EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE5701

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi” (COM(2022) 581 final)

EESC 2022/05701

ĠU C 184, 25.5.2023, p. 78–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/78


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi”

(COM(2022) 581 final)

(2023/C 184/14)

Relatur:

Ozlem YILDIRIM

Korelatur:

Cillian LOHAN

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 25.11.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

9.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

152/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Pjan ta’ Azzjoni rivedut tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi fih ħafna elementi tajbin li jagħmluh suċċess. L-erba’ prijoritajiet u l-objettivi tagħhom huma mfassla tajjeb u huma titjib fuq il-verżjoni preċedenti. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar ir-riżorsi li se jiġu allokati biex il-pjan jiġi implimentat fil-livell nazzjonali u jekk humiex biżżejjed jew le, peress li l-insuffiċjenza tista’ twassal għall-falliment tal-pjan, kif kien il-każ tal-pjan preċedenti.

1.2

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha biex tipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex trażżan it-traffikar tal-orġaniżmi selvaġġi billi tintegra l-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi fil-fondi tal-UE billi tindirizza: (i) is-sigurtà u l-kriminalità organizzata; (ii) l-ambjent; u (iii) il-kooperazzjoni/is-sħubijiet internazzjonali. B’mod partikolari, dan għandu jkun prijorità taħt: EMPACT; il-Fond għas-Sigurtà Interna; il-programm LIFE; il-programm Interreg; u l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.

1.3

Madankollu, huwa importanti li jintlaħaq qbil dwar perċentwal minn dawn il-fondi li għandu jkun iddedikat kompletament għat-trażżin tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi sabiex jgħin fir-responsabbiltà għall-pjan ta’ azzjoni. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jipprovdu biżżejjed fondi biex iħarrġu persunal speċjalizzat fil-pajjiżi tagħhom sabiex jiġġieldu t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Il-fondi allokati għandhom jiġu rrappurtati, immonitorjati, u evalwati bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fil-livell nazzjonali. Ir-riżorsi għandhom jinkludu tagħmir kif ukoll persunal. Barra minn hekk, il-persunal għandu jgawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja, li jinkludu drittijiet sħaħ ta’ negozjar kollettiv u bi struttura ta’ karriera progressiva. Dan huwa essenzjali biex jiġu attirati l-aħjar nies u jinżammu livelli għoljin ta’ motivazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet b’rabta mas-saħħa, il-benesseri u s-sikurezza personali.

1.4

L-indirizzar tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi għandu jiġi integrat fl-oqsma ta’ politika kollha fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Għandu jkun hemm livell omoġenju u minimu ta’ taħriġ għall-atturi kollha involuti fil-prevenzjoni tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, u l-bini tal-kapaċità adattat skont il-ħiliet meħtieġa fl-oqsma differenti fejn it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi huwa integrat. Unitajiet jew persunal speċjalizzati għandhom jiġu mħarrġa fost il-prosekuturi, l-imħallfin, l-uffiċjali tad-dwana, l-awtoritajiet nazzjonali tas-CITES u l-awtoritajiet tal-pulizija. Huma għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw, jarrestaw, jipproċedu u jiġġudikaw lil dawk involuti f’reati b’rabta mal-organiżmi selvaġġi.

1.5

Għandhom jiġu stabbiliti wkoll strutturi omoġenji fl-Istati Membri kollha, li l-KESE jirrakkomanda li jieħdu l-forma ta’ kumitati interaġenzjali u unitajiet speċjalizzati jew persunal imħarreġ biex jiġi miġġieled it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Dawn il-kumitati interaġenzjali jkunu jinkludu rappreżentanti ta’ unitajiet speċjalizzati fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Il-kumitati interaġenzjali jkunu partikolarment utli biex jikkonsultaw u jorganizzaw investigazzjonijiet konġunti fi ħdan l-Istati Membri ma’ aġenziji oħra li jiffukaw fuq attivitajiet illegali oħra, bħar-reati finanzjarji u ċ-ċiberkriminalità. Dawn normalment ikunu konnessi mat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, peress li l-kriminali organizzati normalment jużaw il-kanali tagħhom għal tipi oħra ta’ kriminalità (bħat-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus) biex jittraffikaw prodotti ta’ organiżmi selvaġġi. Għandhom jiġu stabbiliti kanali ddedikati għall-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili.

1.6

L-inklużjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta għall-kumpaniji li jinnegozjaw fl-UE – permezz ta’ direttiva ambizzjuża dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva – tista’ tinċentiva lill-kumpaniji biex l-ewwel nett jinnegozjaw organiżmi selvaġġi li jinqabdu b’mod sostenibbli u tiskoraġġihom milli jidħlu f’attivitajiet illegali, u tgħin lill-aġenziji tal-infurzar jidentifikaw il-kriminali.

1.7

Il-KESE jemmen li huwa importanti li jkun hemm involviment mas-setturi tan-negozju involuti fil-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi biex titnaqqas id-domanda tal-prodotti tal-organiżmi selvaġġi fl-UE u biex titnaqqas l-importazzjoni illegali tal-prodotti tal-organiżmi selvaġġi. Il-pjan jipprevedi sessjonijiet tematiċi mal-Grupp ta’ Infurzar tal-Kummerċ fl-Organiżmi Selvaġġi tal-UE għar-rappreżentanti tan-negozju rilevanti biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi (eż. il-mediċina tradizzjonali, annimali domestiċi eżotiċi, l-industrija tal-lussu, it-turiżmu tal-kaċċa, l-injam, l-industriji tas-sajd u tal-prodotti tal-ħut, it-trasport, il-kumpaniji tal-kurrieri u l-kummerċ online). Madankollu, il-kampanji ta’ informazzjoni kkoordinati għall-pubbliku ġenerali (immirati speċifikament lejn it-tnaqqis tad-domanda) għandhom ikunu fattur ewlieni tal-istrateġija. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu rwol ukoll fit-tnaqqis tad-domanda billi jissensibilizzaw u jwettqu kampanji għat-tnaqqis tad-domanda mmirati lejn komunitajiet li jikkunsmaw prodotti illegali ta’ organiżmi selvaġġi fl-UE.

1.8

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-korpi tal-infurzar tal-liġi nazzjonali u supranazzjonali sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kummerċ fi speċijiet fil-periklu bħala parti mill-komunikazzjoni tagħhom dwar il-kriminalità organizzata, kemm fl-għodod ta’ komunikazzjoni permanenti tagħhom kif ukoll permezz ta’ kampanji mmirati temporanji.

1.9

Fl-aħħar nett, huwa ta’ importanza kruċjali li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi mekkaniżmu ċar u ambizzjuż ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex issegwi l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, u biex tkejjel il-progress u s-suċċess tiegħu, filwaqt li tqis l-azzjoni esterna tal-UE fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi (f’konformità mal-Prijorità 4).

2.   Sfond

2.1

It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi sar wieħed mill-aktar attivitajiet kriminali organizzati li jħallu qligħ fid-dinja, li l-Kummissjoni Ewropea tistma li jiswa sa EUR 20 biljun fis-sena (1) globalment. Madwar id-dinja, il-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi kiber b’mod esponenzjali f’dawn l-aħħar snin minħabba li huwa meqjus bħala attività b’riskju baxx u b’ritorn għoli.

2.2

Minkejja l-qafas legali komprensiv tagħha għall-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi, l-Unjoni Ewropea hija suq finali importanti u pjattaforma ta’ tranżitu għall-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi. Is-sinifikat tal-UE bħala suq għall-prodotti illegali tal-organiżmi selvaġġi huwa spjegat fid-dettall fir-rapporti annwali ta’ sekwestri kbar, li l-Kummissjoni Ewropea ilha titlob kull sena mill-2011.

2.3

Filwaqt li tirrikonoxxi li l-UE hija suq ewlieni għall-prodotti tal-organiżmi selvaġġi, il-Kummissjoni Ewropea għamlet sforzi bla preċedent għas-sensibilizzazzjoni fost in-negozji, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali dwar il-karatteristiċi u l-iskala tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fl-Ewropa. B’riżultat ta’ dan, fi Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi (2), li jistabbilixxi Pjan ta’ Azzjoni komprensiv għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fl-UE, u għat-tisħiħ tar-rwol tal-UE fil-ġlieda globali kontra dawn l-attivitajiet illegali. Minkejja li t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi ġie inkluż b’suċċess fost il-kwistjonijiet ta’ prijorità, il-pjan ta’ azzjoni ftit li xejn kellu impatt fuq it-tnaqqis tad-domanda. L-organizzazzjoni TRAFFIC (3) ħaret rapport (4) li jiġbor id-data tas-sekwestri kollha li waqgħu taħt il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ fl-Ispeċijiet fil-Periklu (CITES) għall-2018, li juri li d-domanda fl-UE għall-ispeċijiet ta’ organiżmi selvaġġi ma nbidlitx minn meta nġabret l-ewwel data fl-2011.

2.4

L-aktar rapport reċenti minn TRAFFIC dwar is-sekwestri fl-2020 (5) jirrifletti l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Inqas kummerċ ikkawżat minn tfixkil assoċjat mal-COVID-19 fit-trasport bl-ajru, l-operazzjonijiet kummerċjali, u interfaċċi oħra għat-trasport jew il-bejgħ ta’ oġġetti x’aktarx li kien fattur li kkontribwixxa għat-tnaqqis fis-sekwestri rrapportati. Ġie osservat tnaqqis sinifikanti fl-interċettazzjonijiet fl-UE fl-2020, għalkemm dan mhux neċessarjament jindika bidliet fid-domanda jew bidliet fid-dinamika tal-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi.

2.5

Minbarra li hija suq tal-importazzjoni, l-UE hija wkoll reġjun sors għal xi speċijiet fil-periklu, bħas-sallura Ewropea (Anguilla anguilla). Mill-2016 sal-2017, 48 persuna ġew arrestati u ġew sekwestrati 4 000 kg ta’ sallur żgħir ħaj, b’valur ta’ madwar EUR 4 miljun. Barra minn hekk, mhux l-organiżmi selvaġġi illeċiti kollha li jidħlu fl-Ewropa huma destinati għas-swieq Ewropej, fejn l-UE spiss taġixxi bħala punt ta’ waqfien. Il-korpi tal-infurzar spiss jaqbdu l-pangolini, iż-żwiemel il-baħar, l-avorju u l-pinen tal-klieb il-baħar destinati għall-Asja mill-Afrika.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-UE jeħtiġilha tibqa’ viġilanti u żżid l-isforzi tagħha biex twaqqaf u treġġa’ lura t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Dan il-kummerċ li jħalli qligħ mhux biss huwa riskju għas-saħħa tal-bniedem minħabba r-riskju tat-trażmissjoni tal-mard żoonotiku, iżda jikkomprometti wkoll direttament il-politiki tal-UE li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli fid-dinja kollha, b’mod partikolari l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli b’rabta mal-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi globali (6), kif ukoll l-isforzi biex tissaħħaħ il-governanza tajba biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi.

3.2

It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi llum mhux biss qed iwassal lil ħafna speċijiet (inklużi xi speċijiet ikoniċi) f’x-xifer l-estinzjoni, iżda qed ixekkel ukoll l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli (7). Fil-qosor, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi jeħtieġ li jiġi implimentat sew biex jintlaħqu l-ftehimiet ambjentali internazzjonali tal-UE, speċjalment il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB). Madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tmur lil hinn minn dawn il-ftehimiet internazzjonali sabiex ittejjeb il-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi fl-UE u trażżan it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, li l-benefiċċji tagħhom ma jkunux jidhru biss fl-UE iżda wkoll fid-dinja kollha. It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi huwa wieħed mill-muturi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità, li, minbarra li qed iwassal għall-estinzjoni ta’ ħafna speċijiet, qed jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima billi jinstiga l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, li huma imperattiv għall-ħżin tal-karbonju.

3.3

Daqstant importanti huwa l-fatt li jeħtieġ li nwaqqfu l-kriminalità organizzata transnazzjonali u l-konsegwenzi fatali tagħha. Skont ir-rapport tal-UNEP-Interpol, il-kriminalità ambjentali żdiedet b’26 % (8). Din tinkludi t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi u hija theddida għall-paċi, is-sigurtà u l-istat tad-dritt, u ħafna drabi hija assoċjata ma’ reati serji oħra bħall-korruzzjoni, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità finanzjarja. F’xi reġjuni Afrikani, pereżempju, it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jhedded is-sigurtà nazzjonali. Hawnhekk iridu jissemmew ukoll il-qtil u l-assassinju, peress li l-persuni inkarigati mill-protezzjoni tal-ispeċijiet fil-periklu jiffaċċjaw theddida reali għal ħajjithom u jħallsu prezz qares għall-impenn tagħhom. Il-Fondazzjoni Thin Green Line sabet li bejn l-2009 u l-2016 kien hemm 595 gwardjan irrappurtati mejta li nqatlu mill-kaċċaturi. Ma’ dawn jiżdiedu l-mijiet ta’ gwardjani oħra anonimi maqtulin f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ma ġewx irrappurtati. Fl-2017, aktar minn 100 gwardjan ġew irrappurtati maqtula, u l-istess jista’ jingħad għall-2018, bi kważi żewġ imwiet fil-ġimgħa (9).

3.4

Il-KESE jilqa’ r-reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi, u d-deċiżjoni li t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jinġieb fil-qalba tal-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-Pjan ta’ Azzjoni preċedenti tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi li turi li n-nuqqas ta’ persunal speċjalizzat, riżorsi u taħriġ f’ħafna mill-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE jibqa’ kwistjoni ewlenija. Hemm ukoll ħtieġa importanti għat-titjib tal-kooperazzjoni: (i) fi ħdan l-Istati Membri; (ii) fost l-Istati Membri; (iii) bejn l-UE u l-pajjiżi li mhumiex fl-UE; u (iv) mal-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, għandu jsir aktar biex jiġu żgurati t-traċċabbiltà diġitali u l-kooperazzjoni diġitali fost l-aġenziji.

3.5

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea rabtet ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi. Madankollu, jinsab imħasseb li d-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali mhux se tkun kapaċi tipprovdi sanzjonijiet effettivi u dissważivi għat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Fid-9 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-fajl, u naqqas b’mod sinifikanti l-penali għall-persuni fiżiċi, u naqqas ukoll l-ambizzjonijiet biex jiġu armonizzati s-sanzjonijiet għall-persuni ġuridiċi. Il-livelli proposti mill-Kunsill huma baxxi wisq biex ikunu dissważivi u effettivi. Il-limiti massimi tal-multi ma għandhomx ikunu inqas minn 15 % tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika – ferm ogħla mill-5 % jew mit-3 % li ġew adottati mill-Kunsill. Aħna nemmnu li Direttiva ambizzjuża dwar ir-Reati Ambjentali hija essenzjali biex jinkiseb Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi li jirnexxi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jagħmel referenza espliċita għall-informaturi u difensuri oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali bħala partijiet ikkonċernati rilevanti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, peress li dawn jaqdu rwol ewlieni biex jesponu u jipprevjenu ksur tal-liġi ambjentali. Dawn il-persuni għandhom jiġu protetti wkoll mill-intimidazzjoni jew il-litigazzjoni meta jirrapportaw it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jew jassistu l-investigazzjonijiet, kif issa ġie ddikjarat fid-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali.

4.2

Il-KESE jemmen li huwa importanti li jkun hemm involviment mas-setturi tan-negozju involuti fil-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi biex titnaqqas id-domanda tal-prodotti tal-organiżmi selvaġġi fl-UE u biex jitnaqqas il-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi, u jiġi żgurat li kwalunkwe kummerċ fl-organiżmi selvaġġi jkun legali u sostenibbli. Il-pjan jipprevedi sessjonijiet tematiċi mal-Grupp ta’ Infurzar tal-Kummerċ fl-Organiżmi Selvaġġi tal-UE għar-rappreżentanti tan-negozju rilevanti biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi (eż. il-mediċina tradizzjonali, annimali domestiċi eżotiċi, l-industrija tal-lussu, it-turiżmu tal-kaċċa, l-injam, l-industriji tas-sajd u tal-prodotti tal-ħut, it-trasport, il-kumpaniji tal-kurrieri u l-kummerċ online). Madankollu, ir-rwol li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu biex jappoġġjaw l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi għandu jiġi rikonoxxut aħjar u rifless fil-pjan ta’ azzjoni u permezz tal-implimentazzjoni tiegħu (eż. is-sensibilizzazzjoni u t-twettiq ta’ kampanji ta’ bidla fl-imġiba). L-informazzjoni pprovduta mill-UE liċ-ċittadini tagħha dwar ir-regoli, ir-riskji u l-konsegwenzi tal-kummerċ u l-użu ta’ prodotti ta’ organiżmi selvaġġi mhijiex mifruxa b’mod wiesa’, iżda l-informazzjoni dwar il-prattiki u l-użu tal-mediċina tradizzjonali (li tinvolvi l-użu ta’ partijiet u derivati minn fawna u flora selvaġġi għall-kura) hija mifruxa ħafna fl-UE kollha. Din il-prattika ġġorr riskji għall-utenti (peress li xi kuri ma għandhomx benefiċċji ppruvati xjentifikament) u konsegwenzi fatali għall-ispeċijiet selvaġġi maqbudin u nnegozjati (fatt li jaċċellera l-estinzjoni tagħhom). Permezz ta’ aktar sforzi ta’ prevenzjoni dwar dan is-suġġett speċifiku, l-UE tista’ tnaqqas sa 30 % tal-prodotti tal-organiżmi selvaġġi traffikati kull sena, peress li dan in-numru jikkorrispondi għar-rata ta’ prodotti ta’ organiżmi selvaġġi kkonfiskati maħsubin għall-użu mediċinali fl-UE (10). F’dan is-sens, il-KESE u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jistgħu jkunu involuti wkoll fl-iżvilupp ta’ kampanji pubbliċi biex issir sensibilizzazzjoni dwar il-problema.

4.3

Meta jiġu assenjati responsabbiltajiet ċari għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet fil-livell nazzjonali u tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-atturi rilevanti, il-KESE jirrakkomanda l-omoġeneità fl-Istati Membri kollha. Li jingħataw għażliet bħal dawk riflessi fil-Pjan biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni (pereżempju: (i) permezz tal-ħolqien ta’ kumitati interaġenzjali jew memoranda ta’ qbil; (ii) permezz tal-adozzjoni ta’ pjani nazzjonali ta’ azzjoni; jew (iii) permezz tal-ħatra ta’ punt fokali nazzjonali) se jwassal għal inċertezza, peress li l-Istati Membri se jagħżlu għażliet differenti. L-iżvilupp ta’ kumitati intraġenzjali fil-livell nazzjonali, b’punt fokali maħtur għal kull wieħed se jgħin fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni.

4.4

Huwa kruċjali li dawn il-kumitati interaġenzjali u l-persunal jew l-unitajiet speċjalizzati jitħarrġu b’mod omoġenju fis-27 Stat Membru kollha. Dan jiffaċilita l-kooperazzjoni fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom minħabba li l-persunal jirreaġixxi, jinvestiga, u jħarrek bl-istess mod. Il-fatt li kull interaġenzija jkollha punt fokali jtejjeb ukoll il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi barra mill-UE. Li jkun hemm punt fokali jtejjeb il-kooperazzjoni minħabba li jagħmilha aktar faċli u aktar rapidu għall-kumitati interaġenzjali u l-persunal speċjalizzat fl-Istati Membri biex jikkuntattjaw lil xulxin, speċjalment f’każ ta’ ħtieġa urġenti minħabba t-traffikar transfruntier. Il-punti fokali jistgħu jagħmlu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri aktar aġli, mingħajr ma jiddependu minn korpi internazzjonali bħall-Europol għal każijiet aktar lokalizzati li jaffettwaw żewġ pajjiżi. Madankollu, dawn il-gruppi jistgħu jkunu f’riskju u jsiru miri ta’ kriminali organizzati. Informazzjoni dettaljata dwar il-punti fokali għandha tkun ristretta għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u għall-isferi tal-awtorità ġudizzjarja sabiex jiġu protetti l-identitajiet tal-persunal.

4.5

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi, l-Istati Membri tal-UE rrapportaw li minħabba nuqqas ta’ riżorsi u persunal kien diffiċli għalihom li jinfurzaw l-operazzjonijiet. Għalhekk għal darb’oħra l-importanza li jiġi żgurat li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jiddedikaw riżorsi suffiċjenti biex jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-UE fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, ir-riżorsi huma importanti biex jiġu pprovduti kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-persunal.

4.6

It-test għandu jiddikjara b’mod espliċitu li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jipprovdu biżżejjed fondi biex jiżviluppaw persunal speċjalizzat fil-pajjiżi tagħhom bil-għan li jiġġieldu t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Il-fondi allokati għandhom jiġu rrappurtati, immonitorjati, u evalwati bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fil-livell nazzjonali. Ir-riżorsi għandhom jinkludu mhux biss il-persunal iżda wkoll it-tagħmir. Barra minn hekk, il-persunal għandu jgawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja, li jinkludu drittijiet sħaħ ta’ negozjar kollettiv u bi struttura ta’ karriera progressiva. Dan huwa essenzjali biex jiġu attirati l-aħjar nies u jinżammu livelli għoljin ta’ motivazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet b’rabta mas-saħħa, il-benesseri u s-sikurezza personali. Għandu jkun hemm taħriġ omoġenju għall-atturi kollha involuti fil-prevenzjoni tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, u strutturi omoġenji stabbiliti fl-Istati Membri kollha, li l-KESE jirrakkomanda li jieħdu l-forma ta’ kumitati interaġenzjali u unitajiet speċjalizzati jew persunal li kapaċi jiġġieled it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi.

4.7

Il-Pjan ta’ Azzjoni jenfasizza r-rwol ta’ aġenziji u inizjattivi internazzjonali differenti bħall-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), li hija strument ewlieni għall-kooperazzjoni operazzjonali multidixxiplinari u b’diversi aġenziji għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-livell tal-UE. EMPACT tista’ tkun strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi. Pereżempju, tista’ torganizza taħriġ għall-kumitati interaġenzjali u l-persunal speċjalizzat fl-Istati Membri kollha b’mod omoġenju.

4.8

Il-prevenzjoni ta’ attivitajiet ta’ kaċċa illegali, speċjalment għat-trofej, għandha tkun koperta mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi. Fil-Karpazji, pereżempju, l-orsijiet jiġu kkaċċjati illegalment, madankollu, il-kaċċaturi jirċievu penali baxxi li mhumiex deterrenti biżżejjed.

4.9

Il-KESE jaqbel mas-suġġeriment li l-EMPACT tikkoordina operazzjonijiet konġunti regolari li jinvolvu kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea (OLAF), u aġenziji rilevanti tal-UE bħal Eurojust, Frontex, Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd. Għal darb’oħra, sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva, l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi fil-livell nazzjonali hija essenzjali.

4.10

Fir-rigward tal-politiki u l-istrumenti kummerċjali li jappoġġjaw l-azzjoni kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, il-KESE jilqa’ l-proposta għall-inklużjoni ta’ impenji ambizzjużi għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fi ftehimiet futuri ta’ kummerċ ħieles. Madankollu, dan mhux se jkun biżżejjed biex jitrażżan it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. L-isforzi tal-UE biex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-kummerċ u l-investiment internazzjonali se jkunu inutli u kontroproduttivi jekk l-UE ma tindirizzax b’mod urġenti l-lakuni fl-infurzar tal-liġi. Il-passaporti diġitali tal-prodotti jistgħu jservu wkoll l-istess skop. Dawn jistgħu jżidu t-traċċabbiltà u t-trasparenza dwar ir-riskji fil-ktajjen tal-provvista globali, u jgħinu fl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll internazzjonali konġunti u sforzi ta’ infurzar, kif ukoll jiżguraw li n-nies u l-konsumaturi jkollhom l-istess livell ta’ informazzjoni dwar il-prodotti li jixtru, irrispettivament mill-oriġini tagħhom.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://ec.europa.eu/environment/cites/infographics_en.htm.

(2)  https://ec.europa.eu/environment/cites/trafficking_en.htm.

(3)  https://www.traffic.org/.

(4)  https://www.traffic.org/site/assets/files/12745/eu-seizures-report-2020-final-web.pdf.

(5)  https://www.traffic.org/site/assets/files/17391/2020_eu_seizures_report_final.pdf.

(6)  https://sustainabledevelopment.un.org/topics/biodiversityandecosystems.

(7)  Silta minn konklużjoni ta’ analiżi tal-Kummissjoni Ewropea: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016SC0038

(8)  UNEP-INTERPOL Report: Value of Environmental Crime up 26% (Rapport ta’ UNEP-INTERPOL: Il-valur tar-Reati Ambjentali żdied b’26 % – mhux disponibbli bil-Malti)

(9)  https://globalconservation.org/news/over-one-thousand-park-rangers-die-10-years-protecting-our-parks/.

(10)  Il-Kunsill jaqbel dwar il-mandat ta’ negozjar tiegħu dwar id-direttiva dwar il-kriminalità ambjentali – Consilium (europa.eu)


Top