Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022BP0028

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza – EGF/2021/005 FR/Airbus (COM(2021)0698 – C9-0011/2022 – 2021/0363(BUD))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 324–327 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 286–289 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/324


    P9_TA(2022)0028

    Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – applikazzjoni EGF/2021/005 FR/Airbus – Franza

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza – EGF/2021/005 FR/Airbus (COM(2021)0698 – C9-0011/2022 – 2021/0363(BUD))

    (2022/C 342/32)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0698 – C9-0011/2022),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1) (“ir-Regolament dwar il-FEG”),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (3), (“il-FII tas-16 ta' Diċembru 2020”), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0013/2022),

    A.

    billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u mill-bidliet teknoloġiċi u ambjentali, bħall-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, it-tilwim kummerċjali, bidliet sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern u kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, kif ukoll it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, jew bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni jew tal-awtomatizzazzjoni;

    B.

    billi l-Unjoni estendiet l-ambitu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) biex tipprovdi appoġġ finanzjarju f'każ ta' kwalunkwe avveniment ta' ristrutturar kbir, u b'hekk tkopri l-effetti ekonomiċi tal-kriżi tal-coronavirus;

    C.

    billi d-dekarbonizzazzjoni li għaddejja tas-settur tat-trasport hija mistennija li jkollha diversi impatti fuq is-settur tal-avjazzjoni, u l-Unjoni għandha rwol importanti fl-għoti tas-solidarjetà meħtieġa permezz ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG li għandu l-għan li jerġa' jintegra lill-benefiċjarji malajr f'impjiegi deċenti u sostenibbli fi ħdan is-settur ta' attività inizjali tagħhom jew lil hinn minnu, filwaqt li tkun kompatibbli ma' ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u aktar diġitali f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    D.

    billi Franza ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2021/005 FR/Airbus għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 508 sensji fis-settur ekonomiku kklassifikati taħt id-Diviżjoni 30 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' tagħmir tat-trasport) fir-reġjuni NUTS 2 ta' Midi-Pyrénées (FRJ2) u Pays de la Loire (FRG0) fi Franza, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-1 ta' Novembru 2020 sal-1 ta' Marzu 2021;

    E.

    billi l-applikazzjoni hija relatata ma' 508 ħaddiema ssensjati li l-attività tagħhom waqfet fl-Unità Ekonomika u Soċjali (ESU) (4) Airbus Commercial ta' Airbus (Airbus SE);

    F.

    billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta' mill-inqas 200 ħaddiem issensjat matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;

    G.

    billi fil-qafas tal-pandemija tal-COVID-19, ir-restrizzjonijiet ġenerali fuq l-ivvjaġġar wasslu għal kollass ġenerali tal-avjazzjoni kummerċjali, b'mod partikolari fis-settur tat-titjiriet tal-passiġġieri, u skont Airbus l-irkupru sħiħ tas-settur mhuwiex mistenni li jseħħ qabel l-2025 (5);

    H.

    billi Airbus, li d-diviżjoni tal-avjazzjoni kummerċjali tagħha tirrappreżenta 77 % tal-fatturat globali (6), kellha tnaqqas il-livelli ta' produzzjoni tagħha b'terz minn April 2020 (7) u b'hekk timplimenta pjan ta' ristrutturar li jwassal għas-sensja ta' 4 248 impjegat fi Franza (8);

    I.

    billi l-appoġġ mill-awtoritajiet pubbliċi Franċiżi għall-attività part-time fit-tul, innegozjat kif xieraq mal-ħaddiema kkonċernati u t-tisħiħ ta' programm mill-Conseil pour la recherche aéronautique civile, ippermettew tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' sensji (b'2 002 impjegati); billi għall- 2 246 impjieg l-ieħor inkwistjoni, kważi l-ħaddiema kollha kienu soġġetti għal miżuri ta' mobilità interna jew qablu dwar pakketti ta' terminazzjoni volontarja;

    J.

    billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija wara r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-impetu tal-Inizjattiva Franċiża-Ġermaniża għall-Irkupru Ewropew mill-Kriżi tal-Coronavirus tat-18 ta' Mejju 2020 (9), u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza (10);

    K.

    billi l-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (11);

    1.

    Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(a), tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 745 264 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 85 % tal-kost totali ta' EUR 4 406 194, li jinkludi biss in-nefqa għal servizzi personalizzati;

    2.

    Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fis-26 ta' Lulju 2021, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fid-19 ta' Novembru 2021 u nnotifikatha lill-Parlament fil-5 ta' Jannar 2022;

    3.

    Jilqa' l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi Franċiżi nazzjonali u lokali, bħad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni l-ġdida ta' emerġenza (12), il-pjan ta' appoġġ għall-industrija tal-ajrunawtika, il-programm ta' attività part-time fit-tul (13), u ż-żieda għall-pjan Ader 4 li naqqsu b'mod sinifikanti n-numru ta' sensji;

    4.

    Jinnota li l-applikazzjoni hija marbuta ma' total ta' 508 ħaddiema ssensjati li l-attività tagħhom waqfet; jinnota wkoll li Franza tistenna li 297 mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);

    5.

    Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji huma mistennija li jkunu importanti għaż-żewġ reġjuni, u li fl-ewwel trimestru tal-2021, il-persentaġġ ta' persuni qiegħda diġà kien 9,4 % f'Occitanie u 6,9 % f'Pays de la Loire (14);

    6.

    Jirrimarka li f'Occitanie s-sensji huma mistennija jkollhom impatt sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol, peress li r-reġjun huwa dipendenti ħafna fuq l-ajrunawtika bħala l-aktar settur importanti u Airbus hija l-akbar impjegatur privat fir-reġjun;

    7.

    Jinnota li r-reġjun ta' Occitanie stabbilixxa ruħu bħala ekosistema importanti għan-negozji ġodda, b'opportunitajiet potenzjali għall-benefiċjarji li jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom stess; jirrimarka li parti kbira mill-persuni affettwati fir-reġjun għandha livell għoli ta' edukazzjoni;

    8.

    Jirrimarka li, filwaqt li f'Pays de la Loire, l-impatt tal-kriżi tal-avjazzjoni fuq l-ekonomija lokali u s-suq tax-xogħol huwa mistenni li jkun anqas detrimentali, minħabba d-diversifikazzjoni għolja tal-ekonomija reġjonali, huwa mistenni li jinħolqu opportunitajiet fis-settur marittimu u fl-enerġija rinnovabbli, li konsegwentement jirrikjedu tiġdid adegwat tal-ħiliet;

    9.

    Jirrimarka li 13,5 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom aktar minn 54 sena, u li 74,7 % tagħhom għandhom bejn 30 u 54 sena;

    10.

    Jinnota li Airbus bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Novembru 2020 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Novembru 2020 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta' finanzjament;

    11.

    Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin: għotjiet biex jinbeda negozju, taħriġ għall-ħolqien tan-negozju, allowances għan-nefqa relatata mat-taħriġ għall-ħolqien ta' negozju, kif ukoll żidiet mas-salarju;

    12.

    Iqis li dawk is-servizzi personalizzati għandhom idumu għal perjodu ta' żmien rilevanti skont in-natura tal-proġett;

    13.

    Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati kien ir-riżultat ta' ftehim tajjeb ta' negozjar kollettiv bejn Airbus u r-rappreżentanti tal-ħaddiema b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-persunal u tal-union; jilqa' l-fatt li l-assistenza finanzjarja tingħata malajr lill-benefiċjarji, minkejja li f'xi każijiet huwa meħtieġ investiment addizzjonali għat-twaqqif ta' negozju ġdid;

    14.

    Jenfasizza li 98,7 % tal-appoġġ finanzjarju huwa marbut mal-ħolqien ta' negozji ġodda u azjendi, li se jħeġġeġ ir-riintegrazzjoni u r-rikonverżjoni professjonali, itejjeb il-kompetittività tar-reġjuni kkonċernati u jikkontribwixxi għall-irkupri ekonomiku;

    15.

    Jisħaq li l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

    16.

    Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe allowance jew dritt ieħor li l-benefiċjarji jistgħu jirċievu, sabiex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni; jitlob li l-benefiċjarji tas-servizzi personalizzati li għandhom ikunu koperti mill-FEG jiġu infurmati pubblikament u personalment dwar il-kofinanzjament tal-Unjoni;

    17.

    Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati; jissottolinja l-ħtieġa ta' trasparenza f'kull stadju tal-proċedura u jitlob l-involviment tas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-pakkett ta' servizzi;

    18.

    Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

    19.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex tiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    20.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.

    (2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

    (3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

    (4)  Unità ekonomika u soċjali – ESU (unite économique et sociale – UES) hija kostruzzjoni ġuridika skont il-liġi Franċiża li tippermetti r-raggruppament ta' intrapriżi li għandhom l-istess maniġment, li joperaw fl-istess settur, u li l-impjegati tagħhom għandhom l-istess interessi, iżda huma intrapriżi legalment distinti, bil-għan li tippromwovi l-ħolqien ta' rappreżentanza komuni tal-impjegati. Is-sensji seħħew fl-ESU Airbus Commercial, li tiġbor flimkien iż-żewġ sussidjarji Franċiżi Airbus SAS u Airbus Operations SAS ta' Airbus SE.

    (5)  Dokument mhux ippubblikat: Airbus “Livre 2”, analiżi interna tal-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq is-settur tal-attività ta' Airbus fi Franza.

    (6)  https://lentreprise.lexpress.fr/actualites/1/actualites/le-geant-europeen-airbus-en-chiffres_2129633.html

    (7)  https://www.airbus.com/newsroom/press-releases/en/2020/04/airbus-reports-first-quarter-q1-2020-results.html.

    (8)  Skont il-pjan ta' ristrutturar ta' Airbus: “Accord collectif relatif au plan d'adaptation des sociétés composant l'UES Airbus Commercial dans le contexte de la crise économique Covid-19 et ses conséquences sur l'emploi”.

    (9)  https://www.elysee.fr/en/emmanuel-macron/2020/05/18/french-german-initiative-for-the-european-recovery-from-the-coronavirus-crisis

    (10)  COM(2020)0442 final.

    (11)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

    (12)  Loi d'urgence no2020-734 tas-17 ta' Ġunju 2020

    (13)  Activité Partielle de Longue Durée (APLD): https://www.service-public.fr/professionnels-entreprises/vosdroits/F35381

    (14)  Data miġbura mill-Istitut Nazzjonali Franċiż tal-Istatistika u l-Istudji Ekonomiċi.


    ANNESS

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza (EGF/2021/005 FR/Airbus)

    (It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, id-Deċiżjoni (UE) 2022/359.)


    Top