EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE1691

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kost tan-non-Ewropa — il-benefiċċji tas-suq uniku” (Opinjoni esploratorja)

EESC 2022/01691

ĠU C 443, 22.11.2022, p. 51–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kost tan-non-Ewropa — il-benefiċċji tas-suq uniku”

(Opinjoni esploratorja)

(2022/C 443/07)

Relatur:

Philip VON BROCKDORFF

Korelatur:

Émilie PROUZET

Konsultazzjoni

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26.1.2022

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

27.6.2022

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

63/1/1

Adottata fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

194/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li s-suq uniku huwa dwar it-titjib tal-benessri permezz tal-konverġenza soċjali u ekonomika mmirata biex tnaqqas l-inugwaljanzi u li jiġi żgurat li l-aggravament tal-iżbilanċi soċjali ma jwassalx biex jinħolqu ostakli serji għall-integrazzjoni Ewropea.

1.2.

Il-KESE jemmen li testi legali nazzjonali li potenzjalment ifixklu s-suq intern iridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni Ewropea (KE) u jridu jiġu kkummentati u evalwati. Mingħajr dan, dawn il-proċeduri jibqgħu ineffettivi u jistgħu joħolqu ostakli bla bżonn.

1.3.

Fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni nazzjonali, il-KESE jirrakkomanda biex l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal miżuri nazzjonali inqas restrittivi permezz tar-rotta tal-“kooperazzjoni msaħħa”.

1.4.

Il-KESE jitlob ukoll implimentazzjoni u infurzar effettivi tad-direttivi diġà nnegozjati u sottomessi għall-votazzjoni, bħall-pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (1) u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (2) huma pass kruċjali fil-kisba ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi fis-swieq diġitali. Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni massima fl-ambitu tal-Att dwar is-Swieq Diġitali għandha tkun prijorità.

1.6.

Bl-istess mod, il-fluss liberu tad-data huwa vitali għall-innovazzjoni Ewropea, għat-tkabbir tan-negozji u b’appoġġ għas-Suq Uniku Diġitali.

1.7.

Il-KESE jissottolinja li r-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista (TSCs) qed ixekklu l-iżvilupp tas-suq uniku u jistieden lill-KE tindirizza l-effett antikompetittiv tat-TSCs.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda approċċ koordinat bejn l-Istati Membri dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti milquta mill-kriżi fl-Ukrajna. Il-kriżi kkawżata mill-aggressjoni tar-Russja ħolqot restrizzjonijiet enormi fuq il-provvista.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda miżuri ta’ politika nazzjonali aktar effettivi u provvista ta’ inċentivi ta’ mobilità, b’enfasi fuq politiki attivi tas-suq tax-xogħol bħal benefiċċji relatati max-xogħol għall-ħaddiema tal-UE.

1.10.

Filwaqt li jirrikonoxxi li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija proġett kumpless, il-KESE jinnota li l-UE għad għandha 27 suq kapitali u finanzjarju li ma jaħdmux b’mod unitarju, u b’hekk jillimitaw il-potenzjal tas-suq uniku.

1.11.

F’dan iż-żmien ta’ inċertezza kbira, jeħtieġ li tiġi żgurata politika tal-kompetizzjoni li tkun partikolarment immirata lejn it-twettiq tat-tranżizzjonijiet li l-UE impenjat ruħha għalihom. Barra minn hekk, kwalunkwe forma ta’ dumping kummerċjali, soċjali, regolatorju, fiskali jew ambjentali li jfixkel il-kompetizzjoni m’għandux ikun permess.

1.12.

Fl-aħħar nett, il-KESE huwa tal-fehma li għandha tiġi adottata “awtonomija strateġika miftuħa”, speċjalment f’setturi ewlenin, biex tgħin fil-bini tar-reżiljenza, tad-diversifikazzjoni u ta’ aġenda ambizzjuża għall-kummerċ.

2.   Sfond

2.1.   L-għan tas-suq uniku

2.1.1.

L-għan tas-suq uniku tal-UE kien it-tneħħija tal-ostakli għall-movimenti tal-oġġetti, tas-servizzi, tal-kapital u tan-nies fi sforz biex tissaħħaħ il-produttività u l-kompetittività madwar l-UE.

2.2.   Ir-responsabbiltà kondiviża tas-suq uniku

2.2.1.

Il-funzjonament tas-suq uniku huwa responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri. Madankollu, fil-qagħda attwali, għad hemm ħafna differenzi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’ħafna każi, tali differenzi jistgħu jitqiesu bħala mhux ġustifikati jew sproporzjonati u fi kwalunkwe każ joħolqu ostakolu għall-moviment liberu tan-nies, tal-oġġetti u tas-servizzi.

2.3.   Ir-responsabbiltà tal-Istati Membri

2.3.1.

Oġġettivament, jista’ jkun hemm raġunijiet validi għal diverġenza fost l-Istati Membri iżda tali ġustifikazzjonijiet mhux dejjem jiġu pprovduti u xi drabi l-Istati Membri ma jippruvawx jibbilanċjaw il-ġustifikazzjoni fil-livell nazzjonali mal-impatti negattivi possibbli fuq is-suq uniku. B’konsegwenza ta’ dan, għad hemm ħafna ostakoli regolatorji u mhux regolatorji fi ħdan l-UE li jagħmlu s-suq uniku “mhux komplut” u frammentat bħal:

Leġiżlazzjoni nazzjonali ġustifikata fuq is-suppożizzjoni li l-prinċipju tas-sussidjarjetà qed jiġi applikat;

In-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-prinċipju ta’ rikonoxximent allegatament reċiproku;

Il-proliferazzjoni ta’ traspożizzjonijiet żejda, magħrufa wkoll bħala gold-plating, u traspożizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali dwar it-traspożizzjoni ta’ testi legali tal-UE li ġew miftiehma fil-livell tal-UE. Fil-fatt, għadd ta’ ostakoli li għandhom impatt fuq is-suq uniku jirriżultaw minn applikazzjoni mhux korretta jew mhux kompluta tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u minn Stati Membri li japplikaw regoli nazzjonali li jmorru kontra l-għanijiet tas-suq uniku. Għalhekk, l-implimentazzjoni mhux preċiża jew mhux korretta mill-Istati Membri u n-nuqqas ta’ infurzar mill-Kummissjoni, għandhom konsegwenzi ta’ ħsara kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali għaċ-ċittadini u n-negozji;

L-applikazzjonijiet fil-livell nazzjonali ta’ miżuri Ewropej li ġejjin fejn il-gvernijiet u l-parlamenti li qed jippruvaw jantiċipaw l-applikazzjoni tal-politiki tal-UE billi jpoġġu l-interessi nazzjonali l-ewwel minkejja li l-politiki tal-UE għadhom qed jiġu żviluppati mill-Kummissjoni. Eżempju ta’ dan huwa l-politika tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari.

L-interessi nazzjonali li huma prevalenti fuq il-kwistjonijiet tal-ekosistemi strateġiċi Ewropej.

2.4.   L-ispiża ekonomika tar-restrizzjonijiet għas-suq uniku

2.4.1.

L-eżempji msemmija hawn fuq juru l-ispejjeż ewlenin tan-non-Ewropa u diversi studji fil-fatt enfasizzaw il-qligħ ekonomiku kbir minn suq uniku “komplut”. Ir-rapport ġenerali mill-Parlament Ewropew wera li dawn ivarjaw minn EUR 650 biljun u EUR 1,1 triljun fis-sena, l-ekwivalenti ta’ bejn 5 u 8,6 % tal-PDG tal-UE (3).

2.4.2.

L-istess studju ta’ RAND Europe għall-Parlament Ewropew investiga l-impatt ekonomiku fuq is-suq uniku ta' ostakoli aktar baxxi għall-kummerċ. Skont l-istudju, l-impatt tal-flussi ta' kummerċ imtejba, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi minħabba ostakoli għall-kummerċ aktar baxxi jwassal għal benefiċċji ekonomiċi ta’ bejn EUR 183 u EUR 269 biljun fis-sena (4).

2.4.3.

Rilevanti wkoll f’termini ta’ benefiċċji potenzjali mitlufa hija l-istima tal-KE ta’ suq uniku diġitali tal-UE integrat b’mod sħiħ. Il-KE tiddikjara li dan jista’ jippromovi l-innovazzjoni, jikkontribwixxi EUR 415-il biljun għall-ekonomija tal-UE kull sena u joħloq mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda (5).

2.4.4.

Dan kollu jindika l-benefiċċji ekonomiċi potenzjali sinifikanti (u l-benefiċċji soċjali assoċjati) li setgħu jiġu pprovduti minn suq uniku aktar komplut. Fi kliem ieħor, dan jirrappreżenta l-ispiża ekonomika totali jew il-valur miżjud mitluf u l-ġid pubbliku kollettiv tan-non-Ewropa.

2.4.5.

Minkejja l-limitazzjonijiet, s’issa is-suq intern għen biex jippreserva u jrawwem il-prosperità ekonomika tal-UE. Madankollu, jeħtieġ li tissaħħaħ l-kompetittività kif ukoll ir-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE, kemm permezz ta’ aktar riformi tas-suq uniku kif ukoll billi jiġu indirizzati d-dipendenzi strateġiċi. Jeħtieġ li tiġi promossa wkoll kultura intraprenditorjali fl-UE, fejn in-negozji innovattivi ta’ kull daqs, u b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs), kif ukoll negozji ġodda, jingħataw appoġġ aktar effettiv u jkunu jistgħu jirnexxu sabiex jikkontribwixxu għal soċjetajiet aktar reżiljenti u koeżivi. Daqstant importanti, suq uniku li jiffunzjona tajjeb jiffaċilita l-viżjoni għal Ewropa aktar soċjali: waħda li tpoġġi l-benesseri taċ-ċittadini fuq nett tal-aġenda politika, u tgħin biex tevita gradar soċjali ’l isfel.

3.   Restrizzjonijiet

3.1.

Ir-restrizzjonijiet eżistenti jinkludu dawk assoċjati mar-regolamentazzjoni, mal-kwistjonijiet ta’ liġi nazzjonali, mal-kwistjonijiet ta’ taxxa, mal-kwistjonijiet ta’ loġistika u provvista, u ma’ differenzi oħra aktar sfumati fl-Istati Membri tal-UE li għadhom jagħmlu l-kummerċ fl-UE diffiċli.

3.2.

Ir-restrizzjonijiet qed iżommu lura wkoll setturi ekonomiċi ewlenin bħas-servizzi, li għadhom frammentati fuq linji nazzjonali, kif jidher hawn taħt:

Regoli nazzjonali storikament restrittivi li huma spiss iġġustifikati mill-prinċipju tas-sussidjarjetà;

Implimentazzjoni u applikazzjoni difettuża tad-Direttiva dwar is-Servizzi li tfixkel il-libertà tal-istabbiliment, il-moviment liberu tas-servizzi u l-libertà li jiġi pprovdut servizz;

Liġijiet kummerċjali nazzjonali li jfixklu n-negozju fil-mod kif jagħmlu n-negozju. Ħafna drabi dawn il-liġijiet ifixklu l-kompetittività tas-settur, huma protezzjonisti u jimminaw l-investiment min-negozji affidabbli u leġittimi fi Stati Membri oħra;

Rekwiżiti nazzjonali li jfixklu l-moviment liberu tal-merkanzija. Ħafna drabi, l-Istati Membri ma jinnotifikawx ir-rekwiżiti tekniċi nazzjonali ġodda skont il-proċedura stabbilita fid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u ma japplikawx il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fl-attivitajiet mhux armonizzati, pereżempju d-direttivi li jiġu estiżi meta jiġu trasposti fid-drittijiet nazzjonali ta’ Stat Membru, eċċ.

3.3.

Il-KESE jirrimarka li l-proċeduri ta’ ksur huma twal, għaljin u l-eżitu huwa inċert. Għan-negozji, dan jikkostitwixxi spiża għolja wisq u jiskoraġġixxihom milli jespandu n-negozju tagħhom jew jinvestu xi mkien ieħor fl-UE. Barra minn hekk, dawn ir-restrizzjonijiet iċaħħdu lill-konsumaturi minn għażla ikbar, servizz imtejjeb u prezzijiet orħos. Il-KESE jappella wkoll għal azzjoni aktar b’saħħitha min-naħa tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ ksur.

3.4.

Din l-ispiża taffettwa l-ekonomija ġenerali, tillimita l-kompetittività, il-potenzjal tat-tkabbir, u l-iżvilupp ulterjuri tal-ekonomija tas-sistema tas-suq.

3.5.

Bħal f’kull ekonomija, l-UE hija affettwata minn xokkijiet esterni, iżda r-rispons għal dawn ix-xokkijiet u l-mod li bih jirreaġixxu s-swieq huma essenzjalment iddeterminati mill-politiki individwali tal-Istati Membri f’pajjiżhom u l-miżuri meħuda biex jistimulaw l-imġiba ekonomika. Il-gwerra fl-Ukrajna ħarġet fid-dieher id-dipendenza tal-UE fuq il-ktajjen tal-valur globali. Il-kriżi li qed tiżvolġi x’aktarx li ser taffettwa s-setturi b’mod differenti, iżda m’hemm l-ebda dubju li xi nuqqasijiet fl-armatura tas-suq uniku ġew esposti, b’mod partikolari, ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi, u l-komoditajiet essenzjali.

3.6.

Fl-aħħar nett, wieħed irid jinnota li madwar 82 % tal-prodotti nnegozjati fis-suq uniku huma soġġetti għal regoli armonizzati u madwar 18 % tal-kummerċ tal-oġġetti fi ħdan l-UE jaqa’ taħt rikonoxximent reċiproku. Madankollu, għad hemm każi ġodda ta’ regoli tekniċi nazzjonali li jidhru li jmorru kontra d-dritt tal-UE. Barra minn hekk, f’ħafna Stati Membri, kien hemm ukoll żieda reċenti fir-rekwiżiti tal-ittikkettar nazzjonali għall-prodotti tal-ikel u tax-xorb iġġustifikati mill-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ambjent. Fl-istess ħin, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku mhux qed jaħdem tajjeb ħafna. Dan jidher mill-fatt li 71 % tal-SMEs li applikaw għas-sistema eżistenti ta’ rikonoxximent reċiproku għal oġġetti mhux armonizzati rċevew deċiżjoni ta’ ċaħda tal-aċċess għas-suq.

4.   L-indirizzar tar-restrizzjonijiet

4.1.

Il-miżuri msemmija hawn isfel għandhom jgħinu biex jiġi sfruttat xi ftit mill-qligħ ekonomiku potenzjali derivat mis-suq uniku.

4.2.   L-użu ta’ għodod eżistenti b’mod aktar effettiv

4.2.1.

Il-KESE jemmen li testi nazzjonali li potenzjalment ifixklu s-suq intern iridu jiġu nnotifikati lill-KE u jridu jiġu kkummentati u evalwati. Mingħajr impenn li fih l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw u jikkummentaw/jevalwaw, dawn il-proċeduri ser jibqgħu ineffettivi. Għalhekk, hija meħtieġa sorveljanza aktar effettiva b’appoġġ għall-armonizzazzjoni tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-prodotti fl-Istati Membri kollha tal-UE. Eżempju ta’ dan huwa s-settur tal-bejgħ bl-imnut, li reċentement esperjenza żieda fir-restrizzjonijiet nazzjonali permezz tal-awtorizzazzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ kontenut lokali. Dan imur kontra l-Artikolu 28 u l-Artikolu 30 tat-Trattat fejn l-ittestjar nazzjonali mill-ġdid spiss jiġi applikat fuq ix-xiri tal-prodotti, u li diġà ġie mqiegħed legalment fis-suq uniku. Dwar is-servizzi, il-KESE jemmen ukoll li l-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi mhix qed taħdem kif suppost. Rigward il-libertà ta’ stabbiliment, il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-Istati Membri ma laħqux kompromess dwar il-proposta għall-hekk imsejħa Direttiva ta’ Notifika. Dan it-test seta’ jsaħħaħ l-obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-abbozzi ta’ liġijiet jew regolamenti dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni għas-servizzi (u għalhekk għall-ippjanar tal-bliet) (7). Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-KE u lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità applikata meta l-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli tekniċi. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li r-rekwiżiti nnotifikati jirċievu l-iskrutinju adatt irrispettivament minn liema proċedura ta’ notifika tintuża (8). Sabiex tiġi indirizzata l-problema fil-qalba tagħha, il-KESE jemmen li bidla leġiżlattiva ulterjuri minn armonizzazzjoni minima għal armonizzazzjoni massima hija meħtieġa.

4.2.2.

Qasam ieħor ta’ tħassib huwa l-applikazzjoni ta’ miżuri li jipprevjenu r-regolamentazzjoni ppjanata tal-UE, pereżempju ċ-ċertifikazzjoni nazzjonali, applikati bil-għan espliċitu li jipprovdu ċertu livell ta’ protezzjoni, partikolarment fis-settur agroalimentari. Fil-fehma tal-KESE, restrizzjonijiet bħal dawn huma għalkollox protezzjonisti, iżda meta jiġu żvelati bħala tali, il-proċess li jwassal għall-irtirar tagħhom ħafna drabi jimxi bil-mod u jkun problematiku, u b’hekk dawn ir-restrizzjonijiet għall-bejjiegħa jibqgħu fis-seħħ għal żmien twil wisq. Biex dan jiġi evitat, il-KESE jemmen li, alternattivament, l-Istati Membri jistgħu jimpenjaw ruħhom lejn miżuri nazzjonali inqas restrittivi permezz tar-rotta tal-“kooperazzjoni msaħħa”, awtorizzata mit-Trattat. Barra minn hekk, il-KESE jirreferi għall-prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew bħala qafas standard biex jappoġġja s-suq uniku li jista’ jiġi applikat f’oqsma oħra.

4.2.3.

Il-KESE jemmen ukoll li s-Semestru Ewropew jista’ jkun għodda effettiva biex jiġu ttrattati kwistjonijiet bħal dawn, b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni proporzjonata min-naħa tal-Kummissjoni jekk l-impenji għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) ma jiġux rispettati, inkluża s-sospensjoni potenzjali tal-fondi tal-UE. Dan huwa konformi mal-gwida tal-KE għall-Istati Membri dwar il-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza, li tenfasizza t-tneħħija tal-ostakli regolatorji u mhux regolatorji għas-suq intern, kif ukoll il-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jeħtiġilhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-Semestru Ewropew.

4.2.4.

Finalment, il-KESE jitlob implimentazzjoni u infurzar effettivi tad-direttivi diġà nnegozjati u sottomessi għall-votazzjoni. F’dan ir-rigward, il-KE u l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw il-pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, soġġett għal valutazzjonijiet tal-impatt ta’ kwalità tajba.

4.3.   L-isfruttar tal-potenzjal tas-suq uniku diġitali

4.3.1.

Il-KESE jemmen li l-ekonomija diġitali, li qiegħda dejjem tikber fl-Ewropa, tipprovdi opportunitajiet għat-tkabbir ekonomiku, u li l-kisbiet ekonomiċi potenzjali qed iseħħu permezz ta’ integrazzjoni akbar tas-servizzi diġitali madwar l-Istati Membri.

4.3.2.

F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali huma pass kruċjali fil-kisba ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi fis-swieq diġitali. Billi tiffoka fuq servizzi speċifiċi irrispettivament mill-post fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz jew mil-liġi applikabbli għall-forniment tas-servizz, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali jindirizzaw b’mod effettiv il-kwistjoni tat-trattament ugwali bejn l-operaturi online Ewropej u globali. Barra minn hekk, prijorità assoluta għall-KESE hija li jiġi evitat li l-multiplikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tkompli tifframmenta s-suq intern.

4.3.3.

Jistgħu jsiru wkoll kisbiet finanzjarji sinifikanti billi jiżdied l-użu tas-servizzi online u tittejjeb l-infrastruttura diġitali fi ħdan l-UE. F’dan il-kuntest, il-KE tirrakkomanda avvanz lejn reġim ta’ akkwist elettroniku u fatturazzjoni elettronika kompletament funzjonali. B’mod impressjonanti, l-istimi jissuġġerixxu li tranżizzjoni kompluta għall-akkwist elettroniku tista’ tiġġenera minn EUR 50 sa EUR 75 biljun fis-sena (9).

4.3.4.

Finalment, il-KESE jemmen li l-fluss liberu tad-data huwa vitali għall-innovazzjoni Ewropea, għat-tkabbir tan-negozji ta’ kull daqs, għall-ħolqien tal-impjiegi, u għall-kisba ta’ suq uniku diġitali. Il-leġiżlazzjoni b’appoġġ għall-fluss liberu tad-data diġà qiegħda fis-seħħ. Madankollu, għandu jiġi evitat kwalunkwe rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data mhux ġustifikat.

4.4.   L-isfruttar tar-restrizzjonijiet fuq il-provvista

4.4.1.

Il-KESE jinnota li r-Regolamenti tal-2018 dwar l-Imblukkar Ġeografiku għenu biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ fl-UE. Madankollu, il-konsumaturi Ewropej għadhom soġġetti għall-imblukkar ġeografiku tal-oġġetti u tas-servizzi. Fil-fatt, il-KESE jissottolinja l-eżistenza tat-TSCs persistenti li jistgħu jimmaterjalizzaw permezz ta’ prattiki differenti bħar-rifjut ta’ fornitura jew it-theddida tal-waqfien ta’ forniment lil distributur partikolari, li jillimitaw il-kwantitajiet disponibbli għall-bejgħ mill-Istati Membri; differenzi inspjegabbli fil-firxiet tal-prodotti u l-prezzijiet bejn l-Istati Membri; jew li jillimitaw l-għażliet tal-lingwa għall-ippakkjar tal-prodott. Il-KESE jenfasizza li t-TSCs qed ixekklu l-iżvilupp tas-suq uniku u l-benefiċċji potenzjali tiegħu għall-konsumaturi u jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza l-effett antikompetittiv tat-TSCs bil-ħsieb li jinkiseb suq uniku li jiffunzjona b’mod sħiħ.

4.4.2.

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna żvelat ir-riskji formidabbli tal-enerġija u tas-sigurtà tal-ikel li jeħtieġu approċċ strateġiku unifikat min-naħa tal-UE. Il-KESE jemmen li suq uniku li jiffunzjona tajjeb jista’ jappoġġja din l-istrateġija u jista’ wkoll itaffi xi wħud mill-pressjonijiet fuq il-prezzijiet li qed inaqqsu malajr il-kapaċità tal-akkwist madwar l-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-isforzi fil-livell tal-UE għall-kooperazzjoni dwar ix-xiri konġunt tal-gass (fuq bażi volontarja) sabiex jittaffew il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet tal-enerġija.

4.4.3.

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li s’issa ma kien hemm l-ebda approċċ koordinat bejn l-Istati Membri għal prodotti oħra milquta mill-kriżi fl-Ukrajna.

4.5.   It-tisħiħ tal-mobilità transfruntiera tal-ħaddiema u tal-professjonisti

4.5.1.

Il-mobilità transfruntiera tal-ħaddiema u tal-professjonisti madwar l-UE għadha sfida li tillimita l-provvista u li tikkawża diskrepanzi f’setturi bħall-IT u l-industrija tat-teknoloġija għolja minkejja l-politiki tal-UE mmirati biex jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-persuni. Id-data Ewropea u nazzjonali tissuġġerixxi li l-livell ta’ mobilità li hemm kemm bejn il-pajjiżi kif ukoll fi ħdanhom għadu baxx, anke meta mqabbel fuq livell internazzjonali.

4.5.2.

B’mod speċifiku, il-KESE jirrakkomanda miżuri ta’ politika nazzjonali aktar effettivi li jipprovdu inċentivi ta’ mobilità, b’enfasi fuq politiki attivi tas-suq tax-xogħol bħal benefiċċji relatati max-xogħol għall-ħaddiema tal-UE u tal-pajjiżi terzi bi status ta’ refuġjat. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li l-fatt li pajjiżi ospitanti joffru inċentivi finanzjarji lil dawk li qed ifittxu xogħol biex jaċċettaw impjieg fi Stat Membru jew reġjun ieħor għandu jħeġġeġ aktar il-mobilità. Barra minn hekk, aktar sforzi biex tittejjeb l-informazzjoni dwar l-impjiegi f’pajjiżi oħra tal-UE kif ukoll l-assistenza ta’ rilokazzjoni biex tappoġġja l-loġistika neċessarja għaċ-ċaqliq minn pajjiż għal ieħor — eż. it-tfittxija ta’ akkomodazzjoni, ir-reġistrazzjoni għal skopijiet ta’ taxxa, it-tfittxija ta’ skola għat-tfal tiegħek, li possibbilment tinstab għajnuna fit-tfittxija ta’ impjieg għas-sħab, eċċ. Il-KESE jwissi, madankollu, li l-mobilità tax-xogħol fl-UE kienet vittma tal-approċċ frammentat li għadu adottat s’issa. Jeħtieġ li jiġu evitati aktar politiki li mhumiex konnessi partikolarment fil-livell nazzjonali.

4.5.3.

Ir-rikonoxximent ta’ diplomi u kwalifiki, li huwa essenzjali biex jimtlew postijiet battala fejn hemm il-ħtieġa għal aktar ħaddiema, jibqa’ problema madwar l-UE kollha. Il-KESE jemmen li s-sistema eżistenti għadha tiddependi wisq fuq il-gvernijiet individwali, fejn l-Istati Membri huma ħielsa li japplikaw ir-regoli proprji tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġi applikat approċċ aktar armonizzat għar-rikonoxximent ta’ diplomi u kwalifiki oħra fl-Istati Membri kollha.

4.5.4.

Finalment, it-titjib tal-mobilità tal-ħaddiema u l-professjonisti tal-UE jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm infurzar aħjar tad-dispożizzjonijiet eżistenti, tal-aċċess għall-informazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-KESE jinnota li l-Istati Membri individwali jistgħu joqogħdu lura milli jkomplu riformi tas-suq uniku minħabba l-biża’ li dan jista’ jwassal għal telf potenzjali ta’ impjiegi għal żmien qasir u telf settorjali, partikolarment f’pajjiżi li diġà għadhom lura, kif ukoll pajjiżi/setturi bi produttività baxxa. Fit-teorija, il-moviment liberu tal-forza tax-xogħol jgħin biex tiġi indirizzata din il-problema, iżda minn perspettiva nazzjonali dan jista’ jwassal għal telf potenzjali ta’ riżorsi, ta’eżodu tal-imħuħ u ta’ ħiliet.

4.6.   It-tisħiħ tal-flussi tal-kapital u tas-servizzi finanzjarji fl-UE

4.6.1.

L-istess argument jgħodd fil-każ tas-swieq kapitali tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija proġett kumpless li għandu l-għan li japprofondixxi u jintegra aktar is-swieq kapitali tal-Istati Membri tal-UE. Dan jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri u emendi regolatorji f’varjetà wiesgħa ta’ oqsma u tinvolvi responsabbiltajiet mhux biss fil-livell tal-UE, iżda wkoll fil-livell ta’ kull Stat Membru. Il-KESE jinnota li t-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija għan li għad fadallu biex jinkiseb fl-2022. Minkejja xi progress, partikolarment bil-Pakkett tal-UE għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali, l-UE għad għandha 27 suq kapitali li ma jaħdmux b’mod konġunt. Il-finanzjament Ewropej għadu severament diviż skont il-linji nazzjonali, u min ifaddal u l-investituri jiddependu ħafna fuq l-ambjenti nazzjonali. Dan jgħodd ukoll għas-servizzi finanzjarji b’mod ġenerali, inklużi s-servizzi finanzjarji għall-konsumatur u t-tfaddil domestiku.

4.6.2.

Il-KESE jemmen li dan qed jillimita kemm l-irkupru ekonomiku kif ukoll il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Il-benefiċċji ekonomiċi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali huma ċari, iżda t-tlestija tagħha teħtieġ kemm dħul politiku minn Stati Membri individwali, kif ukoll adozzjoni effettiva ta’ inizjattivi mmexxija mill-KE, inklużi dawk immirati lejn it-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-Euro. Barra minn hekk, ir-rwol tad-diġitalizzazzjoni fil-faċilitazzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali ma jistax jiġi sottovalutat.

4.7.   Rieda politika ferm aktar b’saħħitha biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet tas-suq uniku

4.7.1.

F’dan iż-żmien ta’ inċertezza kbira, il-KESE jitlob li tiġi żgurata politika tal-kompetizzjoni li tkun partikolarment immirata lejn it-twettiq tat-tranżizzjonijiet li daħlet għalihom l-UE stess. Dawn it-tranżizzjonijiet se jeħtieġu politiki ta’ kummerċ u investiment ambizzjużi, investimenti straordinarji pubbliċi u privati, innovazzjoni, aktar progress soċjali, ekonomiku u ambjentali, u suq uniku li jiffunzjona tajjeb. Dan kollu jeħtieġ li jiġi appoġġjat minn qafas legali u finanzjarju li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq għall-partijiet interessati kollha, għar-reġjuni u għaċ-ċittadini kollha madwar l-UE. Hawnhekk, l-integrità tas-suq intern tagħna u n-nonframmentazzjoni tiegħu huma kruċjali. Suq uniku li jiffunzjona tajjeb u politika tal-kompetizzjoni li jippermettu lin-negozji u lill-konsumaturi jaċċessaw kompetizzjoni vasta tas-suq f’ambjent ta’ opportunitajiet indaqs huma ta’ importanza kbira, u permezz tagħhom tista’ tiġi stimulata l-effiċjenza kif ukoll l-innovazzjoni, u jipprovdu wkoll ambjent li fih in-negozju ta’ suċċess jista’ jikber.

4.7.2.

Fil-fehma tagħna, l-armonizzazzjoni u t-tneħħija tal-ostakoli għall-moviment liberu fit-territorju jippermettu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u l-qligħ mill-produttività. Kwalunkwe forma ta’ dumping kummerċjali, soċjali, regolatorju, fiskali jew ambjentali li jfixkel il-kompetizzjoni m’għandux ikun permess. Il-KESE jistenna li l-Istati Membri kollha jirrispettaw dan u jesiġu li l-imsieħba esterni tagħna għandhom jirrispettaw il-valuri u d-drittijiet fundamentali ewlenin tagħna, kemm fl-oqsma soċjali, kummerċjali kif ukoll ambjentali.

4.7.3.

Il-KESE jwissi li s-suq uniku m’għandux jibqa’ jitqies bħala verżjoni glorifikata ta’ ftehim kummerċjali globali li l-proprjetajiet tiegħu jistgħu jiġu mmodifikati fin-negozjati. Is-suq uniku huwa ħafna aktar minn hekk. Huwa wkoll dwar it-titjib tal-assistenza soċjali permezz ta’ konverġenza soċjali u ekonomika mmirata li tnaqqas l-inugwaljanza u tiżgura li l-aggravament tal-iżbilanċi soċjali u ż-żieda ġenerali fil-faqar ma jispiċċawx isiru ostakoli serji għall-integrazzjoni Ewropea. Għal dan il-għan, il-KESE jenfasizza d-drittijiet fundamentali soċjali u tal-ħaddiema għal pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, mhux biss fl-interazzjoni tagħhom mal-libertajiet ekonomiċi, iżda wkoll fir-rigward tas-suq intern u tax-xogħol, tal-kompetizzjoni u ta’ kwalunkwe miżura oħra ta’ politika tal-Unjoni, inklużi, iżda mhux limitati għal, oqsma bħall-governanza ekonomika, il-kummerċ, id-diġitalizzazzjoni u l-ambjent. Timmira wkoll li tissalvagwardja u ssaħħaħ l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, billi tistabbilixxi rabta ċara mar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet soċjali kollettivi. Huwa kruċjali wkoll li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu protetti u salvagwardjati bis-sħiħ fit-Trattati.

4.7.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li s-suq uniku jeħtieġ li jirrispondi kontinwament għall-bidliet fit-teknoloġija, għall-globalizzazzjoni, għall-iżviluppi fl-edukazzjoni, għas-swieq tax-xogħol u tal-kapital, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, għal kriżijiet u kunflitti globali. Fis-sitwazzjoni preżenti, m’hemm l-ebda spazju għal proposti ta’ żamma tal-istatus quo — is-sitwazzjoni tal-kriżi attwali u ċ-ċirkostanzi mibdula jridu jitqiesu meta tiġi proposta leġiżlazzjoni.

4.7.5.

Il-KESE jemmen ukoll li għandha tiġi adottata “awtonomija strateġika miftuħa”, speċjalment fis-setturi ewlenin. Dan jista’ jgħin biex tiġi mibnija r-reżiljenza permezz tal-ftuħ, ta' aġenda kummerċjali ambizzjuża, tal-kooperazzjoni mal-imsieħba li jaħsbuha l-istess, tad-diversifikazzjoni, u tal-evitar tal-protezzjoniżmu.

4.7.6.

Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota b’dispjaċir li lejliet it-30 anniversarju tas-suq uniku Ewropew, is-suq intern għadu mhux komplut.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2020) 825 final (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 70).

(2)  COM(2020) 842 final (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 64).

(3)  https://www.rand.org/blog/2017/11/why-the-eu-single-market-has-still-not-reached-its.html

(4)  https://www.rand.org/blog/2017/11/why-the-eu-single-market-has-still-not-reached-its.html

(5)  https://www.rand.org/blog/2017/11/why-the-eu-single-market-has-still-not-reached-its.html.

(6)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(7)  2016/0398(COD); https://eur-lex.europa.eu/procedure/MT/2016_398

(8)  Studju dwar il-valutazzjoni tal-proporzjonalità mill-Istati Membri meta jiġu adottati r-rekwiżiti relatati mal-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut skont id-Direttiva 2006/123/KE.

(9)  https://www.rand.org/blog/2017/11/why-the-eu-single-market-has-still-not-reached-its.html


Top