Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE5002

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-programmi ta’ kooperazzjoni tal-2014 sal-2020 appoġġjati mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u fl-ambitu tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea, wara tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm” (COM(2022) 362 — 2022/0227 (COD))

    EESC 2022/05002

    ĠU C 75, 28.2.2023, p. 195–197 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 75/195


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-programmi ta’ kooperazzjoni tal-2014 sal-2020 appoġġjati mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u fl-ambitu tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea, wara tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm”

    (COM(2022) 362 — 2022/0227 (COD))

    (2023/C 75/29)

    Relatur Ġenerali:

    Andris GOBIŅŠ

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew. 27.9.2022

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 17.8.2022

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

    Adozzjoni fil-plenarja

    27.10.2022

    Sessjoni plenarja Nru

    573

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    117/1/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament u tal-Kunsill sabiex jagħmlu dak kollu li huwa meħtieġ għall-approvazzjoni tar-Regolament previst mill-aktar fis possibbli u jħeġġeġ li dan jidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-bidu ta’ Novembru 2022.

    1.2.

    Minħabba l-ħtieġa ta’ approvazzjoni rapida, x’aktarx li bħala l-ewwel pass ir-Regolament jista’ jiġi adottat mingħajr bidliet, il-KESE jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat rieżami fit-tieni fażi bit-titjib propost hawn taħt. Il-bidliet proposti għandhom jarrikkixxu wkoll id-dibattitu u t-tħejjijiet tal-bidliet fir-regolamenti u l-programmi ta’ segwitu.

    1.3.

    Il-KESE jilqa’ l-azzjoni rapida tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-flessibbiltà meħtieġa fir-rigward tat-tmexxija ta’ proġetti eżatt wara l-gwerra mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Azzjoni rapida kienet l-uniku mod biex nibqgħu konformi mal-valuri u l-prinċipji tal-UE.

    1.4.

    Il-KESE jappoġġja l-għan li tingħata flessibbiltà li jiġi emendat l-iskop tal-proġetti li għaddejjin bħalissa sabiex ikun hemm riflessjoni dwar il-ħtiġijiet emerġenti, billi tingħata l-flessibbiltà meħtieġa lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni u jingħataw ċertezza legali li l-proġetti se jitmexxew u jiġu segwiti skont ir-regoli u mhux se jkun hemm ħafna limitazzjonijiet fir-rigward tal-awditu. Dan huwa ta’ importanza speċjali peress li r-Regolament se jiġi applikat b’mod retroattiv mill-bidu tal-gwerra fuq skala sħiħa.

    1.5.

    Il-KESE jfakkar fir-realtajiet il-ġodda fl-aħħar xhur tal-gwerra kontra l-Ukrajna. Bl-istatus tal-Ukrajna bħala pajjiż kandidat tal-UE u l-ħtieġa dejjem tikber għar-rikostruzzjoni u t-tħejjija għax-xitwa fl-Ukrajna, għandha tingħata saħansitra aktar flessibbiltà għall-attivitajiet eliġibbli u definizzjoni usa’ ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni transfruntiera/reġjonali għall-proġetti li għaddejjin bħalissa u dawk ippjanati, kif previst fil-bidliet proposti għar-Regolament (ara s-suġġerimenti hawn taħt).

    1.6.

    Meta titqies is-sospensjoni tal-finanzjament lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa u tal-Belarussja u s-sospensjoni relatata tal-kooperazzjoni transfruntiera mal-Federazzjoni Russa u l-Belarussja, il-KESE jappoġġja l-idea li jsir dak kollu possibbli għat-trasferiment ta’ fondi inizjalment maħsuba għal dawn il-programmi ta’ kooperazzjoni għall-kooperazzjoni mal-Ukrajna.

    1.7.

    Peress li s-soċjetà ċivili tinsab fuq quddiem nett fir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna u t-tħejjija tal-pajjiż għall-adeżjoni mal-UE, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-allokazzjoni ta’ fondi għall-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili inkluż l-għoti mill-ġdid ta’ fondi.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Il-KESE jappoġġja l-objettivi tal-proposta u jilqa’ l-intenzjoni li jingħata approċċ flessibbli fil-programmi ta’ kooperazzjoni taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat biex jiġu riflessi l-ħtiġijiet li qed jitfaċċaw b’riżultat tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, u l-impatt li jirriżulta fuq l-Unjoni Ewropea (UE) u diversi reġjuni tal-Lvant tagħha b’mod partikolari, u l-impatt estiż tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-UE.

    2.2.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi enormi li saru mill-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili tal-Istati Membri ġirien tal-UE, il-Moldova u l-Ukrajna biex jakkomodaw lill-persuni spostati Ukreni li qed jaħarbu bil-massa mill-invażjoni Russa, u jilqa’ l-appoġġ tal-użu mfassal apposta tal-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera biex ikopru l-ħtiġijiet rispettivi ta’ assistenza umanitarja.

    2.3.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-isfidi partikolari li qed jesperjenzaw l-awtoritajiet Ukreni fil-livelli kollha, li jeħtieġ li jiżguraw id-difiża militari tal-pajjiż u fl-istess ħin isostnu l-ekonomija, peress li l-Ukrajna qed issofri l-għadd kbir ta’ vittmi, il-qerda ta’ djar u infrastruttura, l-ispostament ta’ sehem sinifikanti tal-popolazzjoni tagħha, tfixkil fil-produzzjoni u t-trasport, pressjoni bla preċedent fuq il-baġit u ħafna problemi oħra kkawżati mill-aggressjoni Russa. Il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera mal-Ukrajna għandhom jgħinu biex jitnaqqas dan il-piż, billi jipprovdu opportunitajiet lill-benefiċjarji biex jirrispondu għall-eżiġenzi matul il-gwerra.

    2.4.

    Il-KESE jilqa’ l-għoti reċenti tal-istatus ta’ pajjiż kandidat tal-UE lill-Ukrajna u lill-Moldova, u jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tipprovdi appoġġ komprensiv lil dawn il-pajjiżi fir-riformi tagħhom għall-integrazzjoni mal-UE, li huma jimplimentaw filwaqt li jġorru l-piż tal-gwerra fuq skala sħiħa fl-Ukrajna. Il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera għandhom, fejn rilevanti, jissemplifikaw l-objettivi msaħħa ta’ integrazzjoni mal-UE tal-Ukrajna u l-Moldova fl-attivitajiet tal-programm, inkluż billi jgħaddu l-esperjenza ta’ riforma rilevanti tal-pajjiżi ġirien tal-UE. Dan għandu jinkorpora t-tħejjijiet fil-livell lokali u reġjonali u rwol b’saħħtu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili inklużi l-imsieħba soċjali.

    2.5.

    Meta titqies is-sospensjoni tal-finanzjament lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa u tal-Belarussja u s-sospensjoni relatata tal-kooperazzjoni transfruntiera mal-Federazzjoni Russa u l-Belarussja, il-KESE jappoġġja l-idea li jsir dak kollu possibbli għat-trasferiment ta’ fondi inizjalment maħsuba għal dawn il-programmi ta’ kooperazzjoni għall-kooperazzjoni mal-Ukrajna. Minħabba s-simboliżmu kbir u ż-żieda fil-ħtiġijiet, ta’ min jinvesti l-ħin u l-kompetenza biex tinstab u titħejja bażi legali għal dan it-trasferiment. Ir-rabtiet emottivi u bbażati fuq il-valuri b’saħħithom jistgħu jitqiesu bħala mod ta’ “viċinat” mal-Ukrajna, u permezz ta’ interpretazzjoni li taqbel sew mal-għanijiet tal-programm fiż-żminijiet straordinarji ta’ bħalissa.

    2.6.

    Il-KESE jenfasizza l-piż finanzjarju straordinarju li jġorru l-komunitajiet ġirien li jirċievu għadd kbir ta’ persuni Ukreni spostati, u għalhekk jilqa’ l-intenzjoni li jitneħħa l-obbligu ta’ kofinanzjament nazzjonali għal ħames programmi transfruntiera tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat mar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.

    2.7.

    Il-KESE jenfasizza li l-aggressjoni Russa u l-influss li rriżulta ta’ persuni spostati wrew, għal darb’oħra, ir-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili u taw spinta sinifikanti lill-attiviżmu tas-soċjetà ċivili kemm fl-Ukrajna kif ukoll fil-pajjiżi ġirien tal-UE, b’mijiet ta’ inizjattivi ta’ volontarjat fil-livell nazzjonali iżda wkoll fil-livell lokali li nħolqu biex jipprovdu ikel u kenn u jiżguraw ħtiġijiet umanitarji oħra u, għalhekk, l-appoġġ għall-ħidma tas-soċjetà ċivili għandu jkun b’mod partikolari l-enfasi tal-programmi transfruntiera. L-importanza tas-soċjetà ċivili organizzata se tipprevala wkoll matul ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna u r-reġjuni tagħha u t-tħejjijiet għall-adeżjoni mal-UE.

    2.8.

    Fid-dawl tal-kriżi tal-enerġija li għaddejja bħalissa, il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika u li tissaħħaħ aktar l-effiċjenza enerġetika. Il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera għandhom jipprovdu opportunità għall-benefiċjarji tagħhom biex itaffu l-isfidi li ġejjin tal-istaġun tax-xitwa, filwaqt li jippermettulhom jibqgħu fit-triq tas-sostenibbiltà.

    2.9.

    Il-KESE jiddispjaċih li ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet interessati waqt l-abbozzar tal-bidliet proposti. Jekk jiġu implimentati kif suppost, dawn ma jwasslux għal telf ta’ ħin, iżda fil-biċċa l-kbira tal-każijiet itejbu l-kwalità tad-deċiżjoni abbozzata.

    2.10.

    L-użu tal-aħjar prattiki tal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar il-prinċipju tas-sħubija jista’ jikkontribwixxi għas-suċċess tal-proġetti implimentati fir-Regolament emendat.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1.

    Il-KESE jenfasizza li l-UE tipprovdi azzjoni wiesgħa bil-għan li tappoġġja lill-persuni spostati mill-Ukrajna eż. permezz ta’ CARE, FAST-CARE, bidliet fil-politika ta’ koeżjoni eċċ. Ir-riskji ta’ finanzjament doppju għandhom jiġu mmitigati. L-ispeċifiċità tal-Inizjattiva Ewropea tal-Viċinat għandha tinżamm għall-għan ewlieni tagħha, li huwa l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-imsieħba tal-Lvant. Minħabba interruzzjonijiet itwal possibbli tal-programmi li jinvolvu r-Russja u l-Belarussja, u l-ħtieġa u l-interess dejjem akbar fil-kooperazzjoni fl-Ukrajna u l-Moldova, il-bażi legali lejn ċaqliq u kooperazzjoni ma’ dawn l-Istati għandha titħejja, pereżempju fl-Artikolu 9, iżda wkoll fl-Artikoli 5, 6, 8.

    3.2.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minbarra l-wasla ta’ persuni spostati, l-invażjoni Russa fl-Ukrajna kellha impatt profond ieħor fuq il-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Ukrajna u l-pajjiżi ġirien tagħha. Minħabba l-imblokk navali Russu tal-portijiet marittimi Ukreni u t-tfixkil tar-rotot tat-trasport fil-Lvant tal-Ukrajna, sehem kbir tal-kummerċ Ukren, inklużi ċ-ċereali, ġie ridirett għall-fruntieri tal-pajjiż mal-UE, u b’hekk inħolqot pressjoni sinifikanti fuq l-infrastruttura transfruntiera. Meta jitqies li l-esportazzjoni taċ-ċereali u prodotti oħra tal-Ukrajna hija ta’ importanza kritika biex tiġi evitata l-kriżi globali tal-ikel, il-programmi transfruntiera għandhom jindirizzaw il-problemi loġistiċi emerġenti biex jiżguraw il-kapaċità massima tal-fluss tal-merkanzija, inkluż permezz tat-titjib tal-ġestjoni transfruntiera, il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet ta’ ħżin qrib il-fruntiera u miżuri rilevanti oħra. Dawn il-proġetti jistgħu jitolbu flessibbiltà akbar għall-iskadenza milli kif inhu previst bħalissa fl-Artikolu 6(2).

    3.3.

    L-ispejjeż ogħla bbażati fuq rati ta’ inflazzjoni straordinarji li ġew stimulati mill-gwerra tar-Russja għandhom ikunu eliġibbli fil-proġetti kollha, mhux biss dawk imsemmija fl-Artikolu 6(3).

    3.4.

    Il-KESE jappoġġja l-proposta li tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-programmi transfruntiera, inklużi l-bidliet fl-attivitajiet tal-programm tagħhom, minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji. Madankollu, huwa jenfasizza li hemm bżonn ta’ salvagwardji kontra l-użu ħażin possibbli tal-fondi u jissuġġerixxi li jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili (inklużi l-imsieħba soċjali) fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-monitoraġġ fir-rigward tal-attivitajiet transfruntiera tal-programmi. Dawn l-aspetti jistgħu jiġu enfasizzati fl-Artikolu 7 u/jew fl-Artikolu 15.

    3.5.

    Is-sospensjoni unilaterali kif prevista fl-Artikolu 10(2) għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni li tirreferi għal dan ir-Regolament.

    3.6.

    Kif indikat fil-punti 1.7 u 2.5, il-KESE jissuġġerixxi li jiġi permess li jiġu inklużi msieħba ġodda mis-soċjetà ċivili (inklużi possibbiltajiet ta’ għoti mill-ġdid) u mill-Ukrajna, fejn kienu previsti msieħba sospiżi. L-Artikolu 10(3) għandu jinbidel skont dan. Barra minn hekk, id-dijaspora pro-demokratika Belarussa jew Russa tista’ titqies bħala msieħba f’każijiet eċċezzjonali.

    3.7.

    Għandhom jitqiesu miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni tal-frodi jew għall-ġestjoni tal-irregolaritajiet li jistgħu jidhru fil-proċess ta’ implimentazzjoni. Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandu jkollhom rwol imsaħħaħ anke fir-rigward ta’ dawn il-proċessi u fil-kumitati ta’ monitoraġġ. (Artikolu 14(3).

    Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2022.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    Top