EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0029

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar il-Bank Ċentrali Ewropew – rapport annwali 2021 (2021/2063(INI))

ĠU C 342, 6.9.2022, p. 35–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 342, 6.9.2022, p. 24–33 (GA)

6.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/35


P9_TA(2022)0029

Il-Bank Ċentrali Ewropew – rapport annwali 2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar il-Bank Ċentrali Ewropew – rapport annwali 2021 (2021/2063(INI))

(2022/C 342/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għas-sena 2020,

wara li kkunsidra l-“Feedback on the input provided by the European Parliament as part of its resolution on the ECB Annual Report 2019” (Feedback dwar il-kontribut tal-Parlament Ewropew mogħti bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2019) tal-BĊE,

wara li kkunsidra r-Rieżami tal-Istrateġija tal-BĊE li ġie varat fit-23 ta' Jannar 2020 u li ġie konkluż fit-8 ta' Lulju 2021,

wara li kkunsidra l-istrateġija ta' politika monetarja l-ġdida tal-BĊE ppubblikata fit-8 ta' Lulju 2021,

wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tal-BĊE u l-pjan direzzjonali tiegħu biex il-konsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima jkomplu jiġu inkorporati aktar fil-qafas ta' politika tiegħu, ippubblikati fit-8 ta' Lulju 2021,

wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 15 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 123, 125, 127(1) u (2), 130 u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra d-djalogi monetarji mal-President tal-BĊE, Christine Lagarde, tat-18 ta' Marzu, tal-21 ta' Ġunju, tas-27 ta' Settembru u tal-15 ta' Novembru 2021,

wara li kkunsidra l-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE għaż-żona tal-euro ppubblikati fid-9 ta' Settembru 2021,

wara li kkunsidra d-Dokumenti Okkażjonali tal-BĊE Nri 263 sa 280 ta' Settembru 2021 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-politika monetarja,

wara li kkunsidra s-“Survey on the Access to Finance of Enterprises (SAFE) in the euro area – October 2020 to March 2021” (Stħarriġ dwar l-Aċċess tal-Intrapriżi għall-Finanzjament (SAFE) fiż-żona tal-euro – Ottubru 2020 sa Marzu 2021) tal-BĊE, ippubblikat fl-1 ta' Ġunju 2021,

wara li kkunsidra r-rapport tal-BĊE dwar euro diġitali ppubblikat f'Ottubru 2020, ir-rapport tal-BĊE dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar euro diġitali ppubblikat f'April 2021, u l-proġett ta' euro diġitali tal-BĊE li ġie varat fl-14 ta' Lulju 2021,

wara li kkunsidra d-Dokument Okkażjonali Nru 201 tal-BĊE ta' Novembru 2017 bit-titolu “The use of cash by households in the euro area” (L-użu tal-flus kontanti mill-unitajiet domestiċi fiż-żona tal-euro),

wara li kkunsidra t-test tal-istress klimatiku imwettaq mill-BĊE għall-ekonomija kollha ta' Settembru 2021,

wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2021 ippubblikat fil-11 ta' Novembru 2021,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (2),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima,

wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar tisħin globali ta' 1,5 oC, dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u dwar l-oċeani u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel,

wara li kkunsidra r-rapport tan-Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS) bit-titolu “Adapting central bank operations to a hotter world: Reviewing some options” (Adattament tal-operazzjonijiet tal-banek ċentrali għal dinja aktar sħuna: Riezami ta' xi għażliet), ippubblikat fl-24 ta' Marzu 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 142(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0351/2021),

A.

billi, skont it-Tbassir Ekonomiku tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2021, fl-2020 il-PDG naqas b'5,9 % fl-UE u b'6,4 % fiż-żona tal-euro; billi l-PDG huwa mbassar li jikber b'5 % fl-2021 u b'4,3 % fl-2022 kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro, b'differenzjal sinifikanti fit-tkabbir li jippersistu bejn l-Istati Membri; billi l-inċertezza u r-riskji marbuta mal-perspettiva tat-tkabbir huma għoljin u jiddependu mill-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 u l-pass li bih il-provvista taġġusta għall-bidla rapida fid-domanda wara l-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija; billi l-ekonomija tal-UE b'mod ġenerali reġgħet kisbet il-livell ta' output tagħha ta' qabel il-pandemija fit-tielet kwart tal-2021, għalkemm il-pass tal-irkupru mhuwiex uniformi minn pajjiż għall-ieħor; billi l-livelli għoljin b'mod persistenti ta' inflazzjoni għadhom wieħed mill-akbar riskji ta' telf ta' valur għall-irkupru;

B.

billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE ta' Settembru 2021, il-PDG reali globali (eskluża ż-żona tal-euro) huwa previst li jiżdied b'6,3 % fl-2021, qabel ma jonqos għal 4,5 % fl-2022 u 3,7 % fl-2023; billi l-attività globali kienet diġà qabżet il-livell tagħha ta' qabel il-pandemija fl-aħħar tal-2020;

C.

billi, skont il-Eurostat, ir-rata tal-qgħad f'Settembru 2021 kienet ta' 6,7 % fl-UE u 7,4 % fiż-żona tal-euro, mifruxa b'mod irregolari madwar l-UE u fl-Istati Membri u r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nisa baqgħu ferm ogħla (15,9 % fl-UE u 16 % fiż-żona tal-euro u 7 % fl-UE u 7,7 % fiż-żona tal-euro, rispettivament); billi r-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata fl-UE;

D.

billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE ta' Settembru 2021, l-inflazzjoni annwali għaż-żona tal-euro fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) mistennija tkun ta' 2,2 % fl-2021 u mistennija tonqos għal 1,7 % fl-2022 u 1,5 % fl-2023 bħala medja; billi l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni juru varjazzjoni sostanzjali fiż-żona tal-euro; billi l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro telgħet għal 4,1 % f'Ottubru 2021, li tirrappreżenta l-ogħla livell f'għaxar snin; billi hemm tħassib dwar in-natura temporanja u tranżitorja tar-rati ogħla tal-inflazzjoni;

E.

billi, fi tmiem l-2020, id-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema kien laħaq l-ogħla livell tiegħu ta' EUR 6 979 324 miljun, żieda ta' kważi 50 % (EUR 2 306 233 miljun) meta mqabbel ma' tmiem l-2019, bħala riżultat tat-tielet serje ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati fuq terminu itwal (TLTRO III), u t-titoli mixtrija fl-ambitu tal-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija (PEPP) u l-Programm ta' Xiri ta' Assi (APP);

F.

billi l-profitt nett tal-BĊE għall-2020 ammonta għal EUR 1 643 miljun, meta mqabbel ma' EUR 2 366 miljun fl-2019; billi dan it-tnaqqis kien prinċipalment dovut għall-introjtu mill-imgħax nett aktar baxx fuq l-assi ta' riżerva barranija u fuq it-titoli miżmuma għal skopijiet ta' politika monetarja, b'mod partikolari t-tnaqqis sinifikanti ta' 50 % fl-introjtu mill-imgħax iġġenerat fil-portafoll tad-dollaru Amerikan, kif ukoll id-deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv li jittrasferixxi EUR 48 miljun għall-provvediment tal-BĊE għar-riskji finanzjarji;

G.

billi, mingħajr preġudizzju għall-għan ewlieni ta' stabbiltà fil-prezzijiet, il-BĊE għandu wkoll jappoġġja l-linji ta' politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni bil-għan li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-TUE;

H.

billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali, peress li jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE, jimpjegaw madwar 100 miljun ruħ, jammontaw għal aktar minn nofs il-PDG tal-UE u għandhom rwol ewlieni fiż-żieda tal-valur f'kull settur tal-ekonomija; billi l-SMEs intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19; billi żviluppi fil-perspettiva ekonomika ġenerali affettwaw b'mod ħażin l-aċċess tagħhom għall-finanzi; billi l-SMEs għalhekk jeħtieġu aktar appoġġ;

I.

billi l-BĊE, fil-mandat tiegħu, impenja ruħu li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; billi t-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità u l-konsegwenzi tagħhom jistgħu jxekklu l-effettività tal-politika monetarja, jaffettwaw it-tkabbir, u jżidu l-instabbiltà fil-prezzijiet u dik makroekonomika; billi, mingħajr miżuri b'saħħithom, l-impatt negattiv fuq il-PDG tal-UE jista' jkun sever;

J.

billi l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni jirrappreżentaw kważi kwart tan-nefqa tal-unitajiet domestiċi tal-EU-27; billi aktar minn żewġ terzi tal-popolazzjoni tal-UE huma s-sidien ta' darhom; billi l-prezzijiet tad-djar kienu soġġetti għal żieda qawwija ta' aktar minn 30 % f'dawn l-aħħar għaxar snin u l-kirjiet żdiedu bi kważi 15 % fl-UE;

K.

billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru Standard tax-Xitwa tal-2020-2021, ippublikat fit-23 ta' April 2021, sab li l-appoġġ pubbliku għall-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea b'munita unika waħda, jiġifieri l-euro, kien ta' 79 % fiż-żona tal-euro;

L.

billi tnejn biss mill-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma nisa; billi n-nisa għadhom sottorappreżentati fil-ġerarkija tal-BĊE;

Ħarsa ġenerali

1.

Jilqa' r-rwol tal-BĊE fis-salvagwardja tal-istabbiltà tal-euro; jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilita fit-Trattati, hija prerekwiżit għalih biex iwettaq il-mandat tiegħu; jenfasizza wkoll li din l-indipendenza ma għandhiex tinkiser, u li din għandha dejjem tkun ikkomplementata minn livell korrispondenti ta' obbligu ta' rendikont;

2.

Jilqa' r-Rieżami tal-Istrateġija tal-Politika Monetarja tal-BĊE adottat unanimament u mħabbar fit-8 ta' Lulju 2021, li jistabbilixxi kif jista' jinkiseb l-objettiv primarju li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet u jingħata kontribut għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni, li jinkludu tkabbir ekonomiku bbilanċjat u sostenibbli, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna mmirata lejn livell massimu ta' impjiegi u il-progress soċjali u l-konverġenza, u livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent, mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tal-istabbiltà tal-prezzijiet; jinnota li dan huwa l-ewwel rieżami tal-istrateġija fi 18-il sena; jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE, kif espressa wkoll mill-President Lagarde matul id-Djalogu Monetarju li sar fis-27 ta' Settembru 2021, li jivvaluta perjodikament l-adegwatezza tal-istrateġija tal-politika monetarja, filwaqt li l-valutazzjoni li jmiss mistennija ssir fl-2025, u b'hekk isaħħaħ ukoll is-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-pubbliku fil-politika monetarja;

3.

Jinsab imħasseb dwar il-kriżi tal-kura tas-saħħa, soċjali u ekonomika bla preċedent ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta' konteniment sussegwenti, li rriżultaw fi tnaqqis qawwi tal-ekonomija taż-żona tal-euro, speċjalment f'pajjiżi li kienu diġà vulnerabbli, żieda qawwija fl-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, u kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li qed jiddeterjoraw b'mod rapidu; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-SMEs; jilqa' l-miżuri estensivi ta' appoġġ pubbliku meħuda b'reazzjoni mill-UE; jinnota li l-attività ekonomika taż-żona tal-euro qed tirkupra aktar malajr milli kien mistenni, iżda l-veloċità, l-iskala u l-uniformità tal-irkupru għadhom inċerti;

4.

Jisħaq li t-tkabbir sostenibbli, ir-reżiljenza u l-istabbiltà tal-prezzijiet se jinkisbu permezz ta' reazzjoni komprensiva, inkluża taħlita kkalibrata ta' politika monetarja, politika fiskali ta' appoġġ u diskrezzjonarja u riformi u investimenti soċjalment ibbilanċjati u li jtejbu l-produttività; jappoġġja l-appell tal-President Lagarde għall-allinjament sħiħ tal-politika fiskali u dik monetarja fl-indirizzar determinat tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li jenfasizza l-indipendenza tal-BĊE;

5.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President tal-BĊE tal-10 ta' Ġunju 2021 li “pożizzjoni fiskali ambizzjuża u kkoordinata tibqa' kruċjali, peress li l-irtirar prematur tal-appoġġ fiskali jirriskja li jdgħajjef l-irkupru u jamplifika l-effetti ta' riperkussjonijiet fit-tul”; jirrikonoxxi l-importanza tal-politiki fiskali nazzjonali u dik Ewropea fl-għajnuna lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji li l-aktar li ntlaqtu ħażin mill-pandemija; jinnota r-rati differenti ta' rkupru fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro, li jistgħu jwasslu għal Ewropa b'veloċitajiet differenti wara li tkun intemmet il-pandemija; ifakkar li l-appoġġ fiskali u l-politika monetarja ma għandhomx jiddiżinċentivaw ir-riformi u l-investimenti mmirati lejn ir-riġenerazzjoni tal-ekonomija tal-UE, l-għoti ta' spinta lit-tkabbir sostenibbli u inklużiv, it-tħeġġiġ tat-tranżizzjoni ekoloġika u t-tisħiħ tal-awtonomija u l-kompetittività tal-Ewropa;

6.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President Lagarde li “kapaċità fiskali ċentrali tista' tgħin biex tiġi orjentata l-pożizzjoni tal-politika fiskali aggregata taż-żona tal-euro u tiġi żgurata taħlita ta' politika makroekonomika aktar xierqa” u li “riformi strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro huma importanti biex tingħata spinta lill-produttività u lill-potenzjal tat-tkabbir taż-żona tal-euro, jitnaqqas il-qgħad strutturali u tiżdied ir-reżiljenza”; jissottolinja l-importanza li tiġi pprovduta funzjoni ta' stabbilizzazzjoni kontroċiklika u li jiġi ffaċilitat appoġġ f'waqtu u adegwat f'każ ta' xokkijiet ekonomiċi kif ukoll il-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika; jissottolinja l-importanza tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-indirizzar tax-xokk ekonomiku u soċjali kkawżat mill-kriżi tal-COVID-19;

7.

Jilqa' l-fatt li d-dibattitu dwar il-futur tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE diġà beda;

Politika monetarja

8.

Jilqa' r-reazzjoni rapida u sostanzjali tal-politika monetarja tal-BĊE għall-kriżi tal-COVID-19 fil-kuntest ta' emerġenza; jirrikonoxxi l-impatt pożittiv ta' din ir-reazzjoni fuq is-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro, li tinkludi l-introduzzjoni tal-PEPP, l-illaxkar tal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-kollateral u l-offerta ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati fuq terminu itwal ikkalibrati mill-ġdid (TLTRO III), kif ukoll operazzjonijiet ta' rifinanzjament ta' emerġenza pandemika fuq terminu itwal (PELTROs); ifakkar fl-intenzjoni tal-BĊE li jsostni l-appoġġ tiegħu sakemm iqis li jkun meħtieġ biex jissodisfa l-mandat tiegħu; jilqa', barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-BĊE li jibqa' jżomm strumenti, bħal indikazzjonijiet għall-ġejjieni, xiri ta' assi u operazzjonijiet ta' rifinanzjament aktar fit-tul, bħala parti integrali mis-sett ta' għodod tiegħu; jistieden lill-BĊE jkompli jiżgura u jimmonitorja l-ħtieġa, l-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżuri tal-politika monetarja tiegħu;

9.

Jinnota d-deċiżjoni tal-BĊE li jżid id-daqs tal-PEPP mis-EUR 750 biljun inizjali għal EUR 1 850 biljun; jinnota li l-BĊE se jkompli jwettaq xiri nett ta' assi fl-ambitu tal-PEPP sakemm il-fażi tal-kriżi tal-COVID-19 tkun intemmet u fi kwalunkwe każ sa mill-inqas l-aħħar ta' Marzu 2022; jinnota li l-BĊE dan l-aħħar naqqas ir-ritmu tax-xiri nett ta' assi fl-ambitu tal-PEPP, abbażi tal-pożizzjoni tal-Kunsill Governattiv tiegħu li jistgħu jinżammu kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli b'pass moderatament aktar baxx; jenfasizza d-dikjarazzjoni tal-President Lagarde tal-10 ta' Ġunju 2021 li “kwalunkwe diskussjoni dwar il-ħruġ mill-PEPP […] tkun prematura, għadu kmieni wisq u tista' ssir fi żmien debitu”; jistieden lill-BĊE jkompli jixtri fl-ambitu tal-PEPP sakemm iqis li jkun meħtieġ biex jissodisfa l-mandat tiegħu; jinnota l-intenzjoni tal-BĊE li jeżamina aktar kalibrazzjoni tax-xiri ta' assi; jinnota wkoll id-dikjarazzjoni tal-President Lagarde li, anki wara t-tmiem mistenni tal-emerġenza pandemika, xorta se jkun importanti li l-politika monetarja, inkluża l-kalibrazzjoni xierqa tax-xiri ta' assi, tappoġġja l-irkupru fiż-żona tal-euro kollha u r-ritorn sostenibbli tal-inflazzjoni għall-mira ta' 2 %;

10.

Jinnota d-deċiżjoni tal-BĊE li jixtri b'mod flessibbli fl-ambitu tal-PEPP bil-ħsieb li jipprevjeni l-issikkar tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament li huwa inkonsistenti mal-isforzi tal-ġlieda kontra l-impatt negattiv tal-pandemija, filwaqt li jappoġġja t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja;

11.

Jinnota li x-xiri nett ta' assi fl-ambitu tal-APP qed ikompli birrata ta' EUR 20 biljun fix-xahar; jinnota wkoll li x-xiri fl-ambitu tal-APP se jkompli għaddej sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt akkomodanti tar-rati ta' politika tiegħu, u jintemm qabel ma jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin; ifakkar li l-APP, il-programm ta' qabel il-pandemija, se jibqa' operattiv b'pass kostanti;

12.

Jilqa' l-inklużjoni tal-bonds Griegi fil-PEPP; jinnota, madankollu, li dawn għadhom mhumiex eliġibbli fl-ambitu tal-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku (PSPP) minkejja l-progress sinifikanti li sar; jistieden lill-BĊE jivvaluta mill-ġdid l-eliġibbiltà tal-bonds Griegi fl-ambitu tal-PSPP u jipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi ferm qabel il-konklużjoni tal-PEPP għall-inklużjoni tagħhom fil-PSPP;

13.

Jinnota d-deċiżjoni tal-BĊE li jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija fl-ambitu tal-PEPP tal-inqas sal-aħħar tal-2024 u li jkompli jinvesti mill-ġdid, b'mod sħiħ, il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija fl-ambitu tal-APP għal perjodu estiż ta' żmien wara d-data meta jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta' likwidità favorevoli u grad għoli ta' akkomodazzjoni monetarja;

14.

Jinnota li l-ammont ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema żdied għal EUR 1 850 biljun fi tmiem l-2020, primarjament minħabba t-TLTRO III; jinnota, barra minn hekk, li l-maturità medja ponderata tal-operazzjonijiet pendenti ta' rifinanzjament tal-Eurosistema żdiedet għal madwar 2,4 snin fi tmiem l-2020;

15.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE li jkompli jipprovdi l-likwidità permezz tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tiegħu; jirrikonoxxi li l-finanzjament miksub permezz tat-TLTRO III għandu rwol kruċjali fl-appoġġ għaas-self bankarju lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi; jisħaq, madankollu, li f'xi każijiet huwa porzjon żgħir ħafna minn dawn l-injezzjonijiet ta' likwidità li żied is-self mill-banek lill-ekonomija reali, speċjalment lill-SMEs; jistieden lill-BĊE jiżgura li tali miżuri verament jiffaċilitaw il-finanzjament tal-ekonomija reali;

16.

Jinnota d-deċiżjoni tal-BĊE dwar mira ta' inflazzjoni simetrika ġdida ta' 2 % fuq terminu medju u l-impenn tiegħu li jżomm pożizzjoni ta' politika monetarja akkomodanti b'mod persistenti sabiex jilħaq il-mira ta' inflazzjoni tiegħu; jemmen li n-nuqqas ta' referenza aritmetika tikkomplika l-interpretazzjoni tad-devjazzjonijiet mill-mira; jinnota li l-orjentazzjoni fuq terminu medju tal-istrateġija tal-politika monetarja tippermetti devjazzjonijiet inevitabbli fuq terminu qasir tal-inflazzjoni mill-mira; jistieden lill-BĊE jirrifletti, jekk meħtieġ, dwar kif iż-żieda fl-inflazzjoni tista' taffettwa l-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu;

17.

Jinsab imħasseb dwar ir-rata ta' inflazzjoni fiż-żona tal-euro li laħqet l-ogħla livell f'għaxar snin ta' 5,1 % f'Jannar 2022, li tvarja minn 3,3 % għal 12,2 % fl-Istati Membri differenti, xprunata minn varjetà ta' fatturi bħall-effett bażi tal-prezzijiet tal-enerġija, il-konġestjonijiet fil-katina tal-provvista u l-irkupru wara reċessjoni drammatika; jisħaq li żidiet fl-inflazzjoni lil hinn mill-valur definit jistgħu jkunu partikolarment ta' ħsara għall-ifqar partijiet tal-popolazzjoni u jirriżultaw f'żieda fl-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali; ifakkar li l-inflazzjoni baqgħet ferm taħt il-mira ta' 2 % f'dawn l-aħħar għaxar snin; jistieden lill-BĊE jimmonitorja mill-qrib dawn ix-xejriet u l-konsegwenzi tagħhom u, jekk ikun meħtieġ, jieħu azzjoni biex jissalvagwardja l-istabbiltà tal-prezzijiet; itenni l-appell tal-President Lagarde biex il-politika monetarja tibqa' ffukata fuq li l-ekonomija tinħareġ mill-emerġenza pandemika b'mod sikur; jinnota li, skont l-Istħarriġ tal-Bassara Professjonisti tal-BĊE, l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fuq terminu medju għadhom ankrati sew mal-mira, filwaqt li xi miżuri bbażati fuq is-suq jimplikaw żieda żgħira fl-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fuq terminu medju;

18.

Iqis li l-BĊE jista' jeżamina strumenti alternattivi ta' politika monetarja li jistgħu jħeġġu l-investimenti pubbliċi u privati;

19.

Jinnota li l-aspettattiva tal-BĊE li r-rati tal-imgħax ewlenin se jibqgħu fil-livelli attwali jew f'livelli aktar baxxi sakemm jara li l-inflazzjoni tilħaq 2 % sew qabel tmiem l-orizzont ta' projezzjoni tiegħu u b'mod durabbli għall-bqija tal-orizzont ta' projezzjoni; jissottolinja li rati tal-imgħax baxxi jistgħu joffru opportunitajiet lill-konsumaturi, lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, lill-ħaddiema u lil min jissellef, li jistgħu jibbenefikaw minn momentum ekonomiku aktar b'saħħtu, livelli aktar baxxi ta' qgħad u kostijiet tas-self aktar baxxi; jinsab imħasseb, madankollu, dwar l-impatt potenzjali ta' rati tal-imgħax baxxi fuq l-għadd ta' negozji mhux vijabbli u b'dejn kbir, fuq l-inċentiv għat-tkabbir u r-riformi u l-investimenti li jsaħħu s-sostenibbiltà, u fuq is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-assigurazzjoni;

20.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE li jirrakkomanda l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali biex jiġu inklużi l-kostijiet relatati mad-djar okkupati mis-sidien fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) ħalli jirrappreżenta aħjar ir-rata ta' inflazzjoni li hija komparabbli u rilevanti għall-unitajiet domestiċi, peress l-kostijiet tal-akkomodazzjoni qed jiżdiedu kontinwament, u biex jitfasslu operazzjonijiet ta' politika monetarja informati aħjar; iqis, madankollu, li l-HICP fid-definizzjoni attwali tiegħu jirrifletti l-evoluzzjoni tan-nefqa reali li ssir mill-unitajiet domestiċi fuq beni jew servizzi; huwa tal-fehma li l-metodoloġiji li għandhom l-għan li jiżolaw il-komponent tal-investiment mill-komponent tal-konsum għandhom jiżguraw li l-impatt reali taż-żieda sinifikanti fil-prezz tad-djar fuq l-ispejjeż tal-konsumatur jinqabad b'mod adegwat; jirrikonoxxi li l-inklużjoni ta' dawn il-kostijiet hija proġett pluriennali; jisħaq li tali pass jista' jirriżulta f'żieda fl-indiċijiet tal-prezzijiet u, tal-inqas b'mod temporanju, iġib l-inflazzjoni 'l fuq mill-mira fuq terminu medju u b'hekk jitnaqqas l-ispazju ta' manuvrar tal-BĊE; jistieden lill-BĊE jħejji ruħu għal dawn ir-riskji u jindirizzahom b'mod effettiv;

21.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' aktar armonizzazzjoni tal-metodi għall-aġġustament tal-kwalità fl-HICP u ta' aktar trasparenza fir-rigward tal-aġġustament tal-kwalità fl-Istati Membri;

Azzjoni kontra t-tibdil fil-klima

22.

Ifakkar li l-BĊE, bħala istituzzjoni tal-UE, huwa marbut bl-impenji tal-UE fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li l-indirizzar determinat tal-emerġenza klimatika u tal-bijodiversità jirrikjedi li l-BĊE jieħu approċċ integrat li għandu jiġi rifless fil-politiki, fid-deċiżjonijiet u fl-operazzjonijiet kollha tiegħu, kif ukoll li jirrispetta l-mandat tiegħu li jappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni, speċifikament, f'dan il-każ, il-kisba ta' ekonomija newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050, kif deskritt fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima; iqis li l-BĊE jeħtieġ li juża l-għodod kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiġġieled u jimmitiga r-riskji relatati mal-klima;

23.

Iqis li ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet tista' tgħin biex jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;

24.

Jinnota l-ewwel test tal-istress klimatiku tal-BĊE għall-ekonomija kollha; jinnota li r-riżultati jindikaw li, mingħajr miżuri b'saħħithom, l-impatt negattiv fuq il-PDG tal-UE jista' jkun sever; jilqa', għalhekk, l-impenn tal-BĊE li jwettaq testijiet regolari tal-istress klimatiku, kemm għall-ekonomija kollha kif ukoll fil-livell tal-banek individwali;

25.

Jinnota l-fatt li l-BĊE se jiżviluppa indikaturi għall-esponiment tal-istituzzjonijiet finanzjarji għal riskji fiżiċi relatati mal-klima permezz tal-portafolli tagħhom, inklużi indikaturi tal-marka tal-karbonju, kif ukoll immudellar makroekonomiku u analiżijiet tax-xenarji biex ir-riskji klimatiċi jiġu integrati fil-mudelli tal-BĊE u jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq it-tkabbir potenzjali; jilqa' l-fatt li l-BĊE se jwettaq analiżijiet tax-xenarji tal-politiki ta' tranżizzjoni;

26.

Jilqa' l-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-BĊE u l-pjan direzzjonali dettaljat tiegħu ta' azzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima biex il-konsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima jkomplu jiġu inkorporati aktar fil-qafas u l-mudelli ta' politika tiegħu; jinnota, madankollu, l-enfasi tiegħu fuq ir-riskji relatati mal-klima u jenfasizza l-prinċipju tal-materjalità doppja li huwa fil-qalba tal-qafas tal-finanzi sostenibbli tal-UE;

27.

Jinnota li l-kunċett tan-newtralità tas-suq huwa relatat mal-prinċipju ta' “ekonomija tas-suq miftuħa b'kompetizzjoni libera”; jistieden lill-BĊE, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tiegħu, jindirizza l-fallimenti tas-suq u jiżgura l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi fuq perjodu ta' żmien twil, filwaqt li jibqa' kemm jista' jkun apolitiku u jirrispetta l-prinċipju tan-newtralità tas-suq; jinnota li l-BĊE diġà ddevja min-newtralità tas-suq f'diversi każijiet;

28.

Jilqa' l-fatt li x-xiri ta' bonds ekoloġiċi u s-sehem tagħhom fil-portafoll tal-BĊE qed ikomplu jiżdiedu; iqis li s-sehem tagħhom, madankollu, huwa partikolarment baxx meta jitqiesu l-ħtiġijiet tat-tranżizzjoni ekoloġika; jistieden lill-BĊE jħaffef il-ħidma tiegħu biex iżid is-sehem tal-bonds ekoloġiċi fil-portafoll tiegħu; jilqa' l-ħolqien ta' standard ta' bonds ekoloġiċi tal-UE u l-appoġġ tal-BĊE f'din il-kwistjoni; jinnota, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-BĊE li juża parti mill-portafoll tal-fondi tiegħu proprja biex jinvesti fil-fond ta' investiment f'bonds ekoloġiċi ddenominat f'euro għall-banek ċentrali (EUR BISIP G2); jistieden lill-BĊE biex, sadanittant, jeżamina l-effetti possibbli tal-bonds ekoloġiċi fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet;

29.

Jinnota li l-bonds bi strutturi ta' kupuni marbuta ma' ċerti miri ta' prestazzjoni tas-sostenibbiltà li jirreferu għal objettiv ambjentali wieħed jew aktar stabbiliti fir-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE (3) u/jew għal wieħed jew aktar mill-SDGs tan-NU relatati mat-tibdil fil-klima jew mad-degradazzjoni ambjentali saru eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2021 bħala kollateral għall-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema u għal xiri dirett tal-Eurosistema għal skopijiet ta' politika monetarja, dment li jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà l-oħrajn kollha;

30.

Jinnota li l-BĊE qed jieħu passi biex jinkorpora r-riskji relatati mal-klima fil-qafas tal-kollateral tiegħu iżda jwissi kontra d-dewmien fl-implimentazzjoni tiegħu; jilqa' l-impenn tal-BĊE li janalizza l-metodoloġiji u d-divulgazzjonijiet tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u jivvaluta kif dawn jinkorporaw ir-riskju tat-tibdil fil-klima fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fatt li l-BĊE jkompli jiddependi b'mod eċċessiv u esklużivament mill-aġenziji esterni privati ta' klassifikazzjoni tal-kreditu (CRAs) għall-valutazzjoni tar-riskju; jistieden lill-BĊE jespandi l-kapaċità interna tiegħu dwar il-valutazzjonijiet tar-riskji relatati mal-klima u mal-bijodiversità;

31.

Jinnota bi tħassib li xi programmi ta' rifinanzjament u ta' xiri ta' assi tal-BĊE kienu qed jappoġġjaw indirettament attivitajiet b'intensità tal-karbonju;

32.

Jilqa' l-fatt li l-BĊE qed iħejji biex jallinja l-programmi ta' xiri ta' assi korporattivi tiegħu mal-Ftehim ta' Pariġi, bil-ħsieb li titnaqqas l-intensità tal-karbonju tal-portafoll tiegħu, iżda jwissi kontra d-dewmien;

33.

Jistieden lill-BĊE biex, bħala membru tal-NGFS, jibni fuq id-disa' għażliet ivvalutati mill-NGFS għall-banek ċentrali ħalli jqisu r-riskji relatati mal-klima fil-qafas operazzjonali tagħhom dwar l-operazzjonijiet ta' kreditu, il-kollateral u x-xiri ta' assi; jistieden lill-BĊE jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu fil-qasam tat-tibdil fil-klima ma' networks internazzjonali lil hinn mill-NGFS ukoll, u jtejjeb id-djalogu mas-soċjetà ċivili, bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala mexxej globali fil-qasam tal-finanzi sostenibbli u l-azzjoni klimatika;

34.

Jilqa' l-isforzi tal-BĊE biex jimmonitorja u jnaqqas l-impronta ambjentali tiegħu; jilqa' l-ħolqien ta' ċentru għat-tibdil fil-klima biex jiġbor flimkien il-ħidma fuq kwistjonijiet klimatiċi f'partijiet differenti tal-BĊE; jistenna li l-BĊE jintensifika l-ħidma tiegħu biex jinkorpora b'mod effettiv il-konsiderazzjonijiet tal-klima fil-ħidma ta' rutina tiegħu;

Aspetti oħrajn

35.

Jissottolinja r-rwol ċentrali tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, tal-konverġenza ekonomika u soċjali u tal-impjiegi; jisħaq li l-MSMEs intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li wasslet għal deterjorament serju fil-fatturat ekonomiku u l-kompetittività tagħhom, fl-isforzi tagħhom biex jirnexxu fit-tranżizzjoni ekoloġika u fl-aċċess tagħhom għall-finanzjament; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu inkoraġġiti l-investimenti pubbliċi u privati fl-UE, u għalhekk jistieden lill-BĊE ikompli bl-isforzi tiegħu biex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-MSMEs;

36.

Jilqa' l-appoġġ dejjiemi tal-BĊE għat-tlestija rapida tal-unjoni bankarja, u jisħaq fuq ir-riskji kkawżati minn dewmien serju; jinnota l-appoġġ tal-BĊE għall-istabbiliment ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) sħiħa; jirrikonoxxi li l-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju huma interkonnessi u li l-iskemi ta' protezzjoni istituzzjonali għandhom rwol ewlieni fil-protezzjoni u l-istabbilizzar tal-istituzzjonijiet membri;

37.

Jinnota l-progress li sar s'issa fit-tnaqqis tas-self li ma jrendix (NPLs); jappella għall-introduzzjoni ta' protezzjoni legali adegwata mir-ripossessjoni għad-detenturi tal-ipoteki fil-livell tal-UE;

38.

Jistieden lill-BĊE jesplora modi kif isaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro; jinnota li l-fatt li l-euro jsir aktar attraenti bħala munita ta' riżerva se jkompli jsaħħaħ l-użu internazzjonali tiegħu u jżid il-kapaċità tal-UE li tfassal il-pożizzjoni politika tagħha b'mod indipendenti, element ewlieni fis-salvagwardja tas-sovranità ekonomika Ewropea; jisħaq li l-ħolqien ta' assi Ewropew sikur imfassal tajjeb jista' jiffaċilita l-integrazzjoni finanzjarja u jgħin biex jittaffew iċ-ċrieki vizzjużi bejn is-sovrani u s-setturi bankarji domestiċi; jissottolinja li t-tisħiħ tar-rwol tal-euro jirrikjedi l-approfondiment u t-tlestija għalkollox tal-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea;

39.

Jilqa' l-fatt li, fl-2020, l-għadd ta' karti tal-flus tal-euro foloz naqas għal-livell l-aktar baxx tiegħu mill-2003 (17-il parti għal kull miljun); jistieden lill-BĊE jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-kooperazzjoni tiegħu mal-Europol, l-Interpol u l-Kummissjoni Ewropea biex jintlaħaq dan l-għan; jistieden lill-BĊE, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Istati Membri, joħloq sistema biex jimmonitorja aħjar it-tranżazzjonijiet kbar bil-għan li jiġġieled lill-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

40.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE li jvara fażi ta' investigazzjoni ta' 24 xahar dwar proġett ta' euro diġitali; jistieden lill-BĊE jindirizza b'mod effettiv l-aspettattivi u t-tħassib imqajma matul il-konsultazzjoni pubblika dwar euro diġitali, li jinkludu tħassib dwar il-privatezza, is-sigurtà, l-aċċessibbiltà, il-kapaċità ta' ħlas fiż-żona tal-euro kollha, il-prevenzjoni ta' kostijiet addizzjonali u l-użabbiltà offline; jinnota li din il-fażi ta' investigazzjoni mhi se tippreġudika l-ebda deċiżjoni dwar il-ħruġ possibbli ta' euro diġitali; itenni li euro diġitali ma jikkostitwix kriptoassi; jirrimarka li euro diġitali għandu jippromwovi l-inklużjoni finanzjarja, u jrid jagħti lill-konsumaturi u lill-kumpaniji privatezza tad-data u sigurtà legali addizzjonali; jaqbel mal-BĊE li euro diġitali se jkollu għalhekk jissodisfa firxa ta' rekwiżiti minimi, fosthom ir-robustezza, is-sikurezza, l-effiċjenza u l-protezzjoni tal-privatezza; jistieden lill-BĊE jallinja mill-qrib u jaqsam informazzjoni regolarment mal-Parlament dwar il-progress li jsir matul il-fażi ta' investigazzjoni;

41.

Itenni t-tħassib qawwi tiegħu dwar ir-riskji maħluqa minn stablecoins privati għall-istabbiltà finanzjarja, il-politika monetarja u l-protezzjoni tal-konsumatur;

42.

Ifakkar li l-pagamenti fi flus kontanti huma mezz importanti ħafna ta' pagament għaċ-ċittadini tal-UE u ma għandhomx jitpoġġew fil-periklu minn euro diġitali; jinnota li l-għadd u l-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni żdiedu b'madwar 10 % fl-2020; jieħu nota tal-Istrateġija tal-Flus Kontanti 2030 tal-Eurosistema li għandha l-għan li tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji kollha taż-żona tal-euro jibqa' jkollhom aċċess tajjeb għas-servizzi tal-flus kontanti u li l-flus kontanti jibqgħu mezz ta' pagament ġeneralment aċċettat, filwaqt li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tat-tnaqqis tal-impronta ekoloġika tal-karti tal-flus tal-euro u l-iżvilupp ta' karti tal-flus innovattivi u siguri; jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fid-daqs tan-network tas-settur bankarju f'xi Stati Membri; iqis li tali prattiki jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet sinifikanti fuq l-aċċess ugwali għas-servizzi u l-prodotti finanzjarji essenzjali;

43.

Jisħaq li s-settur finanzjarju għaddej minn trasformazzjoni konsiderevoli mmexxija mill-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; jissottolinja li din it-trasformazzjoni toħloq riskji akbar ta' sfrattar estern bħal-attakki ċibernetiċi fuq is-settur finanzjarju u bankarju; jilqa' l-isforzi kontinwi tal-BĊE biex isaħħaħ il-kapaċitajiet ta' rispons u ta' rkupru tiegħu fil-każ ta' attakki ċibernetiċi f'konformità mal-politika Ewropea l-ġdida dwar id-difiża ċibernetika; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-interruzzjoni tas-servizz li affettwat serjament is-sistema TARGET2 u t-TARGET2 Securities fl-2020; jilqa' r-rieżami indipendenti ta' dawn l-inċidenti u jinnota li s-severità ta' għadd ta' sejbiet ġiet ikklassifikata bħala “għolja”; jilqa' l-aċċettazzjoni min-naħa tal-Eurosistema tal-konklużjonijiet ġenerali u l-impenn tagħha li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami; jistieden lill-BĊE jiżgura l-istabbiltà dejjiema ta' infrastruttura sensittiva bħas-sistema TARGET2, ikompli jsaħħaħ l-isforzi tiegħu fil-qasam taċ-ċibersigurtà u jkompli jippromwovi r-reżiljenza ċibernetika tal-infrastruttura tas-swieq finanzjarji;

44.

Jinnota d-diverġenza tal-bilanċi tat-TARGET2 fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali; jinnota li l-interpretazzjoni ta' dawn id-diverġenzi hija kkontestata;

45.

Jistieden lill-BĊE jiżgura bilanċ adegwat bejn li jingħata lok għal innovazzjoni finanzjarja regolatorja fil-qasam tal-FinTech u l-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja; jistieden ukoll lill-BĊE jintensifika l-monitoraġġ tiegħu tal-iżvilupp tal-kriptoassi sabiex jiġu pprevenuti effetti negattivi u riskji relatati f'dawk li huma stabbiltà finanzjarja, politika monetarja u l-funzjonament u s-sikurezza tal-infrastrutturi tas-suq u l-pagamenti; jisħaq li l-iżvilupp ta' kriptoassi jista’ jimponi tħassib addizzjonali f'termini taċ-ċibersigurtà, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħrajn relatati mal-anonimità pprovduta mill-kriptoassi; jinnota li dawn ir-riskji jistgħu jittaffew permezz ta' leġiżlazzjoni xierqa, bħar-regolament li jmiss dwar is-swieq tal-kriptoassi (MiCA): jieħu nota tal-intenzjoni tal-BĊE li jiżviluppa u jimplimenta rispons ta' politika biex itaffi l-impatt negattiv potenzjali tal-istablecoins fuq il-pagamenti u x-xenarju finanzjarju tal-UE;

46.

Ifakkar fl-appoġġ tal-BĊE għall-implimentazzjoni ta' Basel III, peress li dan inaqqas ir-riskju ta' kriżi bankarja u b'hekk isaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja fl-UE;

47.

Jinsab imħasseb dwar il-klawżoli u l-prattiki inġusti użati mis-settur bankarju fil-kuntratti tal-konsumatur f'ċerti Stati Membri u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni effettiva u rapida mill-Istati Membri kollha tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f'kuntratti tal-konsumaturi (4); jistieden lill-BĊE jikkontribwixxi b'mod attiv għal dan billi juża l-mezzi kollha li għandu għad-disponibbli tiegħu, bil-ħsieb li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta;

48.

Jinnota li l-Bulgarija u l-Kroazja ngħaqdu mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) fl-2020 u b'hekk saru l-ewwel pajjiżi barra ż-żona tal-euro li pparteċipaw fis-superviżjoni bankarja Ewropea; jinnota r-rappreżentanza ugwali tal-banek nazzjonali tagħhom fuq il-Bord Superviżorju tal-BĊE; jinnota wkoll l-inklużjoni tal-lev Bulgaru u tal-kuna Kroata fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II) bħala waħda mill-prekundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro;

49.

Jilqa' l-isforzi tal-BĊE biex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji għall-kontinġenzi u l-konsegwenzi negattivi possibbli kollha relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, b'mod partikolari għar-reġjuni u l-pajjiżi affettwati b'mod aktar dirett;

Trasparenza, obbligu ta' rendikont u ugwaljanza bejn il-ġeneri

50.

Jilqa' l-feedback sostanzjali u dettaljat mogħti mill-BĊE rigward ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2019; jistieden lill-BĊE jkompli b'dan l-impenn favur l-obbligu ta' rendikont u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE kull sena;

51.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-arranġamenti ta' obbligu ta' rendikont u trasparenza tal-BĊE; jinsisti fuq l-appell tiegħu biex il-BĊE jieħu azzjoni rapida billi jvara negozjati dwar ftehim interistituzzjonali formali mill-aktar fis possibbli, u b'hekk jiżgura li l-indipendenza tiegħu timxi id f'id mal-obbligu ta' rendikont tiegħu; jistieden lill-BĊE jżid il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u jsaħħaħ it-trasparenza fil-konfront tal-Parlament u s-soċjetà ċivili billi jippubblika rapporti bil-lingwi kollha tal-UE u permezz tal-inizjattiva “ECB Listens”;

52.

Jinnota r-regoli eżistenti tal-persunal tal-BĊE dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali tal-persunal u jinkoraġġixxi l-applikazzjoni wiesgħa tar-regoli tal-persunal; jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-BĊE, bħall-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta uniku għall-uffiċjali tal-BĊE ta' livell għoli u d-deċiżjoni li jiġu ppubblikati l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika indirizzati lill-membri attwali tal-Bord Eżekuttiv, il-Kunsill Governattiv u l-Bord Superviżorju li nħarġu mid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta' Kondotta uniku;

53.

Jilqa' l-pubblikazzjoni mill-BĊE tal-parteċipazzjonijiet aggregati b'kost amortizzat fl-ambitu tal-programmi ta' xiri għal titoli garantiti b'assi (ABSPP) u bonds koperti (CBPP3) u d-diżaggregazzjonijiet tal-parteċipazzjonijiet mixtrija fi swieq primarji u sekondarji, kif ukoll l-istatistika aggregata tal-parteċipazzjonijiet għal dawn il-programmi;

54.

Jilqa' d-divulgazzjoni mill-BĊE tal-profitti sħaħ magħmula mill-Eurosistema permezz tal-programm tas-swieq tat-titoli (SMP) u tal-parteċipazzjonijiet totali tal-SMP tal-Eurosistema mill-pajjiż emittent (l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, l-Italja u l-Portugall); jistieden lill-Istati Membri jsegwu dan l-eżempju fir-rigward tal-ftehimiet dwar l-assi finanzjarji netti (ANFAs);

55.

Itenni l-appell tiegħu lill-BĊE biex jiżgura l-indipendenza tal-membri tal-Kumitat tal-Awditjar tiegħu, kif ukoll tal-Kumitat tal-Etika tiegħu; iħeġġeġ lill-BĊE jirrieżamina l-funzjonament tal-Kumitat tal-Etika sabiex jiġu pprevenuti l-kunflitti ta' interess; jistieden lill-BĊE jirrieżamina l-perjodu ta' rtirar tiegħu għall-membri li jkunu ħerġin;

56.

Jinnota l-fatt li aktar minn 90 % tal-membri tal-gruppi konsultattivi tal-BĊE huma mis-settur privat, li jista' jirriżulta fi preġudizzju, kunflitt ta' interess u kkapparrar tar-regolatur fil-proċess tat-tfassil tal-politika;

57.

Jilqa' t-tisħiħ tal-qafas intern tal-BĊE dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jistieden lill-BĊE jiżgura l-integrità u l-effiċjenza tal-għodda interna l-ġdida sabiex jiffaċilita rappurtar verament sempliċi u sigur ta' ksur potenzjali tad-dmirijiet professjonali, imġiba mhux xierqa jew irregolaritajiet oħrajn, u li l-informaturi u x-xhieda jingħataw protezzjoni effettiva, kif stabbilit fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi tal-UE (5);

58.

Jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi mill-BĊE biex itejjeb il-komunikazzjoni mal-Parlament; jaqbel, barra minn hekk, mal-President Lagarde li l-BĊE għandu jimmodernizza l-komunikazzjoni tiegħu maċ-ċittadini dwar il-politiki tiegħu u l-impatt tagħhom; jinnota li stħarriġ rilevanti tal-Ewrobarometru jindika li 40 % biss tar-rispondenti miż-żona tal-euro għandhom it-tendenza li jafdaw lill-BĊE; jistieden lill-BĊE jkompli jinvolvi ruħu fi djalogu kostruttiv maċ-ċittadini biex jispjega d-deċiżjonijiet tiegħu u jisma' t-tħassib taċ-ċittadini; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tħabbira tal-President Lagarde waqt id-Djalogu Monetarju li sar fis-27 ta' Settembru 2021 tad-deċiżjoni li l-avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni jsiru karatteristika strutturali tal-interazzjoni tal-BĊE mal-pubbliku;

59.

Jinnota d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar l-involviment tal-President tal-BĊE u tal-membri tal-korpi deċiżjonali tiegħu fil-“Grupp tat-Tletin” (Każ 1697/2016/ANA) sabiex jiżgura trasparenza sħiħa u fiduċja pubblika fl-indipendenza tal-BĊE;

60.

Jiddispjaċih u jesprimi tħassib qawwi li tnejn biss mill-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u tnejn biss mill-25 membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma nisa; itenni li n-nomini tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jitħejjew bir-reqqa u jieħdu approċċ ta' bilanċ bejn il-ġeneri, bi trasparenza sħiħa u flimkien mal-Parlament, f'konformità mat-Trattati; ifakkar li f'konformità mal-paragrafu 4 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE, il-Parlament huwa impenjat li ma jqisx il-listi mqassra li ma jirrispettawx il-prinċipju tal-bilanċ bejn il-ġeneri; iħeġġeġ lill-BĊE jkompli jagħmel progress f'dan ir-rigward; jistieden lill-pajjiżi membri taż-żona tal-euro jinkorporaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċessi tal-ħatra tagħhom u jiżguraw opportunitajiet indaqs għall-ġeneri kollha għall-pożizzjoni ta' gvernatur tal-banek ċentrali nazzjonali tagħhom;

61.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-iżbilanċ bejn il-ġeneri jippersisti wkoll fl-istruttura organizzattiva tal-BĊE, b'mod partikolari fis-sehem tan-nisa fil-karigi maniġerjali għoljin; jinnota li, fi tmiem l-2019, is-sehem tan-nisa fil-pożizzjonijiet maniġerjali kollha tal-BĊE żdied għal 30,3 % u fil-pożizzjonijiet maniġerjali għoljin tiegħu għal 30,8 %; jistieden lill-BĊE jieħu azzjoni ulterjuri; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istrateġija l-ġdida tal-BĊE biex itejjeb aktar il-bilanċ bejn il-ġeneri tal-persunal tiegħu fil-livelli kollha, inkluż l-objettiv li jiġu reklutati nisa biex jimlew mill-inqas nofs il-pożizzjonijiet ġodda u miftuħa tiegħu fil-livelli kollha u l-mira li s-sehem tan-nisa fil-livelli differenti jiżdied għal bejn 40 % u 51 % sal-2026; jistieden lill-BĊE jkompli jinċentiva aktar il-parteċipazzjoni tan-nisa u jippromwovi b'mod attiv rappreżentanza tal-ġeneri aktar ibbilanċjata fil-pożizzjonijiet kollha tiegħu fil-ġerarkija organizzattiva kollha kemm hi;

o

o o

62.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 105.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2021)0277.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti tal-konsumaturi (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).


Top