Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0409

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Is-saħħa tas-sħubiji tal-kummerċ: flimkien għal tkabbir ekonomiku ekoloġiku u ġust

    COM/2022/409 final

    Brussell, 22.6.2022

    COM(2022) 409 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Is-saħħa tas-sħubiji tal-kummerċ: flimkien għal tkabbir ekonomiku ekoloġiku u ġust


    1.Introduzzjoni

    L-UE hija impenjata bis-sħiħ li tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali tagħha jrawmu s-sostenibbiltà, sabiex it-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol deċenti, il-klima u l-ambjent, f’konformità sħiħa mal-valuri u l-prijoritajiet tal-Unjoni. Fil-kuntest ġeopolitiku attwali, ikkaratterizzat minn instabbiltà akbar, l-UE trid iżżid l-involviment tagħha ma’ pajjiżi terzi bħala sieħeb affidabbli. Il-politika kummerċjali tal-UE tipprevedi qafas solidu għall-kooperazzjoni mas-sħab kummerċjali dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà relatati mal-kummerċ. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq regoli internazzjonali dwar ix-xogħol u l-ambjent permezz ta’ proċessi strutturati u trasparenti, bl-involviment tas-soċjetà ċivili.

    Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi kif tista’ tkompli tissaħħaħ il-kontribuzzjoni tal-ftehimiet kummerċjali għall-iżvilupp sostenibbli. Il-ftehimiet kummerċjali moderni kollha tal-UE diġà jinkludu kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD). Mill-2018, il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ 15-il Punt iggwida l-implimentazzjoni u l-infurzar imsaħħa tagħhom. 1 F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni nediet rieżami fil-fond bl-objettiv li ssaħħaħ il-kapaċità tal-ftehimiet kummerċjali kollha kemm huma — u mhux biss il-kapitoli tagħhom dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli — biex tippromwovi l-kummerċ sostenibbli, f’kooperazzjoni mas-sħab kummerċjali u flimkien ma’ strumenti ta’ politika rilevanti oħra tal-UE, inkluż il-Patt Ekoloġiku Ewropew 2 3 .

    Bħala parti mir-rieżami, il-Kummissjoni talbet studju komparattiv indipendenti dwar il-prattiki tat-TSD fil-ftehimiet kummerċjali ta’ pajjiżi terzi, li kkonferma lill-UE bħala waħda mill-pijunieri u minn ta’ quddiem nett fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà permezz tal-ftehimiet kummerċjali tagħha 4 . Barra minn hekk, sabiex jinġabar kontribut mill-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ ċittadini u partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa, li ġabret għadd kbir ta’ kontribuzzjonijiet minn negozji u trade unions għal gruppi ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem u sħab soċjali. 5 Dan kien akkumpanjat minn skambju estensiv ta’ fehmiet mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

    Abbażi tal-inputs u r-rakkomandazzjonijiet riċevuti matul il-proċess ta’ rieżami tat-TSD, il-Kummissjoni identifikat sett ta’ prijoritajiet ta’ politika u punti ta’ azzjoni ewlenin, li se jkomplu jsaħħu l-effettività tal-approċċ attwali bbażat fuq l-involviment għat-TSD, ibbażat fuq il-qafas u l-istandards internazzjonali, b’regoli ta’ infurzar aktar b’saħħithom. L-approċċ il-ġdid stabbilit hawn taħt jinkludi stadju ta’ konformità sħiħ u l-użu ta’ sanzjonijiet kummerċjali f’każijiet speċifiċi u definiti sew.

    2.Kif il-ftehimiet kummerċjali tal-UE jikkontribwixxu għall-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli

    Il-ftehimiet kummerċjali huma xprun importanti għat-tkabbir sostenibbli kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi sħab. Aġenda kummerċjali attiva hija kruċjali għall-prosperità ekonomika u l-kompetittività tal-Ewropa. Il-ftehimiet kummerċjali jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi, jespandu s-swieq u jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni 6 . Billi jneħħu l-ostakli għall-aċċess għas-suq, dawn inaqqsu wkoll l-ispejjeż u jiffaċilitaw l-adozzjoni u l-użu ta’ teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima, u prodotti u servizzi assoċjati li jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra madwar id-dinja u jadattaw għal klima li qed tinbidel. Il-ftehimiet kummerċjali jgħinu wkoll biex jiġu żgurati l-provvisti tal-materja prima meħtieġa, inklużi dawk użati f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Fl-istess ħin, il-kummerċ globali jista’ jkollu wkoll impatt fuq il-klima, il-bijodiversità jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Sabiex jiġu żgurati l-effetti pożittivi tal-kummerċ miftuħ, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-promozzjoni tal-istandards internazzjonali tax-xogħol kif ukoll l-azzjoni deċiżiva dwar il-klima u l-ambjent għandhom jimxu id f’id. Bħala strumenti ta’ sħubija privileġġata, il-ftehimiet kummerċjali jipprovdu pjattaforma għal djalogu politiku u kooperazzjoni dwar is-sostenibbiltà mal-pajjiżi sħab. Dan huwa vitali għaliex il-kooperazzjoni globali biss tista’ tindirizza l-isfidi globali.

    Ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali għamel l-appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u ġusta wieħed mill-pilastri tal-politika kummerċjali tal-UE flimkien mal-ftuħ u l-assertività 7 . Dan huwa konformi mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Komunikazzjoni Dinjija dwar ix-Xogħol Deċenti, 8 li jpoġġu l-iżvilupp sostenibbli fil-qalba tat-tfassil tal-politika u l-azzjoni tal-UE. Il-prijoritajiet u l-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli ġew integrati fil-politiki kollha tal-UE f’konformità mal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, u ftehimiet multilaterali oħra għall-protezzjoni tal-ambjent u l-istandards tax-xogħol. Dawn il-ftehimiet u konvenzjonijiet multilaterali saru l-qafas globali għall-kooperazzjoni u l-azzjoni internazzjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli, u jservu bħala boxxla għall-impenji ta’ żvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE wkoll.

    L-approċċ tal-UE bbażat fuq il-valuri fir-rigward tat-TSD ifittex impenji usa’ minn pajjiżi sħab minn dawk fil-ftehimiet kummerċjali ta’ atturi internazzjonali oħra. B’mod partikolari, il-kapitoli tat-TSD tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE jirrikjedu l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali (MEAs) li kull parti rratifikat, bħall-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

    Il-Kapitoli tat-TSD fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE jirrikjedu wkoll ir-rispett tal-prinċipji ewlenin tal-ILO kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-1998 dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq il-Post tax-Xogħol 9 . F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tilqa’ l-ħidma tal-ILO u s-sħubija tagħha biex issaħħaħ u tespandi tali prinċipji ewlenin, l-aktar reċenti deċiżjoni li tinkludi s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, u tqis li l-kapitoli tat-TSD għandhom jirriflettu wkoll b’mod xieraq tali żviluppi.

    Il-Kapitoli tat-TSD jippromwovu wkoll ir-ratifika tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO mhux ratifikati u għandhom firxa wiesgħa ta’ impenji u dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bħad-drittijiet tax-xogħol, id-djalogu soċjali, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti inkluż l-ispezzjoni tax-xogħol, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-forestrija, is-sajd, l-akkwakultura, il-governanza tal-oċeani u l-promozzjoni ta’ mġiba responsabbli fin-negozju. 10 Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE issa jippromwovu wkoll il-kooperazzjoni biex jinkoraġġixxu l-bidla lejn ekonomija ċirkolari u effiċjenti fir-riżorsi jew ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni, u jrawmu l-governanza ambjentali internazzjonali. Ftehimiet kummerċjali reċenti tal-UE fihom ukoll dispożizzjonijiet rigward il-konvenzjonijiet rilevanti tan-NU u tal-ILO li javvanzaw it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż il-promozzjoni tal-kooperazzjoni f’fora internazzjonali biex dawn l-objettivi jiġu avvanzati, pereżempju fid-WTO.

    Interazzjoni ma’ għodod oħra ta’ politika

    Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE mhumiex strumenti awtonomi għall-promozzjoni u t-tisħiħ tal-aġenda ta’ sostenibbiltà tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi. L-impenji tat-TSD inkludew ħidma id f’id ma’ sett usa’ ta’ strumenti ta’ politika, sforzi multilaterali u għodod ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp f’approċċ komprensiv. Flimkien mal-istrumenti awtonomi tal-UE, dawn jgħinu biex jagħmlu l-aħjar użu mill-impatti pożittivi tal-kummerċ fuq l-iżvilupp sostenibbli u jiżguraw li, għall-kuntrarju, l-impatti negattivi jiġu mrażżna.

    Sa tmiem il-mandat attwali tal-Kummissjoni, l-UE hija mistennija li jkollha sett ambizzjuż ta’ strumenti awtonomi addizzjonali biex tappoġġa l-kummerċ sostenibbli. Fl-2021, il-Kummissjoni ressqet proposta biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tissaħħaħ l-effettività tal-azzjoni klimatika globali, 11 kif ukoll proposta dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni biex jissaħħu l-isforzi għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. 12  Fl-istess sena, il-Kummissjoni adottat strateġija li tipproponi pakkett ambizzjuż u komprensiv ta’ miżuri biex tgħin fit-titjib tal-fluss tal-flus lejn il-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli 13 . Fil-bidu tal-2022, il-Kummissjoni ressqet proposta dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva, li trawwem imġiba kummerċjali sostenibbli u responsabbli tul il-ktajjen tal-valur globali. 14  Hija adottat ukoll proposta għal qafas li għandu l-għan li jagħmel il-prodotti kollha mqiegħda fis-suq tal-Unjoni aktar ambjentalment sostenibbli u ċirkolari 15 . Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni Dinjija dwar ix-Xogħol Deċenti, aktar tard din is-sena l-Kummissjoni se tippreżenta wkoll inizjattiva leġiżlattiva ġdida biex tipprojbixxi b’mod effettiv it-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ prodotti magħmula minn xogħol furzat. 16  

    Fil-proposta tagħha għal Regolament ġdid tal-UE dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi, il-Kummissjoni tejbet il-kontribut tal-iskema għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, inter alia, billi żiedet għadd ta’ strumenti internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, ix-xogħol u l-protezzjoni ambjentali. Dawn iż-żidiet jinkludu l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, żewġ konvenzjonijiet ġodda tal-ILO, kif ukoll ikopru l-migrazzjoni internazzjonali ordnata li tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli. Il-proposta għandha wkoll l-għan li trendi l-esportazzjoni ta’ oġġetti magħmula minn tħaddim tat-tfal u xogħol furzat ipprojbiti internazzjonalment bħala raġuni għall-irtirar possibbli tal-preferenzi kummerċjali. 17  

    Fuq il-front multilaterali, l-UE dan l-aħħar kosponsorjat tliet inizjattivi plurilaterali tad-WTO dwar il-kummerċ u s-sostenibbiltà ambjentali, it-tniġġis tal-plastik u l-kummerċ sostenibbli tal-plastik, kif ukoll ir-riforma tas-sussidji għall-fjuwils fossili 18 . Fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO, l-UE kellha rwol ewlieni fil-kisba tal-ewwel ftehim multilaterali dwar is-sussidji tas-sajd li jiddixxiplina s-sussidji tas-sajd dannużi madwar id-dinja, bis-sostenibbiltà ambjentali fil-qalba tagħha. L-UE ser tkompli tinsisti għat-twessigħ tad-dixxiplini dwar is-sussidji sal-konferenza ministerjali li jmiss 19 . L-UE appoġġat ukoll b’mod attiv it-tnedija tal-Koalizzjoni għall-Klima tal-Ministri tal-Kummerċ biex tagħti aktar impetu politiku biex tinbena aġenda pożittiva għall-kummerċ u l-klima, b’mod partikolari fid-WTO. 20 Bħala parti mir-riforma tad-WTO, l-UE beħsiebha tiffavorixxi d-djalogu dwar l-interazzjoni bejn il-kummerċ u x-xogħol deċenti, inkluż permezz tal-kooperazzjoni WTO-ILO. Fl-OECD, l-UE qed tippromwovi emendi fis-sett ta’ regoli li jirregolaw il-krediti uffiċjali għall-esportazzjoni biex jitrawwem l-allinjament mal-għanijiet klimatiċi. L-UE kisbet ukoll b’suċċess projbizzjoni fuq impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam bla trażżin. 21  

    Dawn l-istrumenti u l-inizjattivi kollha ta’ politika relatati mal-kummerċ jiffurmaw parti minn rispons komprensiv għall-isfidi tas-sostenibbiltà globali u jmorru id f’id mal-ftehimiet kummerċjali.

    3.Orjentazzjonijiet ta’ politika ġodda għall-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali

    Ir-rieżami tat-TSD wera s-solidità tal-mudell tat-TSD tal-UE iżda identifika wkoll lok għal titjib f’sitt prijoritajiet ta’ politika, li jistgħu jinġabru fil-qosor bħala (1) il-ħtieġa li wieħed ikun aktar proattiv fil-kooperazzjoni mas-sħab; (2) it-tisħiħ tal-approċċ speċifiku għall-pajjiż; (3) l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà lil hinn mill-kapitolu tat-TSD tal-ftehimiet kummerċjali; (4) żieda fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-impenji tat-TSD; (5) it-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili; u (6) it-tisħiħ tal-infurzar permezz ta’ sanzjonijiet kummerċjali bħala miżura tal-aħħar istanza 22 .

    Sabiex tiġi ottimizzata l-effettività tal-kontribut tagħha, il-politika tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali se tiffoka fuq għadd ta’ punti ta’ azzjoni għal kull prijorità ta’ politika. Dawn il-punti ta’ azzjoni jibnu fuq l-esperjenza tal-implimentazzjoni, l-evidenza miġbura kif ukoll fuq l-inputs li waslu permezz tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa. Il-punti ta’ azzjoni jikkomplementaw u jespandu l-oqsma ta’ azzjoni identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ 15-il Punt.

    3.1    Approċċ komprensiv tat-TSD ankrat fi ftehimiet u kooperazzjoni multilaterali

    Kif stabbilit hawn fuq, l-interazzjoni bejn il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli trid tiġi indirizzata b’mod komprensiv, filwaqt li l-politika kummerċjali titqiegħed fil-kuntest usa’ ta’ għodod oħra li jappoġġaw is-sostenibbiltà. F’dan l-approċċ komprensiv, il-ftehimiet kummerċjali jippromwovu l-qafas ta’ governanza globali, b’mod partikolari billi jinkorporaw standards u impenji internazzjonali ewlenin kif ukoll billi jsostnu l-implimentazzjoni effettiva, l-aderenza u t-titjib ulterjuri tagħhom permezz ta’ proċessi kooperattivi. L-ankraġġ sod tal-impenji bilaterali tat-TSD fil-kuntest multilaterali jagħmel l-approċċ tat-TSD tal-UE leġittimu, kredibbli u effettiv. Dan ifittex ukoll li jevita l-frammentazzjoni u minflok jiżgura li l-impenji tat-TSD isaħħu l-isforzi globali. Billi huma bbażati fuq standards internazzjonali, l-impenji tat-TSD jistgħu jipproteġu wkoll kontra r-riflessi protezzjonisti.

    Approċċ ibbażat fuq l-involviment u l-kooperazzjoni jippermetti lill-UE u lis-sħab tagħha jieħdu sjieda konġunta tal-kontribut tal-ftehimiet kummerċjali biex jippromwovu tranżizzjoni ekoloġika u ġusta u biex jintlaħqu l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli. Huwa jinkoraġġixxi parteċipazzjoni usa’ minn firxa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi komunitajiet lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), impjegaturi u trejdjunjins. Dawn kollha huma essenzjali biex ikun hemm bidla fil-prattika.

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tagħmel użu sħiħ mill-pjattaformi pprovduti mill-ftehimiet kummerċjali biex tiffaċilita d-djalogu dwar l-istrumenti ta’ sostenibbiltà awtonomi tal-UE relatati mal-kummerċ u biex tħeġġeġ lis-sħab kummerċjali jippromwovu l-konformità magħhom. Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll ittejjeb l-effettività ġenerali tal-isforzi kooperattivi tagħha billi tibni fuq l-azzjonijiet “Naħdmu Flimkien” identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ 15-il Punt, u ttejjeb l-approċċ kollettiv tal-UE f’sitwazzjonijiet fejn l-assistenza teknika jew finanzjarja hija meħtieġa jew tista’ tinċentiva lis-sħab kummerċjali biex ikomplu jgħollu l-livelli tagħhom ta’ protezzjoni tax-xogħol u tal-ambjent.

    Punti ta' Azzjoni

    Il-Kummissjoni se: 

    1.Żżid l-involviment mas-sħab kummerċjali fi proċess kooperattiv biex titrawwem il-konformità mal-istandards internazzjonali tax-xogħol u dawk ambjentali. 

    2.Meta jkun meħtieġ, tipprovdi inċentivi u appoġġ lis-sħab kummerċjali għall-proċessi ta’ riforma u l-bini tal-kapaċità permezz ta’ assistenza teknika u finanzjarja. Fejn xieraq, l-UE għandha tiżviluppa wkoll approċċ ta’ Tim Ewropa b’appoġġ għal prijoritajiet ta’ żvilupp sostenibbli maqbula b’mod konġunt ma’ pajjiżi sħab.

    3.Jużaw ftehimiet kummerċjali biex jiffaċilitaw id-djalogu mal-pajjiżi sħab u, kif xieraq, jgħinuhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà tal-istrumenti awtonomi tal-UE relatati mal-kummerċ.

    3.2    Identifikazzjoni tal-prijoritajiet ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-pajjiż

    Ir-rieżami tat-TSD żvela aspettattiva ċara li l-impenji tat-TSD fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE għandhom ikunu aktar effettivi u rapidi biex iġibu bidla fil-prattika u li r-riżultati jiddependu ħafna fuq is-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżi individwali. Dawn is-sejbiet jitkellmu favur it-tisħiħ tal-approċċ speċifiku għall-pajjiż identifikat fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ 15-il Punt b’mod aktar imfassal u mmirat.

    Ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali tal-UE jkopru lid-dinja kollha u jinkludu sħab f’diversi livelli ta’ żvilupp, li jiffaċċjaw sfidi u opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali differenti. Filwaqt li l-kapitoli tat-TSD jinkorporaw l-istess impenji vinkolanti kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab, is-sejba ta’ soluzzjonijiet effettivi għal din il-firxa diversa ta’ sħab teħtieġ flessibbiltà u prijoritizzazzjoni biex l-objettivi tat-TSD jitfasslu aħjar għall-isfidi, il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta’ kull wieħed minnhom.

    L-istabbiliment ta’ tali prijoritajiet ta’ implimentazzjoni bbażati fuq il-pajjiż jirrikjedi analiżi bikrija tad-distakk u l-integrazzjoni ta’ grad ogħla ta’ granularità u speċifiċità mad-dimensjoni tat-TSD. L-isfidi, l-opportunitajiet u l-prijoritajiet ewlenin għandhom jiġu identifikati b’mod konġunt u fl-istadji bikrija tal-involviment ma’ sieħeb speċifiku. Tali prijoritajiet għandhom jiġu żviluppati bl-involviment tas-soċjetà ċivili u diġà jidhru fil-valutazzjoni tal-impatt ta’ qabel it-tnedija tan-negozjati, iżda mbagħad jiġu rfinati aktar matul il-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà, u jiġu vvalutati f’analiżi ex post matul l-implimentazzjoni. F’konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità, 23 l-impatt tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fuq il-bijodiversità se jkollu rwol importanti f’dawn il-valutazzjonijiet. Abbażi ta’ dan, l-UE u l-pajjiżi sħab għandhom jikkunsidraw li jinnegozjaw u jiffukaw fuq il-prijoritajiet ta’ implimentazzjoni ewlenin ibbażati fuq il-pajjiż biex jiżguraw progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tat-TSD. Dawn il-prijoritajiet għandhom ikunu realistiċi u mmirati biex jgħinu biex jinkisbu r-riżultati. Huma għandhom ukoll ikunu flessibbli biżżejjed biex jiġu adattati maż-żmien hekk kif tevolvi s-sitwazzjoni ta’ sostenibbiltà.

    L-objettiv ikun li tissaħħaħ, fejn meħtieġ, l-implimentazzjoni f’qasam speċifiku, pereżempju f’termini ta’ rispett għal prinċipju jew konvenzjoni tal-ILO, jew il-konformità ma’ MEA ratifikat. Meta jkun meħtieġ u fejn rilevanti, dan jista’ jinkiseb billi jintlaħaq qbil dwar passi speċifiċi ma’ pajjiż sieħeb f’konformità mal-iskedi ta’ żmien stabbiliti u l-istadji importanti għall-fażi ta’ implimentazzjoni (l-hekk imsejħa pjanijiet direzzjonali ta’ implimentazzjoni) b’segwitu xieraq, u inkluż l-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet ikkonċernati f’dan il-proċess kif xieraq.

    Barra minn hekk, l-UE ser tkompli tippromwovi r-ratifika tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO. Hija ser tiffoka l-isforzi ta’ ratifika b’appoġġ għall-prijoritajiet ta’ implimentazzjoni identifikati. Dan jeħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ, b’konċentrazzjoni fuq kwistjonijiet b’impatt kbir fuq l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali.

    Punti ta' Azzjoni

    Il-Kummissjoni se: 

    4.Isegwu approċċ imfassal apposta u jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt immirati aħjar dwar it-TSD, bil-ħsieb li jidentifikaw prijoritajiet ta’ sostenibbiltà speċifiċi għall-pajjiż u jipprovdu analiżijiet dettaljati tal-impatti minn kmieni.

    5.Jinnegozjaw, fejn xieraq fid-dawl tal-prijoritajiet identifikati speċifikament fil-pajjiżi sħab u fuq bażi ta’ każ b’każ, pjanijiet direzzjonali dettaljati u marbuta biż-żmien bi stadji importanti. Il-pjanijiet direzzjonali għandhom jirrikonoxxu rwol għas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.

    3.3    L-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-ftehim kummerċjali kollu

    Il-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE diġà jinkludu diversi dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jippreservaw id-dritt tal-pajjiżi li jirregolaw sabiex isegwu objettivi ambjentali u tax-xogħol leġittimi. Minbarra li jiġi rrispettat dan l-ispazju ta’ politika meħtieġ, il-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà għandhom ukoll jiġu integrati b’mod proattiv f’partijiet differenti tal-ftehimiet kummerċjali.

    L-integrazzjoni tal-objettivi tat-TSD fil-ftehimiet kummerċjali kollha tista’ tinkludi l-prijoritizzazzjoni tal-liberalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi ambjentali, b’mod partikolari dawk il-prodotti u s-servizzi li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jippromwovu l-effiċjenza tar-riżorsi u ċ-ċirkolarità. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali jenħtieġ li jiżguraw kummerċ u investiment mingħajr distorsjoni fil-materja prima u l-prodotti tal-enerġija li huma meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn ekonomiji newtrali għall-klima u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

    Dan jista’ jsir, pereżempju, billi jiġu indirizzati l-ostakli mhux tariffarji u jiġi promoss l-użu ta’ standards internazzjonali fit-trawwim tal-kummerċ u l-investiment fil-protezzjoni ambjentali, l-effiċjenza tar-riżorsi, u f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà mhux diskriminatorji fil-proċessi tal-akkwist pubbliku u jfittxu li jinkludu dispożizzjonijiet dwar sistemi tal-ikel sostenibbli.

    Sabiex tiġi estiża l-prijoritizzazzjoni tal-objettivi tat-TSD lil hinn mill-kapitoli tat-TSD, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà jenħtieġ li jħarsu lejn l-isfidi u l-opportunitajiet għas-sostenibbiltà fl-oqsma rilevanti kollha tal-ftehimiet kummerċjali. L-approċċ speċifiku għall-pajjiż imsemmi fit-taqsima preċedenti għandu japplika fil-ftehim kummerċjali kollu.

    Punti ta' Azzjoni

    Il-Kummissjoni se: 

    6.Tagħti prijorità lill-aċċess għas-suq għall-prodotti u s-servizzi ambjentali, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, pereżempju billi jiġu indirizzati l-ostakli tariffarji u mhux tariffarji, kif ukoll l-aċċess għall-materja prima u l-prodotti meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-investiment fihom.

    7.Tiżgura li l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà janalizzaw il-kapitoli rilevanti kollha tal-ftehimiet kummerċjali biex jidentifikaw liema dispożizzjonijiet u impenji x’aktarx li jkollhom impatt fuq kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà kif ukoll fejn il-ftehim jiftaħ opportunitajiet biex jintlaħqu l-objettivi ta’ sostenibbiltà lil hinn mill-kapitolu dwar it-TSD.

    3.4    Monitoraġġ kollettiv tal-implimentazzjoni tal-impenji tat-TSD

    Waħda mit-tagħlimiet mill-applikazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ 15-il Punt hija li r-riżultati jinkisbu permezz ta’ involviment kontinwu mas-sieħeb kummerċjali kkonċernat. Dan l-approċċ huwa intensiv fir-riżorsi iżda jikseb riżultati dejjiema fil-prattika. Il-Kummissjoni biħsiebha tkompli tiġbor flimkien l-għarfien espert u l-istrumenti u l-programmi disponibbli għad-dispożizzjoni tagħha f’approċċ komprensiv tal-UE fis-servizzi kollha. Dan jinkludi, pereżempju, il-politika bilaterali dwar ix-xogħol u l-ambjent u d-djalogi regolatorji u, meta jkun meħtieġ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-appoġġ finanzjarju.

    Ir-rwol tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-impenji tat-TSD huwa partikolarment rilevanti. Huma għandhom kuntatt dirett kemm mal-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati lokali, inkluż il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs). 24 Id-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom ukoll l-opportunità li jimpenjaw ruħhom direttament fi kwistjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli relatat mal-kummerċ. Flimkien mal-Istati Membri, dawn mhumiex biss l-għajnejn u l-widnejn fuq il-post, iżda jiffurmaw netwerk kollettiv ta’ diplomatiċi Ewropej, li jikkontribwixxu b’mod konġunt għall-antiċipazzjoni u l-indirizzar tat-tħassib dwar is-sostenibbiltà fl-oqsma ġeografiċi u ta’ għarfien espert rispettivi tagħhom.

    Dan l-approċċ komprensiv għandu jiġi kkomplementat minn kooperazzjoni msaħħa mal-Istati Membri fil-bliet kapitali kif ukoll fuq il-post, permezz tal-ambaxxati u l-missjonijiet tagħhom f’pajjiżi terzi. L-objettiv għandu jkun li jiġi żgurat li l-istrumenti rilevanti tal-Kummissjoni u dawk nazzjonali jinteraġixxu flimkien u jsaħħu lil xulxin, biex b’hekk l-UE tkun tista’ tikseb ekonomiji ta’ skala u impatt imsaħħaħ fil-prattika.

    Huwa importanti wkoll li jissaħħaħ l-involviment tal-Parlament Ewropew. Permezz tal-missjonijiet tal-Membri tiegħu u ż-żjarat fuq il-post, il-Parlament Ewropew jista’ jkompli jikkontribwixxi għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-impenji tat-TSD. L-interazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti fil-pajjiżi sħab jistgħu jkunu partikolarment effettivi meta jkunu meħtieġa riformi leġiżlattivi. Iż-żjarat fuq il-post mill-parlamenti Ewropej u nazzjonali joffru wkoll opportunitajiet biex jiġu kkomunikati l-objettivi ta’ sostenibbiltà tal-UE barra mill-pajjiż, b’interazzjoni mhux biss mal-uffiċjali lokali iżda wkoll mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili lokali, id-DAGs lokali u n-negozji.

    Il-Gruppi ta’ Monitoraġġ stabbiliti mill-Kumitat INTA kellhom ukoll rwol importanti matul in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali. Din id-dimensjoni tista’ tissaħħaħ aktar, pereżempju permezz ta’ diskussjonijiet regolari speċifiċi għall-pajjiż dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Flimkien mad-Delegazzjonijiet tal-UE, il-Kummissjoni tkun lesta li tassisti lill-Parlament Ewropew f’dan l-isforz.

    Monitoraġġ kollettiv tal-implimentazzjoni tal-impenji tat-TSD fil-ftehimiet kummerċjali jimplika wkoll rwol aktar b’saħħtu għas-soċjetà ċivili, inklużi s-sħab soċjali. Kemm l-UE kif ukoll kull wieħed mis-sħab kummerċjali tagħha għandhom jistinkaw biex jinvolvu ruħhom mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat u jinkoraġġixxu kontribuzzjonijiet strutturati u materjali.

    Il-ħolqien fl-2020 tal-funzjoni tal-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ (CTEO - Chief Trade Enforcement Officer) u tal-Punt ta’ Dħul Uniku (SEP - Single Entry Point) jikkostitwixxi pass importanti fit-tisħiħ tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-impenji tat-TSD. 25 L-SEP jipprovdi punt ta’ kuntatt ċentralizzat għall-partijiet ikkonċernati kollha bbażati fl-UE li jixtiequ jressqu lment dwar, fost l-oħrajn, il-ksur tal-impenji tat-TSD. 26 Il-Linji Gwida Operattivi u l-formola tal-ilmenti li takkumpanjahom ġew żviluppati biex jgħinu lill-partijiet ikkonċernati (eż. it-trejdjunjins, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, l-NGOs) jagħmlu l-aħjar użu mis-sistema l-ġdida. It-trattament u s-segwitu tal-ilmenti tat-TSD huma parti importanti mir-rwol tas-CTEO fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ftehimiet kummerċjali. 27

    Madankollu, sal-lum, il-kuntatt tal-partijiet ikkonċernati mal-SEP dwar it-TSD kien limitat. Is-sistema SEP tfasslet biex tippermetti kuntatti bikrija dwar problemi partikolari u l-Kummissjoni tikkonferma r-rieda tagħha li tinvolvi ruħha fi kwistjonijiet potenzjali tat-TSD u, lil hinn mill-informazzjoni dettaljata ppubblikata online, biex tispjega kif is-sistema tista’ tintuża u liema informazzjoni tista’ tkun meħtieġa. Il-Kummissjoni se tipprovdi aktar kjarifiki u assistenza biex ittejjeb l-użu tagħha. Għal dak il-għan, b’mod parallel mar-rieżami tat-TSD, hija aġġornat il-Linji Gwida Operattivi biex tagħmilha ċara li d-DAGs jistgħu jippreżentaw ukoll ilmenti kollettivi u li lmentatur ibbażat fl-UE jista’ jirrappreżenta t-tħassib relatat mat-TSD ta’ entità li tinsab f’pajjiż sieħeb. L-aġġornament jinkludi aktar trasparenza u ċarezza dwar kif u f’liema perjodi ta’ żmien l-SEP jista’ jittratta l-istadji inizjali ta’ lment dwar il-ksur tat-TSD.

    Punti ta' Azzjoni

    Il-Kummissjoni se: 

    8.Jiġi żviluppat approċċ komprensiv tal-UE fis-servizzi kollha, bl-użu tal-istrumenti kollha disponibbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-impenji tat-TSD, u bl-involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE, kif ukoll kooperazzjoni attiva mal-bliet kapitali, l-ambaxxati u l-uffiċċji lokali tal-Istati Membri.

    9.Jaħdmu flimkien mad-Delegazzjonijiet tal-UE fl-appoġġ u d-definizzjoni tagħhom tal-aħjar prattiki hekk kif is-sħab kummerċjali jistabbilixxu u jibdew jaħdmu mad-DAGs lokali tagħhom.

    10.Jappoġġa l-involviment kontinwu tal-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni tat-TSD fil-qafas tal-kuntatti interparlamentari tiegħu, u jkun lest li jassistih fl-isforz tiegħu għal diskussjonijiet regolari speċifiċi għall-pajjiż dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

    11.B’mod parallel mar-rieżami tat-TSD, tirrevedi l-Linji Gwida Operattivi għall-Punt ta’ Dħul Uniku biex iżżid it-trasparenza u l-prevedibbiltà għall-partijiet ikkonċernati, filwaqt li tiċċara min jista’ jressaq l-ilmenti, kif se jiġu ttrattati u l-perjodi ta’ żmien applikabbli. Il-Linji Gwida se jagħmluha ċara wkoll li d-DAGs jistgħu jressqu lmenti kollettivi dwar ksur tal-impenji tat-TSD u jirrappreżentaw l-interessi ta’ parti li tinsab f’pajjiż sieħeb.

    3.5        It-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili

    Il-Kummissjoni tikkonsulta regolarment u ta’ spiss mal-partijiet interessati permezz ta’ struttura orizzontali stabbilita sew tad-Djalogi tas-Soċjetà Ċivili, fejn il-kwistjonijiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jitqajmu u jiġu diskussi regolarment. Il-Kummissjoni qed tagħmel ukoll sforzi akbar biex tilħaq lis-soċjetà ċivili b’mod aktar effettiv fl-Istati Membri, inkluż billi żżid l-għadd ta’ avvenimenti ddedikati u diskussjonijiet ta’ livell għoli. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali tal-UE jipprevedu speċifikament l-involviment tas-soċjetà ċivili matul l-implimentazzjoni tal-impenji tat-TSD, inkluż permezz tad-DAGs. Is-soċjetà ċivili jista’ jkollha wkoll rwol attiv fil-fażi tal-infurzar billi tressaq ilmenti relatati mat-TSD lill-Punt ta’ Dħul Uniku (ara supra) u fis-sommarji amicus curiae quddiem il-bord.

    Il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, permezz ta’ kontribuzzjonijiet sostanzjati sew u bbażati fuq l-evidenza, huwa essenzjali għall-Kummissjoni biex tidentifika, tipprijoritizza u taġixxi fuq kwistjonijiet tat-TSD. Il-kooperazzjoni u l-iskambji bejn il-partijiet ikkonċernati tal-UE u l-organizzazzjonijiet sħab tagħhom barra minn pajjiżhom huma wkoll essenzjali f’dan ir-rigward. Tali kontribut jista’ mbagħad jiġi valorizzat aħjar għall-immirar u l-iffissar tal-prijoritajiet. Pereżempju, matul il-fażi tal-valutazzjoni tal-impatt (kemm il-valutazzjonijiet tal-impatt kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-impatt tas-sostenibbiltà), il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili tista’ tgħin biex jiġu identifikati l-lakuni u l-isfidi, u tgħin biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati matul il-proċess tan-negozjati u jiġu antiċipati kwistjonijiet ewlenin possibbli relatati mal-implimentazzjoni. Wara li jkun daħal fis-seħħ ftehim, sottomissjonijiet f’waqthom u pertinenti lill-kumitati tat-TSD skont il-ftehimiet kummerċjali bbażati fuq għarfien u għarfien espert fuq il-post jistgħu jinfurmaw il-monitoraġġ konġunt tal-konformità mat-TSD u jmexxu l-isforzi ta’ implimentazzjoni bilaterali.

    Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tinvolvi ruħha mad-DAGs stabbiliti skont il-ftehimiet kummerċjali, filwaqt li toffri appoġġ loġistiku u appoġġ għall-bini tal-kapaċità u l-għarfien espert. Il-Kummissjoni żiedet ukoll it-trasparenza billi ppubblikat l-aġendi u l-minuti tal-Kumitati TSD eżistenti. Għall-ġejjieni, il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ id-DAGs billi timmonitorja mill-qrib l-istabbiliment tagħhom f’konformità mat-termini miftiehma fil-ftehimiet kummerċjali u tappoġġa l-interazzjoni bejn id-DAGs tal-UE u tal-pajjiżi sħab. Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-kontribut tagħhom u tkompli tivvalorizza l-esperjenza u l-għarfien espert tagħhom, il-Kummissjoni se tfittex ukoll li testendi l-mandat tad-DAGs lil hinn mit-TSD sabiex tkopri l-ftehimiet kummerċjali kollha, kif diġà huwa previst fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit.

    Punti ta' Azzjoni

    Il-Kummissjoni se:

    12.Tiżgura proċess ta’ konsultazzjoni inklużiv mas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-ftehimiet kummerċjali, mill-analiżi tan-nuqqasijiet sal-implimentazzjoni, inkluża l-identifikazzjoni prijoritarja.

    13.Tkompli ssaħħaħ ir-rwol tad-DAGs tal-UE billi tipprovdi riżorsi għall-appoġġ loġistiku, il-bini tal-kapaċità u l-funzjonament tagħhom. 

    14.Tistieden lir-rappreżentanti tad-DAGs tal-UE għall-Gruppi ta’ Esperti tat-TSD tal-Istati Membri immexxija mill-Kummissjoni, fejn ikunu jistgħu jikkontribwixxu għarfien espert speċifiku, u jassoċjaw mill-qrib id-DAGs fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Kumitat tat-TSD, b’mod partikolari dwar l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-prijoritajiet ta’ implimentazzjoni.

    15.Tippromwovi u tiffaċilita l-interazzjoni bejn id-DAGs tal-UE u tal-pajjiżi sħab.

    16.Trawwem it-trasparenza dwar il-kompożizzjoni tad-DAGs.

    17.Tiskambja fehmiet mad-DAGs tal-UE dwar proġetti ta’ assistenza teknika relatati mat-TSD tal-UE.

    18.Tiżgura li l-mandat tad-DAGs jestendi lil hinn mit-TSD sabiex ikopri l-ftehimiet kummerċjali kollha.

    3.6        Infurzar aktar assertiv, inkluż permezz ta’ sanzjonijiet kummerċjali

    L-impenji tat-TSD huma legalment vinkolanti u infurzabbli permezz ta’ mekkaniżmu ddedikat għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn stat u ieħor, 28 b’rieżami indipendenti u trasparenti minn bord ta’ esperti, u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili 29 .
    Dan l-approċċ huwa bbażat fuq l-involviment u jindirizza t-tħassib emerġenti permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni.

    S’issa, dan il-mekkaniżmu ma kienx inkluda regoli speċifiċi dwar kif għandha tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tar-rapport maħruġ mill-bord ta’ esperti (l-hekk imsejjaħ stadju ta’ konformità).
     Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li tkompli tallinja l-infurzar tat-TSD mas-soluzzjoni ġenerali tat-tilwim bejn stat u ieħor (SSDS) u li testendi l-istadju ta’ konformità għat-tilwim skont il-kapitolu dwar it-TSD. Dan ifisser li l-parti li tinstab li qed tikser l-impenji tagħha tat-TSD se jkollha tinforma minnufih kif se timplimenta r-rapport tal-bord, u twettaq dan f’ċertu perjodu ta’ żmien. Dan se jkun soġġett għal rieżami tal-bord. Is-soċjetà ċivili ser tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet lill-panel ukoll f’dan l-istadju.

    Bl-istess mod, l-approċċ tal-UE għat-TSD ma kienx jikkontempla l-użu ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rapport tal-bord. Il-Kummissjoni issa tipproponi l-possibbiltà ta’ sanzjonijiet kummerċjali bħala l-aħħar alternattiva, f’każijiet ta’ ksur serju tal-impenji ewlenin tat-TSD, jiġifieri l-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tal-ILO fuq il-post tax-xogħol, u tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. F’każijiet bħal dawn, is-sanzjonijiet kummerċjali jkunu xierqa bħala mezz biex titrawwem il-konformità. Fil-każ tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-intenzjoni tkun li jinqabad in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li materjalment jegħlbu l-għan u l-iskop tal-ftehim. Fir-rigward tal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tal-ILO fuq il-post tax-xogħol, is-sanzjonijiet kummerċjali jkunu ġġustifikati f’każijiet serji ta’ nuqqas ta’ konformità mal-prinċipji, u jiddependu fuq il-fatt li l-ILO timmonitorja l-iżviluppi fil-membri kollha. Dan l-approċċ se jibni fuq u jsaħħaħ ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tax-xogħol u tal-Ftehim ta’ Pariġi bħala elementi essenzjali tal-ftehimiet kummerċjali tagħna 30 . 

    L-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kummerċjali għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tat-TSD se ssegwi r-regoli ġenerali għas-soluzzjoni tat-tilwim. Għaldaqstant, is-sanzjonijiet kummerċjali se jkunu temporanji u proporzjonati u jistgħu jieħdu l-forma ta’ sospensjoni tal-konċessjonijiet kummerċjali. Dawn se jkunu possibbli biss f’każ li bord isib li parti kisret l-impenji tagħha tat-TSD, u din tal-aħħar ma ġġibx lilha nnifisha f’konformità fil-perjodu ta’ żmien miftiehem. F’dak il-kuntest, il-partijiet jistgħu wkoll jilħqu soluzzjoni għat-tilwima bi qbil reċiproku fi kwalunkwe ħin.

    L-introduzzjoni għall-ewwel darba fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE ta’ sanzjonijiet kummerċjali għall-impenji ewlenin tat-TSD, flimkien mal-approċċ ibbażat fuq il-kooperazzjoni, se tippermetti lill-UE twettaq infurzar aktar assertiv tal-kapitoli tagħha dwar it-TSD. Meta tagħmel dan, l-UE se ssaħħaħ l-għodod għad-dispożizzjoni tagħha biex issegwi l-objettivi ta’ sostenibbiltà u l-kontribut tal-ftehimiet kummerċjali lejn dawn l-objettivi.

    Punti ta' Azzjoni

    Il-Kummissjoni se:

    19.Tkompli ssaħħaħ l-infurzar tal-impenji tat-TSD fi ftehimiet futuri billi tipproponi lis-sħab kummerċjali tal-UE biex:

    a.Testendi l-istadju ġenerali ta’ konformità ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn stat u ieħor għall-kapitolu dwar it-TSD.

    b.Tinvolvi lid-DAGs fil-monitoraġġ tal-istadju tal-konformità.

    c.Testendi l-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet kummerċjali f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li materjalment jegħlbu l-għan u l-iskop tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima jew f’każijiet serji ta’ nuqqas ta’ konformità mal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tal-ILO fuq il-post tax-xogħol.

    L-applikazzjoni tas-sanzjonijiet kummerċjali se ssegwi r-regoli ġenerali dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bejn stat u ieħor.

    20.Tipprijoritizza l-infurzar tal-każijiet tat-TSD abbażi tal-importanza tan-natura tal-impenji inkwistjoni, is-serjetà tal-ksur tagħhom u l-impatt fuq l-ambjent jew fuq il-ħaddiema.

    4.Konklużjoni

    Bosta mill-punti ta’ azzjoni identifikati, b’mod partikolari l-maġġoranza ta’ dawk li huma relatati mal-implimentazzjoni tal-impenji tat-TSD u t-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili, jistgħu jiġu implimentati minnufih, inkluż fil-ftehimiet kummerċjali diġà fis-seħħ.

    Għall-ġejjieni, l-eżitu tar-rieżami tat-TSD se jiġi propost għan-negozjati futuri kollha u se jiġi rifless fin-negozjati li għaddejjin kif xieraq. Il-Kummissjoni se tintegra l-punti ta’ azzjoni identifikati kmieni fl-attività tagħha ta’ qabel in-negozjar.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw l-approċċ stabbilit f’din il-Komunikazzjoni u biex jaħdmu flimkien ħalli jimplimentaw il-punti ta’ azzjoni tagħha.

    (1)

       Dokument informali tas-Servizzi tal-Kummissjoni, Feedback and way forward on improving the implementation and enforcement of Trade and Sustainable Development chapters in EU Free Trade Agreements. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ 15-il Punt jinkludi azzjonijiet biex l-implimentazzjoni tal-kapitoli tat-TSD issir aktar effettiva u biex jittejjeb l-infurzar tagħhom taħt erba’ intestaturi: (i) ħidma flimkien; (ii) li s-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, ikunu jistgħu jaqdu rwol akbar fl-implimentazzjoni; (iii) il-kisba ta’ riżultati; u (iv) t-trasparenza u l-komunikazzjoni. Huwa disponibbli fuq  https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/february/tradoc_156618.pdf

    (2)

    COM(2019) 640, disponibbli fi https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:b828d165-1c22-11ea-8c1f-01aa75ed71a1.0002.02/DOC_1&format=PDF  

    (3)

    Ara https://policy.trade.ec.europa.eu/development-and-sustainability/sustainable-development/sustainable-development-eu-trade-agreements_en  

    (4)

    Velut, J. et al., Comparative Analysis of Trade and Sustainable Development Provisions in Free Trade Agreements, LSE Consulting, London, 2022, disponibbli fi: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2022/february/tradoc_160043.pdf  

    (5)

    Ara https://policy.trade.ec.europa.eu/consultations/open-public-consultation-trade-and-sustainable-development-tsd-review_en  

    (6)

       L-esportazzjonijiet tal-UE jappoġġaw 38 miljun impjieg (żieda ta’ żewġ terzi mill-2000) u l-importanza tal-kummerċ biex tiġi ġġenerata l-prosperità għaċ-ċittadini tal-UE se tkompli tiżdied fil-futur b’ 86 % tat-tkabbir globali mistenni li jiġi ġġenerat barra mill-UE sal-2026.

    (7)

     COM(2021) 66, disponibbli fi https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2021/february/tradoc_159438.pdf  

    (8)

    COM(2022) 66, disponibbli fi https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/ip_22_1187  

    (9)

       Jiġifieri: il-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt ta’ negozjar kollettiv; l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ xogħol furzat jew obbligatorju; l-abolizzjoni effettiva tat-tħaddim tat-tfal; u l-eliminazzjoni tan-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi. Fl-10 ta’ Ġunju 2022, l-ILO emendat id-Dikjarazzjoni tal-1998 u żiedet prinċipju ġdid dwar is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali mal-lista ta’ prinċipji fundamentali.

    (10)

    F’konformità mal-istrumenti internazzjonali rilevanti, bħall-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, u l-Patt Globali tan-NU.

    (11)

    COM(2021) 564, disponibbli fi https://eur-lex.europa.eu/legal-content/en/TXT/?uri=CELEX:52021PC0564  

    (12)

     COM(2021) 706, disponibbli fi https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52021PC0706  

    (13)

    COM(2021) 390, disponibbli fi https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52021DC0390  

    (14)

    COM (2022) 71, disponibbli fi https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52022PC0071  

    (15)

     COM(2022) 142, disponibbli fi https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52022PC0142

    (16)

    Ara  supra in-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

    (17)

    COM(2021) 579, disponibbli fi https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2021/september/tradoc_159803.pdf  

    (18)

    Ara https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_21_6882  

    (19)

    Ara https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_22_3792

    (20)

    Ara https://ec.europa.eu/commission/commissioners/2019-2024/dombrovskis/announcements/speech-executive-vice-president-valdis-dombrovskis-trade-climate-cop26_en  

    (21)

     Ara https://policy.trade.ec.europa.eu/news/ban-export-credits-coal-fired-electricity-projects-agreed-oecd-2021-10-22_en  

    (22)

       Is-segwitu u l-infurzar tal-kapitoli tat-TSD fil-ftehimiet kummerċjali, inkluża l-possibbiltà ta’ mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet bħala l-aħħar rimedju, jidhru wkoll fost il-49 proposta inklużi fir-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, ara “Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa — Rapport dwar l-Eżitu Finali”, Mejju 2022, Proposta Nru 19 (4), p. 63.

    (23)

    COM(2020) 380, disponibbli fi https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/HTML/?uri=CELEX:52020DC0380&from=EN

    (24)

    Il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi huma korpi stabbiliti skont il-ftehimiet kummerċjali u magħmula minn rappreżentanti indipendenti ta’ gruppi tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi, negozji u trade unions, f’rappreżentanza bbilanċjata ta’ interessi ekonomiċi, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u interessi oħra differenti. Id-DAGs jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-impenji għall-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali, u jipprovdu pariri u opinjonijiet lill-partijiet kontraenti rispettivi.

    (25)

    Ara https://policy.trade.ec.europa.eu/enforcement-and-protection/chief-trade-enforcement-officer_en  

    (26)

    Ara https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2021/november/tradoc_159907.pdf  

    (27)

     “Linji gwida operattivi għall-Punt ta’ Dħul Uniku u għall-mekkaniżmu tal-ilmenti għall-infurzar tal-ftehimiet u l-arranġamenti kummerċjali tal-UE”, disponibbli fi https://trade.ec.europa.eu/access-to-markets/en/form-assets/operational_guidelines.pdf  

    (28)

       Is-soluzzjoni ddedikata għat-tilwim dwar it-TSD issegwi l-proċedura tal-mekkaniżmu ta’ infurzar bejn stat u stat applikabbli għal partijiet oħra tal-ftehim kummerċjali b’xi aġġustamenti (bħall-għarfien espert meħtieġ dwar il-kummerċ, ix-xogħol u l-ambjent għall-membri tal-bord), iżda mingħajr il-possibbiltà li jirrikorri għal sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rapport tal-bord. 

    (29)

       Pereżempju, billi tagħmel sottomissjonijiet amicus curiae jew tattendi seduti ta’ smigħ miftuħa.

    (30)

       Filwaqt li tibni fuq l-iżvilupp tal-Qafas Globali għall-Bijodiversità robust futur, b’mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miri tal-bijodiversità u mekkaniżmu xieraq għar-rappurtar u l-monitoraġġ internazzjonali, il-Kummissjoni se tevalwa l-possibbiltà li tinkludi l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f’dan l-approċċ il-ġdid.

    Top