Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XG1214(10)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2021) 2021/C 504 I/02

    ST/14427/2021/INIT

    ĠU C 504I, 14.12.2021, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CI 504/10


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2021)

    (2021/C 504 I/02)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL,

    FILWAQT LI JFAKKRU LI:

    1.

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ kull tliet snin.

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW LI:

    2.

    L-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2021) (ir-Rapport) flimkien mad-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjawh ikopri l-ewwel Pjan ta’ Ħidma triennali tal-UE għaż-Żgħażagħ taħt l-Istrateġija attwali tal-UE għaż-Żgħażagħ, li jkopri żewġ triji ta’ presidenzi tal-Kunsill (RO-FI-HR u DE-PT-SI).

    3.

    Ir-Rapport huwa bbażat, fost l-oħrajn, fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-pjattaforma online tal-Wiki taż-Żgħażagħ, li tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-politiki nazzjonali dwar iż-żgħażagħ fi 32 pajjiż Ewropew.

    4.

    Biex tiġi ppreżentata s-sitwazzjoni globali taż-żgħażagħ fl-UE, l-indikaturi tal-UE dwar iż-żgħażagħ intużaw flimkien ma’ dashboard rivedut u indikaturi ta’ politika kwantitattivi u kwalitattivi ġodda.

    5.

    Il-Pjanifikaturi Futuri tal-Attività Nazzjonali (FNAPs) kienu sors addizzjonali ta’ informazzjoni dwar il-politiki nazzjonali dwar iż-żgħażagħ, inkluż l-implimentazzjoni tal-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ u l-ħtiġijiet ta’ kooperazzjoni f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ.

    JILQGĦU:

    6.

    Ir-Rapport, li, flimkien mad-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjawh, jevalwa l-progress lejn l-objettivi u l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2019-2021 u jkopri l-ewwel Pjan ta’ Ħidma triennali tal-UE għaż-Żgħażagħ taħt l-Istrateġija attwali tal-UE għaż-Żgħażagħ, inkluż il-preżentazzjoni ta’ stampa komprensiva ħafna tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE.

    JENFASIZZAW LI:

    7.

    Is-snin 2020 u 2021 kienu atipiċi, bil-pandemija taffettwa b’mod sever l-implimentazzjoni tal-politiki taż-żgħażagħ, b’mod partikolari proġetti ta’ mobilità taż-żgħażagħ. Għalhekk, l-indirizzar tal-impatt tal-pandemija fuq it-tfal u ż-żgħażagħ kien għoli fl-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri minn meta faqqgħet il-pandemija. Matul l-aħħar sena, programmi bħall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ġew aġġustati sabiex iwieġbu għal dan it-tfixkil billi joffru soluzzjonijiet alternattivi, speċjalment soluzzjonijiet diġitali, għall-attivitajiet tagħhom.

    8.

    L-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ ġiet affettwata ħafna mill-pandemija fis-snin 2020-2021. Xi azzjonijiet inklużi fil-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2019-2021 kellhom jiġu mmodifikati, skedati mill-ġdid jew saħansitra kkanċellati. Minkejja li s-settur taż-żgħażagħ jista’ jiddependi fuq l-istrumenti żviluppati matul dawn l-aħħar snin, l-impatt tal-pandemija aċċentwa l-ħtieġa ta’ adattament għal ċirkostanzi mhux previsti, it-tisħiħ ta’ tali għodod u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni eżistenti. Il-proġetti ta’ mobbiltà taż-żgħażagħ ġew imfixkla b’mod sever mill-pandemija.

    9.

    L-UE tidher li hija sors ta’ ispirazzjoni għal reġjuni oħrajn fid-dinja fir-rigward tal-iżvilupp ta’ politiki, programmi u inizjattivi għaż-żgħażagħ, b’mod partikolari fil-viċinat tagħna stess.

    JIRRIKONOXXU LI:

    10.

    L-iżgurar li ż-żgħażagħ Ewropej kollha jkollhom aċċess ugwali għall-opportunitajiet u li jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jgħixu, jaħdmu, jitgħallmu u jirnexxu jibqa’ fil-qalba tal-kooperazzjoni u tal-politiki tal-UE dwar iż-żgħażagħ. L-istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 u l-Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ tagħha jikkostitwixxu pjan direzzjonali b’saħħtu u b’impatt li jrawwem il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u jappoġġa l-politiki dwar iż-żgħażagħ kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, u għalhekk huma vitali biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

    11.

    L-istabbiliment ta’ dan il-qafas ta’ politika b’saħħtu, l-iffaċilitat tal-iskambju tal-għarfien u t-tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri, kif ukoll il-finanzjament minn Erasmus+, mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u minn programmi oħra tal-UE dirett lejn it-tliet pilastri strateġiċi “Impenn. Konnessjoni. Għoti tas-setgħa” ser jippermettu lil ħafna żgħażagħ fl-Ewropa biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, għall-iżvilupp personali tagħhom u t-tranżizzjoni lejn l-awtonomija, ser jibnu r-reżiljenza tagħhom u jagħtuhom il-ħiliet meħtieġa biex jaffaċċjaw dinja li qed tinbidel, biex ikunu lesti għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u biex jagħtu sura lil futur isbaħ u aktar ġust.

    JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, F’KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U FL-ISFERI TA’ KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

    12.

    Jintegraw aktar kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ, jiżguraw li t-tħassib taż-żgħażagħ jinstema’ u jiġi rispettat aħjar fit-tfassil tal-politika tal-UE u dik nazzjonali u jimmiraw għal sinerġiji u kondiviżjoni tal-għarfien aħjar bejn id-diversi oqsma ta’ politika fil-livelli kollha li jaffettwaw liż-żgħażagħ.

    13.

    Ikomplu jtejbu s-sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ minn sfondi differenti, b’mod partikolari ż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, iż-żgħażagħ b’diżabbiltà u ż-żgħażagħ minn żoni rurali u remoti, u jżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ lil hinn mill-mudelli tradizzjonali ta’ rappreżentanza taż-żgħażagħ.

    14.

    Ikomplu jissaħħu l-proċessi tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u jintroduċu l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u l-Pjan ta’ Ħidma tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2022-2024 inkluż id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.

    15.

    Jappoġġaw aktar proċessi u inizjattivi ispirati mid-djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ barra l-Unjoni Ewropea, bħas-Sħubija tal-Lvant jew il-Balkani tal-Punent, bil-għan li ż-żgħażagħ ikunu impenjati, konnessi u jingħataw is-setgħa.

    16.

    Jippermettu l-użu effettiv tal-programmi u l-fondi tal-UE bħall-Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, Orizzont Ewropa, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, eċċ. biex jappoġġaw bosta oqsma ta’ politika li jaffettwaw liż-żgħażagħ b’enfasi fuq ir-reżiljenza u l-irkupru taż-żgħażagħ u s-settur taż-żgħażagħ fi żminijiet ta’ wara l-COVID.

    17.

    Jimplimentaw, b’mod effettiv u b’effett dejjiemi, is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 biex ikomplu jistimulaw liż-żgħażagħ Ewropej biex jippreżentaw kontributi u għarfien li jistgħu jagħtu forma lill-iżvilupp u lis-soċjetà tal-Unjoni b’mod ġenerali.

    18.

    Iżidu l-isforzi biex iż-żgħażagħ jiġu involuti f’inizjattivi Ewropej ewlenin, bħall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u l-inizjattiva New European Bauhaus, li jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għaż-żgħażagħ u l-futur tagħhom.


    Top