EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE6310

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu” (COM(2022) 732 final — 2022/0426 (COD)) u r-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (Ir-Raba’ Rapport)” (COM(2022) 736 final)

EESC 2022/06310

ĠU C 228, 29.6.2023, p. 108–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/108


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu”

(COM(2022) 732 final — 2022/0426 (COD))

u r-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (Ir-Raba’ Rapport)”

(COM(2022) 736 final)

(2023/C 228/15)

Relatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Korelatur:

Pietro Vittorio BARBIERI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 8.2.2023

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

3.4.2023

Adozzjoni fil-plenarja

27.4.2023

Sessjoni plenarja Nru

578

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

125/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

It-traffikar tal-bnedmin huwa reat faħxi u ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-bnedmin. L-Istrateġija ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2020 tidentifika r-rwol tal-kriminalità organizzata fit-traffikar tal-bnedmin u l-prezz uman li dan jinvolvi.

1.2.

Fl-2011 ġiet adottata d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu. Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Istrateġija tal-UE kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025 u diġà indikat li l-implimentazzjoni tad-Direttiva għandha tiġi evalwata sabiex din tittejjeb.

1.3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-raba’ rapport ta’ progress li jenfasizza l-evoluzzjoni tal-fenomeni kif ukoll il-Proposta biex tiġi emendata d-Direttiva kontra t-traffikar tal-bnedmin. Id-Direttiva tfittex li tipprevjeni u tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u li tipproteġi lill-vittmi. Għal dan il-għan, hija strutturata permezz ta’ tliet oqfsa ta’ azzjoni: (i) il-kriminalizzazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, li jinkludu d-definizzjoni ta’ reati, pieni u sanzjonijiet; (ii) l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; u (iii) il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin.

1.4.

Il-KESE jilqa’ t-twessigħ tad-definizzjoni ta’ forom differenti ta’ sfruttament. Il-KESE jaqbel li dawn ir-reati għandhom jinftiehmu bħala lista mhux eżawrjenti, peress li sfortunatament il-forom ta’ sfruttament jieħdu aspetti ġodda kuljum. Iqis li l-Istati Membri għandhom jifhmu l-kwistjoni tat-traffikar b’dan il-mod, billi jħarsu b’mod komprensiv lejn il-kwistjonijiet marbuta mal-isfruttament.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-perspettiva tal-ġeneru fil-kontenut u l-implimentazzjoni tad-Direttiva għandha tissaħħaħ, peress li l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi huma nisa u bniet. Bl-istess mod, għandha tingħata attenzjoni lis-sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà li jistgħu jiffavorixxu r-reklutaġġ u l-isfruttament minn networks kriminali u tipi oħra ta’ networks. Barra minn hekk, tinħtieġ aktar attenzjoni għal gruppi vulnerabbli oħra inklużi r-refuġjati, il-persuni li jfittxu l-ażil, u l-persuni mingħajr dokumenti jew li għandhom status prekarju ta’ residenza.

1.6.

Il-KESE jilqa’ r-referenza espliċita għad-dimensjoni online tar-reati tat-traffikar tal-bnedmin. L-użu ta’ teknoloġiji ġodda kkontribwixxa għar-reati ta’ traffikar tal-bnedmin, iffaċilita u ppermetta aċċess akbar għall-vittmi u għall-isfruttament tagħhom, u ħoloq aktar diffikultajiet fil-monitoraġġ tar-rikavat minn dawn ir-reati.

1.7.

Il-KESE jappoġġja li tiġi żviluppata sistema aħjar ta’ sanzjonijiet mill-Kummissjoni. Peress li l-evalwazzjoni wriet li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma kinux żviluppaw bis-sħiħ il-miżuri ta’ sanzjonar fakultattivi, is-sistema obbligatorja l-ġdida, li tiddistingwi bejn reati ordinarji u aggravati, issaħħaħ il-ġlieda kontra r-reati tat-traffikar.

1.8.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li l-persuni ġuridiċi jistgħu jiġu ppenalizzati b’sanzjonijiet li jistgħu jeskluduhom minn għajnuna jew appoġġ pubbliku, għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti jew skwalifika temporanja jew permanenti minn attivitajiet kummerċjali. Il-KESE jemmen li l-użu konxju tas-servizzi operattivi jista’ jkun marbut mad-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva, sabiex il-kumpaniji li jibbenefikaw minn forom differenti ta’ sfruttament ikunu jistgħu jinżammu responsabbli wkoll.

1.9.

Il-KESE jemmen li d-Direttiva għandha tagħti aktar attenzjoni lill-vittmi tat-traffikar, u jixtieq ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jieħdu ħsiebhom, jipproteġuhom u jiżguraw kemm jista’ jkun l-inklużjoni soċjali tagħhom. Minbarra li tfakkar fil-ħtieġa li l-vittmi tat-traffikar ma jiġux ikkastigati, id-Direttiva għandha ssaħħaħ il-mekkaniżmi u l-istrumenti li jassistu u jappoġġjaw lill-vittmi, speċjalment dawk minn gruppi vulnerabbli.

1.10.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-Proposta għal Direttiva tagħha l-ħtieġa li tiġi rispettata d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE (2) dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali u li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti.

1.11.

Il-KESE jtenni l-importanza li ssir ħidma fuq il-prevenzjoni tat-traffikar, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas id-domanda għall-forom kollha ta’ sfruttament. Kif innutat fir-rapport, id-domanda għal xogħol bl-irħis jew prostituzzjoni qed tkompli tikber, minkejja li ħafna drabi huma marbuta mal-eżistenza ta’ reati ta’ traffikar tal-bnedmin.

1.12.

Il-KESE jaqbel dwar il-ħtieġa li jittejjeb il-ġbir tad-data, iżda wkoll li jittejbu l-għodod biex dawn ir-reati jiġu identifikati aħjar. Kif enfasizzat fir-rapport, huwa ċar li hemm għadd sinifikanti ta’ każijiet mhux irrappurtati, sitwazzjoni li trid tiġi kkoreġuta u indirizzata wkoll f’koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll mal-istituzzjonijiet Ewropej.

1.13.

Il-KESE jemmen li l-preżentazzjoni ta’ din il-Proposta għal Direttiva għandha tintuża biex ikun hemm sensibilizzazzjoni u tiġi kkomunikata aħjar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-ksur tad-drittijiet li jirriżultaw minn tipi differenti ta’ sfruttament jeħtieġ rispons komprensiv u multidimensjonali, fejn ir-rwol taċ-ċittadini fil-ġlieda kontra l-impunità u n-normalizzazzjoni ta’ dawn l-abbużi huwa kruċjali.

1.14.

Il-KESE jfakkar li l-fatturi li jinfluwenzaw it-traffikar tal-bnedmin jinkludu: “il-femminizzazzjoni tal-faqar”; aċċess differenti għall-istudju u r-riżorsi għall-irġiel u għan-nisa; inugwaljanzi mediċi u tas-saħħa; il-firxa madwar id-dinja tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; u d-disparità soċjali aktar ġenerali bejn l-irġiel u n-nisa.

1.15.

L-importanza li l-Istati Membri jiżviluppaw aktar mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment, li jinvolvu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-identifikazzjoni tal-vittmi u fl-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ, hija pass meħtieġ. Għodda oħra tista’ tiġi stabbilita għal kull Stat Membri: korp indipendenti għall-monitoraġġ u l-assigurazzjoni, li jinkludi rapporteur nazzjonali li jimmonitorja kemm huma effettivi l-miżuri implimentati mill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-traffikar, iwettaq riċerka u jidħol f’kuntatt ma’ partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati li jittrattaw il-fenomenu f’diversi livelli.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

It-traffikar tal-bnedmin ġie definit internazzjonalment min-NU fl-2000 u jiddikjara:

li “traffikar tal-bnedmin” ifisser il-ħtif, it-trasportazzjoni, it-trasferiment, l-akkoljenza jew l-ilqugħ ta’ persuni, permezz tat-theddid jew bl-użu tal-forza jew forom oħra ta’ koerċizzjoni, ħtif, frodi, qerq, abbuż ta’ poter jew ta’ sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà jew permezz tal-għoti jew teħid ta’ ħlas jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta’ persuna li għandha kontroll fuq persuna oħra, għal fini ta’ sfruttament (Artikolu 3 – Protokoll TIP tan-NU – 2000);

sfruttament ifisser l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta’ ħaddieħor jew forom oħra ta’ sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, skjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, servitù jew tneħħija ta’ organi.

2.2.

It-traffikar tal-bnedmin huwa reat faħxi u ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-bnedmin. L-Istrateġija ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2020 tidentifika r-rwol tal-kriminalità organizzata fit-traffikar tal-bnedmin u l-prezz uman li dan jinvolvi.

2.3.

Fl-2011 ġiet adottata d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (id-Direttiva kontra t-traffikar tal-bnedmin). L-adozzjoni ta’ din id-Direttiva kienet pass importanti fl-armonizzazzjoni tar-regoli bejn l-Istati Membri. Fl-2021, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija tal-UE kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025 u indikat li l-implimentazzjoni tad-Direttiva għandha tiġi evalwata sabiex l-implimentazzjoni stess tittejjeb.

2.4.

L-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tkopri l-perjodu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (April 2013 sa Marzu 2022) u użat data miġbura fil-livell Ewropew u informazzjoni kwalitattiva minn diskussjonijiet ma’ esperti u entitajiet speċjalizzati.

2.5.

L-evalwazzjoni interna tal-Kummissjoni enfasizzat id-diffikultajiet biex jiġi identifikat b’mod korrett l-għadd reali ta’ vittmi, peress li l-55 314-il każ identifikati bejn l-2013 u l-2022 huma kkunsidrati bħala kalkolu baxx wisq. L-isfruttament sesswali għadu l-aktar forma prevalenti ta’ sfruttament tat-traffikar tal-bnedmin — 55,7 % tal-każijiet irrapportati fl-2021 — barra minn hekk l-isfruttament tal-ħaddiema, speċjalment f’setturi bħall-agrikoltura, il-kostruzzjoni u s-servizzi tal-kura, qed isir dejjem aktar komuni. Il-vittmi tfal jammontaw għal 21 % tat-total, filwaqt li n-nisa u l-bniet jammontaw għal 75 % tal-vittmi tat-traffikar.

2.6.

L-evalwazzjoni u r-rapport jenfasizzaw li l-livell ta’ prosekuzzjonijiet u kundanni huwa baxx ħafna, li jista’ jikkontribwixxi għal kultura ta’ impunità fost it-traffikanti. Il-media soċjali fetħet opportunitajiet ġodda għan-networks kriminali li joperaw fl-UE, li l-biċċa l-kbira minnhom huma involuti fit-traffikar tal-bnedmin. Il-gwerra fl-Ukrajna tista’ twassal ukoll għal żieda fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin. It-traffikar tal-bnedmin għadu reat b’riskju baxx u bi profitti għoljin.

2.7.

Filwaqt li d-Direttiva serviet biex tistabbilixxi qafas komuni ta’ leġiżlazzjoni kontra t-traffikar, hija enfasizzat ukoll id-diffikultajiet biex isir progress fil-ġlieda kontra ċerti forom ta’ sfruttament li ma humiex koperti mid-definizzjoni ta’ traffikar u ta’ reati transfruntieri. Id-Direttiva tidentifika wkoll oqsma għal titjib fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-traffikanti, kif ukoll il-ħtieġa li jittejbu l-infurzar tal-liġi u l-kapaċitajiet ġudizzjarji biex jiġu żviluppati investigazzjonijiet finanzjarji marbuta mat-traffikar.

2.8.

Filwaqt li d-Direttiva tiffoka wkoll fuq il-protezzjoni tal-persuni ttraffikati, l-evalwazzjoni enfasizzat li jista’ jsir titjib, fost l-oħrajn, fi kwistjonijiet bħall-applikazzjoni tal-prinċipji tan-nonprosekuzzjoni u n-nonkriminalizzazzjoni tal-vittmi; il-protezzjoni tal-vittmi fi proċessi investigattivi jew ġudizzjarji u l-għoti ta’ assistenza adegwata għall-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tal-vittmi, speċjalment għat-tfal u l-gruppi vulnerabbli. Il-ġbir u l-ipproċessar dgħajfin tad-data huma identifikati wkoll bħala problema.

2.9.

L-evalwazzjoni tirrikonoxxi l-importanza tad-Direttiva bħala bidla radikali fil-ġlieda kontra t-traffikar fl-UE. Fl-istess ħin, din qajmet ukoll il-ħtieġa għal progress fl-iżvilupp ta’ għodod biex jittejbu l-monitoraġġ, il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u x-xogħol fil-qrati fir-rigward tat-traffikar u t-traffikanti, kif ukoll biex tittejjeb l-assistenza lill-vittmi.

2.10.

F’dan il-kuntest, il-Proposta mressqa mill-Kummissjoni hija proposta biex tiġi emendata d-Direttiva. Il-Proposta tfittex li tipprovdi għadd ta’ miżuri biex ittejjeb il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin fl-UE u l-ġlieda kontrih, kif ukoll biex ittejjeb il-protezzjoni tal-vittmi.

3.   Id-Direttiva kontra t-traffikar tal-bnedmin

3.1.

Id-Direttiva kontra t-traffikar tal-bnedmin tfittex li tipprevjeni u tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u li tipproteġi lill-vittmi. Għal dan il-għan, hija strutturata permezz ta’ tliet oqfsa ta’ azzjoni: (i) il-kriminalizzazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, li jinkludu d-definizzjoni ta’ reati, pieni u sanzjonijiet; (ii) l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; u (iii) il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin.

3.2.

Il-KESE jilqa’ l-Proposta li temenda din id-Direttiva, peress li timxi id f’id mal-ħtieġa għal aktar progress u titjib fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi. Il-KESE jaqbel li r-reat tat-traffikar tal-bnedmin sar theddida li qed tikber, f’kuntest aktar diffiċli minn dak tal-2011.

3.3.

Il-KESE jilqa’ t-twessigħ tad-definizzjoni tal-forom differenti ta’ sfruttament, u jfaħħar ir-rapport talli rrefera għal dawn il-forom differenti. Filwaqt li l-isfruttament sesswali jibqa’ l-aktar forma komuni ta’ sfruttar f’każijiet ta’ traffikar, segwit mill-isfruttament tax-xogħol, hemm forom oħra li huma koperti mid-Direttiva (l-isfruttament ta’ persuni li jiġu mġiegħla jittalbu, iwettqu attivitajiet kriminali jew għat-traffikar ta’ organi), li xi wħud minnhom żdiedu wkoll fis-snin reċenti. Bl-istess mod, tfaċċaw forom oħra li ma kinux inklużi fid-Direttiva, iżda li jistgħu jitqiesu wkoll bħala forom tat-traffikar, bħal żwiġijiet furzati, maternità surrogata jew adozzjonijiet illegali. Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni ta’ referenza għal “kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abbużivi”, kif rifless fid-Direttiva tal-UE dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem. Il-KESE huwa tal-fehma li tinħtieġ aktar gwida mill-Kummissjoni dwar id-definizzjonijiet tal-forom differenti possibbli kollha biex tiġi żgurata applikazzjoni aktar uniformi mill-Istati Membri.

3.4.

Il-KESE jaqbel li dawn ir-reati għandhom jinftiehmu bħala lista mhux eżawrjenti, peress li sfortunatament il-forom ta’ sfruttament jieħdu aspetti ġodda kuljum. Iqis li l-Istati Membri għandhom jifhmu l-kwistjoni tat-traffikar b’dan il-mod, billi jħarsu b’mod komprensiv lejn il-kwistjonijiet marbuta mal-isfruttament.

3.5.

Il-KESE jemmen li l-perspettiva tal-ġeneru fil-kontenut u l-implimentazzjoni tad-Direttiva għandha tissaħħaħ, peress li l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi huma nisa u bniet. Bl-istess mod, għandha tingħata attenzjoni lil gruppi vulnerabbli speċifiċi inklużi r-refuġjati, il-persuni li jfittxu l-ażil, u l-persuni li huma mingħajr dokumenti jew li għandhom status prekarju ta’ residenza, kif ukoll lis-sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà li jistgħu jiffavorixxu r-reklutaġġ u l-isfruttament minn networks kriminali. Huwa jindika li l-fatturi li jinfluwenzaw it-traffikar tal-bnedmin jinkludu: “il-femminizzazzjoni tal-faqar”; aċċess differenti għall-istudju u r-riżorsi għall-irġiel u għan-nisa; inugwaljanzi mediċi u tas-saħħa; il-firxa madwar id-dinja tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; u d-disparità soċjali aktar ġenerali bejn l-irġiel u n-nisa.

3.6.

Il-KESE jilqa’ r-referenza espliċita għad-dimensjoni online tar-reati tat-traffikar tal-bnedmin. L-użu ta’ teknoloġiji ġodda kkontribwixxa għar-reati ta’ traffikar tal-bnedmin, iffaċilita u ppermetta aċċess akbar għall-vittmi u għall-isfruttament tagħhom, u ħoloq aktar diffikultajiet fil-monitoraġġ tar-rikavat minn dawn ir-reati. Il-media soċjali ffaċilitat ir-reklutaġġ u l-isfruttament tal-vittmi, u introduċiet abbużi ġodda f’sitwazzjonijiet ta’ sfruttament, bħad-distribuzzjoni ta’ ritratti, filmati, eċċ.

3.7.

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistema aħjar ta’ sanzjonijiet mill-Kummissjoni. Peress li l-evalwazzjoni wriet li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma żviluppawx bis-sħiħ il-miżuri ta’ sanzjonar fakultattivi, is-sistema obbligatorja l-ġdida, li tiddistingwi bejn reati ordinarji u aggravati, issaħħaħ il-ġlieda kontra r-reati tat-traffikar.

3.8.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li l-persuni ġuridiċi jistgħu jiġu ppenalizzati b’sanzjonijiet li jistgħu jeskluduhom minn għajnuna jew appoġġ pubbliku, għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti jew skwalifika temporanja jew permanenti minn attivitajiet kummerċjali. Il-KESE jemmen li l-użu konxju tas-servizzi operattivi jista’ jkun marbut mad-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva, sabiex il-kumpaniji li jibbenefikaw minn forom differenti ta’ sfruttament ikunu jistgħu jinżammu responsabbli wkoll. L-esperjenzi marbutin ma’ każijiet ta’ sfruttament tal-ħaddiema jistgħu jkunu ta’ referenza.

3.9.

Il-KESE jqis bħala progress il-proposta għal emenda li tikkriminalizza l-użu ta’ servizzi jew attivitajiet li joriġinaw mill-isfruttament sakemm ikun magħruf li l-persuna li tipprovdi s-servizz jew l-attività hija l-vittma ta’ reat ta’ traffikar, jiġifieri l-użu konxju (knowing use) tas-servizzi ta’ sfruttament, li jistgħu jkunu akkumpanjati wkoll minn miżuri aktar ħorox mill-Istati Membri. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-Istati Membri jingħataw aktar appoġġ bl-implimentazzjoni f’din il-kwistjoni, sabiex jivvalutaw l-impatt ta’ dan il-punt kemm għall-prevenzjoni kif ukoll għall-prosekuzzjoni tat-traffikar fir-rapport dwar it-traspożizzjoni li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, sabiex jiġi żgurat li ma jkollux effetti dannużi fuq il-vittmi jew il-gruppi vulnerabbli, u li jwassal għal progress kontra l-“kultura ta’ impunità” għal dawn ir-reati.

3.10.

Il-KESE jqis li huwa xieraq li l-Kummissjoni tadatta l-qafas regolatorju u tas-sanzjonar għad-dinja online. F’dan ir-rigward, huwa partikolarment pożittiv li d-Direttiva tinkludi l-iffriżar u l-konfiska tal-assi, f’konformità mal-oqfsa regolatorji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward. L-assi rkuprati mill-awturi ta’ reati għandhom isiru disponibbli biex jikkumpensaw lill-vittmi, u l-vittmi għandhom jingħataw prijorità fil-klassifikazzjoni tal-kredituri.

3.11.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni dwar ir-reati tat-traffikar li jseħħu bejn Stati Membri differenti. Il-kooperazzjoni transfruntiera hija kruċjali u tista’ tittejjeb permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni jew azzjonijiet konġunti, kif ukoll permezz ta’ taħriġ għall-persunal professjonali li jittratta l-vittmi transfruntiera, speċjalment l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

3.12.

L-importanza li l-Istati Membri jiżviluppaw aktar mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment, li jinvolvu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-identifikazzjoni tal-vittmi u fl-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ, hija pass meħtieġ. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-Istati Membri fil-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ dawn l-istrumenti, li jistgħu jiġu kkoordinati fil-livell Ewropew biex jittejbu l-kura u l-protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar. Il-progress fil-ħolqien ta’ strument Ewropew ta’ riferiment ikun meħtieġ sabiex tittejjeb l-armonizzazzjoni fil-kura u l-assistenza tal-vittmi u fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ appoġġ għall-vittmi. Għodda oħra tista’ tiġi stabbilita għal kull Stat Membri: korp indipendenti għall-monitoraġġ u l-assigurazzjoni, li jinkludi rapporteur nazzjonali li jimmonitorja kemm huma effettivi l-interventi implimentati mill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-traffikar, iwettaq riċerka u jidħol f’kuntatt ma’ partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati li jittrattaw il-fenomenu f’diversi livelli.

3.13.

Il-KESE jemmen li d-Direttiva għandha tagħti aktar attenzjoni lill-vittmi tat-traffikar, u jixtieq ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jieħdu ħsiebhom, jipproteġuhom u jiżguraw kemm jista’ jkun l-inklużjoni soċjali tagħhom. Minbarra li tfakkar fil-ħtieġa li l-vittmi tat-traffikar ma jiġux ikkastigati, id-Direttiva għandha ssaħħaħ il-mekkaniżmi u l-istrumenti li jassistu u jappoġġjaw lill-vittmi, speċjalment fi gruppi vulnerabbli bħall-minorenni, minoranzi, refuġjati u migranti bla dokumenti. Jenħtieġ ukoll li tesplora u ssaħħaħ aktar l-għodod ta’ rimedju għall-vittmi u l-prevenzjoni, inklużi mekkaniżmi sikuri għar-rapportar u l-ilmenti u l-fondi ta’ kumpens.

3.14.

L-integrazzjoni fil-pajjiż tad-destinazzjoni tinkiseb billi jiġu ffaċilitati l-assistenza personalizzata, l-informazzjoni, it-taħriġ u l-proġetti ta’ għoti ta’ setgħa lill-vittmi tat-traffikar, permezz ta’: l-akkoljenza fi strutturi protetti speċifiċi; il-ħruġ obbligatorju ta’ permess ta’ residenza, bħala kundizzjoni sine qua non għall-ħruġ mit-traffikar; assistenza, informazzjoni u prevenzjoni rigward is-saħħa; appoġġ psikoloġiku u medjazzjoni kulturali; informazzjoni u pariri soċjali u legali; korsijiet tal-lingwa u tal-litteriżmu; valutazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi; gwida u taħriġ vokazzjonali; dħul fis-suq tax-xogħol.

3.15.

Id-Direttiva ma tindirizzax bidliet leġiżlattivi fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi jew tal-assistenza u l-appoġġ għal persuni ttraffikati, fejn għad hemm ħafna lok għal titjib. Il-KESE jfakkar li d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità tindirizza, fost l-oħrajn, il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kategoriji partikolari ta’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali u l-pornografija tat-tfal.

3.16.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-Proposta tagħha li temenda d-Direttiva l-ħtieġa li tiġi rispettata d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE.

3.17.

Il-kooperazzjoni tal-vittma għandha tinftiehem bħala x-xewqa li tingħaqad ma’ proġett individwali ta’ integrazzjoni soċjali u li toħroġ mill-isfruttament. Il-permess ta’ residenza ma jistax jingħata biss lil dawk li jiddeċiedu li jikkooperaw mal-ġustizzja, peress li l-alternattivi għat-traffikar, jiġifieri aċċess għal servizzi territorjali li jwasslu għat-titjib tal-ħiliet u l-awtonomizzazzjoni, inevitabbilment jiddependu mill-ħruġ ta’ permess ta’ residenza.

3.18.

Il-vittmi jsibuha bi tqila li jixhdu kontra t-traffikanti tagħhom. Ta’ spiss jgħixu fi stat ta’ rikatt permanenti u x-xhieda tagħhom iġġegħelhom jirriskjaw ħajjithom u dik tal-familji tagħhom. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-kunsens ta’ vittma tat-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament huwa irrilevanti (Artikolu 3(b) – Protokoll TIP tan-NU – 2000).

3.19.

Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tagħmel progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-pubblikazzjoni tagħha “Id-drittijiet tal-UE għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin” (4) sabiex l-Istati Membri dejjem jagħtu permessi ta’ residenza lill-vittmi tat-traffikar fil-każijiet li ġejjin:

jekk il-preżenza tal-vittma tkun meħtieġa għall-investigazzjoni jew għall-proċedimenti ġudizzjarji;

jekk il-vittma tkun uriet rieda ċara li tikkoopera;

jekk il-vittma tkun temmet kwalunkwe relazzjoni mal-awtur(i) tar-reat tat-traffikar;

jekk il-vittma ma toħloqx riskju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar użu mill-opportunità li joffru permessi ta’ residenza lill-vittmi għal raġunijiet umanitarji jew personali, anke meta l-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jiġux issodisfati.

3.20.

Il-KESE jtenni l-importanza li ssir ħidma fuq il-prevenzjoni tat-traffikar, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas id-domanda għall-forom kollha ta’ sfruttament. Id-domanda għal xogħol bl-irħis jew prostituzzjoni qed tkompli tikber, minkejja li ħafna drabi huma marbuta mal-eżistenza ta’ reati ta’ traffikar tal-bnedmin.

3.21.

Il-KESE jemmen li l-bosta attivitajiet li jfittxu li jtejbu l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet għandhom jissaħħu, inkluż billi jiġu esplorati għodod ġodda ta’ komunikazzjoni, taħriġ, programmi edukattivi u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar fl-Istati Membri kollha.

3.22.

Il-KESE jaqbel dwar il-ħtieġa li jittejjeb il-ġbir tad-data, iżda wkoll billi jittejbu l-għodod biex dawn ir-reati jiġu identifikati aħjar. Huwa ċar li hemm għadd sinifikanti ta’ każijiet mhux irrappurtati, li jridu jiġu kkoreġuti u mwieġba wkoll fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll mal-istituzzjonijiet Ewropej. Il-proposta għal rapport statistiku annwali dwar it-traffikar tista’ tgħin biex tinkiseb data aħjar u jittejbu l-azzjoni kif ukoll l-għarfien mill-pubbliku dwar dawn ir-reati.

3.23.

Bl-istess mod, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni stabbiliet il-ħtieġa li jitressaq rapport annwali dwar il-ħidma tal-Istati Membri dwar azzjonijiet kontra t-traffikar quddiem il-Parlament u l-Kunsill Ewropew, li jenfasizza l-implimentazzjoni tal-miżuri u l-impatt tagħhom.

3.24.

Il-KESE jemmen li l-preżentazzjoni ta’ din il-Proposta li temenda d-Direttiva għandha tintuża biex ikun hemm sensibilizzazzjoni u tiġi kkomunikata aħjar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-ksur tad-drittijiet li jirriżultaw minn tipi differenti ta’ sfruttament jeħtieġ rispons komprensiv u multidimensjonali, fejn ir-rwol taċ-ċittadini fil-ġlieda kontra l-impunità u n-normalizzazzjoni ta’ dawn l-abbużi huwa kruċjali.

Brussell, is-27 ta’ April 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19).

(3)  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(4)  Id-drittijiet tal-UE għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.


Top