Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0590(01)

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti

    COM/2022/590 final/2

    Brussell, 9.11.2022

    COM(2022) 590 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti













    1.Introduzzjoni

    Bħalissa qed tiżvolġi kriżi globali tal-fertilizzanti minerali, ta’ gravità li ilha ma tidher mis-snin sebgħin. Il-pandemija tal-COVID-19 bit-tfixkil tagħha fil-ktajjen tal-provvista, segwita mill-kriżi tal-enerġija, irriżultat fi prezzijiet għoljin rekord tal-fertilizzanti.

    Il-fertilizzanti għandhom rwol sinifikanti għas-sigurtà tal-ikel 1 .

    L-invażjoni illegali u mhux ġustifikata tar-Russja fl-Ukrajna kellha effetti negattivi sinifikanti fuq dawk li diġà kienu swieq globali tal-fertilizzanti stretti ħafna. Hija kixfet id-dgħufijiet minħabba d-dipendenza tad-dinja fuq ftit fornituri globali. Ir-Russja, li fl-2020 kienet tirrappreżenta madwar 15 % tal-esportazzjonijiet globali tal-fertilizzanti, imponiet restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tagħha tal-ikel u l-fertilizzanti li baxxew il-provvista globali u għollew il-prezzijiet. L-iskarsezza u l-prezzijiet għoljin għall-fertilizzanti jaggravaw il-kriżi tas-sigurtà tal-ikel fid-dinja 2  u huwa meħtieġ sforz komuni biex tiġi indirizzata l-kriżi globali tal-fertilizzanti. L-UE żiedet l-isforzi tagħha biex tindirizza l-insigurtà globali tal-ikel u timmitiga l-effetti tal-kriżi tal-ikel fil-pajjiżi vulnerabbli, permezz ta’ rispons rapidu u komprensiv ta’ Tim Ewropa għall-Insigurtà Globali tal-Ikel.

    Barra minn hekk, il-Korsiji ta’ Solidarjetà tal-UE u l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali kienu effettivi biex itaffu l-kriżi tal-ikel billi ppermettew lill-Ukrajna tkompli tesporta ċ-ċereali tagħha u kkontribwew għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq u għat-tnaqqis tal-prezzijiet tal-ikel. Il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna saru rabta kummerċjali ewlenija bejn l-Ukrajna, l-UE u l-bqija tad-dinja u sa issa ffaċilitaw l-esportazzjoni ta’ aktar minn 14-il miljun tunnellata ta’ prodotti agrikoli Ukreni (ċereali, żrieragħ li minnhom jintgħasar iż-żejt u prodotti relatati, inklużi l-fertilizzanti), u b’hekk għenu biex tittaffa l-kriżi globali tal-ikel. L-UE appoġġat ir-rwol ta’ faċilitatur tan-NU u tat-Turkija billi talbet it-tiġdid tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali lil hinn mid-19 ta’ Novembru. Waqfien tal-iskema jkollu konsegwenzi serji fuq is-sigurtà tal-ikel madwar id-dinja.

    Il-pajjiżi bi dħul baxx u medju b’mod partikolari jġorru l-akbar piż tas-swieq stretti tal-fertilizzanti. Fl-2022, rekord ta’ 222 miljun persuna fi 53 pajjiż huma affettwati b’mod akut mill-insigurtà tal-ikel u jeħtieġu assistenza urġenti. Il-pajjiżi l-aktar affettwati jinkludu s-Somalja, l-Afganistan, l-Etjopja, in-Niġerja, is-Sudan t’Isfel u l-Jemen, iżda wkoll ir-reġjun tal-Amerika t’Isfel.

    Filwaqt li l-produzzjoni vijabbli tal-ikel ma tiddependix biss fuq il-fertilizzanti, dak li jagħmel is-sitwazzjoni attwali partikolarment kritika huwa l-effett fuq perjodu ta’ żmien qasir li n-nuqqas ta’ fertilizzanti jista’ jkollu fuq ir-rendimenti agrikoli. Rendimenti aktar baxxi jfissru anqas ikel. In-NU wissiet dwar kriżi globali tal-fertilizzanti, u indikat li din tista’ tipperikola l-produzzjoni tal-ikel fis-snin li ġejjin, u taffettwa lill-pajjiżi li ma għandhomx l-ispazju fiskali biex imexxu programmi ta’ appoġġ biex isostnu l-affordabbiltà tal-fertilizzanti.

    Illustrazzjoni 1: Kummerċ nett tal-fertilizzanti espress f’miljun tunnellata ta’ nutrijenti

     

    Sors FAOSTAT 3  

    L-iskarsezza globali tal-fertilizzanti hija kkawżata primarjament mill-prezz għoli tal-gass naturali li huwa meħtieġ għall-produzzjoni tal-fertilizzanti nitroġenużi 4 . L-Ewropa għandha industrija importanti tal-fertilizzanti iżda hija dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-gass naturali kif ukoll fuq l-importazzjonijiet tal-fosfati u tal-putassa 5 . Fis-sajf tal-2022, il-gass kien jammonta għal sa 90 % tal-kost varjabbli tal-produzzjoni tal-produzzjoni tal-ammonijaka fl-UE (l-ammonijaka hija prodott intermedju għall-fertilizzanti nitroġenużi). F’Awwissu 2022, meta l-prezzijiet tal-gass laħqu l-ogħla livell, l-industrija għalqet 70 % tal-kapaċità tagħha ta’ produzzjoni tal-ammonijaka peress li l-produzzjoni kienet saret mhux profittabbli. L-indikazzjonijiet huma li l-użu attwali tal-kapaċità huwa ta’ 50 %. Jekk il-prezzijiet tal-gass ikomplu jonqsu, l-użu jista’ jkun mistenni li jkompli jiżdied. Il-produzzjoni mnaqqsa fl-UE tfisser ukoll anqas esportazzjonijiet tal-UE lejn pajjiżi mhux tal-UE. L-esportazzjonijiet tal-prodotti intermedji u tal-fertilizzanti nitroġenużi naqsu b’9 % filwaqt li l-importazzjonijiet żdiedu b’19 % fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena.

    Filwaqt li l-fertilizzanti jibqgħu disponibbli fl-UE, l-affordabbiltà tagħhom tikkostitwixxi sfida għall-bdiewa (żieda fil-prezz ta’ 149 % f’Settembru 2022 fuq bażi minn sena għal sena għall-fertilizzanti nitroġenużi), b’mod partikolari billi l-prezzijiet ta’ inputs oħra (l-enerġija) żdiedu b’mod sinifikanti wkoll. Il-prezzijiet għoljin tal-fertilizzanti jaffettwaw id-deċiżjonijiet tal-bdiewa dwar ix-xiri u t-tħawwil u dan, min-naħa tiegħu, jista’ jaffettwa l-ħsad tal-istaġun li jmiss u l-kontribut tal-UE għad-disponibbiltà u l-affordabbiltà globali tal-ikel.

    Il-miżuri li l-UE qed tniedi biex timmitiga l-prezzijiet għoljin tal-enerġija se jtejbu l-kundizzjonijiet għall-industrija tal-fertilizzanti. Iżda hija meħtieġa azzjoni aktar immedjata u mmirata. L-azzjonijiet ta’ terminu qasir proposti hawnhekk għandhom itaffu d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-bdiewa u l-produtturi tal-fertilizzanti tal-UE u jmexxu ’l quddiem l-għan strateġiku tal-UE li tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet mir-Russja billi tiddiversifika l-produzzjoni u tiżgura ktajjen tal-provvista affidabbli. Globalment, l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-insigurtà tal-ikel irid jissaħħaħ ulterjorment.

    Illustrazzjoni 2: Indiċi globali tal-prezzijiet tal-fertilizzanti u tal-komoditajiet tal-ikel (Indiċi 100=2010)

    Sors: Il-Bank Dinji

    L-objettiv strateġiku ġenerali tal-UE jibqa’ definit mill-miri stabbiliti fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. L-evidenza turi li l-fertilizzanti mhux dejjem jiġu applikati kif suppost. It-telf tan-nutrijenti jammonta għal sa 50-60 % tal-ammont applikat fuq l-għelieqi f’ċerti reġjuni u huwa indikattiv tal-użu eċċessiv tal-fertilizzanti għal kull ettaru ta’ raba’ f’ħafna partijiet tal-UE, bi ftit gwadann ovvju fir-rendiment. Għalhekk, il-mira tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, li sal-2030 it-telf tan-nutrijenti jitnaqqas b’50 % filwaqt li tiġi ppreservata l-fertilità tal-ħamrija, tista’ tintlaħaq.

    Madankollu, fuq terminu qasir, u fl-isfond tal-inċertezzi ġeopolitiċi, għandu jsir kull sforz raġonevoli biex jiġi evitat li jiġi kompromess il-kontribut kontinwu tal-UE għad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-ikel. Irridu niżguraw li s-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja jiġu implimentati kif intenzjonat, li jippermettu t-tranżitu u l-fluss tal-fertilizzanti għall-użu mill-bdiewa fl-UE u lil hinn. Aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn produzzjoni sostenibbli tal-ikel u teknoloġiji innovattivi tikkostitwixxi s-soluzzjoni strutturali tal-Unjoni biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-ikel u tiġi protetta s-saħħa tal-ambjent u tal-pjaneta tagħna.

    Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta l-azzjonijiet domestiċi li ġejjin:

    -Il-Kummissjoni tirrimarka li l-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità lill-aċċess kontinwu u mingħajr interruzzjoni għall-gass naturali għall-produtturi tal-fertilizzanti fil-pjanijiet ta’ emerġenza nazzjonali tagħhom fl-eventwalità ta’ razzjonar tal-gass, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura”. 

    -Il-Qafas ta’ Kriżi Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat jippermetti appoġġ speċifiku lill-bdiewa u lill-produtturi tal-fertilizzanti. Permezz tat-tieni emenda tal-qafas fit-28 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni żiedet il-limiti massimi stabbiliti għal ammonti limitati ta’ għajnuna għall-bdiewa u żiedet il-possibbiltajiet ta’ flessibbiltà u appoġġ għall-kumpaniji affettwati miż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija, bħall-produtturi tal-fertilizzanti, soġġetti għal salvagwardji. Hemm potenzjal għall-espansjoni ta’ tali għajnuna mmirata lil hinn mis-sehem attwalment baxx ta’ għajnuna approvata għas-settur. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu pereżempju jixtru l-fertilizzanti u joffruhom bi prezzijiet aktar baxxi lill-bdiewa.

    -Il-fondi ġġenerati minn miżuri bħal-limitu fuq l-introjtu tas-suq ta’ ċerti ġeneraturi tal-elettriku u l-kontribuzzjoni tas-solidarjetà previsti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jistgħu jintużaw ukoll, soġġett għall-kundizzjonijiet applikabbli, għall-finijiet tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali.

    -Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se teżamina l-espedjenza tal-użu tar-riżerva agrikola b’valur ta’ EUR 450 miljun għas-sena finanzjarja 2023 għall-bdiewa affettwati minn kostijiet ta’ input għoljin.


    -Il-Kummissjoni se teżamina u tiddiskuti mal-Istati Membri dwar kif l-aħjar jintużaw il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-fertilizzanti. Jenħtieġ li jiġu implimentati, b’mod aċċellerat, miżuri ta’ fertilizzazzjoni sostenibbli. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-reviżjonijiet tal-pjanijiet tagħhom - fejn il-kontenut tagħhom ikun attwalment insuffiċjenti - jgħinu lill-bdiewa jużaw il-fertilizzanti b’mod aktar effiċjenti u sostenibbli. Il-Kummissjoni se tilqa’ u tappoġġa dawn l-emendi u tiżgura li dawn l-interventi jnaqqsu u jipprevjenu t-telf tan-nutrijenti ta’ ħsara għall-ambjent.

    -Il-Kummissjoni se tieħu passi biex ittejjeb it-trasparenza tas-suq fis-suq tal-fertilizzanti tal-UE permezz ta’ osservatorju ġdid tas-suq li għandu jiġi stabbilit fl-2023, u tal-organizzazzjoni ta’ konsultazzjonijiet regolari mal-partijiet ikkonċernati fil-qafas tal-grupp ta’ esperti tal-Mekkaniżmu Ewropew għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM).

    -Fi sforz biex tippromwovi l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE bħala opportunità għall-UE biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tagħha tal-ikel u biex tistabbilixxi standards ta’ sostenibbiltà għoljin, il-Kummissjoni se tippromwovi l-miżuri li ġejjin fir-rigward tal-fertilizzanti:

    oaċċess aħjar għall-fertilizzanti organiċi u għan-nutrijenti minn flussi ta’ skart irriċiklat, speċjalment fir-reġjuni b’użu baxx ta’ fertilizzanti organiċi.

    oappoġġ għall-konverżjoni tal-industrija Ewropea tal-fertilizzanti nitroġenużi għal waħda bbażata fuq l-ammonijaka prodotta bl-użu ta’ idroġenu rinnovabbli u ħieles mill-fossili.

    ojiġi żgurat ambjent regolatorju stabbli u fattibbli li jirregola l-produzzjoni ta’ idroġenu rinnovabbli u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u b’hekk jiġi żgurat li jkun jista’ jiżviluppa malajr suq għal fertilizzanti bbażati fuq l-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

    oappoġġ għad-diversifikazzjoni fl-importazzjonijiet biex titnaqqas id-dipendenza fuq ir-Russja.

    oTitnieda sfida ġdida tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni dwar l-agrikoltura reżiljenti.

    -Il-Kummissjoni se tadotta Pjan Integrat għall-Ġestjoni tan-Nutrijenti fl-ewwel kwart tal-2023 bl-għan li tittieħed azzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex jiġi promoss l-użu aktar effiċejnti tan-nutrijenti, filwaqt li jitqiesu l-punti tat-tluq tal-Istati Membri u l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero.

    Fil-qasam internazzjonali, il-Kummissjoni se:

    -tkompli taħdem mal-Istati Membri tagħha u mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej, f’approċċ ta’ Tim Ewropa lejn il-kontribut għall-erba’ oqsma tar-Rispons għall-Insigurtà Globali tal-Ikel (Solidarjetà, Produzzjoni, Kummerċ u Multilateraliżmu).

    -tkompli taħdem mal-Istati Membri tagħha, mal-Ukrajna, mal-Moldova u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex iżżid il-kapaċità tal-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna.

    -tikkoopera ma’ pajjiżi sħab magħżula tal-UE, inkluż permezz tal-Isfida Globali tal-Fertilizzanti, biex tnaqqas id-dipendenza u l-konsum tagħhom fuq fertilizzanti minerali importati permezz tal-użu ta’ prattiki agrikoli effettivi u sostenibbli, u alternattivi bbażati fuq ġestjoni sostenibbli tal-fertilità tal-ħamrija.

    -ittejjeb it-trasparenza tas-suq globali fil-fertilizzanti, billi tikkontribwixxi għal inizjattivi internazzjonali rilevanti dwar il-fertilizzanti, b’mod partikolari s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Swieq Agrikoli (AMIS) tal-G20.

    -tkompli taħdem mal-aġenziji tan-NU u mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali biex tindirizza f’fora bilaterali u multilaterali l-kwistjonijiet tad-disponibbiltà u tal-affordabbiltà tal-fertilizzanti u biex tikkontribwixxi għal soluzzjonijiet multilaterali sostenibbli.

    -iżżid l-appoġġ biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-bilanċi tal-pagamenti inkluż permezz tal-Fond tal-FMI għat-Tnaqqis tal-faqar u t-Tkabbir, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji indipendenti taħt il-Global Gateway biex jiġu żviluppati investimenti innovattivi u sostenibbli.

    -tibda diskussjonijiet dwar it-titjib tat-trasparenza, inkluż l-evitar tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fuq il-kummerċ tal-fertilizzanti fid-WTO, bil-ħsieb li jinkisbu riżultati mill-impenni mwiegħda fid-dikjarazzjoni tal-insigurta tal-ikel maqbula fl-aħħar Konferenza Ministerjali.

    -tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li l-kummerċ globali fil-prodotti agroalimentari, inklużi l-fertilizzanti, ikun jista’ jipproċedi mingħajr xkiel.

    -iżżid il-ħidma tagħha dwar il-komunikazzjoni konġunta u s-sensibilizzazzjoni diplomatika biex tissottolinja u tikkonsolida r-rispons ta’ Tim Ewropa għall-insigurtà tal-ikel u biex tiġġieled id-diżinformazzjoni Russa. L-UE se tkompli timmonitorja u tiġġieled il-manipulazzjoni tal-informazzjoni tar-Russja, inkluż permezz tal-kanali pubbliċi tal-UE, bħall-EUvsDisinfo, filwaqt li se tkompli taħdem ma’ sħab tal-istess fehma, b’mod partikolari fi ħdan il-G7 u n-NATO.


    2.L-iżgurar tad-disponibbiltà u tal-affordabbiltà tal-fertilizzanti fl-UE

    2.1.Monitoraġġ tas-suq

    Miż-żieda fil-prezzijiet tal-inputs agrikoli fl-2021, is-suq tal-fertilizzanti kien fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Kummissjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, inkluż fil-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Tħejjija u Rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM) u fil-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti dwar il-prodotti fertilizzanti.

    Ma teżistix data dwar l-istokkijiet miżmuma mill-industrija tal-fertilizzanti u/jew mill-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tagħhom. Il-Kummissjoni se ttejjeb it-trasparenza tas-suq permezz ta’ osservatorju għas-swieq tal-fertilizzanti fl-UE u se teżamina modi kif tista’ tinkiseb aktar data f’ħin reali mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati.

    2.2.Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tal-Istati Membri

    Taħt il-PAK il-ġdida, l-appoġġ finanzjarju huwa disponibbli b’mod wiesa’ għall-bdiewa bil-għan li jottimizzaw l-użu tagħhom tal-fertilizzanti, u b’hekk ikunu jistgħu jiksbu benefiċċji ambjentali, klimatiċi u ekonomiċi. L-aħjar prattiki fl-Istati Membri juru li, b’effiċjenza akbar fl-użu tan-nitroġenu, l-użu tal-fertilizzanti jista’ jitnaqqas filwaqt li jinżammu jew saħansitra jiżdiedu r-rendimenti kif ukoll li jkun hemm impatt pożittiv fuq il-fertilità ġenerali tal-ħamrija 6 . Fl-istess ħin, effiċjenza akbar fl-UE tnaqqas il-ħtieġa għall-fertilizzanti, u b’hekk tnaqqas it-tensjoni fis-suq globali.

    L-arkitettura ekoloġika l-ġdida tikkombina l-kundizzjonalità mtejba (KAAT u SMRs) għall-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa u l-fertilità tal-ħamrija 7 mal-miżuri volontarji mfassla mill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-bdiewa lil hinn mir-rekwiżiti minimi, inkluż fil-qasam tal-ġestjoni tan-nutrijenti. Il-miżuri volontarji għall-bdiewa jinkludu interventi bħall-ekoskemi, l-impenji agroambjentali u ta’ ġestjoni tal-klima. Il-Pjanijiet Strateġiċi kollha tal-PAK jindirizzaw l-effiċjenza fl-użu tan-nutrijenti permezz ta’ azzjonijiet differenti:

    -L-interventi jinċentivaw id-diversifikazzjoni tal-għelejjel u n-newba mtejba bl-inklużjoni ta’ għelejjel li fihom il-proteini. Il-pjanijiet tal-PAK jappoġġaw ukoll l-“għelejjel tat-titwiq 8 li jżidu l-fertilizzazzjoni ekoloġika u l-materja organika tal-ħamrija jew l-impenji biex tiżdied il-kopertura tal-ħamrija lil hinn mir-rekwiżiti minimi.

    -Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jappoġġaw l-adozzjoni usa’ ta’ pjanijiet għall-ġestjoni tan-nutrijenti, lil hinn mill-oqsma fejn huma diġà obbligatorji skont id-Direttiva dwar in-Nitrati - li jżidu l-effiċjenza fl-użu.

    -Il-biedja ta’ preċiżjoni, il-biedja organika u l-agroekoloġija huma appoġġati taħt il-pjanijiet fil-forma ta’ impenji ta’ ġestjoni u investimenti f’makkinarju ġdid, prattiki li jirrikjedu anqas użu ta’ fertilizzanti u aċċess akbar għall-pariri u t-taħriġ 9 .

    -Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jappoġġaw is-sostituzzjonijiet parzjali tal-fertilizzanti minerali b’fertilizzanti organiċi bħad-demel, il-ħama tad-drenaġġ u l-bijoskart, minn proċessi ta’ metanizzazzjoni jew trattamenti bijoloġiċi u termali, filwaqt li jiġi żgurat li dan ma jirriżultax f’telf akbar ta’ nutrijenti.

    Fin-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jinkludu miżuri fil-pjanijiet tagħhom fir-rigward ta’ prattiki li jottimizzaw l-użu effiċjenti tal-fertilizzanti. Ladarba jiġu adottati l-pjanijiet kollha, hija se tiżgura li l-interventi ppjanati jiġu segwiti u implimentati. Se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu adozzjoni usa' ta’ dawn il-miżuri mill-bdiewa. Il-Kummissjoni se tistieden lill-Istati Membri biex jeżaminaw aktar prijoritizzazzjoni u biex iżidu l-ambizzjoni ta’ tali interventi f’reviżjonijiet futuri tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jaċċelleraw l-introduzzjoni tal-Għodda għas-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli għan-Nutrijenti (FAsT) u l-adozzjoni tagħha mill-bdiewa 10 .

    2.3.Il-miżuri eċċezzjonali u r-riżerva agrikola

    F’Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ appoġġ eċċezzjonali b’valur ta’ EUR 500 miljun biex tappoġġa lill-produtturi l-aktar affettwati mill-konsegwenzi serji tal-gwerra fl-Ukrajna. Għal dan il-għan intużaw fondi taħt ir-riżerva għall-kriżijiet tal-PAK. Fuq din il-bażi, l-Istati Membri pprovdew EUR 492 miljun ta’ appoġġ finanzjarju li ta prijorità lill-bdiewa involuti fi prattiki sostenibbli u li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi.

    Taħt ir-riżerva agrikola tal-PAK riformata, EUR 450 miljun se jkunu disponibbli fl-2023 għal miżuri ta’ intervent pubbliku u ħżin biex jiġu stabbilizzati s-swieq agrikoli jew għal miżuri eċċezzjonali li jirrispondu għat-theddid ta’ tfixkil tas-suq, riskji għas-saħħa, jew emerġenzi oħra kif stabbiliti fir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se teżamina l-espedjenza tal-użu ta’ miżuri eċċezzjonali taħt ir-riżerva agrikola biex tipprevjeni disturbi fis-suq li jirriżultaw mill-impatt tas-suq strett tal-fertilizzanti fuq il-produzzjoni tal-bdiewa tal-UE.

    2.4.Qafas Temporanju ta’ Kriżi għall-Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat bħala mezz għall-assistenza finanzjarja

    Il-Qafas Temporanju ta’ Kriżi għall-Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat (“Qafas”) jippermetti lill-Istati Membri jużaw il-flessibbiltà prevista skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u jippermettilhom jappoġġaw fost l-oħrajn lill-produtturi agrikoli primarji, inkluż fir-rigward tax-xiri tagħhom tal-fertilizzanti, u lill-produtturi tal-fertilizzanti. L-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna biex tkopri parti miż-żieda reċenti fil-kostijiet tal-gass u tal-elettriku għall-kumpaniji, inkluż pereżempju l-agrikoltura primarja u l-manifatturi tal-fertilizzanti, soġġett għal salvagwardji.

    Bejn Marzu u Settembru 2022, il-Kummissjoni approvat 18-il skema ta’ għajnuna speċifika għall-agrikoltura b’baġit totali ta’ madwar EUR 3,5 biljun taħt il-Qafas. Tlieta mill-iskemi huma ddedikati għax-xiri ta’ fertilizzanti mill-bdiewa (baġit totali ta’ EUR 855 miljun). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu skemi umbrella miftuħa għas-setturi kollha tal-ekonomija (EUR 455 biljun f’Settembru 2022). Xi Stati Membri għażlu skemi ddedikati ta’ għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw kumpaniji intensivi fl-enerġija.

    Fit-28 ta’ Ottubru 2022, il-Qafas ġie aġġustat għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri biex jappoġġa lill-kumpaniji intensivi fl-enerġija li ġew affettwati l-aktar mill-kriżi, inklużi l-produtturi tal-fertilizzanti. Il-produtturi tal-fertilizzanti bħala settur partikolarment affettwat jistgħu, jekk jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà, jibbenefikaw minn intensitajiet ogħla ta’ għajnuna u ammonti ta’ għajnuna sa EUR 150 miljun 11 . Għall-kumpaniji li jirċievu ammonti akbar ta’ għajnuna, il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet jipprevedi impenji biex jiġi stabbilit perkors lejn it-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-konsum tal-enerġija u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-effiċjenza enerġetika. Żdied ukoll il-limitu massimu għall-għajnuna massima għall-agrikoltura primarja (bdiewa), li jippermetti lill-Istati Membri jappoġġaw ix-xiri ta’ fertilizzanti mill-bdiewa jekk ikun meħtieġ.

    L-appoġġ mill-Istat jista’ jieħu forom differenti lil hinn mill-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Pereżempju, huwa possibbli għall-awtoritajiet pubbliċi li jixtru fertilizzanti bi prezzijiet tas-suq aktar kompetittivi (minħabba s-setgħa ta’ negozjar tagħhom) u li joffruhom bi prezzijiet aktar baxxi (ikun hemm element ta’ għajnuna mill-Istat f’dan) lill-bdiewa, soġġett għal-limiti applikabbli tal-Qafas. L-Istati Membri jistgħu jiżguraw ukoll li l-fertilizzanti jitqassmu fost il-bdiewa b’mod raġonevoli u mhux diskriminatorju, b’mod partikolari fil-każ ta’ razzjonar meħtieġ tal-gass.

    2.5.Finanzjament ieħor mill-UE

    Bis-saħħa ta’ limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ta’ ċerti ġeneraturi tal-elettriku u l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà 12 , l-Istati Membri jista’ jkollhom fondi għad-dispożizzjoni tagħhom li huma jistgħu, inter alia, jirridirezzjonaw permezz tal-Qafas lejn utenti intensivi tal-enerġija bħall-bdiewa jew il-produtturi tal-fertilizzanti (sa massimu stmat ta’ EUR 140 biljun) biex jappoġġaw kumpaniji f’industriji intensivi fl-enerġija dment li dawn il-fondi jintużaw fuq investimenti f’enerġiji rinnovabbli, fl-effiċjenza enerġetika jew f’teknoloġiji oħra ta’ dekarbonizzazzjoni. Il-miżuri mmirati u eċċezzjonali proposti reċentement (SAFE - Supporting Affordable Energy) skont ir-regoli tal-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali jagħżlu li jirridirezzjonaw sa EUR 40 biljun biex jappoġġaw lill-SMEs, lill-ħaddiema u lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-miżuri mmirati lejn l-affordabbiltà tal-fertilizzanti u b’hekk isaħħu s-sigurtà tal-ikel.

    Fid-dawl tal-kriżi attwali tal-enerġija, il-Kummissjoni pproponiet li tagħmel emendi mmirati għar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) biex jiġu integrati l-kapitoli ddedikati dwar ir-REPowerEU, li l-Istati Membri jistgħu jżidu mal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) eżistenti tagħhom. Il-Kummissjoni ħarġet gwida għall-Istati Membri dwar kif għandhom jimmodifikaw u jikkomplementaw l-RRPs tagħhom b’kapitoli ddedikati dwar ir-REPowerEU, li għandhom ikunu mmirati lejn l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, u l-introduzzjoni aċċellerata tal-enerġija rinnovabbli biex tissostitwixxi l-fjuwils fossili fid-djar, fl-industrija u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. L-Istati Membri, fir-reviżjoni li jagħmlu tal-pjanijiet tagħhom, jistgħu jintegraw l-appoġġ għal produzzjoni sostenibbli tal-fertilizzanti bħala parti minn din id-diversifikazzjoni, b’rispett sħiħ tal-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” 13 .

    Taħt Orizzont Ewropa 14 , huma mobilizzati investimenti mmirati b’volum ta’ madwar EUR 9 biljun għall-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali 2021-2027, iddedikati għall-programmi ta’ ħidma, is-sħubijiet, u l-missjonijiet tar-Raggruppament 6 relatati mal-Ikel, il-Bijoekonomija, ir-Riżorsi Naturali, l-Agrikoltura u l-Ambjent. Fl-ewwel sentejn ta’ Orizzont Ewropa, aktar minn 35 proġett b’baġit ta’ madwar EUR 180 miljun huma stmati li jirrigwardaw il-fertilizzanti fl-agrikoltura, inklużi proġetti dwar l-ottimizzazzjoni tal-baġit tan-nutrijenti, prodotti fertilizzanti alternattivi, u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u agroekoloġiċi għall-ġestjoni tan-nutrijenti. Jingħata finanzjament ukoll taħt il-Missjoni “Patt Dwar il-Ħamrija għall-Ewropa”. Wieħed mill-objettivi speċifiċi tagħha huwa t-tnaqqis tat-tniġġis tal-ħamrija, billi timmira azzjonijiet li jnaqqsu l-użu tal-fertilizzanti u t-telf tan-nutrijenti.

    Fl-2023, il-Kummissjoni se tniedi sfida ġdida tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni dwar l-agrikoltura reżiljenti b’baġit ta’ EUR 65 miljun biex tappoġġa n-negozji ġodda tal-AgTech għall-iżvilupp rapidu ta’ innovazzjonijiet ta’ teknoloġija avvanzata biex jinżamm u jittejjeb ir-rendiment tal-għelejjel b’teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari fil-qasam tal-fertilizzazzjoni.

    Il-Fond għall-Innovazzjoni tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) jipprovdi wkoll finanzjament għal proġetti innovattivi ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari marbuta mal-irkupru ta’ materjali mill-iskart u mill-ilma mormi bħal, inter alia, in-nutrijenti.

    2.6.Il-fertilizzanti organiċi

    Is-sostituzzjoni tal-fertilizzanti minerali b’fertilizzanti organiċi hija parti mis-soluzzjoni biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-gass u hija promossa wkoll permezz tal-mira organika tal-UE (25 % tar-raba’ agrikolu sal-2030 15 ). Din se tgħin biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju tal-fertilizzanti.

    Minn Lulju 2022, ir-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti 16 (FPR) fetaħ is-suq uniku b’mod partikolari għall-fertilizzanti magħmula minn skart irkuprat u prodotti sekondarji disponibbli fl-UE. Huwa jippromwovi alternattivi ekoloġiċi u ċirkolari għall-gass naturali u għall-materja prima mill-minjieri għall-produzzjoni tal-fertilizzanti. Il-prodotti fertilizzanti speċjali tal-UE bħall-fertilizzanti inibiti, il-fertilizzanti b’rilaxx ikkontrollat u l-bijostimulanti tal-pjanti se jżidu l-effiċjenza tal-użu u għalhekk se jnaqqsu l-ammonti ta’ fertilizzanti meħtieġa għal rendimenti ottimizzati. Id-definizzjoni li ġejja ta’ punti finali fil-katina tal-manifattura skont ir-Regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-Annimali - prekundizzjoni għall-aċċess għas-suq mogħti mill-FPR - se tikkostitwixxi progress ulterjuri importanti.

    L-iżvilupp ta’ metodi biex jiġi estiż ir-riċiklaġġ effiċjenti tan-nutrijenti tal-iskart organiku (eż. id-demel tal-bhejjem, id-diġestjoni anaerobika, il-ħama u flussi oħra ta’ skart organiku) fi prodotti fertilizzanti b’bażi bijoloġika rinnovabbli jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Element importanti f’dan huwa s-separazzjoni u l-ġbir tal-bijoskart. Użu lokali aħjar tal-iskart organiku mhux biss għandu benefiċċji ambjentali, iżda għandu wkoll benefiċċji ekonomiċi għall-bdiewa li jrabbu l-bhejjem u għall-bdiewa li jipproduċu għelejjel li jinħartu u se jnaqqas id-dipendenza tal-biedja Ewropea fuq il-fertilizzanti minerali minn barra l-UE. Fis-26 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni adottat reviżjoni tad-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi 17 li tinkludi obbligi aktar stretti għall-irkupru tan-nutrijenti mill-ilma mormi, li mbagħad jistgħu jerġgħu jintużaw fl-agrikoltura.

    L-użu tad-demel u tad-demel ipproċessat 18 , f’konformità mad-Direttiva dwar in-Nitrati, jista’ jkollu rwol biex jgħin lill-bdiewa jnaqqsu l-esponiment tagħhom għall-prezzijiet volatili tal-fertilizzanti minerali u jagħlqu ċ-ċikli tan-nutrijenti 19 . L-użu ċirkolari tal-bijoskart bħala fertilizzant se jiġi diskuss fil-Pjan Integrat tal-Kummissjoni għall-Ġestjoni tan-Nutrijenti li se jiġi adottat fil-bidu tal-2023. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll aktar passi regolatorji u mhux regolatorji biex tippermetti użu usa’ tan-nutrijenti rkuprati mid-demel tal-bhejjem.

    2.7.Sorsi alternattivi ta’ provvista għall-importazzjonijiet u s-sospensjoni tad-dazji tal-importazzjoni għall-ammonijaka u l-urea

    Id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista tal-fertilizzanti importati u tal-prodotti intermedji biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-fertilizzanti tikkostitwixxi reazzjoni pragmatika għat-tnaqqis tal-produzzjoni fl-UE, speċjalment f’reġjuni fejn jeżistu rabtiet xierqa mal-portijiet. F’dan ir-rigward, il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs) tal-UE jippromwovu l-aċċess għall-fertilizzanti minn sħab kummerċjali ewlenin. Dan ma jnaqqas xejn mill-interess strateġiku tal-UE f’settur vijabbli tal-produzzjoni tal-fertilizzanti fl-UE.

    Il-Kummissjoni avviċinat fornituri alternattivi tal-fertilizzanti biex tikkumpensa għan-nuqqasijiet mir-Russja u mill-Belarussja. L-Oman, it-Turkmenistan u l-Qatar ġew identifikati bħala sorsi alternattivi ta’ fertilizzanti nitroġenużi. L-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi mhux tal-UE se jibbenefikaw minn dawn l-importazzjonijiet permezz ta’ żieda fit-tkabbir u fl-impjiegi. L-importazzjonijiet mill-Eġittu u mill-Alġerija żdiedu b’mod sostanzjali (bi kważi 20 % u 40 %, rispettivament), bil-prospett realistiku li l-Eġittu jissostitwixxi lir-Russja bħala s-sors ewlieni tal-importazzjonijiet tal-UE fl-2022.

    Japplikaw Dazji tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit ta’ 6,5 % għall-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti nitroġenużi fl-UE 20 . Il-Kummissjoni pproponiet is-sospensjoni ta’ dawn it-tariffi għal żewġ prodotti intermedji ewlenin użati fil-produzzjoni tal-fertilizzanti nitroġenużi, jiġifieri l-ammonijaka u l-urea, sa tmiem l-2024 21 . Dan jindirizza t-tħassib dwar id-disponibbiltà u l-affordabbiltà relatat mal-provvista tal-ammonijaka u tal-urea u jippromwovi d-diversifikazzjoni tal-importazzjoni. Il-proposta bħalissa qed tiġi diskussa fil-Kunsill. Fl-2019, wara investigazzjoni dwar dumping li kien qiegħed jikkawża dannu lill-industrija tal-UE, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping kontra l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju tal-urea (UAN) mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti. Fis-26 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tissospendix dawn il-miżuri 22 .

    2.8.Miżuri biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u l-affordabbiltà tal-gass

    Matul din l-aħħar sena, il-Kummissjoni ħadet passi deċiżivi biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-gass u tistabbilizza s-swieq tal-gass. Fit-13 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni ppubblikat gwida lill-Istati Membri (“Sett ta’ għodod għall-Prezzijiet tal-Enerġija”) biex tindirizza l-impatt immedjat taż-żidiet fil-prezzijiet, u biex tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza kontra xokkijiet futuri 23 .

    Il-Pjan REPowerEU tat-18 ta’ Mejju 2022 introduċa miżuri għad-dekarbonizzazzjoni tas-swieq tal-gass u għall-promozzjoni tal-gass rinnovabbli kif ukoll l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, u l-introduzzjoni aċċellerata tal-enerġija rinnovabbli biex jiġi limitat l-impatt tat-tfixkil fil-provvista u biex il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu taħt kontroll.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Lulju 2022 “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura” 24 , il-Kummissjoni rrinforzat it-tħejjija tal-UE għal din ix-xitwa. Il-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda, flimkien mal-isforzi li saru skont ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass biex jintlaħqu u saħansitra jinqabżu l-miri tal-ħżin tal-gass tal-Unjoni, laħqu l-objettiv tagħhom. Il-prezzijiet, għalkemm għadhom f’livelli storikament għoljin ħafna, naqsu meta mqabbla mal-ogħla livell li laħqu f’Awwissu 2022. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida lill-Istati Membri dwar l-industriji meqjusa bħala kritiċi jew strateġiċi minn perspettiva tas-soċjetà għall-finijiet ta’ prijoritizzazzjoni. Is-settur tal-ikel huwa identifikat bħala settur kritiku u s-settur tal-fertilizzanti bħala li jforni s-settur agrikolu soċjalment kritiku madwar l-UE kollha. Il-Kummissjoni tirrimarka li l-Istati Membri jistgħu jipprijoritizzaw l-aċċess kontinwu u mingħajr interruzzjoni għall-gass naturali għall-produtturi tal-fertilizzanti fil-każ ta’ razzjonar tal-gass permezz tal-pjanijiet ta’ emerġenza nazzjonali tagħhom.

    Aktar reċentement, fit-18 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni pproponiet regolament ta’ emerġenza ġdid biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-gass fl-UE u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista din ix-xitwa 25 . Dan se jsir permezz ta’ xiri konġunt tal-gass, mekkaniżmi li jillimitaw il-prezzijiet, miżuri ġodda dwar l-użu trasparenti tal-infrastruttura u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, u sforzi kontinwi biex titnaqqas id-domanda għall-gass. Dawn il-miżuri l-ġodda se jgħinu biex tiġi mitigata aktar il-pressjoni tal-prezzijiet li jħossu ċ-ċittadini u l-industrija Ewropej, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u suq intern li jiffunzjona.

    2.9.Promozzjoni ta’ produzzjoni ekoloġika tal-ammonijaka u tal-bijometan

    Fir-rigward tal-fertilizzanti nitroġenużi, l-ammonijaka prodotta bl-użu ta’ idroġenu rinnovabbli, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u mingħajr fossili ieħor hija teknoloġija li tipprometti li tnaqqas ħafna l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-proċess tal-produzzjoni tal-fertilizzanti. Barra minn hekk, l-użu ta’ idroġenu rinnovabbli jelimina d-dipendenza tal-UE fuq il-gass naturali għall-produzzjoni tal-fertilizzanti. Għalkemm għaddejjin ħafna proġetti fuq skala kbira, dawn se jibdew jipproduċu kwantitajiet sinifikanti ta’ fertilizzanti biss mill-2025.

    Għad hemm sfidi biex titkabbar il-produzzjoni tal-ammonijaka bbażata fuq idroġenu rinnovabbli, inkluż in-nuqqas ta’ infrastruttura, it-tħaffif tal-proċeduri tal-permessi u qafas regolatorju li għadu qed jiġi żviluppat. Il-Pjan REPowerEU jippreżenta għadd ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Hekk kif il-prezzijiet tal-gass qed jogħlew, dawn il-proġetti qed isiru kummerċjalment vijabbli meta mqabbla mal-ammonijaka bbażata fuq il-gass naturali, u b’hekk qed jaċċelleraw l-użu tal-ewwel. Biex jgħin fit-tkabbir tal-ekonomija tal-idroġenu rinnovabbli tal-UE, se jinħoloq Bank Ewropew tal-Idroġenu ġdid biex jinvesti EUR 3 biljun biex jingħata bidu għal suq tal-idroġenu fl-UE, inkluż permezz tat-tqabbil tal-provvista mad-domanda.

    Minbarra l-Qafas Temporanju ta’ Kriżi għall-miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni dan l-aħħar irrevediet u mmodernizzat is-Sett ta’ Għodod tagħha għall-Għajnuna mill-Istat 26 , li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jappoġġaw il-konverżjoni tal-industrija Ewropea tal-fertilizzanti nitroġenużi għall-elettriku rinnovabbli jew għall-idroġenu rinnovabbli, flimkien ma’ proġetti ċirkolari lokali ta’ rkupru tan-nutrijenti, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti.

    Il-Kummissjoni se timmira li tiżgura li jkun hemm ambjent regolatorju stabbli u fattibbli li jirregola l-produzzjoni ta’ idroġenu rinnovabbli u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u b’hekk tiżgura li jkun jista’ jiżviluppa malajr suq għal fertilizzanti bbażati fuq idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Il-Kummissjoni dalwaqt se tippubblika żewġ atti delegati skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 li tistabbilixxi qafas regolatorju għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika.

    Il-bijometan għandu potenzjal ta’ sostituzzjoni promettenti fir-rigward tal-gass, speċjalment għaż-żoni fejn l-idroġenu rinnovabbli jkun anqas kompetittiv. Kif indikat fil-pjan REPowerEU, iż-żieda tal-produzzjoni sostenibbli tal-bijometan għal 35 bcm sal-2030 hija triq kosteffiċjenti biex tintlaħaq l-ambizzjoni tal-UE li tnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass naturali mir-Russja. Dan mhux biss se jipprovdi enerġija rinnovabbli u jagħti spinta lill-introjtu tal-bdiewa, iżda se joħloq ukoll fluss ġdid ta’ provvista ta’ fertilizzanti organiċi. Is-Sħubija Industrijali Ewropea għall-Bijometan tnediet fit-28 ta’ Settembru 2022, b’mira ta’ produzzjoni u użu annwali tal-bijometan ta’ 35 bcm sal-2030.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni se teżamina miżuri li jistgħu jgħinu biex il-fertilizzanti ekoloġiċi jsiru kompetittivi fis-suq matul it-tranżizzjoni lejn ekonomija kompletament dekarbonizzata.

    3.L-iżgurar tad-disponibbiltà u tal-affordabbiltà tal-fertilizzanti fid-dinja

    3.1.Appoġġ tal-UE għal inizjattivi multilaterali u bilaterali

    L-Unjoni Ewropea rreaġixxiet malajr għax-xokk sistemiku ġġenerat mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna permezz tar-Rispons b’erba’ binarji tagħha ta’ Tim Ewropa għall-Insigurtà Globali tal-Ikel: (1) Is-solidarjetà, (2) Il-produzzjoni, (3) Il-kummerċ u (4) Il-multilateraliżmu. B’kollox, l-Unjoni Ewropea hija stmata li se tipprovdi EUR 7,7 biljun sal-2024 biex tappoġġa s-sigurtà globali tal-ikel u sistemi tal-ikel sostenibbli. L-UE tappoġġa, inter alia, miżuri li jfittxu li jtejbu s-saħħa tal-ħamrija kif ukoll użu aktar ottimali u sostenibbli tal-fertilizzanti.

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħidma tal-Grupp ta’ Rispons għall-Kriżijiet Globali dwar l-Ikel, l-Enerġija u l-Finanzi mmexxi min-NU kif ukoll inizjattivi internazzjonali oħra bħall-Alleanza Globali tal-G7 dwar is-Sigurtà tal-Ikel, is-Sejħa għal Azzjoni u FARM. Dawn l-inizjattivi jinkludu miżuri biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ fertilizzanti, b’mod partikolari billi s-swieq jinżammu miftuħa u jiġu evitati r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, tiżdied temporanjament il-produzzjoni tal-fertilizzanti biex jiġu kkumpensati n-nuqqasijiet, tiġi appoġġata l-innovazzjoni tal-fertilizzanti u jiġu promossi metodi biex tiġi massimizzata l-effiċjenza tal-fertilizzanti.

    Il-Kummissjoni tirrinforza l-approċċ multilaterali fit-taħditiet bilaterali tagħha mas-sħab strateġiċi. Pereżempju, permezz tal-Pjattaforma ta’ Kollaborazzjoni dwar l-Agrikoltura stabbilita mal-Istati Uniti f’Novembru 2021, jiġu indirizzati kwistjonijiet ewlenin bħan-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar il-provvista u d-domanda fis-swieq internazzjonali, il-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tal-produzzjoni tal-għelejjel u l-użu tan-nutrijenti, u l-irfinar tal-prattiki ta’ produzzjoni bl-użu ta’ data u l-applikazzjoni ta’ preċiżjoni. Il-Kummissjoni u l-Kanada se jorganizzaw avveniment konġunt dwar l-użu sostenibbli tal-fertilizzanti, li jiffoka fuq l-ottimizzazzjoni tal-użu u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda.

    Il-Kummissjoni se tingħaqad mal-Isfida Globali tal-Fertilizzanti (GFC - Global Fertiliser Challenge) imnedija fil-Forum tal-Ekonomiji Ewlenin f’Ġunju 2022. L-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ is-sigurtà globali tal-ikel u tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-agrikoltura billi tgħin biex jittaffew in-nuqqasijiet fil-provvista tal-fertilizzanti b’mod partikolari permezz ta’ ġestjoni aħjar tan-nutrijenti, effiċjenza akbar fl-użu tal-fertilizzanti, prattiki agrikoli alternattivi u alternattivi għall-fertilizzanti minerali tinsab fil-proċess li tidentifika azzjonijiet konkreti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-GFC. 

    Minbarra l-impatt tal-invażjoni Russa, is-swieq globali tal-fertilizzanti ġew affettwati b’mod qawwi mit-tfixkil fis-suq. Pajjiżi produtturi ewlenin, bħar-Russja u ċ-Ċina, imponew restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, li affettwaw 20 % tal-kummerċ globali tal-fertilizzanti espress f’nutrijenti 27 . L-UE għamlet l-isforzi kollha tagħha biex tikkoopera mas-sħab tagħha u l-organizzzzjonijiet internazzjonali, bil-għan li jiġu evitati tali restrizzjonijiet għall-kummerċ.

    3.2.Appoġġ għall-pajjiżi sħab: il-ġestjoni sostenibbli tal-fertilità tal-ħamrija u l-kapaċitajiet produttivi tal-bdiewa

    Il-livelli globali tal-konsum ta’ fertilizzanti minerali għal kull ettaru ta’ raba’ li jinħadem ivarjaw b’mod konsiderevoli 28 . Il-prattiki agrikoli diversifikati, l-aċċess għall-ilma, it-taħriġ adattat u s-servizzi ta’ konsulenza rurali, id-drittijiet żgurati tal-art, l-aċċess ġust għal żrieragħ ta’ kwalità u l-aċċess għall-kreditu huma fost il-lievi ewlenin biex jiġu appoġġati l-istrateġiji ta’ produzzjoni u reżiljenza tal-bdiewa. Dawn il-fatturi huma kruċjali, speċjalment f’żoni fejn id-degradazzjoni tal-art twassal għal rispons baxx tal-fertilizzanti.

    F’dan l-isfond u f’konformità mal-istrateġiji tagħha “Mill-Għalqa sal-Platt” u dwar il-Bijodiversità, il-Kummissjoni hija impenjata li twitti globalment it-triq għal approċċi innovattivi b’appoġġ għall-ġestjoni integrata tal-fertilità tal-ħamrija, bl-applikazzjoni ta’ sett varjat ta’ soluzzjonijiet ta’ fertilità tal-ħamrija speċifiċi għas-sit li jwasslu għal żidiet sostenibbli fir-rendiment. Agroekosistemi diversifikati, kontenut ogħla ta’ materja organika tal-ħamrija u ġestjoni aħjar taċ-ċiklu tan-nutrijenti (i) iżidu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, (ii) jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tal-klima permezz ta’ żieda fil-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija, u (iii) itejbu l-preservazzjoni tal-bijodiversità.

    Għalkemm mhux il-bdiewa kollha jintlaqtu bl-istess mod u fl-istess skala f’kull pajjiż, l-UE tgħin lis-sħab tagħha jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq il-fertilizzanti importati u d-dipendenza fuq il-fertilizzanti minerali billi jinvestu f’alternattivi, inklużi fertilizzanti organiċi, kif ukoll agrikoltura sostenibbli u ġestjoni tal-fertilità tal-ħamrija. Dan huwa komponent ewlieni tat-tnedija tal-perkorsi nazzjonali ta’ trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel xprunati mill-pajjiż, wara s-Summit tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel tal-2021. Għadd ta’ interventi ffinanzjati mill-istrument NDICI 29 -Ewropa Globali, inkluż mill-Faċilità l-ġdida ta’ EUR 225 miljun għall-Ikel u r-Reżiljenza għall-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani, kif ukoll mill-pakkett ta’ żvilupp tal-appoġġ ta’ EUR 600 miljun imħabbar reċentement mir-riżervi tal-FEŻ għall-pajjiżi AKP u l-Faċilità għall-Ikel u r-Reżiljenza, se jitfasslu għal dan il-għan. B’mod partikolari, l-UE se:

    -tiffaċilita d-djalogu u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi, tappoġġa l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, b’mod partikolari f’pajjiżi b’użu għoli ta’ fertilizzanti u/jew effiċjenza baxxa fl-użu tan-nutrijenti;

    -taħdem mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa fi ktajjen tal-valur agroalimentari speċifiċi u torbothom b’mod sistematiku mal-organizzazzjonijiet tar-riċerka agrikola u mas-settur privat, filwaqt li tibni fost l-oħrajn fuq il-portafolli DeSIRA u GCCA+ 30 ;

    -tippromwovi approċċi agroekoloġiċi, inkluż fir-rigward ta’ ktajjen tal-valur u għelejjel konkreti, u prattiki agrikoli sostenibbli li huma essenzjali biex tittejjeb u tiġi sostnuta l-fertilità tal-ħamrija (legumi u proteini tal-pjanti, għelejjel ta’ kopertura, agroforestrija, bhejjem tal-polikultura, eċċ.). Pereżempju, azzjonijiet bħal dawn se jiġu adottati fil-Marokk, fit-Tuneżija, fl-Eġittu, fil-Ġordan, fil-Libanu u fis-Sirja taħt il-“Faċilità għall-Ikel u r-Reżiljenza” reġjonali b’valur ta’ EUR 225 miljun;

    -ittejjeb l-aċċess għal u l-użu effiċjenti tal-fertilizzanti għall-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar permezz ta’ għodod trasparenti u mmirati sewwa (eż. vawċers elettroniċi, skemi ta’ kopagament, użu ta’ mikrodożi għal aktar effiċjenza), servizzi konsultattivi effiċjenti (kalkolu tal-bilanċi tan-nutrijenti, mobilizzazzjoni ta’ sorsi differenti ta’ nutrijenti) u programmi mtejba ta’ sussidju tal-input pubbliku għall-fertilizzanti minerali u organiċi;

    -trawwem sħubijiet strateġiċi kontinwi, b’mod partikolari mas-CGIAR 31 , il-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD) u l-FAO, biex issaħħaħ il-ġestjoni sostenibbli tal-fertilità tal-ħamrija u tiffaċilita approċċi agroekoloġiċi. 

    B’mod parallel, l-UE għandha l-għan li ssaħħaħ ulterjorment l-assistenza alimentari umanitarja tagħha, li hija stmata li hija diġà aktar minn EUR 900 miljun sa issa fl-2022. Dan huwa madwar 55 % aktar mis-sena li għaddiet, u 80 % aktar milli fl-2020. Il-fondi se jintużaw biex jissaħħaħ l-istatus tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni tal-popolazzjonijiet vulnerabbli permezz ta’ modalitajiet li jvarjaw skont il-pajjiż u l-kuntesti reġjonali (assistenza alimentari diretta in natura/flus kontanti inklużi flus bi skopijiet multipli, nutrizzjoni).

    3.3.It-trasparenza tas-suq u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Swieq Agrikoli (AMIS) tal-G20

    L-UE se tkompli tippromwovi t-trasparenza tas-suq biex tiżgura l-istabbiltà tas-swieq u biex tevita disturbi fis-suq u żidiet fil-prezzijiet. Il-Kummissjoni tilqa’ l-estensjoni tal-kopertura tal-AMIS tal-G20 għas-suq tal-fertilizzanti u hija impenjata li tipprovdi d-data u l-appoġġ kollha meħtieġa lis-Segretarjat tal-AMIS. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qed tesplora mal-Istati Membri l-possibbiltajiet għal aktar finanzjament tal-AMIS.

    3.4.Iffaċilitar tal-kummerċ globali tal-fertilizzanti

    L-UE se tkompli targumenta kontra miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-esportazzjoni tal-fertilizzanti kif rifless fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu. L-UE se tkompli taħdem mill-qrib ma’ pajjiżi oħra f’fora internazzjonali (b’mod partikolari fid-WTO, il-G7, il-FAO) kontra r-restrizzjonijiet kummerċjali jew il-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-fertilizzanti u tiżgura ambjent kummerċjali miftuħ, trasparenti u prevedibbli. F’dak is-sens, l-UE se tippromwovi azzjonijiet biex iżżid it-trasparenza fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet inkluż fuq il-fertilizzanti bħala mod biex jiġu implimentati l-impenji meħuda taħt id-dikjarazzjoni dwar l-insigurtà tal-ikel maqbula fl-aħħar ministerjali tad-WTO.

    Ir-rotot loġistiċi ġodda u estiżi stabbiliti mill-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna saru kurituri essenzjali għall-esportazzjonijiet tal-Ukrajna, kemm fis-setturi agrikoli kif ukoll f’setturi oħra. Minn Awwissu, l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali nnegozjata min-NU għenet biex jerġgħu jibdew il-vjeġġi taċ-ċereali mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukrajna. Flimkien, iż-żewġ inizjattivi ppermettew l-esportazzjoni ta’ aktar minn 22 miljun tunnellata ta’ ċereali, żrieragħ li minnhom jintgħasar iż-żejt u prodotti relatati Ukreni bejn Mejju u Ottubru. Sehem sinifikanti minn dawn il-prodotti agrikoli kien qed jilħaq pajjiżi sħab fil-bżonn.

    Fl-istess ħin, l-UE essenzjalment eżentat lis-settur agroalimentari u l-fertilizzanti mill-miżuri restrittivi tagħha kontra r-Russja 32 . Peress li dawn is-sanzjonijiet ma humiex ekstraterritorjali, huma ma japplikawx għal kumpaniji jew individwi mhux tal-UE li jwettqu negozju kompletament barra mill-UE. Barra minn hekk, huma jippermettu li t-trasferiment ta’ fertilizzanti tal-putassa, li joriġinaw jew jiġu esportati mir-Russja lejn pajjiżi mhux tal-UE, jitwettaq minn operaturi tal-UE jew mit-territorju tal-UE 33 . Huwa permess il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja assoċjati ma’ tali trasferimenti, kif huwa permess ukoll il-forniment ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet tal-UE fihom ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet għall-prodotti agrikoli Russi, inklużi l-fertilizzanti, ikunu jistgħu jipproċedu mingħajr xkiel. Il-Kummissjoni ħarġet gwida għal dan il-għan, sabiex tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni effettiva u uniformi tas-sanzjonijiet tal-UE, li hija ta’ importanza kbira għas-settur agroalimentari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex tiżgura li l-gwida u l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti jkunu trasparenti u konsistenti, u b’hekk l-industrija tkun tista’ żżomm ktajjen tal-provvista funzjonali f’konformità sħiħa mas-sanzjonijiet tal-UE, u tikkontribwixxi għad-disponibbiltà tal-fertilizzanti għall-bdiewa. Is-sanzjonijiet tal-UE għandhom objettiv ċar: li jiskoraġġixxi u jirrispondu għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna. Għal din ir-raġuni, is-sanzjonijiet tal-UE jpoġġu restrizzjonijiet fuq xi setturi ewlenin tal-ekonomija sabiex jipprevjenu introjtu sinifikanti li jiffinanzja l-magna tal-gwerra Russa, u jiffriżaw l-assi ta’ individwi u entitajiet li jappoġġaw il-gwerra. Madankollu, kuntrarjament għall-propaganda Russa, dawn l-għanijiet ma humiex inkompatibbli mas-sigurtà tal-ikel.

    3.5.Indirizzar tal-affordabbiltà permezz ta’ spazju fiskali msaħħaħ

    Il-prezzijiet ogħla tal-importazzjoni għall-ikel u l-fertilizzanti u t-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista għall-importaturi tal-ikel kif ukoll it-telf ta’ dħul għal xi esportaturi tal-ikel iżidu mal-ħtiġijiet urġenti tal-bilanċ tal-pagamenti ta’ ċerti pajjiżi Mhux tal-UE. Il-kontribuzzjoni ta’ EUR 100 miljun tal-UE lejn il-Fond għat-Tnaqqis tal-Faqar u t-Tkabbir (PRGT) tal-FMI u l-effett ta’ ingranaġġ tagħha se jappoġġaw pajjiżi vulnerabbli li raw il-kontijiet tal-importazzjoni tagħhom jiżdiedu. L-FMI dan l-aħħar nieda Tieqa għal Xokkijiet Alimentari. L-UE tappoġġa din it-tieqa permezz tal-kontribuzzjoni tagħha għall-PRGT peress li tgħin lill-pajjiżi AKP (il-biċċa l-kbira Pajjiżi b’Introjtu Baxx) jaċċessaw self konċessjonali biex jimmitigaw il-konsegwenzi tal-kriżi tal-ikel. Barra minn hekk, permezz tal-faċilità l-ġdida ta’ EUR 225 miljun għas-Sigurtà tal-ikel u r-reżiljenza, l-UE se tappoġġa, inter alia, l-istabbilizzazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti f’pajjiżi fil-viċinat tan-Nofsinhar, u dan l-appoġġ għandu jiġi estiż ulterjorment fl-2023.

    3.6.Tisħiħ tas-sħubijiet mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali

    L-UE se tfittex modi kif issaħħaħ is-sħubijiet u tiżviluppa investimenti innovattivi u sostenibbli fis-settur agrikolu billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali taħt il-Global Gateway bħala parti minn rispons komprensiv ta’ Tim Ewropa, inkluż permezz tat-tieqa ta’ investiment għall-agrikoltura ta’ Arkitettura Miftuħa tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD+). L-EFSD+ jappoġġa sistemi u ktajjen tal-valur agrikoli intelliġenti għall-klima. Il-portafoll tal-BERŻ diġà jkopri investimenti sinifikanti fis-settur privat tal-industrija agrikola. Il-Bank Ewropew tal-Investiment se jipprovdi lill-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD) b’self konċessjonali ta’ EUR 500 miljun biex jiffinanzja investimenti li jagħtu spinta lill-produzzjoni agrikola sostenibbli u jiġġeneraw ir-reżiljenza.

    3.7.Il-komunikazzjoni strateġika u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni

    Il-Kummissjoni se tintensifika l-komunikazzjoni konġunta dwar l-isforzi tagħha dwar il-fertilizzanti fil-livell multilaterali, reġjonali u tal-pajjiż, inkluż permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE biex tindirizza l-perċezzjonijiet u t-tħassib fil-pajjiżi sħab. B’mod parallel, l-UE se tkompli timmonitorja u tiġġieled l-attivitajiet ta’ manipulazzjoni u interferenza tal-informazzjoni tar-Russja mmirati biex jiddevjaw ir-responsabbiltà għall-kriżi tas-sigurtà tal-ikel lil hinn mill-gwerra tagħha ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, inkluż permezz tal-kanali pubbliċi tal-UE, bħall-EUvsDisinfo u ma’ sħab tal-istess fehma bħal fil-G7 u n-NATO.

    4.Konklużjoni

    Il-fertilizzanti huma importanti biex tiġi żgurata l-produzzjoni kontinwa tal-ikel u l-għalf fl-UE u globalment. Il-prezzijiet għoljin tal-gass u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, minbarra d-dipendenza fuq għadd limitat ta’ fornituri - inkluża r-Russja - ipperikolaw id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti, u b’hekk poġġew is-sigurtà tal-ikel f’riskju, speċjalment fil-pajjiżi l-aktar vulnerabbli fid-dinja.

    F’dan il-kuntest, huma meħtieġa azzjonijiet għal żmien qasir biex jappoġġaw lill-bdiewa u lill-produtturi tal-fertilizzanti. Dawn jikkonsistu fi trasparenza aħjar tas-suq, miżuri ta’ assistenza li jibbenefikaw minnhom il-produtturi tal-fertilizzanti u l-bdiewa, permezz ta’ għajnuniet mill-Istat u finanzjament ieħor tal-UE bħall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u miżuri tas-suq taħt ir-riżerva agrikola, id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ importazzjoni tal-fertilizzanti u miżuri li jiżguraw il-gass u li jillimitaw il-prezzijiet tal-gass filwaqt li jappoġġaw prattiki agrikoli sostenibbli għal użu aħjar tal-fertilizzanti u anqas dipendenza fuq il-fertilizzanti. Azzjonijiet bħal dawn għandhom jibqgħu konsistenti mal-objettivi fit-tul tal-Patt Ekoloġiku tal-UE u l-istrateġiji relatati tiegħu.

    L-UE se tkompli taħdem mal-Istati Membri tagħha, mal-Banek Ewropej tal-Iżvilupp, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-pajjiżi sħab u atturi ewlenin oħra biex timmitiga l-impatt tal-affordabbiltà indebolita tal-fertilizzanti fuq is-sigurtà globali tal-ikel u biex ittejjeb l-użu effiċjenti tagħhom. L-UE ssieħbet f’inizjattivi internazzjonali ġodda bħall-Isfidi Globali tal-Fertilizzanti, qed iżżid is-sħubija tagħha mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u se tkompli tippromwovi miżuri biex tiżgura t-trasparenza tas-suq globali u tevita r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni.

    Fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul, parti importanti mis-soluzzjoni għall-isfidi li jikkonċernaw il-provvista tal-fertilizzanti kif ukoll l-ambjent u l-klima tinsab fl-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn użu sostenibbli tal-fertilizzanti u l-użu ta’ alternattivi sostenibbli għall-fertilizzanti minerali. L-appoġġ għar-riċiklaġġ tan-nutrijenti minn flussi ta’ skart u ż-żieda fil-produzzjoni ta’ ammonijaka ekoloġika se jkunu azzjonijiet ewlenin ta’ akkumpanjament. Dan se jiġġenera benefiċċji għall-bdiewa, għall-ambjent u għall-klima u fl-istess ħin inaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fertilizzanti bbażati fuq il-fjuwils fossili. Dan għandu jimxi id f’id mal-kontinwazzjoni ta’ azzjonijiet bħat-trasparenza aħjar tas-suq, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-importazzjoni, il-prevenzjoni tar-restrizzjonijiet tas-suq u l-azzjonijiet li jimmiraw provvista tal-enerġija affordabbli u sigura.

    Dan l-approċċ joffri opportunitajiet għall-pajjiżi sħab tal-UE wkoll. L-UE se tappoġġahom fil-promozzjoni ta’ alternattivi għall-fertilizzanti minerali bbażati fuq ġestjoni sostenibbli tal-fertilità tal-ħamrija.

    Il-kriżi attwali hija opportunità biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn agrikoltura sostenibbli u sistema tal-ikel sostenibbli, ’il bogħod mid-dipendenza żejda fuq il-fertilizzanti sintetiċi, filwaqt li tiġi żgurata provvista adegwata u affordabbli ta’ fertilizzanti għall-bdiewa fl-UE u fid-dinja.

    (1)      Ara l-Anness 1 ta’ din il-Komunikazzjoni għal spjegazzjoni fil-qosor tal-proċessi bijoloġiċi u kimiċi sottostanti għall-ħidma u l-impatt tal-fertilizzanti.
    (2)      Ara t-23 ta’ Marzu 2022, Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel”, COM(2022) 133 final.
    (3)      L-aggregati ġeografiċi huma dawk jew mibnija mill-aggregati tal-FAOSTAT.
    (4)      L-istat u l-mekkanika tas-suq tal-fertilizzanti fl-UE u fid-dinja huma spjegati fil-qosor fl-Anness 2 ta’ din il-Komunikazzjoni.
    (5)      Il-makronutrijenti ewlenin użati fil-produzzjoni tal-fertilizzanti huma n-nitroġenu, il-fosforu u l-potassju.
    (6)      F’dan il-kuntest, il-proposta għal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Ħamrija fl-2023 se tipprovdi aktar risposti mmirati fuq terminu medju/fit-tul għall-kwistjoni tal-ħamrija fertili għas-sigurtà tal-ikel fl-UE.
    (7)      Il-KAAT (Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin) u l-SMRs (Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni) rilevanti fil-qasam tan-nutrijenti huma l-konformità mal-obbligi derivati mid-Direttiva dwar in-Nitrati (SMR 2), l-istabbiliment ta’ strixxi ta’ lqugħ tul il-mogħdijiet tal-ilma (KAAT 4), miżuri biex tiġi evitata l-erożjoni tal-ħamrija u biex tiġi żgurata kopertura minima tal-ħamrija (KAAT 5 u 6) u n-newba tal-għelejjel (KAAT 7).
    (8)      L-għelejjel tat-titwiq jieħdu n-nitroġenu żejjed li jifdal mill-fertilizzazzjoni tal-għelejjel preċedenti, u ma jħalluhx jintilef permezz tal-lissija.
    (9)      L-investimenti fir-rigward tal-biedja ta’ preċiżjoni huma inklużi b’mod espliċitu f’24 abbozz ta’ pjanijiet.
    (10)      L-Għodda għas-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli għan-Nutrijenti tippermetti lill-bdiewa jottimizzaw l-użu tagħhom tal-fertilizzanti fir-rigward tat-twaqqit, l-ammonti u t-tqegħid.
    (11)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Qafas Temporanju ta’ Kriżi għall-miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja”, C(2022) 7945 final.
    (12)      Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija.
    (13)      12 ta’ Frar 2021, l-Avviż tal-Kummissjoni, “Gwida Teknika dwar La Tagħmilx Ħsara Sinifikanti”, (2021/C58/01).
    (14) Ir-Regolament (UE) Nru 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.
    (15)      Il-biedja organika ma tawtorizzax l-użu ta’ fertilizzanti sintetiċi.
    (16)      Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE.
    (17)      Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi.
    (18)      JRC 2020, ‘‘REcovered Nitrogen from manURE” - Technical proposals for the safe use of processed manure above the threshold established for Nitrate Vulnerable Zones by the Nitrates Directive. Rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-2020 (imsejjaħ ‘‘RENURE”) jikkonkludi li sar progress konsiderevoli fir-rigward tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jnaqqsu l-lissija fid-demel ipproċessat. Madankollu, it-teknoloġiji disponibbli huma probabbli li jipproduċu prodotti b’emissjonijiet ogħla ta’ ammonijaka minn ċerti fertilizzanti minerali bħan-nitrat tal-ammonju tal-kalċju (CAN) u n-nitrat tal-ammonju (AN) - għalkemm aħjar mid-demel u simili jew anqas mill-urea. Għalhekk, l-użu ta’ prodotti RENURE jeħtieġ li jkun soġġett għal rekwiżiti stretti dwar il-prattiki ta’ applikazzjoni, kompletament f’konformità mal-kriterji tad-Direttiva dwar in-Nitrati.
    (19)      Id-Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli. F’żoni vulnerabbli għan-nitrati, id-demel iżda wkoll id-demel ipproċessat jista’ jintuża biex jissostitwixxi l-fertilizzanti minerali biss sal-limiti stabbiliti mid-Direttiva dwar in-Nitrati (170 kg/ettaru/sena) biex jiġi evitat aktar tniġġis.
    (20)      Għadd ta’ pajjiżi esportaturi tal-fertilizzanti bħall-Marokk, l-Eġittu, l-Alġerija, it-Tuneżija, Trinidad u Tobago jgawdu minn aċċess mingħajr dazju għall-UE skont ftehimiet ta’ kummerċ ħieles.
    (21)      19 ta’ Lulju 2022, Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana, COM(2022) 359.
    (22)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2070 tas-26 ta’ Ottubru 2022, C/2022/7826.
    (23)      13 ta’ Ottubru 2021, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ”, COM(2021) 660 final.
    (24)      17 ta’ Lulju 2022, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura”, COM(2022) 360 final.
    (25)      Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill, Li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, tal-iskambji transfruntieri tal-gass u parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet, COM(2022) 549 final.
    (26)      18 ta’ Frar 2022, “Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija”, C/2022/481; 19 ta’ Ottubru 2022, “Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni”, C(2022) 7388 final.
    (27)      IFPRI food trade policy tracker, https://www.ifpri.org/project/covid-19-food-trade-policy-tracker
    (28)      Minn 20 kg/ettaru fir-reġjun sub-Saħarjan, għal 77 kg fl-Afrika ta’ Fuq, 125 kg/ettaru fl-Amerika ta’ Fuq, 155 kg/ettaru fl-Ewropa, 171 kg/ettaru fl-Amerika Latina għal 294 kg/ettaru fl-Asja tal-Lvant (2018, il-Bank Dinji).
    (29)      Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.
    (30)      DeSIRA: Żvilupp ta’ Innovazzjoni Intelliġenti permezz tar-Riċerka fl-Agrikoltura. GCCA+: Alleanza Globali kontra t-Tibdil fil-Klima+.
    (31)      Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka Agrikola Internazzjonali.
    (32)      L-unika restrizzjoni attwalment fis-seħħ fuq ir-Russja tikkonċerna l-importazzjonijiet fl-UE ta’ ċerti fertilizzanti tal-putassa, li għalihom, madankollu, hemm fis-seħħ kwota kbira bbażata fuq il-konsum tal-passat. Is-sanzjonijiet relatati ma’ individwi msemmija huma rilevanti wkoll.
    (33)      Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu l-interessi tas-sigurtà nazzjonali tagħhom.
    Top

    Brussell, 9.11.2022

    COM(2022) 590 final

    ANNESSI

    tal-

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti


    Anness 1

    L-importanza tal-fertilizzanti għas-sigurtà tal-ikel u r-riskju ta’ użu eċċessiv

    Il-fertilizzanti għandhom rwol importanti għall-produzzjoni tal-ikel. Illum jingħad li sa 50 % tal-produzzjoni globali tal-ikel tiddependi fuq l-użu ta’ fertilizzanti minerali. Bl-istess mod, l-użu intensiv tal-fertilizzanti għandu impatt sinifikanti fuq is-saħħa, il-klima u l-ambjent.

    Iż-żieda ta’ nutrijenti fil-ħamrija permezz tal-fertilizzanti żżid, fil-limiti bijoloġiċi, il-produzzjoni tal-bijomassa u r-rendiment potenzjali tal-għelejjel, u tgħin fil-qbid tad-diossidu tal-karbonju. Il-pjanti jassorbu n-nutrijenti mill-ħamrija u jużawhom għat-tkabbir, u b’hekk ibattlu l-ħamrija. Il-fertilizzanti jżidu n-nutrijenti lura fil-ħamrija. Kwantità ogħla ta’ produzzjoni (jiġifieri qamħ, ħaxix, eċċ.) tista’ tiġi prodotta fuq wiċċ iżgħar, li jillimita ż-żona agrikola meħtieġa għall-produzzjoni tal-ikel globalment.

    Il-fertilizzanti jistgħu jkunu ta’ oriġini minerali jew organika.

    Hemm tliet nutrijenti ewlenin għat-tkabbir tal-pjanti: in-nitroġenu (N), il-fosforu (P), u l-potassju (K 1 ). Il-fosforu u l-potassju huma nutrijenti li jinsabu fil-minerali u fil-blat estratt mill-minjieri (fertilizzanti minerali). In-nitroġenu huwa n-nutrijent użat fl-akbar kwantità għall-għelejjel taċ-ċereali fid-dinja. Dan jeħtieġ li jiġi applikat b’mod regolari filwaqt li l-bdiewa jistgħu jirrinunzjaw għall-applikazzjoni tal-fosforu u tal-potassju għal ċertu perjodu mingħajr impatt negattiv fuq ir-rendimenti.

    Filwaqt li huwa diffiċli li jiġi stabbilit proporzjon preċiż, tnaqqis mhux premeditat ta’ 20 % tal-fertilizzant nitroġenuż fit-tkabbir ta’ għalla bħall-qamħ fl-UE huwa mistenni li jwassal għal tnaqqis fir-rendiment ta’ 4-5 % (abbażi tal-aħjar rata ta’ fertilizzazzjoni) 2 .

    Il-produzzjoni tal-fertilizzanti nitroġenużi sintetiċi tirrikjedi ħafna enerġija. Fl-UE, is-sors tal-enerġija huwa normalment il-gass naturali li jservi wkoll bħala l-materja prima għall-produzzjoni tal-idroġenu (H2) meħtieġ għall-fertilizzanti nitroġenużi sintetiċi (il-prodott intermedju huwa l-ammonijaka (NH3)). F’dan il-proċess, in-nitroġenu jintrebaħ mill-arja.

    Il-produzzjoni tal-fertilizzanti nitroġenużi tiġġenera emissjonijiet sinifikanti tas-CO2. Dan iseħħ irrispettivament mit-titjib kostanti fit-teknoloġiji ta’ tnaqqis, speċjalment fis-siti ta’ produzzjoni tal-UE.

    Jekk il-fertilizzanti ma jiġux applikati kif suppost, it-telf tan-nutrijenti jista’ jammonta sa 50-60 % tal-ammonti applikati għall-għelieqi. L-UE taqbeż, b’fattur ta’ aktar minn 3 għan-nitroġenu u b’fattur ta’ 2 għall-fosforu, dawk li huma kkunsidrati bħala l-limiti planetarji sikuri għall-fertilizzanti. Il-fertilizzanti jiġu applikati b’mod eċċessiv f’ħafna partijiet tal-UE bi ftit gwadann ovvju fir-rendiment. Aktar minn 90 % tal-emissjonijiet totali (gassużi) tal-ammonijaka tal-UE jiġu mill-agrikoltura; 80 % minn dawn jiġu mid-demel u 20 % minn fertilizzanti minerali. Il-lissija u l-iskular tal-fertilizzanti, minħabba applikazzjoni eċċessiva, huma kawżi ewlenin tal-konċentrazzjonijiet eċċessivi ta’ nutrijenti fil-ħamrija u fl-ilma li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ekosistemi u lill-kwalità tal-ilma. Dawn l-effetti jistgħu jirriżultaw kemm minn fertilizzanti minerali kif ukoll minn fertilizzanti organiċi, fi gradi differenti (id-demel mhux ipproċessat għandu t-tendenza li jkollu karatteristiċi ta’ lissija agħar mill-fertilizzanti minerali). Meta l-fertilizzanti jnixxu fl-ambjent, huma jixprunaw ukoll il-produzzjoni tal-ossidu nitruż, gass serra qawwi.

    L-għan ta’ effiċjenza ottimizzata fl-użu tal-fertilizzanti huwa li jitnaqqas id-distakk bejn ir-rendiment reali u dak li jista’ jinkiseb tal-għelejjel, u b’hekk jitnaqqsu l-iskart tal-fertilizzanti u l-ħsara għall-ambjent.

    Is-sostituzzjoni sħiħa tal-fertilizzanti minerali b’fertilizzanti organiċi, li ma jiġġenerawx emissjonijiet jew li jiġġeneraw anqas emissjonijiet matul il-produzzjoni, ma hijiex fattibbli fuq perjodu ta’ żmien qasir minħabba r-restrizzjonijiet eżistenti fuq is-sigurtà tal-art u tal-ikel u x-xejriet attwali tad-dieta. Madankollu, l-użu u d-dipendenza fuq il-fertilizzanti minerali importati jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti billi jintużaw u jiżdiedu approċċi tal-ekonomija ċirkolari bħar-riċiklaġġ tan-nutrijenti mill-ilma mormi u bijoskart ieħor (bħall-iskart ekoloġiku mibdul f’kompost mill-unitajiet domestiċi) jew billi jintuża demel ipproċessat biex jittejbu l-karatteristiċi tal-iskular. Pereżempju hemm regoli dwar ir-rati minimi ta’ użu mill-ġdid u riċiklaġġ għall-fosforu u n-nitroġenu mill-ħama, li l-Kummissjoni pproponiet fid-Direttiva riveduta dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi 3 .

    Iż-żieda fl-effiċjenza tal-użu tan-nitroġenu fl-azjendi agrikoli billi jittejbu l-prattiki agrikoli, l-għarfien dwar il-ħamrija u l-użu tal-biedja ta’ preċiżjoni u l-infurzar tal-miżuri ta’ prevenzjoni u tnaqqis tat-tniġġis fil-Programmi ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati huma essenzjali biex jitnaqqas l-użu eċċessiv tal-fertilizzanti u se jikkontribwixxu għat-tnaqqis tat-telf għall-ambjent u għat-titjib taż-żamma tan-nutrijenti. L-istess huma ż-żieda fl-appoġġ għall-biedja organika, it-tkabbir ta’ għelejjel li għandhom anqas ħtiġijiet ta’ nitroġenu jew li jiġbru n-nitroġenu mill-arja u b’hekk isostnu l-ħamrija. Dawn l-approċċi kollha jippromettu li jiġġeneraw kobenefiċċji ambjentali, klimatiċi u ekonomiċi u se jsaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. Il-politiki u l-miżuri li jappoġġaw dawn l-approċċi għandhom jiġu aċċellerati biex jittejbu r-reżiljenza u s-sigurtà tal-ikel tal-UE.



    Anness 2

    Is-sitwazzjoni tas-swieq tal-fertilizzanti fl-UE u fid-dinja

    L-industrija Ewropea tal-fertilizzanti għandha aktar minn 120 sit ta’ produzzjoni mifruxa madwar il-maġġoranza tal-Istati Membri, sinjal tar-rwol strateġiku tagħha fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel. Hija kienet timpjega 61 000 persuna fl-2017 u kellha fatturat medju ta’ EUR 23,3 biljun fil-perjodu 2017-19.

    Bħala medja, il-produzzjoni totali tal-EU-27 ta’ prodotti fertilizzanti intermedji u lesti kienet ta’ 40,2 miljun tunnellata (2019-2021). Il-produtturi ewlenin f’termini ta’ valur huma l-Ġermanja, il-Polonja, Franza u Spanja. Minbarra l-produzzjoni ta’ prodotti fertilizzanti minerali, l-impjanti tal-EU-27 ipproduċew 12,2-il miljun tunnellata ta’ ammonijaka, użata prinċipalment għall-produzzjoni tal-fertilizzanti iżda wkoll f’industriji oħra, pereżempju għas-sustanzi kimiċi. AdBlue, prodott mill-ammonijaka, jintuża bħala reaġent biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja mill-egżost tad-diżil u huwa ta’ importanza kritika għall-ktajjen tal-provvista minħabba l-użu tat-trakkijiet għat-trasport. Id-diossidu tal-karbonju huwa prodott sekondarju importanti tal-produzzjoni tal-ammonijaka 4 .

    Tabella 1: Produzzjoni tal-UE ta’ prodotti fertilizzanti intermedji u lesti (1 000 tunnellata)

    Sors: EUROSTAT Prodcom

    Il-konsum ta’ fertilizzanti nitroġenużi minerali fl-agrikoltura huwa stmat li kien ta’ 10,3 miljun tunnellata (espressi f’tunnellati ta’ nitroġenu) fl-EU-27 fl-2018. Il-konsum ta’ fertilizzanti fosfatiċi minerali laħaq 1,2 miljun tunnellata fl-2018. Il-konsum ta’ fertilizzanti nitroġenużi sintetiċi baqa’ relattivament stabbli matul il-perjodu 2000-2018 filwaqt li l-konsum ta’ fertilizzanti fosforiċi minerali naqas minn madwar 1,6 miljun tunnellata fl-2000 għal 1,2 miljun tunnellata fl-2018.

    Illustrazzjoni 1: Użu ta’ fertilizzanti minerali fl-UE (miljun tunnellata ta’ nutrijenti)

    Sors: Eurostat

    Il-kummerċ internazzjonali fil-fertilizzanti huwa kkonċentrat ħafna, bl-aqwa ħames esportaturi tan-nutrijenti responsabbli għal 43 % tal-kummerċ globali fl-2020 fin-nitroġenu (N), 76 % għall-fosfati (P) u 83 % għall-putassa (K). Id-depożiti tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-fertilizzanti huma mqassma b’mod mhux uniformi. Id-depożiti globali tal-fosforu jinsabu kollha barra mill-Ewropa: madwar tliet kwarti tal-estrazzjoni tal-blat fosfatiku huma maqsuma bejn iċ-Ċina, il-Marokk, l-Arabja Sawdija, ir-Russja, l-Istati Uniti u t-Tuneżija. Id-depożiti tal-putassa fil-Belarussja, il-Kanada u r-Russja jammontaw għal 68 % tad-depożiti globali.

    L-UE importat madwar 26 miljun tunnellata ta’ nitroġenu, fosfat u putassa u sustanzi intermedji fl-2021, prinċipalment ibbażati fuq in-nitroġenu (10,6 miljun tunnellata), jiġifieri l-ammonijaka, l-urea, in-nitrat tal-ammonju tal-urea, in-nitrat tal-ammonju, eċċ., il-putassa (3,4 miljun tunnellata), il-fosforu u l-prekursuri (6,4 miljun tunnellata) kif ukoll fertilizzanti komposti li fihom it-tliet nutrijenti tan-nitroġenu (N), il-fosforu (P) u l-potassju (K) (5,6 miljun tunnellata). L-importazzjonijiet jirrappreżentaw rispettivament 30 %, 68 % u 85 % tal-konsum tal-UE tan-nutrijenti tan-nitroġenu, tal-fosfat u tal-putassa. Fir-rigward tal-fosfati, 28 % tal-importazzjonijiet tal-UE joriġinaw mill-Marokk u 23 % mir-Russja. Fir-rigward tal-putassa, 64 % tal-importazzjonijiet tal-UE 5 oriġinaw mir-Russja u l-Belarussja 6 .

    L-istimi għall-2022 ibbażati fuq l-ewwel tmien xhur tas-sena juru tnaqqis ġenerali fl-importazzjonijiet tal-fertilizzanti b’madwar 13 %, essenzjalment fir-rigward tal-putassa, il-fosfati u l-fertilizzanti komposti, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-ammonijaka u tal-fertilizzanti nitroġenużi żdiedu b’mod sostanzjali fl-2022 (+19 % għall-ewwel tmien xhur tas-sena meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2021).

    Illustrazzjoni 2: Importazzjonijiet tal-UE ta’ fertilizzanti intermedji u lesti (miljun tunnellata ta’ prodotti) – Jannar sa Awwissu

    Sors: Eurostat -Comext

    L-esportazzjonijiet ta’ fertilizzanti tal-UE ammontaw għal 12,9-il miljun tunnellata fis-sena fl-2021, essenzjalment il-fertilizzanti nitroġenużi (7,8 miljun tunnellata) u l-fertilizzanti komposti (3,6 miljun tunnellata).

    Fl-2022, hemm esportazzjonijiet aktar baxxi ta’ fertilizzanti minerali (-13 % għall-ewwel tmien xhur tas-sena meta mqabbla mal-2021). 

    Illustrazzjoni 3: Esportazzjonijiet tal-UE ta’ fertilizzanti intermedji u lesti (miljun tunnellata ta’ prodotti) – Jannar sa Awwissu

    Sors: Eurostat -Comext

    Il-prezzijiet għoljin u instabbli tal-fertilizzanti huma sfida għall-bdiewa tal-UE. Il-fertilizzanti jirrappreżentaw sehem sinifikanti mill-kostijiet tal-input tal-bdiewa, madwar 6 % bħala medja matul il-perjodu 2017-2020 u 12 % għall-bdiewa ta’ għelejjel li jinħartu speċjalizzati. Il-prezzijiet għoljin tal-komoditajiet agrikoli jistgħu jagħmluha ta’ siwi għall-bdiewa tal-għelejjel li jinħartu li jikkunsidraw li jużaw l-aħjar kwantitajiet ta’ fertilizzanti irrispettivament mill-prezzijiet għoljin. Iżda l-bdiewa ma għandhomx ċertezza dwar il-prezzijiet futuri tal-għelejjel. L-indiċijiet tal-prezzijiet tal-fertilizzanti dan l-aħħar kienu qed jiżdiedu aktar mill-indiċijiet tal-prezzijiet tal-komoditajiet tal-ikel, u dan jindika effett ta’ mqass. Il-bdiewa normalment jibnu l-ħażniet ta’ fertilizzanti għall-istaġun tal-għelejjel li jmiss matul is-sajf. Fl-2022, huma ttardjaw dan ix-xiri.

    Il-prezzijiet globali tal-fertilizzanti żdiedu progressivament mill-bidu tal-2021, b’livelli massimi bejn Settembru u Novembru 2021, wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u f’April 2022. Minn dak iż-żmien, dawn naqsu bi ftit, b’mod partikolari l-fertilizzanti tan-nitroġenu u tal-fosfat. F’Settembru ġew irreġistrati żidiet reċenti, b’mod partikolari għall-urea. Meta mqabbla mal-medja fil-perjodu ta’ referenza 2016-2020, f’Settembru 2022, dawn għadhom f’livelli għoljin ħafna: +128 % għall-fosfat tad-diammonju, +200 % għall-urea u +141 % għall-putassa.

    Illustrazzjoni 4: Prezz dinji għall-prodotti fertilizzanti (USD/tunnellata)

    Sors: World Bank Commodity Price Data

    Is-swieq globali tal-fertilizzanti ġew affettwati b’mod qawwi mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, b’mod partikolari minħabba d-dipendenza tagħhom fuq il-gass naturali u minħabba t-tfixkil fis-suq, inklużi r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni imposti minn pajjiżi produtturi ewlenin bħar-Russja u ċ-Ċina. Ir-Russja hija l-esportatur ewlieni fid-dinja ta’ fertilizzanti, speċjalment tan-nitroġenu, u t-tieni l-aktar esportatur importanti ta’ fertilizzanti fosfatiċi. Ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjonijiet tal-fertilizzanti imposti minn produttur importanti bħar-Russja huma partikolarment ta’ tfixkil għas-suq globali.

    L-affordabbiltà tal-fertilizzanti ddeterjorat hekk kif il-prezzijiet tal-fertilizzanti għolew b’rata aktar mgħaġġla mill-prezzijiet tal-komoditajiet agrikoli. Ħafna pajjiżi madwar id-dinja jibbażaw fuq numru żgħir biss ta’ sħab kummerċjali għall-importazzjonijiet tal-fertilizzanti tagħhom u għalhekk, jiffaċċjaw kontijiet tal-importazzjoni tal-fertilizzanti aktar għoljin u kostijiet ogħla tal-produzzjoni li min-naħa tagħhom jaffettwaw b’mod negattiv il-ħsad. Jekk il-prezzijiet għoljin tal-fertilizzanti jippersistu fl-istaġuni tat-tħawwil li jmiss, il-problema hija probabbli li tespandi għall-produzzjoni tar-ross, u taffettwa madwar 3 biljun persuna fil-Kontinent Amerikan u l-Asja, li għalihom ir-ross huwa l-ikel bażiku ewlieni.

    (1)      K tfisser kalju.
    (2)      Din id-data ġejja minn provi xjentifiċi mwettqa minn produttur tal-fertilizzanti matul dawn l-aħħar 15-il sena bbażati fuq rati multipli ta’ nitroġenu. Ta’ min jinnota li f’ċerti reġjuni fl-Ewropa tinqabeż l-aħjar rata ta’ fertilizzazzjoni.
    (3)      Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi.
    (4)      Użat għall-isturdament tal-annimali, għall-imballaġġ tal-laħam biex itawwal il-ħajja (tal-prodott) fuq l-ixkaffa u għax-xorb bil-gass.
    (5)      EC (2020), Non-critical Raw Materials Factsheets , p. 412.
    (6)      Fl-24 ta’ Ġunju 2021, l-UE imponiet miżuri restrittivi fuq l-importazzjonijiet tal-putassa mill-Belarussja b’reazzjoni għall-eskalazzjoni tal-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż.
    Top