Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022BP0298

    Riżoluzzjoni (UE) 2022/298 tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2019

    ĠU L 47, 25.2.2022, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2022/298/oj

    25.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 47/11


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/298 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-21 ta’ Ottubru 2021

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2019

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2019,

    wara li kkunsidra r-rapport dwar l-investigazzjoni ta' ġbir ta' informazzjoni dwar il-Frontex dwar l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali mfassal mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

    wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0270/2021),

    A.

    billi l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom;

    B.

    billi r-rwol tal-Parlament fir-rigward tal-kwittanza baġitarja huwa speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (1) u fir-Regolament Delegat (UE) 2019/715 (2);

    1.   

    Jenfasizza l-importanza ta' aġir responsabbli u trasparenti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni;

    2.   

    Ifakkar fir-rwol tal-Parlament fil-proċedura ta' kwittanza, kif regolat mit-TFUE, mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u mir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

    3.   

    Ifakkar li fit-28 ta' April 2021 il-Parlament adotta d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/1613 (3) li tipposponi d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta b'mod regolari lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Riżoluzzjoni (UE) 2021/1615 u l-iskeda ta' żmien tagħha (4); jistieden lill-Aġenzija tippreżenta dawk ir-rapporti fuq bażi trimestrali, fuq talba tal-awtorità ta' kwittanza;

    4.   

    Jinnota li l-Aġenzija ħejjiet pjan inizjali għall-kontinwità tan-negozju u li fil-mument tat-tweġiba tal-Aġenzija, il-pjan kien għaddej minn irfinar finali bil-għan li jiġi adottat sa tmiem it-tieni kwart tal-2021; jappella lill-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza rigward l-istadju ta' implimentazzjoni dwar il-pjan tagħha tal-kontinwità tan-negozju;

    5.   

    Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex toħloq reġistru tad-dokumenti kollha li tipproduċi l-Aġenzija, f'konformità mat-trasformazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tagħha; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija ppubblikat b'mod proattiv dokumenti ewlenin fuq is-sit web tagħha, u għamlithom disponibbli permezz tar-reġistru tal-Aċċess Pubbliku għad-Dokumenti; jistieden lill-Aġenzija tkompli ttejjeb l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u żżomm lura milli tfittex li tirkupra l-ispejjeż xi kultant sproporzjonati ta' avukati esterni minn applikanti f'kawżi fil-qorti abbażi tal-aċċess għal talbiet għal informazzjoni fil-futur; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-Riżoluzzjoni (UE) 2021/1615 talbet lill-Aġenzija tirtira t-talba tagħha biex tirkupra t-tariffi legali fil-kawża T-31/18 tal-Qorti Ġenerali; jinnota li t-tariffi legali tnaqqsu mill-Qorti meta mqabbla mat-talbiet inizjali tal-Aġenzija; ifakkar lill-Aġenzija taġixxi f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, kemm fir-rigward tal-konformità mad-digrieti tal-Qorti, kif ukoll fir-rigward tal-astensjoni milli tassenja avukati esterni għal każijiet bħal dawn; jistieden lill-Aġenzija tevita spejjeż legali għoljin b'mod mhux raġonevoli u tiżgura li l-irkupru tagħhom jibqa' fil-limiti aċċettabbli fil-futur;

    6.   

    Ifakkar fil-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2021, li wasslu għad-deċiżjoni li l-għoti ta' kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 tiġi posposta "sakemm dawn l-elementi jkunu ġew iċċarati u ppreżentati b'mod adegwat mill-Aġenzija u sakemm titlesta l-investigazzjoni tal-OLAF"; jenfasizza l-fatt li permezz tal-posponiment tal-kwittanza, il-Parlament ta lill-Aġenzija sitt xhur addizzjonali biex twieġeb għall-elementi varji li ġew żviluppati fir-Riżoluzzjoni (UE) 2021/1615;

    Kwistjonijiet relatati man-nefqa identifikati mill-Qorti

    7.

    Ifakkar fis-sejba tal-Qorti rigward ftehimiet ta' finanzjament għal attivitajiet operattivi li r-rimborżi għan-nefqa relatata mat-tagħmir kienu għadhom ibbażati fuq spejjeż reali u l-kwistjoni assoċjata ta' nuqqas ta' evidenza ta' sostenn bħal fatturi; ifakkar li din il-kwistjoni ġiet identifikata wkoll fil-kwittanza għall-2018, meta l-Qorti rrakkomandat li jintuża l-"approċċ tal-kost unitarju"; jinnota li l-"approċċ tal-kost unitarju" huwa għażla ssimplifikata tal-ispejjeż li għaliha jiġi definit prezz għall-użu ta' tagħmir tekniku tqil abbażi ta' metodoloġija definita minn qabel, li tegħleb il-kwistjonijiet assoċjati mar-rimborż tal-ispejjeż reali; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija ppilotat l-"approċċ tal-kost unitarju" għal tagħmir tekniku tqil ma' żewġ Stati Membri; jinnota li l-proġetti pilota għal tagħmir tekniku tqil urew li l-“approċċ tal-kost unitarju” żied l-ispejjeż totali u jiddispjaċih li l-Aġenzija kkonkludiet li ċ-ċaqliq lejn rimborżi bbażati fuq l-unitajiet f'każ ta' tagħmir tqil mhuwiex fattibbli; jiddispjaċih li l-kwistjoni tan-nuqqas ta' evidenza ta' sostenn hija hawnhekk mhux solvuta u jfakkar lill-Aġenzija biex ma taċċettax rimborżi għal klejms tal-ispejjeż mhux appoġġati minn fatturi; jistieden lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni jirrieżaminaw ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti u jiddiskutu mal-Qorti r-riżultati tal-proġetti pilota b’“approċċ tal-kost unitarju” għal tagħmir tekniku tqil biex jaraw kif tista' tiġi solvuta l-kwistjoni tan-nuqqas ta' evidenza ta' sostenn; ifakkar lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni li, bħala prinċipju ġenerali, jeħtieġ li jiġi evitat kwalunkwe piż burokratiku bla bżonn;

    8.

    Jieħu nota tar-risposta tal-Aġenzija lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-rieżami tal-mekkaniżmi tagħha rigward il-pagamenti ta' kostruzzjoni u l-appell li tiżgura l-konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba; jirrikonoxxi li l-Aġenzija rrappurtat li ġie implimentat mekkaniżmu għall-prevenzjoni ta' pagamenti ta' prefinanzjament mhux ivverifikati fiċ-ċirkwit finanzjarju kollu; jinnota li l-Aġenzija rrappurtat li l-maniġers tal-proġetti, u l-atturi operattivi u finanzjarji kollha li għandhom x'jaqsmu mal-faċilitajiet tal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija ngħataw struzzjonijiet biex ma japprovawx u ma jnedux tali pagamenti u li l-verifikaturi finanzjarji ngħataw struzzjonijiet biex jirrifjutaw tali pagamenti ta' prefinanzjament u jagħtu parir lill-uffiċjali awtorizzanti biex jirrifjutawhom ukoll;

    Ir-Rapport Speċjali 08/2021 tal-Qorti bit-titolu: "L-appoġġ li l Frontex tagħti lill-ġestjoni tal-fruntieri esterni: mhuwiex suffiċjentement effettiv sal-ġurnata tal-lum"

    9.

    Jinnota bi tħassib is-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") fir-Rapport Speċjali 08/2021 tagħha bit-titlu "L-appoġġ li l-Frontex tagħti lill-ġestjoni tal-fruntieri esterni: mhuwiex suffiċjentement effettiv sal-ġurnata tal-lum" (5); jirrimarka li l-awditu kopra l-perjodu minn tmiem l-2016, meta l-mandat il-ġdid tal-Aġenzija skont ir-Regolament (UE) 2016/1624 (6) daħal fis-seħħ, sat-tmiem l-2020, u għalhekk kopra kompletament is-sena 2019 tal-eżerċizzju tal-kwittanza attwali, iżda ma kkunsidrax il-passi reċenti li l-Aġenzija ħadet biex tikkonforma mal-mandat tagħha; jirrikonoxxi li analiżi tar-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Aġenzija ma ġietx inkluża fl-ambitu tar-rapport speċjali tal-Qorti peress li dan ikun jeħtieġ awditu speċifiku fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni; jitlob lill-Qorti twettaq awditu speċifiku bħal dan fil-futur;

    10.

    Jinnota bi tħassib li l-Qorti identifikat, fir-Rapport Speċjali 08/2021 tagħha, diversi nuqqasijiet relatati mal-attivitajiet primarji tal-Aġenzija kif elenkati mill-Qorti, jiġifieri l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni, l-analiżi tar-riskju, il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà, l-operazzjonijiet konġunti u l-interventi rapidi fil-fruntiera, l-operazzjonijiet ta' ritorn u t-taħriġ tal-Aġenzija u n-nuqqas ta' valutazzjonijiet tal-impatt u tal-ħtiġijiet qabel iż-żieda esponenzjali fl-ispejjeż tal-Aġenzija; jesprimi wkoll tħassib li l-Aġenzija ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa biex tadatta l-organizzazzjoni tagħha biex timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha skont ir-Regolament (UE) 2016/1624; jinnota wkoll li l-Qorti enfasizzat ir-riskji sinifikanti relatati mal-mandat tal-Aġenzija skont ir-Regolament (UE) 2019/1896 (7); ifakkar li l-mandati tal-Aġenzija mill-2016 u l-2019 jikkoinċidu parzjalment, u dan potenzjalment seta' kellu impatt fuq l-implimentazzjoni tagħhom, kif identifikat mill-Qorti;

    11.

    Jinnota li sentejn biss wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2016/1624, il-Kummissjoni ressqet proposta għal regolament ġdid għall-Aġenzija fin-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt għal tali leġiżlazzjoni ġdida; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jsibu soluzzjoni adegwata malajr biex jiżguraw implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tal-mandat tal-Aġenzija skont ir-Regolament (UE) 2019/1896; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Qorti jivvalutaw b'mod regolari l-prestazzjoni tal-Aġenzija u tal-Istati Membri biex jidentifikaw oqsma għal titjib, inkluż fil-bażijiet ġuridiċi rispettivi għall-attivitajiet tal-Aġenzija, kif ukoll fid-dawl tar-riżultati u l-impatti miksuba;

    12.

    Jinnota bi tħassib il-konklużjoni tal-Qorti li r-rappurtar operazzjonali tal-Aġenzija jonqos milli jinforma lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet b'mod adegwat peress li ma jipprovdix informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-prestazzjoni reali;

    13.

    Jinnota bi tħassib il-konklużjoni tal-Qorti li għalkemm hemm fis-seħħ qafas ta' skambju ta' informazzjoni funzjonali biex jipprovdi informazzjoni rilevanti dwar il-migrazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni, u biex jappoġġa l-ġestjoni tal-immigrazzjoni illegali, dan ma ffunzjonax tajjeb biżżejjed biex jipprovdi għarfien tas-sitwazzjoni preċiż, komplut u aġġornat fil-fruntieri esterni tal-Unjoni; jiddispjaċih li għadu ma ġiex stabbilit qafas ta' skambju ta' informazzjoni adegwat għall-kriminalità transfruntiera, u dan jaffettwa l-kapaċità tal-Aġenzija u tal-Istati Membri li jirreaġixxu malajr għal kwalunkwe theddida identifikata; jinnota li l-Aġenzija tibgħat informazzjoni dwar il-migrazzjoni f'waqtha u rilevanti dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni u tipprovdi informazzjoni dwar avvenimenti speċifiċi; huwa mħasseb, madankollu, dwar żvantaġġi serji li jdgħajfu l-għarfien tas-sitwazzjonali sħiħa fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, bħan-nuqqas ta' informazzjoni, ta’ standards tekniċi għat-tagħmir tal-kontroll fil-fruntieri, ta' katalgu komuni għar-rappurtar tal-kriminalità transfruntiera, u ta' informazzjoni kważi f'ħin reali dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri tal-ajru tal-Unjoni, u dwar id-dewmien fl-aġġornament tal-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju; jissottolinja li l-osservazzjonijiet tal-aħħar ma jistgħux jiġu attribwiti biss lill-Aġenzija, iżda jeħtieġ li jiġu rimedjati b'mod konġunt mal-Istati Membri u l-Kummissjoni, speċjalment fir-rigward tal-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju, peress li hemm differenzi sinifikanti fir-rappurtar fost l-Istati Membri f'termini ta' frekwenza, format, data jew definizzjoni tal-każijiet; itenni t-talba tal-awtorità ta' kwittanza espressa fir-Riżoluzzjoni (UE) 2021/1615 biex jittejbu l-monitoraġġ u r-rappurtar rigward is-sitwazzjoni u l-inċidenti fil-fruntieri tal-Unjoni, anke fil-kuntest ta' ksur potenzjali tad-drittijiet tal-bniedem;

    14.

    Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti li mhux l-awtoritajiet rilevanti kollha ġew inklużi fir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 (8) (pereżempju, l-awtoritajiet doganali);

    15.

    Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti li r-Regolament (UE) 2019/1896 introduċa rekwiżiti ta' rappurtar addizzjonali sinifikanti għall-Istati Membri, li jirrikjedu trażmissjoni awtomatizzata ta' data mill-Istati Membri lill-bażi tad-data tal-EUROSUR; jinnota d-dikjarazzjoni tal-Istati Membri li l-involviment dirett tal-Aġenzija f'din l-awtomazzjoni għadu mhux evidenti;

    16.

    Jinsab imħasseb bis-sejba tal-Qorti li l-Aġenzija ma pprovdietx informazzjoni adegwata dwar l-impatt jew l-ispejjeż tal-attivitajiet tagħha, li l-Aġenzija ma wettqitx evalwazzjoni robusta tal-operazzjonijiet konġunti, ma spjegat l-ebda devjazzjoni jew identifikat l-impatt ta' xi lakuni fir-riżorsi, u ma pprovdietx informazzjoni dwar l-ispejjeż reali tal-operazzjonijiet konġunti tagħha; jenfasizza li l-Aġenzija għandha l-obbligu li tipprovdi informazzjoni adegwata dwar l-impatti u l-ispejjeż tal-attivitajiet tagħha biex tiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà;

    Kundizzjonalità

    17.

    Jinnota li l-Kummissjoni u l-Aġenzija aċċettaw jew aċċettaw parzjalment ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Qorti; jistieden lill-Aġenzija tindirizza u timplimenta b'mod komprensiv u f'waqtu r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-awtorità baġitarja tqiegħed parti mill-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-Aġenzija għall-2022 f'riżerva li tista' ssir disponibbli meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ir-reklutaġġ tal-20 osservatur tad-drittijiet fundamentali li jifdal fil-grad ta' AD f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

    (b)

    ir-reklutaġġ ta' tliet viċi diretturi eżekuttivi f'konformità mal-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

    (c)

    l-adozzjoni ta' proċedura dettaljata għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/1896 mill-bord amministrattiv tal-Aġenzija;

    (d)

    il-preżentazzjoni ta' mekkaniżmu adattat ta' Rapport dwar Inċidenti Serji (SIR) f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Aspetti Operattivi Legali tal-Operazzjonijiet fil-Baħar Eġew (WG FRaLO);

    (e)

    it-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali li tkun tiffunzjona bis-sħiħ f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

    (f)

    l-implimentazzjoni b'suċċess tar-rakkomandazzjoni 5 tar-Rapport Speċjali tal-Qorti 08/21 (skeda ta' żmien: tmiem l-2021);

    (g)

    is-sospensjoni tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija li jappoġġaw operazzjonijiet relatati mar-ritorn mill-Ungerija sakemm, u kif konkluż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa mill-awtoritajiet Ungeriżi jkunu inkompatibbli mad-Direttiva dwar ir-Ritorn u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (9);

    jistieden lill-awtorità baġitarja tivvaluta l-progress fl-issodisfar ta' dawk il-kundizzjonijiet f'missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Aġenzija fl-2022 li fiha se jipparteċipaw Membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; iqis li jekk ma jiġux issodisfati dawk il-kundizzjonijiet jiżdied ukoll ir-riskju ta' rifjut li tingħata l-kwittanza għas-sena finanzjarja 2020; iqis, barra minn hekk, f'konformità mal-ftehim milħuq matul l-aħħar konċiljazzjoni baġitarja, li l-Kummissjoni għandha teżerċita funzjonijiet ta' kontroll aktar b'saħħithom fir-rigward tal-aġenziji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jispjegaw kif id-defiċits identifikati, inkluż fir-rigward tar-reklutaġġ u l-akkwist, se jiġu solvuti għall-baġit għall-2022;

    Investigazzjoni attwali tal-OLAF

    18.

    Ifakkar fil-konferma tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi ("OLAF") ta' investigazzjoni tal-OLAF li għadha għaddejja li tinvolvi lill-Aġenzija; itenni t-talba tiegħu lill-Aġenzija biex tikkoopera bis-sħiħ mal-OLAF u biex iżżomm lill-awtorità ta' kwittanza infurmata dwar kwalunkwe żvilupp;

    19.

    Ifakkar li matul laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament tal-1 ta' Settembru 2021, id-deputat direttur ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni ddikjarat li l-inkjesti kollha ntemmu u li l-ebda waħda minnhom ma wasslet għal konklużjonijiet li kien hemm traċċi ta' ġestjoni ħażina baġitarja jew finanzjarja jew ksur tad-drittijiet fundamentali jew li l-Aġenzija kienet irrifjutat li tikkonforma mal-obbligi skont ir-regolament tagħha;

    Trasparenza

    20.

    Ifakkar fit-tħassib imqajjem mill-Parlament dwar il-laqgħat li saru fl-2018 u fl-2019 mill-Aġenzija ma' rappreżentanti tal-industriji rilevanti għall-ħidma tal-Aġenzija, b'maġġoranza ta' rappreżentanti mhux elenkati fir-reġistru ta' trasparenza tal-Unjoni; jindika l-Artikolu 118 tar-Regolament (UE) 2019/1896 li jirrikjedi li l-Aġenzija tiżgura t-trasparenza fir-rigward tal-lobbying permezz ta' reġistru ta' trasparenza u billi tiżvela l-laqgħat kollha ma' partijiet terzi kkonċernati; jilqa' d-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija dwar ir-reġistru ta' trasparenza tal-Aġenzija tal-5 ta' Mejju 2021; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta b'mod regolari lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni u l-użu ta' din l-għodda;

    21.

    Jinnota li l-Aġenzija għandha obbligu li tiżgura trasparenza proattiva kif iddikjarat fl-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE) 2019/1896; jinnota li dak l-Artikolu jipprevedi wkoll li tali trasparenza għandha l-limiti tagħha peress li għandha tiġi żgurata mingħajr ma tiġi żvelata informazzjoni operattiva li, jekk issir pubblika, tipperikola l-kisba tal-objettivi tal-operazzjonijiet; jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija ma tistax tiżvela data personali bi ksur tal-bażi ġuridika li tippermetti l-ipproċessar ta' data personali, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/679 (10); jistieden lill-Kummissjoni tiżgura regoli vinkolanti għall-protezzjoni tal-informazzjoni u tad-data;

    22.

    Jissottolinja li t-trasparenza hija regola ġenerali li tapplika għall-Aġenzija, għall-Kummissjoni u għall-entitajiet li jipparteċipaw fil-forum konsultattiv bħala prekundizzjoni ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni tajba;

    Rispett tad-drittijiet fundamentali

    23.

    Ifakkar fl-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma ta' Skrutinju tal-Frontex (FSWG) mill-Kumitat tal-Parlament għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; jinnota li l-FSWG ippubblika r-rapport tiegħu dwar l-investigazzjoni ta' ġbir ta' informazzjoni dwar il-Frontex dwar l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali fl-14 ta' Lulju 2021, li l-għan tiegħu kien li jiġbor "l-informazzjoni u l-evidenza rilevanti kollha rigward l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali fejn l-Aġenzija kienet involuta, kienet konxja ta' u/jew ma aġixxietx, il-ġestjoni interna, il-proċeduri għar-rappurtar, u t-trattament tal-ilmenti"; jinnota li l-FSWG "ma sabx evidenza konklużiva dwar il-prestazzjoni diretta tal-pushbacks u/jew l-espulsjonijiet kollettivi mill-Frontex fil-każijiet ta' inċidenti serji li jistgħu jiġu eżaminati mill-FSWG"; ifakkar li l-FSWG ikkonkluda li l-Aġenzija kellha "evidenza insostenn tal-allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri li magħhom kellha operazzjoni konġunta, iżda naqset milli tindirizza dan il-ksur u tagħti segwitu għal dan fil-pront u b'mod viġilanti u effettiv" u li "riżultat ta' dan, il-Frontex ma pprevenietx dan il-ksur, lanqas naqqset ir-riskju ta' ksur futur tad-drittijiet fundamentali"; ifakkar fl-istess ħin li l-FSWG identifika wkoll lakuni fil-qafas ta' kooperazzjoni mal-Istati Membri, li jistgħu jfixklu t-twettiq tal-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija, u enfasizza r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, anke lil hinn mir-rwol tagħhom fil-bord amministrattiv; jinnota b'mod speċjali d-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; jirrikonoxxi l-limiti esperjenzati mill-Aġenzija fil-prattika biex tinvestiga biss il-konformità mad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-assi ffinanzjati jew kofinanzjati mill-Aġenzija; jenfasizza li l-persunal tal-Aġenzija jeħtieġ ċarezza legali, b'mod partikolari waqt missjonijiet ta' riskju għoli fuq il-baħar, u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw standards legali u ċarezza fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1896 fil-kuntest ta' diversi sitwazzjonijiet matul il-missjonijiet; jinnota madankollu li waqt it-twettiq tal-investigazzjonijiet tiegħu, l-FSWG skopra li r-rakkomandazzjonijiet u l-pariri pprovduti mill-eks uffiċjal għad-drittijiet fundamentali fuq perjodu ta' erba' snin ġew injorati mid-direttur eżekuttiv (11), b'mod partikolari fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija fl-Ungerija; jistieden lill-Aġenzija tipprovdi rapport dettaljat lill-Parlament li jistabbilixxi l-pjanijiet tagħha biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-FSWG u l-progress miksub;

    24.

    jinnota li "l-FSWG huwa tal-fehma li l-Bord Amministrattiv kellu jkollu rwol ħafna aktar proattiv fir-rikonoxximent tar-riskju serju ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u fit-teħid ta' azzjoni biex jiżgura li l-Frontex tissodisfa l-obbligi negattivi u pożittivi tagħha relatati mad-drittijiet fundamentali kif minquxa fir-Regolament"; jinnota li l-FSWG jilqa' l-proċeduri u r-regoli interni ġodda żviluppati mill-Aġenzija fix-xhur qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport biex tikkonforma mar-Regolament (UE) 2019/1896 "iżda jħeġġeġ liż-żewġ atturi biex ikomplu jżidu l-konformità tal-Aġenzija mad-drittijiet fundamentali billi jikkunsidraw mill-ġdid l-istrutturi interni tagħha u l-komunikazzjoni tagħha, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-Istati Membri ospitanti"; jinnota li l-FSWG "jissottolinja r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, anki lil hinn mir-rwol tagħhom fil-Bord Amministrattiv";

    25.

    Jissottolinja li l-Membri kellhom aċċess għall-informazzjoni li wasslet lill-FSWG jikkonkludi li kien hemm "nuqqas ta' kooperazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv fl-iżgurar tal-konformità ma' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, b'mod partikolari dawk relatati mad-drittijiet fundamentali"; l-FSWG iddispjaċieh ukoll dwar "ir-rifjut rikorrenti tiegħu li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament li għadu kif ġie adottat";

    Investigazzjoni tal-Ombudsman Ewropew

    26.

    Jilqa' l-konklużjonijiet tal-inkjesta strateġika tal-Ombudsman Ewropew dwar il-mekkaniżmu tal-ilmenti tal-Aġenzija għal allegat ksur tad-drittijiet fundamentali OI/5/2020/MHZ; jinnota li l-Ombudsman Ewropew ma ddeċidietx li tagħti segwitu għal din il-kwistjoni; jinnota madankollu nuqqasijiet identifikati fil-mekkaniżmu tal-ilmenti, li jistgħu jagħmluha aktar diffiċli għall-individwi biex jirrapportaw ksur allegat tad-drittijiet fundamentali u jfittxu rimedju; jinnota li l-Ombudsman Ewropew identifikat dewmien fit-twettiq tal-obbligi tal-Aġenzija f'dak ir-rigward; jirrikonoxxi l-impenn tal-Aġenzija li tindirizza l-oqsma li għalihom l-Ombudsman Ewropew identifikat suġġerimenti għal titjib;

    27.

    Jinsab imħasseb dwar is-sejbiet tal-FSWG li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u l-forum konsultattiv spiss ma kinux involuti mill-bidu fl-iżvilupp ta' regoli, proċeduri u strateġiji dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali kif ukoll dwar il-fatt li l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u l-forum konsultattiv ma tqisux biżżejjed mill-bord amministrattiv u d-direttur eżekuttiv; jistieden lill-Aġenzija tinkludi b'mod sħiħ u attiv l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u l-forum konsultattiv fil-proċessi rilevanti kollha mill-bidu nett; jistieden lid-direttur eżekuttiv jirrevedi r-relazzjoni tiegħu mal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u l-forum konsultattiv, filwaqt li jqis fil-ħin ir-rakkomandazzjonijiet kollha tagħhom; iħeġġeġ lill-Aġenzija timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-FSWG u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress miksub;

    28.

    Iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura li tikkonforma mal-obbligi kollha tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1896 fl-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, f'termini kemm ta' politika kif ukoll ta' attivitajiet operattivi; jistieden lill-Aġenzija timplimenta b'mod effettiv ir-rakkomandazzjonijiet mir-rapport tal-FSWG u r-Riżoluzzjoni (UE) 2021/1615 u tinforma lill-Parlament fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu u dwar l-operazzjonijiet li għaddejjin, inklużi inċidenti serji li jikkonċernaw il-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni u kif dan ġie indirizzat mill-Aġenzija;

    Ġestjoni interna, inklużi osservaturi tad-drittijiet fundamentali

    29.

    Itenni bi tħassib li l-FSWG esprima "tħassib li d-Direttur Eżekuttiv dewwem ir-reklutaġġ tat-tliet Viċi Diretturi Eżekuttivi, u qagħad lura milli jiddelegalhom setgħat indipendenti" filwaqt li espanda l-kabinett tiegħu għal 63 membru tal-persunal; ifakkar li l-FSWG huwa mħasseb ħafna dwar kontrolli u bilanċi insuffiċjenti fi ħdan l-Aġenzija; jirrikonoxxi li l-kompetenzi tat-tliet viċi diretturi eżekuttivi ġew definiti mill-bord amministrattiv u l-avviżi rispettivi ta' postijiet battala għat-tliet karigi ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-24 ta' Marzu 2021; jappella lill-Aġenzija tirrapporta ulterjorment lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress miksub fir-rigward tal-proċess ta' reklutaġġ;

    Osservaturi tad-drittijiet fundamentali

    30.

    Jiddispjaċih għad-dewmien twil fil-ħatra tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u tal-osservaturi tad-drittijiet fundamentali mid-direttur eżekuttiv enfasizzat mill-FSWG, speċjalment fid-dawl tal-estensjoni tal-kabinett tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija; jinnota li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija ħa l-kariga fl-1 ta' Ġunju 2021; jissottolinja li t-tabella tal-persunal tal-Aġenzija tnaqqset minn 377 kariga ta' AD għal 275 kariga ta' AD fl-2020; jirrikonoxxi li dan kellu effett fuq l-istruttura kollha tal-persunal inkluż ir-reklutaġġ ta' 40 osservatur tad-drittijiet fundamentali; jirrikonoxxi d-dikjarazzjonijiet tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija li r-reklutaġġ tal-ewwel grupp ta' 20 osservatur tad-drittijiet fundamentali tlesta, bl-osservaturi tad-drittijiet fundamentali jibdew it-taħriġ tagħhom mill-1 ta' Ġunju 2021, u li l-ħatra tat-tieni lott ta' 20 osservatur tad-drittijiet fundamentali għadha għaddejja; jesprimi tħassib li minn dawk l-20 osservatur tad-drittijiet fundamentali rreklutati, ħamsa nħatru fil-grad ta' AD 7 u ħmistax fil-grad ta' AST 4; ifakkar li l-Parlament enfasizza fir-rapport tal-FSWG li din il-klassifikazzjoni aktar baxxa tista' taffettwa l-awtorità u l-awtonomija tal-osservaturi, kif ukoll l-aċċess tagħhom għal informazzjoni klassifikata u sensittiva, u għalhekk l-effettività tagħhom; ifakkar li kien meħtieġ mill-Aġenzija li tingaġġa lill-40 osservatur tad-drittijiet fundamentali kollha fil-grad ta' AD, sabiex tiżgura l-akkwist tal-aħjar sett ta' ħiliet u tiżgura skjerament xieraq għall-operazzjonijiet; ifakkar madankollu li l-koeffiċjent ta' korrezzjoni għall-persunal f'diversi aġenziji għadu baxx u jirrikonoxxi li salarji aktar baxxi jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-applikanti Ewropej u jistgħu jwasslu għal diffikultajiet fir-reklutaġġ minn xi aġenziji; jieħu nota tad-diżapprovazzjoni qawwija mill-FSWG tad-dewmien bla bżonn fir-reklutaġġ tal-osservaturi tad-drittijiet fundamentali kkawżat mid-direttur eżekuttiv; itenni li r-Regolament (UE) 2019/1896 jipprevedi r-reklutaġġ ta' mill-inqas 40 osservatur tad-drittijiet fundamentali sal-5 ta' Diċembru 2020; jinsab imħasseb ħafna li dan l-obbligu għadu mhux issodisfat u jinsisti li l-Aġenzija taħtar l-20 osservatur tad-drittijiet fundamentali li fadal b'mod f'waqtu, mingħajr aktar dewmien u fi grad ta' AD, biex tiżgura l-pożizzjoni meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom b'mod indipendenti; ifakkar b'mod partikolari li l-FSWG innota li "aċċess mhux ristrett u mhux imħabbar għal spots, assi u informazzjoni rilevanti" huwa kruċjali għall-osservaturi tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jikkooperaw bis-sħiħ mal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali billi jipprovdu evidenza dwar is-sustanza tal-każijiet li jkunu qed jiġu investigati; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkjarifikata d-dikjarazzjoni tal-Aġenzija li dawk l-20 osservatur tad-drittijiet fundamentali li fadal se jiġu reklutati minn lista ta' riżerva stabbilita AD 7, ladarba jkunu ġew allokati karigi AD 7 addizzjonali lill-Aġenzija filwaqt li l-Kumissjoni semmiet li hemm biżżejjed karigi AD 7 diġà allokati għaliha;

    31.

    Jinnota li f'Novembru 2019 daħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar il-mekkaniżmu tal-ilmenti u li dawk ir-regoli taw aktar responsabbiltajiet lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija aġġornata fil-qasam tad-drittijiet fundamentali mill-bord amministrattiv tal-Aġenzija fi Frar 2021; iħeġġeġ lill-bord amministrattiv tal-Aġenzija jadotta malajr il-pjan ta' azzjoni fil-qasam tad-drittijiet fundamentali biex tiġi implimenta l-istrateġija aġġornata u jittejbu l-mekkaniżmi għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta' ksur u lmenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali fl-Aġenzija;

    32.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 (12) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta u tippreżenta perjodikament lill-awtorità ta' kwittanza l-istat ta' implimentazzjoni ta' pjan direzzjonali li jindirizza l-kwistjonijiet identifikati fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/1613.

    (1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/1613 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2021 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2019 (ĠU L 340, 24.9.2021, p. 324).

    (4)  Ir-Riżoluzzjoni (UE) 2021/1615 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2019 (ĠU L 340, 24.9.2021, p. 328).

    (5)  https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR21_08/SR_Frontex_MT.pdf

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11).

    (9)  Is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C-808/18, EU:C:2020:1029.

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (11)  Rapport dwar l-investigazzjoni ta' ġbir ta' informazzjoni dwar il-Frontex dwar allegat ksur tad-drittijiet fundamentali, punt 3, punt D., Ir-rwol tad-Direttur Eżekuttiv, Rakkomandazzjonijiet, jiddikjara li "-L-FSWG jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas tad-Direttur Eżekuttiv li jwieġeb jew isegwi l-ħafna espressjonijiet ta' tħassib, rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet jew osservazzjonijiet ippreżentati mill-FRO matul erba' snin.".

    (12)  ĠU L 340, 24.9.2021, p. 525.


    Top