EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0547

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Stat tal-Unjoni tal-Enerġija 2022 (skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika)

COM/2022/547 final

Brussell, 18.10.2022

COM(2022) 547 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Stat tal-Unjoni tal-Enerġija 2022











(skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika)


1. INTRODUZZJONI U PUNTI EWLENIN

Ir-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija jirrieżamina l-aħħar żviluppi ta’ politika u jiddeskrivi l-progress li sar fil-livell tal-Unjoni lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija, inklużi l-miri tal-Unjoni għall-enerġija u għall-klima għall-2030. L-edizzjoni tal-2022 tar-rapport tqis ir-rispons ta’ politika dwar l-enerġija tal-UE għall-kriżi tal-enerġija attwali u telabora fuq il-kamp ta’ applikazzjoni, l-impatti mistennija u l-konsistenza tagħhom. Dan ir-rapport huwa akkumpanjat mill-proposti li jindirizzaw il-prezzijiet u s-sigurtà tal-enerġija tal-provvista qabel din ix-xitwa.

L-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna qalbet is-swieq tal-enerġija ta’ taħt fuq, u kkawżat il-volatilità tal-prezzijiet u n-nuqqas ta’ sigurtà tal-enerġija fid-dinja kollha, b’impatti u riperkussjonijiet fuq is-sistema tal-enerġija tal-UE. L-UE u l-Istati Membri tagħha qed ifasslu mill-ġdid b’mod dinamiku l-istrateġiji tagħhom dwar l-enerġija biex jirriflettu realtajiet ġeopolitiċi ġodda u biex jindirizzaw il-ħtieġa ta’ enerġija affordabbli. Dan jinkludi azzjonijiet intensifikati biex jiżdiedu l-provvisti tal-gass mis-sħab fdati tal-UE. Il-prezzijiet għoljin f’livelli rekord tal-enerġija mit-tieni nofs tal-2021 ġew aggravati mill-kunflitt, bl-eliminazzjoni tal-provvisti tal-enerġija mir-Russja u ġew affettwati ħafna wkoll mit-temperaturi għoljin f’livelli rekord fil-perjodu tas-sajf. Huwa essenzjali li titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u li d-dipendenza fuq l-enerġija Russa tintemm kemm jista’ jkun malajr 1 u qabel sew it-tmiem ta’ dan id-deċennju 2 .

Element kruċjali ġdid fir-rispons ta’ politika Ewropea għal din is-sitwazzjoni mingħajr preċedent huwa l- Pjan REPowerEU 3 , ippreżentat mill-Kummissjoni f’Mejju 2022 u li jibni fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-pjan, adottat b’Komunikazzjoni Konġunta ġdida dwar l-involviment estern tal-enerġija tal-UE 4 , jinkludi sett ta’ azzjonijiet integrati biex tiġi ffrankata l-enerġija, jiġu ddiversifikati u żgurati l-provvisti tal-enerġija, tingħata spinta lill-użu tal-enerġija rinnovabbli u jiġu kkombinati b’mod intelliġenti l-investimenti u r-riformi. Ir-REPowerEU jżid l-ambizzjoni tal-proposti leġiżlattivi tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” fl-effiċjenza enerġetika u fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li bħalissa jinsabu fi stadju avvanzat ta’ negozjati leġiżlattivi.

Il-Pjan REPowerEU ġie ppreċedut minn proposta għal Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass 5 , adottat mill-koleġiżlaturi fis-27 ta’ Ġunju 2022, u l-istabbiliment tal-Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija f’April 2022. Dan ġie segwit malajr minn interventi ta’ emerġenza, inkluż il-Komunikazzjoni Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura 6 , strument leġiżlattiv ġdid u Pjan Ewropew għat-Tnaqqis tad-Domanda għall-Gass biex sar-rebbiegħa li jmiss id-domanda għall-gass fl-Ewropa titnaqqas bi 15 %, kif ukoll proposta għal Regolament dwar Intervent ta’ Emerġenza biex Jiġu Indirizzati l-Prezzijiet Għoljin tal-Enerġija 7  miftiehma politikament fil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Enerġija fit-30 ta’ Settembru. L-Anness I jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet meħuda fid-dawl tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew minn Ottubru 2021.

Ir-rapport tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija jenfasizza li l-Unjoni tal-Enerġija se tgħin biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, trawwem is-sigurtà u l-affordabbiltà tal-enerġija, tħeġġeġ l-użu tal-enerġija rinnovabbli u tippromwovi l-iffrankar tal-enerġija u l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika. Dan jelabora wkoll dwar l-appoġġ tal-UE lill-ġirien tagħha u s-sħubijiet il-ġodda li ġew stabbiliti biex titħaffef it-tranżizzjoni globali tal-enerġija ekoloġika u ġusta.

Flimkien ma’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni qed tippubblika osservazzjonijiet dwar l-enerġija għal kull Stat Membru li jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva lejn is-sitwazzjoni tal-enerġija tiegħu. L-annessi li jakkumpanjaw ir-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2022 se jiġu ppubblikati dalwaqt:

-Rapport tal-2022 dwar is-sussidji għall-enerġija fl-UE;

-Progress tal-Azzjoni Klimatika tal-UE għall-2022;

-Rapport tal-2022 dwar l-Ilħuq tal-Miri tal-Enerġija Rinnovabbli għall-2020;

-Rapport tal-2022 dwar l-Ilħuq tal-Miri tal-2020 għall-Effiċjenza Enerġetika;

-Gwida dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet-benefiċċji fi proġetti ta’ kooperazzjoni transfruntiera dwar l-enerġija rinnovabbli;

-Rapport dwar il-prestazzjoni tal-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli mogħti permezz ta’ proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti;

-Rapport dwar Progress fil-kompetittività ta’ teknoloġiji tal-enerġija nadifa;

-Rapport dwar il-kwalità tal-fjuwil;

-Rapport dwar il-funzjonament tas-suq tal-karbonju (ETS).

L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2022 - sejbiet ewlenin

·Il-prezzijiet għoljin u volatili tal-enerġija attwali qed ikollhom impatt fuq il-konsumaturi madwar l-Istati Membri kollha tal-UE, u dan jaffettwa mhux biss lill-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, iżda wkoll lill-unitajiet domestiċi b’introjtu medju baxx, lill-SMEs u lill-industriji. Bejn l-2019 u l-2022 bħala medja madwar l-Istati Membri tal-UE, is-sehem tan-nefqa fuq l-enerġija 8 żdied b’aktar minn terz, bis-sehem kważi jirdoppja f’xi pajjiżi 9 . Skont iċ- ċifri tal-Eurostat , madwar 35 miljun ċittadin tal-UE (madwar 8 % tal-popolazzjoni tal-UE) ma setgħux iżommu djarhom sħan b’mod adegwat fl-2020. Iż-żieda fil- prezzijiet tal-enerġija  li bdiet fl-2021 u marret għall-agħar bl-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022, flimkien mal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, x’aktarx li aggravaw sitwazzjoni diġà diffiċli għal ħafna ċittadini tal-UE.

·L-Istati Membri kollha implimentaw miżuri biex jindirizzaw prezzijiet ogħla tal-enerġija. Miżuri nazzjonali relatati mas-sett ta’ għodod tal-Kummissjoni “L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ” ta’ Ottubru 2021 10 ġew adottati biex tiġi evitata l-kriżi. Pereżempju, ġew stabbiliti prezzijiet/tariffi soċjali regolati; ġew introdotti vawċers tal-enerġija u sussidji temporanji għall-konsumaturi privati u għall-konsumaturi kummerċjali (inklużi l-SMEs u l-industriji). It-tnaqqis tat-taxxi relatati mal-enerġija u t-tariffi tan-network huma miżuri ewlenin addizzjonali meħuda mill-Istati Membri biex itaffu l-impatt ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija fuq il-konsumatur aħħari. F’diversi każijiet, dawn jikkostitwixxu sussidji għall-fjuwils fossili li x’aktarx jaffettwaw il-miri u l-impenji tal-UE.

·Sa nofs Ottubru, il-mili tal-ħażna tal-gass tal-UE kien aktar minn 91 %. 14-il Stat Membru kienu diġà qabżu t-80 % sal-5 ta’ Ottubru 2022 u kienu qabżu sew il-mira ta’ 80 % sal-1 ta’ Novembru 2022.

·Is-sehem tal-gass tal-pipeline Russu fl-importazzjonijiet tal-UE naqas minn 41 % fl-2021 għal 9 % f’Settembru 2022. Il-Gass Naturali Likwifikat (LNG) issa huwa s-sors ewlieni tal-provvista li jammonta għal 32 % tal-importazzjonijiet netti totali tal-gass tal-UE.

·Fl-2021, is-sussidji għaż-żejt, għall-faħam u għall-gass urew żieda żgħira, filwaqt li s-sussidji għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fossili naqsu, bis-sussidji għall-fjuwils fossili b’mod ġenerali jibqgħu pjuttost stabbli.  Is-sussidji għall-enerġija rinnovabbli żdiedu b’7 % fl-2020 u naqsu bi ftit fl-2021. Is-sussidji għall-effiċjenza enerġetika naqsu fl-2020 iżda reġgħu żdiedu fl-2021.

·L-UE qabżet sostanzjalment il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2020 stabbilita skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, meta laħqet tnaqqis tal-emissjonijiet netti domestiċi tal-gassijiet serra (mingħajr LULUCF 11 ) ta’ 32 % fl-2020 fl-UE. L-istimi provviżorji juru li l-emissjonijiet huma mistennija li jerġgħu jiżdiedu fl-2021, iżda xorta inqas meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-pandemija.

·Il-miri tal-UE għall-effiċjenza enerġetika u għall-enerġija rinnovabbli għall-2020 inqabżu. Il-Konsum tal-Enerġija Finali (FEC) u l-Konsum tal-Enerġija Primarja (PEC) kienu 5,4 % u 5,8 % anqas mill-miri tal-2020, rispettivament. L-UE laħqet sehem ta’ 22,1 % tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija, u b’hekk qabżet is-sehem ta’ 20 % immirat skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-2009.

·Fl-2019 u l-2020, iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli ssostitwiet madwar 155,6 Mtoe u 164,6 Mtoe ta’ fjuwils fossili rispettivament. Dan jikkorrispondi għal iffrankar ta’ EUR 43,5 biljun mill-użu evitat tal-fjuwils fossili għall-UE fl-2019, u EUR 34,6 biljun fl-2020.

·L-UE ġġenerat rekord ta’ 12 % tal-elettriku tagħha mix-xemx minn Mejju sa Awwissu 2022; u 13 % mir-riħ. Indikazzjonijiet bikrin jissuġġerixxu li l-2022 se tkun sena rekord għas-suq tal-fotovoltajiċi (PV) solari Ewropew bi tkabbir annwali fl-użu fl-akbar swieq tal-Istati Membri tal-UE ta’ bejn 17 % u 26 %. Madankollu, il-produzzjoni tal-idroelettriku naqset minn 14 % għal 11 % fis-sajf tal-2022 meta mqabbla mas-snin preċedenti, minħabba livelli baxxi tal-ilma relatati man-nixfa fix-xmajjar u fil-ġibjuni.

·Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-elettriku huwa mistenni li jikber minn 37 % fl-2021 għal 69 % fl-2030. Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ineffiċjenti, kwistjonijiet ta’ integrazzjoni tal-grilja u diffikultajiet fil-ktajjen tal-provvista jridu jiġu indirizzati bħala prijorità biex jitħaffef dan il-proċess.

·L-UE baqgħet fuq quddiem nett fir-riċerka dwar l-enerġija nadifa, bl-Istati Membri jżidu b’mod kostanti l-investimenti pubbliċi fir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-UE tikkonferma l-pożizzjoni ewlenija tagħha f’teknoloġiji bħalma huma teknoloġiji eoliċi lil hinn mill-kosta. Madankollu, huma meħtieġa aktar investimenti pubbliċi u privati fir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll attivitajiet ta’ żieda u użu biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE.

·Hemm żieda sostantiva fl-għażliet ta’ finanzjament fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali għall-katina tal-valur tal-idroġenu Ewropea. Skont il-mekkaniżmu tal-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni, EUR 10,6 biljun ta’ investimenti pubbliċi fil-katina tal-valur tal-idroġenu ġew approvati bħala inċentiv biex jiġi attirat l-investiment privat fis-settur tal-idroġenu. Madwar EUR 10,6 biljun se jkunu disponibbli fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jappoġġaw proġetti tal-idroġenu. Il-manifatturi tal-elettrolizzaturi fl-Ewropa impenjaw ruħhom li jżidu l-kapaċità tagħhom li jimmanifatturaw l-elettrolizzaturi b’għaxar darbiet: sa 17,5 GW sal-2025. 

·L-Istati Membri qed jimplimentaw miżuri biex jagħtu spinta lill-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha. Fl-industrija, in-negozji issa huma obbligati f’xi każijiet biex jimplimentaw rakkomandazzjonijiet tal-awditjar tal-enerġija meta l-perjodu ta’ ħlas lura jkun anqas minn ħames snin. Il-miżuri biex tintuża s-sħana mormija qed jagħtu potenzjal sinifikanti ta’ ffrankar. L-Istati Membri qed jimplimentaw miżuri ta’ rinnovazzjoni tal-enerġija, inklużi programmi ddedikati għall-akkomodazzjoni soċjali u biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku, itejbu l-bini pubbliku b’mod partikolari l-iskejjel, l-universitajiet u l-infrastruttura tal-kura tas-saħħa.

2. It-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija, id-diversifikazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

Il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku laħqu l-ogħla livelli li qatt intlaħqu fl-2022. Matul l-aħħar sena, il-prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa għolew malajr għal livell ferm ogħla milli f’dawn l-aħħar deċennji. Din id-dinamika hija intrinsikament marbuta mal-prezz għoli tal-gass, li jżid il-prezz tal-elettriku prodott minn impjanti tal-enerġija mħaddma bil-gass. Il-prezzijiet bdew jiżdiedu b’mod mgħaġġel matul it-tieni nofs tal-2021 meta l-ekonomija dinjija reġgħet qabdet wara li tnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Sussegwentement, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja aggravat din is-sitwazzjoni.

Fl-istess ħin, il-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-UE kienet taħt il-livelli tas-soltu. It-temperaturi rekord ta’ dan is-sajf xprunaw id-domanda għall-enerġija għat-tkessiħ u żiedu l-pressjoni fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku minħabba n-nixfiet (sfida għall-produzzjoni idroelettrika) u t-temperaturi għoljin tal-ilma (sfida għall-produzzjoni nukleari). Il-kundizzjonijiet tat-temp estremi u l-konsegwenzi tagħhom fuq l-ilma għalhekk ikkontribwew għall-iskarsezza tal-enerġija u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, li wasslu għal piż għall-konsumaturi u għall-industrija u xekklu l-irkupru ekonomiku. Pressjonijiet addizzjonali tal-provvista fuq il-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti bażiċi tal-ikel qed iwasslu għal pressjonijiet inflazzjonarji globali, u b’hekk qed inaqqsu l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi u tal-ekonomija.

Illustrazzjoni 1. Il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku bl-ingrossa u bl-imnut u l-prezzijiet tal-karbonju fl-UE. Sorsi: Platts, VaasaETT

Il-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru għal regolament dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija ngħatat l-approvazzjoni politika tal-Kunsill tal-Enerġija fi żmien rekord, fit-30 ta’ Settembru. Dan jistabbilixxi mira għal tnaqqis ġenerali fid-domanda għall-elettriku mill-konsumaturi kollha b’enfasi fuq it-tnaqqis tad-domanda matul il-ħinijiet tal-ogħla prezz, limitu fuq id-dħul għat-teknoloġiji inframarginali u kontribuzzjoni ta’ solidarjetà fuq il-profitti żejda ġġenerati minn attivitajiet fis-setturi taż-żejt, tal-gass, tal-faħam u tar-raffinerija. Id-dħul jinġabar mill-Istati Membri u jiġi dirett mill-ġdid lejn il-konsumaturi tal-enerġija b’mod partikolari l-unitajiet domestiċi vulnerabbli, il-kumpaniji milquta ħażin, inklużi l-SMEs, u l-industriji intensivi fl-enerġija. Dan jespandi wkoll is-Sett ta’ Għodod tal-Prezzijiet tal-Enerġija disponibbli għall-Istati Membri biex jgħinu lill-konsumaturi, li jippermetti prezzijiet tal-elettriku regolati anqas mill-kost u jespandi l-prezzijiet regolati biex ikopru wkoll l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Apparti din l-azzjoni biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-elettriku, fit-18 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ miżuri biex itaffu l-prezz tal-gass naturali u biex tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni pproponiet li tgħammar lill-UE bl-għodod legali biex tixtri b’mod konġunt il-gass, tiżgura l-flussi tal-gass fejn ikun meħtieġ u li ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi malajr f’każ ta’ emerġenza billi tistabbilixxi regoli awtomatiċi dwar ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà għal dawk l-Istati Membri li jkunu għadhom ma kkonkludewhomx. Biex tnaqqas il-prezzijiet tal-gass, ACER tkun inkarigata li tiżviluppa punt ta’ referenza ġdid u kumplimentari għax-xiri tal-LNG. Barra minn hekk, sabiex twieġeb għall-kriżi tal-enerġija li għaddejja bħalissa, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi implimentat mekkaniżmu biex jillimita l-prezzijiet permezz tal-iskambju ewlieni tal-gass Ewropew, it-TTF, li għandu jinbeda meta jkun meħtieġ.

Il-Kummissjoni qed timmonitorja mill-qrib u tiddiskuti mal-Istati Membri l-progress tal-valutazzjonijiet tal-adegwatezza li għaddejjin li għandhom jipprovdu ħarsa ġenerali lejn ir-riskji konkreti għal din ix-xitwa. Dawn il-valutazzjonijiet huma bbażati fuq l-aktar miżuri aġġornati u fuq l-istat tas-sorsi ta’ ġenerazzjoni matul ix-xitwa, u l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu indirizzati r-riskji konkreti. Tali azzjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ is-suq intern, peress li l-kummerċ transfruntier ma huwiex biss element essenzjali tas-suq intern iżda wkoll karatteristika ewlenija tas-solidarjetà Ewropea fl-elettriku u fil-gass. Għalhekk, kwalunkwe restrizzjoni li ma hijiex xierqa tista’ tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tal-Istati Membri, tar-reġjuni, u tal-UE.

2.1. Provvista tal-enerġija

Sa mill-bidu tal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, ir-Russja kienet qed timmanipula l-provvista tal-gass bl-għan li ddgħajjef is-solidarjetà u s-sigurtà tal-enerġija tal-UE. B’mod ġenerali, 13-il Stat Membru huma affettwati direttament minn tnaqqis parzjali jew totali fil-provvista 12  b’ħames Stati Membri (il-Bulgarija, il-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja u l-Finlandja) li ma għadhomx jirċievu provvista tal-gass mir-Russja. Gazprom naqqset gradwalment il-flussi tal-gass minn Nord Stream 1 għal żero sal-bidu ta’ Settembru, u l-inċidenti reċenti rigward in-Nord Stream 1 u 2 kienu sinjal ta’ allarm ieħor għall-UE biex issaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u biex iżżid it-tħejjija biex jiġu indirizzati xenarji ta’ tfixkil serju. Is-sistema tal-enerġija tal-UE hija robusta, inkluż fir-rigward ta’ theddid ibridu. Madankollu, lil hinn mis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jeħtieġ li nkomplu l-ħidma dwar il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u ċ-ċibersigurtà. Il-manipulazzjonijiet kontinwi tal-provvista tal-gass lill-UE wasslu għal tnaqqis konsiderevoli fis-sehem Russu fl-importazzjonijiet tal-pipelines tagħna. Filwaqt li l-Federazzjoni Russa forniet 41 % tal-importazzjonijiet tal-gass naturali tal-UE fl-2021, l-importazzjonijiet tal-gass tal-pipeline mir-Russja naqsu għal 9 % sa Settembru 2022.

Bl-implimentazzjoni tal-Pjan REPowerEU u tal-Istrateġija għall-Enerġija Esterna tal-UE, it-tnaqqis kostanti fil-provvista Russa mill-bidu tal-gwerra ġie kkumpensat minn żieda fil-provvisti alternattivi tal-gass bis-saħħa ta’ sforzi ta’ suċċess biex jintlaħqu s-sħab internazzjonali tagħna. Bejn Jannar u Lulju, il-kunsinni li ma humiex Russi permezz ta’ gass naturali likwifikat (LNG) żdiedu bi 19 bcm u b’14 bcm permezz ta’ pipelines. L-LNG issa huwa sors ewlieni tal-provvista tal-UE u jammonta għal 32 % tal-importazzjonijiet netti totali tal-gass. In-Norveġja u l-Istati Uniti huma l-fornituri ewlenin tal-UE.

Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li taġixxi fuq element ewlieni ta’ tħejjija għax-xitwa: il-ħżin tal-gass. Ir-Regolament dwar il-ħżin stabbilixxa mira ta’ mill-anqas 80 % tal-gass maħżun sa Novembru 2022. Illum, il-livell tal-mili tal-ħażna tal-gass tal-UE kien ogħla minn 91 % sa nofs Ottubru u 14-il Stat Membru kienu diġà qabżu t-80 % sal-5 ta’ Ottubru 2022. L-Istati Membri kollha huma konformi mat-trajettorji tal-ħżin tagħhom u l-Kummissjoni qed tkompli bil-ħidma tagħha fl-implimentazzjoni tar-Regolament biex tiżgura li l-ebda wieħed minnhom ma jkollu diffikultà biex jilħaq dawn il-miri.

Il-provvista tal-elettriku tal-UE ġiet affettwata wkoll minn xi tfixkil ieħor. Filwaqt li minn Mejju sa Awwissu 2022, l-UE ġġenerat rekord ta’ 12 % tal-elettriku tagħha mix-xemx u ta’ 13 % mir-riħ, is-sehem tal-enerġija idroelettrika 13 naqas minn 14 % għal 11 % meta mqabbel mas-snin preċedenti, minħabba livelli baxxi ta’ ilma f’diversi xmajjar u ġibjuni relatati man-nixfiet tas-sajf.

Fl-2020, l-impjanti tal-enerġija nukleari ġġeneraw madwar 24,6 % 14 tal-elettriku totali prodott fl-UE. Madankollu, il-flotta nukleari tal-UE qed tiqdiem, u sakemm isiru investimenti ġodda online, l-output totali tagħha huwa mistenni li jonqos temporanjament sa tmiem id-deċennju 15 . In-nixfiet u t-temperaturi għoljin wasslu għal nuqqas ta’ ilma tat-tkessiħ għall-impjanti tal-enerġija nukleari u għal livelli baxxi ta’ ilma li xekklu l-produzzjoni u t-trasport tal-fjuwils nukleari. Dan irriżulta fi produzzjoni aktar baxxa fl-2022.

Minn Marzu 2022, ġew osservati riġidità u saħansitra nuqqasijiet ta’ xi prodotti ewlenin tal-petroleum (primarjament diżil, fjuwil tal-ġettijiet u żejt tal-fjuwil), l-aktar minħabba domanda dejjem akbar u awtosanzjonar mill-operaturi tal-UE b’antiċipazzjoni għal miżuri madwar l-UE. Dan kien aggravat matul is-sajf minn inċidenti f’xi raffineriji tal-UE kif ukoll minn xi diffikultajiet loġistiċi, xprunati mil-livelli baxxi tal-ilma fuq ir-Renu u d-Danubju, li huma passaġġi tal-ilma ewlenin għat-trasport tal-fjuwil. Dan wassal lil xi Stati Membri biex jirrilaxxaw ħażniet taż-żejt ta’ emerġenza ħalli jikkumpensaw għan-nuqqasijiet fil-prodotti tal-petroleum. L-iżviluppi qed jiġu mmonitorjati kontinwament mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-Grupp Ewropew għall-Koordinazzjoni taż-Żejt.

2.2. Diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE

L-UE, bħala l-akbar importatur tal-gass naturali fid-dinja għandha strateġija twila biex tiddiversifika s-sorsi u r-rotot tal-importazzjoni tal-gass naturali. Dan jinkludi l-konnessjoni tal-UE ma’ sorsi ġodda ta’ provvista, pereżempju permezz tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar u sorsi ġodda ta’ LNG fiż-żona tal-Mediterran. L-isforzi ta’ diversifikazzjoni dan l-aħħar aċċelleraw, pereżempju bil-Pajp Baltiku, appoġġat min-Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija, inawgurat fit-28 ta’ Settembru 2022. Il-Pajp Baltiku jsaħħaħ id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass fl-Ewropa tal-Lvant Ċentrali u fl-Istati Baltiċi billi jiftaħ rotta ġdida ta’ importazzjoni mill-Baħar tat-Tramuntana lejn l-UE. Dan se jagħmilha possibbli li jiġu importati sa 10 bcm ta’ gass kull sena min-Norveġja lejn il-Polonja u li jiġu ttrasportati 3 bcm ta’ gass mill-Polonja lejn id-Danimarka. Dan l-aħħar ukoll, fl-1 ta’ Ottubru, ġie inawgurat l-interkonnettur bejn il-Greċja u l-Bulgarija, element ta’ bidla kbira fl-istrateġija tad-diversifikazzjoni u tar-reżiljenza.

Fid-dawl tal-pressjoni tal-provvista tal-enerġija tal-lum, il-Kummissjoni u l-Istati Membri stabbilew il-Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija bħala mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni volontarju li jappoġġa x-xiri tal-gass, tal-LNG u tal-idroġenu, u li għandha l-għan li tgħin fid-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass. Il-pjattaforma tal-Enerġija tal-UE tibni fuq tliet pilastri: l-aggregazzjoni tad-domanda għall-gass għal xiri konġunt, l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-infrastruttura fl-UE biex tiġi appoġġata l-bidla fix-xejriet tal-fluss u l-koordinazzjoni ta’ sensibilizzazzjoni għal sħab internazzjonali.

Il-ftehimiet rapidi tal-Pjattaforma ma’ sħab tal-enerġija affidabbli u fdati biex jiddiversifikaw u jiżguraw il-provvista tal-enerġija tal-UE fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju. Fil-15 ta’ Ġunju 2022, fil-Kajr ġie konkluż ftehim trilaterali bejn l-UE, l-Eġittu u l-Iżrael biex jappoġġa l-esportazzjoni ta’ provvisti tal-gass mill-Iżrael lejn l-UE permezz tat-terminali tal-LNG tal-Eġittu. Fit-18 ta’ Lulju 2022, l-UE u l-Ażerbajġan iffirmaw Memorandum ta’ Qbil (MtQ) dwar Sħubija Strateġika fil-Qasam tal-Enerġija. Il-MtQ il-ġdid se jappoġġa l-irduppjar tal-kapaċità tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar sa mill-anqas 20 biljun metru kubu fis-sena mill-2027 f’konformità mal-pjan REPowerEU filwaqt li jkompli jiżgura kundizzjonijiet attraenti u stabbli għall-provvisti tal-gass naturali lill-UE, li jirrifletti n-natura fit-tul tas-sħubija dwar l-enerġija bejn l-UE u l-Ażerbajġan. Barra minn hekk, l-UE intensifikat id-djalogu dwar iż-żieda fil-provvisti tal-gass mas-sħab fdati tagħha inklużi l-Istati Uniti, in-Norveġja u l-Alġerija. Hija intensifikat ukoll id-diskussjonijiet mal-Kanada għal provvisti eventwali fuq perjodu ta’ żmien medju.

Fil-viċinat dirett tagħha, l-UE ħadet il-pass kuraġġuż u mingħajr preċedent li tappoġġa s-sinkronizzazzjoni ta’ emerġenza tal-Ukrajna u tal-Moldova man-network tal-elettriku Ewropew kontinentali u b’hekk tippreżerva l-istabbiltà tal-grilja u toħloq il-kundizzjonijiet għall-kummerċ tal-elettriku b’benefiċċju reċiproku.

Peress li l-inputs mill-kumpaniji fis-suq tal-gass huma kruċjali biex dan il-mekkaniżmu jkun ta’ suċċess, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi wkoll Grupp Konsultattiv għall-Industrija 16 . Dan il-grupp se jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tax-xiri konġunt u dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għax-xiri konġunt f’konformità mal-ħtiġijiet tal-industrija. Se jħares lejn arranġamenti bħal sejħiet għall-offerti konġunti u l-ħolqien ta’ impriżi konġunti għax-xiri tal-gass.

Il-kooperazzjoni mal-industrija diġà qed twassal għal riżultati. Pereżempju, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tar-REPowerEU dwar il-bijometan laħqet stadju importanti bit-tnedija uffiċjali tas-Sħubija Industrijali tal-Bijometan (BIP). Il-pjan ta’ azzjoni se jiffaċilita l-ilħuq tal-produzzjoni annwali tal-UE ta’ bijometan sostenibbli ta’ 35 bcm sal-2030. Is-Sħubija Industrijali tal-Bijometan se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni permezz ta’ diversi task forces, magħmula minn esperti mill-industrija, mill-awtoritajiet pubbliċi tas-settur primarju, mill-akkademiċi u mis-soċjetà ċivili.

Barra minn hekk, ġew stabbiliti ħames Gruppi Reġjonali taħt il-Pjattaforma tal-Enerġija li tinvolvi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija identifikati. Dawn se joħolqu fehim aħjar tad-domanda potenzjali għall-gass, li se jikkontribwixxi għall-iskema ta’ xiri konġunt, ladarba tiġi stabbilita.

Id-diversifikazzjoni tar-rotot jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, pereżempju billi tingħata spinta lill-enerġija rinnovabbli, jitħaffef l-użu tal-idroġenu rinnovabbli, jiżdied il-bijometan sostenibbli, jitnaqqas il-konsum tal-fjuwils fossili fis-setturi industrijali u tat-trasport fejn il-gassijiet serra huma diffiċli li jitrażżnu u jitħaffu aktar il-permessi u l-innovazzjoni.

Fir-rigward tal-użu ta’ sorsi domestiċi, l-2021 17 rat rekord ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli installata ġdida ta’ 36 GW. Biż-żieda tal-enerġija rinnovabbli, l-UE ssostitwiet madwar 164,6 Mtoe u 155,6 Mtoe ta’ fjuwils fossili fl-2020 u fl-2019 rispettivament, meta mqabbla mal-livell ta’ użu tal-enerġija rinnovabbli fl-2005. Dan jikkorrispondi għal iffrankar ta’ EUR 43,5 biljun għall-UE b’mod kollettiv mill-evitar tal-użu tal-fjuwils fossili fl-2019, u EUR 34,6 biljun fl-2020 18 . L-iffrankar tal-fjuwils fossili mill-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li jiżdied ħafna meta tintlaħaq il-mira proposta għall-2030 ta’ 45 % ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jippermetti lill-UE tnaqqas b’mod konsistenti għall-ebda dipendenza fuq il-fjuwils fossili mir-Russja sal-2027.

Il-politiki avvanzati sew tal-UE għall-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli ngħataw spinta sinifikanti mill-adozzjoni tar-REPowerEU, li jgħinu lis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jikbru b’mod massiv anke fis-setturi kollha tal-użu aħħari. Indikazzjonijiet bikrin jissuġġerixxu li l-2022 se tkun sena rekord għas-suq fotovoltajku solari Ewropew bi tkabbir annwali fl-użu fl-akbar swieq tal-Istati Membri tal-UE ta’ bejn 17 % u 26 % 19 . Kollox ma’ kollox, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku huwa mistenni li jikber minn 37 % fl-2021 20 għal 69 % fl-2030.

Bl-Aċċelleratur tal-Idroġenu propost fil-Pjan ta’ Azzjoni tar-REPowerEU, il-Kummissjoni pprovdiet stima tal-ħtiġijiet ta’ investiment u tal-kostijiet addizzjonali b’enfasi speċifika fuq is-sostituzzjoni tal-użu tal-gass naturali. Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni quddiem il-Parlament Ewropew f’Settembru, il-President tal-Kummissjoni ħabbret l-istabbiliment tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu. Il-Bank tal-Idroġenu għandu l-għan li jmexxi s-suq tal-idroġenu minn niċċa għal wieħed akbar billi jaċċellera l-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu rinnovabbli u jgħaqqadhom billi jiżviluppa l-infrastrutturi meħtieġa b’mod ikkoordinat.  

Fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-enerġija nukleari għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fis-snin li ġejjin, l-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu deċiżjonijiet f’waqthom fir-rigward tal-investimenti fl-operat fit-tul tal-impjanti tal-enerġija nukleari eżistenti, u titjib xieraq fis-sikurezza u fl-effiċjenza, inkluż fil-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, biex jgħinu jtaffu r-riskji f’xi Stati Membri 21 relatati mas-sigurtà tal-provvista ta’ fjuwil nukleari Russu u servizzi taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, kif ukoll mat-tagħmir u t-teknoloġija, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (ESA) qed iżidu l-isforzi f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet tagħhom biex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ provvisti alternattivi ta’ fjuwil mill-UE u sħab internazzjonali affidabbli.

2.3 Domanda għall-enerġija

It-titjib tal-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija huma kruċjali għall-ħarsien kontra tfixkil potenzjali fil-provvista u għall-minimizzazzjoni tal-impatti u tal-kostijiet tagħhom. Dan spiss jista’ jkun l-aktar mod irħis, sikur u nadif biex titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja, filwaqt li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja, li jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Illustrazzjoni 2: Tnaqqis fil-Konsum tal-Enerġija Finali fl-industrija, fit-trasport, fl-unitajiet domestiċi u fis-servizzi. Sors: Eurostat, 2022 22 . 

F’Mejju 2022, il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ inizjattivi li jibdew bil-pjan “Save Energy” tal-UE biex jiggwidaw lill-Istati Membri joħolqu l-aħjar miżuri mfassla biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll għodda leġiżlattiva ġdida u Pjan Ewropew għat-Tnaqqis tad-Domanda għall-Gass f’Lulju 2022 sabiex jitnaqqas l-użu tal-gass fl-Ewropa bi 15 % sar-rebbiegħa li jmiss u l-Kunsill adotta r-Regolament dwar it-tnaqqis tad-domanda għall-gass fil-5 ta’ Awwissu 2022 23 . L-Istati Membri issa qed jimplimentaw miżuri għat-tnaqqis tad-domanda, li se jiġu kkunsidrati fl-aġġornament tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Emerġenza mistenni fl-aħħar ta’ Ottubru 2022.

F’konformità mal-objettivi tal-pjan REPowerEU u tal-pakkett Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw miżuri biex jinkoraġġixxu l-iffrankar tal-enerġija fil-bini, fl-industrija u fit-trasport fuq perjodu ta’ żmien qasir. Ħafna introduċew kampanji ta’ komunikazzjoni. Diversi Stati Membri implimentaw miżuri li jistabbilixxu temperaturi massimi għat-tisħin u minimi għat-tkessiħ f’kategoriji speċifiċi ta’ bini u rakkomandazzjonijiet biex jitnaqqas il-limitu tal-veloċità tal-awtostrada. Xi Stati Membri adottaw ukoll miżuri aktar komprensivi u strutturali, li diġà se jkollhom effett fl-istaġun tax-xitwa li ġej, jew billi jsaħħu r-regolamenti eżistenti jew billi jżidu l-iskemi ta’ appoġġ eżistenti għall-bini, għall-industrija u għat-trasport.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet mira akbar tal-UE għall-effiċjenza enerġetika għall-2030 ta’ 13 % biex jiżdied il-finanzjament privat għall-effiċjenza enerġetika. Fl-2023, se tniedi wkoll Koalizzjoni Ewropea għall-Finanzjament tal-Effiċjenza Enerġetika ta’ livell għoli mas-settur finanzjarju.

Bir-REPowerEU, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tiżgura li l-bini l-ġdid kollu jkun iddisinjat biex jottimizza l-potenzjal tal-ġenerazzjoni tal-enerġija solari tiegħu bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD). Din ir-reviżjoni għandha l-għan li tiddekarbonizza bis-sħiħ l-istokk tal-bini Ewropew sal-2050, l-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija biex tiskatta rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija tal-bini, iżżid ir-rata ta’ rinnovazzjonijiet sal-2030, tneħħi gradwalment it-tisħin ibbażat fuq il-fjuwils fossili, u timmassimizza l-potenzjal għall-enerġija solari fil-bini. Tali miżuri se jkunu importanti għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli, speċjalment fil-kuntest attwali ta’ prezzijiet għoljin tal-enerġija.

Ir-rieżami u l-aġġornament tar-regolamenti eżistenti għall-prodotti relatati mal-enerġija jikkostitwixxu l-korp ewlieni ta’ ħidma tal-pjan ta’ ħidma tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija 24 , bl-apparat tat-tisħin u tat-tkessiħ ikun il-prijorità. Fl-istess ħin, għadha għaddejja reviżjoni ambizzjuża tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn 25 .

2.4 Tranżizzjoni ġusta, affordabbiltà u sostenibbiltà

Tranżizzjoni ġusta u affordabbiltà

Il-qafas ta’ politika biex titmexxa ’l quddiem it-tranżizzjoni ġusta tal-enerġija u l-klima għandu fil-mira r-reġjuni, is-setturi u n-negozji b’intensitajiet għoljin ta’ gassijiet serra jew b’dipendenza għolja fuq l-estrazzjoni ta’ fjuwils fossili solidi. Ir-reġjuni b’użu intensiv ta’ faħam, pit u shale taż-żejt u karbonju l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika jistgħu jirċievu finanzjament mill-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta. Il-Kummissjoni timmira li tadotta l-Pjanijiet Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta sal-aħħar tal-2022 u li tappoġġa lir-reġjuni kollha permezz tal-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta u l-inizjattiva tar-Reġjuni tal-Faħam fi tranżizzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika, adottata fis-16 ta’ Ġunju 2022, tipprovdi qafas konġunt addizzjonali għal politiki komprensivi u koerenti dwar l-impjiegi, il-ħiliet u l-politiki soċjali biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

L-impatt tal-prezzijiet għoljin u volatili tal-enerġija fuq il-konsumaturi, l-SMEs u l-industriji madwar l-Istati Membri kollha tal-UE huwa inkwetanti ħafna. Bejn l-2019 u l-2022 bħala medja madwar l-Istati Membri tal-UE, is-sehem tan-nefqa fuq l-enerġija 26 żdied b’aktar minn terz, bis-sehem kważi jirdoppja f’xi pajjiżi 27 . Hemm riskju li grupp akbar ta’ unitajiet domestiċi ma jkunux jistgħu jħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom, u dan jaffettwa mhux biss lill-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, iżda wkoll lil unitajiet domestiċi b’introjtu medju aktar baxx u potenzjalment lil oħrajn f’xi Stati Membri. Dan jista’ jaggrava sitwazzjoni ta’ faqar enerġetiku li fiha 35 miljun ċittadin tal-UE (madwar 8 % tal-popolazzjoni tal-UE) ma setgħux iżommu djarhom sħan b’mod adegwat fl-2020. Għalhekk, sar aktar urġenti għall-Istati Membri li jindirizzaw kemm il-kawżi immedjati kif ukoll dawk “bażilari” tal-faqar enerġetiku, billi jikkombinaw miżuri ta’ emerġenza mmirati ma’ azzjonijiet fit-tul, bħal miżuri tal-effiċjenza enerġetika, u jnaqqsu kwalunkwe impatt negattiv possibbli mill-politika dwar il-klima u l-enerġija. F’Mejju 2022, il-Kummissjoni stabbiliet Grupp ta’ Koordinazzjoni 28 dwar il-faqar enerġetiku u l-konsumaturi vulnerabbli li se jgħin lill-Istati Membri jiskambjaw esperjenzi li jindirizzaw il-faqar enerġetiku.

Barra minn hekk, il-prezzijiet għoljin tal-enerġija qed ikollhom impatt li ma huwiex uniformi fuq in-negozji u l-industrija, minbarra fuq l-unitajiet domestiċi, li joħloq kwistjonijiet sinifikanti ta’ affordabbiltà tal-enerġija għal xi intrapriżi u setturi. F’konformità mar-REPowerEU, l-emenda tal-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet ta’ Għajnuna mill-Istat tirreferi għall-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-bdil tal-fjuwil. B’mod partikolari, il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet huwa estiż biex ikopri miżuri li jaċċelleraw it-tnedija tal-enerġija rinnovabbli, u jiffaċilitaw id-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi industrijali. Dan tal-aħħar jinvolvi li l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw l-investimenti fl-industrija, biex jeliminaw gradwalment il-fjuwils fossili u joħolqu ambjent tan-negozju anqas volatili, permezz tal-elettrifikazzjoni, tal-effiċjenza enerġetika, u tal-bidla għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u idroġenu elettrolitiku.

L-Istati Membri diġà stabbilew firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ appoġġ, inkluż miżuri bbażati fuq is-Sett ta’ Għodod tal-Prezzijiet tal-Enerġija. Fost l-oħrajn, l-Istati Membri pprovdew appoġġ dirett għall-introjtu, tnaqqis fit-taxxi, imposti u ribassi fuq il-kontijiet tal-enerġija tal-konsumaturi, u miżuri li jappoġġaw l-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni rinnovabbli fuq il-post. L-Istati Membri intervjenew ukoll fil-prezzijiet bl-imnut għall-elettriku u l-gass. Bħala parti mill-Komunikazzjoni dwar ir-REPowerEU 29 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni pprovdiet Gwida dwar l-applikazzjoni tal-intervent mill-Istat fl-iffissar tal-prezzijiet, għall-provvista tal-elettriku, filwaqt li żgurat li din tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi matul din il-kriżi attwali u ttejjeb il-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi fuq perjodu ta’ żmien itwal. Barra minn hekk, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar l-Interventi fis-Suq tal-Enerġija fi żmien qasir u Titjib fuq medda itwal ta’ żmien fid-Disinn tas-Suq tal-Elettriku, il-Kummissjoni ppreżentat leġiżlazzjoni li tippermetti regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-imnut għall-SMEs u l-unitajiet domestiċi taħt il-kost. Dan sar qbil fuqu politikament fil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Enerġija fit-30 ta’ Settembru. 

Fir-rigward tal-involviment u s-sensibilizzazzjoni internazzjonali, l-UE għamlet progress importanti fl-implimentazzjoni tal-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan u s-sħubija tat-Tranżizzjoni Ġusta tal-Enerġija mal-Afrika t’Isfel, bħala segwitu għad-dikjarazzjonijiet li saru fil-COP26.

Sostenibbiltà

It-tnaqqis ulterjuri tat-tniġġis tal-arja huwa essenzjali biex tintlaħaq l-ambizzjoni stabbilita fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero u biex ikun hemm rispons għan-numru għoli kontinwu ta’ mwiet prematuri marbuta mat-tniġġis tal-arja. Ir-REPowerEU kif ukoll l-aġġornament tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima jipprovdu opportunità biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja meta jsir titjib fl-effiċjenza enerġetika u permezz tal-bidla lejn sorsi tal-enerġija rinnovabbli mhux kombustibbli, b’mod partikolari x-xemx u r-riħ. Fl-istess ħin, id-diversifikazzjoni tal-provvista u tas-sorsi tal-enerġija, anke jekk fuq bażi temporanja biss, tinvolvi riskji marbuta ma’ dipendenza akbar fuq il-faħam u l-bijoenerġija, li jirriżultaw fi tniġġis ogħla tal-arja.

L-effett ġenerali fuq il-kwalità tal-arja x’aktarx li jvarja ġeografikament, u dan se jiġi eżaminat fir-rapport tat-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa 30 bħala parti mir-rapport usa’ tal-Monitoraġġ u l-Prospettiva ta’ Tniġġis Żero. Tali analiżi tista’ tgħin biex tiggwida lill-Istati Membri fl-għażliet ta’ implimentazzjoni tagħhom biex jevitaw li l-ħtiġijiet fuq terminu qasir jimminaw l-objettivi fit-tul tas-saħħa pubblika.

Il-ħidma għaddejja ġmielha dwar ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, biex l-istandards Ewropej dwar il-kwalità tal-arja jiġu allinjati aktar mill-qrib mal-linji gwida riveduti dwar il-kwalità tal-arja adottati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-2021, u sal-aħħar tas-sena hija mistennija li tiġi adottata proposta leġiżlattiva. Dan se jġib titjib ulterjuri fil-kwalità tal-arja kullimkien fl-UE u se jagħmel il-koordinazzjoni mill-qrib fl-oqsma ta’ politika aktar meħtieġa minn qatt qabel, biex jiġi żgurat li l-politiki differenti jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku.

Filwaqt li bidla mit-teknoloġiji tat-turbini tal-fwar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli minn riżorsi solari u eoliċi se tnaqqas il-konsum ġenerali tal-ilma ħelu, se jkun hemm ħtiġijiet addizzjonali ta’ ilma ħelu minħabba t-tnedija mtejba tal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, speċjalment fil-livell lokali. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma meta jitqies il-post għall-introduzzjoni ta’ kapaċitajiet addizzjonali tal-elettrolizzaturi.

3. IL-PROGRESS MAL-UNJONI TAL-ENERĠIJA – RENDIKONT TAD-DIMENSJONIJIET KOLLHA TAL-POLITIKA DWAR L-ENERĠIJA U L-KLIMA

3.1. Dekarbonizzazzjoni u emissjonijiet tal-gassijiet serra

L-aktar rapporti reċenti mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jikkonfermaw li trid tittieħed azzjoni rapida u trasformattiva fil-livell globali jekk irridu nilħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u nevitaw tibdil fil-klima perikoluż. L-UE impenjat ruħha bis-sħiħ li tillimita t-tisħin globali u qed tistabbilixxi politiki tanġibbli f’konformità mal-miri tal-2030 u l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050. L-UE stabbiliet ukoll mekkaniżmi ta’ finanzjament biex tiżgura tranżizzjoni sostenibbli, soċjalment ġusta u kosteffiċjenti, kif ukoll strateġija ambizzjuża għall-adattament għat-tibdil fil-klima.

L-UE qabżet b’mod sostanzjali l-mira tagħha ta’ tnaqqis ta’ 20 % tal-gassijiet serra għall-2020 meta mqabbla mal-1990 31 . L-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra 32 , minbarra l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija u inkluża l-avjazzjoni internazzjonali, naqsu bi 32 % fl-UE meta mqabbla mas-sena bażi 1990: tnaqqis ta’ 1,55 biljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 sal-2020. Madankollu, l-istimi provviżorji juru li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE huma mistennija 33 li jerġgħu jogħlew fl-2021 meta mqabbla mal-livell eċċezzjonalment baxx tagħhom tal-2020 34 hekk kif l-ekonomija tirkupra mill-pandemija u l-prezzijiet eċċezzjonalment għoljin tal-gass ikkawżaw bidla temporanja mill-gass għall-faħam.

Il-progress bl-azzjoni klimatika Ewropea

L-UE għamlet progress sostanzjali fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. F’Lulju 2021, il-Kummissjoni pproponiet pakkett komprensiv ta’ leġiżlazzjoni dwar il-klima u l-enerġija (imsaħħaħ aktar mill-aktar Pjan REPowerEU reċenti), li bħalissa qiegħed jiġi nnegozjat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, biex jiġi żgurat li l-qafas ta’ politika tal-UE jkun adatt għall-mira klimatika akbar tal-UE għall-2030. Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima nħatar fl-2022 biex jipprovdi pariri xjentifiċi indipendenti dwar il-miżuri tal-UE u l-mira klimatika. Il-Kummissjoni adottat ukoll gwida dwar il-verifika tar-reżistenza klimatika u aġġornat l-istrumenti għal regolamentazzjoni aħjar tagħha biex tiżgura li tieħu l-istess approċċ meta tivvaluta jekk l-abbozzi ta’ miżuri humiex konsistenti man-newtralità klimatika u mal-progress dwar l-adattament, kif stabbilit fil-Liġi dwar il-Klima.  

Fl-2022, l-UE saħħet ukoll l-azzjoni politika tagħha f’setturi ewlenin bi proposta leġiżlattiva għal Regolament dwar il-Gassijiet Fluworurati ġdid biex jinkiseb iffrankar kumulattiv addizzjonali tal-emissjonijiet sal-2050. Proposta leġiżlattiva ulterjuri biex jissaħħu l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal hija mistennija sa tmiem l-2022.

Enerġija rinnovabbli

Fl-2020, l-UE laħqet sehem ta’ 22,1 % tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (RES) fil-konsum tal-enerġija finali gross, li jaqbeż il-livell ta’ 20 % stabbilit għall-2020 35 . Is-sehem globali ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (RES) żdied b’2,2 punti perċentwali mill-2019 sal-2020, iffaċilitat minn konsum aktar baxx tal-enerġija minħabba l-pandemija tal-COVID. L-ishma ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-2020 ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. L-Iżvezja kisbet l-akbar sehem fl-2020 (60,1 %), segwita mill-Finlandja (43,8 %) u mil-Latvja (42,1 %). Meta wieħed iqis l-użu nazzjonali u t-trasferimenti statistiċi notifikati bħalissa, l-Istati Membri kollha minbarra Franza laħqu l-mira nazzjonali tagħhom għall-2020 36 . Il-Belġju, l-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Netherlands u s-Slovenja użaw trasferimenti statistiċi biex jilħqu l-mira tagħhom ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fid-Direttiva dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

Illustrazzjoni 3: L-ishma ġenerali tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi trasferimenti statistiċi u mingħajrhom vs il-miri tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tal-2020. Sors: Eurostat SHARES; Direttiva RED I

B’kontribuzzjoni ta’ 37,5 % fl-2020, is-sehem relattiv ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huwa l-akbar fis-settur tal-elettriku. Is-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ laħaq it-23,1 % fl-2020. Għas-settur tat-trasport, l-ishma huma relattivament aktar baxxi u laħqu 10,2 % fl-2020. Il-bijoenerġija tibqa’ s-sors ewlieni ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE, b’sehem ta’ 58,1 % tat-total fl-2020. Fl-Ewropa, il-bijoenerġija tibqa’ fil-biċċa l-kbira s-sors ewlieni ta’ enerġija rinnovabbli (madwar 60 %). Fid-dawl tat-tnaqqis tal-bjar tal-karbonju u l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-bijodiversità, il-proposta tal-Kummissjoni li tiġi rriveduta d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” issaħħaħ il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-użu tal-bijomassa għall-enerġija u tinkludi obbligu għall-Istati Membri li japplikaw il-prinċipju kaskata fl-iskemi ta’ appoġġ tagħhom.

Il-proposta dwar iż-żieda tal-ambizzjoni ġenerali għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għal 45 % u t-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti ta’ permessi bħalissa qed tiġi diskussa fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew. Adozzjoni rapida bħala parti mir-reviżjoni tal-RED II tkun element ewlieni biex tingħata spinta lill-użu ulterjuri tal-enerġija rinnovabbli. Sabiex tintlaħaq il-mira proposta l-ġdida u ogħla ta’ 45 % mir-REPowerEU, se tkun meħtieġa żieda qawwija fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, li kważi tittripla ż-żieda annwali medja tal-aħħar deċennju. Għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, il-bijofjuwils avvanzati 37 jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostenibbli flimkien mal-Fjuwils Rinnovabbli ta’ Oriġini Mhux Bijoloġika biex tintlaħaq tali mira. L-RED II tistabbilixxi mira ta’ 3,5 % fl-2030 għas-sehem ta’ bijofjuwils avvanzati. Mill-2016, il-produzzjoni tal-UE żdiedet b’aktar mid-doppju għal 1224 ktoe fl-2020. Barra minn hekk, ir-reviżjoni tal-RED II ipproponiet ukoll mira għall-Fjuwils Rinnovabbli ta’ Oriġini Mhux Bijoloġika ta’ 2,6 % fl-2030.

Għat-trasport, l-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tistabbilixxi l-pedament għall-mod li bih is-sistema tat-trasport tal-UE tista’ tikseb it-trasformazzjoni ekoloġika tagħha. Tlestew diversi azzjonijiet tal-Istrateġija - il-Kummissjoni pproponiet li tingħata spinta lill-produzzjoni u lill-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni u marittimi sostenibbli permezz tal-inizjattivi FuelEU Maritime u ReFuelEU Aviation, u li jiżdiedu l-implimentazzjoni u l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u infrastruttura relatata permezz tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi.

Traspożizzjoni urġenti u sħiħa tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli RED II tal-2018 hija essenzjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni enerġetika, peress li tistabbilixxi l-pedament għal tnedija usa’ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni bħalissa qed tikkontrolla t-traspożizzjoni u nediet proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri kollha, li jinsabu fi stadji differenti.

3.2. Effiċjenza enerġetika

Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni unika tal-COVID-19, il-miri tal-2020 kemm għall-konsum tal-enerġija primarja kif ukoll dik finali ntlaħqu mill-UE. Il-konsum tal-enerġija primarja fl-UE ammonta għal 1236 Mtoe, 5,8 % anqas mill-mira tal-2020. Il-Konsum tal-Enerġija Primarja naqas għat-tielet sena konsekuttiva u kien 8,7 % anqas milli kien fl-2019 u laħaq 907 Mtoe. Il-Konsum tal-Enerġija Finali kien 5,4 % anqas mill-mira tal-2020, bi tnaqqis ta’ 8 % meta mqabbel mal-Konsum tal-Enerġija Finali fl-2019. Din kienet it-tieni sena konsekuttiva ta’ tnaqqis wara li żdied b’mod kostanti għal sitt snin. Għall-konsum tal-enerġija primarja, l-Istati Membri kollha laħqu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-2020 tagħhom ħlief il-Belġju, il-Bulgarija u l-Polonja. Għall-konsum tal-enerġija finali, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Litwanja, l-Awstrija u l-Iżvezja ma laħqux il-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom.

Fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, l-iffrankar kumulattiv tal-enerġija matul l-2014-2020, disponibbli minn 24 Stat Membru, kien jammonta għal 197,5 Mtoe, li huwa ekwivalenti għal 103 % tas-somma tal-obbligi ta’ ffrankar kumulattiv tal-enerġija għall-użu finali għall-2014-2020 (191,7 Mtoe) - u 97,5 % (202,5 Mtoe) għal 27 Stat Membru. Skont il-kisbiet finali mit-tliet Stati Membri neqsin, tista’ tintlaħaq is-somma ta’ ffrankar kumulattiv meħtieġ għas-27 Stat Membru. Mill-24 Stat Membru li ppreżentaw id-data sħiħa dwar il-kisba finali tagħhom, 14-il Stat Membru ssodisfaw l-obbligu tagħhom tal-iffrankar tal-enerġija, filwaqt li għaxar Stati Membri ma ssodisfawx l-obbligu tagħhom tal-iffrankar tal-enerġija.

 

Illustrazzjoni 4. L-evoluzzjoni tal-Konsum tal-Enerġija Finali u Primarja tal-UE mill-2005 sal-2020 (il-punti jirrappreżentaw il-Miri tal-UE għall-Effiċjenza Enerġetika tal-2020). Sors: Eurostat, JRC, 2022.

Il-konsum tal-enerġija fl-2020 kien mingħajr dubju influwenzat mill-pandemija tal-COVID-19. Din is-sitwazzjoni eċċezzjonali wasslet għal tkabbir żgħir fil-konsum tal-enerġija fis-settur residenzjali minħabba ż-żieda fil-ħin li n-nies qattgħu d-dar (lockdown u telexogħol) u tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fis-setturi tat-trasport, tal-industrija u tas-servizzi. Is-settur tat-trasport kellu l-aktar tnaqqis enfasizzat fil-konsum xprunat mit-tnaqqis qawwi fl-attività, l-aktar minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar matul il-pandemija tal-COVID-19.

Fil-perjodu mill-2005 sal-2020, il-konsum tal-enerġija tal-UE segwa xejra ġenerali ta’ tnaqqis, kif muri fl-Illustrazzjoni 4. It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija kien akkumpanjat minn tnaqqis ġenerali fl-intensità tal-enerġija u fil-konsum tal-enerġija per capita, li jirrifletti żieda possibbli fil-kompetittività.

Fir-rigward tal-progress lejn il-miri tal-2030, il-konsum tal-enerġija primarja tal-UE kien ta’ 7,2 % ogħla (u l-konsum tal-enerġija finali kien ta’ 9,6 % ogħla) mil-livelli tal-miri tal-konsum tal-enerġija tal-2030. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 32,5 % meta mqabbel mal-linja bażi tax-xenarju ta’ referenza tal-2007. Madankollu, hemm bżonn ta’ sforz ħafna akbar jekk irridu niksbu tnaqqis strutturali fil-konsum tal-enerġija u nilħqu l-mira l-ġdida ta’ 13 % proposta fir-REPowerEU.

Bini u prodotti

Diversi azzjonijiet fl-ambitu tal-pjan ta’ azzjoni tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni diġà tlestew jew raw progress sinifikanti bl-għan li tal-anqas tiġi rduppjata r-rata annwali ta’ rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini sal-2030 u jiġu promossi rinnovazzjonijiet tal-enerġija aktar profondi.

L-Istati Membri preżentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom ta’ rinnovazzjoni fit-tul, b’miżuri ta’ politika konkreti għal aċċess aktar faċli għall-finanzjament, il-promozzjoni ta’ għodod konsultattivi bħal punti uniċi ta’ servizz, l-indirizzar tal-faqar enerġetiku, it-titjib tar-rendiment tal-enerġija tal-bini pubbliku u informazzjoni aħjar. 38 Mill-bidu tal-2021, użu ta’ kważi enerġija żero saret in-norma uffiċjali għal bini ġdid fl-UE.

Il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni uffiċjali dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) 39 immarkat it-tranżizzjoni bejn il-fażi ta’ kodisinn u t-twettiq tal-inizjattiva Bauhaus u introduċiet attivitajiet li se jappoġġaw aktar l-objettivi tagħha. Wieħed mill-istrumenti ewlenin huwa l-NEB Lab li għandu l-għan li jgħaqqad lin-nies biex jaħdmu fuq proġetti konkreti u tanġibbli. Minn April 2022, diġà bdew tmien miżuri taħt dan il-qafas, inkluża l-Istrateġija tat-Tikkettar tal-NEB, l-iskemi ta’ finanzjament, l-edukazzjoni u r-regolamentazzjoni.

L-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija jagħtu kontribut vitali u dejjem jikber għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”, kif ukoll għall-konsumaturi li jiffaċċjaw prezzijiet għoljin tal-enerġija li l-kontijiet tagħhom kieku jkunu ħafna ogħla. It-total stmat ta’ ffrankar tal-enerġija ġġenerat mill-miżuri kollha tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija ammonta għal 1 037 TWh/sena (jew 89 Mtoe/s) fl-2020, li jikkorrispondi għal 7,2 % tat-total ta’ konsum tal-enerġija primarja tal-UE fl-2020. Meta mqabbel mal-istima għall-2020 ippubblikata fl-aħħar edizzjoni tar-rapport dwar il-kontabilità tal-impatt tal-ekodisinn 40 (EUR 60 biljun), it-tnaqqis fin-nefqa tal-konsumatur huwa stmat li bejn wieħed u ieħor irdoppja fl-2021 (li jilħaq aktar minn EUR 120 biljun) u jista’ jkun saħansitra ogħla fl-2022 41 . Fit-30 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ ħidma aġġornat għall-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għall-prodotti relatati mal-enerġija 42 , li l-implimentazzjoni tiegħu tirrappreżenta potenzjal sinifikanti ta’ ffrankar fis-snin li ġejjin.

3.3. Sigurtà tal-enerġija

Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa kienet b’saħħitha minkejja sfidi eċċezzjonali grazzi għar-reżiljenza tal-qafas eżistenti, tħejjija msaħħa bbażata fuq spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, appoġġ għall-politika fil-pront matul l-aħħar sena u kuntatt qawwi mas-sħab internazzjonali tagħna. Ir-Regolament TEN-E kkontribwixxa b’mod sinifikanti għal din is-sigurtà robusta tal-provvista billi għaqqad is-sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri permezz ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni (PCIs).

L-UE ilha tħejji għal xenarji differenti ta’ tfixkil possibbli, billi tagħti ħarsa ġenerali komprensiva lejn it-tħejjija u tistabbilixxi miżuri fil-livell nazzjonali u tal-UE biex issaħħaħ it-tħejjija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. F’dawn iż-żminijiet diffiċli, il-kooperazzjoni u s-solidarjetà reġjonali se jibqgħu essenzjali biex tiġi ggarantita r-reżiljenza tal-UE u biex jiġi żgurat li l-flussi u l-aċċess għall-ħżin bejn il-fruntieri jibqgħu possibbli fis-sitwazzjonijiet kollha. F’dan ir-rigward, il-gruppi ta’ livell għoli, skont ir-Regolament TEN-E, jikkoordinaw u jissorveljaw b’mod strateġiku l-implimentazzjoni konġunta ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni (PCIs) transfruntiera.

Il-gruppi Ewropej ta’ koordinazzjoni settorjali (għall-elettriku, għall-gass u għaż-żejt) iltaqgħu regolarment u kellhom rwol ewlieni fil-monitoraġġ tas-sigurtà tal-provvista, filwaqt li skambjaw l-informazzjoni u kkoordinaw il-miżuri, biex ikunu lesti għax-xenarji kollha possibbli.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar is-sigurtà tal-provvista għall-gass 43 , l-Istati Membri kollha stabbilew pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza sabiex jipprevjenu jew itaffu l-impatt tat-tfixkil fil-provvista tal-gass. L-Istati Membri għamlu progress fil-konklużjoni ta’ arranġamenti bilaterali ta’ solidarjetà. Fis-settur tal-elettriku, l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar it-Tħejjija għar-Riskji 44 pproduċiet l-ewwel sett ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ tħejjija għar-riskji. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista taż-żejt 45 , 18-il Stat Membru (inklużi żewġ Stati Membri li ma humiex membri tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija) ipparteċipaw f’azzjoni kollettiva mibdija mill-Aġenzija fl-1 ta’ Marzu u fl-1 ta’ April, biex jagħmlu disponibbli l-istokk taż-żejt ta’ emerġenza. F’Ġunju, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni 46  għall-Istati Membri biex ma jirriġenerawx il-ħażniet ta’ emerġenza sal-livell meħtieġ mid-Direttiva dwar il-Ħażniet taż-Żejt mill-anqas sal-1 ta’ Novembru, biex jiġi evitat li ssir aktar pressjoni fuq is-suq taż-żejt.

Is-sistema tal-enerġija futura se tirrikjedi aktar għodod ta’ flessibbiltà, bħar-rispons għad-domanda jew il-ħżin tal-enerġija. Il-Kummissjoni qed taħdem biex tidentifika azzjonijiet ewlenin tal-UE biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ ħżin tal-enerġija li jibqa’ validu fil-futur bħala għodda ta’ flessibbiltà ewlenija.

Bħala segwitu għall-istudju 47 li ġie ppubblikat f’Ottubru 2021, il-Kummissjoni mmonitorjat mill-qrib konġestjonijiet potenzjali fil-ktajjen tal-provvista tal-materja prima għat-teknoloġiji tal-enerġija li huma kritiċi għas-sigurtà tal-enerġija u għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

3.4. Suq intern tal-enerġija

Fl-isfond taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, il-Kummissjoni Ewropea kienet tat il-kompitu lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tal-Unjoni Ewropea biex tivvaluta l-benefiċċji u l-iżvantaġġi tad-disinn attwali tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE. F’April 2022 48  l-ACER ikkonkludiet li l-kriżi tal-enerġija attwali hija essenzjalment xokk fil-prezz tal-gass, li jaffettwa wkoll il-prezzijiet tal-elettriku.

L-ACER ikkonkludiet ukoll li, matul l-aħħar deċennju, il-kummerċ transfruntier u l-isforzi ewlenin li saru biex is-swieq tal-elettriku fl-Ewropa jiġu integrati ulterjorment wasslu benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi. Dawn huma stmati li jammontaw għal madwar EUR 34 biljun fis-sena, billi jippermettu l-kummerċ transfruntier bejn l-Istati Membri u jtejbu s-sigurtà tal-provvista f’żona ġeografika akbar. Ir-rapport tal-ACER jenfasizza li dawk il-benefiċċji mmaterjalizzaw anke fil-kriżi attwali, meta suq integrat għenna biex nevitaw it-tnaqqis jew il-qtugħ tal-elettriku f’ċerti reġjuni.

L-akkoppjament tas-swieq, li jfisser li l-elettriku u l-kapaċitajiet ta’ interkonnettur għat-trasport tiegħu jistgħu jiġu nnegozjati faċilment fuq pjattaforma komuni ta’ negozjar tal-UE, komplew jitjiebu, kemm fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem kif ukoll f’dawk tal-istess ġurnata. L-akkoppjament tas-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem ġie estiż b’suċċess għall-fruntieri kollha bejn l-Istati Membri tal-UE. Sabiex jiġi ottimizzat ulterjorment l-użu tal-interkonnetturi, il-Kummissjoni qed taħdem biex testendi l-akkoppjament tas-swieq għall-Komunità tal-Enerġija.

Fl-isfond ta’ żieda drastika fil-prezzijiet tal-elettriku, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar l-Interventi fis-Suq tal-Enerġija fi żmien qasir u Titjib fuq medda itwal ta’ żmien fid-Disinn tas-Suq tal-Elettriku 49 . Filwaqt li tirrikonoxxi li jista’ jkun hemm lok għal aktar ottimizzazzjoni tal-funzjonament tad-disinn tas-suq tal-elettriku, il-Kummissjoni nediet proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt u qed tiddiskuti titjib possibbli mal-Istati Membri. Huwa meħtieġ li jiġu żviluppati swieq fit-tul aktar reżiljenti u effiċjenti, kemm biex jixprunaw it-tranżizzjoni tal-enerġija kif ukoll biex jipproteġu aħjar lill-konsumaturi u lin-negozji ż-żgħar mill-volatilità tal-prezzijiet. Dan il-proċess se jintuża wkoll biex jiġi vvalutat il-qafas tar-REMIT 50 , bl-għan li jiġu mmitigati r-riskji ta’ abbuż tas-suq b’mod aktar effettiv billi tittejjeb it-trasparenza, u l-kwalità tad-data tas-suq u jiġi żgurat infurzar aħjar fejn jinkisru r-regoli.

L-isforzi biex jiġi ottimizzat il-funzjonament tad-disinn tas-suq tal-elettriku ma għandhomx inaqqsu l-isforzi biex jiġi implimentat il-qafas eżistenti 51 . Dan jinkludi, titjib tad-drittijiet tal-konsumaturi; ħidma lejn il-mira li fl-2025 mill-anqas 70 % tal-kapaċitajiet tal-interkonnettur ikunu disponibbli għall-kummerċ; strutturar tas-suq sabiex jipprovdi s-sinjali t-tajba għal fejn ikun meħtieġ l-investiment; identifikazzjoni u eliminazzjoni tad-distorsjonijiet regolatorji u tal-fallimenti tas-suq, u trawwim tar-rispons u tal-ħżin min-naħa tad-domanda.

Sabiex titnaqqas il-ħtieġa ta’ mekkaniżmi ta’ kapaċità, il-potenzjal kbir ta’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda jeħtieġ li jintuża aħjar. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-ACER biex tagħmel ħidma preparatorja għall-iżvilupp ta’ kodiċi tan-network dwar il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda.

Fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, is-suq intern tal-gass likwidu u organizzat b’mod kompetittiv kellu rwol importanti biex jattira l-gass lejn l-Ewropa. Qed naraw ukoll il-gass jgħaddi mill-Ewropa tal-Punent għal-Lvant b’kapaċità massima llum il-ġurnata, li juri li s-sinjali tal-prezzijiet u s-swieq tal-gass dejjem aktar interkonnessi li l-Ewropa żviluppat matul l-aħħar deċennju qed jgħinu biex jiġu ddistribwiti l-provvisti tal-gass fejn l-aktar meħtieġ.

3.5. Ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-kompetittività

L-UE qed tiffaċċja sfidi teknoloġiċi u mhux teknoloġiċi relatati ma’ prezzijiet għoljin tal-enerġija, tfixkil fil-katina tal-provvista ta’ materja prima kritika, stress fir-riżorsi naturali (eż. l-art u l-ilma) u nuqqas ta’ ħiliet. Peress li nofs it-30 materja prima kritika elenkati mill-UE huma importati fi proporzjonijiet ta’ aktar minn 80 % bħala volum, il-prezzijiet dejjem jogħlew 52 qed jaffettwaw il-kompetittività tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa. Aktar minn 70 % tan-negozji tal-UE involuti fil-manifattura tat-tagħmir iffaċċjaw nuqqas ta’ materjali fl-2022, u 30 % esperjenzaw ukoll nuqqas ta’ ħaddiema fl-2022. Dawn ix-xejriet juru r-riskju dejjem akbar ta’ tfixkil fil-katina tal-provvista tal-enerġija nadifa.

Sabiex is-settur tal-enerġija nadifa tal-UE jsir aktar kompetittiv, l-UE se jkollha tiżgura provvisti u tibni riżervi strateġiċi fejn il-provvista tkun f’riskju. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ħabbret Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika 53 , li se jidentifika wkoll proġetti strateġiċi tul il-katina tal-provvista kollha, (estrazzjoni, raffinar, ipproċessar u riċiklaġġ), li jiżgura li dan il-proġett jattira investimenti privati u pubbliċi.

It-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq il-materja prima, aktar sforzi fuq l-ekonomija ċirkolari, u li jingħeleb in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa se jsawru s-sistema tal-enerġija aktar reżiljenti, indipendenti, sigura u affordabbli meħtieġa biex jitwettaq il-Pjan REPowerEU. Meta wieħed iqis li madwar nofs it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mistenni sal-2050 jirrikjedi teknoloġiji li għadhom ma humiex lesti għas-suq 54 , l-attivitajiet ta’ Riċerka u Innovazzjoni (R&I) huma kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. 

L-UE tinsab fuq quddiem nett fir-riċerka dwar l-enerġija nadifa. Madankollu, huma meħtieġa aktar investimenti pubbliċi u privati fir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u attivitajiet ta’ żieda u użu. Fl-2022, l-UE kkonfermat il-pożizzjoni ewlenija tagħha fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fis-settur tal-enerġija eolika globali, kif ukoll il-pożizzjoni tagħha bħala wieħed mill-akbar swieq għall-PV, fejn il-kompetizzjoni tibqa’ ħarxa f’diversi partijiet tal-katina tal-valur. L-UE tinsab ukoll f’salib it-toroq għal diversi teknoloġiji. Pereżempju, is-settur tal-Pompi tas-Sħana se jkollu jaċċellera l-użu tiegħu li diġà qed jikber malajr u l-fornituri tal-UE se jkollhom iżidu l-produzzjoni. Fir-rigward tal-batteriji, minkejja l-inizjattivi li għaddejjin 55 , in-nuqqas ta’ materja prima domestika tal-UE u ta’ produzzjonijiet avvanzati tal-materjali jirrappreżenta sfida għall-kompetittività tal-UE. Minkejja li l-UE tista’ tibbaża fuq l-approċċ komprensiv b’saħħtu tagħha biex tattira d-domanda u l-provvista, iż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku u d-dipendenza fuq materja prima kritika huma wkoll sfidi ewlenin għall-produzzjoni tal-idroġenu tal-UE permezz tal-elettroliżi.

Ekosistema aktar b’saħħitha tar-riċerka u l-innovazzjoni appoġġata mill-programmi ta’ finanzjament tal-UE, kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri45, u monitoraġġ kontinwu tal-attivitajiet nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni, huma kruċjali sabiex tiġi ddefinita mogħdija ta’ suċċess għar-riċerka u l-innovazzjoni, biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-adozzjoni mis-suq, biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa tal-UE u biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE.  

4. IL-FINANZJAMENT TAL-UE GĦAR-REPOWEREU, LI JAĊĊELLERA T-TRANŻIZZJONI LEJN ENERĠIJA NADIFA U L-PATT EKOLOĠIKU EWROPEW

4.1. Il-ħtiġijiet ewlenin ta’ investiment u l-finanzjament disponibbli tal-UE għar-REPowerEU

Skont l-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment tal-Kummissjoni 56 , l-implimentazzjoni tal-potenzjal sħiħ biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi għal żero se tirrikjedi EUR 300 biljun, minn issa sal-2030. Dan l-investiment jeħtieġ li jikkomplementa l-proposti tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” u jinkludi 57 : fotovoltajċi solari u eoliċi (EUR 86 biljun), idroġenu rinnovabbli (EUR 27 biljun), effiċjenza enerġetika u pompi tas-sħana (EUR 56 biljun), adattament tal-industrija biex tuża anqas fjuwils fossili (EUR 41 biljun), żieda fil-produzzjoni tal-bijometan (EUR 37 biljun), investiment fil-grilja tal-enerġija biex tkun tista’ ssir elettrifikazzjoni akbar (EUR 29 biljun), investiment f’infrastruttura ġdida tal-LNG u f’kurituri ġodda tal-pipelines tal-gass (EUR 10 biljun), u infrastruttura taż-żejt meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista taż-żejt (EUR 1,5-2 biljun).

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) se jkollha rwol kritiku fl-indirizzar ta’ dawn il-ħtiġijiet permezz ta’ miżuri differenti, inklużi l-kapitoli tar-REPowerEU, bħala parti mill-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) nazzjonali. Kemm ir-REPowerEU kif ukoll il-kapitoli tar-REPowerEU fl-RRPs nazzjonali għandhom jiġu riflessi wkoll fl-aġġornament tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) (li għandu jiġi ppreżentat sa nofs l-2023). Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida dwar dawn l-aġġornamenti. Il-Kummissjoni pproponiet fondi addizzjonali għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u bdiet diskussjonijiet bilaterali mal-Istati Membri biex tidentifika riformi u investimenti li jistgħu potenzjalment ikunu eliġibbli għal finanzjament skont il-kapitoli l-ġodda tar-REPowerEU.

Meta jkunu qed iħejju l-kapitoli tagħhom tar-REPowerEU, l-Istati Membri se jkollhom iqisu r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSR) identifikati fl-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew, li din is-sena kien jinkludi CSRs speċifiċi għall-enerġija li jiffukaw, b’mod partikolari, fuq ħtiġijiet addizzjonali ta’ riforma u investiment relatati mal-ħtieġa li jitnaqqsu d-dipendenzi tal-enerġija u li tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-qafas tas-Semestru Ewropew se jkollu rwol ċentrali fil-monitoraġġ tal-miżuri tar-REPowerEU. L-objettivi tar-REPowerEU huma appoġġati mit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, u se jiġu ffinanzjati wkoll minn programmi oħra tal-UE, u appoġġati permezz ta’ diversi inizjattivi tal-UE (ara t-Taqsima 4.2). Il-finanzjament tal-UE jikkomplementa finanzjament pubbliku u privat disponibbli ieħor, li se jkollu rwol ewlieni fit-twettiq tal-investiment meħtieġ għar-REPowerEU.

4.2. L-appoġġ finanzjarju tal-UE għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa

L-appoġġ tal-UE għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa huwa pprovdut permezz ta’ diversi programmi:

· Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza : l-investiment relatat mal-klima fis-26 RRP approvati 58 huwa ta’ madwar EUR 200 biljun 59 , ogħla mill-obbligu ta’ 37 % stabbilit mir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 60 . L-akbar parti tal-allokazzjoni tal-investimenti klimatiċi hija ddedikata għal enerġija nadifa, effiċjenza enerġetika u miżuri ta’ rinnovazzjoni tal-bini (madwar EUR 88 biljun). Parti sinifikanti oħra hija ddedikata għat-trasport sostenibbli (madwar EUR 70 biljun). Madwar EUR 10 biljun huma allokati għall-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

·Il- politika ta’ koeżjoni tipprovdi wkoll appoġġ sinifikanti għall-effiċjenza enerġetika, għall-enerġija rinnovabbli u għall-infrastruttura tal-enerġija. Matul l-2014-2020, ġew allokati EUR 27,5 biljun għall-investiment rikonoxxut bħala prijorità fl-ambitu tar-REPowerEU. Għall-2021-2027, il-Kummissjoni tistenna li l-Istati Membri se jallokaw EUR 34-36 biljun aktar għal prijoritajiet bħal dawn. F’Ġunju 2022 tħejja mudell ġdid ta’ strument finanzjarju biex jappoġġa r-REPowerEU mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

· Programm InvestEU : Sa Lulju 2022, diġà ġew allokati madwar EUR 1,6 biljun tal-garanzija tal-UE fl-ambitu tat-“Tieqa għall-Infrastruttura Sostenibbli”, inkluż għall-investiment fl-enerġija fotovoltajka solari, fl-enerġija eolika u fl-effiċjenza enerġetika. Inizjattivi ewlenin taħt iċ- Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU , ikopru l-oqsma tal-effiċjenza enerġetika u l-idroġenu:

o Il-faċilità ELENA ilha mill-2011 tappoġġa l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ mobilità nadifa. B’fattur ta’ ingranaġġ ta’ 33, għandha kapaċità impressjonanti li tattira finanzjament privat (“crowd-in”). Fl-2021, ġew allokati EUR 35,8 miljun għal 18-il proġett ġdid. Dawn huma mistennija jiġġeneraw madwar 500 GWh ta’ ffrankar tal-enerġija fis-sena.

oIl-Kummissjoni qed tikkoopera mal-BEI biex tiżviluppa faċilità konsultattiva li tappoġġa l-proġetti tal-ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli , inkluż biex tappoġġa l-użu tal-idroġenu u l-elettrifikazzjoni fis-setturi industrijali.

·Il-programm Orizzont Ewropa alloka EUR 15-il biljun biex jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, l-elettrifikazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ u d-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija.

·Il- FNE tal-Enerġija qed tiffinanzja interkonnessjoni aħjar tan-networks tal-enerġija lejn suq uniku tal-enerġija tal-UE u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Mill-2014, il-FNE tal-Enerġija appoġġat 154 proġett b’total ta’ EUR 5,7 biljun. F’Marzu 2022, il-Kummissjoni nediet l-ewwel sejħa tal-FNE għal proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli. F’Mejju 2022, il-Kummissjoni nediet sejħa ġdida għal proġetti infrastrutturali transfruntiera ewlenin tal-enerġija għal proġetti inklużi fil-ħames lista tal-UE ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni.

· Tranżizzjoni Lejn Enerġija Nadifa (CET) ta’ LIFE : f’Mejju 2022, ġiet ippubblikata s-Sejħa għall-proposti ta’ LIFE CET, li għamlet disponibbli EUR 98 miljun għal proġetti tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija nadifa. Din is-Sejħa tkopri l-objettivi tar-REPowerEU, bħat-tnaqqis fil-konsum tal-fjuwils fossili għat-tisħin u l-użu aċċellerat ta’ soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika fl-akkomodazzjoni, fin-negozji u fis-settur pubbliku.

·Fl-2022, l-ewwel offerta transfruntiera li qatt saret se ssir fl-ambitu tal- Mekkaniżmu ta’ Finanzjament tal-Enerġija Rinnovabbli . L-offerta se tiffoka fuq proġetti fotovoltajċi solari. Il-mekkaniżmu se jgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal rinnovabbli sħiħ tal-UE, u jgħin lill-Istati Membri jilħqu l-objettiv ta’ dekarbonizzazzjoni b’mod aktar kooperattiv.

·Il-prezzijiet tal-karbonju żdiedu matul l-2021, u l-istess għamel id-dħul totali mill-EU ETS, li jammonta għal madwar EUR 31 biljun b’kollox. Dawn il-flus se jappoġġaw il-Fond għall-Innovazzjoni u l-Fond għall-Modernizzazzjoni .

·Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tappoġġa wkoll l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura tal-enerġija permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Skont il-ħtiġijiet identifikati u l-istrateġija żviluppata fil-Programmi ta’ Żvilupp Rurali attwali jew fil-pjanijiet Strateġiċi futuri tal-PAK, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jappoġġaw investimenti fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika għall-azjendi agrikoli iżda wkoll għan-negozji rurali.

Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll lill-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, filwaqt li tipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tar-riformi, inkluż dwar it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qed tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw ir-riformi u l-investimenti biex jeliminaw gradwalment l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja.

L-inizjattivi attivi tal-UE għandhom rwol importanti fil-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa: Dawn jinkludu:

· il-Fora ta’ Investiment fl-Enerġija Sostenibbli - inizjattiva ta’ suċċess kbir li tiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, bl-għan li jiġi mobilizzat il-finanzjament privat għall-effiċjenza enerġetika u l-investimenti fl-enerġija sostenibbli;

· il-Grupp tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji għall-Effiċjenza Enerġetika , li l-missjoni ewlenija tiegħu hija li jidentifika l-ostakli għall-finanzjament tal-effiċjenza enerġetika u li jipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-korpi li jfasslu l-politika u lill-istituzzjonijiet finanzjarji dwar kif għandhom jiġu indirizzati; 

· id-Djalogu mal-Investituri dwar l-Enerġija , li tnieda fl-2022 bħala pjattaforma tal-partijiet ikkonċernati li tlaqqa’ flimkien l-esperti tal-enerġija u finanzjarji biex jiġu identifikati l-ostakli għall-investiment għas-settur tal-enerġija, jiġu vvalutati l-politiki u l-istrumenti ta’ finanzjament, u jiġu proposti soluzzjonijiet rilevanti.

Integrazzjoni tat-tibdil fil-klima

Mill-anqas 30 % tal-baġit tal-UE għall-2021-2027 huwa allokat għall-klima (żieda minn 20 % fl-2014-2020). Il-programmi speċifiċi għandhom miri ta’ nfiq fuq il-klima ta’ 30 % jew ogħla - il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (30 %), Orizzont Ewropa (35 %), il-Fond ta’ Koeżjoni (37 %), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (37 %), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (60 %), LIFE (61 %) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (100 %). Fl-2021, l-RRPs tal-Istati Membri allokaw 40 % għall-investiment klimatiku, ferm lil hinn mill-obbligu regolatorju ta’ 37 %.

4.3. Sussidji għall-enerġija fl-UE

Is-swieq tal-enerġija għaddew minn żviluppi li ma kinux mistennija u li ġew f’daqqa matul l-aħħar sentejn, li kellhom impatt sinifikanti fuq il-konsum u l-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija, fost il-lockdowns relatati mal-COVID, l-irkupru wara l-pandemija u l-perjodu attwali ta’ prezzijiet tal-enerġija estremament għoljin u volatili. Ir-rapport dwar is-sussidji tal-enerġija 61 li għandu jiġi ppubblikat f’Ottubru se (i) jippreżenta n-numri finali u aktar preċiżi dwar l-evoluzzjoni tas-sussidji tal-enerġija matul l-2020 milquta mill-COVID, u (ii) jagħmel stimi tal-impatt tal-irkupru ekonomiku globali u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq is-sussidji tal-enerġija fl-2021.

Is-sussidji għall-fjuwils fossili, wara li naqsu b’aktar minn 5 % fl-2020 fl-UE, minħabba l-lockdowns u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għan-nies u għan-negozji, baqgħu pjuttost stabbli fl-2021, peress li ż-żieda fit-trasport u fl-industrija kienet ikkumpensata mit-tnaqqis fis-sussidji għall-fossili fis-settur tal-enerġija. Is-sussidji fuq il-prodotti taż-żejt, speċjalment fis-settur tat-trasport, naqsu bi 12 % fl-2020, filwaqt li s-sussidji fuq il-faħam żdiedu b’7 % waqt li kien hemm tnaqqis żgħir fis-sussidji għall-gass (b’2 %) sena wara sena, li ġew affettwati mir-rwol tagħhom fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. Fl-2021, is-sussidji fuq iż-żejt, il-faħam u l-gass urew żieda żgħira, u s-sussidju għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-fjuwils fossili naqas. Mill-ħarifa tal-2021, b’mod parallel maż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fis-swieq Ewropej, diversi Stati Membri tal-UE ħadu miżuri biex itaffu l-impatt tal-kontijiet tal-enerġija fuq iċ-ċittadini u n-negozji, li rriżultaw f’sussidji akbar għall-konsum tal-enerġija.

Is-sussidji fuq l-enerġija rinnovabbli żdiedu b’7 % fl-2020, peress li l-iskemi ta’ appoġġ fit-tul xorta kellhom impatt li jista’ jitkejjel, iżda naqsu bi ftit fl-2021. Is-sussidji għall-effiċjenza enerġetika naqsu fl-2020, iżda reġgħu żdiedu fl-2021. Ġiet osservata żieda ulterjuri fis-sussidji għall-enerġija nukleari, minħabba l-pagamenti għall-għeluq bikri tal-impjanti tal-enerġija nukleari f’żewġ Stati Membri.

Illustrazzjoni 5. Sussidji għall-fjuwils fossili f’setturi differenti fl-UE. Sors: Study on energy subsidies and other government interventions in the European Union 2022.



Anness I - Azzjonijiet meħuda fid-dawl tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew minn Ottubru 2021

 

1.Sett ta’ għodod tal-prezzijiet tal-enerġija, 13 ta’ Ottubru 2021

·Jappoġġa l-konsumaturi inkluż permezz ta’ appoġġ għall-introjtu ta’ emerġenza għall-konsumaturi foqra fl-enerġija; tnaqqis temporanju u mmirat fir-rati tat-tassazzjoni għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli; awtorizzazzjoni ta’ differimenti temporanji ta’ ħlasijiet ta’ kontijiet; l-istabbiliment ta’ salvagwardji biex jiġu evitati skonnessjonijiet mill-grilja;

·Jipprovdi għajnuna lil kumpaniji jew industriji, f’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat;

·Isaħħaħ il-komunikazzjoni internazzjonali dwar l-enerġija biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-likwidità u l-flessibbiltà tas-swieq internazzjonali;

·Jinvestiga komportament antikompetittiv eventwali fis-suq tal-enerġija u jsaħħaħ il-monitoraġġ tal-iżviluppi fis-suq tal-karbonju;

·Jiffaċilita l-aċċess usa’ għall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli u jappoġġahom permezz ta’ miżuri ta’ akkumpanjament.

2.Komunikazzjoni REPowerEU, 8 ta’Marzu 2022

·Konsumaturi: Gwida li tikkonferma l-possibbiltà li jiġu rregolati l-prezzijiet f’ċirkostanzi eċċezzjonali, u li tistabbilixxi kif l-Istati Membri jistgħu jqassmu mill-ġdid id-dħul minn profitti kbar fis-settur tal-enerġija u l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet lill-konsumaturi;

·Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat: Konsultazzjoni tal-Kummissjoni mal-Istati Membri dwar il-ħtiġijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ Qafas Temporanju ġdid ta’ Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet biex tingħata għajnuna lill-kumpaniji affettwati mill-kriżi, b’mod partikolari dawk li qed jiffaċċjaw kostijiet għolja tal-enerġija;

·Tħabbira ta’ proposta leġiżlattiva għar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, il-Pjan RePowerEU, u valutazzjoni tal-għażliet biex jiġi ottimizzat id-disinn tas-suq tal-elettriku.

3.Proposta għal regolament dwar il-ħżin tal-gass, 23 ta’ Marzu 2022

·Proposta leġiżlattiva li tintroduċi obbligu ta’ livell minimu ta’ ħżin tal-gass ta’ 80 % għax-xitwa li jmiss;

·Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-għażliet għall-intervent tas-suq fil-livell Ewropew u nazzjonali, u li tivvaluta l-benefiċċji u l-limitazzjonijiet ta’ kull għażla;

·Regolament adottat mill-PE u l-Kunsill fis-27 ta’ Ġunju.

4.Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija, 7 ta’ April 2022

·Parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri għax-xiri konġunt tal-gass biex jiġi żgurat aċċess aktar ugwali fl-Istati Membri tal-UE u tiġi appoġġata s-sigurtà tal-provvista;

·Stabbiliment ta’ grupp konsultattiv għall-industrija u ħames Task Forces Reġjonali biex jgħinu ħalli wieħed jifhem aħjar id-domanda potenzjali li għandha tiġi introdotta fil-mekkaniżmu ta’ xiri konġunt.

5.Pjan REPowerEU, 18 ta’ Mejju 2022

·Aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli:

oIżid il-mira ewlenija għall-2030 għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli minn 40 % għal 45 %;

oRakkomandazzjoni biex jitħaffef l-għoti ta’ permessi għal proġetti kbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

oEmenda mmirata għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli biex tirrikonoxxi l-enerġija rinnovabbli bħala interess pubbliku prevalenti;

oL-Istrateġija tal-UE għall-Enerġija Solari;

oL-Inizjattiva għall-Bjut Solari;

oIrduppjar tar-rata ta’ użu tal-pompi tas-sħana;

oTistabbilixxi mira ta’ 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli domestiku sal-2030;

oPjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijometan.

·Niffrankaw l-enerġija:

oIżid il-Mira vinkolanti għall-Effiċjenza Enerġija tal-2030 minn 9 % għal 13 %;

oIl-Komunikazzjoni tal-UE Save Energy tinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-iffrankar tal-enerġija.

·Id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u l-appoġġ tas-sħab internazzjonali:

oL-Istrateġija Esterna tal-UE dwar l-Enerġija ssaħħaħ l-impenn tal-UE mas-sħab internazzjonali u d-diplomazija tal-enerġija tagħha billi tiżgura diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u tagħti spinta lit-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika u ġusta.

6.Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura, 20 ta’ Lulju 2022

·Regolament għat-tnaqqis tad-domanda tal-gass (proposta), 20 ta’ Lulju 2022

oJistabbilixxi mira għall-Istati Membri kollha biex inaqqsu d-domanda għall-gass bi 15 % bejn l-1 ta’ Awwissu 2022 u l-31 ta’ Marzu 2023;

oJagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tiddikjara, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, “Twissija tal-Unjoni” dwar is-sigurtà tal-provvista, li timponi tnaqqis obbligatorju tad-domanda għall-gass fuq l-Istati Membri kollha;

oRegolament ibbażat fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE, u li ġie adottat mill-Kunsill fis-27 ta’ Lulju.

·Pjan għat-tnaqqis tad-domanda tal-gass, 20 ta’ Lulju 2022

oJistabbilixxi miżuri, prinċipji u kriterji għat-tnaqqis koordinat tad-domanda għall-gass;

oJipprovdi linji gwida għall-Istati Membri biex iqisu meta jippjanaw it-tnaqqis;

oIħeġġeġ is-sostituzzjoni tal-gass ma’ fjuwils oħra, preferibbilment sorsi ta’ enerġija aktar nodfa;

oJinċentiva l-iffrankar ġenerali tal-enerġija fis-setturi kollha.

7.Intervent ta’ emerġenza fis-suq dwar prezzijiet għoljin tal-elettriku (proposta), 14 ta’ Settembru 2022

·Jipproponi li l-Istati Membri jimmiraw li jnaqqsu d-domanda ġenerali għall-elettriku b’mill-anqas 10 % sal-31 ta’ Marzu 2023;

·Jistabbilixxi limitu temporanju fuq id-dħul għall-produtturi tal-elettriku inframarġinali;

·Jistabbilixxi kontribuzzjoni ta’ solidarjetà temporanja fuq il-profitti żejda ġġenerati minn attivitajiet fis-setturi taż-żejt, tal-gass, tal-faħam u tar-raffinerija, li jiġu diretti mill-ġdid lill-konsumaturi tal-enerġija;

·Jippermetti għall-ewwel darba prezzijiet tal-elettriku regolati taħt il-kost, u jespandi l-prezzijiet regolati biex ikopru wkoll l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

·Regolament ibbażat fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE, u li ġie adottat mill-Kunsill fit-30 ta’ Settembru.

(1)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Versailles mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern (10 u 11 ta’ Marzu 2022), paġna 5, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta’ Marzu 2022, punt 15.

(2)

Komunikazzjoni dwar ir-REPowerEU (COM(2022) 108 final – 8 ta’ Marzu 2022), paġna 2.

(3)

COM(2022) 230 final

(4)

 JOIN(2022) 23 final

(5)

COM(2022) 135 final

(6)

COM(2022) 360 final

(7)

 COM(2022) 473 final

(8)

Dan ma jinkludix il-kostijiet tal-fjuwil tat-trasport.

(9)

 European Commission: Energy prices and costs report 2022 (disponibbli dalwaqt).

(10)

 COM(2021) 660 final.

(11)

 L-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija.

(12)

 BG, PL, DE, FI, DK, NL, IT, FR, AT, CZ, SK, LV – u LT li ddeċidiet waħedha li twaqqaf l-importazzjonijiet kollha mir-Russja.

(13)

Fi ħdan il-Programm Copernicus, is-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus (C3S) joffri appoġġ lis- settur tal-enerġija rinnovabbli bi prodotti dedikati li huma mmirati lejn il-produzzjoni qrib il-ħin reali tal-PV, tar-riħ u tal-enerġija idroelettrika (storika, qrib il-ħin reali u projezzjonijiet f’xenarji differenti).

(14)

 L-aħħar data tal-Eurostat: Nuclear energy statistics - Statistics Explained (europa.eu)

(15)

 L-enerġija nukleari hija mistennija li jkollha sehem ta’ 16 % fil-ġenerazzjoni grossa tal-elettriku sal-2030 (immudellar “Lesti għall-mira ta’ 55 %”) u sehem ta’ 15 % fil-ġenerazzjoni tal-enerġija sal-2050 (il-Komunikazzjoni “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd” u l-Pjan ta’ Mira għall-Klima).

(16)

  https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupID=3865   

(17)

https://www.iea.org/news/renewable-power-is-set-to-break-another-global-record-in-2022-despite-headwinds-from-higher-costs-and-supply-chain-bottlenecks  

(18)

 https://www.eurobserv-er.org/pdf/20th-annual-overview-barometer/

(19)

  Global Market Outlook For Solar Power 2022-2026 - SolarPower Europe

(20)

  European Electricity Review 2022 | Ember (ember-climate.org)

(21)

Minn 13-il Stat Membru tal-UE li jiġġeneraw l-enerġija nukleari, erba’ Stati Membri huma kompletament dipendenti u wieħed huwa parzjalment dipendenti fuq il-provvista ta’ fjuwil nukleari Russu. Uħud minn dawn il-pajjiżi huma partikolarment vulnerabbli peress li l-enerġija nukleari tirrappreżenta proporzjon kbir fil-produzzjoni tal-elettriku (sa 53,8 %) u d-dipendenza tagħhom fuq provvisti tal-enerġija Russi oħra (gass, żejt) hija għolja.

(22)

 Il-graffs għall-unitajiet domestiċi u għas-servizzi ġew ikkoreġuti biex iqisu l-kundizzjonijiet klimatiċi. Il-fattur ta’ korrezzjoni klimatika jinkiseb billi jiġu diviżi l-Jiem ta’ Gradi ta’ Tisħin (HDD) imkejla f’kull sena bl-HDD medju fil-perjodu 1980-2004.

(23)

 https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2022/08/05/council-adopts-regulation-on-reducing-gas-demand-by-15-this-winter/

(24)

  C/2022/2026, ĠU C 182, 4.5.2022, p. 1–12

(25)

  https://environment.ec.europa.eu/publications/proposal-ecodesign-sustainable-products-regulation_en  

(26)

Dan ma jinkludix il-kostijiet tal-fjuwil tat-trasport.

(27)

European Commission Energy prices and costs report 2022 (disponibbli dalwaqt).

(28)

  https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=en&groupID=3849  

(29)

COM(2022) 108 final

(30)

 għandu jiġi adottat sa tmiem l-2022.

(31)

  https://unfccc.int/sites/default/files/resource/European%20Union-BR4_C_2019_8832_and_SWD_2019_432_2.pdf  

(32)

Fi ħdan il-Programm Copernicus, is-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera ta’ Copernicus (CAMS) jipprovdi data u prodotti ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet kważi f’ħin reali, li jassistu fil-valutazzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, u d-distanza mill-mira fir-rigward tar-regolamenti tal-UE u l-istrumenti Internazzjonali ta’ politika legalment vinkolanti (il-Ftehim ta’ Pariġi).

(33)

 L-istimi approssimati tal-2021 għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra se jiġu ppubblikati mill-EEA fl-aħħar ta’ Ottubru 2022 u rrapportati fir-rapport tal-EEA bit-titolu “Trends and projections in Europe 2022” u fir-rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika.

(34)

Kif stabbilit fis-sottomissjoni tal-inventarju tal-gassijiet serra tal-UE għall-2022 lill-UNFCCC. Id-data provviżorja se tiġi pprovduta flimkien mar-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika tal-2022, li għandu jiġi ppubblikat sal-aħħar ta’ Ottubru 2022.

(35)

 Bid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

(36)

 Franza kisbet 19,1 %; ma laħqitx il-mira tagħha bi 3,9 % punti perċentwali.

(37)

Materja prima inkluża fl-Anness IX tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

(38)

Bil-għan li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni żviluppat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) li janalizza l-istrateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni fit-tul fl-Istati Membri.

https://energy.ec.europa.eu/system/files/2021-12/swd-on-national-long-term-renovation-strategies.pdf  

(39)

  https://new-european-bauhaus.europa.eu/about/about-initiative_en  

(40)

  https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/568cac02-5191-11ec-91ac-01aa75ed71a1/language-en  

(41)

 Ara t-taqsima 6 ta’ SWD/2022/0101 final

(42)

  C/2022/2026, ĠU C 182, 4.5.2022, p. 1–12

(43)

 Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010

(44)

 Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku

(45)

 Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi

(46)

 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/867 tal-1 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-rilaxx ta’ ħażniet taż-żejt ta’ emerġenza mill-Istati Membri wara l-invażjoni tal-Ukrajna (ĠU L 151, p. 72).

(47)

 Study on the resilience of critical supply chains for energy security and clean energy transition during and after the COVID-19 crisis’, ISBN 978-92-76-38453-3

(48)

  https://www.acer.europa.eu/events-and-engagement/news/press-release-acer-publishes-its-final-assessment-eu-wholesale  

(49)

 COM(2022) 236 final tat-18 ta’ Mejju 2022

(50)

Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa

(51)

B’mod partikolari r-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944

(52)

Il-prezzijiet tal-litju u tal-kobalt żdiedu b’aktar mid-doppju fl-2021.

(53)

Kif imħabbar fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni tal-2022 fl-14 ta’ Settembru 2022.

(54)

Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, “Research and innovation to REPower the EU”, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2777/74947.

(55)

 Eż. l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji u Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI).

(56)

 (SWD(2022) 230 final) tat-18 ta’ Mejju 2022

(57)

 Valuri stmati miksuba mill-immudellar tal-analiżi tal-ħtiġijiet tal-investiment

(58)

AT, BG, BE, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HR, IE, IT, LT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI, SK

(59)

In-nefqiet irrapportati għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma stimi prodotti mill-Kummissjoni, ibbażati fuq l-informazzjoni dwar it-trekkjar klimatiku ppubblikata bħala parti mill-analiżijiet tal-Kummissjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza. Id-data rrapportata tkopri l-25 pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza li kienu ġew ivvalutati u approvati mill-Kummissjoni sas-17 ta’ Ġunju 2022. Ara: https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/recovery-coronavirus/recovery-and-resilience-facility/recovery-and-resilience-plans-assessments_mt

(60)

 F’konformità mal-kundizzjonijiet fl-annessi għad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li japprovaw l-RRPs nazzjonali. 

(61)

 Bħala riżultat tar-Regolament dwar il-Governanza, il-Kummissjoni tirrapporta kull sena dwar l-evoluzzjoni tas-sussidji għall-enerġija, b’mod partikolari s-sussidji għall-fjuwils fossili fl-Istati Membri, u dwar liema miżuri l-pajjiżi impenjaw ruħhom li jippreżentaw pjan direzzjonali dwar l-eliminazzjoni gradwali tagħhom.

Top