EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0924(01)

Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksi bil-kromju elettrolitiku (ECCS - electrolytic chromium coated steel) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Brażil. 2021/C 387/02

C/2021/6783

ĠU C 387, 24.9.2021, p. 2–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 387/2


Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksi bil-kromju elettrolitiku (ECCS - electrolytic chromium coated steel) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Brażil.

(2021/C 387/02)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar miksi bil-kromju elettrolitiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Brażil (il-pajjiżi kkonċernati) huma l-oġġett ta’ dumping, u b’hekk qed ikunu ta’ dannu (2) għall-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment sar fit-13 ta’ Awwissu 2021 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“EUROFER”), (“l-ilmentatur”). L-ilment sar mill-EUROFER f’isem il-produtturi tal-UE ta’ prodotti tal-azzar miksija bil-kromju elettrolitiku (“ECCS”) fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

Verżjoni pubblika tal-ilment u tal-analiżi tal-livell ta’ appoġġ mill-produtturi tal-Unjoni għall-ilment jinsabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux illigat, miksijin jew mgħottijin b’ossidi tal-kromju jew bi kromju u ossidi tal-kromju (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).

3.   Allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta’ dumping huwa l-prodott investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Brażil (“il-pajjiżi ikkonċernati”), u li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7210 50 00 u 7212 50 20. Il-kodiċijiet NM huma mogħtija biss bħala informazzjoni. L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat kif tinsab fit-Taqsima 2.

3.1.    Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

L-ilmentatur sostna li mhuwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-ispejjeż domestiċi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-ilmentatur qagħad fuq l-informazzjoni inkluża fid- “Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet sinjifikanti fl-Ekonomija tar-RPĊ” datata l-20 ta’ Diċembru 2017 (ir-“Rapport tal-Kummissjoni”) (4) li jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq fir-RPĊ. B’mod partikolari, l-ilmentatur iddikjara li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott investigat jidher li huwa affettwat mill-fatturi msemmija, fost l-oħrajn, fil-Kapitoli 2 u 3 tar-Rapport tal-Kummissjoni rigward l-intervent mill-Istat fis-settur amministrattiv ġenerali, kif deskritt fi, u fil-Kapitolu 6 tar-Rapport tal-Kummissjoni rigward il-fatt li s-sistema finanzjarja hija ddominata minn banek kummerċjali tal-Istat. Fil-livell tal-ambjent regolatorju, l-intervent tal-Istat jippersisti fl-akkwist pubbliku, kif spjegat fil-Kapitolu 7 tar-Rapport tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-ilmentatur ibbaża ruħu fuq sorsi uffiċjali oħra li jeżaminaw id-distorsjonijiet fis-suq tar-RPĊ, bħal Boshan Iron & Steel Co., Ltd. 2016 Rapport Semi-annwali (5) u Pjan ta’ Aġġustament u Aġġornament tal-Industrija tal-Azzar Ċiniż għall-2016–2020.

B’hekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq paragun ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott investigat, meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li jeżistu biżżejjed provi, skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li jissuġġerixxu li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Ir-rapport tal-pajjiż jinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (6).

3.2.    Il-Brażil

Fin-nuqqas ta’ data affidabbli dwar il-prezzijiet domestiċi għall-Brażil, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum (kostijiet tal-manifattura, bejgħ, kostijiet ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u profitt) mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

4.   Allegazzjoni ta’ dannu/kawżalità u distorsjonijiet tal-materja prima

4.1.    Allegazzjoni ta’ dannu u kawżalità

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li ġej mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza li ngħatat mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħin, il-profitt u s-sehem mis-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni kumplessiva u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

4.2.    Allegazzjoni ta’ distorsjonijiet fil-materja prima fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

L-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza dwar li jistgħu jeżistu distorsjonijiet fil-materja prima, fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, marbutin mal-prodott investigat. Skont l-evidenza fl-ilment, l-azzar ċatt b’laminazzjoni termali (hot-rolled flat steel, “HRFS”), li jammonta għal 62 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott investigat, huwa soġġett għat-tneħħija tar-rifużjonijiet tal-VAT fuq l-esportazzjonijiet minn Mejju 2021 fil-pajjiż ikkonċernat. Abbażi ta’ tqabbil tal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi, b’mod partikolari l-prezzijiet referenzjarji tal-HRFS ipprovduti mill-Metal Bulletin, ma’ dawk fil-pajjiż ikkonċernat, l-ilment jistabbilixxi li d-distorsjonijiet fil-materja prima jidhru li jirriżultaw fi prezzijiet ferm aktar baxxi minn dawk tas-swieq internazzjonali rappreżentattivi.

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni se teżamina d-distorsjonijiet allegati biex tivvaluta, jekk rilevanti, jekk dazju inferjuri għall-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jelimina d-dannu. Jekk distorsjonijiet oħra koperti mill-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn id-distorsjonijiet.

5.   Proċedura

Il-Kummissjoni, wara li stabbiliet u infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment ġie ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, b’dan qed tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat, li joriġina mill-pajjiżi ikkonċernati huwiex l-oġġett ta’ dumping, u jekk dawn l-importazzjonijiet ta’ dumping ikkawżawx dannu lill-industrija tal-Unjoni.

Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Sabiex jiġi ddeterminat jekk japplikax l-Artikolu 7(2a), l-investigazzjoni se teżamina t-test ta’ interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għan-Notifika (7), dwar il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li tista’ tkun applikabbli għal dan il-proċediment.

5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dannu u l-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produtturi esportaturi (8) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni fuq il-produtturi esportaturi

5.3.1.1.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiżi kkonċernati

(a)   Kampjunar

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati li huma involuti f’dan il-proċediment u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi (“TRON”) fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD683_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8 ta’ hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk ġewx inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ.

https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2549

Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u għall-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5.3.1.1(b) hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun mhuwiex se jaqbeż il-marġni tal-medja ponderata ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (9).

(b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun

Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ dumping individwali jridu jimlew il-kwestjonarju u jirritornawh mimli kif xieraq fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2549. Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

Madankollu, jenħtieġ li l-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw li jitolbu marġni ta’ dumping individwali jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilixxix il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw tant ikun kbir li jkun wisq diffiċli biex dan jiġi stabbilit u minħabba f’hekk l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.

5.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (HS) ipprovduti fl-ilment, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt investigazzjoni f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2 (6a) tar-Regolament bażiku, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti, inkluż, fejn xieraq, l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq li biħsiebha tuża għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2 (6a) permezz ta’ nota għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet fl-investigazzjoni se jingħataw 10 ijiem biex jikkummentaw dwar in-nota f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 2(6a).

Bl-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni se teżamina jekk f’dawk il-pajjiżi terzi hemmx livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħal dak fil-pajjiż ikkonċernat, jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat f’dawk il-pajjiżi terzi u jekk id-data rilevanti hijiex disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż terz wieħed rappreżentattiv, se tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-Brażil jista’ jkun pajjiż terz rappreżentattiv xieraq.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat biex jipprovdu l-informazzjoni dwar il-materjali (mhux maħduma kif ukoll ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD683_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM

L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8 ta’ hawn taħt.

Apparti dan, kull preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-ispejjeż u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid issir fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali għandha tittieħed esklussivament minn sorsi pubbliċi li huma faċilment disponibbli.

5.3.3.   L-importaturi mhux relatati suġġetti għall-investigazzjoni (10) (11)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat li jimportaw mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk kampjun ikun meħtieġ, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem min-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl li jista’ jiġi eżaminat mill-partijiet interessati u fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ.

https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2549

5.4.    Proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Kalkolu tad-dannu huwa bbażat fuq evidenza pożittiva u jinvolvi l-eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li jkun qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjun isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ.

https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2549

5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni f’każ ta’ allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet rigward il-materja prima

F’każijiet ta’ distorsjoni fuq il-materja prima kif definit fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se twettaq test dwar l-interess tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 7(2b) ta’ dan ir-Regolament.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu l-informazzjoni kollha pertinenti li tippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġi stabbilit il-livell tal-miżuri skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu kwalunkwe informazzjoni dwar il-kapaċitajiet żejda fil-pajjiż ikkonċernat, il-kompetizzjoni għall-materja prima u l-effett fuq il-ktajjen ta’ provvista għal kumpaniji fl-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li huwa f’konformità mal-interess tal-Unjoni li tapplika l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

Fi kwalunkwe każ, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping tkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li tikkonèrna l-interessi tal-Unjoni.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut il-kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott li qed jiġi investigat, hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2549. L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali meta tiġi ppreżentata.

5.6.    Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni skont il-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3, 5.4 u 5.5 ta’ hawn fuq, jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex ikollok aċċess (12).

5.7.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:

Għal seduti ta’ smigħ li jsiru qabel ma tiskadi l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Is-smigħ normalment isir fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Wara l-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni. Is-smigħ normalment isir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

Fl-istadju tal-konstatazzjonijiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali. Is-smigħ normalment isir fil-perjodu mogħti għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien l-iskadenza biex isiru l-kummenti dwar din id-divulgazzjoni.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ barra l-limitu ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jiċħdu talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali ċaħda.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.8.    Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (Sensittiva) (13). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” (Sensittiva) huma mitluba jfasslu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jenħtieġ li jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi d-dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ)” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Office: CHAR 04/039

1049 Brussels

BELGIUM

E-mail:

TRADE-AD683-ECCS-DUMPING@ec.europa.eu

TRADE-AD683-ECCS-INJURY@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 13-il xahar, u mhux aktar minn 14-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ (7) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda fi kwalunkwe każ sa mhux iktar tard minn tmien (8) xhur mill-pubblikazzjoni tagħha.

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ (4) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jingħataw tlett (3) ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm huma preċiżi l-kalkoli.

F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, li mhux se jiġu imposti dazji erba’ (4) ġimgħat qabel id-data tal-għeluq skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali tispeċifika l-iskadenza li fiha l-partijiet interessati jridu jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.

7.   Preżentazzjoni ta’ informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kull informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-kostatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida tkun meħtieġa biex jirribattu l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal din id-divulgazzjoni jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għall-kummenti dwar din id-divulgazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata abbażi ta’ raġuni valida.

Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji tkun limitata għal tlett (3) ijiem u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem.

Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nonkoperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiruabbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kompletament. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta se jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ jenħtieġ li jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jsegwu l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsina 5.7 ta’ din in-Notifika anki fir-rigward tal-interventi, inklużi s-seduti ta’ smigħ, mill-Uffiċjal tas-Seduta. Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. L-Uffiċjal tas-Smigħ se jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet għal intervent, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis b’mod xieraq l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

12.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21

(2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew għad-dewmien materjali biex tiġi stabbilita industrija, kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.

(3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 20 ta’ Diċembru 2017, SWD (2017) 483 final/2, disponibbli hawnhekk: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf

(5)  http://tv.baosteel.com/ir/pdf/report/600019_2016_2e.pdf

(6)  Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba motivata kif xieraq.

(7)  Avviż Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet antidumping u antisussidji, ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6.

(8)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiżi ikkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(9)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kwalunkwe marġni żero u de minimis, u l-marġnijiet stabbiliti f’konformità maċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku mhumiex se jitqiesu.

(10)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (D )parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(11)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, għajr biex jiġi stabbilit id-dumping.

(12)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lis-servizz ta’ assistenza tad-DĠ Kummerċ (Trade Service Desk) permezz ta’ email lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.

(13)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.


ANNESS

“Verżjoni sensittiva”

“Verżjoni li jistgħu jikkonsultawha l-partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTIDUMPING LI JIKKONĊERNA IMPORTAZZJONIJIET TA’ PRODOTTI TAL-AZZAR MIKSI BIL-KROMJU ELETTROLITIKU LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA U L-BRAŻIL

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-notifika ta’ bidu.

Jenħtieġ li kemm il-verżjoni “Sensitive u kemm il-verżjoni ‘For inspection’ by interested parties” jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ

Agħti dawn id-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

L-isem tal-kumpanija

 

L-indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Email

 

Numru tat-telefown

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet fl-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Brażil, matul il-perjodu tal-investigazzjoni kif definit fin-Notifika ta’ Bidu.

 

Tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġinaw fil-Brażil

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott investigat fl-Unjoni (minn kullimkien)

 

 

Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Brażil tal-prodott li qed jiġi investigat

 

 

3.   L-ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti d-dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott li qed jiġi investigat jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

L-isem u l-lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Tip ta’ relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   IĊ-ĊERTIFIKAZZJONI

Billi tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkoperatx fl-investigazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u kariga tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (D )parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


Top