Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE5926

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tikkettar tal-ikel organiku għall-annimali” (COM(2022) 659 final — 2022/0390 (COD))

EESC 2022/05926

ĠU C 140, 21.4.2023, p. 55–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 140/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tikkettar tal-ikel organiku għall-annimali”

(COM(2022) 659 final — 2022/0390 (COD))

(2023/C 140/09)

Relatur:

Arnaud SCHWARTZ

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 8.12.2022

Bażi legali

Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

10.1.2023

Adottata fil-plenarja

24.1.2023

Sessjoni plenarja Nru

575

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

187/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-proposta għal Regolament dwar it-tikkettar tal-ikel organiku għall-annimali domestiċi u jappella għall-adozzjoni rapida tagħha sabiex tiġi żgurata l-kontinwità mar-rekwiżiti fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi (1).

1.2.

Il-KESE jemmen li s-settur tal-ikel għall-annimali domestiċi għandu rwol x’jaqdi fil-kontribut għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u li dawn il-miżuri ġodda ta’ tikkettar se jagħmluha possibbli li jiġi żviluppat u msaħħaħ is-settur, kemm billi jinbiegħu prodotti lill-konsumaturi li joqogħdu attenti għall-oriġini organika tax-xiri tagħhom kif ukoll billi jinħoloq valur miżjud għall-prodotti sekondarji organiċi. Dan se jippermetti lis-settur jikkontribwixxi, għalkemm moderatament, biex tintlaħaq il-mira ta’ 25 % tal-art agrikola tal-UE taħt biedja organika sal-2030, kif minqux fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u fl-Istrateġija għall-Bijodiversità u fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Organika.

1.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet Ewropej jikkomunikaw dwar dan ir-regolament ġdid u l-objettivi tiegħu sabiex ikomplu jsaħħu d-domanda tal-konsumaturi u l-fiduċja fil-prodotti organiċi.

1.4.

Meta wieħed iqis li l-ikel għall-annimali domestiċi huwa maħsub biex jinbiegħ lill-konsumaturi, il-KESE jirrakkomanda li jiġi involut u kkonsultat is-settur tul il-ħidma leġiżlattiva relattiva għas-sostenibbiltà tal-prodotti tal-ikel, jiġifieri fejn jirrigwarda t-tikkettar ta’ prodotti tal-ikel sostenibbli, il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u l-imballaġġ sostenibbli (2).

2.   Kuntest

2.1.

Id-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2022 tar-Regolament il-ġdid tal-UE dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi (3) introduċa rekwiżiti stretti ta’ tikkettar għall-ikel, l-għalf u l-ikel organiku għall-annimali domestiċi. Filwaqt li qabel l-ikel għall-annimali domestiċi, b’mod partikolari għall-qtates u l-klieb, seta’ jiġi ttikkettat bħala organiku meta mhux l-ingredjenti agrikoli kollha kienu organiċi, abbażi ta’ regoli nazzjonali jew standards privati, mill-1 ta’ Jannar 2022 dan it-tip ta’ tikkettar m’għadux possibbli.

2.2.

Fit-28 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea għalhekk ippubblikat proposta għal Regolament dwar it-tikkettar tal-ikel organiku għall-annimali domestiċi (4), bil-għan li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi ta’ tikkettar għall-ikel tal-annimali domestiċi. L-għan huwa li l-ikel għall-annimali domestiċi, b’mod partikolari għall-qtates u l-klieb, ikun jista’ jkollu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jekk jissodisfa kriterji stretti definiti mil-leġiżlatur Ewropew.

2.3.

Ir-regoli tat-tikkettar proposti għall-ikel organiku għall-annimali domestiċi jirriflettu r-regoli tat-tikkettar applikabbli għall-oġġetti tal-ikel: sabiex jiġu tikkettati bħala prodotti organiċi u sabiex ikollhom il-logo ta’ produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, talinqas 95 %, fil-piż, tal-ingredjenti agrikoli jridu jkunu organiċi (jekk inqas minn 95 % tal-ingredjenti agrikoli huma organiċi, ir-referenza għall-produzzjoni organika ma tistax tintuża ħlief fil-lista tal-ingredjenti b’rabta mal-ingredjenti organiċi, fejn jiġi indikat il-perċentwal totali tal-ingredjenti organiċi meta mqabbel mal-kwantità totali tal-ingredjenti agrikoli).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-Pjan ta’ Azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika fl-UE (5), filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol tal-biedja organika fil-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u b’mod partikolari l-miżuri biex ikomplu jissaħħu d-domanda u l-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti organiċi.

3.2.

F’dan il-kuntest, il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li din il-proposta għal regolament tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun sabiex jiġi permess l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għall-ikel tal-annimali domestiċi li ma fihx 100 % (iżda mill-inqas 95 %, fil-piż) ingredjenti organiċi, li jikkorrispondi għal realtà fil-prattika għal ċerti prodotti. Madankollu, il-KESE jitlob li fil-futur issir dispożizzjoni biex dan it-tip ta’ att regolatorju jiġi implimentat fl-istess ħin mad-dħul fis-seħħ tat-test bażiku sabiex jiġu evitati lakuni legali li jaffettwaw ħażin kemm lill-produtturi kif ukoll lill-konsumaturi/xerrejja.

3.3.

Il-KESE jappoġġja r-regoli proposti dwar it-tikkettar għall-ikel organiku għall-annimali domestiċi, filwaqt li jitqies il-livell għoli ta’ prodotti organiċi meħtieġa (95 % skont il-piż) u s-similarità mar-regoli li japplikaw għall-ikel organiku, li jippromovu użu uniformi tal-logo tal-UE u fehim aktar faċli għall-konsumaturi li għalihom huma maħsuba dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti.

3.4.

Il-KESE jirrimarka li, minkejja s-sehem baxx ta’ prodotti organiċi f’dan is-settur, is-settur tal-ikel għall-annimali domestiċi qed jikber b’rata mgħaġġla (tkabbir annwali ta’ 3,1 %, b’46 % tal-unitajiet domestiċi Ewropej ikollhom mill-inqas annimal domestiku wieħed (6)). Skont l-industrija nnifisha, ix-xejra lejn “umanizzazzjoni” tal-annimali domestiċi twassal lil ħafna sidien tal-annimali domestiċi biex ifittxu ikel li jirrifletti l-gosti tagħhom stess, li jwassal għax-xiri ta’ prodotti ta’ kwalità għolja, inklużi prodotti organiċi (7). Għalhekk, il-KESE jilqa’ dawn il-miżuri ġodda ta’ tikkettar, li jistgħu jistimulaw dan is-suq għall-ikel organiku għall-annimali domestiċi, kemm permezz tal-bejgħ lill-konsumaturi li jagħtu attenzjoni lill-oriġini organika tax-xirja tagħhom kif ukoll il-possibbiltà li jinħoloq valur miżjud għall-prodotti sekondarji organiċi.

3.5.

Il-KESE jemmen li dawn il-miżuri ġodda ta’ tikkettar jistgħu jikkontribwixxu, għalkemm moderatament, biex tintlaħaq il-mira ta’ 25 % tal-art agrikola tal-UE taħt biedja organika sal-2030, kif minqux fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u fl-Istrateġija għall-Bijodiversità u fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Organika, mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

3.6.

Il-KESE jilqa’ l-applikazzjoni tal-miżuri dwar l-informazzjoni obbligatorja dwar l-oriġini tal-ikel, fir-rigward tal-materja prima użata fl-ikel tal-annimali domestiċi, bl-indikazzjonijiet “Agrikoltura tal-UE”, “Agrikoltura mhux tal-UE”, “Agrikoltura tal-UE/mhux tal-UE”, “Agrikoltura + isem ta’ pajjiż” jew “Agrikoltura + isem ta’ pajjiż u reġjun”.

3.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet Ewropej jikkomunikaw dwar dan ir-regolament ġdid u l-objettivi tiegħu sabiex ikomplu jsaħħu d-domanda tal-konsumaturi u l-fiduċja fil-prodotti organiċi.

3.8.

Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen li dawn il-miżuri ta’ tikkettar għandhom jippermettu li jitnieda jew saħansitra jitwessa’ d-djalogu mal-produtturi tal-ikel għall-annimali domestiċi sabiex jiġi żgurat li s-settur jikkonforma tal-prinċipji ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli u biex jiġi żviluppat il-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Brussell, l-24 ta’ Jannar 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn qafas sostenibbli għat-tikkettar tal-ikel biex il-konsumaturi jiġu awtonomizzati jagħmlu għażliet sostenibbli tal-ikel” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 97).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

(4)  Proposta għal Regolament dwar it-tikkettar tal-ikel organiku għall-annimali domestiċi (COM/2022/659 final)

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika”(COM (2021) 141 final) (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 114).

(6)  Sors: FEDIAF (Federazzjoni Ewropea tal-Industrija tal-Ikel għall-Annimali Domestiċi) — https://europeanpetfood.org/about/statistics/.

(7)  Sors: FEDIAF (Federazzjoni Ewropea tal-Industrija tal-Ikel għall-Annimali Domestiċi) — https://europeanpetfood.org/pet-food-facts/pet-food-trends/.


Top