This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022AE3384
Opinion of the European Economic and Social Committee on Conversion to a Farm Sustainability Data Network (FSDN) (COM(2022) 296 final – 2022/0192 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Bdil f’Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN)” (COM(2022) 296 final — 2022/0192 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Bdil f’Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN)” (COM(2022) 296 final — 2022/0192 (COD))
EESC 2022/03384
ĠU C 75, 28.2.2023, p. 164–170
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/164 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Bdil f’Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN)”
(COM(2022) 296 final — 2022/0192 (COD))
(2023/C 75/24)
Relatur: |
Florian MARIN |
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 4.7.2022 Kunsill, 11.7.2022 |
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
17.5.2022 |
Bażi legali |
Artikolu 43(2) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adozzjoni fis-sezzjoni |
5.10.2022 |
Adozzjoni fil-plenarja |
26.10.2022 |
Sessjoni plenarja Nru |
573 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
188/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-bdil tan-Network ta’ Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola (FADN) f’Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN), kif previst fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, bil-kompitu li jiġbor data dwar is-sostenibbiltà, itejjeb is-servizzi ta’ konsulenza u jipprovdi feedback lill-bdiewa. |
1.2. |
Il-KESE jqis l-FSDN bħala għodda importanti għal politiki bbażati fuq l-evidenza u jirrakkomanda dan li ġej:
|
1.3. |
Il-KESE jikkunsidra li l-protezzjoni tad-data, is-sjieda, il-privatezza u l-kunfidenzjalità għandhom dejjem jiġu żgurati (garanzija ta’ anonimizzazzjoni totali) u li l-bdiewa għandu jkollhom kontroll permanenti tad-data tagħhom. Barra minn hekk, l-interessi tal-bdiewa għandhom ikunu protetti u l-kunsens tagħhom għandu jinkiseb meta d-data tagħhom tkun maħsuba għall-kondiviżjoni, tkun xi tkun id-destinazzjoni u l-użu tad-data. |
1.4. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-bdiewa jingħataw inċentivi biex jikkontribwixxu u jkollhom benefiċċji ċari u diretti għall-kondiviżjoni tad-data tagħhom flimkien ma’ servizzi ta’ konsulenza, bħal benefiċċji finanzjarji jew aċċess għal sejħiet dedikati għal proposti ffinanzjati minn fondi tal-UE. |
1.5. |
Id-data miġbura għall-FSDN fl-ebda ċirkostanza ma għandha tintuża għall-kontroll u s-sanzjonar tal-bdiewa. Jekk dan il-prinċipju jiġi kompromess, il-bdiewa għandu jkollhom l-għażla li ma jipprovdux id-data, iżda dan se jfixkel b’mod sinifikanti l-użu tal-FSDN bħala għodda ta’ politika. |
1.6. |
L-approċċ ġenerali tal-FSDN huwa li jintużaw teknoloġiji diġitali, u għal din ir-raġuni l-KESE jirrakkomanda li jsir aktar xogħol biex jinbena spazju komuni tad-data għall-agrikoltura, li jippromovi s-sjieda konġunta tad-data u l-kooperattivi tad-data. Il-KESE jikkunsidra li fis-settur agroalimentari mhemmx metodoloġija komuni biex jiġu żgurati l-komparabbiltà u l-użu komuni tad-data. |
1.7. |
Il-KESE jissuġġerixxi li għandu jitwaqqaf programm integrat iddedikat għad-diġitalizzazzjoni tas-settur agroalimentari, peress li xi bdiewa diġà huma obbligati jiġbru data ambjentali sabiex ibigħu l-prodotti tagħhom u peress li l-magni jew sensuri awtonomi u intelliġenti huma ġeneraturi tad-data. Għandhom jiġu kkunsidrati l-inklużività u l-litteriżmu diġitali flimkien mal-faċilitazzjoni tal-aċċess għad-data u t-teknoloġiji tal-hardware u tas-software. |
1.8. |
Il-KESE qed jissuġġerixxi li għandhom jitwettqu aktar sforzi biex jitnaqqsu ż-żoni rurali li m’għandhomx infrastruttura tal-Internet (white zones) u jiġu pprovduti l-konnettività tat-telefown u l-broadband fiż-żoni rurali. |
1.9. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li l-fondi għall-implimentazzjoni tal-FSDN għandhom jiġu żgurati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, u li d-data miġbura għandha tqis il-volatilità tal-prezzijiet u l-kriżijiet differenti fil-katina tal-provvista agroalimentari. |
2. Introduzzjoni
2.1. |
Fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (1), il-Kummissjoni Ewropea ppjanat li tittrasforma n-Network ta’ Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola (FADN) f’Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN) għall-ġbir tad-data dwar is-sostenibbiltà, it-titjib tas-servizzi ta’ konsulenza u l-għoti ta’ feedback lill-bdiewa. Id-data se tinġabar fil-livell tal-azjenda agrikola, skont kriterji speċifiċi u perjodiċità fl-Istati Membri kollha. L-FADN se jkun adattat biex jiżgura proċess effiċjenti ta’ ġbir ta’ data permezz tal-FSDN. |
2.2. |
Kull Stat Membru se jfassal pjan iddedikat għas-selezzjoni ta’ azjendi prospettanti li jiżgura kampjun rappreżentattiv ta’ data. L-azjendi agrikoli se jiġu kklassifikati b’mod uniformi u l-kolletturi tad-data bħall-uffiċċji tal-kontabilità se jkunu involuti fil-proċess, ikkoordinat minn uffiċċju ta’ kollegament fil-livell tal-Istati Membri. |
2.3. |
Id-data pprovduta mill-azjendi agrikoli se tintuża biex tikkaratterizza l-azjenda prospettanti, biex jiġu vvalutati d-dħul u s-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali tal-azjenda u biex tiġi ttestjata l-veraċità tal-informazzjoni mogħtija permezz ta’ kontrolli fil-post. |
3. Funzjonalità tal-FSDN
3.1. |
Il-KESE jappoġġja l-bdil tal-FADN f’FSDN, u jqis li l-istess data m’għandhiex tinġabar għal diversi drabi peress li ċerti Stati Membri diġà qed jiġbru xi data soċjali u ambjentali, u li approċċ inkroċjat mas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) u d-data li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK) u wkoll mill-Eurostat għandhom jiġu żgurati, speċjalment għad-data soċjali u ambjentali. |
3.2. |
Il-kondiviżjoni tad-data bejn l-FSDN u diversi atturi bħall-amministrazzjonijiet, l-awtoritajiet tal-istatistika u l-korpi privati għandha ssir b’mod ikkontrollat u adattat. Il-promozzjoni tat-teknoloġiji diġitali diġà żviluppati u ffinanzjati mill-UE (FAIRshare (2), proġetti tal-Orizzont, eċċ.) tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni tal-azjendi agrikoli u l-użu tat-teknoloġiji diġitali fil-livell tal-azjendi agrikoli. |
3.3. |
Il-perjodu li jibqa’ bejn il-ġbir tad-data u l-ipproċessar tad-data m’għandux jaffettwa l-kwalità tal-FSDN u s-servizzi ta’ konsulenza mogħtija lill-bdiewa. Il-bdiewa għandhom ikunu konxji jekk id-data tagħhom tkunx qed tintuża għal skopijiet addizzjonali marbuta mal-FSDN bħar-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ, eċċ., u jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan. |
3.4. |
Il-protezzjoni tad-data, ir-regoli rispettivi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (3) (GDPR) u d-data għas-sensuri, il-fiduċja fl-użu tad-data, il-proċeduri ta’ kontrokontrolli, is-sjieda, il-privatezza u d-drittijiet tal-produzzjoni jew it-trasparenza għandhom jintegraw l-interessi tal-bdiewa, u l-bdiewa għandhom jibbenefikaw mid-data miġbura. It-tnaqqis tal-burokrazija għandu jkun prijorità kostanti. Hija meħtieġa metodoloġija ċara fil-livell tal-UE biex il-bdiewa jiġu mħeġġa f’dan ir-rigward. Għandu jiġi kkunsidrat l-involviment tal-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa. |
3.5. |
Il-KESE jqis li għandhom jitqiesu s-sostenibbiltà tal-implimentazzjoni tas-sistema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni involuti fl-implimentazzjoni tal-FSDN fl-oqsma tal-ġbir, il-ġestjoni, il-ħżin u l-ipproċessar tad-data. Il-KESE jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà (4): iċ-ċentri tad-data l-aktar effiċjenti fl-enerġija għandhom isiru n-norma u ċ-ċentri tad-data ġodda għandhom ikunu operati b’enerġiji 100 % rinnovabbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kriterji speċifiċi marbuta mas-sostenibbiltà tal-proċess u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal dawk li jiġbru d-data, li għandhom jitqiesu fl-Istati Membri kollha. |
3.6. |
L-FSDN m’għandux ikun strument għall-awtoritajiet pubbliċi biss biex jużawh fit-tfassil tal-politiki pubbliċi, u għandu jintegra wkoll il-ħtiġijiet tal-imsieħba soċjali, l-entitajiet ta’ riċerka, l-universitajiet, il-bdiewa u l-NGOs. L-FSDN jista’ jgħin biex tiżdied l-inklużjoni tal-bdiewa fis-sistema finanzjarja (kreditu, eċċ.). L-FSDN għandu jipprovdi ħarsa ġenerali perjodika lejn il-biedja fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali, u lejn it-tipi differenti ta’ biedja. |
3.7. |
Il-bdiewa kollha tal-UE għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkontribwixxu għall-FSDN fil-każi meta huma lesti li jagħmlu dan, u jeħtieġ li jitqiesu r-rappreżentattività, ir-restrizzjonijiet baġitarji u l-objettivi tal-FSDN. L-azjendi agrikoli li mhumiex parti mill-kampjun għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħtu kontribut volontarju għall-FSDN abbażi ta’ kriterji u metodoloġiji adattati u speċifiċi. Il-bdiewa m’għandhomx ikunu obbligati li jibagħtu data lill-FSDN, u m’għandha tiġi applikata l-ebda sanzjoni. Għandhom jitqiesu wkoll azjendi agrikoli ta’ sussistenza u semisussistenza. Id-data miġbura għandha tiġi diżaggregata skont it-tip ta’ prodott (organiku, eċċ.). |
3.8. |
Il-ġbir u l-ipproċessar modern u innovattiv tad-data permezz tal-intelliġenza artifiċjali, l-Internet tal-oġġetti, il-validazzjoni awtomatika, software marbut mar-rikonoxximent ottiku tal-karattri (OCR) jew l-infrastrutturi tal-ġbir mill-bogħod għandhom jitqiesu sabiex l-FSDN isir aktar effiċjenti, flimkien mad-data ġeospazjali ġġenerata permezz tal-programm Spazjali Ewropew. Għandha tinħoloq rabta ċara bejn l-FSDN, il-PAK u l-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa. |
3.9. |
L-FSDN għandu jqis il-leġiżlazzjonijiet differenti fost l-Istati Membri, b’mod partikolari dwar l-aspetti ambjentali u soċjali, u għandu jkun flessibbli biżżejjed biex jintegra indikaturi ġodda. Il-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji ta’ kollegament, l-uffiċċji tal-Istati Membri u d-DĠ Agrikoltura tal-Kummissjoni jeħtieġ li tkun effettiva biex l-FSDN jirnexxi. Għandu jingħata l-istess livell ta’ importanza lid-data ambjentali u soċjali bħalma tingħata lid-data ekonomika, lill-bdiewa żgħar u kbar u lil reġjuni differenti. It-trasparenza u r-rieda biex jingħata kontribut għall-FSDN ivarjaw fl-Istati Membri, u għandhom jitqiesu l-livell ta’ sensittività u l-valur preċiż ta’ xi elementi. |
3.10. |
Il-KESE qed jissuġġerixxi li ssir distinzjoni ċara bejn id-data li trid tinġabar kull sena u dik meħtieġa perjodikament. Karatteristiċi, sorsi, formati, dimensjonijiet u livelli differenti ta’ granularità tad-data huma sfida għall-FSDN, peress li l-istess data m’għandhiex tinġabar diversi drabi. Hemm differenzi kbar fost l-Istati Membri f’termini ta’ strutturi ta’ spejjeż għall-ġbir tad-data, għalhekk hija meħtieġa aktar flessibbiltà. |
3.11. |
Il-ġbir tad-data għandu jqis il-kriżijiet differenti u ż-żieda fil-volatilità tal-prezzijiet li qed issir varjabbli kostanti fil-ktajjen agroalimentari. Il-gwerra fl-Ukrajna qed tgħin biex taggrava din il-volatilità, u l-ispekulazzjoni fis-settur tal-ikel qed tagħmel pressjoni fuq il-ktajjen tal-provvista. Ir-riżorsi finanzjarji allokati lill-FSDN għandhom jiġu żgurati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri. |
3.12. |
Il-KESE jissuġġerixxi li jiġi żviluppat korp konsultattiv Ewropew, bl-involviment tas-soċjetà ċivili, magħżul fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti għall-monitoraġġ tal-ġbir tad-data u biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-użu tad-data u bidliet strateġiċi fir-rekwiżiti tad-data, filwaqt li jitqiesu l-isfidi tas-soċjetà u d-dinamika tad-domanda tad-data. |
3.13. |
Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li data dwar il-prattiki tal-biedja għandha tiġi integrata fl-FSDN, b’mod aktar preċiż fir-rigward tal-ġestjoni tal-art, il-protezzjoni tal-pjanti, il-fertilizzanti tal-pjanti, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali. L-aħjar prattiki tal-biedja għandhom jinġabru u jinxterdu bħala riżultat tal-FSDN speċjalment fl-oqsma ambjentali u soċjali (it-taħriġ, l-għodod mudell, il-prattiki tajba, l-iskambji bejn il-konsulenti, eċċ.). |
3.14. |
Id-data dwar it-tibdil fil-klima, il-kwalità tal-ħamrija, u s-sekwestru tal-karbonju, l-użu tal-pestiċidi, il-kwalità tal-ilma, il-kwalità tal-arja, l-enerġija u l-bijodiversità għandha tiġi ttrattata bħala data ambjentali li għandha tinġabar mill-bdiewa jew minn strumenti oħra li huma interoperabbli mal-FSDN. |
3.15. |
Id-data dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-tipi ta’ kuntratti, is-saħħa u s-sikurezza (l-eżistenza ta’ pjan tas-saħħa u s-sikurezza fil-livell tal-azjendi agrikoli, l-għadd ta’ inċidenti, inklużi l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom), il-kondizzjonalità soċjali marbuta mal-Politika Agrikola Komuni, l-għadd ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom, l-għadd ta’ ħaddiema temporanji/staġjonali, il-ħiliet u l-pagi jenħtieġ li jiġu kkunsidrati bħala data soċjali li għandha tinġabar mill-bdiewa jew minn strumenti oħra interoperabbli mal-FSDN. Għandha tingħata attenzjoni kostanti wkoll biex jiġi żgurat li d-data miġbura tintuża biex tgħin fil-monitoraġġ tal-progress biex jintlaħqu l-SDGs. |
3.16. |
Il-KESE jissuġġerixxi li tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u liż-żgħażagħ bħala punt ta’ fokus prinċipali għall-futur tal-iżvilupp rurali. L-iffaċilitar tal-aċċess għal opportunitajiet, kuntratti tax-xogħol stabbli, servizzi pubbliċi adattati u kwalità għolja tal-ħajja huma aspetti li jistgħu indirettament jiġu motivati mill-FSDN. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni speċjali għad-data tal-azjendi agrikoli li joperaw internazzjonalment peress li l-organizzazzjoni tal-azjendi agrikoli qed issir aktar kumplessa u xi wħud minnhom qed jipproduċu wkoll barra mill-UE. |
3.17. |
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-FSDN, il-KESE huwa mħasseb dwar is-setgħa li hu propost li tingħata lill-KE biex tadotta għadd sostanzjali ta’ atti delegati (pereżempju dwar il-ġestjoni tad-data, l-ID tal-azjendi agrikoli, l-użu tad-data jew l-aċċess għad-data primarja u t-trażmissjoni tagħha). Dan għandu jkun limitat kemm jista’ jkun u għandu jsir pjuttost permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. |
4. Il-kontribut tal-FSDN għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali, ekonomika u soċjali tal-azjendi agrikoli u t-trasparenza u l-ġustizzja tal-katina tal-provvista agroalimentari
4.1. |
L-FSDN jista’ jkun strument li jikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni tal-azjendi agrikoli billi jiżviluppa għodod ta’ appoġġ fit-teħid tad-deċiżjonijiet għal prestazzjoni aħjar tal-azjendi agrikoli (inkluż billi tiġi promossa l-agrikoltura ta’ preċiżjoni) permezz tal-ġbir u l-analiżi tad-data tal-azjendi agrikoli, u l-Istati Membri jeħtieġ li jkunu ggwidati f’din id-direzzjoni. Is-servizzi ta’ konsulenza li jirriżultaw mill-FSDN jistgħu jibbenefikaw minn integrazzjoni mtejba ta’ settijiet ta’ data sabiex jagħtu pariri infurmati f’dimensjonijiet differenti ta’ sostenibbiltà (ekonomiċi, ambjentali, soċjali). |
4.2. |
Id-data miġbura fil-livell tal-azjenda agrikola tintuża parzjalment biex tiżdied il-prestazzjoni potenzjali u sostenibbli tal-azjenda agrikola. Il-bdiewa għandu jkollhom kontroll fuq id-data tagħhom u għandhom jiġu assistiti u mogħtija pariri biex jużaw id-data tagħhom biex jaħdmu b’mod aktar preċiż, effiċjenti u sostenibbli sabiex irawmu prattiki ta’ biedja sostenibbli. Id-data għandha tintuża għall-iskop speċifiku li għalih tkun inġabret. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom kif imiss f’dan ir-rigward, u l-Kummissjoni għandha tagħti rakkomandazzjonijiet ċari u soluzzjonijiet ta’ software miftuħa adattati għall-ekosistema tal-azjendi agrikoli. |
4.3. |
Il-KESE jissuġġerixxi li għandu jiġi żviluppat spazju ta’ data komuni bbażat fuq tikketta ta’ fiduċja tad-data pubblika agroalimentari fl-UE għal approċċ aħjar u aktar effiċjenti għall-ktajjen tal-provvista. Għandhom jiġu stabbiliti miri konkreti f’kull Stat Membru. Is-sjieda konġunta tad-data, il-kooperattivi tad-data għall-agrikoltura u l-iżvilupp ta’ sħubijiet għall-kultivazzjoni tad-data (data farming) jeħtieġu riżorsi finanzjarji ddedikati u strateġija ddedikata. |
4.4. |
L-iżvilupp ta’ standards u metodoloġija komuni biex jiġu żgurati l-komparabbiltà u l-użu komuni tad-data huma nieqsa fis-settur agroalimentari. Għandhom jiġu implimentati passi konkreti f’dan ir-rigward bl-involviment tal-Istati Membri, peress li xi bdiewa huma obbligati jiġbru d-data sabiex ibigħu l-prodotti tagħhom lill-bejjiegħa bl-imnut. |
4.5. |
Il-KESE jissuġġerixxi li l-FSDN għandu jgħin biex jiżdied il-fehim tal-ekosistema kollha tal-azjenda agrikola u għandu jkun interoperabbli ma’ bażijiet tad-data oħra li jkopru data dwar il-katina tal-provvista jew jgħin fl-analiżi ta’ settijiet ta’ data separati, sabiex ikun jista’ jissorvelja d-distribuzzjoni tal-valur miżjud u jiżgura trattament ġust għall-atturi kollha fil-katina alimentari. L-FSDN għandu jippreżenta indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni bażiċi marbuta mal-prestazzjoni tal-azjendi agrikoli iżda wkoll marbuta mas-sitwazzjoni reġjonali u tal-prodott. |
4.6. |
L-FSDN għandu jikkontribwixxi għal ġestjoni intelliġenti, innovattiva u sostenibbli tal-azjendi agrikoli, titjib fil-ġestjoni u l-produzzjoni tal-azjendi agrikoli u konnessjoni mal-varjabbli eżoġeni tal-produzzjoni tal-biedja (it-temp, eċċ.). Il-bdiewa u l-kooperattivi għandhom ikunu aktar involuti fil-proġetti ta’ riċerka, u l-fondi tal-UE jistgħu jiġu allokati speċifikament għad-diġitalizzazzjoni tas-settur agroalimentari. Minħabba n-natura speċifika tas-settur, għandha titnieda sejħa speċifika għall-proposti bl-involviment tal-Istati Membri. |
5. Il-kontribut tal-FSDN għad-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-agrikoltura u l-ikel agroalimentari
5.1. |
L-internalizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-IT hija proċess bil-mod peress li l-agrikoltura għadha waħda mill-inqas setturi diġitalizzati u hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-azjendi agrikoli f’dan ir-rigward. L-inklużività diġitali hija problema kbira u għandha tingħata l-importanza sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi. Settur agroalimentari aktar diġitalizzat se jikkontribwixxi għal aktar trasparenza fil-katina tal-provvista u jimminimizza r-riskju tal-ispekulazzjoni fis-settur tal-ikel. Il-KESE jipproponi li programm integrat iddedikat għad-diġitalizzazzjoni tas-settur agroalimentari għandu jiġi stabbilit permezz ta’ ħidma f’sħubija mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili. L-iffaċilitar tal-aċċess għat-teknoloġiji tal-hardware u tas-software għall-Istati Membri, u speċjalment għall-bdiewa ż-żgħar, għandu jkun kopert minn programmi ddedikati, peress li t-tranżizzjoni diġitali hija prijorità. It-tiġdid tal-liċenzji tas-software użati għall-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data għandu jiġi kopert perjodikament. Il-fondi tal-UE jistgħu jintużaw f’dan ir-rigward, filwaqt li l-involviment tal-Istati Membri huwa fattur importanti. |
5.2. |
Magni jew sensuri awtonomi u intelliġenti huma ġeneraturi tad-data li jistgħu jgħinu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-azjenda agrikola u jistgħu jikkonsolidaw il-ġestjoni tad-data fil-livell tal-katina tal-provvista. L-interkonnettività u l-interoperabbiltà bejn l-atturi tal-katina tal-provvista flimkien mad-data ġeospazjali għandhom jgħinu biex tiġi żgurata konnessjoni mas-suq għall-bdiewa żgħar u l-konsolidazzjoni tal-ktajjen tal-provvista. |
5.3. |
Il-konsolidazzjoni tal-kapaċità għall-ġbir, il-kondiviżjoni, il-ġestjoni u l-użu tad-data fil-livell tal-azjendi agrikoli, speċjalment għall-azjendi agrikoli żgħar, hija importanti għal integrazzjoni aħjar tal-bdiewa fil-ktajjen tal-provvista u biex tiżdied l-effiċjenza tal-azjendi agrikoli. Dawn l-ispejjeż għandhom ikunu koperti mill-PAK, u miżuri speċjali għandhom jiġu inkorporati fil-pjani strateġiċi mill-Istati Membri. L-għarfien fqir tal-bdiewa ż-żgħar dwar il-proċessi diġitali għandu jiġi ġestit bir-reqqa u għandu jkun hemm fokus ċar u kostanti biex jiżdied l-għarfien diġitali dwar il-PAK u politiki rilevanti oħra. |
5.4. |
Il-ġbir tad-data soċjali u ambjentali m’għandux ikun proċess iżolat jew attività addizzjonali, iżda pjuttost attività kontinwa fil-livell tal-azjendi agrikoli, irrispettivament mid-daqs jew it-tip, u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw din l-attività kontinwa. |
5.5. |
Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-domanda għad-data u għad-diġitalizzazzjoni fis-settur agroalimentari jistgħu jiġġeneraw diskriminazzjoni fil-prezzijiet u spekulazzjoni fis-swieq tal-komoditajiet. Il-konċentrazzjoni tas-suq tad-data f’numru żgħir ta’ kumpaniji trid tiġi ġestita b’mod li s-sovranità tad-data tkun żgurata. Barra minn hekk, il-kondiviżjoni tad-data bejn l-atturi tal-katina tal-provvista għandha ssir b’mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju, u tippermetti lill-FSDN jgħin biex ikun hemm katina tal-provvista aktar ġusta u jitnaqqsu l-emissjonijiet indiretti. |
5.6. |
Għandu jkun hemm fokus kostanti fuq il-ħolqien ta’ qafas għad-demokrazija tad-data u setgħa ta’ negozjar ibbilanċjat fir-rigward tal-benefiċċji tad-data fis-setturi agroalimentari. Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ ID għall-azjendi agrikoli u jissuġġerixxi li hemm bżonn ta’ aktar ċarezza rigward il-privatezza tad-data, is-sjieda, ir-responsabbiltà u l-portabbiltà fl-agrikoltura. Għandha tiġi kkunsidrata l-kondiviżjoni ekwa tal-benefiċċji tad-data fuq il-bażi ta’ reċiproċità bejn il-kontributuri tad-data u l-aggregaturi tad-data, flimkien mal-iskopribbiltà faċli tad-data tal-FSDN. |
5.7. |
Huma meħtieġa kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jenfasizzaw l-importanza tad-data għall-prestazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tal-azjendi agrikoli, speċjalment għall-bdiewa ż-żgħar biex tiġi kkonsolidata l-fiduċja u biex jiżdied il-fehim tal-kontribut tad-data għar-rilevanza u l-effiċjenza tal-politiki pubbliċi futuri. L-atturi fil-ktajjen tal-provvista agroalimentari għandu jkollhom aċċess għal pjattaformi tad-data miftuħa sabiex jiżguraw il-komparabbiltà u t-trasparenza fi ħdan il-ktajjen tal-provvista tal-prodotti. L-FSDN jista’ jimmotiva lill-bdiewa biex jużaw pjattaformi diġitali biex jintegraw fil-ktajjen tal-provvista aktar faċilment u biex jittrasferixxu l-aħjar prattiki. |
5.8. |
Il-litteriżmu diġitali għandu jitwassal b’mod kostanti, speċjalment lill-azjendi agrikoli żgħar u lill-bdiewa akbar fl-età, flimkien ma’ taħriġ għal dawk li jiġbru d-data. It-taħriġ, il-prattiki u l-kampanji taċ-ċibersigurtà għandhom ikunu kontinwi. Minkejja l-progress innutat fis-settur tad-diġitalizzazzjoni u tad-data, huma meħtieġa aktar sistemi faċli għall-utent. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-kopertura tal-broadband u d-diġitalizzazzjoni bħala prekundizzjoni għall-biedja ta’ preċiżjoni u r-robotika, u li jiġi appoġġjat l-investiment f’tekniki sostenibbli. Għandha titqies rabta ċara bejn l-FSDN u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, iżda wkoll mal-Fond għall-Broadband Nikkollegaw l-Ewropa. |
Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 268).
(2) https://www.h2020fairshare.eu/
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(4) Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “Id-Diġitalizzazzjoni u s-Sostenibbiltà — status quo u l-ħtieġa għal azzjoni mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili” (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 187).