Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE3219

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Interventi fis-Suq tal-Enerġija fi żmien qasir u Titjib fuq medda itwal ta’ żmien fid-Disinn tas-Suq tal-Elettriku — pjan ta’ azzjoni” (COM(2022) 236 final)

    EESC 2022/03219

    ĠU C 75, 28.2.2023, p. 185–189 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 75/185


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Interventi fis-Suq tal-Enerġija fi żmien qasir u Titjib fuq medda itwal ta’ żmien fid-Disinn tas-Suq tal-Elettriku — pjan ta’ azzjoni”

    (COM(2022) 236 final)

    (2023/C 75/27)

    Relatur:

    Alena MASTANTUONO

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 28.6.2022

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    4.10.2022

    Adozzjoni fil-plenarja

    26.10.2022

    Sessjoni plenarja Nru

    573

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    179/3/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa mħasseb ħafna dwar l-iżviluppi fis-swieq tal-enerġija u għalhekk jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni qed tikkunsidra interventi fis-suq tal-enerġija għal żmien qasir u titjib fit-tul fid-disinn tas-suq tal-elettriku. Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-konklużjoni tal-Kummissjoni li “hemm oqsma fejn huma meħtieġa aġġustamenti għad-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE biex jitqies ix-xenarju futur tal-enerġija u t-taħlita tal-ġenerazzjoni, teknoloġiji emerġenti ġodda, żviluppi ġeopolitiċi, kif ukoll it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi attwali. Tali aġġustamenti għandhom jikkontribwixxu għall-ottimizzazzjoni tal-funzjonament tad-disinn tas-suq tal-elettriku u għandhom jagħmluh aktar adattat biex jixpruna dekarbonizzazzjoni kosteffettiva tas-settur tal-elettriku, biex iwassal prezzijiet affordabbli għall-konsumaturi u biex iżid il-kapaċità tiegħu li jiflaħ għall-volatilità tal-prezzijiet”.

    1.2.

    Peress li s-swieq tal-enerġija li jiffunzjonaw tajjeb jaqdu rwol kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi bażiċi kollha ta’ sistema tal-enerġija sostenibbli, jiġifieri s-sigurtà tal-provvista, spejjeż u prezzijiet raġonevoli, u n-newtralità klimatika, il-KESE jemmen ukoll li huwa importanti li jiġu ffaċilitati u jinżammu l-kundizzjonijiet it-tajba għall-futur. Kwalunkwe miżura futura m’għandhiex tikkomprometti dawn il-prerekwiżiti u għandha tippermetti li jsiru sforzi klimatiċi fuq perjodu medju ta’ żmien u fit-tul.

    1.3.

    Madankollu, fl-istess ħin, il-KESE jinnota li l-kriżi attwali tal-prezzijiet tal-enerġija qed ikollha impatt negattiv fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji Ewropej. Il-prezzijiet estremi tal-enerġija qed iżidu l-inflazzjoni u jikkontribwixxu għall-inċertezza ekonomika. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li tieħu miżuri fuq perjodu qasir ta’ żmien biex tiżgura prezzijiet affordabbli u tnaqqas l-ispejjeż għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej, inkluż appoġġ finanzjarju dirett għall-konsumaturi vulnerabbli, kif ukoll għal dawk l-SMEs u l-industriji li jużaw ħafna enerġija li jbatu l-aktar. Madankollu, il-KESE jqis li l-interventi temporanji għandhom jiġu segwiti minn aġġustament tad-disinn tas-suq fl-oqsma fejn huma meħtieġa aġġustamenti għad-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE, kif tgħid il-Kummissjoni.

    Minflok ma jiddependu minn kumpens kontinwu, il-KESE jappella lil dawk li jfasslu l-politika biex iħeġġu, jappoġġjaw u jippermettu lin-nies biex isiru prosumaturi tal-enerġija u jibnu komunitajiet tal-enerġija lokali, u b’hekk jgħinuhom ikunu aktar indipendenti mill-prezzijiet tas-suq komuni. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jgħinu lill-konsumaturi vulnerabbli permezz ta’ programmi speċifiċi biex dawn isiru prosumaturi.

    1.4.

    Fil-fehma tal-KESE, il-problema primarja hija l-prezz għoli tal-gass naturali u kwalunkwe miżura kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali għandha għalhekk timmira li telimina din il-kawża ewlenija taż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku, tiffaċilita ż-żieda fil-produzzjoni u tuża l-enerġija mhux fossili sal-punt li jissodisfa d-domanda għall-enerġija. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ l-azzjoni min-naħa tad-domanda proposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta’ Settembru 2022, u jappella għal sforz konġunt mill-unitajiet domestiċi, mis-settur pubbliku u min-negozji. It-tnaqqis tad-domanda huwa l-eħfef mod biex il-persuni jkunu jistgħu ilaħħqu mal-kontijiet tal-enerġija u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Il-KESE jappella wkoll għal investiment akbar fi tranżizzjoni aktar rapida lejn sistema tal-enerġija mhux fossili u newtrali għall-klima.

    1.5.

    Il-KESE jirrimarka li kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu għandha tkun preċeduta minn dibattitu rigoruż u analiżi tal-impatt. Il-KESE jixtieq jagħmel parti minn dan id-dibattitu. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jevitaw proposti fuq terminu qasir li jipperikolaw l-objettivi bażiċi ta’ sistema tal-enerġija sostenibbli.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Interventi fis-Suq tal-Enerġija fi żmien qasir u Titjib fuq medda itwal ta’ żmien fid-Disinn tas-Suq tal-Elettriku tibni fuq diversi dokumenti reċenti li jindirizzaw iż-żieda rapida fil-prezzijiet tal-enerġija u t-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija mqajma mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Hija wkoll intrinsikament relatata mal-inizjattivi rigward it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn in-newtralità klimatika. Il-KESE jenfasizza li l-Komunikazzjoni jeħtieġ li tiġi kkunsidrata f’dan il-kuntest ġenerali u jirreferi għall-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar dawn is-suġġetti (1).

    2.2.

    Swieq tal-enerġija li jiffunzjonaw tajjeb għandhom rwol kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi bażiċi kollha ta’ sistema tal-enerġija sostenibbli, jiġifieri s-sigurtà tal-provvista, spejjeż u prezzijiet affordabbli u n-newtralità klimatika. Meta jitqies li dawn l-objettivi kollha huma attwalment fil-periklu, l-UE għandha tiffoka fuq miżuri li jġibu l-akbar benefiċċju b’rabta mal-objettivi kollha u jqisu l-ħtiġijiet tal-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa importanti li “mmorru lura għall-prinċipji bażiċi” u niffokaw biex noħolqu kundizzjonijiet effiċjenti għal swieq tal-enerġija li jkunu integrati aħjar.

    2.3.

    Is-swieq tal-enerġija huma dejjem aktar interkonnessi permezz tal-integrazzjoni settorjali, li tgħin fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija b’mod kosteffiċjenti u tindirizza ż-żieda fil-volatilità tas-sistema tal-enerġija. Id-disinn attwali tas-suq jimmotiva lill-atturi kollha biex jiksbu d-dekarbonizzazzjoni, li hija meħtieġa biex tpoġġi lill-Ewropa fit-triq lejn in-newtralità klimatika. Min-naħa l-oħra, id-disinn tas-suq attwali li jistabbilixxi l-prezzijiet tal-elettriku fuq il-bażi tal-ordni tal-mertu jbati ferm illum il-ġurnata minħabba l-prezzijiet tal-gass għoljin ħafna.

    2.4.

    Is-suq intern huwa kruċjali għall-UE biex tiżgura l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, u dan japplika wkoll għall-enerġija. Fl-istess ħin, is-swieq internazzjonali għandhom ukoll impatt sinifikanti fuq is-sistema tal-enerġija tal-UE, speċjalment permezz tas-swieq tal-fjuwil. L-iżviluppi ġeopolitiċi enfasizzaw il-ħtieġa li l-UE tħabrek favur awtonomija strateġika mtejba fl-enerġija u l-materja prima relatata mal-enerġija. L-ilħuq tal-objettiv li titnaqqas id-dipendenza tal-UE minn pajjiżi terzi mhux affidabbli jeħtieġ kooperazzjoni aktar mill-qrib u jenfasizza l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Għalkemm huwa importanti li l-UE tuża bis-sħiħ ir-riżorsi proprji disponibbli u l-kapaċità eżistenti, mhuwiex realistiku jew utli li hija taġixxi b’mod iżolat mis-swieq internazzjonali; minflok, għandha tfittex kooperazzjoni siewja ma’ msieħba affidabbli.

    2.5.

    Swieq li jiffunzjonaw tajjeb jistgħu jinkisbu biss jekk il-prinċipji fundamentali jkunu kif suppost: il-KESE jenfasizza li infrastruttura tal-enerġija adegwata hija bażi meħtieġa għal kwalunkwe sistema tal-enerġija u tikkontribwixxi għall-funzjonament ġenerali tas-swieq tal-enerġija, inklużi d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-enerġija. It-tneħħija tal-ostakli għall-fluss tal-enerġija hija għalhekk miżura ewlenija għal swieq li jiffunzjonaw aħjar. Element fundamentali ieħor għall-funzjonament tas-suq huwa regoli tas-suq adegwati, bl-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni, fost oħrajn, biex b’hekk tiżdied it-trasparenza u jinħolqu u jissaħħu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

    2.6.

    L-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija huwa inevitabbli jekk is-sistemi u s-suq tal-enerġija jridu jiżviluppaw u jirrispondu b’mod effiċjenti għax-xejriet attwali, inklużi l-elettrifikazzjoni, il-lokalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u ż-żieda fil-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Sabiex jiġu ffaċilitati dawn l-investimenti, dawk li jfasslu l-politika u l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li jaċċeleraw l-għoti tal-permessi u l-proċeduri amministrattivi, filwaqt li jiżguraw konsultazzjoni adegwata mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Minbarra l-konnessjonijiet ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni, l-infrastruttura moderna u valida għall-futur trid tinkludi wkoll il-kapaċità tal-ħżin tal-elettriku, kif ukoll is-sistemi diġitali meħtieġa biex is-sistemi tal-enerġija jsiru “intelliġenti”. Fl-istess ħin, għandhom jiġu evitati intrappolamenti (lock-ins) li jirriżultaw f’assi mhux rekuperabbli.

    2.7.

    Il-KESE jemmen li jagħmel sens li ssir distinzjoni bejn miżuri fuq perjodu qasir u twil ta’ żmien meta jinstabu soluzzjonijiet u titjib għas-sitwazzjoni attwali. Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li ħafna miżuri, speċjalment investimenti kbar, jieħdu aktar żmien biex isiru realtà. Fil-każ ta’ ċerti miżuri, jinħtieġ aktar żmien biex ikun jista’ jsir l-ippjanar adegwat tagħhom u biex jiġu żgurati l-fattibbiltà u l-kompatibbiltà tagħhom mal-objettivi bażiċi tal-enerġija u biex jiġu evitati miżuri fuq perjodu qasir ta’ żmien li jistgħu jirriżultaw kontroproduttivi fit-tul.

    2.8.

    Il-ħtieġa għal riflessjoni fit-tul hija meħtieġa wkoll biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u t-tħejjija għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali u interruzzjonijiet fis-swieq. Dan jenfasizza r-rwol tal-attivitajiet ta’ prospettiva fl-identifikazzjoni tar-riskji u t-twittija tat-triq għat-titjib tar-reżiljenza u l-indirizzar tar-riskji, inkluż permezz ta’ pjani ta’ kontinġenza.

    2.9.

    Barra minn hekk, il-KESE jemmen li xi forma ta’ mekkaniżmi ta’ kapaċità għandhom il-potenzjal li jgħinu biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ konsum massimu, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tas-suq, f’konformità mal-prinċipji tat-tfassil tar-Regolament dwar is-suq intern tal-elettriku.

    2.10.

    Filwaqt li l-KESE jappella lil dawk li jfasslu l-politika biex jaderixxu b’mod kostanti u konsistenti mal-objettivi bażiċi kollha ta’ sistema tal-enerġija sostenibbli, huwa jitlob ukoll li ssir enfasi fuq il-kawżi ewlenin tal-problemi. Mingħajr dan it-tip ta’ approċċ, hemm riskju kbir li jiġu indirizzati sintomi akuti b’miżuri li huma jew ineffiċjenti jew, agħar minn hekk, ikunu miżuri li jaħdmu kontra l-objettivi bażiċi. F’dan il-każ, dawk li jfasslu l-politika għandhom jiddikjaraw biċ-ċar l-iskeda ta’ żmien għal dan it-tip ta’ xenarju ta’ emerġenza.

    2.11.

    Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe miżura, kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE, għandha tkun ibbażata fuq xjenza soda, evidenza konkreta u valutazzjonijiet tal-impatt bir-reqqa. Fir-rigward tal-politiki u l-miżuri, għandha titwettaq konsultazzjoni profonda mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluża s-soċjetà ċivili.

    2.12.

    Kollox ma’ kollox, l-iżvilupp tas-swieq tal-enerġija ta’ wara l-kriżi għandu jiddependi dejjem aktar mill-innovazzjoni u l-kompetizzjoni, aktar milli fuq is-sussidji u l-ostakli għall-kummerċ. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li, fil-każ tas-suq tal-enerġija tal-UE, l-intervent fi kwalunkwe Stat Membru jista’ jkollu konsegwenzi għall-bqija tas-suq. Għalhekk, il-miżuri fl-Istati Membri jridu jkunu mmirati b’mod adegwat u temporanji, bl-inqas effetti possibbli ta’ distorsjoni għas-suq tal-UE.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1.

    Kwalunkwe intervent possibbli fis-swieq tal-enerġija għandu jiġi vvalutat skont l-objettivi bażiċi biex jiġi żgurat li dawn ma jdgħajfux l-integrità tas-suq uniku u l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni jew jikkawżaw inċertezzi li jdgħajfu l-ambjent tal-investiment. Barra minn hekk, ma għandhomx jipperikolaw l-isforzi tad-dekarbonizzazzjoni u tal-effiċjenza enerġetika.

    3.2.

    Dan huwa rekwiżit diffiċli, peress li kwalunkwe intervent fis-suq tal-enerġija jista’ jkollu konsegwenzi negattivi. F’ħafna każijiet, dawn jistgħu jkunu distorsjonijiet tas-suq, spejjeż fiskali, tfixkil fil-provvista, jew impatt negattiv fuq l-investimenti jew fuq l-imġiba tal-konsumatur. Għalhekk, il-KESE jenfasizza li kwalunkwe intervent għandu jkun ibbażat fuq analiżi bir-reqqa tal-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ tali intervent.

    3.3.

    Il-KESE jemmen li l-appoġġ finanzjarju dirett biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija għal dawk fil-bżonn huwa bla dubju l-aktar għażla realistika bħala miżura ta’ emerġenza f’sitwazzjoni ta’ kriżi. Miżuri ta’ appoġġ possibbli li għandhom l-għan li jimmitigaw il-kriżi għandhom ikunu temporanji u mmirati tajjeb lejn dawk li jsofru l-aktar, irrispettivament jekk humiex ċittadini, SMEs jew industriji intensivi fl-enerġija.

    3.4.

    Minflok ma jiddependu minn kumpens kontinwu, il-KESE jappella lil dawk li jfasslu l-politika biex iħeġġu u jappoġġjaw lin-nies biex isiru prosumaturi tal-enerġija u jibnu komunitajiet tal-enerġija lokali, u b’hekk jgħinuhom ikunu aktar indipendenti mill-prezzijiet tas-suq komuni. Iż-żieda fl-isforzi għandha tkun iffukata wkoll fuq il-gwida u l-appoġġ taċ-ċittadini u n-negozji ż-żgħar fl-attivitajiet tagħhom ta’ ffrankar tal-enerġija u effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll fir-rispons għal produzzjoni varjabbli permezz ta’ domanda flessibbli. Kif analizza b’mod estensiv il-KESE, il-konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli u li jbatu l-aktar minn prezzijiet għoljin tal-enerġija, għandhom l-inqas ċans u, f’ħafna każijiet, l-ebda possibbiltà, li jsiru prosumaturi. Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Membri, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, jeħtiġilhom jieħdu inizjattivi biex jgħinu lil dawn il-konsumaturi jegħlbu l-ostakli varji li jiffaċċjaw (eż. kampanji ta’ informazzjoni u ta’ attivazzjoni, riżorsi finanzjarji, aċċess għall-kapital, aċċess għall-art u soqfa għall-installazzjoni ta’ installazzjonijiet tal-enerġija solari u eolika, eċċ.).

    3.5.

    Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu (2), il-KESE qabel mal-konklużjonijiet tar-rapport reċenti tal-ACER (3) fis-sens li, matul il-kriżijiet, is-suq tal-elettriku wera li kien qed jaħdem tajjeb, u rnexxielu jevita tnaqqis jew saħansitra blackout elettriku f’ċerti żoni. Il-valutazzjoni tal-ACER tindika wkoll li l-volatilità tal-prezzijiet kienet tkun ħafna agħar f’pajjiż partikolari kieku ddeċieda li jaġixxi b’mod iżolat. Madankollu, il-Kumitat huwa konxju sew li l-prezzijiet tal-gass qed jgħollu l-prezzijiet tal-enerġija, minħabba d-disinn attwali tas-suq, fejn l-ordni tal-mertu tiddetermina l-prezz. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-valuri komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif stabbilit fil-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) (4).

    3.6.

    Fuq livell aktar ġenerali, għandu jiġi rikonoxxut ukoll li nkiseb ħafna fl-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-UE f’dawn l-aħħar deċennji. Dan ġab miegħu benefiċċji notevoli f’termini tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-enerġija, li ħafna drabi jitqiesu bħala fatt. Mingħajr il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni tas-swieq, l-ispejjeż biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-ekoloġizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija jkunu ferm ogħla.

    3.7.

    Dan l-iżvilupp pożittiv tal-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija għandu jitkompla. L-interess u l-benefiċċji tal-konnessjoni tas-swieq tal-elettriku bejn il-fruntieri nazzjonali qed isiru dejjem aktar prominenti b’aktar dipendenza mill-enerġija rinnovabbli. Iż-żieda fil-konnessjonijiet bejn pajjiż u ieħor u bejn il-fruntieri tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista iżda wkoll tallinja l-prezzijiet. Fuq medda qasira ta’ żmien, din tista’ tkun żvantaġġ għal dawk li jgawdu prezzijiet aktar baxxi fi ħdan il-firxa ta’ prezzijiet differenti, iżda fuq medda itwal ta’ żmien, tgħin biex jitnaqqsu u jiġu stabbilizzati l-prezzijiet.

    3.8.

    Skont il-valutazzjoni tal-ACER, ta’ min iżomm id-disinn attwali tas-suq. Madankollu, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li hemm oqsma fejn huma meħtieġa aġġustamenti għad-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE bi spiża aktar baxxa u biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, speċjalment minħabba ż-żieda fil-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-iżgurar tal-istabbiltà u l-affordabbiltà tal-prezzijiet.

    3.9.

    Il-KESE jissuġġerixxi li għandu jiġi eżaminat, pereżempju, jekk id-disinn tas-suq eżistenti, inkluż il-qafas regolatorju tiegħu, joffrix biżżejjed inċentivi biex isir investiment f’għażliet ta’ flessibbiltà (bħall-ħżin, it-trasferiment tat-tagħbija u l-idroġenu ekoloġiku). Mingħajr ma jinbidel il-proċess tal-offerti, li jkun jinvolvi riskji konsiderevoli, hemm ħafna opportunitajiet li jistgħu jinċentivaw teknoloġiji favorevoli għas-sistemi, inkluża skema ta’ tariffi tal-grilja li tippremja l-ġenerazzjoni u l-konsum tal-elettriku b’mod li jkun adatt għat-tagħbija.

    3.10.

    Barra minn hekk, il-KESE jemmen ukoll li jeħtieġ li tinbeda mingħajr dewmien id-diskussjoni politika dwar kif jiġi żgurat, f’disinn futur tas-suq, l-investiment u r-rifinanzjament tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fil-futur imbiegħed, meta l-kopertura tad-domanda kollha għall-elettriku mill-enerġiji rinnovabbli tkun in-norma u l-prezz tas-suq jista’ regolarment ikun żero jew saħansitra negattiv.

    3.11.

    Fid-dibattitu dwar il-prezzijiet għoljin tal-elettriku, ġie espress b’mod ċar li jeħtieġ li l-ipprezzar marġinali attwali jiġi sostitwit b’tip differenti ta’ sistema, peress li l-gass spiss ikun fil-pożizzjoni marġinali, u b’hekk jiġi ddeterminat il-prezz tal-elettriku kollu kemm hu. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jirreferi għall-istqarrija tat-8 ta’ Settembru 2022 tal-President tal-KESE u l-President tas-Sezzjoni TEN tal-KESE li: “[i]l-KESE jappella għal azzjoni Ewropea konġunta sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet tal-elettriku u sabiex issir riforma urġenti tas-suq tal-enerġija, filwaqt li jappella wkoll għat-tlestija aktar rapida tas-suq uniku u t-titjib tal-infrastruttura”.

    3.12.

    Iż-żidiet fil-prezzijiet bażikament ġew iġġenerati minn fatturi esterni mhux mistennija, bħall-gwerra u, flimkien mal-ordni tal-mertu, żiedu l-prezzijiet tal-elettriku tas-suq għal livelli rekord. Meta wieħed iqis li l-kawża ewlenija tal-prezzijiet għoljin attwali tal-enerġija hija l-gass, is-soluzzjoni ideali għall-problema tkun li jiġi minimizzat l-użu tal-gass u li jiżdiedu l-produzzjoni u l-użu ta’ enerġija mhux fossili sal-punt li tiġi ssodisfata d-domanda għall-enerġija.

    3.13.

    L-enerġija fossili taffettwa wkoll il-prezzijiet tal-elettriku permezz ta’ kwoti tal-emissjonijiet, li l-prezz tagħhom żdied b’mod sinifikanti, għalkemm għad għandu impatt limitat meta mqabbel mal-prezzijiet tal-gass. Barra minn hekk, perċentwal għoli tal-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi għadu jikkonsisti f’diversi taxxi.

    3.14.

    Għandha ssir distinzjoni bejn xokkijiet fil-prezzijiet ikkawżati minn sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħall-gwerra u fluttwazzjonijiet aktar regolari tal-prezzijiet. Il-fluttwazzjonijiet jiddependu minn ħafna fatturi relatati mal-provvista u d-domanda tal-enerġija. Minħabba ż-żieda massiva fil-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli intermittenti, il-volatilità tal-prezzijiet fis-sistema tal-elettriku x’aktarx li se tiżdied. Is-suq għandu għalhekk jibgħat sinjali adegwati tal-prezzijiet biex jissodisfa l-ħtieġa għall-flessibbiltà.

    3.15.

    Il-KESE jenfasizza li l-limiti massimi tal-prezzijiet jew interventi oħra fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa spiss ikunu meħtieġa fis-suq tal-enerġija li bħalissa jinsab taħt pressjoni eċċessiva, iżda jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista, l-ambjent tal-investiment u l-iffrankar tal-enerġija. F’tali xenarju, il-KESE huwa konxju li s-sinjali tal-prezzijiet ibbażati fuq is-suq huma meħtieġa biex jinkoraġġixxu l-investiment fil-produzzjoni tal-enerġija, u l-prezz huwa wkoll inċentiv għall-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Madankollu, jinħtieġ kumpens temporanju mmirat tajjeb għal dawk li jbatu l-aktar mill-prezzijiet tal-enerġija, kemm jekk ikunu unitajiet domestiċi kif ukoll kumpaniji, biex jittaffa l-effett taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija.

    3.16.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta li tiġi eżaminata r-reviżjoni tal-qafas REMIT, sabiex jittaffew ir-riskji tal-abbuż tas-suq permezz ta’ trasparenza mtejba tas-suq u titjib fil-kwalità tad-data tas-suq. Sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq in-negozji, l-unitajiet domestiċi u s-soċjetà, il-KESE jitlob ukoll li jiġu eżaminati miżuri biex jiġu indirizzati l-effetti distorsivi fuq l-iffissar tal-prezzijiet tal-gass permezz ta’ abbuż u spekulazzjoni possibbli tas-suq.

    3.17.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Pjani Nazzjonali għall-Klima u l-Enerġija jridu jiġu riveduti fil-kundizzjonijiet mibdula sabiex jipprovdu rispons koordinat li jkopri l-ħtiġijiet tal-elettriku fit-tul.

    Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2022.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  ĠU C 275, 18.7.2022, p. 80; ĠU C 323, 26.8.2022, p. 123; ĠU C 443, 22.11.2022, p. 140.

    (2)  ĠU C 443, 22.11.2022, p. 140.

    (3)  Il-valutazzjoni finali tal-ACER tad-disinn tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE.

    (4)  ĠU C 275, 18.7.2022, p. 80.


    Top