EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE1932

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ugwaljanza bejn il-ġeneri” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

EESC 2022/01932

ĠU C 443, 22.11.2022, p. 63–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/63


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ugwaljanza bejn il-ġeneri”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

(2022/C 443/09)

Relatur:

Milena ANGELOVA

Talba mill-Presidenza Ċeka tal-Kunsill

26.1.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

22.6.2022

Adozzjoni fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

194/13/13

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza li s-suċċess fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod sostenibbli jinsab fit-trawwim ta’ kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja li tkopri ċ-ċiklu ta’ ħajja fl-intier tiegħu u tipprovdi miżuri mfasslin apposta skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifici ta’ kull fażi tal-ħajja. Peress li hija kwistjoni ta’ kultura, din ma tistax tinħoloq sempliċement permezz ta’ politiki u miżuri uniċi iżda tirrikjedi rikonoxximent, sjieda u impenn kostanti mill-atturi kollha tas-soċjetà.

1.2

Kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja trid tiġi kkultivata sa mit-tfulija bikrija billi jingħata eżempju lit-tfal fi ħdan il-familja, u titkompla fil-kindergarten u matul il-fażijiet kollha tal-iskola. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri, permezz tal-politika ta’ edukazzjoni tagħhom, biex isaħħu t-tagħlim newtrali għall-ġeneru rigward kemm il-ħiliet ta’ għarfien u anke ta’ soċjetà, kif ukoll kuntesti ta’ tagħlim ħielsa mill-istereotipi marbutin mal-ġeneru.

1.3

Bil-għan li tkompli tiġi sostnuta l-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jeħtieġ li titrawwem fl-attivitajiet kollha tal-ekonomija u s-soċjetà, inkluż in-negozji, is-servizzi pubbliċi u l-ħajja politika. Il-KESE jemmen li ż-żamma sistematika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’diversi kuntesti hija mezz neċessarju biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri, appoġġjati mill-Kummissjoni u l-KESE, flimkien mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, iniedu kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni wiesgħa biex jippromovu l-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rwol ċentrali kemm tal-midja tradizzjonali kif ukoll soċjali bħala pjattaformi għat-tiswir tal-attitudnijiet.

1.5

Il-kampanja għandha tiġbed l-attenzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għall-istat u l-progress tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Istati Membri inkwistjoni u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jispiraw lil xulxin u jaqsmu prattiki tajbin. L-atturi politiċi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-organizzazzjonijiet pubbliċi wkoll għandhom jagħtu l-eżempju biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attivitajiet tagħhom stess.

1.6

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’termini ta’ parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u muniċipali hija kruċjali, meta jitqies l-impatt notevoli tad-deċiżjonijiet politiċi fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Sabiex jiżdied in-numru ta’ politiċi nisa fil-livelli kollha jeħtieġ li jissaħħaħ l-għarfien tal-votanti, kif ukoll dak tal-partiti li jinnominaw il-kandidati u li titrawwem kultura li tħeġġeġ u tippermetti lin-nisa jkollhom parti attiva fil-ħajja politika.

1.7

Peress li t-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jitlob li jiġu introdotti miżuri f’diversi oqsma ta’ politika, il-KESE jtenni l-appell tiegħu lil dawk li jfasslu l-politiki fil-livelli adegwati biex isegwu l-prinċipju ta’ integrazzjoni tal-ġeneru u jinkludu l-aspett tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-deċiżjonijiet kollha, inklużi dawk dwar l-investiment u l-finanzjament, kif ukoll fl-akkwist pubbliku.

1.8

Fid-dawl tal-isfidi kkawżati minn popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u l-ħtieġa li tkun żgurata forza tax-xogħol b’ħiliet, l-inklużività tas-swieq tax-xogħol qed issir kulma jmur aktar importanti. Għaldaqstant, it-tneħħija ta’ kwalunkwe ostakli u l-għoti ta’ inċentivi għall-parteċipazzjoni ġenerali tan-nisa fis-swieq tax-xogħol, lil hinn mill-professjoni, il-kompitu jew l-età, hija kruċjali. Pereżempju, arranġamenti tax-xogħol flessibbli, liv tal-ġenituri u t-tassazzjoni, kif ukoll tipi oħrajn ta’ inċentivi, jaqdu rwol fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Apparti kwalunkwe oqfsa leġiżlattivi, il-modalitajiet prattiċi għandhom jiġu stabbiliti bl-użu tal-possibbiltajiet ta’ negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali.

1.9

Peress li l-irkupru ta’ wara l-pandemija jeħtieġ li jseħħ f’konformità mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-kompetenzi STEM qegħdin isiru kulma jmur aktar essenzjali. Mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-prevenzjoni tas-segregazzjoni, huwa importanti li l-bniet jiġu attirati biex jistudjaw aktar suġġetti STEM, filwaqt li aktar subien jiġu attirati biex jistudjaw u japplikaw għal professjonijiet ta’ kura u edukazzjoni. Dawn l-aspetti għandhom jiġu integrati fil-miżuri relatati mal-gwida għall-karrieri u ż-żamma tal-persunal.

1.10

Il-KESE jaħseb li huwa vitali li tiġi promossa t-tmexxija min-nisa fin-negozji, l-organizzazzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali. Huwa jistieden lill-Istati Membri, lill-organizzazzjonijiet tan-negozju u lill-imsieħba soċjali biex iniedu programmi ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ immirati lejn mexxejja u kandidati nisa għal diretturi f’organizzazzjonijiet pubbliċi jew għal pożizzjonijiet f’bordijiet u f’karigi eżekuttivi għoljai fin-negozji, fit-trade unions u f’organizzazzjonijiet privati. Huwa jilqa’ l-ftehim politiku li ntlaħaq reċentement bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar id-Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneru fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati f’borża, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jipproċedu malajr biex jimplimentawha minnufih u b’mod effiċjenti.

1.11

Għandu jitneħħa wkoll kwalunkwe ostaklu għall-intraprenditorija tan-nisa. Peress li l-aċċess għall-finanzi huwa prerekwiżit għall-intraprenditorija, għandu jiġi żgurat aċċess ugwali min-nisa kemm għal finanzjament privat kif ukoll pubbliku. Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri jindirizzaw l-investiment pubbliku adegwat fi proġetti li jsaħħu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż fl-infrastruttura diġitali u tal-kura.

1.12

Il-KESE jappella sabiex tingħata attenzjoni adegwata lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-indirizzar tal-kwistjoni tar-refuġjati Ukreni. Dan japplika għall-appoġġ lit-tfal biex jaċċessaw il-kura u l-edukazzjoni, l-integrazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol permezz ta’ impjieg ta’ kwalità, u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Din l-Opinjoni hija risposta għat-talba tal-Presidenza Ċeka biex il-Kumitat janalizza l-progress fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u għodda u miżuri biex tissaħħaħ minn diversi perspettivi, bħal wara l-pandemija, l-irkupru u l-impjiegi, l-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-intraprenditorija u t-tmexxija korporattiva, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll il-kwistjoni tal-migrazzjoni u r-refuġjati, inkluż minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Dawn il-kwistjonijiet diġà ġew indirizzati fl-Opinjonijiet eżistenti tal-KESE u ħafna aktar aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri qed jiġu indirizzati wkoll f’Opinjonijiet oħrajn tal-KESE (1), li jkopru kwistjonijiet relatati ma’ eż. il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagament, l-infrastruttura għall-kura, il-faqar u l-faqar enerġetiku, u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

2.2

Id-diskriminazzjoni endemika, inkluż diskriminazzjoni abbażi ta’ ġeneru, hija kawża ewlenija għaliex xi nies jitħallew jibqgħu lura. Il-KESE jenfasizza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija msejsa fuq il-valuri tal-UE (2) u l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tirrikjedi approċċ olistiku u orizzontali. Is-suċċess fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod sostenibbli jinsab fit-trawwim ta’ kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja li tkopri ċ-ċiklu tal-ħajja fl-intier tiegħu u tipprovdi miżuri mfasslin apposta skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull fażi tal-ħajja.

2.3

Kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja trid titrawwem sa mit-tfulija bikrija billi jingħata eżempju lit-tfal fil-familja, jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-obbligi ugwali ta’ kull membru tal-familja, tintwera mġiba tolleranti bħala n-norma, u jiġu rispettati l-ispazju u l-ħin privati ta’ kulħadd. Għandu jiġi evitat kull preġudizzju rigward it-tqassim tal-attivitajiet, il-kompiti u x-xogħol fil-familja bħala “femminili” u “maskili”, kif ukoll it-turija jew it-tagħlim ta’ kwalunkwe tip ieħor ta’ mġiba mhux ugwali. Dan għandu jinkiseb abbażi ta’ tagħlim bi twettiq prattiku u għandu jinbeda kmieni billi l-kura tat-trabi u tat-tfal żgħar tinqasam b’mod ugwali bejn iż-żewġ ġenituri – b’attitudni ta’ appoġġ b’tali mod li t-tnejn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet rispettivi tagħhom għall-privatezza, ix-xogħol u l-mistrieħ. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jappoġġjaw liż-żewġ ġenituri biex jikkombinaw il-ħajja privata u professjonali tagħhom u jipprovdu lill-familji b’għażliet adegwati. Hawnhekk, l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata u l-iżgurar ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal aċċessibbli u affordabbli huma ta’ importanza kbira.

2.4

L-integrazzjoni tat-tfal fis-soċjetà tibda malli jibdew jattendu ċ-ċentri għall-indukrar tat-tfal u mbagħad il-kindergarten. Għaldaqstant, dawn it-tipi ta’ faċilitajiet ta’ kura jridu jiżviluppaw tagħlim u taħriġ b'saħħithom tal-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja. Is-sempliċi fatt li ħafna minn dawn il-faċilitajiet jimpjegaw prinċipalment ħaddiema nisa jkompli jsaħħaħ l-isterjotip jew it-twemmin li t-trobbija tat-tfal u l-kura tagħhom hija kompitu tan-nisa.

2.5

Il-pass ewlieni li jmiss huwa li ż-żgħażagħ jiġu pprovduti b’tagħlim newtrali għall-ġeneru, u kuntesti ta’ apprendiment ħielsa mill-isterjotipi tal-ġeneru matul is-snin skolastiċi. L-importanza ta’ dan hija sottovalutata f’ħafna Stati Membri. Pereżempju, it-trawwim tal-interess tat-tfal fis-suġġetti STEM abbażi ta’ kif jirrispondi moħħhom, u mhux tal-ġeneru tagħhom, huwa kruċjali biex jiġi żgurat li t-talent u l-potenzjal tagħhom jiġu stimulati, żviluppati u sfruttati bis-sħiħ għall-benefiċċju tal-fażijiet sussegwenti ta’ ħajjithom. Apparti mill-aspett tal-għarfien, daqstant ieħor huwa importanti li jiġi żgurat li t-tfal u ż-żgħażagħ jiksbu ħiliet soċjali u ħiliet oħra meħtieġa u jiżviluppaw intelliġenza emozzjonali b’mod newtrali għall-ġeneru, mingħajr ma jiġu imposti kunċetti definiti jew preġudizzji. Dan japplika wkoll tbegħid mill-isterjotipi tal-ġeneru relatati mal-apparenza.

2.6

It-trawwim tal-awtostima u tal-kunfidenza personali fit-tfal u ż-żgħażagħ hija element essenzjali ta’ kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja, li tista’, fl-aqwa xenarju, tiġġenera prospettiva pożittiva li tħejji l-pedamenti għall-perċezzjoni u t-twettiq tal-ugwaljanza għall-bqija ta’ ħajjithom.

2.7

L-għoti ta’ gwida għall-karriera li tirrispetta l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandu rwol importanti fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-għajnuna għall-iżvilupp tal-karriera u ż-żamma tal-impjiegi, u l-prevenzjoni tas-segregazzjoni b’rabta mal-istudji u l-professjonijiet. Filwaqt li huwa importanti li l-bniet jiġu attirati biex jistudjaw is-suġġetti STEM, huwa importanti wkoll li jiġu attirati aktar subien biex jistudjaw u japplikaw għall-professjonijiet tal-edukazzjoni u tal-kura, speċjalment fid-dawl taż-żieda fil-ħtiġijiet tal-kura tal-popolazzjoni li qed tixjieħ (3).

2.8

Sabiex il-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja tiġi sostnuta matul il-fażi kollha tal-età adulta, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jeħtieġ li titrawwem kemm fil-ħajja familjari, u fi kwalunkwe attivitajiet ekonomiċi u tas-soċjetà, inklużi n-negozji, is-servizzi pubbliċi u l-ħajja politika. Peress li hija kwistjoni ta’ kultura, din ma tistax tinħoloq permezz ta’ politiki u miżuri uniċi iżda tirrikjedi rikonoxximent, sjieda u impenn kostanti mill-atturi kollha tas-soċjetà. L-approċċ Żvediż, fejn il-gvern “iddikjara lilu nnifsu gvern femminista” huwa eżempju wieħed ta’ kif jiġi żgurat li l-għarfien u l-esperjenza kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa jintużaw biex jiġi promoss il-progress fl-aspetti kollha tas-soċjetà (4).

2.9

Il-KESE jemmen li ż-żamma sistematika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’diversi kuntesti, billi jiġi żgurat il-qafas legali u ta’ politika adatt, hija mezz neċessarju biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri, appoġġjati mill-Kummissjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u flimkien mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, iniedu kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni wiesgħa biex jippromovu l-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rwol ċentrali kemm tal-midja tradizzjonali kif ukoll dik soċjali bħala pjattaformi għat-tiswir tal-attitudnijiet, eż. permezz tar-reklamar.

2.10

Il-kampanja għandha tiġbed l-attenzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għall-istat u l-progress tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Istati Membri inkwistjoni, imkejla mill-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, pereżempju. Għandha tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri biex ikunu ta' ispirazzjoni għal xulxin u jaqsmu prattiki tajbin. L-amministrazzjoni pubblika u l-organizzazzjonijiet pubbliċi wkoll għandhom jagħtu l-eżempju biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attivitajiet tagħhom stess. Bħala prattika tajba, il-KESE jirrakkomanda li dawn l-atturi – kif ukoll it-trade unions, min iħaddem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili – jippubblikaw iċ-ċifri relatati mal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet maniġerjali u superviżorji tagħhom. Sabiex il-perċezzjoni pożittiva titwassal lis-soċjetà kollha, il-kampanja għandha tindirizza b’mod speċjali rġiel u subien b’messaġġi konvinċenti dwar il-benefiċċji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

2.11

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’termini ta’ parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u muniċipali hija kruċjali, meta jitqies l-impatt notevoli tad-deċiżjonijiet politiċi fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Sabiex jiżdied in-numru ta’ politiċi nisa jeħtieġ li jissaħħaħ l-għarfien tal-votanti, kif ukoll dak tal-partiti li jinnominaw il-kandidati.

2.12

Peress li t-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jitlob li jiġu introdotti miżuri f’diversi oqsma ta’ politika, il-KESE jtenni l-appell tiegħu lil dawk li jfasslu l-politiki fil-livelli adegwati biex isegwu l-prinċipju ta’ integrazzjoni u jinkludu l-aspett tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-deċiżjonijiet kollha, inklużi deċiżjonijiet dwar l-investiment u l-finanzjament, kif ukoll fl-akkwist pubbliku. L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri teħtieġ ukoll li tiġi mmonitorjata u evalwata b’mod adegwat. Barra minn hekk, huwa meħtieġ approċċ olistiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’enfasi speċjali fuq fejn il-ġeneru jkun ikkombinat ma’ karatteristiċi oħrajn pereżempju diżabbiltà, oriġini etnika, ġenitur wieħed, status soċjoekonomiku, età jew orjentazzjoni sesswali.

2.13

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex jagħmlu użu attiv mix-xogħol siewi li sar mill-EIGE, pereżempju fir-rigward ta’ data u statistika diżaggregata skont il-ġeneru. Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll l-importanza tal-inklużjoni attiva tal-imsieħba soċjali fir-rigward tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, peress li f’ħafna modi hija marbuta direttament mas-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. In-negozjar kollettiv huwa strument ewlieni biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-dinja tax-xogħol. Huwa importanti wkoll li l-KESE jintuża bħala pjattaforma attiva għall-ħidma fuq it-trawwim tal-kultura tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja.

3.   Kummenti speċifiċi — l-impjiegi fl-irkupru ta’ wara l-pandemija

3.1

Filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 affettwat kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel, l-impatti kienu differenti u hemm ir-riskju li l-effetti tal-kriżi jipperikolaw il-progress miksub f’dawn l-aħħar għaxar snin fir-rigward tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-Istati Membri. Minbarra li affettwat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-pandemija laqtet lin-nisa aktar minħabba t-telf tal-impjieg jew qgħad temporanju, peress li s-setturi ddominati minn ħaddiema nisa kienu affettwati b’mod partikolari (5). L-intraprendituri nisa kienu wkoll ħafna iktar probabbli li jirrappurtaw l-għeluq ta’ negozju minħabba l-pandemija. L-akbar differenza bejn il-ġeneri kienet rappurtata fl-Ewropa u fl-Amerka ta’ Fuq, fejn in-nisa kellhom 50 % aktar probabbiltà li jirrappurtaw għeluq mill-irġiel (6).

3.2

Mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità, sfida ewlenija fl-irkupru ta’ wara l-pandemija hija li jiġi żgurat li l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jkunu sensittivi għall-ġeneru u jinkludu azzjonijiet immirati biex itejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol. Il-miżuri għandhom joħolqu wkoll il-kundizzjonijiet ideali għall-intraprenditorija u n-negozju, inkluż qafas ta’ appoġġ fiskali u t-tneħħija tal-ostakli għall-intraprenditorija tan-nisa.

3.3

Il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli u jiġu pprovduti inċentivi tapplika għall-parteċipazzjoni ġenerali tan-nisa fis-swieq tax-xogħol, lil hinn mill-professjoni u l-kompitu. Tapplika wkoll għal nisa ta’ kull età. Filwaqt li huwa kruċjali li ż-żgħażagħ jiġu involuti fis-swieq tax-xogħol permezz tal-għoti ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità, huwa importanti wkoll li jiġu pprovduti opportunitajiet lill-anzjani biex jagħtu l-kontribut tagħhom b’mod adegwat (7). Fid-dawl tal-isfidi kkawżati minn popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u n-nuqqas dejjem jikber ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet f’ċerti setturi, l-inklużività tas-swieq tax-xogħol qed issir kulma jmur aktar importanti anke mill-perspettiva makroekonomika.

3.4

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal traspożizzjonijiet ambizzjużi u effettivi tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata. Il-modalitajiet prattiċi għall-promozzjoni u l-iffaċilitar ta’ bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri għandhom jiġu stabbiliti fil-proċess ta’ negozjar kollettiv – li huwa l-istrument ġust biex jiġu żgurati l-aħjar soluzzjonijiet u prattiki filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-ħaddiema u n-negozji. Flimkien ma’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli u liv tal-ġenituri imħallas u flessibbli, it-tassazzjoni u inċentivi oħrajn biex in-nisa jibqgħu fis-suq tax-xogħol jaqdu rwol fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Ħlas adegwat għal-liv tal-paternità, speċjalment fl-ewwel xhur, iħeġġeġ lill-missirijiet jieħdu liv itwal, li jgħinhom jiżviluppaw relazzjoni aktar mill-qrib mat-tarbija u jgħinu lill-omm tirkupra, filwaqt li jtejbilha l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. It-tassazzjoni separata fuq id-dħul tal-konjuġi tikkontribwixxi biex tħeġġeġ liż-żewġ ġenituri jkunu attivi fis-suq tax-xogħol. Irid jiġi rikonoxxut ukoll li l-miżuri li jippermettu u jinkoraġġixxu x-xogħol, jikkontribwixxu wkoll għall-pensjonijiet aktar deċenti.

3.5

Filwaqt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol kibret f’dawn l-aħħar għaxar snin, għad hemm segregazzjoni ċara tal-ġeneri (8). L-inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet ekonomiċi għan-nisa għadhom jippersistu, għalkemm l-Ewropa għandha l-aktar rati baxxi ta’ inugwaljanza – b’xi differenzi bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant – meta mqabbla ma’ partijiet oħrajn tad-dinja (9). Il-KESE appella wkoll għal miżuri fil-pront biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa fl-oqsma u s-setturi kollha, b’mod partikolari permezz ta’miżuri vinkolanti ta’ trasparenza fil-pagi (10), u jenfasizza li tal-ewwel jaggrava lil dawn tal-aħħar, li n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għalihom.

Apparti minn hekk, il-kuntest kulturali u l-isterjotipi tradizzjonali jaffettwaw l-għażliet okkupazzjonali tan-nisa. Pereżempju, hemm ħafna aktar nisa milli rġiel li jaħdmu fl-edukazzjoni, il-kura, fis-saħħa u fis-setturi soċjali, filwaqt li l-irġiel jiddominaw setturi bħall-kostruzzjoni u l-industriji peżanti.

3.6

Fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala parti minn aġenda ta’ żvilupp industrijali inklużiv u sostenibbli, l-isforzi jeħtieġ li jiġu mmirati mhux biss lejn it-tisħiħ tal-kompetittività ta’ setturi ekonomiċi li fihom diġà hemm jaħdmu numri konsiderevoli ta’ nisa, iżda wkoll biex jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw f’setturi u rwoli ġodda. L-inklużjoni tan-nisa f’setturi u xogħlijiet ġodda li fil-passat kienu esklużi minnhom, imbagħad se tippermetti lis-setturi emerġenti li jirnexxu billi jagħmlu użu sħiħ minn settijiet ta’ ħiliet aktar rikki u diversi. L-offerta ta’ impjiegi ta’ kwalità hija rekwiżit biex jiġi żgurat li l-inugwaljanzi eżistenti bejn il-ġeneri ma jiġux perpetwati f’dawn is-setturi l-ġodda.

3.7

Is-segregazzjoni tal-ġeneru hija viżibbli wkoll fl-edukazzjoni. Filwaqt li n-nisa jiggradwaw minn edukazzjoni terzjarja u jipparteċipaw f’tagħlim tul il-ħajja, dawn jippreferu suġġetti oħrajn minflok ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinjerija u l-matematika. Meta jitqies li l-irkupru ta’ wara l-pandemija jeħtieġ li jseħħ f’konformità mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-kompetenzi STEM jaqdu rwol dejjem aktar essenzjali. Barra minn hekk, l-importanza tal-ħiliet emozzjonali (jiġifieri personali u soċjali) flimkien mal-kompetenzi funzjonali hija essenzjali peress li din tifforma l-bażi li tippermetti r-reżiljenza, is-saħħa mentali, il-ġestjoni tal-kunflitti, il-kollaborazzjoni u l-komunikazzjoni fattwali. Il-fokus tal-futur żgur li jrid ikun fuq l-intelliġenza razzjonali u dik emozzjonali. Il-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja jeħtieġ li tinkludi l-edukazzjoni emozzjonali, hekk kif il-Forum Ekonomiku Dinji tal-2021 jistqarr li s-seba’ ħiliet umani ewlenin jinkludu l-kreattività, l-intelliġenza emozzjonali u s-soluzzjoni tal-problemi kumplessi (11).

3.8

Rigward it-trasformazzjoni diġitali, tista’ tiġi nnutata segregazzjoni ċara tal-ġeneru fl-edukazzjoni u fis-swieq tax-xogħol f’termini tad-distribuzzjoni ta’ dawk li jiggradwaw fl-ICT, fl-ispeċjalisti tal-ICT, u fi xjenzati u inġiniera f’setturi b’teknoloġija għolja.

3.9

L-inkoraġġiment tal-interess tal-bniet fis-suġġetti STEM huwa kruċjali għall-inklużjoni tagħhom b’suċċess fil-professjonijiet tal-futur. Apparti dan, jenħtieġu miżuri mmirati u programmi ta’ żvilupp biex jgħinuhom jattirawhom u jżommuhom f’karrieri b’rabta ma’ STEM. 10 snin oħra, 9 minn kull 10 impjiegi se jirrikjedu ħiliet diġitali (12). Il-futur tax-xogħol ser jara bidla fit-talba lejn professjonisti tat-teknoloġija bħal inġiniera tal-kompjuters u speċjalisti tal-ICT. In-nisa jikkostitwixxu 65 % tal-impjegati Ewropej iżda jikkorrispondu għal 17 % biss tal-forza tax-xogħol Ewropea tal-ICT, filwaqt li sal-2026, huwa mbassar li 57 % tal-impjiegi li se jiġu sostitwiti mit-teknoloġija se jkunu tan-nisa (13).

3.10

L-involviment tan-nisa fl-iżvilupp tal-IA huwa essenzjali wkoll sabiex jiġu evitati algoritmi li huma bbażati fuq data ppreġudikata dwar ir-realtà u li b’hekk jipprovdu riżultati ppreġudikati. Approċċ intersezzjonali huwa meħtieġ ukoll f’dan il-qasam. Barra minn hekk, peress li l-aċċess għal konnettività ta’ veloċità għolja u l-ħiliet diġitali jiffurmaw il-bażi meħtieġa għal trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess, għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, l-età, id-diżabbiltà, l-isfond soċjoekonomiku, jew il-lokalità ġeografika.

3.11

Is-sottorappreżentazzjoni tan-nisa fl-oqsma tat-tekonoloġija hija problematika wkoll mill-perspettiva tat-tranżizzjoni ekoloġika, peress li l-indirizzar tal-problemi ta’ tibdil fil-klima u ambjentali jirrikjedi l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ ħafna tipi ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi.

3.12

Filwaqt li kemm il-ħiliet diġitali kif ukoll dawk ekoloġiċi jridu jitqiesu bħala parti integrali ta’ kull professjoni, dawn għandhom il-potenzjal li jattiraw liż-żgħażagħ aktar milli l-ħaddiema akbar fl-età. Min-naħa l-oħra, huwa ċar li hemm differenza bejn il-ħiliet ta’ ICT b’rabta max-xogħol, li jinkludu l-ġestjoni tad-data u l-pubblikazzjoni permezz ta' kompjuter, u l-litteriżmu diġitali li ħafna drabi huwa assoċjat maż-żgħażagħ, bħall-messaġġi u l-użu rikreattiv tal-internet.

3.13

Apparti mill-kompetenzi STEM, huwa importanti wkoll li l-bniet jiġu mħeġġa jistudjaw suġġetti ta’ ekonomija u maniġment, sabiex jiġu ppreparati għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija. Barra minn hekk, huwa importanti li dawn jiġu ggwidati biex jitgħallmu ħiliet intraprenditorjali u ta’ ġestjoni tar-riskju u biex isaħħu l-fiduċja fihom infushom biex jevitaw u jindirizzaw is-sindromu ta’ impostur (14). Meta wieħed iħares lejn it-tipoloġija tal-istress tan-nisa, jidher li aktar hemm tendenza lejn personalitajiet introverti, aktar milli estroverti f’sitwazzjonijiet ta’ stress. Dan jirriżulta f’nisa li ma jfittxux pożizzjonijiet esposti minħabba l-biża’ ta’ kummenti negattivi minn oħrajn, li jittieħdu mil-lat personali, ma jħossuhomx ikkwalifikati jekk ma jissodisfawx (jew jisbqux) l-ispeċifikazzjonijiet kollha f’deskrizzjoni tal-impjieg, u li ma jixtiqux ikunu “mara tal-kwota”. Ħafna drabi dan għandu rabta mat-twemmin u l-biżgħat (mhux konxji). Filwaqt li t-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi jirrikjedi miżuri prattiċi fil-livell tal-metodi ta’ tagħlim u apprendiment u ta’ gwida għall-karrieri, dawn l-għanijiet għandu jkollhom rabta wkoll mal-programm ġenerali ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja.

3.14

Aspett speċifiku li għandu jiġi indirizzat huwa l-preġudizzju abbażi tal-ġeneru fil-kura tas-saħħa, minħabba nuqqas ta’ riċerka, edukazzjoni ċċentrata fuq l-irġiel, dijanjożi ħażina u nuqqas ta’ trattament. L-injoranza dwar differenzi abbażi ta’ sess jew ġeneru fid-dixxiplini mediċi faċilment twassal għal dijanjożi jew medikazzjoni żbaljata, minħabba li s-sintomi femminili huma differenti mis-sintomi maskili, jew minħabba li d-dożaġġi tal-mediċina huma bbażati fuq provi kliniċi li prinċipalment isiru fuq l-irġiel. Hemm ukoll nuqqas ta’ riċerka dwar kundizzjonijiet speċifiċi għan-nisa, bħall-endometrijożi jew il-menopawża, u ta’ data mhux aggregata skont il-ġeneru fir-riċerka li tagħmilha diffiċli biex jiġu mifhuma l-mekkaniżmi wara kwistjonijiet tas-saħħa u xxekkel l-isforzi biex tinstab risposta adegwata għal eż. riskju ogħla għan-nisa li jiżviluppaw il-COVID fit-tul.

3.15

Sabiex jiġi evitat l-impatt negattiv tal-mediċina preġudikata fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol, il-KESE jenfasizza li fl-istrateġiji Ewropej kollha tas-saħħa u tal-farmaċewtika, il-preġudizzju tal-ġeneru u d-differenzi abbażi ta’ sess u ġeneru għandhom jiġu kkunsidrati u indirizzati. Barra minn hekk, id-dritt tan-nisa li jieħdu deċiżjonijiet awtonomi dwar ġisimhom stess jeħtieġ li jiġi rrispettat bis-sħiħ.

4.   Kummenti speċifiċi – bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

4.1

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’termini tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata hija importanti ħafna għall-ekonomija u għas-soċjetà peress li hija relatata mill-qrib mal-impjiegi u l-parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol inġenerali, kif ukoll mal-karrieri u pożizzjonijiet kemm fis-settur pubbliku kif ukoll privat. Dan japplika għal bosta kompiti u responsabbiltajiet fin-negozji, l-amministrazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijet politiċi.

4.2

Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jsarraf fi sfida akbar għan-nisa milli għall-irġiel minħabba li n-nisa jirrappreżentaw sehem akbar mix-xogħol tad-dar u r-responsabbiltajiet ta’ kura. Skont l-Indiċi dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (15) (16), il-punteġġ tal-UE naqas mill-2010 ’l hawn fid-dominju tal-ħin, li jkejjel it-tqassim tax-xogħol tad-dar u tar-responsabbiltajiet ta’ kura. Il-varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-Istati Membri jirriflettu differenzi fis-sistemi nazzjonali u l-kulturi familjari.

4.3

Il-pandemija żiedet il-pressjoni fuq il-familji f'termini tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Dan japplika b’mod speċjali għan-nisa u l-ommijiet waħedhom, filwaqt li fir-rigward tal-kura tat-tfal, hemm indikazzjonijiet ta’ diskrepanza iżgħar bejn il-ġeneri minħabba li ż-żewġ ġenituri ħadmu mid-dar (17). It-telexogħol jista’ jipprovdi ħafna opportunitajiet biex jikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u koordinazzjoni aħjar tista' żżid il-valur. Madankollu, il-KESE wissa wkoll dwar il-ħtieġa li jiġi evitat li t-telexogħol ikompli jwessa’ d-diviżjoni inugwali tax-xogħol fid-dar bejn in-nisa u l-irġiel (18). Il-pandemija affettwat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ta’ nisa f’diversi pożizzjonijiet, inkluż intraprendituri, diretturi u impjegati. Wieħed ma għandux jinsa li n-nisa ħafna drabi jkollhom sens differenti ta’ obbligu ta’ rendikont u responsabbiltà fir-rigward tal-“kura għal ħaddieħor”.

4.4

Ħafna fatturi marbutin mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiddependu fuq l-infrastruttura soċjali nazzjonali, li għandha rwol importanti biex tinkiseb parteċipazzjoni ogħla fis-swieq tax-xogħol u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. L-aktar sistemi ovvji jkopru s-sistema tal-kura, il-liv tal-ġenituri, is-sistema skolastika, u miżuri dwar l-impjiegi.

4.5

Filwaqt li jtenni s-suġġerimenti preċedenti tiegħu (19), il-KESE jqis li huwa importanti li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata b’mod ambizzjuż, effiċjenti u f’waqtu, biex jipprovdu lill-familji b’għażliet adatti u aktar ugwali, inkluża l-promozzjoni ta’ liv parentali imħallas aħjar għaż-żewġ ġenituri. Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tad-Direttiva trid tikkunsidra wkoll il-ħtiġijiet tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs.

4.6

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jinvestu f’infrastrutturi tal-kura diversi, inklużi l-kura tat-tfal, kura wara l-ħin tal-iskola, kura tal-anzjani u kura għal persuni b’diżabilità, u b’hekk jiġu żgurati l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà għal kulħadd. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri, flimkien mal-imsieħba soċjali, biex ifasslu strumenti adatti, li jgħinu lill-familji jkollhom aċċess faċli u effettiv għas-servizzi tal-appoġġ u l-kura.

4.7

Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ mentalità ġdida fil-livelli kollha biex tittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’rabta mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. It-tnaqqis u t-tkissir tal-ħsieb sterjotipiku fir-rigward tar-rwoli tal-familja huma kruċjali hawnhekk, kif ukoll prattiki ta’ impjieg li jinkoraġġixxu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

5.   Kummenti speċifiċi — tmexxija

5.1

Filwaqt li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol huma żgurati mil-leġiżlazzjoni, il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u tal-irġiel fit-tmexxija tan-negozju hija appoġġjata, mhux biss mill-għoti ta’ opportunitajiet indaqs, iżda anke mill-benefiċċji ekonomiċi u tas-soċjetà usa’ li din iġġib permezz tal-kontribut tagħha għal perspettivi, kreattività u kompetittività usa’ (20). Huwa fl-interess tal-kumpaniji li jagħmlu użu mill-edukazzjoni ogħla u mit-talenti tan-nisa billi jappoġġjaw il-preżenza tagħhom fil-bordijiet u f’pożizzjonijiet oħrajn ta’ tmexxija. Dan jirrikjedi li l-benefiċċji tad-diversità jinftiehmu sew, kif ukoll l-impatt negattiv għall-individwi u s-soċjetà li ma jippromovux id-diversità fl-oqsma kollha.

5.2

Filwaqt li għad hemm ħafna lok għal titjib, l-akbar progress fil-punteġġ tal-UE fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri mill-2010 ’l hawn kien fid-dominju tas-setgħa, li jkejjel il-progress fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi. L-aktar titjib notevoli kien il-preżenza akbar tan-nisa fil-bordijiet tal-akbar kumpaniji elenkati. Dan jispjega l-parti l-kbira taż-żieda ġenerali fil-punteġġ fl-Indiċi (21).

5.3

Il-mezzi għat-tisħiħ tad-diversità tal-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji jvarjaw bejn l-Istati Membri (22) u hemm differenzi ċari f’termini tas-sitwazzjoni attwali u l-progress li sar maż-żmien. Xi Stati Membri adottaw kwoti nazzjonali obbligatorji għal kumpaniji kbar u elenkati, bi kwoti li jvarjaw minn 25 % sa 40 % (23). Min-naħa l-oħra, għadd ta’ Stati Membri jaqbżu l-medja tal-UE jew għamlu progress sostanzjali mingħajr ma kellhom kwoti, billi serrħu fuq awtoregolazzjoni. Fi Franza, fejn ġiet introdotta leġiżlazzjoni fl-2011, aktar minn 40 % tal-membri tal-bordijiet huma nisa, u tmien pajjiżi qabżu l-livell ta’ terz. Fl-istess ħin, hemm xi Stati Membri li għandhom sehem ta’ inqas minn 10 %. Is-sehem medju fl-UE huwa ta’ madwar 30 %.

5.4

Id-differenzi jorbtu wkoll ma’ kumpaniji individwali. Filwaqt li l-aqwa kumpaniji wrew progress konsiderevoli, kien hemm anqas bidla fil-qiegħ tal-klassifikazzjoni tal-kumpaniji (24). Ta’ min wieħed jinnota wkoll li għalkemm il-membri tal-bordijiet ħafna drabi huma mexxejja eżekuttivi, il-pajjiżi li għandhom l-aħjar prestazzjoni f’termini tal-proporzjon ta’ nisa li għandhom pożizzjoni ta’ CEO fil-kumpaniji l-kbar ma jidhirx li huma l-istess pajjiżi li għandhom l-aħjar prestazzjoni f'termini ta’ membri tal-bord tal-kumpaniji (25).

5.5

Għaldaqstant, ma jidhirx li hemm spjegazzjoni waħda biss għad-differenzi bejn l-Istati Membri. Dan mhuwiex sorprendenti, peress li d-differenzi fit-tradizzjonijiet u l-kulturi nazzjonali għandhom rwol sinifikanti fl-iżvilupp tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-appoġġ għall-iżvilupp pożittiv, il-kondiviżjoni tal-aħjar prassi u t-tagħlim mill-esperjenzi tal-oħrajn huma importanti ferm.

5.6

Il-KESE jtenni wkoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni (26), u jilqa’ l-ftehim politiku li ntlaħaq reċentement bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar id-Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati, propost mill-Kummissjoni fl-2012. Il-Kumitat jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jipproċedu malajr biex jimplimentawha b’mod rapidu u effiċjenti. L-Istati Membri, f’konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali, huma fl-aqwa pożizzjoni biex jiddeċiedu dwar l-aħjar miżuri u l-miżuri l-aktar prattiċi adegwati biex jiżdied l-għadd ta’ nisa fil-bordijiet, filwaqt li jikkunsidraw li huma s-sidien ta’ kumpanija li jiddeċiedu l-kompożizzjoni ta’ bord.

5.7

Skont il-KESE huwa importanti li tiġi promossa t-tmexxija min-nisa permezz ta’ programmi komuni għal mexxejja u kandidati nisa għal pożizzjonijiet fuq bordijiet u ta’ postijiet maniġerjali għoljin, u permezz ta’ taħriġ individwali u mentoraġġ (27). Huwa jħeġġeġ lill-kumpaniji li jinvestu fi programmi bħal dawn li jistgħu jiġu appoġġjati minn finanzjament tal-UE. Il-promozzjoni tan-nisa għal pożizzjonijiet korporattivi ewlenin għandha tkun akkumpanjata wkoll minn ħlas daqs tal-irġiel li jokkupaw l-istess karigi, skont il-prinċipju ta’ paga ugwali għal impjieg ugwali, li l-KESE japprova bis-sħiħ.

6.   Kummenti speċifiċi — intraprenditorija

6.1

Fil-promozzjoni tal-intraprenditorija, irid jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-kreattività u l-kapaċitajiet tan-nisa. L-intraprendituri nisa wrew ukoll li huma b’saħħithom u reżiljenti meta affaċċjati bi kriżi u kaos (28).

6.2

L-intraprendituri nisa wkoll intlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija, u kellhom iġorru sehem sproporzjonat tar-responsabbiltajiet ta’ indukrar, aggravati min-nuqqas ta’ servizzi tal-indukrar tat-tfal u l-lockdown. Madankollu, ħafna intraprendituri nisa rnexxielhom idawru l-kuntest ta’ negozju l-ġdid għall-vantaġġ tagħhom u jispiraw lil ħaddieħor, speċjalment lil nisa oħra, biex huma wkoll isiru intraprendituri u jibdew aktar negozji. Dan jipproduċi effetti pożittivi bħall-ħolqien tax-xogħol u l-benesseri konsegwenti.

6.3

L-Ewropa għandha fost l-aktar rati baxxi ta’ intraprenditorija tan-nisa meta mqabbla ma’ nisa f’partijiet oħra tad-dinja (5,7 % mqabbla ma’ medja dinjija ta’ 11 %). Spjegazzjoni waħda hija li n-nisa fil-pajjiżi Ewropej għandhom aktar għażliet ta’ impjiegi oħrajn, meta mqabblin ma’ partijiet oħrajn tad-dinja. Madankollu, in-nuqqas ta’ impjiegi xorta kienet l-aktar raġuni msemmija għall-bidu ta’ negozju, min-nisa aktar milli mill-irġiel (29).

6.4

L-aċċess għall-finanzjament huwa prerekwiżit għall-intraprenditorija, u jrid jiġi żgurat aċċess ugwali kemm f’termini ta’ finanzjament privat kif ukoll finanzjament pubbliku. Il-KESE jappella għall-evalwazzjoni tal-kriterji tal-finanzjament relevanti, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, għall-promozzjoni tal-ugwaljanza fl-intraprenditorija, kif ukoll għat-tħeġġiġ tal-investiment fi proġetti li jsaħħu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż fl-infrastruttura diġitali u tal-kura.

6.5

Fl-Ewropa hemm probabbiltà ferm ogħla li jekk in-nisa jmexxu intrapriża jkollhom inqas impjegati (bejn 1 u 5), jew inkella jaħdmu għal rashom. In-nisa li jaqgħu taħt gruppi akbar fl-età għandhom aktar probabbiltà li jmexxu intrapriżi. Filwaqt li n-nisa jqisu l-intraprenditorija bħala għażla attraenti u għalkemm bħala medja għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni, huma jesprimu sens baxx ta’ intraprenditorija, f’dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ġodda ta’ negozju, il-ħiliet meħtieġa biex jibdew negozju u li ma jibżgħux li jfallu (30).

6.6

Flimkien ma’ raġunijiet kulturali, il-problemi tat-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet tax-xogħol u tal-familja jistgħu jwasslu għal din it-tip ta’ perċezzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, l-intraprendituri nisa jistgħu jkunu limitati għal ċerti setturi u joqogħdu lura milli ikabbru n-negozju tagħhom. Bil-għan li titħeġġeġ l-intraprenditorija tan-nisa, jeħtieġ li n-nisa jiġu appoġġjati biex jegħlbu dawn il-perċezzjonijiet u l-fatturi limitanti (31). F’konformità mal-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-istrateġija ta’ livell għoli tal-UE biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod ġenerali tilħaq l-objettivi tagħha bl-aktar mod effettiv u effiċjenti, jistgħu jiġu pprovduti aktar inċentivi permezz ta’ miżuri li jissemplifikaw il-proċeduri amministrattivi u jnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità, mingħajr ma jheddu l-livell ta’ protezzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti (32).

7.   Kummenti speċifiċi — Refuġjati Ukreni

7.1

L-invażjoni Russa fl-Ukrajna kkawżat kriżi umanitarja mingħajr preċedent, inkluż il-wasla ta’ mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati li qegħdin ifittxu ażil – prinċipalment nisa u tfal – fl-Istati Membri tal-UE. L-Istati Membri kollha, appoġġjati mis-soċjetà ċivili, qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom biex jieħdu ħsieb u jakkomodaw lir-refuġjati u jintegrawhom fis-swieq tax-xogħol, iżda hemm ħafna sfidi li jeħtieġu soluzzjonijiet ikkoordinati aħjar (33).

7.2

Peress li l-parti l-kbira tar-refuġjati huma nisa bit-tfal, l-aċċess għal servizzi ta’ kura soċjali, ċentri għall-indukrar tat-tfal, kindergartens u skejjel huwa l-ostaklu ewlieni li qed jipprevjeni lin-nisa milli jiġu integrati fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, li jingħeleb l-ostaklu lingwistiku, ir-rikonoxximent tal-edukazzjoni u l-kwalifiki tar-refuġjati u t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet f’qasir żmien huma elementi ewlenin tal-integrazzjoni. L-iżgurar tal-mezzi meħtieġa għal xogħol mill-bogħod, bħal konnettività mal-internet u tagħmir, huma wkoll fost l-għodda meħtieġa biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

7.3

Il-KESE jappella għal approċċ aktar koordinat bejn l-Istati Membri meta jpoġġu fil-prattika l-Gwida ta’ politika dwar l-appoġġ għall-inklużjoni tar-refuġjati Ukreni fl-edukazzjoni: kunsiderazzjonijiet, prinċipji ewlenin u prattiki (34). Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tattiva l-possibbiltajiet potenzjali kollha ta’ finanzjament, speċjalment għall-Istati Membri li jilqgħu għadd kbir ta’ refuġjati.

7.4

In-nisa waqt il-gwerra u n-nisa li qed jaħarbu mill-kunflitt huma aktar vulnerabbli għall-isfruttament sesswali u l-abbuż sesswali. Fil-gwerra, ħafna drabi l-istupru jintuża bħala arma. Għar-refuġjati nisa Ukreni, u b’mod partikolari għall-vittmi tal-istupru, huwa kruċjali li jkun hemm aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-kontraċezzjoni, il-kontraċezzjoni ta’ emerġenza, il-kura ta’ abort sikur u l-kura ta’ trawma psikoloġika. In-nisa ma għandhom qatt jiġu mġiegħla jkomplu bi tqala mhux mixtieqa. In-nuqqas/L-assenza ta’ dawn is-servizzi fl-Istati Membri ma għandu qatt ikun raġuni biex dawn jitwaqqfu milli jitilqu minn pajjiż mhux sikur. L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw aċċess għal dawn is-servizzi għar-refuġjati kollha. B’mod ġenerali, il-kura tat-trawma għal kull refuġjat jeħtieġ li tiġi offruta b’mod proattiv, inkella din hija l-bażi perfetta għal tnissil għal kunflitti sussegwenti u emozzjonijiet negattivi li jiswew ħafna lill-Istati! F’dan il-qasam, jenħtieġu offerti ta’ appoġġ ibridi u b'limitu baxx u l-finanzjament ta’ negozji ġodda bħal dawn jeħtieġ li jiġi appoġġjat b’mod konsistenti.

7.5

Kwistjoni oħra li għandha tiġi indirizzata hija l-istatus tat-tilqim tar-refuġjati – speċjalment it-tfal. Peress li l-UE għandha programmi żviluppati sew ta’ tilqim għat-tfal, ħafna mard perikoluż ġie eliminat – bħall-poliomyelitis, il-ġidri, xi tipi ta’ epatite, eċċ. Biex din il-kisba tiġi ppreservata, l-Istati Membri jridu jimmobilizzaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom, u linji gwida fil-livell tal-UE jkunu ta’ għajnuna kbira f’dan il-proċess. Komplikazzjonijiet addizzjonali joħorġu mill-fatt li f’ħafna Stati Membri l-aċċess għall-kura soċjali eż. il-kindergarten jew l-iskola, huwa soġġett għal status ta’ tilqim komplut.

7.6

Aktar ’il quddiem, ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna għandha tkun opportunità biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fost l-Ukreni, billi jissaħħu l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, u l-infrastruttura soċjali u diġitali, fost affarijiet oħra.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  SOC/723 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali); ĠU C 364, 28.10.2020, p. 77; ĠU C 240, 16.7.2019, p. 3, ĠU C 228, 5.7.2019, p. 103

(2)  Ara pereżempju, l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)  ĠU C 194, 12.5.2022, p. 19.

(4)  https://sweden.se/life/equality/gender-equality

(5)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 13.

(6)  Global Entrepreneurship Monitor.

(7)  Għal aktar aspetti relatati mal-ġeneru b’rabta mat-tixjiħ, ara wkoll ĠU C 194, 12.5.2022, p. 19.

(8)  EIGE.

(9)  Indiċi tad-Differenza bejn il-Ġeneri.

(10)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 84

(11)  In-negozju ġdid diġitali, imwaqqaf min-nisa UP’N’CHANGE (www.upnchange.com) sab modi biex isarraf għarfien espert profond fil-psikoloġija u l-ikkowċjar f’għodod diġitali sempliċi biex jgħinu lin-nies jiżviluppaw ħiliet personali, soċjali u kreattivi. Il-viżjoni ta’ UP’N’CHANGE hija li l-potenzjal tal-impjegati u t-timijiet ikun sfruttat b’għodod diġitali biex l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jiksbu suċċess sostenibbli. Għaliex sett tajjeb ta’ ħiliet ifisser kollaborazzjoni effettiva. Kollaborazzjoni effettiva tfisser innovazzjoni. U l-innovazzjoni tfisser tkabbir għal kulħadd.

(12)  Laqgħa Annwali tal-Forum Ekonomiku Dinji, 2020.

(13)  Ibid.

(14)  Il-fenomenu tal-impostur eż., fejn wieħed jiġi affettwat minn dubju personali dwar l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet tiegħu stess, jista’ jfixkel l-applikazzjoni għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija jew pożizzjonijiet esposti. Nies li jirriflettu ħafna, b’mod speċjali, li għandhom it-tendenza li jirtiraw f’ċirkostanzi stressanti, isibu diffikultajiet iħabbtu wiċċhom ma' persuni li jipprojettaw fiduċja qawwija fihom infushom.

(15)  EIGE, https://eige.europa.eu/publications/gender-equality-index-2020-report/progress-gender-equality-most-notable-company-boards

(16)  Eurofound.

(17)  Sevilla u Smith, 2020.

(18)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 13

(19)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44

(20)  Ara wkoll ĠU C 318, 23.12.2009, p. 15ĠU C 341, 21.11.2013, p. 6.

(21)  Nota statistika tal-EIGE: il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi 2020.

(22)  EIGE.

(23)  https://eige.europa.eu/news/countries-legislated-quotas-could-achieve-gender-balance-parliaments-2026-those-without-may-take-close-twenty-years

(24)  Nisa Ewropej fuq il-Bordijiet, https://europeanwomenonboards.eu/wp-content/uploads/2021/01/EWoB-Gender-Diversity-Index-2020.pdf

(25)  Sorsi differenti kkombinati mill-Kamra tal-Kummerċ tal-Finlandja, https://naisjohtajat.fi/wp-content/uploads/sites/28/2019/01/women-directors-and-executives-report-2018.pdf

(26)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 68.

(27)  Eżempju eċċellenti huwa l-programmi ta’ taħriġ u appoġġ, offruti minn WKÖ — https://www.wko.at/service/Women_in_Business.html

(28)  Women's Entrepreneurship 2020/21: Thriving Through Crisis (L-intraprenditorija tan-Nisa 2020/21: Suċċess fil-Kriżi). Ippubblikat mill-Global Entrepreneurship Research Association, London Business School, ISBN: 978-1-9160178-8-7 (mhux disponibbli bil-Malti).

(29)  Ibid.

(30)  Global Entrepreneurship Monitor.

(31)  Ara wkoll ĠU C 299, 4.10.2012, p. 24.

(32)  SME focus – Long-term strategy for the European industrial future (Fokus fuq l-SMEs – Strateġija fit-tul għall-futur industrijali Ewropew). Dipartiment Tematiku għall-Politika Ekonomika, Xjentifika u tal-Kwalità tal-Ħajja, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew. Awtur: Stephanus Johannes SMIT, PE 648.776 – April 2020 (mhux disponibbli bil-Malti).

(33)  Nibnu fuq is-suġġerimenti ta’ ĠU C 242, 23.7.2015, p. 9.

(34)  https://www.schooleducationgateway.eu/mt/pub/resources/publications/policy-guidance-on-refugees.htm


ANNESS

L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 43(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

EMENDA 1

Imressqa minn:

ANGELOVA Milena

BLIJLEVENS René

KONTKANEN Mira-Maria

MINCHEVA Mariya

PILAWSKI Lech

VADÁSZ Borbála

SOC/731 — L-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Punt 3.5

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Filwaqt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol kibret f’dawn l-aħħar għaxar snin, għad hemm segregazzjoni ċara tal-ġeneri (1). L-inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet ekonomiċi għan-nisa għadhom jippersistu, għalkemm l-Ewropa għandha l-aktar rati baxxi ta’ inugwaljanza – b’xi differenzi bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant – meta mqabbla ma’ partijiet oħrajn tad-dinja (2). Il-KESE appella wkoll għal miżuri fil-pront biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa fl-oqsma u s-setturi kollha, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri vinkolanti ta’ trasparenza fil-pagi (3), u jenfasizza li tal-ewwel jaggrava lil dawn tal-aħħar, li n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għalihom.

Apparti minn hekk, il-kuntest kulturali u l-isterjotipi tradizzjonali jaffettwaw l-għażliet okkupazzjonali tan-nisa. Pereżempju, hemm ħafna aktar nisa milli rġiel li jaħdmu fl-edukazzjoni, il-kura, fis-saħħa u fis-setturi soċjali, filwaqt li l-irġiel jiddominaw setturi bħall-kostruzzjoni u l-industriji peżanti.

Filwaqt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol kibret f’dawn l-aħħar għaxar snin, għad hemm segregazzjoni ċara tal-ġeneri (1). L-inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet ekonomiċi għan-nisa għadhom jippersistu, għalkemm l-Ewropa għandha l-aktar rati baxxi ta’ inugwaljanza – b’xi differenzi bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant – meta mqabbla ma’ partijiet oħrajn tad-dinja (2). Il-KESE appella wkoll għal miżuri fil-pront biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa fl-oqsma u s-setturi kollha, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza fil-pagi (3), u jenfasizza li tal-ewwel jaggrava lil dawn tal-aħħar, li n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għalihom.

Apparti minn hekk, il-kuntest kulturali u l-isterjotipi tradizzjonali jaffettwaw l-għażliet okkupazzjonali tan-nisa. Pereżempju, hemm ħafna aktar nisa milli rġiel li jaħdmu fl-edukazzjoni, il-kura, fis-saħħa u fis-setturi soċjali, filwaqt li l-irġiel jiddominaw setturi bħall-kostruzzjoni u l-industriji peżanti.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

93

Kontra:

114

Astensjonijiet:

12


(1)  EIGE.

(2)  Indiċi tad-Differenza bejn il-Ġeneri.

(3)  SOC/678.

(1)  EIGE.

(2)  Indiċi tad-Differenza bejn il-Ġeneri.

(3)  SOC/678.


Top