Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IE3571

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Investimenti abbażi tal-ġeneru fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2022/03571

    ĠU C 100, 16.3.2023, p. 8–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 100/8


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Investimenti abbażi tal-ġeneru fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2023/C 100/02)

    Relatur:

    Cinzia DEL RIO

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    20.1.2022

    Bażi legali

    Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    8.11.2022

    Adozzjoni fil-plenarja

    14.12.2022

    Sessjoni plenarja Nru

    574

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    163/5/14

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jtenni li hija biss konverġenza ekonomika u soċjali akbar u aħjar fl-Unjoni Ewropea li tista’ tgħin biex tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs billi tiffoka fuq azzjonijiet u strateġiji f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    1.2.

    Il-KESE jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza – RRPs – tfasslu mill-Istati Membri mingħajr valutazzjoni ex ante tal-impatt tal-investimenti individwali biex jitneħħew l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u jiġi ffaċilitat l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u ż-żamma tagħhom fih. Għadd żgħir biss ta’ Stati ħadu approċċ strateġiku permezz ta’ miżuri u riformi speċifiċi u trażversali fis-sitt assi ta’ investiment fl-ambitu tal-RRPs. Il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni Ewropea hija fil-fatt ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt tal-prestazzjoni tal-miżuri implimentati. Għal dan l-għan, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta indikaturi speċifiċi komparabbli fl-istadju tal-valutazzjoni biex tkejjel it-titjib fil-pagi ugwali, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tal-kura, u l-promozzjoni tal-intraprenditorija awtonoma tan-nisa.

    1.3.

    Fost il-miżuri inklużi fl-RRPs hemm azzjonijiet diretti u indiretti, b’impatti differenti fuq terminu qasir jew medju sa twil, biex jinkoraġġixxu l-aċċess tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u għaż-żamma tagħhom fiha, iżda f’kuntest frammentat u mhux omoġenu bejn il-pajjiżi. Il-KESE jqis li hija prijorità li, meta l-RRPs jiġu implimentati, jiżdiedu kemm il-miżuri diretti kif ukoll dawk indiretti. Dan se jirrikjedi mezzi ta’ investiment ċari u dejjiema b’ippjanar tar-riżorsi anke fuq terminu medju sa twil.

    1.4.

    Fost l-azzjonijiet diretti għall-promozzjoni tax-xogħol tan-nisa, il-KESE jemmen li l-inċentivi għall-ħolqien ta’ xogħlijiet stabbli u ta’ kwalità għan-nisa għandhom jingħataw preferenza minn inċentivi okkażjonali oħra u għandhom jiġu esklużi mill-mappa tal-għajnuna mill-Istat.

    1.5.

    Il-KESE jappella sabiex il-klawżola tal-ippremjar għal kumpaniji li jippromovu x-xogħol tan-nisa tissaħħaħ billi tiġi estiża għall-proġetti kollha tal-akkwist pubbliku u li s-sejħiet pubbliċi għall-offerti jiġu rregolati għall-korpi ta’ implimentazzjoni b’indikazzjoni espliċita tal-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

    1.6.

    Il-KESE jilqa’ l-miżuri ta’ sostenn u appoġġ għall-intraprenditorija awtonoma previsti f’xi pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u jittama li l-appoġġ ikopri wkoll it-taħriġ finanzjarju u maniġerjali u l-aċċess għall-istrumenti finanzjarji.

    1.7.

    Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-KESE jqis li huwa importanti li, fl-implimentazzjoni tal-RRPs, tittieħed azzjoni fil-qasam tat-taxxa billi t-tieni sors ta’ dħul għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, u l-introjtu ta’ unitajiet domestiċi ifqar b’ġenitur wieħed, jinħelsu mit-taxxa.

    1.8.

    L-azzjonijiet indiretti fl-RRPs jinkludu investiment fis-servizzi tal-indukrar tat-tfal u tal-kura. Il-KESE jqis li hija prijorità li jiġu investiti riżorsi f’servizzi ta’ konċiljazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol u tal-kura fit-tul biex jiġu implimentati servizzi addizzjonali u biex dawn is-servizzi jsiru aċċessibbli għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx.

    1.9.

    Il-KESE jemmen li ma jistgħux jibqgħu jiġu posposti l-investimenti speċifiċi biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-perjodu medju u twil fl-istituti tekniċi u xjentifiċi u fil-korsijiet universitarji tekniċi u xjentifiċi (STEM), li jistgħu jippromovu l-impjieg tan-nisa anke f’setturi li bħalissa huma prinċipalment iddominati mill-irġiel.

    1.10.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-RRPs jiġu pprogrammati b’mod koordinat u komplementari mar-riżorsi u l-programmi l-oħra kollha tal-Komunità, jiġifieri mir-riżorsi u l-programmi ta’ koeżjoni u ż-żoni rurali. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tas-Semestru Ewropew b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandha tqis dawn l-objettivi minn perspettiva tal-ġeneru b’indikaturi ġodda trasparenti u aċċessibbli, li huma komparabbli bejn il-pajjiżi u mqassma skont il-ġeneru.

    1.11.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika jsir obbligatorju fil-fażi tas-Semestru Ewropew.

    1.12.

    Id-data disponibbli turi li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu involuti b’mod modest u okkażjonali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Il-KESE jirrakkomanda l-involviment sħiħ tagħhom fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-RRPs kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali u lokali.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    Din l-Opinjoni għandha l-għan li tenfasizza r-riformi u l-investimenti li għandhom impatt fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri previsti mill-Istati Membri fl-RRPs, abbażi tal-informazzjoni disponibbli li tiġi aġġornata wkoll mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew (PE) u mill-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Ta’ min jinnota li l-EIGE (Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi) qed iwettaq studju dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-irkupru mill-COVID-19 għall-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-UE fl-2023 (1) dwar il-miżuri previsti fl-RRPs b’approċċ li jqis il-ġeneru fl-istadji kollha tiegħu, mill-programmazzjoni sal-implimentazzjoni u l-valutazzjoni, u sakemm l-Istati Membri qiesu l-ugwaljanza bħala lieva għall-irkupru.

    2.2.

    Fil-21 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu, adotta l-pjan Next Generation EU flimkien mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 (QFP 2021-2027). Il-QFP u n-Next Generation EU jinkludu fost l-objettivi tagħhom il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs billi jiżguraw li l-attivitajiet u l-azzjonijiet tal-programmi u l-istrumenti rilevanti jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru u li jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-kisba tal-ugwaljanza, f’konformità mal-istrateġija Ewropea.

    2.3.

    Permezz tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), tiġi stabbilita l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandha l-għan li tappoġġja l-irkupru ta’ wara l-pandemija, tippromovi l-koeżjoni u tinvesti fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Ir-Regolament jiddikjara b’mod espliċitu li l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-KESE jaqbel mar-Regolament dwar l-importanza ta’ miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, peress li huwa konformi mal-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    2.4.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021 (SAT 2021) tas-17 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni ddeskriviet il-linji gwida tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jistiednu lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi żvantaġġati, lin-nisa u liż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol, filwaqt li joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità.

    2.5.

    Ir-Regolament Delegat (UE) tat-28 ta’ Settembru 2021 jistabbilixxi l-indikaturi komuni u l-elementi dettaljati tal-qafas ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza bl-identifikazzjoni ta’ 14-il indikatur. Mill-indikaturi identifikati, erbgħa biss għandhom klassifikazzjoni speċifika għall-ġeneru (3). Pereżempju, ma hemm l-ebda tqassim skont il-ġeneru fl-indikaturi 6 u 9 għal negozji mmexxija min-nisa li jibbenefikaw minn appoġġ.

    2.6.

    Il-gwerra fl-Ukrajna, bħala riżultat tal-aggressjoni Russa, evidenzjat tnaqqis sinifikanti bi prospetti ta’ tkabbir ikkaratterizzati minn inċertezza, b’mod partikolari, b’rabta mal-provvista tar-riżorsi tal-enerġija u l-kostijiet li qed jiżdiedu, fatturi li jinfluwenzaw l-allokazzjoni tan-nefqa u l-investiment fil-baġits nazzjonali. Din l-inċertezza se jkollha wkoll impatt fuq l-implimentazzjoni tal-RRPs.

    2.7.

    Id-dinja tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi qed joħorġu mill-kriżi billi jħarsu lejn irkupru ekonomiku u soċjali fit-tul, li fuqu huma bbażati l-RRPs, li ma jistgħux jinjoraw l-adozzjoni ta’ qafas orjentat lejn il-ġeneri biex jiġu indirizzati u megħluba l-inugwaljanzi u d-disparitajiet bejn il-ġeneri li l-kriżi tal-COVID-19 sfortunatament amplifikat f’xi setturi produttivi, gruppi tal-popolazzjoni u f’xi realtajiet territorjali (4).

    3.   L-isfond, it-tħejjija tal-finanzjament u r-riżorsi allokati fl-RRPs

    3.1.

    F’Lulju li għadda, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ rieżami dwar l-implimentazzjoni tal-iskema, li jindirizza wkoll l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri (5). Ir-rapport jispjega s-sitwazzjoni attwali tal-kontributi riċevuti mill-Istati Membri abbażi tal-RRPs li ppreżentaw, li jistabbilixxi l-prijoritajiet fil-mira tal-25 RRP analizzati abbażi tas-sitt pilastri ta’ azzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (6).

    3.2.

    Il-biċċa l-kbira tal-miżuri proposti mill-Istati Membri għandhom objettivi trażversali u mhux neċessarjament immirati speċifikament lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Mill-129 miżura proposti, bħalissa bdew investimenti biss fi 13 minnhom. Mhux l-Istati Membri kollha pprovdew riformi u riżorsi li jimmiraw b’mod espliċitu għall-isfidi relatati mal-ġeneru jew li jindikaw lin-nisa bħala benefiċjarji. Il-miżuri innovattivi f’setturi b’livell baxx ta’ impjiegi fost in-nisa huma dgħajfa wkoll (7). Ħafna minnhom huma kkonċentrati fis-servizzi għall-indukrar tat-tfal, fil-kura u fl-edukazzjoni. Ir-rapport tal-Kummissjoni juri li l-RRPs, li jipprevedu approċċ strateġiku permezz ta’ miżuri u riformi mmirati lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jinsabu fi ftit pajjiżi biss.

    3.3.

    Stati Membri oħra ppreferew ċerti assi, bħal miżuri għall-koeżjoni soċjali u territorjali, b’enfasi fuq l-opportunitajiet indaqs, li ta’ spiss jassorbu wkoll l-objettiv ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri; jew miżuri mmirati lejn gruppi vulnerabbli, li ta’ spiss jinkludu n-nisa u ż-żgħażagħ. Fl-aħħar nett, il-miżuri li jakkumpanjaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali b’enfasi fuq it-taħriġ, li jara lin-nisa, f’xi pajjiżi, għadhom lura meta mqabbla mal-aċċess ugwali għall-programmi ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid. Ta’ min jinnota li l-parti l-kbira tal-Istati Membri ma identifikawx il-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala waħda mill-isfidi fil-qafas ta’ miżuri li jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-RRPs.

    3.4.

    L-RRPs inbnew b’valutazzjoni ex ante fil-livell nazzjonali tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, b’mod ġenerali bi prijoritajiet ta’ nefqa diġà stabbiliti li ma qisux id-dimensjoni tal-ġeneru kemm f’termini ta’ riżorsi allokati kif ukoll billi eżaminaw il-kontenut tal-proġetti ta’ investiment ippreżentati. Il-proposta oriġinali għal Regolament dwar l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Kummissjoni ma inkludiet l-ebda referenza għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv u ma semmietx lin-nisa bħala mira speċifika tal-benefiċjarji. Sussegwentement biss, abbażi tal-pressjonijiet tas-sħubija ekonomika u soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ġiet introdotta dimensjoni tal-ġeneru fl-RRPs fir-regolament ippubblikat fi Frar 2021. Din hija wkoll ir-raġuni għaliex id-dimensjoni tal-ġeneru u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru mhumiex preżenti fl-RRPs kollha, iżda biss f’dawk li oriġinarjament kienu stabbilew kwalità ta’ nfiq u investiment orjentata lejn il-ġeneru.

    3.5.

    Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tirrikjedi li l-Istati Membri jindikaw kif l-RRPs jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, iżda l-valutazzjoni tal-impatt se ssir biss meta titqies il-prestazzjoni tal-azzjonijiet meħuda. Għalhekk huwa importanti li l-Kummissjoni tkejjel l-effettività tal-azzjonijiet u l-investimenti ppjanati fl-istadju tal-valutazzjoni billi tinvolvi l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bl-użu ta’ indikaturi speċifiċi komparabbli. Id-data miġbura sa issa ma tirriflettix is-sitwazzjoni reali fil-livell nazzjonali. Għalhekk, illum huwa diffiċli li wieħed jgħid x’inhu l-impatt ta’ xi miżuri biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri, speċjalment id-diskriminazzjoni trażversali, fuq is-sitt pilastri.

    3.6.

    Mir-riżorsi allokati għall-RRPs, illum mhuwiex possibbli li jkun hemm stampa ċara tal-investimenti appoġġjati mhux biss mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, iżda wkoll minn riżorsi pubbliċi u privati nazzjonali komplementari mmirati esklużivament lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-diversi oqsma tax-xogħol u tas-soċjetà. Il-kwantifikazzjoni tar-riżorsi allokati se tkun possibbli biss fl-istadju tal-implimentazzjoni.

    3.7.

    Madankollu, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar miżuri speċifiċi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-RRPs, il-perċentwal ta’ azzjonijiet ivarja ħafna, minn 11 % allokat mill-Iżvezja sa inqas minn 1 % mill-Kroazja, b’diversi pajjiżi taħt it-2 %. Madankollu, jenħtieġ li jitqies ukoll l-impatt tal-miżuri indiretti stabbiliti fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u l-miżuri diretti u indiretti ppjanati bir-riżorsi tal-Komunità tan-NextGenerationEU, li jissupplimentaw l-RRPS, bħal REACT-EU u l-FAEŻR (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali).

    3.8.

    Skont ir-rapport tal-Kummissjoni u skont l-ewwel informazzjoni miġbura mill-EIGE, l-istampa li toħroġ hija frammentata u irregolari bejn il-pajjiżi. Mhux il-pajjiżi kollha għandhom data diżaggregata skont il-ġeneru, minkejja li din intalbet mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tirrapporta regolarment u puntwalment dwar in-nefqa relatata mal-ġeneru fl-RRPs abbażi ta’ xi elementi komuni.

    3.9.

    Peress li mhijiex disponibbli analiżi fil-fond tal-ġeneru ex ante mill-Istati Membri kollha tal-RRPs, ma hemm l-ebda valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri fuq ix-xogħol addizzjonali u ta’ kwalità u fuq ix-xogħol bi kwalifiki għoljin. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri tqieset bħala prinċipju ġenerali trażversali minn 14-il pajjiż (8); Spanja biss indikat il-kriterju tal-integrazzjoni tal-ġeneri fl-RRP kollu. L-Italja introduċiet miżuri speċifiċi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u elaborat l-impatt tal-miżuri anke f’termini ta’ żieda fl-impjiegi, iżda għad hemm tħassib dwar l-effettività reali tagħhom u l-kwalità tal-interventi (9). F’pajjiżi oħra, ġew previsti miżuri indiretti biex jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħall-investiment fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-investiment fis-servizzi tal-kura, l-inċentiv għat-taħriġ STEM, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ. Dawn se jkollhom impatt fuq terminu medju sa twil iżda li llum ma jistgħux jiġu kkwantifikati. Minbarra dawn l-investimenti, xi Stati Membri pprevedew miżuri diretti bħal inċentivi għar-reklutaġġ u inċentivi għall-intraprenditorija femminili.

    3.10.

    Ingħatat attenzjoni partikolari minn xi pajjiżi għall-akkwist skont il-ġeneru (10) b’miżuri ta’ kundizzjonalità għar-reklutaġġ ta’ nisa u żgħażagħ f’kuntratti pubbliċi konklużi b’riżorsi tal-RRP. Ikun mixtieq li jiġu rregolati s-sejħiet pubbliċi għall-offerti għall-entitajiet ta’ implimentazzjoni b’indikazzjoni espliċita tal-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

    3.11.

    L-RRPs innovattivi f’dan il-qasam jinkludu, pereżempju, l-RRPs ta’ Spanja, l-Italja u Franza. L-RRP Spanjol wettaq impenn sinifikanti billi stabbilixxa li l-proċeduri amministrattivi pubbliċi kollha għandu jkollhom perspettiva tal-ġeneru. L-RRP Taljan introduċa linji gwida dwar l-opportunitajiet indaqs fil-kuntratti ffinanzjati mill-RRP, li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ premjazzjoni u mudelli ta’ klawżoli fi ħdan is-sejħiet għall-offerti, differenzjati skont is-settur, it-tip u n-natura tal-proġett, bl-obbligu li jiġu riżervati 30 % tar-reklutaġġ għall-implimentazzjoni tal-kuntratti għaż-żgħażagħ taħt is-36 sena u għan-nisa, kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri mill-kumpaniji. L-RRP Franċiż, min-naħa l-oħra, stabbilixxa l-introduzzjoni ta’ indikaturi ġodda għall-kumpaniji biex jikkalkulaw l-ugwaljanza professjonali u l-progressjoni permezz ta’ pjan ta’ azzjoni, filwaqt li l-RRPs Irlandiżi u Kroati jagħtu premjijiet ta’ finanzjament lill-kumpaniji li jużaw il-kriterji dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri (11).

    3.12.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2022 jenfasizza li d-diskussjonijiet mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul it-tħejjija tal-RRP kienu deċiżament modesti u okkażjonali. L-atturi soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili esprimew tħassib serju dwar il-parteċipazzjoni fil-fażi ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ tal-azzjonijiet. B’mod partikolari, l-esperti dwar il-ġeneru jinnotaw (12) li, mingħajr data affidabbli, komparabbli u mmirata, diżaggregata skont il-ġeneru, iżda fuq kollox ta’ kwalità u li tkopri oqsma u setturi differenti, se jkun diffiċli li jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fil-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs jiġu involuti aktar mill-qrib kemm mill-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll mill-istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali fl-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-RRPs.

    4.   Valutazzjonijiet tal-kuntest tal-RRPs

    4.1.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi implimentata l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, li tpoġġi l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fost is-17-il objettiv, flimkien mal-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2020-2025 (13) fil-kuntest tal-parteċipazzjoni ugwali fis-setturi ekonomiċi varji u d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel.

    4.2.

    L-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tinkludi politiki u azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u inugwaljanza, inkluż fir-rigward tal-komunità LGBTIQ (14), u trid tkun punt ta’ referenza għall-implimentazzjoni tal-RRPs. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati azzjonijiet ewlenin, kondiviżi mal-partijiet kollha, li għandhom l-għan jiżguraw parteċipazzjoni u opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, inaqqsu d-differenza fil-pagi għal rwoli ugwali u n-nuqqas ta’ aċċess għal pożizzjonijiet maniġerjali superjuri, u jiksbu bilanċ bejn il-ġeneri fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u fil-politika. Il-KESE jappella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapidi tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi (15) – li tistabbilixxi strumenti u azzjonijiet fil-livell nazzjonali biex jiġi indirizzat u eliminat id-distakk – u jappella għal monitoraġġ mill-qrib tal-kawżi u r-responsabbiltajiet.

    4.3.

    L-objettiv ta’ parteċipazzjoni aħjar tan-nisa fis-suq tax-xogħol għandu jiġi indirizzat b’mod strutturali u komprensiv, billi jitqiesu l-varjabbli ekonomiċi, edukattivi, ġeografiċi, soċjali u kulturali, inkluż fiż-żoni remoti u rurali. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed approċċ integrat, billi jiġi sistemizzat il-kontribut tal-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali kollha b’mekkaniżmi effettivi ta’ djalogu soċjali mal-atturi kollha u f’diversi livelli.

    4.4.

    Sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, il-KESE jinnota l-ħtieġa urġenti li l-Istati Membri kollha jimplimentaw malajr kemm jista’ jkun id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata (id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16)), li tintroduċi regoli dwar il-liv relatat mal-familja u arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ħaddiema u tippromovi kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltajiet ta’ indukrar bejn il-ġenituri, u tgħin biex jitneħħew l-ostakli li jfixklu l-għażla libera għall-maternità u l-paternità tal-unitajiet domestiċi.

    4.5.

    Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) tal-2019 u l-2020 fil-qafas tas-Semestru, dwar azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, wasslu lil xi Stati Membri biex jinkorporaw dimensjoni tal-ġeneru fl-RRPs (17), iżda sfortunatament fi ħdan qafas ta’ azzjonijiet frammentati bejn id-diversi pajjiżi.

    4.6.

    B’riżultat tal-pandemija u l-impatt fuq l-istatus tan-nisa, is-CSRs kienu sporadiċi u okkażjonali. Fl-2022, tliet pajjiżi biss, l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Polonja, kellhom CSRs relatati mal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-funzjonament tas-servizzi tal-indukrar tat-tfal, filwaqt li 22 pajjiż ieħor irċevew CSRs għal gruppi żvantaġġati (18), li wasslu għal miżuri indiretti dwar ix-xogħol jew l-istatus tan-nisa, li kienu diffiċli li jiġu kkwantifikati. Il-KESE jinnota li, fid-dawl tad-data dwar l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa, is-CSRs speċifiċi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri kienu jkunu mixtieqa sabiex jinkoraġġixxu programmazzjoni ex ante koerenti fl-RRPs, inkluż b’investimenti mmirati.

    4.7.

    L-EIGE jenfasizza f’diversi rapporti d-distribuzzjoni inugwali tar-responsabbiltajiet tal-familja, speċjalment fil-kura tat-tfal u fis-servizzi ta’ kura fit-tul għall-anzjani u l-persuni b’diżabilità (19). Dawn ir-responsabbiltajiet huma waħda mir-raġunijiet ewlenin għal-livell baxx ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol (20). Bil-lockdown u l-għeluq tal-iskejjel, is-sitwazzjoni marret għall-agħar. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li ħafna RRPs jirrikonoxxu r-relazzjoni bejn is-servizzi ta’ kura mhux imħallsa u l-miżuri ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u introduċew miżuri li jagħtu preferenza għat-tisħiħ tas-servizzi għall-indukrar tat-tfal (21).

    4.8.

    Dawn is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli wkoll għal unitajiet domestiċi ifqar billi jiġu riveduti l-kriterji tat-tariffi biex jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom minn kulħadd. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-promozzjoni tal-attendenza full-time fl-iskejjel kollha ta’ kull tip u livell, b’attivitajiet kurrikulari u ekstrakurrikulari, u għall-implimentazzjoni ta’ servizzi addizzjonali fl-iskejjel preprimarji, bħal qabel u wara l-iskola, u għat-tisħiħ tal-offerta pubblika taċ-ċentri tas-sajf għall-bniet u s-subien. Dawn huma miżuri indiretti li għandhom isibu kanali ta’ investiment definiti u dejjiema, li sfortunatament ma jidhrux fl-RRPs b’ippjanar tar-riżorsi fuq terminu medju sa twil.

    4.9.

    Il-KESE jappella għal azzjonijiet ta’ taħriġ għall-operaturi taċ-ċentri tax-xogħol immirati lejn l-orjentazzjoni tal-ġeneru sabiex tiġi ffurmata u mxerrda kultura ħielsa mill-isterjotipi tal-ġeneru. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġu promossi sħubijiet bejn in-negozji u l-ħaddiema fix-xogħol u t-taħriġ sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni tan-nisa f’setturi li b’mod predominanti jimpjegaw lill-irġiel.

    4.10.

    Il-KESE jappoġġja l-idea li tingħata prijorità lill-inċentivi għall-kumpaniji li jimpjegaw lin-nisa li huma fil-mira ta’ politiki attivi, b’kuntratti ta’ impjieg stabbli u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Barra minn hekk, l-inċentivi għall-appoġġ u s-sostenn għall-intraprenditorija awtonoma huma importanti, inkluż permezz ta’ appoġġ immirat għal taħriġ finanzjarju u maniġerjali u aċċess għal strumenti finanzjarji (22).

    5.   Valutazzjonijiet speċifiċi

    5.1.

    Il-kriżi laqtet ħażin lin-nisa, li spiss isibu ruħhom f’pożizzjoni li jaċċettaw jaħdmu xogħlijiet mingħajr bżonn ta’ kwalifiki. Barra minn hekk, il-xogħol part-time involontarju huwa kundizzjoni dejjem aktar komuni fost il-ħaddiema nisa. Sabiex titreġġa’ lura din it-tendenza u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jiġu promossi xogħlijiet ta’ kwalità u b’ħiliet speċjalizzati, hija prijorità li jissaħħu l-miżuri diretti u indiretti fl-RRPs.

    5.2.

    Sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-ġeneri, il-KESE jirrakkomanda li l-RRPs jiġu pprogrammati b’mod ikkoordinat u komplementari mar-riżorsi u l-programmi komunitarji l-oħra kollha, l-ewwel nett permezz tar-riżorsi u tal-programmi ta’ koeżjoni.

    5.3.

    Id-differenzi u l-inugwaljanzi eżistenti bejn il-ġeneri jagħmlu l-politiki pubbliċi mhux newtrali għall-ġeneru, u għalhekk huwa importanti li l-istituzzjonijiet kollha, kemm Ewropej, nazzjonali kif ukoll lokali, jadottaw l-ibbaġitjar skont il-ġeneru bħala dokument komplementari għall-politiki tat-taxxa. Għal dan l-għan, il-KESE jirrakkomanda li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru jkun obbligatorju fil-fażi tas-Semestru Ewropew (23).

    5.4.

    Il-KESE jwissi dwar ir-riskju li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif inhi mfassla, tista’ żżid id-disparitajiet f’xi setturi tal-produzzjoni bħal dawk ekoloġiċi u diġitali. Filwaqt li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prijorità trażversali, mingħajr azzjoni speċifika u li tista’ titkejjel għall-promozzjoni tax-xogħol tan-nisa, inkluż f’termini ta’ kwalifiki għoljin f’setturi b’livell għoli ta’ xogħol fost in-nisa, ir-riskju huwa li d-disparità fix-xogħlijiet bejn il-ġeneri tkompli tiżdied, bir-riskju ta’ aktar segregazzjoni tan-nisa f’xogħlijiet li jrendu inqas qligħ.

    5.5.

    L-RRPs għandhom jinkludu indikaturi komparabbli biex ikejlu t-titjib fil-paga ugwali, l-aċċess għas-suq tax-xogħol skont is-setturi, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol u tal-kura, il-kreditu konċessjonali, l-inċentivi għall-promozzjoni tal-intraprenditorija awtonoma u x-xogħol indipendenti tan-nisa.

    5.6.

    L-inċentivi għar-reklutaġġ permanenti ta’ nisa għandhom jingħataw preferenza fuq inċentivi oħra u għandhom jiġu esklużi mill-mappa tal-għajnuna mill-Istat.

    5.7.

    It-titjib tar-rikonċiljazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol u tal-kura huwa wieħed mill-objettivi ewlenin biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u tittejjeb il-produttività tan-negozji. Għal dan l-għan, il-KESE jqis li hija prijorità li jiġu investiti riżorsi fis-servizzi ta’ konċiljazzjoni tax-xogħol u s-servizzi tal-kura mhux biss ma’ servizzi addizzjonali fl-iskejjel preprimarji u l-promozzjoni ta’ servizzi edukattivi progressivi mingħajr ħlas għal tfal fl-età ta’ bejn 0 u 3 snin għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, iżda wkoll billi jiżdied l-investiment biex jiġu implimentati servizzi ta’ sostenn u kura fit-tul.

    5.8.

    Il-kisba tal-objettivi fis-servizzi ta’ konċiljazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tal-kura għandha tkun appoġġjata mir-reklutaġġ ta’ professjonisti speċifiċi u mill-ħtieġa ta’ taħriġ kontinwu għal dawk kollha involuti f’dawn is-servizzi, li issa huma fil-biċċa l-kbira nisa.

    5.9.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-klawżola tal-bonus tal-impjieg tan-nisa tiġi estiża għall-akkwist pubbliku kollu, sabiex jiġu appoġġjati l-kumpaniji li jimpenjaw ruħhom li joħolqu xogħlijiet stabbli, isaħħu l-inklużjoni soċjali u jnaqqsu d-differenzi bejn il-ġeneri fix-xogħlijiet.

    5.10.

    Id-disparità bejn il-ġeneri fix-xjenza hija preżenti ħafna u l-għeruq tagħha jibdew mill-edukazzjoni bikrija. Sfortunatament, huma biss ftit l-RRPs li inkludew miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istituti tekniċi u xjentifiċi u fil-korsijiet universitarji tekniċi-xjentifiċi (STEM). Għalhekk huwa meħtieġ investiment speċifiku fi pjani ta’ taħriġ biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xjenza, kif ukoll fir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll investiment u forom ġodda ta’ appoġġ għal proġetti mmirati, sabiex jiġi żgurat li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa f’attivitajiet innovattivi. Dawn l-interventi se jkollhom impatt pożittiv fuq terminu medju sa twil u għalhekk għandhom jiġu pprogrammati b’approċċ strateġiku.

    5.11.

    Il-KESE jqis li huwa importanti li tittieħed azzjoni wkoll fil-qasam tat-taxxa, inkluż fuq l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni (24), u abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali permezz ta’ ħelsien mit-taxxa fuq it-tieni sors ta’ dħul, li ħafna drabi jikkorrispondi għal dak tan-nisa għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Huwa importanti wkoll li jkun hemm ħelsien mit-taxxa fuq l-introjtu ta’ unitajiet domestiċi foqra b’ġenitur wieħed.

    5.12.

    Minbarra l-miżuri stabbiliti fl-RRPs, il-KESE jipproponi, bħala miżuri ta’ politika ta’ akkumpanjament, iċ-ċertifikazzjoni obbligatorja tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex titnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri u jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa, tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (25), jinxterdu l-metodi aġevolati ta’ ħidma permezz ta’ negozjar mal-imsieħba soċjali u jiġi attivat xogħol part-time volontarju mħallas skont ir-regolamenti nazzjonali għan-nisa li jirritornaw mil-liv tal-maternità.

    5.13.

    Il-KESE japprezza l-approċċ meħud mill-Kummissjoni fir-rapport, li jipprevedi l-monitoraġġ tal-azzjonijiet tal-RRPs tal-pajjiżi individwali minn perspettiva tal-ġeneru. Se jkun importanti li l-missjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri differenti jinkludu enfasi speċifika fuq il-miżuri fis-seħħ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiżguraw il-ġestjoni ta’ data trasparenti u aċċessibbli.

    5.14.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili jkunu involuti bis-sħiħ fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-RRPs, inkluż permezz ta’ “kumitati ta’ tmexxija” maħluqa apposta fil-livell Ewropew u nazzjonali biex jiġi promoss l-ippjanar ikkoordinat tal-inizjattivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

    Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2022.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Studju tal-EIGE dwar L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-irkupru mill-COVID-19, li għandu jiġi ppubblikat fl-2023.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

    (3)  Dawn l-indikaturi speċifiċi huma: a) riċerkaturi li jaħdmu f’ċentri ta’ riċerka appoġġjati; b) għadd ta’ parteċipanti f’korsijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ; c) għadd ta’ persuni li għandhom xogħol jew li qed ifittxu xogħol; d) għadd ta’ żgħażagħ li għandhom bejn il-15 u 29 sena li jirċievu appoġġ.

    (4)  Nota ta’ Riċerka 2021 dwar Gender equality and the socio-economic impact of the COVID-19 pandemic (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 — mhux disponibbli bil-Malti).

    (5)  COM(2022) 383 final.

    (6)  In-Netherlands issottomettew l-RRP tard meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra; l-RRP tal-Ungerija bħalissa tinsab sospiża għal raġunijiet ta’ konformità mal-istat tad-dritt.

    (7)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna u l-artiklu PNRR Italia, Gender Gap e politiche per l’innovazione e la digitalizzazione nel PNRR: quali misure? (L-RRPs tal-Italja, id-disparità bejn il-ġeneri u l-politiki għall-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fl-RRPs — mhux disponibbli bil-Malti) minn Marusca de Castries, Università degli Studi di Roma Tre, u Barbara Martini, Università di Roma Tor Vergata, Settembru 2022.

    (8)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

    (9)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

    (10)  L-akkwist skont il-ġeneru huwa strateġija innovattiva introdotta mill-Kummissjoni biex trawwem l-investiment fl-ugwaljanza permezz tal-introduzzjoni ta’ kriterji tal-għoti speċifiċi sensittivi għall-ġeneru jew rekwiżiti għall-parteċipazzjoni fl-akkwist jew kriterji tal-għoti li jinkludu parametri soċjali. L-akkwist skont il-ġeneru għandu l-għan li jżid l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, itejjeb il-preżenza tan-nisa fl-ogħla pożizzjonijiet u jnaqqas id-differenza fil-pagi.

    Ir-rapport tal-EIGE dwar Gender-responsive public procurement: the key to fair and efficient public spending in the EU (Akkwist pubbliku sensittiv għal kwistjonijiet tal-ġeneru: iċ-ċavetta għal infiq pubbliku ġust u effiċjenti fl-UE — mhux disponibbli bil-Malti), ippubblikat fl-2022, jindika kif l-akkwist pubbliku jista’ jiggwida u jappoġġja l-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi jittejbu l-effettività u l-kwalità tal-infiq pubbliku bi studji ta’ każijiet u rakkomandazzjonijiet.

    (11)  Data miġbura mill-analiżi tal-EIGE, ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

    (12)  Briefing tal-Parlament Ewropew dwar Gender equality in the Recovery and Resilience Facility (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — mhux disponibbli bil-Malti), ippubblikat f’April 2022, li jesprimi tħassib minn studji differenti mwettqa fil-livell nazzjonali (minn ċentri ta’ riċerka u universitajiet).

    (13)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta’ Marzu 2020 (COM/2020/152 final).

    (14)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025” (COM(2020) 698 — final) (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 128).

    (15)  Il-Proposta għal Direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi qed tiġi nnegozjata fit-trilogu.

    (16)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

    (17)  Rapport tal-Parlament Ewropew dwar CSRs and RRPs — Thematic overview on gender-related issues (CSRs u RRPs — Ħarsa ġenerali tematika dwar il-ġeneru — mhux disponibbli bil-Malti), ippubblikat f’Ottubru 2021.

    (18)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

    (19)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-membri tal-familja li jipprovdu l-kura lill-persuni b’diżabilità u lill-anzjani: l-isplużjoni tal-fenomenu matul il-pandemija (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 75), li tipprovdi rakkomandazzjonijiet importanti dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

    (20)  Rapport tal-EIGE, Gender Mainstreaming — Gender stakeholder consultation (L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri — Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar il-ġeneri — mhux disponibbli bil-Malti), ippubblikat fl-2019.

    (21)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

    (22)  L-RRP Spanjol jalloka EUR 36 miljun biex jgħin lin-nisa intraprendituri b’negozji ġodda; l-RRP Taljan jimmobilizza EUR 400 miljun biex jappoġġja l-parteċipazzjoni tan-nisa f’attivitajiet intraprenditorjali.

    L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Investiment b’perspettiva tal-ġeneru bħala mod kif intejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 100, 16.3.2023, p. 16), li tressaq proposti biex tħeġġeġ l-investiment fl-intraprenditorija tan-nisa.

    (23)  Id-dokument ta’ diskussjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Gender Budgeting Practices: Concepts and Evidence (Prattiki ta’ Bbaġitjar skont il-Ġeneru: Kunċetti u Evidenza — mhux disponibbli bil-Malti), ippubblikat f’Ġunju 2022.

    (24)  Ara n-nota 10 f’qiegħ il-paġna.

    (25)  L-Istati Membri ġew imħeġġa jirratifikaw il-Konvenzjoni Nru 190 tal-ILO dwar il-Vjolenza u l-Fastidju fuq il-Post tax-Xogħol, li bħalissa hija ratifikata minn żewġ pajjiżi Ewropej biss.


    Top