EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE6280

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija — Pjan ta’ azzjoni tal-UE” (COM (2022) 552 final)

EESC 2022/06280

ĠU C 184, 25.5.2023, p. 93–100 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/93


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija — Pjan ta’ azzjoni tal-UE”

(COM (2022) 552 final)

(2023/C 184/17)

Relatur:

Thomas KATTNIG

Korelatur:

Zsolt KÜKEDI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 25.11.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

7.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

198/1/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-objettivi u jilqa’ l-biċċa l-kbira tal-miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni. B’mod partikolari, il-KESE diġà għamel ċara r-rabta bejn it-tranżizzjoni tal-enerġija u t-trasformazzjoni diġitali, billi indika l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija, intensità tal-enerġija mnaqqsa u ġestjoni aħjar tal-infrastruttura tal-enerġija. Madankollu, għalkemm l-attitudni ottimista tal-pjan ta’ azzjoni hija ta’ ispirazzjoni, il-Kummissjoni għandha t-tendenza li tinjora l-fatt li r-realtà fiżika hija differenti ħafna mill-każijiet ta’ użu tad-diġitalizzazzjoni li jissemmew fil-pjan ta’ azzjoni.

1.2

Minkejja li kemm l-approċċ strateġiku kif ukoll il-miżuri speċifiċi tal-pjan ta’ azzjoni jippuntaw fid-direzzjoni t-tajba, il-Kummissjoni tonqos milli tintegra l-pjan ta’ azzjoni fil-politika ġenerali dwar l-enerġija. Approċċ kompartimentalizzat li jiffoka biss fuq id-diġitalizzazzjoni u li jinjora l-qafas ġenerali mhux se jiġġenera l-benefiċċji li huma spjegati kif imiss fil-pjan ta’ azzjoni. Id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija trid toħloq soluzzjonijiet kooperattivi li fihom jiġu pprovduti inċentivi għall-utenti biex jipparteċipaw fis-sistema tal-enerġija diġitalizzata; pereżempju, l-użu ta’ arloġġi intelliġenti u l-użu ta’ vetturi elettriċi bi ċċarġjar bidirezzjonali li jappoġġjaw l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku. Il-kummerċ bejn il-pari, l-awtokonsum virtwali u l-kondiviżjoni tal-enerġija kollha jeħtieġu għodod diġitali. Madankollu, jew huma l-ostakli amministrattivi li jagħmlu dawn il-prattiki mhux attraenti jew hemm nuqqas ta’ inċentivi effettivi.

1.3

Il-KESE jikkonferma li huwa definittivament meħtieġ li s-sistema tal-enerġija ssir aktar intelliġenti u aktar flessibbli, iżda s-sistema tal-enerġija bħalissa tinsab taħt pressjoni minn nuqqasijiet bħall-inflessibbiltà tan-network tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni li tirriżulta minn nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija. Minkejja li ċerti fornituri tal-enerġija għamlu profitti sinifikanti, ma ġiex investit biżżejjed fi grilji intelliġenti biex jintlaħqu l-għanijiet tat-tranżizzjoni tal-enerġija. L-espansjoni u t-trasformazzjoni tal-grilji għadhom lura minħabba li l-qafas regolatorju ma jinċentivax l-investiment fid-diġitalizzazzjoni u l-flessibilizzazzjoni, fost affarijiet oħra, u l-grilji eżistenti ma baqgħux adatti għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija volatili. Sabiex jiġi evitat qtugħ tan-network fis-sistema tal-enerġija diġitalizzata, jeħtieġ li b’mod urġenti nibdew nittrasformaw is-sistema tal-enerġija tagħna billi niżviluppaw u nespandu n-network (grilji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni).

1.4

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea tinkorpora l-ideat li fuqhom tissejjes il-“promozzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura diġitali tal-elettriku” f’emenda għall-Artikolu 58 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (1) dwar regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, u tiżgura qafas regolatorju li jinċentiva b’mod effettiv l-investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-grilji tal-elettriku. B’mod parallel, jeħtieġ li jiġu żviluppati swieq tal-flessibbiltà biex il-konsum, il-ġenerazzjoni u l-prosum flessibbli bbażati fuq it-teknoloġiji diġitali jsiru attraenti.

1.5

Aktar minn sitt snin wara l-preżentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, kemm il-komunitajiet tal-enerġija kif ukoll l-awtokonsum kollettiv għadhom jaqdu biss rwol minuri fis-sistemi tal-enerġija tal-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea s’issa injorat l-eżistenza ta’ ostakli għal dawn il-forom ta’ ġenerazzjoni u konsum tal-enerġija. L-Ewropej iridu jingħataw inċentivi li eventwalment jikkonvinċuhom u jimmotivawhom biex jiddiġitalizzaw l-attivitajiet kollha tagħhom relatati mal-enerġija. F’ħafna każijiet, jinħtieġ ukoll intitolament legali u amministrattiv ċar. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi korrispondenti, inkluż appoġġ dirett li jippermetti lill-komunitajiet tal-enerġija u lill-prosumaturi kollettivi jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, fejn, b’mod speċjali f’termini tas-sigurtà tal-provvista, dawn il-forom ta’ ġenerazzjoni u konsum iridu jsiru parti kruċjali tas-sistema. Inkella, l-għodod diġitali mhux ħa jagħmlu differenza.

1.6

Il-KESE jtenni li, bl-approċċ it-tajjeb, struttura tal-provvista tal-enerġija newtrali għall-klima, deċentralizzata u diġitalizzata jista’ jkollha effetti pożittivi sinifikanti fuq l-impjieg u l-ekonomija, speċjalment l-ekonomiji reġjonali (2). Fil-kriżi attwali l-Unjoni Ewropea teħtieġ approċċ ġenerali fil-konfront tal-politika tal-enerġija li jgħaqqad kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-enerġija u l-klima mal-objettivi tal-politika għall-koeżjoni soċjali u reġjonali.

1.7

Madankollu, il-KESE jinnota li politika ta’ bidla tista’ tirnexxi biss jekk tqis id-diversi dinamiċi soċjali attivi fit-tranżizzjoni u tindirizzahom fl-istrateġiji u l-miżuri tagħha. Għandna nsaħħu r-rwol tal-konsumaturi attivi fid-diġitalizzazzjoni u nħeġġuhom u nagħtuhom id-dritt jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet intelliġenti, peress li dawn jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-prestazzjoni tas-suq intern tal-enerġija; jeħtieġ ukoll li jitqiesu l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. L-għodod għandhom ikunu faċli għall-utent u għandha tingħata attenzjoni lill-gruppi vulnerabbli u lill-persuni b’diżabilità. Għalhekk, politika għal tranżizzjoni ġusta u ġestjoni politika attiva tal-bidla hija indispensabbli. Jekk id-dimensjoni soċjali tiġi injorata fl-implimentazzjoni, it-trasformazzjoni tirriskja li tfalli minħabba r-reżistenza pubblika.

1.8

Fir-rigward tat-tfassil futur tas-sistemi u l-infrastruttura tal-enerġija, il-KESE kemm-il darba enfasizza li l-konsumaturi kollha għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-enerġija intelliġenti u li għandhom jiġu stabbiliti inċentivi sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ tipparteċipa fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Hija importanti ħafna l-“konnessjoni tal-innovaturi lokali u reġjonali”, kif imsemmi mill-Kummissjoni fil-punt 7.3. Azzjoni kollettiva bħall-kooperazzjoni bejn il-bliet u l-komunitajiet intelliġenti tista’ toħloq l-aħjar u l-aktar soluzzjonijiet affordabbli li reġjun kwalunkwe jista’ jkollu bżonn.

1.9

Il-politiki diġitali u tal-enerġija tal-UE diġà qed jiggwidaw id-diġitalizzazzjoni tal-enerġija, peress li kwistjonijiet bħall-interoperabbiltà tad-data, is-sigurtà tal-provvista u ċ-ċibersigurtà, il-ksur tal-privatezza u l-protezzjoni tal-konsumatur ma jistgħux jitħallew f’idejn is-suq biss u l-implimentazzjoni adatta tagħhom hija kruċjali. F’dan il-kuntest, il-KESE jirrimarka li ksur tal-privatezza u l-użu ħażin tad-data għandhom jiġu evitati b’kull mezz. Dan jinkludi mhux biss prekawzjonijiet tekniċi, iżda wkoll responsabbiltà u monitoraġġ ta’ dan l-ispazju tad-data mill-awtoritajiet tal-istat soġġetti għal kontroll politiku u demokratiku. Fl-istess ħin, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' data tal-infrastruttura kritika.

1.10

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tgħid li huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni ma ddgħajjifx il-qafas għall-protezzjoni tal-konsumatur diġà stabbilit fis-suq intern tal-elettriku. Il-KESE jieħu nota ta’ dan u jżid li d-drittijiet tal-konsumatur għandhom jiġu adattati u mtejba fis-suq tal-enerġija. Il-konsumaturi m’għandhomx ikunu żvantaġġati jew mitlubin iħallsu żżejjed. Dawn għandhom jibbenefikaw minn għodod diġitali li, jekk jiġu żviluppati b’mod korrett, jistgħu jgħinu biex tiżdied il-protezzjoni tal-konsumatur.

1.11

Għall-inizjattivi kollha, huwa importanti li l-konsumaturi jkollhom arloġġ intelliġenti fi djarhom. Dan għadu mhux il-każ f’ħafna Stati Membri, u għalhekk hemm ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-isforzi biex il-kejl intelliġenti tal-konsum tal-enerġija jintuża b’mod aktar wiesa’ bħala prerekwiżit fundamentali għall-biċċa l-kbira tas-soluzzjonijiet diġitali fis-settur tal-enerġija, speċjalment għall-provvista tal-elettriku u, fuq livell inqas, għall-provvista tal-gass. L-Istati Membri li għadhom ma implimentawx kompletament l-arloġġi intelliġenti jeħtieġ li jħaffu dan u jżidu l-objettivi nazzjonali tagħhom fir-rigward ta’ din l-implimentazzjoni. L-evidenza internazzjonali turi li d-distribuzzjoni tal-arloġġi intelliġenti hija l-aktar effettiva meta l-operaturi tal-grilja jkunu responsabbli. L-arloġġi intelliġenti għandhom jitqiesu bħala parti integrali mill-grilja tal-elettriku.

1.12

Hemm ir-riskju li servizzi ġodda mmexxija mid-data u soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi ma jiġux implimentati malajr biżżejjed jekk ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema tas-sengħa u professjonisti mħarrġa biex jgħinu fl-implimentazzjoni tagħhom. Il-miżuri ta’ politika meħtieġa dwar is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni jeħtieġu riżorsi finanzjarji suffiċjenti kif ukoll l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiġi żgurat approċċ koordinat. Il-KESE jemmen li kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali hija essenzjali f’dan ir-rigward.

1.13

Iċ-ċibersigurtà hija rekwiżit essenzjali biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tas-sistema tal-enerġija dejjem aktar diġitalizzata. L-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar deċennji, u b’mod partikolari l-avvenimenti reċenti, juru l-periklu ta’ attakki ċibernetiċi u atti ta’ sabotaġġ kontra l-infrastruttura kritika. Madankollu, jistgħu jinqalgħu problemi mhux biss bħala riżultat ta’ attakki ċibernetiċi jew azzjonijiet ta’ sabotaġġ, iżda wkoll minn fallimenti ta’ hardware u software, u għalhekk il-Kummissjoni trid tagħti attenzjoni speċjali lid-disinn tal-hardware u s-software matul id-diġitalizzazzjoni biex tiżgura r-robustezza. Il-falliment jew tfixkil ta’ infrastruttura kritika jista’ jikkawża nuqqasijiet devastanti fil-provvista u jipperikola s-sikurezza pubblika. Ġenerazzjoni u użu aktar deċentralizzati tal-enerġija flimkien mal-internet iżidu l-opportunitajiet għal attakki kif ukoll riskji relatati maċ-ċibernetika. Is-sistema tal-enerġija diġitalizzata (kemm f’termini ta’ hardware kif ukoll ta’ software) trid tkun affidabbli, u tiżgura disponibbiltà kontinwa.

1.14

Il-KESE jemmen li strateġija kkombinata għat-tranżizzjoni tal-enerġija u d-diġitalizzazzjoni fiż-żoni rurali ma ngħatatx il-livell mistenni ta’ attenzjoni u appoġġ. Huwa jsejjaħ għall-implimentazzjoni rapida tal-viżjoni fit-tul tal-Kummissjoni għaż-żoni rurali tal-UE u l-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati taħt il-Patt Rurali tal-UE.

2.   Sfond

2.1

Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni bl-għan li tmexxi ’l quddiem id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija għandu l-għan li jilħaq l-objettivi stabbiliti fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika dwar it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, bil-għan li t-teknoloġiji diġitali jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ soċjetà newtrali għall-klima u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, filwaqt li jiżgura li kulħadd ikun jista’ jibbenefika minn din it-tranżizzjoni.

2.2

Fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tagħha, il-Kummissjoni tipproponi sett ta’ azzjonijiet f’ħames oqsma: il-promozzjoni tal-konnettività, l-interoperabbiltà u skambji bla xkiel ta’ data dwar l-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ spazju komuni tad-data; il-promozzjoni u l-koordinazzjoni tal-investiment fil-grilja intelliġenti; l-għoti ta’ servizzi aħjar abbażi tal-innovazzjoni diġitali sabiex il-konsumaturi jkunu involuti fit-tranżizzjoni tal-enerġija; l-iżgurar taċ-ċibersigurtà fis-sistema tal-enerġija; u l-iżgurar li l-ħtiġijiet tal-enerġija li dejjem qed jikbru tas-settur tal-ICT ikunu konformi mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Kummissjoni temmen li d-diġitalizzazzjoni tista’ ttejjeb l-affordabbiltà, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija tal-UE.

2.3

Is-soluzzjonijiet intelliġenti huma mfassla biex il-konsumaturi jingħataw aktar kontroll fuq il-konsum tal-enerġija u l-kontijiet tagħhom, b’hekk itejbu l-ġestjoni tal-użu tal-enerġija, minkejja li ħafna konsumaturi finali jistgħu jifhmu dan il-potenzjal mingħajr ma jeħtieġu soluzzjoni intelliġenti. Servizzi innovattivi tal-enerġija għandhom inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-enerġija għandha tintuża meta tkun irħisa. L-arloġġi intelliġenti jipprovdu informazzjoni importanti biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija, eż. l-iċċarġjar intelliġenti tal-vetturi elettriċi, il-pompi tas-sħana intelliġenti flimkien mal-pannelli fotovoltajċi. L-arloġġi intelliġenti jgħinu lill-klijenti jikkontrollaw id-data fil-kontijiet tagħhom u jippermettulhom jeliminaw kontijiet żbaljati u kontijiet b’lura, li bħalissa huma fost l-akbar preokkupazzjonijiet tal-konsumaturi. Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi appoġġ għall-għodod diġitali, li jservu l-interess tal-konsumaturi u f’xi każijiet jiġu żviluppati f’kollaborazzjoni magħhom, ħiliet diġitali mtejba, finanzjament għal soluzzjonijiet diġitali intelliġenti permezz ta’ programmi li jistgħu jgħinu biex jintlaħaq l-objettiv tad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, appoġġ għar-regolaturi nazzjonali fid-definizzjoni u l-monitoraġġ ta’ indikaturi tal-grilja intelliġenti komuni, il-ħolqien ta’ spazju komuni Ewropew għad-data dwar l-enerġija u l-involviment mill-qrib tal-partijiet interessati rilevanti kollha, b’mod partikolari l-operaturi tal-grilja u l-fornituri tal-enerġija.

2.4

Skont il-Kummissjoni, it-teknoloġiji tal-ICT joffru potenzjal kbir ta’ ekoloġizzazzjoni. Is-soluzzjonijiet diġitali għandhom jgħinu biex jiġu bbilanċjati l-provvista, il-ħżin u d-domanda tal-enerġija u biex is-sistema tal-enerġija ssir aktar flessibbli, u jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzati. Is-swieq tal-flessibbiltà jeħtieġ li jiġu żviluppati sabiex l-investimenti fl-għażliet ta’ flessibbiltà jsiru attraenti, irrispettivament minn jekk dawn l-investimenti jsirux minn ġeneraturi, konsumaturi jew prosumaturi jibbenefikaw mill-għodod diġitali.

2.5

Fl-istess ħin, il-pjan ta’ azzjoni jenfasizza l-ħtieġa li jitrażżan il-konsum tal-enerġija li qed jiżdied fis-settur tal-ICT. Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi wkoll il-ħolqien ta’ tewmi diġitali tal-grilja elettrika Ewropea, l-appoġġ għall-komunitajiet tal-enerġija permezz ta’ għodod diġitali, l-iżvilupp ta’ tikketti relatati mal-enerġija għall-kompjuters, iċ-ċentri tad-data u l-blockchains, u l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta tal-UE għas-sostenibbiltà tan-networks tat-telekomunikazzjoni.

2.6

F’sistema tal-enerġija dejjem aktar diġitalizzata b’ġenerazzjoni, trażmissjoni u distribuzzjoni deċentralizzati tal-enerġija u apparati konnessi b’mod aktar diġitali fid-djar, qed jiżdied ir-riskju ta’ spjunaġġ, ċiberkriminalità u falliment tal-hardware relatati mal-konsum tal-enerġija. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi miżuri taċ-ċibersigurtà kkoordinati tajjeb biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ġenerali tas-sistema.

2.7

Il-pjan ta’ azzjoni jiddeskrivi li dan jeħtieġ kemm azzjoni fuq terminu medju u twil, kif ukoll qafas ta’ governanza. Il-Kummissjoni tispjega li se tinvolvi diversi komunitajiet ta’ partijiet ikkonċernati, negozji u msieħba internazzjonali u tinnota li l-finanzjament pubbliku limitat irid jintuża b’mod għaqli u huwa meħtieġ aktar investiment privat.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fil-pjan ta’ azzjoni tagħha, il-Kummissjoni ġustament tindirizza l-potenzjal enormi tat-teknoloġiji diġitali biex tiżdied il-flessibbiltà tas-sistema tal-elettriku. Il-KESE jappoġġja dawn l-objettivi u jilqa’ l-biċċa l-kbira tal-miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni. B’mod partikolari, il-KESE diġà għamel ċara r-rabta bejn it-tranżizzjoni tal-enerġija u t-trasformazzjoni diġitali, billi indika l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija, intensità tal-enerġija mnaqqsa u ġestjoni aħjar tal-infrastruttura tal-enerġija. Madankollu, għalkemm l-attitudni ottimista tal-pjan ta’ azzjoni hija ta’ ispirazzjoni, il-Kummissjoni għandha t-tendenza li tinjora l-fatt li r-realtà fiżika hija differenti ħafna mill-każijiet ta’ użu tad-diġitalizzazzjoni li jissemmew fil-pjan ta’ azzjoni.

3.2

Il-KESE huwa tal-fehma li l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tal-enerġija huma: id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija tal-Ewropa; it-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija; l-iżgurar ta’ suq intern tal-enerġija integrat; it-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija; l-espansjoni rapida tal-grilja tal-enerġija; l-iżgurara tas-sigurtà tal-provvista; id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; it-tnaqqis tal-emissjonijiet; it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx tal-karbonju, b’teknoloġiji b’livell baxx tal-karbonju u ta’ enerġija nadifa; iż-żieda u l-espansjoni massiva tal-enerġija rinnovabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi; il-promozzjoni tar-riċerka u l-edukazzjoni relatati; l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta; u l-appoġġ tad-dimensjoni soċjali tal-enerġija, bħat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku. Id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija hija l-bażi għal dan u tista’ tgħin biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi ewlenin kollha.

3.3

Filwaqt li kemm l-approċċ strateġiku kif ukoll il-miżuri speċifiċi tal-pjan ta’ azzjoni jippuntaw fid-direzzjoni t-tajba, il-Kummissjoni tonqos milli tintegra l-pjan ta’ azzjoni fil-politika ġenerali dwar l-enerġija. Approċċ kompartimentalizzat li jiffoka biss fuq id-diġitalizzazzjoni u li jinjora l-qafas ġenerali mhux se jiġġenera l-benefiċċji li huma spjegati kif imiss fil-pjan ta’ azzjoni.

3.4

Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti stampa ta’ stat ideali li jibni fuq sistema tal-enerġija żviluppata sew (eż. networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni) u jiddiġitalizzaha. Madankollu, fl-Ewropa, in-networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni għandhom jiġu żviluppati l-ewwel qabel ma tkun tista’ tiġi żviluppata teknoloġija diġitali kumplessa. Qed niddiġitalizzaw għalxejn jekk l-enerġija ġestita b’mod intelliġenti ma tkunx tista’ tiġi trażmessa permezz ta’ networks tat-trażmissjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, ammont kbir ta’ enerġija tinħela fuq networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. Anke llum, l-ispiża tal-elettriku ekoloġiku li ma jistax jintuża jew jiġi trażmess u li trid titnaqqas kienet tammonta għal aktar minn EUR 2 biljun qabel il-kriżi tal-enerġija u ammontat għal aktar minn EUR 12-il biljun matul il-kriżi tal-enerġija f’pajjiżi kbar bħall-Ġermanja. Jekk il-grilji tal-elettriku u l-kapaċitajiet tal-ħżin kompatibbli mas-sistema ma jiġux estiżi malajr u fl-istess ħin ma jinstabux modi aħjar għall-użu tal-elettriku direttament fuq il-post, dan it-telf ekonomiku se jiżdied bosta drabi.. Id-diġitalizzazzjoni f’dan il-qasam jista’ jkollha rwol fl-identifikazzjoni ta’ dan it-telf u fl-użu tad-data ġġenerata b’dan il-mod fl-iżvilupp tan-network.

3.5

Huwa minnu li hemm bżonn ta’ investiment konsiderevoli fl-infrastruttura tal-enerġija biex il-grilji jsiru intelliġenti. Huwa minnu wkoll li ħafna Stati Membri ma jinċentivawx tali investiment peress li r-regolamentazzjoni tagħhom turi preġudizzju ċar lejn in-nefqa kapitali (CapEx), u l-investiment fid-diġitalizzazzjoni huwa prinċipalment nefqa operazzjonali (OpEx). Il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ta’ tali investiment u l-progress assoċjat mhux se jkunu biżżejjed. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea tinkorpora l-ideat li fuqhom tissejjes il-“promozzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura diġitali tal-elettriku” f’emenda għall-Artikolu 58 tad-Direttiva (UE) 2019/944 dwar regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, u tiżgura qafas regolatorju li jinċentiva b’mod effettiv l-investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-grilji tal-elettriku.

3.6

Il-Kummissjoni Ewropea ġustament tirrimarka li l-għodod diġitali jaqdu rwol importanti fl-iżvilupp ta’ skemi kollettivi ta’ awtokonsum u komunitajiet tal-enerġija. Kemm il-gwida kif ukoll il-pjattaforma ta’ esperimentazzjoni ppjanata jistgħu jgħinu, iżda mhumiex l-aktar aspetti importanti. Aktar minn ħames snin wara l-preżentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, kemm il-komunitajiet tal-enerġija kif ukoll l-awtokonsum kollettiv għad hom jaqdu biss rwol minuri fis-sistemi tal-enerġija tal-Ewropa. F’ħafna każi, ir-raġunijiet ewlenin għal dan huma ostakli burokratiċi sinifikanti u nuqqas ta’ informazzjoni min-naħa tal-konsumaturi u l-produtturi. Il-Kummissjoni Ewropea s’issa injorat l-eżistenza ta’ dawn l-ostakli. L-Ewropej iridu jingħataw inċentivi li eventwalment jikkonvinċuhom u jimmotivawhom biex jiddiġitalizzaw l-attivitajiet kollha tagħhom relatati mal-enerġija. Is-sistema tal-enerġija diġitalizzata kollha kemm hi trid tkun tant attraenti għall-partijiet li joperaw f’dik is-sistema li mhux biss l-inċentivi finanzjarji jgħinu biex tinħoloq din is-sistema tal-enerġija diġitalizzata, iżda l-ambjent kollu jħeġġiġhom joħolqu sistema tal-enerġija kkontrollata, ġestita u sigura. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi korrispondenti, inkluż appoġġ dirett li jippermetti lill-komunitajiet tal-enerġija u lill-prosumaturi kollettivi jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, billi jitqiesu wkoll l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Inkella, l-għodod diġitali mhux ħa jagħmlu differenza.

3.7

L-iċċarġjar bidirezzjonali tal-vetturi elettriċi huwa każ ieħor promettenti ħafna li juri li konsumaturi aktar attivi jistgħu jikkontribwixxu direttament għall-istabbiltà tas-sistema bis-saħħa tat-teknoloġija diġitali, inkluż l-ICT, kemm min-naħa tal-grilja kif ukoll min-naħa tal-konsumatur. Madankollu, kważi ma hemm l-ebda każ ta’ negozju għall-iċċarġjar bidirezzjonali tal-vetturi elettriċi fl-Ewropa kollha peress li s-suq ma kienx imfassal biex jipprovdi inċentivi bbażati fuq is-suq għall-alimentazzjoni ta’ elettriku flessibbli ’l ġewwa u ’l barra. Fl-isforzi tagħha biex tfassal is-suq mill-ġdid, il-Kummissjoni għandha tiffoka b’mod partikolari fuq it-tfassil ta’ suq li jagħmel każijiet bħal dawk imsemmija fil-Kapitolu 4.2 tal-pjan ta’ azzjoni attraenti u jgħin biex jiġu integrati; hawnhekk, l-iċċarġjar bidirezzjonali jista’ jintuża wkoll fil-futur mill-operaturi tan-network bħala fattur fil-kontroll tat-tagħbija, li għandu jitqies ukoll fil-leġiżlazzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.

3.8

Il-KESE jtenni li, bl-approċċ it-tajjeb, struttura tal-provvista tal-enerġija newtrali għall-klima, deċentralizzata u diġitalizzata jista’ jkollha effetti pożittivi sinifikanti fuq l-impjiegi u l-ekonomija, speċjalment l-ekonomiji reġjonali (3). Fil-kriżi attwali l-Unjoni Ewropea teħtieġ approċċ ġenerali fil-konfront tal-politika tal-enerġija li jgħaqqad kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-enerġija u l-klima mal-objettivi tal-politika għall-koeżjoni soċjali u reġjonali.

3.9

Il-KESE jenfasizza li t-tfassil teknokratiku tal-kundizzjonijiet qafas ekonomiċi u l-promozzjoni finanzjarja ta’ teknoloġiji ġodda, speċjalment id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, għandhom rwol importanti fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li politika ta’ bidla tista’ tirnexxi biss jekk tqis id-diversi dinamiċi soċjali attivi fit-tranżizzjoni u tindirizzahom fl-istrateġiji u l-miżuri tagħha. Għandna nsaħħu r-rwol tal-konsumaturi fid-diġitalizzazzjoni u nħeġġuhom jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet intelliġenti, peress li dawn jistgħu jgħinu biex itejbu l-effiċjenza u l-prestazzjoni tas-suq intern tal-enerġija; jeħtieġ ukoll li jiġu involuti l-partijiet kollha tal-katina tal-valur tal-enerġija biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Għalhekk, politika għal tranżizzjoni ġusta u ġestjoni politika attiva tal-bidla hija indispensabbli. Jekk id-dimensjoni soċjali tiġi injorata fl-implimentazzjoni, it-trasformazzjoni tirriskja li tfalli minħabba r-reżistenza pubblika.

3.10

It-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tista’ tiġġenera profitti mhux mistennija għall-fornituri tas-servizzi, li jistgħu jitolbu tariffi ogħla għas-soluzzjonijiet il-ġodda tagħhom. Madankollu, servizzi innovattivi, apps u sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija jistgħu jilliberaw il-potenzjal enormi mhux sfruttat għall-utenti tal-enerġija, u b’hekk jiġġeneraw solliev għall-konsumaturi li jsofru minn prezzijiet għoljin tal-enerġija. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tgħin biex il-prezzijiet fis-suq ikunu komparabbli, biex il-prezzijiet għal għażliet ta’ flessibbiltà bħat-trasferiment tat-tagħbija jkunu ġusti u biex jiġi żvelat fi stadju bikri tal-proċess tas-suq li l-konsumaturi tal-enerġija, bħall-unitajiet domestiċi vulnerabbli, jistgħu jħallsu inqas għas-servizz ipprovdut. Pereżempju, soluzzjonijiet intelliġenti għall-kontabbiltà tal-enerġija jistgħu jagħtu lill-persuni soċjalment żvantaġġati l-opportunità li jużaw enerġija daqs kemm jistgħu jħallsu u ma jippermettulhomx jidħlu f’dejn.

3.11

Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tqis ir-realtà tas-suq tal-arloġġi intelliġenti u tintervjeni jekk ikun meħtieġ. L-installazzjoni prevista ta’ arloġġi intelliġenti tista’ twassal għal spejjeż għoljin għall-kerrejja. Fil-prattika, ftit li xejn hemm kompetizzjoni bejn id-diversi fornituri tas-servizzi b’rabta mal-kejl tal-konsum tal-enerġija. L-inkjesti settorjali fil-Ġermanja u fl-Awstrija wrew li hemm indikazzjonijiet konsiderevoli tal-eżistenza ta’ oligopolju mhux kompetittiv fis-settur tal-kejl separat tal-konsum tal-enerġija (4). Sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni, għandu jiġi żgurat li l-apparati ta’ reġistrazzjoni tal-konsum ikunu jistgħu jintużaw ukoll minn fornituri terzi. Inkella, bidla fil-kumpanija tal-fatturazzjoni tkun dejjem assoċjata mal-ispejjeż tas-sostituzzjoni tal-apparati eżistenti għar-reġistrazzjoni tal-konsum.

3.12

F’dan il-kuntest, il-KESE jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li soċjetà tal-enerġija fuq żewġ livelli għandha tiġi evitata akkost ta’ kollox. Mhuwiex aċċettabbli li familji mgħammra tajjeb finanzjarjament u teknikament biss jibbenefikaw mit-tranżizzjoni enerġetika u li l-familji l-oħra kollha jkollhom iġarrbu l-ispejjeż. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-inċentivi u l-għodod għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika biex jiġu megħjuna l-klijenti u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli, u jirrimarka li miri ambizzjużi għat-tisħin/tkessiħ distrettwali jistgħu jaggravaw il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali.

3.13

Fir-rigward tat-tfassil futur tas-sistemi u l-infrastruttura tal-enerġija, il-KESE kemm-il darba enfasizza li l-konsumaturi kollha – l-unitajiet domestiċi, in-negozji u l-komunitajiet tal-enerġija – għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-enerġija intelliġenti u li għandhom jiġu stabbiliti inċentivi sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ tipparteċipa fit-tranżizzjoni tal-enerġija, iżda wkoll sabiex tgħin fil-finanzjament tagħha. Hija importanti ħafna l-“konnessjoni tal-innovaturi lokali u reġjonali”, kif imsemmi mill-Kummissjoni fil-punt 7.3. Azzjoni kollettiva bħall-kooperazzjoni bejn bliet intelliġenti u komunitajiet tista’ toħloq l-aħjar u l-aktar soluzzjonijiet affordabbli li reġjun jista’ jkollu bżonn.

3.14

Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi l-ħolqien ta’ spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-enerġija u governanza tajba biex jiġu żgurati skambji kkoordinati u l-użu tad-data dwar l-enerġija fil-livell tal-UE. Il-politiki diġitali u tal-enerġija tal-UE diġà qed jiggwidaw id-diġitalizzazzjoni tal-enerġija, peress li kwistjonijiet bħall-interoperabbiltà tad-data, is-sigurtà tal-provvista u ċ-ċibersigurtà, il-ksur tal-privatezza u l-protezzjoni tal-konsumatur ma jistgħux jitħallew f’idejn is-suq biss u l-implimentazzjoni adatta tagħhom hija kruċjali. F’dan il-kuntest, il- KESE jirrimarka li l-ksur tal-privatezza u l-użu ħażin tad-data għandhom jiġu evitati b’kull mezz. Dan jinkludi mhux biss prekawzjonijiet tekniċi, iżda wkoll responsabbiltà u monitoraġġ ta’ dan l-ispazju tad-data mill-awtoritajiet tal-istat soġġetti għal kontroll politiku u demokratiku. Is-sjieda tad-data pubblika trid tiġi promossa peress li d-data hija fattur ekonomiku importanti f’soċjetà f’network u diġitalizzata. Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu impediti l-monopolji privati tad-data tal-GAFA (5). Fl-istess ħin, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta’ data tal-infrastruttura kritika.

3.15

L-ispazju tad-data propost huwa approċċ promettenti iżda jirrikjedi regoli ċari li jirregolaw l-aċċess għad-data anonimizzata għall-parteċipanti kollha tas-suq li huma interessati li jużaw id-data, pereżempju biex jippjanaw aħjar il-kummerċ u l-kondiviżjoni tal-enerġija. Huwa importanti li tiġi elaborata malajr il-“governanza solida” msemmija fil-pjan ta’ azzjoni billi jiġu fformulati drittijiet bażiċi għall-atturi kollha tas-suq, inklużi l-konsumaturi, il-prosumaturi, in-negozjanti tal-enerġija, eċċ.

3.16

Fir-rigward tal-koordinazzjoni strateġika fil-livell tal-UE, il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Esperti dwar l-Enerġija Intelliġenti (li qabel kien it-Task Force dwar il-Grilji Intelliġenti). L-għan tiegħu huwa li jikkontribwixxi għall-bini tal-qafas Ewropew għall-kondiviżjoni tad-data relatata mal-enerġija, li jsaħħaħ il-koordinazzjoni tal-kondiviżjoni tad-data għas-settur tal-enerġija fil-livell tal-UE, li jiddetermina l-prinċipji fundamentali u jiżgura l-konsistenza fost il-prijoritajiet u l-inizjattivi differenti tal-kondiviżjoni tad-data, u li jappoġġja lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ spazju komuni Ewropew tad-data għall-enerġija. Il-KESE jirrimarka li f’dan il-kuntest għandhom jiġu żviluppati linji gwida u objettivi ċari u li l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata huwa essenzjali.

3.17

L-idea li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jiġu appoġġjati fil-ħolqien ta’ tewmi diġitali tal-grilja tal-elettriku hija approċċ interessanti u tista’ tgħin biex jittejjeb l-immudellar tal-grilja. Madankollu, jeħtieġ li jiġi speċifikat eżattament x’rwol se jkollu t-tewmi diġitali fl-ippjanar tal-espansjoni tal-grilja, biex il-grilja ssir aktar intelliġenti, fl-integrazzjoni tal-għażliet ta’ flessibbiltà, inklużi l-impjanti tal-enerġija virtwali, il-prosum tal-enerġija u l-kondiviżjoni tal-enerġija, u fl-ottimizzazzjoni tar-reżiljenza. F’dan ir-rigward, jidher li huma meħtieġa wkoll emendi għad-Direttiva (UE) 2019/944.

3.18

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni ma ddgħajjifx il-qafas għall-protezzjoni tal-konsumatur diġà stabbilit fis-suq intern tal-elettriku. Il-KESE jieħu nota ta’ dan u jżid li d-drittijiet tal-konsumatur għandhom jiġu adattati u mtejba fis-suq tal-enerġija. Il-konsumaturi m’għandhomx ikunu żvantaġġati jew mitlubin iħallsu żżejjed. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli, lill-persuni b’diżabilità u lil dawk b’ħiliet diġitali baxxi. Hawnhekk huma meħtieġa regolamenti protettivi adegwati minħabba li diġà huwa evidenti li ħafna konsumaturi jitilfu l-fil tal-informazzjoni u tal-kontijiet diġitali.

3.19

Il-Komunikazzjoni tipprevedi li l-potenzjal għall-Istati Membri li jistabbilixxu prezzijiet regolati, b’mod partikolari għall-klijenti vulnerabbli u għall-persuni li jesperjenzaw faqar enerġetiku, ma jridx jiġi affettwat b’mod negattiv mid-diġitalizzazzjoni. L-għodod diġitali jippermettu wkoll lill-awtoritajiet pubbliċi jimmappjaw, jimmonitorjaw u jindirizzaw aħjar il-faqar enerġetiku, mentri s-settur tal-enerġija jista’ jkompli jottimizza l-operazzjonijiet tiegħu, billi jiffoka fuq is-sigurtà tal-provvista, u jipprijoritizza l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli.

3.20

Il-KESE jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li tiżgura li l-proġetti ewlenin tar-riċerka u l-innovazzjoni jaħdmu flimkien biex jidentifikaw strateġiji bil-għan li l-konsumaturi jiġu involuti fit-tfassil u l-użu ta’ għodod diġitali aċċessibbli u affordabbli sa nofs l-2023. Il-KESE jinnota għal darb’oħra li għad hemm bżonn ta’ investiment sinifikanti fir-riċerka u l-innovazzjoni.

F’dan l-isfond, l-investiment pubbliku f’sistemi tal-enerġija intelliġenti u rinnovabbli huwa ta’ importanza kbira f’termini tal-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, l-iżgurar ta’ prezzijiet affordabbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-KESE jirrakkomanda għal darb’oħra, bħal fl-Opinjoni ECO/569, li r-regola tad-deheb tiġi applikata għall-investiment pubbliku. Għall-inizjattivi kollha, huwa importanti li l-konsumaturi jkollhom arloġġ intelliġenti fi djarhom. Dan għadu mhux il-każ f’ħafna Stati Membri, u huwa għalhekk li hemm ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-isforzi biex jintuża b’mod aktar wiesa’ l-kejl intelliġenti bħala prerekwiżit fundamentali għall-biċċa l-kbira tas-soluzzjonijiet diġitali fis-settur tal-enerġija. L-Istati Membri li għadhom ma implimentawx kompletament l-arloġġi intelliġenti jeħtieġ li jħaffu dan u jżidu l-objettivi nazzjonali tagħhom fir-rigward ta’ din l-implimentazzjoni.

3.21

Hemm ir-riskju li servizzi ġodda mmexxija mid-data u soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi ma jiġux implimentati malajr biżżejjed jekk ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema tas-sengħa u professjonisti mħarrġa biex jgħinu fl-implimentazzjoni tagħhom (6). Il-KESE jemmen li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet, għandhom jittieħdu miżuri adattati minnufih, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali.

3.22

Madankollu, huma meħtieġa wkoll riżorsi u programmi finanzjarji suffiċjenti biex iħarrġu lill-persuni qiegħda fit-tul, lin-nisa u liż-żgħażagħ b’mod partikolari permezz ta’ programmi speċifiċi u biex jinħolqu kundizzjonijiet qafas attraenti għalihom. Dan jinkludi garanziji ta’ impjieg kif ukoll inizjattiva ta’ taħriġ u kwalifiki u firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u edukazzjoni ulterjuri. Il-miżuri ta’ politika meħtieġa dwar is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni jeħtieġu riżorsi finanzjarji suffiċjenti kif ukoll l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiġi żgurat approċċ koordinat.

3.23

Il-KESE jappella għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-fornituri tat-taħriġ u n-negozji sabiex ifasslu korsijiet ta’ taħriġ li jipprovdu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għat-tranżizzjoni diġitali u sostenibbli tal-ekonomija, inkluż permezz ta’ edukazzjoni ulterjuri u taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u tal-intraprendituri. Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023 se tintuża biex jissaħħu u jiġu implimentati b’mod effettiv dawn il-miżuri.

3.24

Iċ-ċibersigurtà hija rekwiżit essenzjali biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tas-sistema tal-enerġija dejjem aktar diġitalizzata. L-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar deċennji, u b’mod partikolari l-avvenimenti reċenti, juru l-periklu ta’ attakki ċibernetiċi u atti ta’ sabotaġġ kontra l-infrastruttura kritika. Madankollu, jistgħu jinqalgħu problemi mhux biss bħala riżultat ta’ attakki ċibernetiċi jew azzjonijiet ta’ sabotaġġ, iżda wkoll minn fallimenti ta’ hardware u software, u għalhekk il-Kummissjoni trid tagħti attenzjoni speċjali lid-disinn tal-hardware u s-software matul id-diġitalizzazzjoni biex tiżgura r-robustezza. Il-falliment jew tfixkil ta’ infrastruttura kritika jista’ jikkawża nuqqasijiet devastanti fil-provvista u jipperikola s-sikurezza pubblika. Ġenerazzjoni u użu aktar deċentralizzati tal-enerġija flimkien mal-internet iżidu l-opportunitajiet għal attakki kif ukoll riskji relatati maċ-ċibernetika.

3.25

Il-katina tal-valur tas-sistema tal-enerġija kollha, mill-produzzjoni u t-trażmissjoni sad-distribuzzjoni u l-konsumatur, inklużi l-interfaċċi diġitali kollha tul il-perkors tagħha, tista’ tkun fil-mira ta’ attakki ċibernetiċi u attakki fiżiċi. Huwa fl-interess ta’ kulħadd fl-Ewropa li din l-infrastruttura kritika tiġi protetta aħjar. L-UE għandha tkun ippreparata aħjar għal attakki possibbli ta’ dan it-tip. Għalhekk, il-KESE jappella għal evalwazzjoni kritika immedjata tal-miżuri li ttieħdu s’issa u għal strateġija komprensiva biex l-UE tiġi protetta minn theddid bħal diżastri naturali, attakki fiżiċi u attakki ċibernetiċi. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-Opinjonijiet l-oħra tiegħu dwar din il-kwistjoni (7) u jirrakkomanda li l-investiment barrani kollu fis-setturi strateġiċi fl-UE għandu jkun konformi mal-politika tas-sigurtà tal-UE.

3.26

Is-settur tal-ICT jirrappreżenta madwar 7 % tal-konsum globali tal-elettriku. Għalhekk, bħala parti mit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-enerġija dejjem jikbru tas-settur tal-ICT jitnaqqsu f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika. Il-KESE jaqbel li huwa essenzjali li jiġi indirizzat il-konsum tal-enerġija u r-riżorsi tul il-katina tal-valur tal-ICT u s-sorsi addizzjonali emerġenti ewlenin tal-konsum tal-enerġija relatat mal-ICT. Diġà jeżistu soluzzjonijiet dwar kif is-sħana residwa tista’ tintuża mill-ġdid miċ-ċentri tad-data għat-tisħin tad-djar u tan-negozji. Għalhekk, huwa importanti li s-sħana residwa tiġi ttrattata fuq l-istess livell bħas-sorsi rinnovabbli ta’ enerġija bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED III) u leġiżlazzjoni oħra relatata mal-enerġija marbuta mal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Madankollu, huma meħtieġa soluzzjonijiet konkreti u fattibbli li jistgħu jservu bħala l-aħjar prattiki biex jinkisbu l-aħjar riżultati.

3.27

Standards tekniċi interoperabbli, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data u karatteristiċi ewlenin oħra ta’ sistema tal-enerġija diġitalizzata jridu jiġu żgurati globalment, f’fora internazzjonali u f’kooperazzjoni mal-pajjiżi msieħba. Sabiex isir progress fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali mal-pajjiżi msieħba permezz ta’ kuntatti bilaterali, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-aspetti diġitali u ekoloġiċi fi proġetti, sħubijiet u ftehimiet ta’ kooperazzjoni relatati mal-enerġija.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jemmen li strateġija kkombinata għat-tranżizzjoni tal-enerġija u d-diġitalizzazzjoni fiż-żoni rurali ma ngħatatx il-livell mistenni ta’ attenzjoni u appoġġ. Huwa jsejjaħ għall-implimentazzjoni rapida tal-viżjoni fit-tul tal-Kummissjoni għaż-żoni rurali tal-UE u l-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati taħt il-Patt Rurali tal-UE.

4.2

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi żgurata l-ugwaljanza tas-suq tax-xogħol fis-settur tal-enerġija billi jiġu eżaminati opportunitajiet għan-nisa, filwaqt li jiġi evitat li t-tranżizzjoni tal-enerġija u trasformazzjoni diġitali jkunu ta’ xkiel għall-karrieri u l-pagi tan-nisa, u billi jiġu estiżi d-djalogu soċjali u ftehimiet kollettivi dwar l-ugwaljanza fil-kumpaniji tal-enerġija madwar l-Ewropa.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.

(2)  Ara ĠU C 367, 10.10.2018, p. 1

(3)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 1.

(4)  Pereżempju, instab li l-akbar fornitur tas-servizzi tal-kejl b’rabta mal-konsum tal-enerġija fl-Awstrija kien ipprova jeskludi fornituri terzi milli jużaw it-tagħmir tal-arloġġi intelliġenti tiegħu bl-użu ta’ forom ta’ protezzjoni tal-hardware (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni Awstrijaka (BWB), 2022).

(5)  L-erba’ ġganti tal-internet Google, Apple, Facebook u Amazon.

(6)  Abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet fl-iżvilupp tal-ħiliet u n-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet adegwati bħala l-aktar ostakli importanti għall-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali (Rapport ta’ Sinteżi disponibbli mill-portal “Semma’ Leħnek”).

(7)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 170.


Top