Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE2765

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-bini, li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 305/2011” (COM(2022) 144 final)

    EESC 2022/02765

    ĠU C 75, 28.2.2023, p. 159–163 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 75/159


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-bini, li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 305/2011”

    (COM(2022) 144 final)

    (2023/C 75/23)

    Relatur:

    Manuel GARCÍA SALGADO

    Korelatur:

    Domenico CAMPOGRANDE

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 18.5.2022

     

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 30.5.2022

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    13.9.2022

    Adozzjoni fil-plenarja

    27.10.2022

    Sessjoni plenarja Nru

    573

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    139/0/0

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jemmen li l-KE ma toffrix soluzzjonijiet fuq żmien qasir biex issolvi d-dewmien attwali fil-pubblikazzjoni tal-istandards il-ġodda f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-objettiv tagħha huwa li temenda r-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini (1) li, anke jekk jintlaħaq, se jagħti riżultati biss fi żmien 10 snin.

    1.2.

    Il-KESE jinnota bi tħassib li l-perjodu ta’ tranżizzjoni propost bejn ir-Regolament attwali u r-Regolament rivedut huwa ta’ 20 sena, li jista’ jikkawża problemi prattiċi, peress li l-introduzzjoni progressiva tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati fuq perjodu ta’ 20 sena hija twila wisq. Bħalissa, is-sistema ta’ standardizzazzjoni ma tistax tiġi implimentata, peress li ma għandhiex il-mezzi biex tirreaġixxi għall-kwistjonijiet identifikati mill-KE u l-prijoritajiet politiċi li ġew stabbiliti.

    1.3.

    Il-KESE jinnota bi tħassib li, għalkemm il-KE ppreżentat lill-Istati Membri diversi għażliet politiċi, hija tmur lura għall-approċċ qadim fejn fih l-istandards tekniċi jinkitbu minn regolaturi fuq livell Ewropew, u dan huwa partikolarment inkwetanti, peress li tali proċess ċentralizzat jirrestrinġi l-ħila ta’ membri iżgħar tal-industrija li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u jaraw li l-fehmiet tagħhom jiġu inklużi.

    1.4.

    Il-KESE, bi qbil mas-settur tal-bini, jappoġġja l-iżvilupp ta’ opzjoni alternattiva għal dik ippreżentata mill-KE, u li żżomm l-istandardizzazzjoni fil-qalba tagħha. Se jkun meħtieġ li jitkomplew id-diskussjonijiet u jiġu mistiedna l-partijiet interessati kollha (l-Istati Membri, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), il-KE, eċċ.) sabiex jaħdmu flimkien biex jipproponu soluzzjoni vijabbli fejn l-istandards armonizzati jkollhom rwol fundamentali fis-sistema. L-objettiv huwa li jiġu involuti l-partijiet interessati kollha fi djalogu bil-għan li tinstab sistema adegwata li tippermetti l-moviment liberu ta’ prodotti għall-bini. F’dan il-proċess, id-djalogu soċjali mal-impjegaturi u mal-ħaddiema, u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tas-soċjetà fl-istandardizzazzjoni huwa għodda ewlenija.

    1.5.

    Filwaqt li l-KESE jirrikonoxxi li l-istandardizzazzjoni spiss titqies bħala proċess immexxi mill-industrija u minn isfel għal fuq, huwa ta’ importanza kbira li jiġi żgurat li l-partijiet interessati kollha jaħdmu flimkien b’mod kooperattiv u flessibbli biex ikollhom standards aġġornati li huma kruċjali biex jippermettu s-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni filwaqt li jiffaċilitaw l-innovazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan il-proċess għandu jkun appoġġjat ukoll mid-djalogu soċjali u jiżgura l-parteċipazzjoni tal-impjegaturi, tal-ħaddiema, u tal-partijiet interessati tas-soċjetà fl-istandardizzazzjoni.

    1.6.

    Għall-KESE, qafas regolatorju Ewropew għal prodotti għall-bini li jaħdem tajjeb u li huwa integrat fis-sistema ta’ standardizzazzjoni, mhux biss se jissodisfa l-ħtiġijiet tal-industrija iżda se jservi wkoll lis-soċjetà inġenerali, u dan jiġġustifika l-importanza tal-involviment tal-imsieħba soċjali. Dan se jippermetti lill-UE tikseb is-suq intern diġitali, l-irkupru ekonomiku wara l-COVID-19, il-pjanijiet strateġiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari.

    1.7.

    Il-KESE jinnota li l-Proposta għal Regolament ġdid dwar il-Prodotti għall-Bini tirreferi għall-użu mandatorju ta’ metodi ta’ evalwazzjoni, klassifikazzjoni u kriterji Ewropej mill-atturi kollha fis-settur tal-bini. Dan jaffettwa aktar minn tliet miljun kumpanija fl-UE, li l-biċċa l-kbira minnhom huma SMEs. Ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati u proporzjonati u ma għandhomx jinvolvu piżijiet burokratiċi u amministrattivi bla bżonn, speċjalment jekk il-valur miżjud tagħhom ikun limitat. Il-KESE jikkunsidra li din il-problema ġiet sottovalutata fil-Proposta għal Regolament ġdid dwar il-Prodotti għall-Bini.

    1.8.

    Il-KESE jemmen li jinħass il-bżonn għal dikjarazzjoni tal-prestazzjoni kompluta, kif ukoll adattament tal-Artikolu 6 u l-Anness III fir-rigward tar-rekwiżiti elenkati fl-Anness I, peress li l-prodotti għall-bini bil-markatura CE ma jagħtux garanzija ta’ konformità mar-rekwiżiti bażiċi għal xogħlijiet ta’ bini. Dan jipprevjeni suq intern uniku Ewropew għal prodotti għall-bini, peress li skont l-Artikolu 8, l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati jipprevjenu l-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ dawn il-prodotti għall-bini, u b’hekk jista’ jipperikola s-sigurtà tas-siti tal-bini.

    1.9.

    Il-KESE jenfasizza li l-proċeduri assoċjati mar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini jeħtieġ li jittejbu jew jiġi żviluppati aktar, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandardizzazzjoni u d-definizzjoni tal-interfaċċi mal-istandards ta’ implimentazzjoni nazzjonali. Għandu jiġi żgurat li l-Kummissjoni Ewropea tintroduċi r-rekwiżiti/il-prestazzjoni/il-karatteristiċi kollha tal-ittestjar bħala standards armonizzati. Jekk ma jsirx dan, rekwiżiti nazzjonali għall-prodotti għall-bini għandhom ikunu possibbli fejn ikun hemm tħassib nazzjonali speċjali rigward l-użu ta’ prodotti għall-bini. Dan ifisser li r-rekwiżiti nazzjonali u l-annessi jkollhom jiġu approvati għal ċertu perjodu ta’ żmien. F’każ li d-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni ssir aktar kompluta, jeħtieġ li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-korrispondenza tinkiseb fil-livell tax-xogħlijiet (disinn, installazzjoni eċċ.), kemm fir-rigward tal-kontenut tal-informazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-kredibbiltà tagħha.

    1.10.

    Il-KESE jinnota l-problema li l-Proposta għal Regolament rivedut dwar il-Prodotti għall-Bini ma tispeċifikax il-mekkaniżmu biex jiġbor informazzjoni dwar il-prodotti msemmija fi speċifikazzjonijiet kuntrattwali pubbliċi, minħabba l-inklużjoni tiegħu fl-Artikolu 7 l-ġdid. Se jkun kompitu kbir u li ma jintemm qatt biex jinġabru l-proprjetajiet u l-karatteristiċi li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tax-xerrejja pubbliċi kollha, għall-użi kollha.

    1.11.

    Il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li l-isforzi li l-kumpaniji tal-bini qegħdin jagħmlu biex jimplimentaw iċ-ċirkolarità ma jiġux imdewma, imfixkla jew saħansitra mwaqqfa minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza regolatorja fil-Proposta għal Regolament ġdid dwar il-Prodotti għall-Bini. Għaldaqstant, huwa meħtieġ Regolament li jagħti kjarifiki sabiex jipprevjeni li titwaqqaf iċ-ċirkolarità.

    1.12.

    Il-KESE jemmen li l-Proposta għal Regolament ġdid dwar il-Prodotti għall-Bini trid tinkludi dispożizzjonijiet ċari u proporzjonati li jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li għal prodotti użati mill-ġdid jew manifatturati mill-ġdid, prodotti introdotti 20, 50 jew 150 sena ilu, ma hemm l-ebda informazzjoni, peress li għal dawn il-prodotti b’markatura CE, l-informazzjoni tal-prestazzjoni hija disponibbli lokalment biss.

    1.13.

    Il-KESE huwa konvint li huwa importanti għall-kompetittività tas-settur li l-proposta għal Regolament rivedut dwar il-Prodotti għall-Bini tikkostitwixxi għodda li mhux biss tippermetti li l-prodott innovattiv jitqiegħed fis-suq, iżda tiffaċilita wkoll l-użu tiegħu. Dan jirrikjedi li l-Valutazzjoni Teknika Ewropea tinkludi wkoll informazzjoni li timmitiga n-nuqqas ta’ rieda tal-utenti li jibdew jużaw l-innovazzjoni.

    1.14.

    Il-KESE jenfasizza li jrid ikun ċar li t-terminu “prodott għall-bini” jibqa’ jikkorrispondi biss għad-definizzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini attwali u li ma jkun hemm l-ebda estensjoni. Mhuwiex ċar xi jrid jintqal bit-terminu “servizz” fl-abbozz ta’ Regolament ġdid dwar il-Prodotti għall-Bini. Irid jiġi żgurat li l-prodotti magħmula għall-esiġenzi tal-individwu jibqgħu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini.

    1.15.

    Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni pożittiva tal-EU-OSHA rigward il-Proposta tal-KE b’rabta mal-kriterji addizzjonali għar-rekwiżiti funzjonali u ta’ sigurtà għall-prodotti għall-bini, b’mod partikolari l-kriterji ta’ saħħa u sigurtà ambjentali u okkupazzjonali, li ħafna drabi jkunu relatati mal-ekonomija ċirkolari u s-sostenibbiltà. Dan kollu jsaħħaħ l-evidenza tal-impatt pożittiv ta' ġestjoni tajba tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

    1.16.

    Il-KESE jesprimi tħassib għaliex, b’mod ġenerali, regolamenti nazzjonali jippermettu l-użu ta’ skart kontaminat taħt it-toroq (kontaminat b’qatran qadim, PCB, PCP, asbestos, suf minerali qadim sa ċertu perċentwali), jew li jitqiegħed f’landfills speċjali. L-iskart tal-bini jew tad-demolizzjoni jikkostitwixxi aktar minn terz tal-iskart kollu ġġenerat fl-UE (2). Hemm oqsma fejn jeżisti tħassib kunfliġġenti differenti, pereżempju, f’każ li s-sottoswol tal-bini tat-toroq u infrastrutturi oħra ma jintużax bħala repożitorju kbir għall-iskart tal-kostruzzjoni.

    1.17.

    Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid u r-riċiklaġġ teħtieġ disinn, li jiffaċilita s-separazzjoni ta’ komponenti u materjali fil-fażi tar-riċiklaġġ u jevita materjali mħallta jew kumplessi, u li dan kollu se jesponi ħafna lill-ħaddiema għal dawn is-sustanzi. L-EU-OSHA tħeġġeġ lill-kumpaniji li pproponew soluzzjonijiet innovattivi għal tali problemi, pereżempju, “Neħħi solventi perikolużi mill-analiżi tal-materjal reklamat fis-settur tal-bini u t-tiswija tat-toroq”. Huwa għalhekk li l-KESE jikkunsidra li dawn l-aspetti essenzjali għas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-Regolament il-ġdid. Il-KESE jemmen li dan għandu jiżgura mhux biss l-impjiegi u l-progress ekonomiku, iżda wkoll it-titjib soċjoekonomiku u ambjentali abbażi tal-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) u r-regolamentazzjoni rilevanti.

    1.18.

    Il-KESE jqis li l-proposta jeħtieġ li tiġi riveduta b’mod sinifikanti biex tilħaq l-għanijiet ewlenin tagħha.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni għall-2016 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini identifika ċerti nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tiegħu. L-evalwazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini, l-opinjonijiet tal-pjattaforma REFIT u r-rispons mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati indikaw b’mod ċar in-nuqqasijiet tal-qafas, li jfixklu l-funzjonament tas-suq uniku għall-prodotti għall-bini u, għalhekk, ma jintlaħqux l-objettivi tar-Regolament.

    2.2.

    Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (3), il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Komunikazzjoni dwar il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni (4) enfasizzaw ir-rwol tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini bħala parti mill-isforzi għal bini u rinnovazzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u fir-riżorsi, u għall-indirizzar tas-sostenibbiltà tal-prodotti għall-bini u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Il-proposta għal Direttiva riveduta dwar ir-Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (5) enfasizzat l-importanza tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini u tal-materjali tal-bini biex jiġi kkalkolat il-potenzjal ta’ tisħin globali mill-bini ġdid mill-2030 'l quddiem.

    2.3.

    L-Istrateġija tal-UE għall-Foresti u l-Komunikazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-karbonju (6) sostenibbli ħabbru, fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini, l-iżvilupp ta’ metodoloġija u ta' standard robust u trasparenti biex jiġu kkwantifikati l-benefiċċji klimatiċi tal-prodotti għall-bini u tal-qbid u l-użu tal-karbonju.

    2.4.

    Barra minn hekk, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill talbu azzjoni li tippromovi ċ-ċirkolarità tal-prodotti għall-bini, tindirizza l-ostakli fis-suq uniku għall-prodotti għall-bini u tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-pjan ta’ azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari.

    2.5.

    Iż-żewġ objettivi ġenerali tar-rieżami tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini huma li (1) jintlaħaq suq uniku għall-prodotti għall-bini li jiffunzjona tajjeb u li (2) jikkontribwixxi għall-għanijiet tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari s-suq modern u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-kompetizzjoni.

    2.6.

    Ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini jillimita b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet tas-settur li jiddikjara, b’mod konsistenti u armonizzat, il-prestazzjoni tal-prodotti tiegħu u li jiddistingwi l-prodotti fir-rigward tal-prestazzjoni klimatika, ambjentali u ta’ sostenibbiltà. Dan jillimita wkoll b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet għall-Istati Membri li jistabbilixxu rekwiżiti nazzjonali għall-bini jew li jinkludu kriterji fl-akkwist pubbliku dwar l-objettivi ta’ sostenibbiltà mingħajr ma jipperikolaw il-funzjonament tas-suq uniku.

    2.7.

    Il-Komunikazzjoni dwar “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (7) ta’ Marzu 2020 tistabbilixxi pjan għall-industrija tal-UE biex tmexxi t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-Komunikazzjoni li taġġorna l-Istrateġija Industrijali Ġdida tal-2020 identifikat il-bini bħala waħda mill-ekosistemi ta’ prijorità li jiffaċċjaw l-aktar sfidi importanti biex jilħqu l-objettivi klimatiċi u ta’ sostenibbiltà u biex iħaddnu t-trasformazzjoni diġitali, u l-kompetittività tas-settur tiddependi minn dan.

    2.8.

    Il-Proposta għal Regolament li tħassar ir-Regolament fis-seħħ dwar il-Prodotti għall-Bini, għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet identifikati f’dan tal-aħħar u tindirizza l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-pjan ta’ azzjoni tal-ekonomija ċirkolari fir-rigward tal-prodotti għall-bini. It-titjib tal-funzjonamenti ewlenin tal-qafas tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini, b’mod partikolari l-proċess ta’ standardizzazzjoni, huwa imperattiv fit-twettiq tal-għanijiet tal-politika. Madankollu, dan ma jqisx l-aspetti neċessarji relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u rakkomandazzjonijiet oħra tal-EU-OSHA.

    2.9.

    Il-KESE jemmen li l-edukazzjoni, it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid, it-tagħlim tul il-ħajja, u ċ-ċertifikazzjoni huma ferm importanti, u huwa importanti għall-futur tal-industrija li dawn iseħħu permezz tad-djalogu soċjali. Il-KESE jinnota wkoll li l-kisba tal-ħiliet meħtieġa teħtieġ il-ħin u l-finanzjament.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1.

    L-istandardizzazzjoni għandha rwol kruċjali għas-settur tal-bini Ewropew. Din hija l-pilastru prinċipali tas-Suq Intern; tiffaċilita l-moviment liberu ta’ prodotti għall-bini fl-UE u tistimula attivitajiet ta’ bini. Dan ir-rwol importanti huwa rikonoxxut fil-leġiżlazzjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini u fir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (8).

    3.2.

    L-għan tal-ħidma ta’ standardizzazzjoni fis-sostenibbiltà tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jenħtieġ li jinkludi l-valutazzjoni ugwali tal-aspetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali tas-sostenibbiltà tal-prodotti, tal-bini u tas-servizzi, u l-komunikazzjoni tagħha lill-konsumatur (preferibbilment permezz tat-tikkettar).

    3.3.

    Mingħajr standards aġġornati, is-suq intern għal prodotti għall-bini la jista’ jintlaħaq u lanqas jinżamm. Madankollu, fi snin riċenti, l-integrazzjoni ta’ standards fis-sistema regolatorja spiss ma rnexxietx, u dan wassal għal effiċjenza aktar baxxa fis-settur tal-bini u ħsara lis-suq intern, inklużi aktar spejjeż diretti jew indiretti għall-kumpaniji (b’mod speċjali għal dawk żgħar u ta’ daqs medju).

    3.4.

    Il-KE tista’ tistabbilixxi l-istandards għall-iżvilupp ta’ standards armonizzati bl-użu ta’ applikazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni. Madankollu, il-KE kienet passiva peress li segwietx dan l-approċċ, u konsegwentement, is-CEN ġie mġiegħel ikompli jaħdem b’mandati antikwati u jiskoraġġixxi lill-esperti milli jaħdmu fuq standards li ħafna drabi huma mblokkati għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tagħhom.

    3.5.

    Il-KE tinnota problemi fil-proċedura ta’ standardizzazzjoni attwali mis-CEN (li żgur tista’ tittejjeb) u li wasslu biex il-KE timblokka ħafna standards. Il-KESE jemmen li s-soluzzjoni proposta mill-KE, jiġifieri, l-użu ta’ aktar u aktar “atti delegati”, ma tistax tkun sodisfaċenti għaliex tħalli lill-impjegaturi, lill-ħaddiema u lill-partijiet interessati fl-istandardizzazzjoni barra mill-proċess ta’ standardizzazzjoni. Barra minn hekk, hemm ħafna standards imblukkati mill-KE u għalhekk għandha tinstab soluzzjoni għal żmien qasir dwar kif jiġu żblukkati. Il-KESE għandu mistoqsijiet kritiċi jekk din il-forma ta’ estensjoni, fl-aħħar mill-aħħar, twassalx għat-trikkib tal-poteri mal-Istati Membri. Huwa jqis li dan għandu jiġi applikat biss f’każijiet ta’ eċċezzjoni, fejn l-implimentazzjoni tiegħu tkun debitament ġustifikata, u għandu jiġi stabbilit sett ċar ta’ kondizzjonijiet abilitanti.

    3.6.

    Il-Proposta tal-KE għal Regolament ġdid tirreferi għall-influwenza tal-ġestjoni tal-katina ta’ provvista u tal-prattiki ta’ akkwist pubbliku fuq l-ambjent, is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, sabiex jiġu stimulati l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u materjali ta’ kwalità. L-EU-OSHA identifikat ukoll dan il-fatt bħala fattur influwenti importanti li jista’ jwassal għal użu akbar ta’ prodotti li jirrispettaw l-ambjent u huma aktar sikuri għall-ħaddiema.

    3.7.

    Il-proġett il-ġdid tal-EU-OSHA, LIFT-OSH (Leveraging Instruments for Health and Safety at work — Strumenti b’effett ta’ lieva għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol) isaħħaħ l-evidenza dwar l-impatt pożittiv tal-ġestjoni tajba tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

    3.8.

    Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid u r-riċiklaġġ teħtieġ disinn, li jiffaċilita s-separazzjoni ta’ komponenti u materjali fil-fażi tar-riċiklaġġ u jevita materjali mħallta jew kumplessi, u li dan kollu se jesponi ħafna lill-ħaddiema għal dawn is-sustanzi. L-EU-OSHA tħeġġeġ lill-kumpaniji li pproponew soluzzjonijiet innovattivi għal tali problemi, pereżempju, “Neħħi solventi perikolużi mill-analiżi tal-materjal reklamat fis-settur tal-bini u t-tiswija tat-toroq”. Huwa għalhekk li l-KESE jikkunsidra li dawn l-aspetti essenzjali għas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-Regolament il-ġdid. Il-KESE jemmen li dan għandu jiżgura mhux biss l-impjiegi u l-progress ekonomiku, iżda wkoll it-titjib soċjoekonomiku u ambjentali abbażi tal-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) u tar-regolamentazzjoni rilevanti.

    3.9.

    Il-Proposta għal Regolament rivedut dwar il-Prodotti għall-Bini ssemmi li, sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-protezzjoni tal-ambjent u tingħalaq lakuna regolatorja possibbli, “prodotti” għall-bini mmanifatturati fis-sit tal-bini għall-inkorporazzjoni immedjata f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jkunu soġġetti għall-istess regoli bħal prodotti għall-bini oħrajn imqiegħda fis-suq mill-manifatturi. Il-Kumitat ma jqisx li teżisti lakuna regolatorja bħal din meta dawn il-prodotti ma jitqegħdux fis-suq. Il-kuntratturi li jimmanifatturaw “prodotti” fuq is-sit għal inkorporazzjoni immedjata fix-xogħlijiet (eż. planki tal-konkrit, sprej bil-fowm tal-poliuretan, oqfsa tat-twieqi u tal-bibien, eċċ.) huma soġġetti għar-rekwiżiti regolatorji applikabbli għal (partijiet minn) xogħlijiet, u dawn huma, ħafna mid-drabi, sakemm mhux dejjem, bbażati preċiżament fuq l-istess rekwiżiti tekniċi bħall-manifatturi, jiġifieri, l-operat ta’ sistema ta’ kontroll tal-produzzjoni f’fabbrika, l-istabbiliment ta’ dokumentazzjoni teknika, l-evalwazzjoni ta’ “prodotti”, id-dikjarazzjoni ta’ prestazzjonijiet u konformità u t-twaħħil ta’ markaturi CE. Din id-dispożizzjoni bla bżonn tkun ta’ detriment b’mod partikolari għall-SMEs.

    3.10.

    L-Artikolu 7 tal-Proposta għal Regolament rivedut dwar il-Prodotti għall-Bini jwessa’ l-kamp ta' applikazzjoni għar-rekwiżiti tal-prodotti kollha msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-akkwist pubbliku. Madankollu, ma jispeċifikax il-mekkaniżmu biex tinġabar din l-informazzjoni, li tista’ tirrigwarda sett wiesa’ u varjat ta’ xogħlijiet tal-bini, bħal pereżempju spazji għall-klieb tal-pulizija, bini amministrattiv tal-awtoritajiet, awtostradi u faċilitajiet nukleari, eċċ. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fattibbiltà biex tinġabar l-informazzjoni kollha rigward il-proprjetajiet u l-karatteristiċi, kif ukoll rigward kif jiġu ddeterminati metodi ta’ evalwazzjoni adatti li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-akkwirenti pubbliċi kollha, għall-użi kollha. Barra minn hekk, skont l-użu intiż, il-kredibbiltà li jkunu jixtiequ l-akkwirenti pubbliċi se tkun differenti ħafna wkoll (il-kredibbiltà tal-prestazzjoni ta’ membrani li ma jgħaddix ilma minnhom intiżi għall-użu fi spazji għall-klieb se tkun differenti meta mqabbla mal-istess prodott użat fuq is-saqaf ta’ mużew tal-belle arti) u jista’ jkun li ma tikkorrispondix għas-sistemi ta’ valutazzjoni u verifika speċifikati fil-Proposta għal Regolament rivedut dwar il-Prodotti għall-Bini. Il-KESE għandu dubji dwar jekk dan l-approċċ huwiex realistiku.

    Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2022.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5).

    (2)  https://ec.europa.eu/environment/topics/waste-and-recycling/construction-and-demolition-waste_mt

    (3)  COM(2019) 640 final.

    (4)  COM(2020) 662 final.

    (5)  COM(2021) 802 final.

    (6)  COM(2021) 800 final.

    (7)  COM(2020) 102 final.

    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).


    Top