This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022AE2745
Opinion of the European Economic and Social Committee on Proposal for a directive of the European Parliament and of the Council concerning the status of third-country nationals who are long-term residents (COM(2022) 650 – final) — Proposal for a directive of the European Parliament and of the Council on a single application procedure for a single permit for third-country nationals to reside and work in the territory of a Member State and on a common set of rights for third-country workers legally residing in a Member State (COM(2022) 655 – final) — Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Attracting skills and talent to the EU (COM(2022) 657 – final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil” (COM(2022) 650 — final) — “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru” (COM(2022) 655 — final) — “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE” (COM(2022) 657 — final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil” (COM(2022) 650 — final) — “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru” (COM(2022) 655 — final) — “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE” (COM(2022) 657 — final)
EESC 2022/02745
ĠU C 75, 28.2.2023, p. 136–142
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/136 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil”
(COM(2022) 650 — final)
“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru”
(COM(2022) 655 — final)
“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE”
(COM(2022) 657 — final)
(2023/C 75/19)
Relatur: |
José Antonio MORENO DÍAZ |
Korelatur: |
Milena ANGELOVA |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 26.7.2022 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adozzjoni fis-sezzjoni |
29.9.2022 |
Adozzjoni fil-plenarja |
26.10.2022 |
Sessjoni plenarja Nru |
573 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
179/0/6 |
1. Introduzzjoni
1.1. |
F’April 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Pakkett dwar il-Ħiliet u t-Talenti skont l-aġenda ta’ ħidma tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil adottat f’Settembru 2020. L-għan tal-pakkett il-ġdid huwa li jippromovi l-migrazzjoni ordnata lejn l-Unjoni, billi jinkoraġġixxi l-attrazzjoni ta’ talenti u ħiliet b’mod li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll għall-pajjiżi ta’ destinazzjoni. Ir-reviżjonijiet għandhom ukoll l-għan li jippromovu sistema aktar effiċjenti u koerenti ta’ drittijiet u opportunitajiet ta’ impjieg għal ċittadini mhux tal-UE li jirrisjedu fl-Unjoni, filwaqt li jgħinu biex l-Unjoni ssir aktar attraenti bħala destinazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’ħiliet speċjalizzati. |
1.2. |
Il-KESE jilqa’ dan il-pakkett li jieħu approċċ kostruttiv u koerenti għall-migrazzjoni u jwieġeb għall-ħtieġa li jittejbu l-istrumenti tal-Unjoni għall-migrazzjoni regolari. Bit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika taqbad il-pass u fi żmien meta n-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet huwa evidenti fis-setturi kollha tal-attività ekonomika, il-KESE jenfasizza r-rwol li l-migrazzjoni legali jista’ jkollha biex tgħin biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet f’oqsma fejn hemm ħtieġa ġustifikata. |
1.3. |
Il-KESE diġà esprima t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Patt -Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jiffoka fuq il-ġestjoni tal-fruntieri u l-kontroll tal-migrazzjoni, u għalhekk iqis li l-progress li sar fil-governanza tal-immigrazzjoni organizzata u regolari huwa pożittiv. |
1.4. |
Il-KESE japprezza li l-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-rwol kruċjali li diġà jaqdu l-migranti fl-ekonomija u s-soċjetà Ewropea, billi jgħinu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jevolvi u — fejn hemm bżonn — biex jingħeleb in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet: bidla fil-perspettiva b’diskors ta’ normalizzazzjoni u pożittiv hija importanti ħafna. |
1.5. |
Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-influss ta’ talent minn pajjiżi terzi qed jiġi ffaċilitat sabiex jgħin biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet dejjem akbar, b’mod partikolari f’setturi b’nuqqasijiet strutturali. |
1.6. |
Mingħajr ma titnaqqas l-importanza tagħha, il-KESE jissuġġerixxi li n-narrattiva li torbot il-wasla ta’ ħaddiema mhux tal-UE mal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri għandha tiġi eżaminata sabiex jiġi evitat is-sottoimpjieg u kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol għal ħaddiema mhux tal-UE li jkunu għadhom kif waslu. |
1.7. |
Il-KESE jqis li huwa neċessarju li jsir progress fuq mezzi ġodda biex jiġi attirat it-talent lejn l-Unjoni, iżda jirrimarka wkoll li hemm ħtiġijiet oħrajn fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri; dawn il-ħtiġijiet jeħtieġu li jitfasslu miżuri biex jintlaħqu flimkien ma’ dawk previsti fil-pakkett propost. B’mod partikolari, huwa importanti li jissaħħu l-isforzi biex tiġi appoġġjata l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni qiegħda u inattivi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati. |
1.8. |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun aktar ambizzjuża fit-tfittxija ta’ kanali legali u organizzati ta’ migrazzjoni tal-ħaddiema li jqisu wkoll il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. |
1.9. |
Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni dwar Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE, peress li jqis dan bħala pass ’il quddiem fil-qasam tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, li jirrikjedi strumenti adatti, realistiċi u effettivi fil-kuntesti l-ġodda. |
1.10. |
Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li jsir progress fir-Riżerva ta’ Talent (1), billi nibdew bil-proġett pilota inizjali u l-verżjoni sħiħa li għandha titnieda s-sena d-dieħla, u jirrimarka li s-suċċess u s-sensibilizzazzjoni tar-Riżerva ta’ Talent se jiddependu fuq l-użu ta’ riżorsi adegwati biex l-għodda ssir aċċessibbli u operattiva. Jilqa’ wkoll is-Sħubijiet ta’ Talent u jqis li dawn jeħtieġ li jiġu żviluppati f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Il-KESE jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni adegwati, li jiżguraw il-viżibbiltà u t-trasparenza fl-implimentazzjoni tas-Sħubijiet ta’ Talent, mhux biss għall-istrumenti nfushom, iżda wkoll għall-identifikazzjoni tal-pajjiżi li magħhom għandhom jikkooperaw: ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem għandhom dejjem ikunu preżenti fir-relazzjonijiet esterni tal-politika tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil. |
1.11. |
Minkejja li n-nisa jiffurmaw parti sinifikanti minn għadd ta’ setturi kruċjali, in-nisa mobbli u migranti jistgħu jkunu soġġetti għal impjiegi mhux sikuri u l-ekonomija informali u spiss ikunu partikolarment vulnerabbli għad-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u taħriġ, kif ukoll ikunu esposti għal abbuż, vjolenza u fastidju. Il-KESE jemmen li l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-perspettiva tal-ġeneru jeħtieġ li jiġu integrati b’mod aktar b’saħħtu. |
1.12. |
Il-KESE jilqa’ r-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar ir-residenza għal żmien twil fl-Unjoni Ewropea. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tiffaċilita l-proċess tal-kisba ta’ dan l-istatus permezz tal-akkumulazzjoni ta’ snin ta’ kwalifika minn perjodi ta’ soġġorn fi Stati Membri differenti, trawwem il-mobbiltà intra-UE, u għandha l-għan li testendi l-aċċess ugwali għall-protezzjoni soċjali għaċ-ċittadini tal-UE li jkunu residenti għal żmien twil fi Stat Membru ieħor. |
1.13. |
Il-KESE jilqa’ r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku, inkluż l-għan li jiġi ffaċilitat u semplifikat il-proċess tal-applikazzjoni u li jiġi żgurat li l-permess uniku ma jkunx marbut ma’ impjegatur speċifiku wieħed, għalkemm iqis li seta’ sar tentattiv biex jiġi estiż is-sett ta’ drittijiet, f’konformità mal-kontenut tal-ewwel proposta għal direttiva ppreżentata fl-2011. |
1.14. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li r-reviżjoni tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ it-trattament ugwali tal-ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. |
1.15. |
Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li l-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti oħra jiġu involuti fid-diskussjoni dwar it-titjib tal-governanza tal-migrazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-UE. Għal dan l-għan nilqgħu l-ħolqien tal-pjattaforma proposta għad-djalogu fil-livell tal-UE. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. |
F’April 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Pakkett dwar il-Ħiliet u t-Talenti skont l-aġenda ta’ ħidma tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil adottat f’Settembru 2020. Il-pakkett jinkludi r-reviżjoni tad-Direttiva 2003/109/KE dwar ir-residenza għal żmien twil (2), ir-reviżjoni tad-Direttiva 2011/98/UE dwar il-permess uniku (3), u dwar Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE (4). |
2.2. |
L-għan tal-pakkett il-ġdid huwa li jippromovi l-migrazzjoni ordnata lejn l-Unjoni, filwaqt li jinkoraġġixxi l-attrazzjoni ta’ talenti u ħiliet b’mod li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll għall-pajjiżi ta’ destinazzjoni. Ir-reviżjonijiet għandhom ukoll l-għan li jrawmu sistema aktar effiċjenti u koerenti ta’ drittijiet u opportunitajiet ta’ impjieg għal ċittadini mhux tal-UE li jirrisjedu fl-Unjoni, filwaqt li jgħinu biex l-Unjoni ssir aktar attraenti bħala destinazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’ħiliet speċjalizzati. |
2.3. |
Il-Komunikazzjoni dwar Nattiraw it-talent u l-ħiliet lejn l-UE għandha l-għan li taġġorna l-prinċipji li jirregolaw il-migrazzjoni legali għal raġunijiet ekonomiċi lejn l-Unjoni. Dan jirrifletti r-rieda li l-pilastru leġiżlattiv jittejjeb biż-żewġ proposti ta’ reviżjoni, li jiġu żviluppati Sħubijiet ta’ Talent u Riżerva ta’ Talent tal-Unjoni, u li titmexxa ’l quddiem il-politika dwar il-migrazzjoni legali fl-oqsma tal-kura, iż-żgħażagħ u l-innovazzjoni. |
2.4. |
Il-KESE jirrimarka li ma hemm l-ebda eżerċizzju ta’ analiżi u evalwazzjoni fil-proposta li jesploraw għaliex id-Direttivi attwali dwar il-permess uniku jew l-awtorizzazzjonijiet fit-tul mhumiex jaħdmu kif suppost. Il-Kummissjoni għandha tanalizza u taqsam il-kawżi ta’ dawn in-nuqqasijiet, billi tidentifika jekk huwiex nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Istati Membri li jimplimentawhom jew burokrazija eċċessiva, fost kawżi oħra, sabiex jiġu evitati l-istess problemi fil-futur. |
2.5. |
Il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-permess uniku toffri opportunità biex jitwessa’ l-aċċess għal dan l-istrument u tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema mhux tal-UE, filwaqt li jiġu kkonsolidati d-drittijiet inerenti fih, u jsir progress fl-armonizzazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu bejn l-Istati Membri. |
2.6. |
Ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva tal-UE dwar ir-Residenza fit-Tul għandha wkoll l-għan li ttejjeb l-applikazzjoni tagħha fl-Istati Membri differenti, filwaqt li tiffaċilita l-mobbiltà intra-UE billi tissemplifika l-proċess u tnaqqas ir-rekwiżiti taż-żmien għall-kisba ta’ permessi ta’ residenza għal żmien twil. |
2.7. |
B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ dan il-pakkett li jieħu approċċ kostruttiv u koerenti lejn il-migrazzjoni, iwieġeb għall-ħtieġa li jittejbu l-istrumenti tal-Unjoni għall-migrazzjoni regolari, u jenfasizza r-rwol li l-migrazzjoni legali jista’ jkollha biex tgħin tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema — f’oqsma fejn hemm ħtieġa ppruvata — u ta’ ħiliet. Il-KESE diġà esprima t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-enfasi tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil hija fuq il-ġestjoni tal-fruntieri u l-kontroll tal-migrazzjoni, u għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar fil-governanza ta’ migrazzjoni organizzata u regolari. |
2.8. |
Il-KESE japprezza r-rwol kruċjali li l-migranti diġà għandhom fl-ekonomija u s-soċjetà Ewropea, billi jgħinu biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex jingħeleb — fejn meħtieġ — in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-faċilitazzjoni tal-influss ta’ talent minn pajjiżi terzi sabiex jgħin biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet dejjem akbar, b’mod partikolari f’setturi b’nuqqasijiet strutturali. Il-KESE jilqa’ wkoll passi biex jiġu attirati negozji innovattivi u skalabbli li jġibu valur miżjud sinifikanti għall-ekonomija u s-soċjetà tal-UE. Proġetti ta’ riċerka internazzjonali jibqgħu mod effettiv ieħor għall-promozzjoni, l-attrazzjoni u ż-żamma ta’ talent ta’ klassi dinjija. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jitħaffef u jiġi ssemplifikat l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE għall-professjonisti minn pajjiżi terzi li huma meħtieġa, sabiex l-Ewropa ssir aktar attraenti għal partijiet oħra tad-dinja. Il-KESE jħeġġeġ u jilqa’ wkoll l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ għodod prattiċi li jgħaqqdu u jqabblu t-talent minn pajjiżi terzi b’mod aktar faċli ma’ impjegaturi potenzjali fl-Istati Membri. |
2.9. |
Hemm bżonn li ssir riflessjoni dwar in-narrattiva li torbot l-influss ta’ ħaddiema barranin mal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. F’xi pajjiżi tal-UE, hemm qgħad strutturali f’ċerti setturi ta’ impjiegi u ta’ professjonijiet li jista’ jirriżulta minn nuqqas ta’ tqabbil tal-ħiliet, nuqqas ta’ attraenza ta’ ċerti setturi/professjonijiet u tħassib dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol. F’dawn il-pajjiżi, huwa importanti li wieħed jipprova jtejjeb l-attraenza ta’ tali setturi u professjonijiet għall-ħaddiema fis-swieq domestiċi (ċittadini ta’ dak il-pajjiż, ħaddiema tal-UE u ta’ pajjiżi terzi b’permessi tax-xogħol) sabiex jiġi evitat is-sottoimpjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena għal ħaddiema mhux tal-UE li jkunu għadhom kif waslu. B’mod parallel, ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE tista’ tgħin biex tiffaċilita t-tqabbil immirat ta’ ħaddiema mhux tal-UE ma’ impjiegi fl-UE sabiex jiġi evitat is-sottoimpjieg ta’ dawn il-ħaddiema. |
2.10. |
Għalkemm il-KESE jqis li huwa neċessarju li jsir progress fuq mezzi ġodda biex jiġi attirat it-talent lejn l-Unjoni, jirrimarka wkoll li hemm ħtiġijiet oħrajn fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri; dawn il-ħtiġijiet jeħtieġu li jitfasslu miżuri biex jintlaħqu flimkien ma’ dawk previsti fil-pakkett propost. |
2.11. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jittama li jista’ jsir progress (kif ippjanat mar-rapporti ta’ segwitu) dwar it-titjib tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali u d-Direttiva dwar il-Ħaddiema bi Trasferiment Intraażendjali, skedati għall-2023. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza l-ħtieġa, f’konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tiegħu stess, li jaħdem biex jiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema staġjonali u, b’mod partikolari, biex jiġġieled l-isfruttament tal-forza tax-xogħol fejn jiġi identifikat, filwaqt li jissaħħu u jiżdiedu l-ispezzjonijiet tax-xogħol għal dan l-għan, f’konformità mal-ħidma tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol. |
2.12. |
Meta titqies l-adozzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa (5) fl-1 ta’ Lulju 2020, il-KESE jemmen li l-migranti, ir-refuġjati u l-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali, irrispettivament mil-livell tal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. Għalhekk, il-ħaddiema kollha għandhom ikunu jistgħu jivvalidaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom u jieħdu sehem f’apprendistati ta’ kwalità tajba u effettivi, taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol abbażi ta’ perkorsi ta’ tagħlim flessibbli li jaqblu mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-koorti tal-età differenti tagħhom. |
2.13. |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun aktar ambizzjuża fit-tfittxija ta’ kanali legali u organizzati ta’ migrazzjoni tal-ħaddiema li jqisu wkoll il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. |
2.14. |
Fir-rigward ta’ studenti minn pajjiżi terzi li jiġu fl-UE għal skopijiet ta’ studju, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-inkorporazzjoni bla xkiel tagħhom fis-suq tax-xogħol tal-UE filwaqt li fl-istess ħin jittaffa l-eżodu ta’ mħuħ: ikun pożittiv li jiġu inkorporati miżuri preventivi bħal klawżoli ta’ reklutaġġ etiku (6), mekkaniżmi ta’ ritorn assistit lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom jew li jiġu introdotti klawżoli speċifiċi f’dan ir-rigward fi ftehimiet bilaterali dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema. |
3. Dwar il-Komunikazzjoni dwar Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE
3.1. |
Il-Komunikazzjoni ppreżentata f’April 2022 tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tal-2020 dwar il-migrazzjoni legali, bil-għan li jiġu promossi inizjattivi leġiżlattivi u operazzjonali f’dan il-qasam. |
3.2. |
Il-KESE jilqa’ din il-Komunikazzjoni, li jqis bħala pass ’il quddiem fil-qasam tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, qasam li jeħtieġ strumenti adatti għall-kuntesti l-ġodda. F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li l-inklużjoni ta’ sensiela ta’ azzjonijiet speċifiċi għar-refuġjati Ukreni hija f’waqtha, u jiddispjaċih ukoll li dawn l-azzjonijiet ma ġewx implimentati aktar kmieni għal persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali b’mod ġenerali, speċjalment waqt il-kriżi li nħolqot mill-gwerra fis-Sirja fl-2015. Il-KESE huwa konvint li l-azzjoni u l-inizjattiva meħuda man-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna huma punt ta’ bidla deċiżiva u għandhom ikunu l-istandard għall-azzjoni tal-UE f’każijiet simili fil-futur. |
3.3. |
Il-KESE jqis li huwa neċessarju li jsir progress fis-Sħubijiet ta’ Talent f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Madankollu, jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni adegwati, mhux biss għall-istrumenti nfushom, iżda wkoll għall-identifikazzjoni tal-pajjiżi li jikkooperaw magħhom. Ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem għandu dejjem ikun preżenti fir-relazzjonijiet esterni tal-politika tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil. Il-KESE jqis ukoll li huwa meħtieġ li jiġu kkontrollati u evalwati l-proċeduri u r-riżultati tal-proġetti pilota li diġà ġew iffinalizzati, li għandhom jiġu kkunsidrati u użati meta jiġu mnedija proġetti ġodda. |
3.4. |
Fil-preżentazzjoni tal-proposta għal Riżerva ta’ Talent tal-UE, huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea taħdem mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali biex tiżviluppa r-riżerva b’mod li timminimizza l-burokrazija u tevita l-kumplessità bla bżonn, sabiex din tibda taħdem malajr kemm jista’ jkun. L-għan tar-Riżerva għandu jkun li tgħin biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ ħiliet attwali u futuri; hija għandha tisfrutta l-opportunitajiet offruti mill-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji avvanzati oħrajn, b’mod li tagħmel użu sħiħ tal-ħiliet u t-talenti ta’ persuni minn pajjiżi terzi u tikkomplementa r-rwol taċ-ċittadini tal-Istati Membri u l-mobbiltà fi ħdan l-Unjoni. |
3.5. |
Meta wieħed iqis in-nuqqas akut ta’ ħaddiema u ħiliet li qed jesperjenzaw l-impjegaturi, li f’ħafna każijiet huma ta’ natura strutturali, punt tat-tluq rilevanti għat-tnedija tal-verżjoni sħiħa tar-Riżerva jkun li approċċ immirat jissejjes fuq it-tqabbil tal-listi ta’ impjiegi b’nuqqas ta’ ħaddiema. Minħabba l-importanza li jiġi żgurat li l-listi nazzjonali ta’ nuqqas ta’ impjiegi jkunu aġġornati, il-Kummissjoni għandha tidentifika opportunitajiet għal tagħlim reċiproku u evalwazzjoni bejn il-pari dwar dan is-suġġett. |
3.6. |
Id f’id mal-iżvilupp tal-kunċett ta’ Riżerva ta’ Talent, huwa neċessarju li tiġi żviluppata aktar, bl-involviment tal-impjegaturi u t-trade unions, informazzjoni f’ħin reali dwar is-suq tax-xogħol u l-ħiliet li se tippermetti li r-Riżerva tiffunzjona b’suċċess. Fl-istess ħin, huwa importanti li tittejjeb il-kapaċità tal-Unjoni li tiġbor u tinterpreta data komparabbli u kredibbli dwar il-ħtieġa għal migrazzjoni minn pajjiżi terzi. |
3.7. |
Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ għodda ta’ tqabbil biex jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet bejn il-provvista u d-domanda. Huwa jemmen li dawn il-passi huma meħtieġa għar-reklutaġġ tat-talent, iżda jtenni l-ħtieġa reali li b’mod parallel jiġu indirizzati setturi oħra tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. |
3.8. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li s-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi jesiġi l-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-atturi soċjali u ekonomiċi, u jqis li huwa essenzjali li jsir progress fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ djalogu bejniethom fil-livell Ewropew. Il-KESE huwa forum privileġġat għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet operattivi u prattiċi relatati mal-migrazzjoni tal-ħaddiema. F’dan ir-rigward, il-KESE għandu jipparteċipa fil-konferenza ta’ livell għoli li l-Kummissjoni ppjanat għal tmiem l-2022 dwar il-pjattaforma l-ġdida għall-migrazzjoni tal-ħaddiema. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li l-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti oħra jiġu involuti fid-diskussjoni dwar it-titjib tal-governanza tal-migrazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-UE. Għal dan l-għan nilqgħu l-ħolqien tal-pjattaforma proposta għad-djalogu fil-livell tal-UE. |
3.9. |
Il-KESE jqis li l-esplorazzjoni ta’ toroq futuri għall-migrazzjoni tal-ħaddiema f’settur bħas-settur tal-kura hija pass ’il quddiem, għalkemm jiddispjaċih li l-progress f’dawn il-kwistjonijiet huwa strutturat madwar proċeduri speċifiċi li jifframmentaw l-integrità tal-politika komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, u b’hekk timpedixxi viżjoni integrali. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jaqbel li jeħtieġ li jsir progress f’dawn l-oqsma billi jitqajmu kwistjonijiet bħar-reklutaġġ etiku u l-istandards tal-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol. |
3.10. |
Minkejja li n-nisa jiffurmaw parti sinifikanti mill-biċċa l-kbira tas-setturi kruċjali, in-nisa mobbli u migranti jistgħu jkunu soġġetti għal impjiegi mhux sikuri u l-ekonomija informali u spiss ikunu partikolarment vulnerabbli għad-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u taħriġ, kif ukoll ikunu esposti għal abbuż, vjolenza u fastidju. Il-KESE jemmen li l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-perspettiva tal-ġeneru jeħtieġ li jiġu integrati b’mod aktar b’saħħtu. |
3.11. |
Il-KESE jilqa’ wkoll il-promozzjoni ta’ skemi ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ, iżda għal darb’ oħra jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu żgurati mobbiltà u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol li jipproteġu d-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema żgħażagħ, li xi drabi jiffaċċjaw kundizzjonijiet tax-xogħol inqas tajbin (impjieg temporanju, pagi baxxi, eċċ.). Bl-istess mod, għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi għall-ħaddiema b’diżabilità biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni xierqa tagħhom. |
3.12. |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva biex jiġu esplorati skemi ta’ ammissjoni għal intraprenditorija innovattiva mhux tal-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li huwa pożittiv li dawn l-iskemi ta’ ammissjoni qed jiġu esplorati fil-kuntest tal-ekonomija diġitali u sostenibbli, iżda jemmen li, jekk ikunu strutturati sew, jista’ jkollhom ukoll ambitu wiesa’ biex jiffaċilitaw id-dħul ta’ diversi profili professjonali oħra fil-pajjiżi tal-UE. |
4. Dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-residenza għal żmien twil fl-Unjoni
4.1. |
Il-KESE jilqa’ din il-proposta għal Direttiva li għandha l-għan li ssaħħaħ l-istatus ta’ residenza għal żmien twil fl-Unjoni billi ttejjeb il-mod kif tinkiseb ir-residenza għal żmien twil, speċjalment fil-każ ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Huwa jilqa’ wkoll il-fatt li l-proposta għandha l-għan li testendi l-aċċess ugwali għall-protezzjoni soċjali għaċ-ċittadini tal-UE li jkunu residenti għal żmien twil fi Stat Membru ieħor. Il-KESE jilqa’ wkoll it-tentattiv biex jiġi żgurat trattament ugwali u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja b’rabta ma’ din id-Direttiva. |
4.2. |
Ir-residenza għal żmien twil fl-Unjoni hija waħda mill-istrumenti ewlenin tal-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-ażil. Il-proċeduri għall-kisba ta’ residenza għal żmien twil fl-Unjoni, adottati fl-2003, żviluppaw b’mod mhux uniformi fl-Unjoni, u r-reviżjoni proposta mill-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq sistema aktar koerenti. |
4.3. |
Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu japplikaw għal residenza għal żmien twil wara ħames snin residenza fi Stat Membru ieħor, dispożizzjoni li tinżamm fid-Direttiva riveduta proposta. Il-proposta għandha l-għan li tiffaċilita l-mobbiltà fl-Unjoni għal persuni b’dan it-tip ta’ residenza billi tnaqqas ir-rekwiżit tal-perjodu ta’ residenza għal tliet snin. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi perjodi kumulattivi ta’ residenza fi Stati Membri differenti. |
4.4. |
Il-KESE jqis bħala pass ’il quddiem il-fatt li l-applikanti jitħallew jakkumulaw perjodi ta’ residenza fi Stati Membri differenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti għal residenza għal żmien twil fl-Unjoni, għalkemm jemmen li l-mekkaniżmi għall-monitoraġġ u l-koordinazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-Istati Membri differenti jeħtieġ li jittejbu. |
4.5. |
Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni ta’ mudelli ta’ residenza differenti, bħar-residenza għal skopijiet ta’ studju, il-protezzjoni internazzjonali u r-residenza temporanja. Viżi għal żmien qasir huma eżentati, għalkemm jistgħu jiġu kkunsidrati skont id-dispożizzjoni jekk l-applikant jista’ jagħti prova ta’ relazzjoni ta’ impjieg regolari jew simili. |
4.6. |
Il-KESE jilqa’ wkoll it-tisħiħ tad-drittijiet marbuta ma’ residenza għal żmien twil fl-Unjoni u għall-membri tal-familja, inkluż id-dritt li jaħdmu u jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor, jew li jibdlu l-impjieg u jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor. Il-KESE jqis li huwa partikolarment interessanti li, skont l-artikolu l-ġdid propost, is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol nazzjonali ma għandhiex għalfejn titqies għal applikazzjonijiet għal residenza għal żmien twil fi Stat Membru ieħor (jiġifieri fejn diġà nkisbet residenza għal żmien twil fl-Unjoni) kemm għal persuna impjegata kif ukoll għal min jaħdem għal rasu. |
4.7. |
Il-KESE jilqa’ s-semplifikazzjoni tal-possibbiltà li persuna taħdem u tistudja fi żmien 30 jum minn meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal residenza għal żmien twil fi Stat Membru ieħor. Huwa jilqa’ wkoll ir-rikonoxximent tad-dritt li persuna teżerċita professjoni regolari (ta’ residenti għal żmien twil fi Stat Membru ieħor) taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-UE. |
4.8. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li l-Istati Membri jiggarantixxu l-istess libertajiet u drittijiet għar-residenti għal żmien twil fl-Unjoni (u l-membri tal-familja tagħhom) bħal dawk b’residenza nazzjonali permanenti. Barra minn hekk, huwa fatt pożittiv li l-Istati Membri jiggarantixxu wkoll li l-applikanti għal permess ta’ residenza għal żmien twil fl-Unjoni ma jkunux obbligati jħallsu tariffi ogħla għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom mill-applikanti għal permessi għal residenza nazzjonali. |
4.9. |
Il-KESE jqis id-dritt li wieħed jgħix bħala familja huwa kwistjoni fundamentali li tiffaċilita l-integrazzjoni soċjali: għalhekk jilqa’ t-tneħħija tal-ostakli amministrattivi u burokratiċi, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni fil-każ ta’ residenti fit-tul. Jilqa’ wkoll l-akkwist awtomatiku ta’ residenza fit-tul għal tfal ta’ residenti fit-tul imwielda (jew adottati) fl-UE. |
5. Dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku
5.1. |
Il-KESE jilqa’ r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku, li ġġib magħha diversi punti ta’ titjib għad Direttiva attwali:
|
5.2. |
Madankollu, il-KESE jqis li hija opportunità mitlufa li ma jiġix estiż is-sett ta’ drittijiet f’konformità mal-kontenut tal-ewwel proposta għal direttiva ppreżentata fl-2011. Dan japplika għal kwistjonijiet bħall-aċċess għall-benefiċċji tal-qgħad, filwaqt li l-KESE għadu jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jitħallew ikollhom xi ftit flessibbiltà dwar dan kif previst fid-Direttiva attwali. Barra minn hekk, il-KESE jiddispjaċih li ma ġietx esplorata l-possibbiltà li d-Direttiva tiġi estiża għall-migranti f’sitwazzjonijiet ta’ xogħol temporanju. |
5.3. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li r-rieżami jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ it-trattament ugwali tal-ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ pariri dwar id-drittijiet soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, sabiex tiġi faċilitata l-integrazzjoni tal-ħaddiema taħt kundizzjonijiet ugwali. |
5.4. |
Il-KESE jappoġġja s-sejħa biex l-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi adatti għall-valutazzjoni tar-riskju, l-ispezzjonijiet u s-sanzjonijiet kif ukoll għall-monitoraġġ tal-impjegaturi. Madankollu, huwa jinnota li peress li l-ispezzjonijiet tax-xogħol huma kompetenza nazzjonali, il-messaġġi u l-għodod ta’ monitoraġġ li jistgħu jiġu żviluppati fil-livell tal-UE għandhom jissaħħu f’konformità mal-mandat tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (7). |
5.5. |
Il-KESE jemmen li għandu jsir aktar progress fil-protezzjoni tal-ħaddiema migranti li jagħmlu użu mill-mekkaniżmi ta’ lmenti tal-ispettorat tax-xogħol. Mingħajr mekkaniżmi li jipprevjenu li l-ilmenti tax-xogħol jintużaw għal skopijiet ta’ kontroll tal-migrazzjoni, hemm riskju li l-impjegaturi jikkastigaw lil dawk li jirrapportaw kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi, b’riperkussjonijiet negattivi għall-istatus ta’ residenza tagħhom. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar il-miżuri għall-ġlieda kontra l-isfruttament tal-ħaddiema kif ukoll li jiġu infurzati aħjar. |
Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE se tkun grupp ta’ kandidati madwar l-UE kollha minn pajjiżi mhux tal-UE, li se jintgħażlu abbażi ta’ livelli ta’ ħiliet, kriterji u rekwiżiti ta’ migrazzjoni speċifiċi, wara l-iskrinjar tal-kredenzjali tal-kandidati. Din se tkun l-ewwel pjattaforma u għodda ta’ tlaqqigħ għall-UE kollha għal dan l-għan (COM(2022) 657 final).
(2) COM(2022) 650 final.
(3) COM(2022) 655 final.
(4) COM(2022) 657 final.
(5) https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&furtherNews=yes&newsId=9723
(6) General principles and operational guidelines for fair recruitment and definition of recruitment fees and related costs (Prinċipji ġenerali u linji gwida operattivi għal reklutaġġ ġust u definizzjoni ta’ tariffi ta’ reklutaġġ u spejjeż relatati).
(7) https://www.ela.europa.eu/en/what-we-do