EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE5991

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Stat tal-Unjoni tal-Enerġija 2022 (skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika)” (COM(2022) 547 final)

EESC 2022/05991

ĠU C 184, 25.5.2023, p. 88–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Stat tal-Unjoni tal-Enerġija 2022 (skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika)”

(COM(2022) 547 final)

(2023/C 184/16)

Relaturi: Marcin NOWACKI, Angelo PAGLIARA, Lutz RIBBE

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 25.11.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

7.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

208/4/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Bir-Rapport tagħha tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta riflessjoni pjuttost ottimista dwar il-miżuri meħuda u l-għanijiet stabbiliti f’dawn l-aħħar xhur.

1.2.

Mir-Rapport jidher ċar li ħafna objettivi li, qabel il-gwerra kontra l-Ukrajna, kienu perċepiti bħala ambizzjużi wisq, issa huma meqjusa bħala tweġibiet realistiċi għall-kriżi tal-enerġija. Tqum il-kwistjoni dwar x’żamm lill-UE b’mod ġenerali milli tkun aktar diretta fir-rigward tal-protezzjoni tal-klima, tas-sigurtà tal-provvista, tal-awtonomija tal-enerġija u tar-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija Ewropea qabel l-24 ta’ Frar 2022.

1.3.

Filwaqt hemm tagħlim x’jinsilet mid-diversi fatti u ċifri li huma ppreżentati fil-Komunikazzjoni, l-Unjoni tal-Enerġija hija ħafna aktar minn miri li jistgħu jiġu definiti b’mod matematiku jew statistiku għall-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-iffrankar tal-enerġija jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-KESE jirrimarka li l-Unjoni tal-Enerġija hija fuq kollox proġett politiku bl-objettivi politiċi li ġejjin definiti b’mod preċiż, deskritti bħala viżjonijiet (1):

(1)

Unjoni tal-Enerġija mibnija fuq is-solidarjetà u l-fiduċja bejn l-Istati Membri li jitkellmu b’vuċi waħda fl-affarijiet globali;

(2)

Sistema tal-enerġija integrata fejn l-enerġija tgħaddi b’mod ħieles bejn il-fruntieri, abbażi tal-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni effettiva u l-użu ottimali tar-riżorsi;

(3)

Ekonomija sostenibbli b’livell baxx ta’ karbonju u li ma tagħmilx ħsara lill-klima mfassla biex iddum għal żmien twil;

(4)

Kumpaniji Ewropej b’saħħithom, innovattivi u kompetittivi li jiżviluppaw prodotti u teknoloġija meħtieġa għall-effiċjenza enerġetika u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju biex inaqqsu l-kontijiet, jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq u fejn il-klijenti vulnerabbli jkunu protetti;

(5)

Il-bini tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol Ewropea li huma meħtieġa għall-bini u għall-ġestjoni tal-ekonomija tal-enerġija tal-Ewropa;

(6)

Il-ħolqien ta’ fiduċja tal-investituri bbażata fuq sinjali tal-prezzijiet li jikkomunikaw ħtiġijiet fit-tul u objettivi ta’ politika, u dan fuq il-presunzjoni, fost affarijiet oħra, tat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-enerġiji fossili; u

(7)

It-tqegħid taċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-Unjoni tal-Enerġija, li jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjoni tas-sistema tal-enerġija, jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda biex inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom, jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq u, fejn il-konsumaturi vulnerabbli jkunu protetti.

Ir-rapport jipprovdi deskrizzjoni tal-miżuri li ttieħdu sa issa jew li huma ppjanati għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-viżjonijiet. Madankollu, il-KESE jinsab diżappuntat li r-rendikont mogħti fir-rapport mhuwiex relatat mal-viżjonijiet iżda, pjuttost, mal-ħames dimensjonijiet li jsaħħu lil xulxin u li huma interrelatati mill-qrib, imfasslin biex jiksbu aktar sigurtà, sostenibbiltà u kompetittività tal-enerġija. Dan is-sett doppju ta’ objettivi jew viżjonijiet minn naħa waħda u d-dimensjonijiet min-naħa l-oħra jagħmilha estremament diffiċli li tiġi segwita l-implimentazzjoni tal-viżjonijiet, anke minħabba li pereżempju l-kwistjonijiet taċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-unjoni tal-enerġija jew il-ħtieġa għal titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol jidhru f’diversi dimensjonijiet. Il-KESE huwa diżappuntat li dan jagħmilha diffiċli ħafna biex jiġi segwit il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija.

1.4.

Il-Komunikazzjoni ġustament tagħmel referenza għall-pjan REPowerEU, li ġie appoġġjat mill-KESE u li reġa’ qajjem u saħħaħ l-istrumenti tal-Patt Ekoloġiku u ta’ “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, b’enfasi fuq id-diversifikazzjoni, l-iffrankar, is-sigurtà tal-provvista u t-tħaffif tal-pass tal-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, il-kriżi attwali tal-klima u tal-enerġija, u n-nuqqas ta’ sigurtà, stabbiltà u prevedibbiltà fil-provvista u l-prezzijiet qed jitfgħu pressjoni enormi fuq l-Unjoni Ewropea. Il-kriżi kienet tkun inqas severa kieku ttieħdet aktar azzjoni speċifika aktar kmieni u, pereżempju, kieku l-objettivi tal-UE nnifisha (bħal dawk tal-Unjoni Ewropea tal-Enerġija) ittieħdu aktar bis-serjetà.

1.5.

Skont ir-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, huwa stmat li EUR 300 biljun fi flus pubbliċi jeħtieġ li jiġu investiti fil-linji ta’ azzjoni differenti mmirati biex tintlaħaq indipendenza sħiħa mill-fjuwils fossili Russi bejn issa u l-2030, u dan se jkollu impatt sinifikanti fuq il-baġit totali tal-UE. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ aktar investiment privat, inkluż investiment miċ-ċittadini Ewropej. Il-KESE jemmen li l-flus hemm bżonn jintefqu b’mod li jgħin biex jintlaħqu l-objettivi msemmija hawn fuq tal-Unjoni tal-Enerġija. Barra minn hekk, l-infiq mgħandux iwassal għal tnaqqis fir-riżorsi għat-tranżizzjoni ġusta, għar-riċerka u l-innovazzjoni, jew għan-negozji u konsumaturi milquta miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.

1.6.

Iż-żieda bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija, li ġiet ikkawżata mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, qed twassal għal konsegwenzi soċjali u ekonomiċi enormi, kif ukoll konsegwenzi għan-nisġa industrijali u produttiva tal-pajjiżi. Il-KESE jenfasizza n-nuqqas ta’ koordinazzjoni Ewropea ċara matul il-kriżi tal-enerġija u, bħala parti mir-rispons, jappella għall-ħolqien ta’ strument ibbażat fuq il-mudell SURE, sabiex jappoġġja l-ħaddiema u n-negozji f’diffikultà.

1.7.

Avvenimenti reċenti żiedu r-riskju potenzjali ta’ attakki ċibernetiċi u atti ta’ sabotaġġ fuq infrastrutturi kritiċi bħall-grilja tal-enerġija u l-impjanti tal-enerġija. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li titfassal u tiġi adottata strateġija komprensiva sabiex l-UE tiġi protetta minn dan it-tip ta’ theddid.

1.8.

L-objettiv strateġiku ewlieni fuq terminu medju tal-pajjiżi tal-UE – b’mod speċifiku fid-dawl ta’ dak li ġara bil-gwerra fl-Ukrajna u filwaqt li titqies ukoll kumplikazzjoni ulterjuri possibbli tas-sitwazzjoni internazzjonali – irid jibqa’ dak tal-awtonomija enerġetika. Nifhmu li “awtonomija strateġika tal-enerġija” tfisser kunċett politiku li se jgħin fit-tiswir tas-suq tal-enerġija futur tal-UE, fejn deċiżjonijiet awtonomi meħuda mill-UE se jiggarantixxu l-indipendenza enerġetika minn fornituri mhux affidabbli. Il-KESE jinsab diżappuntat bil-fatt li dan is-suġġett mhuwiex ikkunsidrat kif xieraq fir-Rapport u għadu mhux meqjus kif suppost, peress li jenfasizza biss fuq l-indipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja.

1.9.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ awtonomija strateġika tal-UE, il-KESE jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strumenti adatti, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għas-Sovranità, biex tingħata spinta lill-investiment f’teknoloġiji tal-enerġija domestika nadifa u fl-infrastruttura tal-enerġija. Fl-istess ħin, huwa kruċjali li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jużaw il-fondi bl-aħjar mod u b’mod effiċjenti għall-iżvilupp tal-enerġija nadifa. Strateġija bħal din għandha tinkludi wkoll gwida dwar kif in-negozji, l-istituzzjonijiet komunitarji, il-membri tal-pubbliku u l-komunitajiet tal-enerġija jiġu motivati jinvestu aktar. L-istrumenti u r-riżorsi li qed jiġu pprovduti bħalissa jidhru li mhumiex biżżejjed għall-isfidi ewlenin li jridu jiġu indirizzati. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari fir-rigward tal-impatt ta’ riżorsi u provvisti ġodda fuq l-ambjent, u fir-rigward ta’ dipendenzi ġodda minn pajjiżi terzi.

1.10.

Meta tiġi żviluppata l-awtonomija tal-enerġija, il-KESE jipproponi li jiġi segwit approċċ minn isfel għal fuq peress li dan l-approċċ jagħmilha aktar faċli biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-punt 1.3.

1.11.

Il-Patt Ekoloġiku għadu mhuwiex akkumpanjat mill-politiki soċjali ekwivalenti biex din it-tranżizzjoni ssir tranżizzjoni ġusta. Peress li l-impjieg u s-sistemi industrijali ser jiġu milquta ħafna mill-proċessi ta’ tranżizzjoni, il-KESE huwa diżappuntat bil-fatt li r-Rapport ma jqisx kif xieraq l-importanza ta’ politiki komprensivi dwar l-impjiegi, il-ħiliet u dawk soċjali. L-investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet jeħtieġ li jitqiesu bħala responsabbiltà soċjoekonomika.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

It-tweġiba ideali għax-xokk tal-provvista kkawżat mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u t-tweġiba l-aktar konformi mal-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni tal-Enerġija jkunu sistema tal-enerġija bbażata fuq enerġija rinnovabbli domestika 100 %. Aħna konxji li ma hemm l-ebda qbil dwar jekk huwiex fattibbli li dan l-objettiv jintlaħaq. Iżda fix-xenarju mistenni, sistema tal-enerġija bħal din tista’ ġġib magħha awtonomija assoluta u reżiljenza għolja bħala benefiċċju ċentrali. Ladarba tiġi ffinanzjata mill-ġdid in-nefqa kapitali għall-investimenti fl-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji intelliġenti, it-trasport nadif u l-effiċjenza enerġetika, din ser tkun qed toffri l-aktar enerġija affordabbli lill-konsumatur finali, filwaqt li ssaħħaħ l-ekonomiji lokali u reġjonali u toħloq aktar impjiegi mis-sistema l-antika. Dawk il-benefiċċji kollha huma deskritti b’mod ċar fil-premessi rispettivi tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa. Filwaqt li l-enerġija rinnovabbli teoretikament għandha l-potenzjal li tiżgura l-awtonomija enerġetika f’termini operazzjonali, xorta jrid jiġi żgurat li l-ekosistema kollha, inkluż il-materjal għall-installazzjonijiet rinnovabbli nnifishom, tippermetti l-produzzjoni lokali. Madankollu, ir-Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija juri li s-sistema tal-enerġija Ewropea għadha ’l bogħod milli tilħaq dan l-għan.

2.2.

Din is-sitwazzjoni għalhekk teħtieġ differenzjazzjoni: jekk l-awtonomija assoluta ma tkunx tista’ tintlaħaq, l-UE ser ikollha bżonn awtonomija strateġika. L-awtonomija strateġika tkun tinvolvi d-definizzjoni dwar sa liema punt l-importazzjonijiet tal-enerġija ser jibqgħu inevitabbli fil-futur u xi jkun ifisser dan għall-vulnerabbiltà/għar-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa. Madankollu, l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija ma jagħti l-ebda tweġiba għal dan, u lanqas xi dokument ta’ strateġija ieħor tal-Kummissjoni ma jipprovdi indikazzjonijiet bħal dawn.

2.3.

Biex tingħata tweġiba għall-mistoqsija msemmija fil-punt 2.2, jeħtieġ li jiġi kkalkulat il-kontribut tal-enerġiji rinnovabbli, inklużi l-ħżin tal-elettriku u l-ġestjoni tad-domanda u għażliet oħra ta’ flessibbiltà, biex tiġi koperta d-domanda fis-setturi tal-elettriku, tat-tisħin u tat-trasport (il-kreditu tal-kapaċità). Il-kreditu tal-kapaċità huwa l-frazzjoni tal-kapaċità installata ta’ impjant tal-enerġija li wieħed jista’ joqgħod fuqha fi żmien partikolari. Peress li l-enerġiji rinnovabbli huma enerġiji distribwiti, huwa tassew raġonevoli li din il-valutazzjoni tinbeda fil-post fejn dawn jiġu ġġenerati. Skont dan l-approċċ, l-ewwel kreditu tal-kapaċità jeħtieġ li jiġi vvalutat f’livell lokali (eż. fil-livell distrettwali), u li jiġi espress il-kontribut li l-prosumaturi, il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u ġeneraturi oħra, jistgħu jiksbu. Huwa fil-livell lokali li jeħtieġ li jiġu implimentati wieħed mill-għanijiet jew waħda mill-viżjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija – inressqu liċ-ċittadini fiċ-ċentru tas-sistema tal-enerġija. Il-livell li jmiss ikun il-livell reġjonali, fejn id-defiċits (kreditu ta’ kapaċità taħt il-100 %) u s-surpluses (kreditu ta’ kapaċità ogħla minn 100 %) jistgħu jiġu bbilanċjati kemm jista’ jkun possibbli. Aktar tard, ikun imiss il-livell interreġjonali, dak nazzjonali u eventwalment il-livell Ewropew. Peress li l-enerġija rinnovabbli tinvolvi spejjeż sistemiċi konsiderevoli għall-infrastruttura tal-enerġija, l-għan ewlieni huwa li l-enerġija minn sorsi rinnovabbli tiġi kkunsmata lokalment; inkella, l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-produtturi tal-enerġija.

2.4.

Dan l-approċċ minn isfel għal fuq deskritt fil-punt 2.3 huwa l-aktar adattat għan-natura tal-enerġiji rinnovabbli u tal-għażliet ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-produtturi ta’ kull daqs, inklużi l-impjanti tal-enerġija kbar kif ukoll il-produtturi żgħar, inklużi l-hekk imsejħa prosumaturi.

2.5.

F’termini tal-Unjoni tal-Enerġija, l-approċċ deskritt fil-punt 2.3 għandu tliet vantaġġi bażiċi.

2.5.1.

L-ewwel nett, minn perspettiva ta’ ppjanar tal-investiment, irid jiġi antiċipat il-volum ta’ importazzjonijiet tal-enerġija lejn l-UE meħtieġa llum u fil-futur. B’hekk biss ikunu jistgħu jiġu evitati investimenti li jfallu u b’mod speċjali effetti impenjati. Biex inpoġġuha b’mod konkret ħafna: huwa impossibbli li tiġi aċċertata sew id-domanda attwali għal-LNG fl-2025, fl-2030, u fl-2035, mingħajr l-analiżi deskritta. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ xiri, speċjalment dik ibbażata fuq kuntratti fit-tul, tirriskja li ma tkunx korretta jekk il-kreditu tal-kapaċità ma jiġix ivvalutat fil-livell lokali, reġjonali, interreġjonali u Ewropew. Dan huwa ta’ importanza partikolari peress li l-kuntratti fit-tul huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-provvista tal-LNG fil-preżent. Is-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija jiddependi fuq din l-analiżi, iżda din ma teżistix.

2.5.2.

It-tieni vantaġġ meta jiġi analizzat il-kreditu tal-kapaċità tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inklużi l-għażliet ta’ flessibbiltà, fil-livell lokali, reġjonali, interreġjonali u Ewropew, huwa li dan jista’ jgħin biex tiġi implimentata sistema ta’ ppjanar tal-infrastruttura tal-enerġija li tħares ’il quddiem u li tkopri l-grilja tal-elettriku, in-network tal-gass b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u s-sistemi tat-tisħin distrettwali. Hawnhekk, huwa fundamentalment importanti li jiġi ddikjarat li l-infrastruttura tal-gass fl-Ewropa trid tkun lesta għall-idroġenu. Madankollu, bħalissa ma jeżisti l-ebda kriterju affidabbli għat-tħejjija għall-użu tal-idroġenu. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tibda tiżviluppa standards bħal dawn, bil-ħsieb li tressaq proposta malajr kemm jista’ jkun.

2.5.3.

It-tielet vantaġġ huwa marbut mill-qrib ma’ dak imsemmi fil-punt 1.10: hija meħtieġa rikonsiderazzjoni tal-istabbiltà tas-sistema. Is-sistema futura tan-networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni fl-Ewropa u fil-livell tal-Istati Membri tal-UE, għandha tkun matriċi ta’ konnessjonijiet standardizzati, interkonnessi u li tkopri kemm linji ta’ vultaġġ għoli ġestiti b’mod ċentralizzat, kif ukoll kooperattivi tal-enerġija bbażati fuq linji ta’ vultaġġ medju u baxx li jkunu kkummerċjalizzati. Fil-livell lokali, huwa essenzjali li tiġi aċċelerata l-introduzzjoni u l-iżvilupp simplifikat tal-enerġija distribwita permezz ta’ mekkaniżmi legali u organizzattivi li jippermettu l-użu tal-hekk imsejħa linji diretti, il-cable pooling, u l-kooperazzjoni mal-produtturi tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli skont prinċipji konġunti u definiti fi ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija).

2.6.

Illum, l-operaturi tal-grilja ta’ trażmissjoni fil-livell nazzjonali mhumiex interessati biżżejjed fl-iżvilupp ta’ networks lokali li jippermettu aktar flessibbiltà fis-settur tal-elettriku, peress li, fil-fehma tagħhom, dan jista’ jiddestabbilizza s-sistema tal-enerġija. L-operaturi tal-grilja tad-distribuzzjoni mhumiex imħeġġa jinvestu fin-networks lokali għax l-ambjent regolatorju u politiku attwali huwa nieqes minn gwida ċara. Ir-regolamentazzjoni dwar it-tariffi tal-grilja tinċentiva biss it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku. Ma jingħataw l-ebda inċentivi għal kunċetti ta’ ġestjoni intelliġenti tal-elettriku. Il-KESE jinsab konvint li l-iżvilupp tal-kooperattivi tal-enerġija u l-mudell tal-prosumaturi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jippermetti t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija fil-livell lokali u t-tnaqqis tat-tagħbija fuq il-grilja elettrika. Il-konsum lokali tal-enerġija rinnovabbli volatili jnaqqas il-pressjoni fuq il-grilja, u huwa għalhekk li l-konsum lokali għandu jkun l-għażla ppreferuta meta jkun effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u tal-ispejjeż. Il-prosumaturi u l-komunitajiet tal-enerġija (bil-parteċipazzjoni tad-distributuri tal-enerġija, il-gvernijiet lokali, l-intraprendituri u ċ-ċittadini) jistgħu jibbilanċjaw ir-riżorsi disponibbli u d-domanda għall-elettriku fid-djar, fil-kumpaniji u fil-bini pubbliku tagħhom – speċjalment bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija u teknoloġiji diġitali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li d-distributuri tal-enerġija jkunu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess f’dan ir-rigward, u jitlob li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti jikkunsidraw miżuri biex jiġu evitati dawn l-effetti negattivi tal-integrazzjoni vertikali.

2.7.

Fl-isfond tal-prattika ħażina deskritta fil-punt 2.6, isir saħansitra aktar importanti li jiġi segwit l-approċċ deskritt fil-punt 2.3 sabiex jiġu sfruttati t-tliet vantaġġi spjegati fil-punti 2.5.1, 2.5.2 u 2.5.3. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposta dwar kif dan l-approċċ jista’ jiġi inkorporat fil-politika tal-Unjoni tal-Enerġija tagħha. Il-kisba tal-perspettiva strateġika tal-indipendenza enerġetika, esklużi l-interventi ta’ emerġenza meħtieġa fl-aħħar sena, ser tirrikjedi monitoraġġ u żvilupp kostanti tal-kwistjonijiet li ġejjin:

il-bilanċ tar-riżorsi eżistenti (iż-żejt, il-gass, is-sorsi rinnovabbli u nukleari, eċċ.);

il-bilanċ tar-riżorsi potenzjali (l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni ta’ riżorsi konvenzjonali, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi, eċċ.);

il-programm u l-ġerarkija tal-aħjar żvilupp ta’ sorsi differenti tal-enerġija fl-Ewropa; is-sistema ta’ finanzjament għall-programm ta’ indipendenza enerġetika.

Dan jirrikjedi wkoll valutazzjoni ta’ liema installazzjonijiet eżistenti li għadhom joperaw jeħtieġ li jinżammu, u liema sorsi qodma, inklużi l-kapaċitajiet konvenzjonali, jeħtieġ li jiġu sostitwiti fi proċess bla xkiel u komplementari. Għandu jkun hemm ukoll analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż tat-teknoloġiji tar-riformar tal-metan bl-istim u tal-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS)/tal-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU).

2.8.

F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni li l-proċess biex jitħaffef l-għoti ta’ permessi għal proġetti rinnovabbli huwa kruċjali. Din hija ħaġa importanti u relattivament faċli biex titwettaq min-naħa tal-proċess. Il-livell ta’ burokrazija jnaqqas b’mod ċar ir-ritmu ta’ xi proġetti, speċjalment dawk li jinvolvu kapaċitajiet kbar ta’ ġenerazzjoni. Naraw u napprezzaw l-isforzi tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, iżda finalment iridu jitwettqu xi bidliet.

2.9.

Filwaqt li twettaq il-kompitu stabbilit fil-punt 2.5.3, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll ir-rabta strateġika bejn l-istrateġija Ewropea dwar l-enerġija u l-ħtieġa għal sistema industrijali Ewropea b’saħħitha, sostenibbli u innovattiva, li s’issa għadha ma ġietx ikkunsidrata fir-Rapporti dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-KESE rrakkomanda, fl-Opinjoni tiegħu dwar L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2021 (TEN 767), li l-governanza u l-ġestjoni tal-Unjoni tal-Enerġija jirriflettu aktar bir-reqqa dwar is-sinerġiji mal-istrateġija industrijali tal-UE l-ġdida. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tqis, mir-Rapport li jmiss, l-importanza ta’ din ir-rabta strateġika u tiżgura koordinazzjoni aħjar mar-rapport ta’ prospettiva strateġika.

2.10.

Bl-istess mod, ir-rwol ċentrali u attiv taċ-ċittadini, li għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politiki, mhuwiex ikkunsidrat b’mod adegwat fid-dokument jew fl-appendiċijiet. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li ċ-ċittadini għandhom ikunu fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija, billi jiġu integrati fis-suq, u jsiru “prosumaturi” ta’ vera. Il-kunċett ta’ prosum jeħtieġ li jitwessa’ biex jinkludi l-kondiviżjoni tal-enerġija, l-awtokonsum virtwali u każijiet oħra ta’ prosum li jużaw il-grilja pubblika. Għal dan l-għan, il-KESE jistieden lil dawk li jfasslu l-politika biex iħeġġu u jippromovu l-miżuri kollha meħtieġa biex in-nies ikunu jistgħu jsiru prosumaturi tal-enerġija.

2.11.

L-Istati Membri huma obbligati jippreżentaw il-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) tagħhom sa Ġunju tal-2023. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jeħtiġilhom jirċievu messaġġ ċar bi pjan direzzjonali li jippermettilhom jippjanaw kif xieraq il-perkors tagħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija kif deskritt fil-punt 2.3 u filwaqt li jqisu r-rakkomandazzjonijiet mogħtija fil-punti 2.7, 2.8 u 2.9.

2.12.

L-attivitajiet ippjanati għall-iżvilupp ta’ disinn ġdid tas-suq iridu jiġu stabbiliti fil-kuntest tal-aspetti msemmija hawn fuq. Il-KESE jaqbel li hija meħtieġa azzjoni biex jiġi ottimizzat u mtejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE, anke fid-dawl tal-evoluzzjoni futura tax-xenarju tal-enerġija kif deskritt fil-punt 2.3, tat-teknoloġiji emerġenti ġodda, tal-iżviluppi ġeopolitiċi u tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi attwali. Il-KESE jnnota bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-qafas tar-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT) biex ittaffi r-riskji ta’ abbuż tas-suq, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-miżuri kollha meħtieġa biex tippreserva l-funzjonament tas-suq u tevita l-effetti distorsivi fl-ipprezzar u l-ispekulazzjoni. Is-suq Ewropew tal-enerġija m’għandux jaħdem bħas-swieq finanzjarji. Is-suq intern tal-enerġija tagħna jrid jirrifletti l-istampa realistika tas-sitwazzjoni fis-sistema tal-enerġija fl-Ewropa. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rapport reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jindika l-inadegwatezza tar-riżorsi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija biex timmonitorja s-suq ħalli jiġi evitat l-abbuż, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din l-Aġenzija tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha f’dan ir-rigward.

2.13.

Il-KESE huwa mħasseb dwar it-tnaqqis fis-sussidji għall-enerġija rinnovabbli li seħħ fl-2021, filwaqt li s-sussidji għall-fjuwil fossili baqgħu stabbli. Wara l-kriżi, huma meħtieġa passi deċiżivi biex tintemm il-“kompetizzjoni għas-sussidji” bejn l-enerġija rinnovabbli u l-enerġija fossili. Fir-Rapport tagħha, il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda ħjiel f’dan ir-rigward.

2.14.

Il-KESE jirrimarka li r-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija ma jagħtix attenzjoni xierqa lill-kwistjoni tal-ispejjeż u l-konsegwenzi relatati mal-pilastru tal-istrateġija Ewropea dwar it-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tesplora aktar kif dan it-tnaqqis jista’ jaffettwa diversi kuntesti reġjonali, u tiddeskrivi l-għodod meħtieġa biex jittaffew l-effetti tiegħu.

2.15.

Il-politiki dwar il-klima ser ikollhom impatt qawwi fuq il-ħaddiema u n-negozji u ser jirrikjedu taħriġ estensiv, taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet. Din it-tranżizzjoni għandha tintuża bħala opportunità biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità b’kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin fis-setturi u fir-reġjuni kollha. It-Tranżizzjoni Ġusta ma titqiesx biżżejjed fir-Rapport. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni ġusta, b’enfasi partikolari fuq l-impatti fuq il-ħaddiema, l-impjiegi u s-sistema industrijali. Bl-istess mod, l-involviment tal-imsieħba soċjali fl-iżvilupp ta’ politiki għas-sostenibbiltà, għas-sigurtà u għas-solidarjetà għandu jkun wieħed kontinwu u strutturali fin-natura tiegħu. Il-KESE jenfasizza li t-“tranżizzjoni ġusta” mhijiex biss kwistjoni ta’ finanzjament għat-tranżizzjoni. Din tinkludi wkoll l-objettiv tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħolqien ta’ xogħol deċenti, l-impjiegi ta’ kwalità u s-sigurtà soċjali, u ż-żamma u ż-żieda tal-kompetittività tan-negozji Ewropej, u tirrikjedi azzjoni speċifika fil-livelli kollha, b’mod partikolari f’dak reġjonali.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ara COM(2015) 80 final dwar “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem”.


Top