Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE1663

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari” (COM(2022) 141 final)

EESC 2022/01663

ĠU C 443, 22.11.2022, p. 106–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/106


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari”

(COM(2022) 141 final)

(2022/C 443/15)

Relatur:

Florian MARIN

Korelatur:

Antonello PEZZINI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 2.5.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-sezzjoni

24.6.2022

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

202/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-industrija tat-tessuti għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għall-għanijiet ambjentali tal-UE, u trid issir responsabbli għall-impatt ambjentali tagħha. Irid jinkiseb bilanċ tajjeb bejn l-ispejjeż ta’ tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja għall-produtturi tat-tessuti u l-kompetittività tal-industrija.

1.2.

Sabiex tħaddan it-tranżizzjoni ċirkolari u dik diġitali, l-ekosistema tat-tessuti teħtieġ miżuri adatti u flessibbli li jindirizzaw il-karatteristiċi partikolari tagħha. Il-kreattività u l-innovazzjoni sostenibbli jridu jkunu parti integrali mill-Istrateġija għat-Tessuti.

1.3.

Il-Kumitat jappoġġja l-ħtiġijiet estensivi tat-tikkettar relatati mal-grad tar-riċiklaġġ u l-impronta tal-prodotti tat-tessuti bħala inċentiv possibbli għall-konsumaturi, biex ikunu jistgħu jagħżlu prodotti sostenibbli u biex jagħżlu wkoll il-kwalità fuq il-kwantità, iżda dan jeħtieġ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa u kampanja ta’ informazzjoni fuq skala kbira fuq livell Ewropew.

1.4.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) huwa mħasseb dwar prattiki inġusti ta’ kompetizzjoni u jitlob aktar sorveljanza tas-suq tal-prodotti importati u koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar. Il-Kumitat jappella għal miżuri li jiżguraw ekwilibriju bejn l-atturi fil-ktajjen tal-provvista tat-tessuti u jirrakkomanda li jitnedu l-aħjar prattiki tas-sostenibbiltà globali, f’konformità sħiħa mal-istandards tekniċi CEN, CENELEC u ETSI, u jenfasizza wkoll id-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent.

1.5.

Il-Kumitat iqis li huwa meħtieġ tisħiħ tal-ftehimiet kummerċjali eżistenti u dawk futuri, u jiġu introdotti paragrafi dwar is-sostenibbiltà u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

1.6.

Il-Kumitat kien qed jistenna aktar enfasi fuq l-aspetti soċjali fis-settur, peress li t-tranżizzjoni ekoloġika trid timxi id f’id mat-tranżizzjoni ġusta. Jenħtieġ li jitħejjew aktar inizjattivi relatati mad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv.

1.7.

Il-Kumitat jindika l-ħtieġa għal investimenti u programmi biex jiġu kkonsolidati l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ spezzjoni u l-kapaċità operattiva tal-imsieħba soċjali għall-monitoraġġ tal-ftehimiet globali, id-drittijiet fundamentali u dawk tal-ħaddiema. L-użu intelliġenti tal-fondi ta’ koeżjoni jrid jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn l-Istati Membri u r-reġjuni.

1.8.

Il-KESE jikkunsidra li jenħtieġ li tingħata għajnuna supplimentari lill-Istati Membri f’termini ta’ kooperazzjoni transfruntiera, ta’ sorveljanza tas-suq, ta’ kontroll effettiv u ta’ standards armonizzati, u jitlob li jkun hemm proċess ta’ monitoraġġ sovranazzjonali.

1.9.

Il-Kumitat jappoġġja d-diliġenza dovuta obbligatorja għall-kumpaniji kollha tal-UE, b’appoġġ speċifiku għall-konformità tal-SMEs, u jitlob għal miżuri stretti li jipprojbixxu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ entitajiet li jużaw it-tħaddim tat-tfal jew li jonqsu milli jirrispettaw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, kif speċifikat fil-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO.

1.10.

Il-fondi tal-UE investiti fis-settur għandhom jinkludu kriterji soċjali u ambjentali għall-finanzjament tal-proġetti, u l-KESE jitlob inizjattiva dedikata/apposta tal-UE biex jittejbu s-sigurtà soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-pagi fis-settur tat-tessuti, bl-involviment tal-imsieħba soċjali, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha.

1.11.

It-tranżizzjoni lejn mudelli ġodda ta’ negozju sostenibbli u bbażati fuq l-ekodiżinn teħtieġ politiki effettivi li jittrattaw il-materjali u d-disinn, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, l-iżvilupp tas-suq, l-użu u l-użu mill-ġdid, il-ġbir u r-riċiklaġġ. Trid tkun ikkomplementata minn żieda fl-opportunitajiet ta’ finanzjament u inċentivi għall-produtturi lokali biex ibiddlu l-proċessi ta’ produzzjoni lejn prodotti ta’ kwalità għolja, durabbli u riċiklabbli.

1.12.

L-iskema futura tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur għandha tinkoraġġixxi r-riċiklaġġ tat-tessuti minn fibra għal fibra minflok il-proċessi foloz ta’ ċirkolarità, u trid tkun akkumpanjata mill-ħolqien ta’ punti ta’ ġbir suffiċjenti fir-reġjuni kollha tal-Istati Membri kollha, anke fiż-żoni rurali.

1.13.

Il-KESE jitlob kampanji nazzjonali li jippromovu opportunitajiet ta’ xogħol fis-settur tat-tessuti, kif ukoll programmi ta’ finanzjament għat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, flimkien mal-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ apprendistat.

1.14.

Il-Kumitat jappella għal regoli soċjali u ambjentali speċifiċi għas-settur u armonizzati għall-akkwist pubbliku fl-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi stabbilit kumitat tripartitiku Ewropew, li jinkludi lill-imsieħba soċjali u ’l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu mmonitorjati u appoġġjati l-kriterji soċjali jew ambjentali fil-prattiki tax-xiri fis-settur tat-tessuti.

2.   Aspetti ta’ kompetittività

2.1.

Il-KESE jinnota l-ambizzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (1), iżda jqis li din il-Komunikazzjoni hija biss dikjarazzjoni ta’ passi meħtieġa u ta’ azzjonijiet leġiżlattivi, impenji u atti delegati futuri, aktar milli azzjonijiet konkreti li jimmiraw lejn dawn l-għanijiet u jilħquhom b’mod selettiv għas-settur tat-tessuti. Il-Kumitat kien lest li jidħol f’diskussjoni aktar dettaljata u kien qed jistenniha bil-ħerqa, iżda japprezza l-introduzzjoni tat-tessuti fid-diskussjoni u jqis li s-16-il inizjattiva leġiżlattiva futura mħabbra jenħtieġ li jkunu koerenti, realistiċi u infurzabbli.

2.2.

L-ekosistema tat-tessuti hija waħda ferm komposta, b’karatteristiċi partikolari għal kull komponent li jirrikjedi miżuri adatti u adattivi. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni sostenibbli ċirkolari u diġitali adatti, dawn l-ispeċifiċitajiet iridu jiġu indirizzati b’gradwalità adegwata u mhux permezz ta’ approċċ ta’ “universalità”. Il-gwerra fl-Ukrajna u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija qed iżidu piż fuq il-produttività u l-prestazzjoni tas-settur.

2.3.

Iż-żieda mgħaġġla tax-xiri online ħolqot kwistjoni ta’ kompetittività għall-kumpaniji tat-tessuti u l-industrija qiegħda tbati, speċjalment fil-konfront tal-pjattaformi l-kbar. Trid tingħata attenzjoni speċjali lill-kumpaniji li qed joperaw f’diversi Stati Membri u pajjiżi terzi. Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ regolazzjoni tas-swieq diġitali u monitoraġġ sovranazzjonali u jenħtieġ li tingħata għajnuna supplimentari lill-Istati Membri f’termini ta’ kooperazzjoni transfruntiera, sorveljanza tas-suq, kontroll effettiv u standards armonizzati.

2.4.

Il-politika tax-xiri, ir-relazzjoni bejn id-ditti u s-sottokuntratturi differenti, il-volumi għoljin u l-prezzijiet baxxi huma fatturi li jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema. L-influwenza enormi tad-ditti fil-livell tal-katina ta’ provvista hija fattur li jista’ jdgħajjef l-isforzi tal-manifatturi biex jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-bniedem u l-kundizzjonalitajiet ambjentali. Il-KESE jitlob miżuri li jiżguraw ekwilibriju bejn l-atturi fil-ktajjen tal-provvista. Barra minn hekk, il-Kumitat jirrakkomanda b’mod qawwi li l-istrateġija tat-tessuti tal-UE u l-azzjonijiet futuri relatati kollha għandhom jieħdu kont dovut tal-partikolaritajiet tal-SMEs kif imiss u li l-miżuri kollha jkunu preċeduti u akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt speċifika.

2.5.

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-prattiki inġusti ta’ kompetizzjoni u jitlob li tiżdied is-sorveljanza tas-suq b’rabta mal-prodotti importati, speċjalment fir-rigward ta’ prodotti finali li ġejjin minn pajjiżi terzi u li jidħlu fis-suq uniku. Huwa neċessarju li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar biex il-konsumaturi jiġu pprovduti bi prodotti sikuri u konformi.

2.6.

Il-KESE jirrimarka li r-rekwiżiti tal-ekodisinn għas-settur tat-tessuti jridu jqisu d-durabilità, ir-riċiklabbiltà, it-tiswija u l-użu mill-ġdid tal-prodotti, flimkien mar-restrizzjonijiet tal-użu kimiku, kif ukoll id-drittijiet soċjali, ferm lil hinn mill-aspetti “klassiċi” tal-inġinerija tad-disinn. Il-KESE jinnota l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn l-ispejjeż ta’ tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja li ser iseħħu għall-produtturi tat-tessuti u l-kompetittività tal-industrija.

2.7.

Ftehimiet ta’ kummerċ ħieles jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ xogħol deċenti, ta’ ktajjen ta’ provvista ġusti u ta’ djalogu soċjali fuq livell settorjali. Il-Kumitat iqis li t-tisħiħ tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fi ħdan ftehimiet kummerċjali eżistenti u futuri u l-introduzzjoni ta’ paragrafi dwar is-sostenibbiltà u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, huma ħtiġijiet immedjati. Id-drittijiet tal-bniedem u l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali ex ante u ex post għandhom jintużaw fil-proċess ta’ negozjar, bl-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, u għandhom ikopru perjodu kbir ta’ żmien fi ħdan il-kumpanija.

2.8.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-NGOs għandhom u jridu jkunu involuti u appoġġjati peress li jistgħu jagħtu kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali għall-ekosistema tat-tessuti. Abbażi tal-piż tal-plastik użat għall-produzzjoni tal-ħwejjeġ, il-KESE jikkunsidra li l-UE jenħtieġ li tikkunsidra li timponi taxxa fuq fibri sintetiċi verġni, sabiex jitnaqqas l-użu tal-plastik verġni. Barra minn hekk, il-proċessi tat-tiswija, tal-ġbir tal-iskart, tal-għażla u tar-riċiklaġġ jenħtieġ li jqisu l-ispazjar industrijali, il-miri reġjonali u ġeopolitiċi u l-iżvilupp rurali.

3.   Sostenibbiltà, ċirkolarità u transizzjoni ekoloġika

3.1.

Il-KESE jixtieq jenfasizza li, ikunu xi jkunu l-iżviluppi futuri tal-perkors ta’ tranżizzjoni lejn ekosistema tat-tessuti aktar reżiljenti, sostenibbli u diġitali, l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti ser toffri benefiċċji akbar mir-riċiklaġġ. Il-Kumitat jinnota wkoll il-ħtieġa li jinħoloq suq reali tal-UE għall-materja prima sekondarja, u jqis li l-UE tista’ tkun fuq quddiem nett f’livell dinji fil-materjali tat-tessuti sekondarji jekk ir-rekwiżiti tar-riċiklaġġ jiġu rispettati. Jista’ jsir kontribut permezz tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (2).

3.2.

Il-KESE huwa favur l-obbligu taż-żieda tat-traċċabilità u t-trasparenza fir-rigward tan-numru ta’ prodotti li jarmu u jeqirdu l-kumpaniji kbar. Barra minn hekk, il-Kumitat jitlob lill-koleġiżlaturi biex jappoġġjaw l-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tintroduċi projbizzjonijiet fuq il-qerda ta’ prodotti tat-tessuti mhux mibjugħa u jinkoraġġixxi, fejn meħtieġ, id-donazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti lil gruppi jew entitajiet żvantaġġati involuti f’azzjonijiet ta’ karità.

3.3.

It-tniġġis tal-mikroplastiks ikkawżat mid-disinn attwali tat-tessuti għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent. Il-KESE jappoġġja l-konklużjoni tal-Kummissjoni li dan huwa prinċipalment ikkawżat mill-proċessi ta’ produzzjoni attwali, speċjalment il-fenomenu tal-“moda mgħaġġla”.

3.4.

Il-KESE jirrimarka li l-kumpaniji jeħtieġu appoġġ finanzjarju biex jadottaw teknoloġiji tas-separazzjoni awtomatizzati għal tessuti li ma jistgħux jerġgħu jintlibsu, kif ukoll l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ imtejba, inkluża l-possibbiltà li jitfasslu ċentri lokali u reġjonali ta’ riċiklaġġ u separazzjoni. Barra minn hekk, il-bini tal-infrastruttura għat-tiswija tal-ħwejjeġ, pereżempju l-imħażen u l-ħwienet, jeħtieġ li jirrappreżenta kwistjoni prinċipali għall-partijiet interessati fl-industrija. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifaħħar l-inizjattiva tal-EURATEX li toħloq ħames ReHubs (ċentri ta’ riċiklaġġ tat-tessuti) qrib id-distretti Ewropej tat-tessuti u tal-ħwejjeġ għall-ġbir, is-separazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ tal-iskart ta’ qabel u wara l-konsum tat-tessuti industrijali. Il-Kumitat iqis li hemm bżonn ta’ standards tekniċi, ambjentali, soċjali u tal-enerġija għall-prodotti riċiklati, u li dawn jenħtieġ li jiġu trasposti u applikati fuq il-livell tal-ISO u jiddaħħlu fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali.

3.5.

Il-KESE huwa mħasseb li l-iskart tat-tessuti jista’ jiġi esportat bħala prodott użat u jqis li hija meħtieġa azzjoni immedjata dwar dan fil-livell tal-UE. Iridu jiġu implimentati kontrolli kimiċi effettivi fil-ktajjen kollha tal-valur. Barra minn hekk, il-KESE jitlob tnedija tal-aħjar prattiki ta’ sostenibbiltà globali li jirrikjedu li x-xerrejja u s-sidien tad-ditti jiċċekkjaw u jesiġu l-konformità mal-istandards tekniċi CEN, CENELEC u ETSI.

3.6.

Il-Kumitat iqis li r-regoli soċjali u ambjentali speċifiċi għas-settur u armonizzati għall-akkwist pubbliku jridu jiġu żviluppati fl-Unjoni, u għandhom jiffaċilitaw kemm il-parteċipazzjoni transfruntiera kif ukoll il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, bil-għan finali li jkun hemm sistemi obbligatorji u armonizzati madwar l-UE. Jenħtieġ li jiġi stabbilit kumitat tripartitiku Ewropew, li jinkludi lill-imsieħba soċjali u ’l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu mmonitorjati u appoġġjati l-kriterji soċjali u ambjentali fil-prattiki tax-xiri fis-settur tat-tessuti.

4.   Il-konsumaturi u d-diġitalizzazzjoni

4.1.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tħejji valutazzjoni tal-impatt dwar titjib possibbli fit-tikkettar tat-tessuti prodotti/mibjugħa fis-suq intern. Irid ikun żgurat aċċess ġust għall-informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-punteġġ ta’ tiswija, it-traċċabilità u l-informazzjoni fuq it-tikketta diġitali. Il-Kumitat iqis li l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti estensivi ta’ tikkettar rigward il-grad ta’ riċiklaġġ u l-impronta tal-prodotti tat-tessuti tista’ tirrappreżenta inċentiv importanti għall-konsumaturi biex jagħżlu prodotti tat-tessuti aktar sostenibbli.

4.2.

Il-KESE jemmen li kampanja ta’ informazzjoni fuq skala kbira fuq livell Ewropew tista’ tgħin liċ-ċittadini jagħmlu għażliet sostenibbli u infurmati, filwaqt li jenħtieġ li jiġu pprovduti inċentivi għall-konsumaturi sabiex jagħżlu l-kwalità pjuttost milli l-kwantità, pereżempju, permezz ta’ rati differenti tal-VAT għal prodotti sostenibbli/mhux sostenibbli fis-suq intern.

4.3.

Id-data trasparenti u komuni kondiviża rigward il-prodotti, il-komposti riċiklati u użati mill-ġdid, il-qerda ta’ merkanzija, il-kimiċi użati fil-proċess tal-produzzjoni, l-impatt soċjali u tax-xogħol tal-proċess tal-produzzjoni u l-impatt ambjentali li jikkonċerna kull kumpanija fil-katina ta’ provvista, huma importanti għall-monitoraġġ ta’ dawn il-ktajjen ta’ provvista. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ qafas tad-data miftuħa u l-iżgurar ta’ aċċess ħieles għall-konsumaturi, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali huma kruċjali biex titjieb is-sitwazzjoni ambjentali u soċjali tas-settur tat-tessuti. Il-KESE jqis li l-kompetenza diġitali tal-konsumaturi trid tiġi kkunsidrata u l-kontenut tad-data jenħtieġ li jimmira lejn il-partijiet interessati kollha fil-katina tal-provvista. Irid jinstab bilanċ tajjeb bejn il-ħtieġa għal data trasparenti u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali.

4.4.

Il-KESE jinsab imħasseb li inqas minn 1 % tat-tessuti madwar id-dinja jiġu riċiklati f’tessuti ġodda (3), u jqis li l-iskema futura tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur jenħtieġ li tipproduċi l-inċentivi t-tajba li jinkoraġġixxu r-riċiklaġġ tat-tessuti minn fibra għal fibra minflok proċessi ta’ ċirkolarità foloz pereżempju, l-użu tal-poliester minn fliexken tal-plastik riċiklati.

5.   L-edukazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

5.1.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li setgħu ngħataw aktar dettalji dwar l-aspetti soċjali fis-settur tat-tessuti u kienu jintlaqgħu aktar inizjattivi. It-tranżizzjoni ekoloġika trid timxi id f’id mat-tranżizzjoni ġusta, u l-Kumitat jinsab diżappuntat li ma tħabbrux aktar inizjattivi relatati mad-djalogu soċjali u man-negozjar kollettiv.

5.2.

Ridistribuzzjoni ġusta tal-valur miżjud fi ħdan il-ktajjen tal-provvista u prodotti aktar responsabbli timplika l-konsolidazzjoni tan-negozjar kollettiv, it-tnaqqis ta’ forom atipiċi ta’ impjiegi u kontrolli adatti tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Flimkien mat-trasformazzjoni tas-settur lejn produzzjoni sostenibbli u teknoloġiji diġitali, hemm ħtieġa kbira għal ħaddiema tas-sengħa. Meta mqabbla mas-snin ta’ qabel, il-ħtiġijiet tas-settur qed jimxu lejn l-impjegati b’ħiliet medji u għolja.

5.3.

Is-settur qed jiffaċċja problema ta’ nies li qed jixjieħu u l-impjiegi fil-qasam tat-tessuti mhumiex meqjusa attraenti mill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Ħafna mill-ħaddiema fis-settur huma nisa, u dan joħloq aktar pressjoni soċjali fuq l-ekosistema. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-aspetti rurali, lill-bdiewa b’ażjenda agrikola żgħira u r-rwol tagħhom fil-ktajjen ta’ provvista globali. Il-Kumitat jitlob kampanji speċifiċi fl-Istati Membri kollha li jippromovu opportunitajiet ta’ xogħol fis-settur tat-tessuti, kif ukoll programmi ta’ finanzjament għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol eżistenti, flimkien mal-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ apprendistat fl-Istati Membri kollha sabiex jinħolqu impjiegi fis-settur tat-tessuti ta’ kwalità għolja. L-istituzzjonijiet finanzjarji jenħtieġ li jinkludu l-kundizzjonalitajiet soċjali fl-istandards tal-prestazzjoni tagħhom bħala kundizzjoni kuntrattwali għall-finanzjament.

5.4.

Il-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (ix-xogħol prekarju, il-pagi taħt is-soll tal-faqar, in-nuqqas ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ix-xogħol furzat) għadu problema kontinwa, filwaqt li inizjattivi volontarji differenti (l-awditi soċjali, il-ftehimiet globali, il-kodiċi ta’ kondotta) wrew li huma insuffiċjenti. Il-KESE jirrakkomanda li jibnew u jiġu kkonsolidati l-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-ispezzjoni, il-koerenza u l-konverġenza tal-metodi u l-kriterji tal-ispezzjoni, it-taħriġ għall-ispetturi u l-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha. L-investimenti li jgħinu biex tiżdied il-kapaċità operattiva tal-imsieħba soċjali għall-monitoraġġ tal-ftehimiet globali, id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-ħaddiema huma ta’ importanza kbira. L-użu intelliġenti tal-fondi ta’ koeżjoni huwa meħtieġ biex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn l-Istati Membri u r-reġjuni fl-UE.

5.5.

Fil-kuntest tal-ktajjen ta’ valur ferm kumplessi u frammentati, it-triq lejn is-sostenibbiltà u l-ġustizzja soċjali teħtieġ approċċi komplementari. Ir-relazzjonijiet asimmetriċi tal-poter u l-prattiki inġusti ta’ kompetizzjoni wittew it-triq għall-isfruttament tal-ħaddiema u għall-mudell ta’ produzzjoni diżakkoppjat mil-limiti ambjentali. Il-KESE jqis li huwa meħtieġ mekkaniżmu tal-ilmenti fil-livell Ewropew u f’kull Stat Membru flimkien mal-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adatta tal-istrateġija, u biex jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem, tal-ħaddiema u l-kundizzjonalitajiet ambjentali, sabiex jiġi evitat l-isfruttament umiljanti tal-ħaddiema.

5.6.

Il-KESE japprezza t-tnedija reċenti tal-proposta għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva (4), iqis li hija meħtieġa diliġenza dovuta obbligatorja għall-kumpaniji kollha tal-UE b’appoġġ speċifiku għall-konformità tal-SMEs, u jitlob miżuri stretti li jipprojbixxu relazzjonijiet ekonomiċi ma’ entitajiet li jużaw it-tħaddim tat-tfal jew li jonqsu milli jirrispettaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, kif speċifikat fil-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota r-restrizzjonijiet eżistenti li hemm f’ċerti pajjiżi fir-rigward tal-attivitajiet tat-trade unions, u jqis li dawn wasslu għal inċidenti industrijali, għal kundizzjonijiet tax-xogħol ħorox u inumani, pagi ta’ sussistenza, assenza ta’ tagħmir protettiv bażiku, eċċ.

5.7.

Il-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt għall-ħaddiema li jiffurmaw jew jissieħbu fi trade union u l-involviment f’negozjar kollettiv jenħtieġ li ma jirrappreżentawx ostakli għall-ħaddiema tat-tessuti. Il-fondi tal-UE li ġew investiti fis-settur tat-tessuti fil-livell tal-UE għandhom jinkludu kriterji soċjali u ambjentali għall-finanzjament tal-proġetti mdaħħla fit-tabella tal-evalwazzjoni. Minħabba l-ispeċifiċità tas-settur tat-tessuti u sabiex jitjiebu s-sigurtà soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-pagi, il-KESE jitlob inizjattiva speċjali tal-UE strettament iddedikata għall-industrija tat-tessuti, u li jkunu involuti fiha l-imsieħba soċjali, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha.

6.   Il-finanzjament u l-investimenti

6.1.

Il-Kumitat jemmen li l-konsolidazzjoni tal-kompetittività u t-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tas-settur tat-tessuti Ewropew jiddependu mill-politika tal-prodotti integrata u interrelatata li hija akkumpanjata minn regolamentazzjoni aktar b’saħħitha, strumenti u inċentivi tas-suq, standards ġodda u informazzjoni adatta għall-konsumaturi, il-manifatturi u partijiet interessati oħra. Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri jista’ jnaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u jiżgura li l-prezz tal-importazzjonijiet iqis bis-sħiħ l-impronta ambjentali.

6.2.

It-tranżizzjoni lejn mudelli kummerċjali sostenibbli ġodda tirrikjedi politiki effettivi li jittrattaw il-materjali u d-disinn, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, l-iżvilupp tas-suq, l-użu u l-użu mill-ġdid, il-ġbir u r-riċiklaġġ, u trid tkun akkumpanjata minn opportunitajiet ta’ finanzjament u inċentivi akbar għall-produtturi lokali, sabiex ibiddlu l-proċessi ta’ produzzjoni, jagħmlu riċerka fuq teknoloġiji ġodda u jimplimentawhom, jadottaw politiki ta’ ġestjoni tal-iskart sostenibbli u jagħmlu użu kemm mill-ammont kbir ta’ data disponibbli, kif ukoll mill-promozzjoni tal-kreattività kulturali. Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol tas-setturi kreattivi tat-tessuti fil-ġenerazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi li għandhom impatt pożittiv fuq setturi oħra u li jgħinu sabiex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea.

6.3.

L-impenji klimatiċi jridu jiġu applikati fil-livell tal-katina ta’ provvista, peress li d-ditti mhumiex is-sid tal-fabbriki li fihom qed isiru l-prodotti. Jenħtieġ li jingħataw ukoll inċentivi lil kumpaniji li huma newtrali għall-klima u li jużaw enerġija 100 % rinnovabbli. L-użu sħiħ tal-fondi ddedikati/apposta taħt in-NextGenerationEU jista’ jikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ investimenti strateġiċi, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ prosperità u impjieg, speċjalment għall-SMEs.

6.4.

L-industrija teħtieġ qafas Ewropew komuni u appoġġ finanzjarju biex tipproduċi prodotti ta’ kwalità għolja, durabbli u riċiklabbli. Dan jista’ jsir permezz ta’ investiment qawwi fir-riċerka u l-iżvilupp u programmi Ewropej fuq skala kbira li jiffinanzjaw u jappoġġjaw il-kollaborazzjoni bejn kumpaniji kbar u l-SMEs, bl-involviment dirett tal-imsieħba soċjali, id-dinja akkademika u partijiet interessati oħra.

6.5.

L-introduzzjoni tal-iskema ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur trid tkun akkumpanjata mill-ħolqien ta’ punti ta’ ġbir suffiċjenti fir-reġjuni kollha tal-Istati Membri kollha, li hemm disponibbli anke fiż-żoni rurali. Il-KESE jitlob miżuri speċifiċi ddedikati għall-SMEs biex tiżdied il-kapaċità li jipprovdu t-traċċabbiltà u t-trasparenza fil-livell tal-katina tal-provvista u biex tiġi żgurata konnessjoni kif suppost mal-manifatturi, b’attenzjoni partikolari għall-intrapriżi mikro u żgħar.

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Strateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari.

(2)  Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari.

(3)  Kummissjoni Ewropea – Strateġija għat-tessuti.

(4)  Proposta għal Direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u l-anness.


Top