistema ta' Twissija Rapida (RAS) u l-proċedura ta' twissija rapida stabbiliti qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 u l-proċeduri stabbiliti fl-amministrazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Parlament biex iwissu dwar każijiet possibbli li jaffettwaw lill-istituzzjonijiet jew il-proċessi demokratiċi tal-UE; jitlob lill-amministrazzjoni tal-UE ssaħħaħ il-monitoraġġ tagħha, fost oħrajn permezz tal-ħolqien ta' arkivju ċentrali u ta' strument ta' traċċar tal-inċidenti, u tiżviluppa sett ta' għodod kondiviżi li jiġu attivati f'każ ta' twissija tal-RAS;

    115.

    Jitlob li jkun hemm regoli obbligatorji ta' trasparenza rigward il-vjaġġi offurti mill-pajjiżi u mill-entitajiet barranin lill-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi l-Membri tal-Parlament Ewropew, l-assistenti parlamentari akkreditati (APA) u l-konsulenti tal-gruppi, kif ukoll l-uffiċjali nazzjonali, fosthom, bħala eżempju: l-isem tal-aġenti tal-ħlas, kemm swew il-vjaġġi u l-ġustifikazzjoni ddikjarata; ifakkar li tali vjaġġi organizzati ma jistgħux jitqiesu delegazzjonijiet uffiċjali tal-Parlament u jitlob sanzjonijiet severi f'każ li dan ma jiġix rispettat; jenfasizza li l-gruppi ta' ħbiberija informali jistgħu jikkompromettu x-xogħol tal-organi uffiċjali tal-Parlament, kif ukoll ir-reputazzjoni tiegħu u l-koerenza tal-azzjonijiet tiegħu; iħeġġeġ lill-korpi ta' tmexxija tal-Parlament iżidu t-trasparenza u r-responsabbiltà ta' dawn il-gruppi, jinfurzaw ir-regoli attwali u jieħdu l-miżuri neċessarji meta dawn il-gruppi ta' ħbiberija jintużaw ħażin minn pajjiżi terzi; jitlob lill-Kwesturi jiżviluppaw u jżommu reġistru aċċessibbli u aġġornata tal-gruppi ta' ħbiberija u tad-dikjarazzjonijiet;

    Indħil minn atturi globali permezz tal-ħtif tar-riżorsi mill-elit, tad-dijasporti nazzjonali, tal-universitajiet u tal-avvenimenti kulturali

    116.

    Jikkundanna t-tipi kollha ta' ħtif tar-riżorsi mill-elit u t-teknika ta' co-opting ta' uffiċjali pubbliċi ta' livell għoli u ta' ex politiċi tal-UE li jużaw il-kumpaniji barranin b'rabtiet mal-gvernijiet li huma involuti b'mod attiv f'azzjonijiet ta' ndħil kontra l-UE, u jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' strumenti u ta' infurzar meħtieġa biex jiġu evitati dawn il-prattiki; iqis li d-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba matul il-mandati pubbliċi jew fil-qadi tad-dmirijiet bħala uffiċjali pubbliċi, askapitu tal-interessi strateġiċi tal-UE u tal-Istati Membri, għandu jkollha konsegwenzi ġuridiċi u tinkorri f'sanzjonijiet severi, fosthom tkeċċija immedjata u/jew skwalifika minn reklutaġġ futur mill-istituzzjonijiet; iqis li d-dikjarazzjonijiet tal-introjtu u tal-proprjetà ta' tali individwi għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

    117.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tikkoordina l-azzjonijiet kontra l-ħtif tar-riżorsi mill-elit, pereżempju billi tintegra u timplimenta l-infurzar ordinarju tal-perjodi ta' preklużjoni għall-Kummissarji tal-UE u għall-uffiċjali pubbliċi tal-UE ta' livell għoli b'obbligu ta' rendikont ladarba jispiċċa l-perjodu, bil-għan li tintemm il-prattika tar-“revolving doors”, u regoli strutturati biex tiġi indirizzata l-elite capture fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk ir-rekwiżiti eżistenti relatati mal-perjodi ta' preklużjoni għadhomx idonei għall-iskop; jissottolinja li l-ex politiċi u uffiċjali pubbliċi tal-UE għandhom jirrapportaw il-każijiet li fihom jiġu avviċinati minn Stat barrani f'korp superviżorju ddedikat u għandhom jirċievu l-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet; jistieden lill-Istati Membri japplikaw u jarmonizzaw perjodi ta' preklużjoni għall-klassi tat-tmexxija politika tagħhom u jiżguraw li jkollhom miżuri u sistemi fis-seħħ li jobbligaw lill-uffiċjali pubbliċi jiddikjaraw l-attivitajiet esterni, l-attivitajiet professjonali, l-investimenti, l-assi u r-rigali jew il-vantaġġi sostanzjali tagħhom li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta' interessi;

    118.

    Jinsab imħasseb dwar l-istrateġiji integrati tal-lobbying li jgħaqqdu l-interessi industrijali u l-għanijiet politiċi barranin, b'mod partikolari meta jiffavorixxu l-interessi ta' Stat awtoritarju; jitlob, għalhekk, li l-istituzzjonijiet tal-UE jirriformaw ir-Reġistru tat-Trasparenza, anki billi jintroduċu regoli aktar stretti dwar it-trasparenza, jimmappjaw il-finanzjament barrani għal-lobbying relatat mal-UE, u jipprevedu kategorija ta' data li tippermetti l-identifikazzjoni ta' finanzjament minn gvernijiet barranin; jitlob kooperazzjoni effettiva dwar din il-kwistjoni fost l-istituzzjonijiet kollha tal-UE; iqis li l-Iskema tat-Trasparenza tal-Influwenza Barranija tal-Awstralja hija prattika tajba li ta' min isegwi;

    119.

    Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-istabbiliment ta' skema ta' reġistrazzjoni tal-influwenza barranija u l-ħolqien ta' reġistru ġestit mill-gvern tal-attivitajiet iddikjarati mwettqa għal Stat barrani, jew f'ismu, skont il-prattika tajba ta' demokraziji oħra tal-istess fehma;

    120.

    Huwa mħasseb dwar it-tentattivi biex jiġu kkontrollati d-dijaspori li jgħixu fit-territorju tal-UE minn Stati awtoritarji barranin; jindika r-rwol kruċjali li jaqdi l-Front Magħqud taċ-Ċina, li huwa dipartiment li jirrapporta direttament lill-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista Ċiniż u li għandu l-kompitu li jikkoordina l-istrateġija tal-indħil estern taċ-Ċina permezz tal-kontroll strett tal-individwi Ċiniżi u tal-kumpaniji Ċiniżi barra mill-pajjiż; jirreferi għall-esperjenzi tal-Awstralja u tan-New Zealand fit-trattament tal-Front Magħqud;

    121.

    Jikkundanna bil-qawwa l-isforzi tal-Kremlin biex jistrumentalizza l-minoranzi fl-Istati Membri tal-UE billi jiġu implimentati l-hekk imsejħa politiki tal-kompatrijotti, b'mod partikolari fl-Istati Baltiċi u fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant, bħala parti mill-istrateġija ġeopolitika tar-reġim ta' Putin li l-għan tagħha huwa li taqsam is-soċjetajiet fl-UE, flimkien mal-implimentazzjoni tal-kunċett tad-“dinja Russa”, li għandu l-għan li jiġġustifika azzjonijiet espansjonisti mir-reġim; jinnota li ħafna “fondazzjonijiet privati”, “intrapriżi privati”, “organizzazzjonijiet tal-media” u “NGOs” Russi huma proprjetà tal-Istat jew għandhom rabtiet moħbija mal-Istat Russu; jenfasizza li huwa tal-akbar importanza meta jkun hemm djalogu mas-soċjetà ċivili Russa li ssir distinzjoni bejn dawk l-organizzazzjonijiet li jibqgħu ħielsa mill-influwenza governattiva Russa u dawk li għandhom rabtiet mal-Kremlin; ifakkar li hemm ukoll evidenza ta' indħil u manipulazzjoni Russi f'ħafna demokraziji liberali oħra tal-Punent, kif ukoll appoġġ attiv għal forzi estremisti u entitajiet b'viżjoni radikali sabiex tiġi promossa d-destabbilizzazzjoni tal-Unjoni; jinnota li l-Kremlin jirrikorri ħafna għall-kultura, inklużi l-mużika popolari, il-kontenut awdjoviżiv u l-letteratura, bħala parti mill-ekosistema ta' diżinformazzjoni tiegħu; jiddeplora t-tentattivi tar-Russja li ma tirrikonoxxix bis-sħiħ l-istorja tad-delitti Sovjetiċi u minflok tintroduċi narrattiva Russa ġdida;

    122.

    Jinsab imħasseb dwar it-tentattivi tal-Gvern Tork biex jinfluwenza persuni ta' oriġini Torka bil-għan li d-dijaspora tintuża bħala relay għall-pożizzjonijiet ta' Ankara u biex jinfirdu s-soċjetajiet Ewropej, b'mod partikolari permezz tal-Presidenza għat-Torok Barra mill-Pajjiż u l-Komunitajiet Relatati (YTB); jikkundanna t-tentattivi evidenti tat-Turkija li tuża d-dijaspora tagħha fl-Ewropa biex tbiddel id-direzzjoni tal-elezzjonijiet;

    123.

    Jikkundanna l-isforzi tar-Russja biex tisfrutta t-tensjonijiet etniċi fil-Balkani tal-Punent sabiex iżżid il-kunflitti u tifred il-komunitajiet, li jistgħu jwasslu għad-destabbilizzazzjoni tar-reġjun kollu; jinsab imħasseb dwar it-tentattivi tal-Knisja Ortodossa f'pajjiżi bħas-Serbja, il-Montenegro u l-Bosnja-Ħerzegovina, speċjalment fl-entità tagħha Republika Srpska, biex tippromwovi lir-Russja bħala protettur tal-valuri tradizzjonali tal-familja u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-knisja; jinsab allarmat li l-Ungerija u s-Serbja qed jgħinu liċ-Ċina u lir-Russja bl-objettivi ġeopolitiċi tagħhom; jirrakkomanda li jiġu organizzati djalogi mas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent u s-settur privat biex jiġu kkoordinati l-isforzi kontra d-diżinformazzjoni fir-reġjun, b'enfasi fuq ir-riċerka u l-analiżi u l-inklużjoni ta' għarfien espert reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tibni l-infrastruttura meħtieġa biex tipproduċi reazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza għat-theddid ta' diżinformazzjoni kemm fuq terminu qasir kif ukoll fit-tul fil-Balkani tal-Punent; jistieden lis-SEAE jadotta pożizzjoni aktar proattiva, li tiffoka fuq il-bini tal-kredibbiltà tal-UE fir-reġjun, aktar milli tiddefendiha, fl-espansjoni tal-monitoraġġ StratCom biex jiffoka fuq it-theddid ta' diżinformazzjoni transfruntiera li joriġina mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-ġirien tagħhom;

    124.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-appoġġ għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni dwar il-bini tar-reżiljenza tal-Istat u tas-soċjetà għad-diżinformazzjoni u l-propaganda tal-Istat Russu, sabiex jiġu miġġielda d-dgħufija strateġika u l-frammentazzjoni tas-soċjetajiet u l-istituzzjonijiet tagħhom;

    125.

    Jinsab allarmat bl-applikazzjoni extraterritorjali ta' miżuri koerċittivi li jirriżultaw mil-Liġi l-ġdida ta' Hong Kong dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Liġi taċ-Ċina dwar il-Ġlieda Kontra s-Sanzjonijiet Barranin, flimkien mal-ftehimiet ta' estradizzjoni li ċ-Ċina għandha ma' pajjiżi oħra, li jippermettu liċ-Ċina timplimenta azzjonijiet ta' deterrenza fuq skala kbira kontra ċittadini kritiċi mhux Ċiniżi, pereżempju, f'każ reċenti, kontra żewġ membri parlamentari Daniżi, u l-kontrosanzjonijiet Ċiniżi kontra ħames Membri tal-Parlament Ewropew, is-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem, tliet Membri Parlamentari mill-Istati Membri tal-UE, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà tal-Kunsill tal-UE, żewġ akkademiċi Ewropej u żewġ gruppi ta' riflessjoni Ewropej fil-Ġermanja u fid-Danimarka rispettivament; jistieden lill-Istati Membri kollha jirreżistu u jirrifjutaw l-estradizzjoni u, fejn xieraq, joffru protezzjoni xierqa għall-individwi kkonċernati biex jevitaw ksur potenzjali tad-drittijiet tal-bniedem;

    126.

    Jinsab imħasseb dwar in-numru ta' universitajiet, skejjel u ċentri kulturali Ewropej involuti fi sħubijiet ma' entitajiet Ċiniżi, inklużi l-Istituti ta' Confucius, li jagħmlu possibbli s-serq ta' għarfien xjentifiku u l-eżerċitar ta' kontroll strett fuq is-suġġetti kollha relatati maċ-Ċina fil-qasam tar-riċerka u t-tagħlim, u b'hekk jikkostitwixxu ksur tal-protezzjoni kostituzzjonali tal-libertà u l-awtonomija akkademiċi, u fuq l-għażliet ta' attivitajiet kulturali relatati maċ-Ċina; jinsab imħasseb li azzjonijiet bħal dawn jistgħu jwasslu għal telf ta' għarfien dwar kwistjonijiet relatati maċ-Ċina, li jċaħħad lill-UE mill-kompetenzi meħtieġa; jinsab imħasseb, pereżempju, dwar l-isponsorizzar, fl-2014, tal-Librerija taċ-Ċina tal-Kulleġġ tal-Ewropa mill-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-Kunsill tal-Istat tal-Gvern Ċiniż (23); jinsab imħasseb ħafna dwar it-tentattivi taċ-Ċina biex tagħmel pressjoni u tiċċensura, pereżempju, il-mużew ta' Nantes fir-rigward tal-wirja fuq Genghis Kahn inizjalment ippjanata għall-2020 (24); jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajba fost l-Istati Membri sabiex tindirizza l-indħil barrani fis-setturi kulturali u edukattivi;

    127.

    Jinsab imħasseb dwar il-każijiet ta' finanzjament moħbi tar-riċerka mwettqa fl-Ewropa, inklużi t-tentattivi taċ-Ċina li tisraq talent permezz tal-Pjan tal-Elf Talent u l-Boroż ta' Studju tal-Istitut Confucius, u t-taħlit intenzjonat ta' proġetti xjentifiċi militari u ċivili permezz tal-istrateġija ta' fużjoni ċivili-militari taċ-Ċina; jitfa' dawl fuq it-tentattivi tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja Ċiniżi biex jiffirmaw memoranda ta' fehim ma' istituzzjonijiet sħab fl-Ewropa li fihom klawżoli li jipperpetwaw il-propaganda Ċiniża jew jinkoraġġixxu l-appoġġ għall-pożizzjonijiet jew l-inizjattivi politiċi tal-Partit Komunista Ċiniż, bħall-Inizjattiva “Belt and Road”, u b'hekk jevitaw u jimminaw il-pożizzjonijiet uffiċjali meħuda mill-gvernijiet tal-pajjiżi rispettivi; jitlob lill-istituzzjonijiet kulturali, akkademiċi u mhux governattivi jtejbu t-trasparenza fir-rigward tal-influwenza taċ-Ċina u jistedinhom jippubbliċizzaw kwalunkwe skambju u impenn mal-Gvern Ċiniż u organizzazzjonijiet relatati;

    128.

    Jikkundanna d-deċiżjoni meħuda mill-Gvern Ungeriż li jiftaħ fergħa tal-Università ta' Fudan filwaqt li, fl-istess ħin, jagħlaq l-Università tal-Ewropa Ċentrali f'Budapest; jinsab imħasseb dwar id-dipendenza finanzjarja li qed tiżdied tal-universitajiet Ewropej fuq iċ-Ċina u Stati barranin oħra, minħabba r-riskju ta' data sensittiva, teknoloġiji u riżultati ta' riċerka li jmorru għand Stati barranin u l-implikazzjonijiet li din id-dipendenza jista' jkollha għal-libertà akkademika; jisħaq fuq l-importanza tal-libertà akkademika biex jiġu indirizzati d-diżinformazzjoni u l-operazzjonijiet ta' influwenza; iħeġġeġ lil dawn l-istituzzjonijiet iwettqu valutazzjonijiet dettaljati tal-vulnerabbiltà qabel ma jidħlu fi sħubijiet ġodda ma' sħab barranin; jenfasizza li l-persunal akkademiku għandu jkun imħarreġ biex jirrapporta finanzjament jew influwenza moħbija permezz ta' hotline apposta u li dawk li jippreżentaw ruħhom għandhom dejjem jirċievu l-protezzjoni tal-informaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-finanzjament għar-riċerka ta' tħassib ġeopolitiku fl-universitajiet Ewropej jiġi minn sorsi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni dwar iż-żieda fit-trasparenza tal-finanzjament barrani tal-universitajiet, kif ukoll l-NGOs u l-gruppi ta' riflessjoni, bħal permezz ta' dikjarazzjonijiet ta' donazzjoni obbligatorji, diliġenza dovuta għall-flussi ta' finanzjament tagħhom u d-divulgazzjoni ta' finanzjament, kontribuzzjonijiet in natura u sussidji minn partijiet barranin; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jadottaw regoli effettivi dwar il-finanzjament barrani għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, inklużi limiti massimi stretti u rekwiżiti ta' rappurtar;

    129.

    Jissottolinja li riskji simili għas-sigurtà u s-serq tal-proprjetà intellettwali jeżistu fis-settur privat, fejn l-impjegati jista' jkollhom aċċess għal teknoloġiji ewlenin u sigrieti kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu kemm lill-istituzzjonijiet akkademiċi kif ukoll lis-settur privat biex jistabbilixxu programmi komprensivi ta' sigurtà u konformità, inklużi rieżamijiet speċifiċi tas-sigurtà għal kuntratti ġodda; jinnota li limitazzjonijiet akbar fuq is-sistemi u l-aċċess għan-networks, kif ukoll l-approvazzjoni tas-sigurtà, jistgħu jkunu ġġustifikati għal uħud mill-professuri jew l-impjegati li jaħdmu fuq riċerka u prodotti kritiċi;

    130.

    Jinnota li d-Direttiva riveduta dwar il-Karta Blu (25), li tagħmilha aktar faċli għal migranti mhux mill-UE b'ħiliet biex jiġu fl-UE, tippermetti lill-kumpaniji Ċiniżi u Russi stabbiliti fl-Ewropa, pereżempju, biex iġibu aktar migranti b'ħiliet mill-pajjiżi rispettivi tagħhom; jirrimarka li dan jista' jagħmilha aktar diffiċli għall-Istati Membri biex jeżerċitaw kontroll fuq l-influss ta' dawn iċ-ċittadini, li jista' jwassal għal riskji ta' indħil barrani;

    131.

    Jinnota n-numru dejjem akbar ta' Istituti ta' Confucius stabbiliti madwar id-dinja, u b'mod partikolari fl-Ewropa; jirrimarka li ċ-Ċentru għall-Edukazzjoni u l-Kooperazzjoni Lingwistika, li qabel kien magħruf bħala l-Kwartieri Ġenerali tal-Istitut Confucius jew Hanban (Uffiċċju tal-Kunsill Internazzjonali tal-Lingwa Ċiniża), li huwa responsabbli għall-programm tal-Istituti Confucius madwar id-dinja, huwa parti mis-sistema ta' propaganda tal-Istat-Partit Ċiniż; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw korsijiet tal-lingwa Ċiniża indipendenti mingħajr l-involviment tal-Istat Ċiniż jew ta' organizzazzjonijiet affiljati; jemmen li ċ-Ċentru Nazzjonali dwar iċ-Ċina li ġie stabbilit reċentement fl-Iżvezja jista' jservi bħala eżempju importanti ta' kif tiżdied il-kompetenza fil-qasam taċ-Ċina b'mod indipendenti fl-Ewropa;

    132.

    Iqis, barra minn hekk, li l-Istituti ta' Confucius iservu bħala pjattaforma tal-lobbying għall-interessi ekonomiċi Ċiniżi u għas-servizz tal-intelligence Ċiniż u r-reklutaġġ ta' aġenti u spiji; ifakkar li ħafna universitajiet iddeċidew li jtemmu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Istituti ta' Confucius minħabba r-riskji ta' spjunaġġ u ndħil miċ-Ċina, kif għamlu l-universitajiet ta' Dusseldorf fl-2016, ta' Brussell (VUB u ULB) fl-2019, u ta' Hamburg fl-2020, u l-universitajiet kollha fl-Iżvezja; jitlob li aktar universitajiet jirriflettu dwar il-kooperazzjoni attwali tagħhom biex jiżguraw li din ma taffettwax il-libertà akkademika tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib it-tagħlim, ir-riċerka u attivitajiet oħra fl-Istituti Confucius u, fejn l-allegazzjonijiet ta' spjunaġġ jew indħil ikunu sostanzjati minn evidenza ċara, jieħdu azzjoni ta' infurzar biex jissalvagwardjaw is-sovranità ekonomika u politika Ewropea, anki permezz taċ-ċaħda tal-finanzjament jew ir-revoka tal-liċenzji ta' istituti assoċjati;

    133.

    Josserva li l-indħil barrani jista' jitwettaq ukoll permezz tal-influwenza f'istituti reliġjużii u l-istrumentalizzazzjoni tagħhom, bħall-influwenza Russa fil-knejjes Ortodossi, b'mod partikolari fis-Serbja, il-Montenegro, il-Bożnija-Ħerzegovina, speċjalment fl-entità tagħha Republika Srpska, il-Georgia u sa ċertu punt l-Ukrajna, inkluż permezz tat-trawwim tal-firda fil-popolazzjonijiet lokali, l-iżvilupp ta' verżjoni preġudikata tal-istorja u l-promozzjoni ta' aġenda kontra l-UE, l-influwenza tal-Gvern Tork permezz tal-moskej fi Franza u fil-Ġermanja, u l-influwenza tal-Arabja Sawdija permezz ta' moskej Salafi madwar l-Ewropa li jippromwovu l-Iżlam radikali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw koordinazzjoni aħjar dwar il-protezzjoni tal-istituti reliġjużi mill-indħil barrani u biex jillimitaw il-finanzjament u jżidu t-trasparenza tal-finanzjament; jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib l-attivitajiet f'istituti reliġjużi u, fejn xieraq u appoġġati minn evidenza, jieħdu azzjoni, inkluż permezz taċ-ċaħda tal-finanzjament jew ir-revoka tal-liċenzji ta' istituti assoċjati;

    134.

    Jistieden lis-SEAE jipproduċi studju dwar il-prevalenza u l-influwenza ta' atturi statali malizzjużi fi gruppi ta' riflessjoni, universitajiet, organizzazzjonijiet reliġjużi u istituzzjonijiet tal-media Ewropej; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri jikkollaboraw ma' u jinvolvu ruħhom fi djalogu sistematiku mal-partijiet ikkonċernati u l-esperti sabiex jimmappjaw u jimmonitorjaw b'mod preċiż l-influwenza barranija fl-isferi kulturali, akkademiċi u reliġjużi; jitlob li jkun hemm kondiviżjoni akbar tal-kontenut fost ix-xandara nazzjonali Ewropej, inklużi dawk fil-pajjiżi ġirien;

    135.

    Jinsab imħasseb dwar rapporti ta' ndħil barrani fis-sistemi ġudizzjarji Ewropej; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi Russi mill-qrati Ewropej kontra l-avversarji tal-Kremlin; jistieden lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza fost il-persunal ġudizzjarju u jaħdmu mas-soċjetà ċivili biex jipprevjenu l-abbuż tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali u tat-tribunali u l-qrati Ewropej minn gvernijiet barranin; jistieden lis-SEAE jikkummissjona studju dwar il-prevalenza u l-influwenza tal-indħil barrani fil-proċedimenti tal-qorti Ewropea; jinnota li, abbażi ta' dan l-istudju, jista' jkun meħtieġ li jiġu proposti bidliet għar-rekwiżiti ta' trasparenza u finanzjament għall-proċeduri tal-qorti;

    Deterrenza, attribuzzjoni u kontromiżuri kollettivi, inklużi sanzjonijiet

    136.

    Iqis li r-reġimi ta' sanzjonijiet stabbiliti reċentement mill-UE, bħall-miżuri restrittivi kontra ċ-ċiberattakki li jheddu lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha (26) u r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (27) (Att Magnitsky tal-UE), adottati fis-17 ta' Mejju 2019 u fis-7 ta' Diċembru 2020 rispettivament, urew valur miżjud fl-għoti lill-UE ta' għodod siewja ta' deterrenza; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex tadotta reġim tematiku ġdid ta' sanzjonijiet biex jiġu indirizzati atti serji ta' korruzzjoni; ifakkar li r-reġimi ta' sanzjonijiet b'rabta maċ-ċiberattakki u mad-drittijiet tal-bniedem intużaw darbtejn, fl-2020 u fl-2021, rispettivament; jitlob bil-qawwa li r-reġim ta' sanzjonijiet ċibernetiċi jsir permanenti u jistieden lill-Istati Membri jikkondividu l-evidenza u l-intelligence kollha miġbura sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta' listi ta' sanzjonijiet ċibernetiċi;

    137.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu miżuri ulterjuri kontra l-indħil barrani, inklużi kampanji ta' diżinformazzjoni fuq skala kbira, theddid ibridu u gwerra ibrida, b'rispett sħiħ għal-libertajiet tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluż fil-forma tal-istabbiliment ta' reġim ta' sanzjonijiet; jemmen li dan għandu jinkludi l-introduzzjoni ta' qafas ta' sanzjonijiet transsettorjali u asimmetriku, kif ukoll sanzjonijiet diplomatiċi, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, iffriżar tal-assi u t-tneħħija ta' permessi ta' residenza tal-UE minn individwi barranin u l-membri tal-familja tagħhom assoċjati ma' tentattivi ta' ndħil barrani, li għandhom jolqtu b'mod kemm jista' jkun preċiż lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-korpi responsabbli għal azzjonijiet aggressivi, filwaqt li jiġi evitat ambjent ta' tpattija, skont l-Artikolu 29 tat-TUE u l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (miżuri restrittivi) u integrati sew fil-pilastri tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u tal-PSDK tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jqiegħdu l-indħil barrani u nazzjonali u d-diżinformazzjoni bħala punt fiss fuq l-aġenda tal-Kunsill Affarijiet Barranin; jistieden lill-UE tiddefinixxi x'inhu att internazzjonali ħażin u tadotta limiti minimi għall-iskattar ta' kontromiżuri bħala riżultat ta' din id-definizzjoni l-ġdida, li għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt biex tipprovdi ċertezza legali; jinnota li l-Kunsill għandu jkun jista' jiddeċiedi dwar sanzjonijiet relatati ma' indħil barrani b'vot ta' maġġoranza, aktar milli b'unanimità; huwa tal-fehma li l-pajjiżi involuti fl-indħil barrani u fil-manipulazzjoni tal-informazzjoni bil-għan li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-UE għandhom iħallsu l-ispejjeż tad-deċiżjonijiet tagħhom u jġarrbu l-konsegwenzi ekonomiċi u/jew reputazzjonali u/jew diplomatiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u l-Politika ta' Sigurtà jippreżentaw proposti konkreti f'dan ir-rigward;

    138.

    Jinsisti li, filwaqt li jkollu l-għan li jippreserva l-proċessi demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet kif definiti fit-Trattati, reġim ta' sanzjonijiet irid jagħti attenzjoni partikolari lill-impatti fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' kwalunkwe sanzjoni imposta, sabiex jinżamm ir-rispett għall-Karta, u jrid ikun trasparenti fir-rigward tar-raġunijiet għat-teħid tad-deċiżjoni li jiġu implimentati s-sanzjonijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar ċarezza fil-livell tal-UE rigward il-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt tas-sanzjonijiet kontra persuni assoċjati, bħal ċittadini u kumpaniji tal-UE;

    139.

    Iqis li filwaqt li n-natura ta' dawn l-attakki ibridi tvarja, il-periklu tagħhom għall-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll għall-konsolidazzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-libertajiet fundamentali, jistgħu jkunu sostanzjali f'termini tal-iskala tal-attakki, tan-natura tagħhom jew tal-effett kumulattiv tagħhom; jilqa' l-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea jipprevedi li l-Kummissjoni u s-SEAE flimkien jiżviluppaw sett ta' għodod għal operazzjonijiet ta' ndħil u influwenza barranin, inklużi operazzjonijiet ibridi u l-attribuzzjoni ċara ta' attakki malizzjużi minn partijiet u pajjiżi terzi kontra l-UE;

    140.

    Jindika li l-fehim li ċerti azzjonijiet ta' ndħil barrani qed jaffettwaw serjament il-proċessi demokratiċi u qed jinfluwenzaw l-eżerċizzju tad-drittijiet jew tad-dmirijiet qed jiżdied fuq livell internazzjonali; jindika, f'dan ir-rigward, l-emendi adottati fl-2018 fl-Att dwar l-Emenda tal-Leġiżlazzjoni Nazzjonali dwar is-Sigurtà (l-Ispjunaġġ u l-Indħil Barrani) tal-Awstralja, li għandu l-għan li jikkriminalizza l-attivitajiet sigrieti u qarrieqa minn atturi barranin li għandhom l-għan li jindaħlu fil-proċessi politiċi jew governattivi, iħallu impatt fuq id-drittijiet jew id-dmirijiet, jew jappoġġaw l-attivitajiet tal-intelligence ta' gvern barrani, billi joħloq reati ġodda bħal “indħil barrani intenzjonat”;

    141.

    Huwa konxju li skont l-Artikolu 21(3) tat-TUE l-Unjoni jeħtiġilha tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u politiki oħra, kif definiti fit-Trattati; jindika, f'dan ir-rigward, li l-indħil barrani, bħat-theddida kkawżata mill-ġellieda u mill-gruppi terroristiċi barranin li jinfluwenzaw lil individwi li jibqgħu fl-UE, ġie indirizzat ukoll permezz tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (28);

    142.

    Jissottolinja li, sabiex jissaħħaħ l-impatt tagħhom, is-sanzjonijiet għandhom jiġu imposti b'mod kollettiv, abbażi, fejn possibbli, tal-koordinazzjoni ma' sħab tal-istess fehma, possibbilment bl-involviment ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u formalizzati fi ftehim internazzjonali, filwaqt li jitqiesu wkoll tipi oħra ta' reazzjonijiet għall-attakki; jinnota li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali għandhom ukoll jadottaw dawn is-sanzjonijiet sabiex jallinjaw ruħhom mal-PESK tal-UE; jinnota x-xogħol importanti li sar min-NATO fil-qasam tat-theddid ibridu u fakkar f'dan ir-rigward fil-komunikat tal-laqgħa tan-NATO tal-14 ta' Ġunju 2021, fejn ġie affermat mill-ġdid li deċiżjoni dwar meta attakk ċibernetiku jwassal għall-invokazzjoni tal-Artikolu 5 tat-Trattat tan-NATO tittieħed mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana fuq bażi ta' każ b'każ, u li l-impatt ta' attivitajiet ċibernetiċi kumulattivi malizzjużi sinifikanti jista', f'ċerti ċirkostanzi, jitqies li jirrappreżenta attakk armat (29); jenfasizza li l-UE u n-NATO għandhom jadottaw approċċ li jħares 'il quddiem u strateġiku lejn theddid ibridu ffukat fuq ir-raġunijiet u l-objettivi tal-avversarji, u għandhom jiċċaraw f'liema każijiet l-UE hija mgħammra aħjar biex tindirizza theddida, kif ukoll il-vantaġġi komparattivi tal-kapaċitajiet tagħhom; ifakkar li diversi Stati Membri tal-UE mhumiex membri tan-NATO, iżda madankollu jikkooperaw man-NATO, pereżempju permezz tal-programm tagħha ta' Sħubija għall-Paċi (PfP) u l-Inizjattiva ta' Sħubija għall-Interoperabbiltà (PII), u għalhekk jenfasizza li kwalunkwe kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO trid tkun mingħajr preġudizzju għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO, inklużi dawk li għandhom fis-seħħ politiki ta' newtralità; jenfasizza l-importanza ta' assistenza reċiproka u solidarjetà f'konformità mal-Artikolu 42(7) tat-TUE u l-Artikolu 222 tat-TFUE u jistieden lill-UE tfassal xenarji konkreti għall-attivazzjoni ta' dawn l-artikoli f'każ ta' attakk ċibernetiku ipotetiku; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri kollha jorbtu l-kwistjoni mal-aspetti l-oħra tar-relazzjonijiet tagħhom mal-Istati involuti fil-kampanji ta' ndħil u diżinformazzjoni, b'mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina;

    Kooperazzjoni globali u multilateraliżmu

    143.

    Jirrikonoxxi li ħafna pajjiżi demokratiċi madwar id-dinja qed jiffaċċjaw operazzjonijiet simili ta' destabbilizzazzjoni mwettqa minn atturi tal-Istat barranin u atturi mhux tal-Istat;

    144.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni multilaterali globali bejn pajjiżi tal-istess fehma f'fora internazzjonali rilevanti dwar dawn il-kwistjonijiet ta' importanza kruċjali, fil-forma ta' sħubija bbażata fuq fehim u definizzjonijiet komuni, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti normi u prinċipji internazzjonali; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti u ma' Stati oħra li jaħsbuha bl-istess mod għall-modernizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet multilaterali; jilqa' s-Summit għad-Demokrazija f'dak ir-rigward u jistenna li dan jirriżulta fi proposti u azzjonijiet konkreti biex, permezz ta' azzjoni kollettiva, jiġi indirizzat l-akbar theddid li qed jiffaċċjaw id-demokraziji llum;

    145.

    Iqis li, abbażi tal-għarfien komuni tas-sitwazzjoni, is-sħab tal-istess fehma għandhom jiskambjaw l-aħjar prattiki u jidentifikaw risponsi komuni għal sfidi globali iżda wkoll dawk nazzjonali kondiviżi, inklużi sanzjonijiet kollettivi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards demokratiċi; jistieden lill-UE tmexxi d-dibattitu dwar l-implikazzjonijiet legali tal-indħil barrani, tippromwovi definizzjonijiet u regoli ta' attribuzzjoni internazzjonali komuni u tiżviluppa qafas internazzjonali għal reazzjonijiet għall-indħil fl-elezzjonijiet sabiex jiġi stabbilit Kodiċi ta' Prattika Globali għal Proċessi Demokratiċi Ħielsa u Reżiljenti;

    146.

    Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkunsidraw il-formati internazzjonali xierqa biex ikunu possibbli tali sħubija u kooperazzjoni bejn sħab tal-istess fehma; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jibdew proċess fil-livell tan-NU biex jadottaw konvenzjoni globali li tippromwovi u tiddefendi d-demokrazija li tistabbilixxi definizzjoni komuni ta' indħil barrani; jistieden lill-UE tipproponi sett ta' għodod globali għad-difiża tad-demokrazija, li għandu jiġi inkluż fil-konvenzjoni, li jkun fih azzjonijiet u sanzjonijiet konġunti biex jiġi miġġieled l-indħil barrani;

    147.

    Jilqa' d-dikjarazzjoni tan-NATO tal-14 ta' Ġunju 2021, li tirrikonoxxi l-isfida dejjem akbar ikkawżata minn theddid ċibernetiku, ibridu u asimmetriku ieħor, inklużi kampanji ta' diżinformazzjoni, u mill-użu malizzjuż ta' teknoloġiji emerġenti u fixkiela dejjem aktar sofistikati; jilqa' l-progress li sar fil-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jilqa' l-istabbiliment mil-Litwanja taċ-Ċentru Reġjonali għaċ-Ċiberdifiża li jinvolvi l-Istati Uniti u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jappoġġa kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi sħab fil-qasam taċ-ċiberdifiża, f'termini ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni u ħidma operazzjonali; jilqa' d-diskussjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar il-kontrolli multilaterali tal-esportazzjoni fuq oġġetti ta' sorveljanza ċibernetika fil-kuntest tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija;

    148.

    Jilqa' l-inizjattivi li diġà ttieħdu, b'mod partikolari fil-livell amministrattiv, biex jiġi kondiviż l-għarfien dwar l-istat tal-attakki ibridi, inklużi l-operazzjonijiet ta' diżinformazzjoni, f'ħin reali, bħas-Sistema ta' Twissija Rapida stabbilita mis-SEAE parzjalment miftuħa għal pajjiżi terzi tal-istess fehma, il-Mekkaniżmu ta' Rispons Rapidu stabbilit mill-G7, u d-Diviżjoni Konġunta tal-Intelligence u s-Sigurtà tan-NATO;

    149.

    Jissottolinja li l-kooperazzjoni globali għandha tkun ibbażata fuq valuri komuni riflessi fi proġetti komuni, tinvolvi organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OSKE u l-UNESCO, u tistabbilixxi bini tal-kapaċitajiet demokratiċi u paċi u sigurtà sostenibbli f'pajjiżi li qed jiffaċċjaw theddid ibridu barrani simili; jitlob lill-UE tistabbilixxi Fond Ewropew għall-Media Demokratika biex jappoġġa l-ġurnaliżmu indipendenti fit-tkabbir (potenzjali) u fil-pajjiżi tal-viċinat Ewropej u fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; jenfasizza l-ħtiġijiet prattiċi, bħall-kisba ta' tagħmir tekniku tax-xogħol, espress regolarment minn ġurnalisti indipendenti minn pajjiżi ġirien;

    150.

    Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni dwar il-klima; jilqa' l-isforzi fil-COP26 biex tiġi adottata definizzjoni universali ta' miżinformazzjoni u diżinformazzjoni dwar il-klima u biex jiġu deskritti azzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjoni; jitlob li jiġu żviluppati mudelli bħall-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima biex jinħoloq kodiċi ta' kondotta globali dwar id-diżinformazzjoni, proċess li jipprovdi l-bażi għal Ftehim ta' Pariġi dwar id-Diżinformazzjoni;

    151.

    Jisħaq fuq l-importanza li tiġi pprovduta perspettiva ċara għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali u li jingħata appoġġ lill-pajjiżi sħab u lill-pajjiżi ġirien, bħal dawk fil-Balkani tal-Punent u fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE, peress li pajjiżi bħar-Russja, it-Turkija u ċ-Ċina qed jippruvaw jużaw dawn il-pajjiżi bħala laboratorju għall-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-gwerra ibrida, bil-għan li jdgħajfu l-UE; jemmen li l-Istati Uniti huma sħab importanti fil-ġlieda kontra l-indħil barrani, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u t-theddid ibridu f'dawk ir-reġjuni; jinsab imħasseb b'mod partikolari dwar ir-rwol tas-Serbja u l-Ungerija fit-tixrid wiesa' tad-diżinformazzjoni lill-pajjiżi tal-madwar; jissottolinja li l-UE għandha tappoġġa u timpenja ruħha ma' dawn il-pajjiżi, kif previst fir-Regolament NDICI (30); iqis li l-azzjonijiet tagħha jistgħu jieħdu l-forma ta' promozzjoni tal-valur miżjud tal-UE u l-impatt pożittiv fir-reġjun, il-finanzjament ta' proġetti intiżi għall-iżgurar tal-libertà tal-media, it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-istat tad-dritt, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-litteriżmu fil-media u dak diġitali u tal-informazzjoni, filwaqt li tiġi rispettata s-sovranità ta' dawn il-pajjiżi; jitlob żieda fil-kapaċità tas-SEAE f'dan ir-rigward;

    152.

    Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha japprofondixxu l-kooperazzjoni mat-Tajwan fil-ġlieda kontra l-operazzjonijiet ta' ndħil u l-kampanji ta' diżinformazzjoni minn pajjiżi terzi malinni, inklużi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, approċċi konġunti għat-trawwim tal-libertà tal-media u l-ġurnaliżmu, l-approfondiment tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà ċibernetika u t-theddid ċibernetiku, is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u t-titjib tal-litteriżmu diġitali ġenerali fost il-popolazzjoni sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi demokratiċi tagħna; jappoġġa l-kooperazzjoni intensifikata bejn l-aġenziji governattivi Ewropej u Tajwaniżi rilevanti, l-NGOs u l-gruppi ta' riflessjoni fil-qasam;

    153.

    Jitlob lill-Parlament jippromwovi b'mod attiv narrativa tal-UE, jiżvolġi rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u jiddiskuti l-aħjar prattiki mal-parlamenti sħab madwar id-dinja, bl-użu tan-network vast tiegħu ta' delegazzjonijiet interparlamentari, kif ukoll l-inizjattivi tad-demokrazija u l-attivitajiet ta' appoġġ ikkoordinati mill-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet; jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-parlamentari minn pajjiżi terzi permezz ta' proġetti mfassla apposta li jappoġġaw perspettiva Ewropea għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali;

    154.

    Jistieden lis-SEAE jsaħħaħ ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE u l-missjonijiet tal-PSDK tal-UE f'pajjiżi terzi sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jaqbdu u jikkonfutaw kampanji ta' diżinformazzjoni orkestrati minn atturi statali barranin, u li jiffinanzjaw proġetti edukattivi li jsaħħu l-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali; jirrakkomanda bil-qawwa l-ħolqien ta' Ċentru ta' Komunikazzjoni Strateġika, mibdi mis-SEAE, biex jistabbilixxi kooperazzjoni strutturali dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil barrani, li għandu jkun ibbażat f'Tajpej; jistieden, barra minn hekk, lid-delegazzjonijiet tal-UE jikkontribwixxu għall-ġlieda tal-UE kontra d-diżinformazzjoni billi jittraduċu d-deċiżjonijiet rilevanti tal-UE, bħar-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tal-Parlament, fil-lingwa tal-pajjiż li jkunu stazzjonat fih;

    155.

    Jitlob li l-kwistjoni tal-indħil barrani malizzjuż tiġi indirizzata fil-Boxxla Strateġika l-ġdida li jmiss tal-UE;

    156.

    Jitlob li jinħoloq arranġament istituzzjonali permanenti fil-Parlament Ewropew iddedikat għas-segwitu ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, sabiex jiġu indirizzati l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni fl-UE b'mod sistematiku lil hinn mill-mandat attwali tal-Kumitat Speċjali INGE; jitlob skambju istituzzjonalizzat imtejjeb bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-Parlament permezz ta' dan il-korp;

    o

    o o

    157.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 58.

    (2)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 152.

    (3)  ĠU C 28, 27.1.2020, p. 57.

    (4)  Testi adottati, P9_TA(2021)0428.

    (5)  ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1.

    (6)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15.

    (7)  Testi adottati, P9_TA(2021)0412.

    (8)  ĠU C 362, 8.9.2021, p. 186.

    (9)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.

    (10)  https://www.consilium.europa.eu/mt/policies/cybersecurity/

    (11)  https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/BRP_CYBERSECURITY/BRP_CYBERSECURITY_MT.pdf

    (12)  Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, Lobbying in the 21st Century: Transparency, Integrity and Access (Il-Lobbying fis-Seklu 21: it-trasparenza, l-integrità u l-aċċess), 2021, Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi, disponibbli fuq: https://doi.org/10.1787/c6d8eff8-en

    (13)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

    (14)  ĠU L 331, 20.9.2021, p. 8.

    (15)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (16)  https://www.europarl.europa.eu/cmsdata/232164/revised_Agenda%20item%207_Clare%20Melford_GDI_Deck_EU-Ad-funded_Disinfo.pdf

    (17)  Persuna li tagħmel donazzjoni bi flus ħaddieħor lil partit politiku jew lil kandidat billi tuża isimha stess.

    (18)  Din il-lakuna tkopri żewġ realtajiet differenti: il-kumpaniji fittizji, li ma jwettqux attivitajiet kummerċjali reali u li mhuma xejn ħlief kanali għall-ħabi finanzjarju; u l-kumpaniji sussidjarji nazzjonali ta' kumpaniji omm barranin li jintużaw biex jgħaddu l-flus fil-politika.

    (19)  L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-partijiet terzi mhumiex meħtieġa jiżvelaw l-identità tad-donaturi tagħhom, iżda huma awtorizzati jiffinanzjaw il-partiti politiċi u l-kandidati f'diversi Stati Membri tal-UE.

    (20)  Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148, (COM(2020)0823).

    (21)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

    (22)  Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).

    (23)  https://www.coleurope.eu/events/official-inauguration-china-library

    (24)  https://www.chateaunantes.fr/en/expositions/mongole-son-of-the-sky-ans-steps-genghis-khan-and-the-birth-of-an-empire/

    (25)  Id-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bi kwalifiki għoljin, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE (ĠU L 382, 28.10.2021, p. 1).

    (26)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ%3AL%3A2019%3A129I%3ATOC

    (27)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:L:2020:410I:TOC

    (28)  ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.

    (29)  https://www.nato.int/cps/en/natohq/news_185000.htm

    (30)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).


    Top