Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0702(02)

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal denominazzjoni fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 2021/C 258/10

PUB/2021/383

ĠU C 258, 2.7.2021, p. 21–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 258/21


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal denominazzjoni fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2021/C 258/10)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD LI TIMMODIFIKA D-DOKUMENT UNIKU

Pouilly-Fuissé

PDO-FR-A0653-AM01

Data tal-komunikazzjoni: 28 ta’ April 2021

ESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Isem ġeografiku

Il-punt II tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie emendat biex tiġi introdotta l-possibbiltà li tiżdied l-indikazzjoni “premier cru” mad-denominazzjoni ta’ oriġini. Din l-indikazzjoni tista’ tkun akkumpanjata bl-isem ta’ klima, terminu lokali għal unità ġeografika iżgħar. Ġiet miżjuda l-lista ta’ klimi awtorizzati li jibbenefikaw minn din l-indikazzjoni.

Il-klimi ntgħażlu abbażi ta’ studju li wera li l-inbejjed prodotti f’dawn l-unitajiet ġeografiċi iżgħar kellhom il-kwalitajiet karatteristiċi tad-denominazzjoni f’intensità akbar. L-ismijiet tal-klimi magħżula mill-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità waqt il-laqgħa tal-kumitat nazzjonali kompetenti ilhom jintużaw għal bosta għexieren ta’ snin mill-produtturi li jakkumpanjaw l-isem tad-denominazzjoni.

Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-isem tad-denominazzjoni jiġi segwit minn isem ta’ klima diġà kienet ġiet awtorizzata mill-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott preċedenti taħt ċerti kundizzjonijiet.

Il-punti 4, 5, 8 u 9 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

2.   Żona ġeografika

Fil-paragrafu 1 tal-punt IV tal-Kapitolu I, ġiet miżjuda l-lista tal-muniċipalitajiet kif stabbilita mill-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2019.

Din l-emenda editorjali ma temendax iż-żona ġeografika.

Ġie speċifikat ukoll li “Mapep li jirrappreżentaw iż-żona ġeografika huma disponibbli fis-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità. ”

Il-punt 6 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

Id-data tal-laqgħa tal-kumitat kompetenti nazzjonali dwar l-approvazzjoni taż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ tad-denominazzjoni ġiet aġġornata. Għalhekk, id-dati tat-8 u d-9 ta’ Ġunju ġew sostitwiti bis-7 ta’ Settembru 2016.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tintroduċi ż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata tal-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru” billi tagħmel referenza għad-data tal-approvazzjoni mill-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità waqt il-laqgħa tal-kumitat kompetenti nazzjonali (f’dan il-każ l-14 ta’ Novembru 2019).

Tispeċifika wkoll li d-dokumenti grafiċi li jistabbilixxu l-limiti tal-irqajja’ tar-raba’ taż-żona tal-produzzjoni hekk approvati għandhom jiġu ddepożitati mal-muniċipalitajiet taż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata.

Il-punt 6 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

3.   Iż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata

Id-demarkazzjoni tal-irqajja’ tar-raba’ tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ dawk l-irqajja’ tar-raba’ fi ħdan iż-żona ġeografika li huma tajbin għall-produzzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

Din id-demarkazzjoni ġiet riveduta b’mod ristrett sabiex jiġi stabbilit perimetru ċar fil-qafas tat-talba ta’ adeżjoni għall-użu tal-indikazzjoni tradizzjonali “premier cru”.

Dan wassal lill-awtorità kompetenti nazzjonali biex tapprova ż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata għaż-żona ġeografika sħiħa f’data tal-approvazzjoni ġdida, jiġifieri fis-7 ta’ Settembru 2016, li ssostitwixxiet id-data l-qadima fil-paragrafu 2 tal-punt IV tal-Kapitolu I.

Fil-paragrafu 2 tal-punt IV tal-Kapitolu I, hija ddefinita żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata partikolari għall-produzzjoni tal-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru” ġewwa ż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ tad-denominazzjoni.

L-awtorità kompetenti nazzjonali approvat iż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata partikolari fid-data indikata fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, jiġifieri fl-14 ta’ Novembru 2019.

Speċifikat ukoll għal din iż-żona partikolari li d-dokumenti grafiċi li jistabbilixxi l-perimetri tal-irqajja’ tar-raba’ taż-żona tal-produzzjoni hekk approvati għandhom jiġu ddepożitati mal-kunsilli lokali tal-muniċipalitajiet taż-żona ġeografika.

Id-Dokument Uniku ma huwiex emendat b’dawn il-bidliet

4.   Żona fil-viċinanza immedjata

Fil-paragrafu 3 tal-punt IV tal-Kapitolu I, ġiet miżjuda l-lista tal-muniċipalitajiet kif stabbilita mill-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2019.

Xi muniċipalitajiet biddlu isimhom jew ingħaqdu mill-ewwel approvazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Għalhekk il-lista tal-muniċipalitajiet li jiffurmaw din iż-żona ġiet aġġornata, mingħajr ma ġie mmodifikat il-perimetru taż-żona.

Ċerti muniċipalitajiet għaldaqstant tneħħew:

 

Id-département ta’ Côte d’Or: Cormot-le-Grand, Vauchignon

 

Id-département ta’ Rhône: Belleville, Le Bois d’Oingt, Dareizé, Jamioux, Liergues, Nuelles, Oingt, Les Olmes, Pouilly-le-Monial, Saint-Laurent d’Oingt, Saint-Loup

 

Id-département ta’ Saône-et-Loire: Donzy-le-National, La Loyère, Massy

 

Id-département ta’ Yonne: Accolay, Champvallon, Cravant, Sacy, Villiers-sur-Tholon, Volgré.

Il-muniċipalitajiet li ġejjin ġew miżjuda:

 

Id-département ta’ Côte d’Or: Cormot-Vauchignon

 

Id-département ta’ Rhône: Belleville-en-Beaujolais, Porte des Pierres Dorées, Saint-Germain-Nuelles, Saint-germain-sur-l’Arbresle, Saint-Jean-d’Ardières, Le Val d’Oingt, Vindry-sur-Turdine (għat-territorju tal-muniċipalitajiet qodma ta’ Dareizé, Les Olmes u Saint Loup biss)

 

Id-département ta’ Saône-et-Loire: Fragnes-La-Loyère (għat-territorju tal-muniċipalità qadima ta’ La Loyère biss), La Vineuse (għat-territorju tal-muniċipalitajiet qodma ta’ Donzy-le-National, La Vineuse u Massy biss)

 

Id-département ta’ Yonne: Deux Rivières, Montholon (għat-territorju tal-muniċipalitajiet qodma ta’ Champvallon, Villiers-sur-Tholon u Volgré biss).

Il-punt 9 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

5.   Tagħbija massima medja fuq ir-roqgħa ta’ art

Fl-ittra d) tal-punt VI tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott, ġiet introdotta tagħbija massima medja fuq ir-roqgħa ta’ art speċifika għall-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”, jiġifieri 9 500 kilogramma għal kull ettaru. Din hija aktar baxxa minn dik awtorizzata għall-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mid-denominazzjoni ta’ oriġini. Għalhekk, din il-karatteristika hija s-sinjal ta’ rekwiżit aktar strett fit-tmexxija tal-vinja li jagħmilha possibbli li jinkiseb inbed li jesprimi t-terren tiegħu b’mod aktar immarkat.

Id-Dokument Uniku ma huwiex emendat b’din l-emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

6.   Prattiki oħra ta’ kultivazzjoni

Fl-ittra a) tal-paragrafu 2 tal-punt VI tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġew introdotti prattiki ta’ kultivazzjoni speċifiċi għall-irqajja’ tar-raba’ li jipproduċu nbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”:

It-tnaqqija bi prodotti kimiċi hija pprojbita, minbarra dik bi prodotti ta’ kontroll bijoloġiku approvati mill-awtoritajiet pubbliċi tal-vitikultura.

Huwa obbligatorju li jkun hemm perjodu fejn il-ħamrija ma tintużax, jew ta’ raba’ mistrieħ, ta’ mill-inqas 3 snin ta’ kultivazzjoni bejn il-qlugħ u t-tħawwil mill-ġdid ta’ roqgħa ta’ art.

L-ewwel emenda takkumpanja l-iżvilupp attwali tal-prattiki tal-operaturi favur l-agroekoloġija. Din tirrifletti l-kunsiderazzjoni li kulma jmur dejjem qed jikber it-tħassib ambjentali fl-itinerarji tekniċi. Din twassal għal tnaqqis fl-użu ta’ erbiċidi kimiċi. It-tieni emenda wkoll tippromwovi tħawwil aktar sostenibbli tad-dielja.

Id-Dokument Uniku ma huwiex emendat b’dawn l-emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

7.   Trasport tal-ħsad

Fl-ittra b) tal-paragrafu 1 tal-punt VII tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, l-użu obbligatorju ta’ kontenituri b’qiegħ doppju ġie introdott għat-trasport tal-ħsad li ġie maħsud b’mod mekkaniku għall-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”.

Din id-dispożizzjoni tagħmilha possibbli li jiġi evitat li l-meraq isseparat jgħaddi minn ġol-pressa għall-għasir mal-għenieqed tal-għeneb. L-ossidazzjoni tal-meraq hija limitata.

Din l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ma temendax id-Dokument Uniku.

8.   Maturità tal-għeneb

Fil-paragrafu 2(b) tal-punt VII tal-Kapitolu I, il-kontenut taz-zokkor minimu u l-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum għall-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru” huma identiċi għall-valuri minimi imposti għall-inbejjed tad-denominazzjoni segwita mill-isema ta’ unità ġeografika iżgħar, li lokalment tissejjaħ klima. Ir-referenza għall-klimi għalhekk ġiet sostitwita mir-referenza globali “premier cru”. Il-klimi magħżula jridu jirrispettaw dawn il-valuri, kif kien il-każ fil-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Il-punt 4 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

9.   Rendimenti

Fil-paragrafu 1 tal-punt VIII tal-Kapitolu I, ir-rendiment tal-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru” huwa stabbilit għal 56 hl/ha; u r-rendiment massimu huwa stabbilit għal 62 hl/ha.

Il-valuri tar-rendimenti imposti għall-inbejjed tad-denominazzjoni segwiti mill-isem ta’ unità ġeografika iżgħar tnaqqsu minħabba l-livell ta’ kwalità assoċjat mal-indikazzjoni “premier cru”.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

10.   Maturazzjoni

Fl-ittra f) tal-paragrafu 1 tal-punt IX tal-Kapitolu I, ġew introdotti l-kundizzjonijiet tal-maturazzjoni għall-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”. Dawn l-inbejjed jitħallew jimmaturaw mill-inqas sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

Dawn l-inbejjed jeħtieġu perjodu ta’ maturazzjoni itwal biex jinkisbu l-karatteristiċi meħtieġa biex tingħata l-indikazzjoni “premier cru”.

Ġie speċifikat għall-inbejjed kollha tad-denominazzjoni li l-maturazzjoni titwettaq qabel l-ippakkjar. Għal dawn l-inbejjed, il-maturazzjoni trid issir f’kontenituri kbar.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

11.   Tqegħid fis-suq għall-konsumatur

Fil-paragrafu 4 tal-punt IX tal-Kapitolu I, għall-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”, id-data tat-tqegħid fis-suq għall-konsumatur ġiet stabbilita għall-15 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad, f’konformità mad-data minima għall-finijiet tal-maturazzjoni, jiġifieri l-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

Id-differenza bejn iż-żewġ dati tippermetti l-preparazzjoni tal-inbejjed u ċ-ċirkolazzjoni tagħhom bejn iż-żona fejn jiġu mmaturati u ż-żoni kollha fejn jiġu kkumerċjalizzati.

Id-Dokument Uniku ma huwiex emendat b’din l-emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

12.   Deskrizzjoni tal-fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta

Fl-ittra b) tal-paragrafu 1 tal-punt X tal-Kapitolu I, il-formulazzjoni ġiet parzjalment emendata u ssupplimentata sabiex tintegra l-elementi speċifiċi għall-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”.

Għalhekk, is-sentenza li ġejja żdiedet billi tmexxiet minn 3) - Interazzjonijiet kawżali:

“L-artijiet kbar huma rari u l-azjendi agrikoli tal-familja jiddominaw, b’erja medja ta’ bejn 3 u 4 ettari u roqgħa ta’ art ifframmentata ħafna. 70 % tal-volum prodott jiġi prodott f’kantini individwali. ”

Is-sentenza “Madwar tletin ‘klima’ (isem lokali għal post imsemmi) huma ddikjarati regolarment mill-prodotturi u jitniżżlu fuq it-tikketti tal-inbejjed.” tmexxiet għall-punt b)

Is-sentenza “L-inbejjed jitħallew jimmaturaw f’temperatura kkontrollata u mill-inqas sal-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.” tmexxiet għall-punt b), emendata u ssupplimentata biex jitqies il-perjodu minimu tal-maturazzjoni tal-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”.

Is-sentenza li ġejja ġiet miżjuda biex jiġu deskritti l-fatturi umani speċifiċi għall-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”:

“L-inbejjed mill-aqwa sitwazzjonijiet kisbu reputazzjoni li wasslithom biex jispikkaw taħt l-indikazzjoni ‘premier cru’. Il-klimi (isem mogħti lil post imsemmi, jew grupp ta’ postijiet imsemmija) ikklassifikati bħala ‘premier cru’ huma preżenti f’kull waħda mill-muniċipalitajiet tad-denominazzjoni. Dawn jokkupaw l-għoljiet l-aktar esposti, spiss fuq in-naħa inversa tal-blat (Mont Pouilly, il-Blata ta’ Solutré u ta’ Vergisson), jew fuq art watja tal-ġebla tal-ġir. Hemm 22 klima u kollha kemm huma għandhom reputazzjoni stabbilita, mill-bidu tas-seklu 19 għal uħud, bħal Pouilly, jew wara t-Tieni Gwerra Dinjija għall-biċċa l-kbira tal-oħrajn. Il-bilanċ partikolari ta’ dawn l-inbejjed u l-adegwatezza tagħhom għat-tqaddim jirrikjedu perjodu itwal ta’ maturazzjoni biex il-konsumatur jiġi offrut inbid ottimu. ”

Iċ-ċifri indikati fl-aħħar sentenza tal-punt b) ġew aġġornati għas-sena 2019.

Il-punt 8 tad-Dokument Uniku ġie emendat, fil-parti “Deskrizzjoni tal-fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta”.

13.   Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott

Fil-paragrafu 2 tal-punt X tal-Kapitolu I, ġew miżjuda deskrizzjonijiet għall-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”:

“L-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni ‘premier cru’ jesprimu aktar intensità. Dawn jista’ jkollhom karatteristika ta’ frott aktar pronunzjata, jew jistgħu jkunu aktar qawwija jew ikollhom aktar minerali skont l-oriġini tal-għeneb, u għalhekk jirriflettu s-sitwazzjonijiet pedoloġiċi u meżoklimatiċi tat-territorju. Dawn huma nbejjed li jitħallew jimmaturaw li jeħtieġu ftit snin biex jiksbu l-karatteristiċi sħaħ tagħhom. Jeħtieġu wkoll perjodu ta’ maturazzjoni itwal biex jesprimu b’mod ċar il-bilanċ, it-tul, l-intensità u l-kumplessità tagħhom. ”

Is-sentenza li ġejja tħassret:

“Il-medda sħiħa ta’ kwalitajiet tiegħu tidher wara ftit snin ta’ tqaddim, u tista’ terġa’ tidher wara bosta snin, sa 20 sena u aktar. ”

Il-punt 4 u, fil-punt 8, il-parti “Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott”, tad-Dokument Uniku ġew emendati.

14.   Interazzjonijiet kawżali

Fil-paragrafu 3 tal-punt X tal-Kapitolu I, iż-żewġ sentenzi li ġejjin tħassru u tmexxew għall-ittra b) tal-paragrafu 1 tal-punt X tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott:

“L-artijiet kbar huma rari u l-azjendi agrikoli tal-familja jiddominaw, b’erja medja ta’ bejn 3 u 4 ettari u roqgħa ta’ art ifframmentata ħafna. 70 % tal-volum prodott jiġi prodott f’kantini individwali. ”

Il-formulazzjoni tal-punt X “Rabta maż-żona ġeografika” ġiet emendata parzjalment biex jiġu integrati l-karatteristiċi speċifiċi għall-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”.

Fil-punt 8, il-parti “Interazzjonijiet kawżali” tad-Dokument Uniku ġiet emendata.

15.   Dispożizzjonijiet partikolari

Fil-paragrafu 2 tal-punt XII tal-Kapitolu I, il-punt a) ġie sostitwit bit-test li ġej: “L-isem ta’ klima jista’ jiġi assoċjat mal-indikazzjoni ‘premier cru’ u jitpoġġa immedjatament wara l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata u jiġi stampat b’ittri li d-daqs tagħhom ma jkunx ogħla u usa’ mid-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata. ”,

Dan it-test ġdid jistabbilixxi r-regoli dwar it-tikkettar għall-ismijiet tal-klimi magħżula bħala “premier cru”.

Il-punt li oriġinarjament kien il-punt a) tħassar.

Punt b) ġdid ġie miżjud minħabba l-introduzzjoni ta’ regoli speċifiċi għall-klimi kklassifikati bħala “premier cru”. Din il-formulazzjoni l-ġdida żżomm il-possibbiltà li jiġi speċifikat fit-tikketta l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar, peress li din hija prattika komuni f’dan ir-reġjun. Madankollu, huwa pprojbit li jintuża isem omonimu ma’ isem ta’ klima kklassifikata bħala “premier cru”.

“b)

– It-tikkettar tal-inbejjed li jibbenefikaw mid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jista’ jispeċifika l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar bil-kundizzjoni li:

din tkun post irreġistrat;

dan il-post ikun fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad;

l-isem tal-post irreġistrat ma jkunx identiku għal dak ta’ klima li tista’ tibbenefika mill-indikazzjoni ‘premier cru’, biex tiġi evitata kull problema ta’ omonimija.

L-isem tal-post irreġistrat għandu jiġi stampat b’karattri li ma jkunux akbar, la fl-għoli u lanqas fil-wisa’, minn nofs id-daqs tal-karattri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata. ”

Il-punti li qabel kienu l-punti b) u c) issa saru l-punti c) u d).

Il-punt 9 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

16.   Obbligi ta’ dikjarazzjoni

Fil-punt I tal-Kapitolu II, żdied il-punt 8a sabiex jiġu introdotti l-obbligi ta’ dikjarazzjoni li jippermettu l-kontroll ta’ kundizzjoni tal-produzzjoni tal-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”.

“8-

Dikjarazzjoni tal-qlugħ u tat-tħawwil

Għall-irqajja’ tar-raba’ li jinsabu fiż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata tal-produzzjoni partikolari għall-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni ‘premier cru’, kull operatur jiddikjara lill-korp tal-ħarsien u tal-ġestjoni qabel it-tmiem tas-sena tal-inbid attwali liema rqajja’ tar-raba’ ġew maqlugħa, liema ġew imħawla u l-pjan proviżorju għat-tħawwil mill-ġdid. ”

Id-Dokument Uniku ma huwiex emendat b’dan il-bidliet.

17.   Żamma ta’ reġistri

Fil-punt II tal-Kapitolu II tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott, żdied punt bit-titolu “Monitoraġġ ta’ nbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni ‘premier cru’”, li jirrikjedi lill-operaturi jżommu disponibbli informazzjoni li tippermetti li jitwettqu verifiki ta’ ċerti kundizzjonijiet tal-produzzjoni li japplikaw għal dawn l-inbejjed.

“Kull operatur li jipproduċi nbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni ‘premier cru’ għandu jagħmel disponibbli għall-korp tal-ħarsien u tal-ġestjoni u għall-korp ta’ spezzjoni l-informazzjoni li ġejja:

Kull dokument li jiġġustifika l-użu tal-kontenitur b’qiegħ doppju,

L-erbiċidi applikati għal kull roqgħa ta’ art fi produzzjoni:

in-numru tar-roqgħa ta’ art,

in-numru tal-prodott,

id-data,

il-kwantità applikata. ”.

Id-Dokument Uniku ma huwiex emendat b’din l-emenda.

18.   Il-korp ta’ ċertifikazzjoni

Fil-punt I tal-Kapitolu II tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-kliem “pjan ta’ spezzjoni” ġew sostitwiti bil-kliem “pjan ta’ kontroll”. Din is-sostituzzjoni saret fil-punti 2, 3, 4, u 6. Il-grupp applikant għażel li jgħaddi minn kontroll estern permezz ta’ sistema ta’ spezzjoni għal kontroll estern permezz ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni.

19.   Referenzi għall-istruttura ta’ kontroll

Fil-punt II tal-Kapitolu III tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ir-referenzi għall-istruttura ta’ kontroll ġew emendati peress li l-kontroll issa qed jitwettaq skont sistema ta’ ċertifikazzjoni. Ir-regoli għat-tfassil tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott ġew emendati wara l-approvazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott fl-2011, u issa jeħtieġu li jiġu indikati l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dan il-korp jekk tintgħażel din is-sistema.

L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-istruttura ta’ kontroll il-qadima tħassru u ġew sostitwiti minn:

“SIQOCERT

132/134, route de Dijon

21207 Beaune CEDEX

Tel. +33 0380250950

Faks +33 0380246323

Posta elettronika: beaune@siqocert.fr”;

Fil-punt II, fiż-żewġ punti li jsegwu l-ewwel punt, il-kliem “taħt l-awtorità” u “pjan ta’ spezzjoni” huwa sostitwit bil-kliem “f’isem” u “pjan ta’ kontroll”.

Id-Dokument Uniku ma huwiex emendat b’din l-emenda.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Pouilly-Fuissé

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Pouilly-Fuissé

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

L-inbejjed huma nbejjed bojod xotti u mhux frizzanti. L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 11 %. L-inbejjed ma jaqbżux il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13,5 % wara l-arrikkiment.

L-inbejjed finali, li jkunu lesti biex jiġu kkunsmati, ikollhom kontenut massimu ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’:

3 grammi f’kull litru;

jew 4 grammi f’kull litru, jekk l-aċidità totali tkun ta’ 55,1 milliekwivalenti f’kull litru jew aktar, jiġifieri 4,13 grammi f’kull litru, espressa f’aċidu tartariku (jew 2,7 grammi f’kull litru, espressa f’H2SO4).

Il-kontenut ta’ aċidità totali, aċidità volatili u diossidu tal-kubrit huwa dak stabbilit fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

Il-Pouilly-Fuissé, normalment b’kulur dehbi fl-aħdar qabel jimmatura, huwa nbid xott, b’finezza u distinzjoni, li spiss jesprimi noti delikati ta’ fjuri bojod u frott taċ-ċitru. Dawn ħafna drabi jiżviluppaw f’noti ta’ ġellewż, lewż inkaljat, vanilla jew żnied matul it-tqaddim. L-istruttura fil-ħalq hija mimlija u rikka, b’bilanċ ta’ suċċess bejn il-qawwa u l-elegenza.

KARATTERISTIĊI ANALITIĊI

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum):

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima:

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru):

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru):

 

Pouilly-Fuissé premier cru

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

L-inbejjed huma nbejjed bojod xotti u mhux frizzanti. L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 12 %. L-inbejjed ma jaqbżux il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13,5 % wara l-arrikkiment.

L-inbejjed finali, li jkunu lesti biex jiġu kkunsmati, ikollhom kontenut massimu ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’:

3 grammi f’kull litru;

jew 4 grammi f’kull litru, jekk l-aċidità totali tkun ta’ 55,1 milliekwivalenti f’kull litru jew aktar, jiġifieri 4,13 grammi f’kull litru, espressa f’aċidu tartariku (jew 2,7 grammi f’kull litru, espressa f’H2SO4).

Il-kontenut ta’ aċidità totali, aċidità volatili u diossidu tal-kubrit huwa dak stabbilit fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

L-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru” jesprimu aktar intensità. Dawn jista’ jkollhom karatteristika ta’ frott aktar pronunzjata, jew jistgħu jkunu aktar qawwija jew ikollhom aktar minerali skont l-oriġini tal-għeneb, u għalhekk jirriflettu s-sitwazzjonijiet pedoloġiċi u meżoklimatiċi tat-territorju. Dawn huma nbejjed li jitħallew jimmaturaw li jeħtieġu ftit snin biex jiksbu l-karatteristiċi sħaħ tagħhom. Jeħtieġu wkoll perjodu ta’ maturazzjoni itwal biex jesprimu b’mod ċar il-bilanċ, it-tul, l-intensità u l-kumplessità tagħhom.

KARATTERISTIĊI ANALITIĊI

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum):

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima:

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru):

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru):

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Densità u regoli taż-żbir

Prattika tal-kultivazzjoni

a)

- Densità tat-tħawwil

Id-dwieli għandhom densità minima ta’ tħawwil ta’ 8 000 pjanta għal kull ettaru, b’distanza bejn ir-ringieli ta’ mhux aktar minn 1,40 metru u b’distanza bejn il-pjanti fl-istess ringiela ta’ 0,75 metru jew aktar.

b)

- Regoli taż-żbir

Żabra qasira (dwieli f’forma ta’ “cordon de Royat”):

Id-dwieli jinżabru b’massimu ta’ 10 rimjiet għal kull pjanta;

Kull pjanta għandu jkollha massimu ta’ 5 friegħi miżbura, kull waħda b’mhux aktar minn 2 rimjiet.

Żabra twila (dwieli miżbura bil-metodu Guyot jew “queue du Mâconnais”)

Id-dwieli miżbura bil-metodu Guyot sempliċi jew doppju jinżabru b’massimu ta’ 10 rimjiet għal kull pjanta.

Kull pjanta għandu jkollha:

jew zokk twil wieħed li jkollu massimu ta’ 6 rimjiet u 2 friegħi miżbura, kull waħda b’mhux aktar minn 2 rimjiet;

jew zokk twil wieħed li jkollu massimu ta’ 8 rimjiet u fergħa waħda miżbura, b’mhux aktar minn 2 rimjiet;

jew żewġt izkuk twal li jkollhom massimu ta’ 4 rimjiet u fergħa waħda miżbura, b’mhux aktar minn 2 rimjiet.

Id-dwieli miżbura bil-metodu “queue du Mâconnais” jinżabru b’massimu ta’ 14-il rimja għal kull pjanta.

Kull pjanta għandu jkollha zokk twil li jkollu massimu ta’ 12-il rimja u li l-ponta tiegħu tkun imqabbda mal-wajer t’isfel tal-irbit.

2.   Oħrajn

Prattika enoloġika speċifika

L-użu taċ-ċana huwa pprojbit.

Wara l-arrikkiment, l-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13,5 % jew anqas.

Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, f’dak li għandu x’qasam mal-prattiki enoloġiċi, l-inbejjed għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.

3.   Maturazzjoni

Prattika enoloġika speċifika

Wara l-ippakkjar, l-inbejjed iridu jiġu soġġetti għal maturazzjoni tal-anqas:

sal-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad

sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad għall-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”.

It-temperatura tal-kontenituri, matul il-maturazzjoni, hija kkontrollata u tkun ta’ 25 °C jew anqas.

5.2.   Rendimenti massimi

Pouilly-Fuissé

70 ettolitru għal kull ettaru

Pouilly-Fuissé Premier cru

62 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed isiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département ta’ Saône-et-Loire fuq il-bażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali tas-sena 2019: Chaintré, Fuissé, Solutré-Pouilly u Vergisson.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Chardonnay B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.   Deskrizzjoni tal-fatturi naturali li jikkontribwixxu għar-rabta

Iż-żona ġeografika tinsab fil-parti t’isfel tar-reġjun ta’ Bourgogne. Din għandha forma ta’ xalpa, li taqsam b’mod dijagonali s-serbut muntanji fit-tarf tan-Nofsinhar tar-reġjun naturali ta’ “Mâconnais”. Hija mifruxa fuq erba’ muniċipalitajiet tad-département ta’ Saône-et-Loire, madwar 10 kilometri fil-Punent ta’ Mâcon.

Il-blat tal-ġir emblematiku ta’ Vergisson u Solutré, sit preistoriku famuż, jiddomina l-pajsaġġ mimli widien u mħatteb. It-topografija hija kumplessa. Il-quċċati mmewġin tas-serbut muntanji asimetriċi jaqsmu ż-żona ġeografika. Il-ġnub li jħarsu lejn il-Lvant ġeneralment huma f’angolu moderat. Fuq in-naħa l-oħra, il-ġnub li jħarsu lejn il-Punent huma ħafna aktar weqfin. Hemm widien trasversali li jaqsmu l-quċċati u joħolqu wileġ żgħar li l-ġnub tagħhom iħarsu lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar.

Din l-istruttura kumplessa toħloq abbundanza ta’ substrati varji, magħmula prinċipalment mill-ġebla tal-ġir u mil-lom (ġir tafli) tal-Ġurassiku. Fil-lokal hemm abbundanza ta’ rijoliti, ġebel vulkaniku aċiduż mill-Paleożojku. Dawn is-sitwazzjonijiet diversi jikkorrispondu għal varjetà kbira ta’ tipi ta’ ħamrija. Il-ħamrija l-aktar frekwenti, fuq formazzjonijiet tal-ġir u tal-lom/ġir, hija rqiqa u ġeblija, u filtranti ħafna. Żviluppaw ukoll tipi ta’ ħamrija aktar taflija, prinċipalment fin-naħa ta’ isfel tal-ġnub tal-għoljiet fuq materjal kolluvjali, u tipi ta’ ħamrija aċiduża u ġeblija ħafna li tistrieħ fuq ir-rijoliti.

Il-klima hija oċeanika, soġġetta għal influwenzi min-Nofsinhar. Ix-xita hija mqassma regolarment matul is-sena u ma taqbiżx it-800 millimetru. Hija moderata matul il-perjodu tal-veġetazzjoni tad-dielja. L-eċċessi huma limitati kemm mill-ostaklu naturali maħluq mill-muntanji ta’ Charollais fil-Punent, li parzjalment jipproteġu d-dielji minn influwenzi umdi mill-Punent, kif ukoll mill-influwenza pożittiva ta’ kurrenti tal-arja ħfief, li jiġu mill-Punent mill-wied tettoniku tar-Rhône mill-ewwel jiem bnazzi. It-temperatura medja annwali hija ta’ 11 °C. Is-sjuf huma sħan u b’ħafna xemx.

8.2.   Deskrizzjoni tal-fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta

Il-preżenza tad-dwieli f’Mâconnais għandha storja twila. Fl-2002, A. PELLETIER fakkar li l-baħħara diġà kienu qed jittrasportaw “inbid minn Bourgogne, fejn ilhom jeżistu vinji mill-ewwel seklu” fuq is-Saône għall-benefiċċju tas-suq ta’ Lugdunum. Il-kultura tad-dwieli u l-kummerċ tal-inbid żviluppat ħafna mill-Medju Evu ’l hawn. L-Abbazija ta’ Cluny, qrib iż-żona ġeografika, għandha vinji fis-Sud-Mâconnais.

Sas-seklu 18, il-vinja ta’ Pouilly-Fuissé, bħall-Mâconnais kollu, kienet imħawla l-iżjed bil-varjetà tad-dwieli gamay N. Il-bidla seħħet fil-bidu tas-seklu 19. L-atti tal-proprjetà tal-1820 isemmu l-varjetà tad-dwieli chardonnay B bħala element prinċipali tat-taħlita tal-varjetajiet tad-dwieli. L-ampelografu studjuż JULLIEN fl-1866 kiteb, “… ix-chardonnay, li jrendi l-inbejjed tajbin ta’ Pouilly…”. L-estensjoni finali tal-varjetà tad-dwieli chardonnay B seħħet waqt it-tħawwil mill-ġdid, wara l-kriżi tal-phylloxera, fil-bidu tas-seklu 20. Illum tikkostitwixxi t-totalità tat-taħlita tal-varjetajiet tad-dwieli tal-vinja ta’ Pouilly-Fuissé. L-inbejjed ta’ Pouilly, irħajjel fiż-żona ġeografika li spiss jissemma fil-letteratura, kienu għalhekk l-aktar rinomati.

Wara bosta tilwim dwar l-użu ta’ dan l-isem, il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Mâcon iddeċidiet, fis-7 ta’ Diċembru 1922, dwar il-limiti taż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini Pouilly-Fuissé, u b’hekk affermat il-ħtieġa li jiġi mħares il-karattru rimarkabbli u singulari tal-inbejjed “cru”.

Fit-13 ta’ Jannar 1929, twaqqfet l-“Unjoni tal-Produtturi ta’ Pouilly-Fuissé”, fuq l-inizjattiva tas-sindki ta’ erba’ muniċipalitajiet fiż-żona ġeografika. Din ħadet ħsieb l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata, li saret uffiċjali bid-digriet tal-11 ta’ Settembru 1936.

L-artijiet kbar huma rari u l-azjendi agrikoli tal-familja jiddominaw, b’erja medja ta’ bejn 3 u 4 ettari u roqgħa ta’ art ifframmentata ħafna. 70 % tal-volum prodott jiġi prodott f’kantini individwali.

Madwar tletin “klima” (isem lokali għal post imsemmi) huma ddikjarati regolarment mill-prodotturi u jitniżżlu fuq it-tikketti tal-inbejjed.

L-inbejjed mill-aqwa sitwazzjonijiet kisbu reputazzjoni li wasslithom biex jispikkaw taħt l-indikazzjoni “premier cru”. Il-klimi (isem mogħti lil post imsemmi, jew grupp ta’ postijiet imsemmija) ikklassifikati bħala “premier cru” huma preżenti f’kull waħda mill-muniċipalitajiet tad-denominazzjoni. Dawn jokkupaw l-għoljiet l-aktar esposti, spiss fuq in-naħa inversa tal-blat (Mont Pouilly, il-Blata ta’ Solutré u ta’ Vergisson), jew fuq art watja tal-ġebla tal-ġir. Hemm 22 klima u kollha kemm huma għandhom reputazzjoni stabbilita, mill-bidu tas-seklu 19 għal uħud, bħal Pouilly, jew wara t-Tieni Gwerra Dinjija għall-biċċa l-kbira tal-oħrajn. Il-bilanċ partikolari ta’ dawn l-inbejjed u l-adegwatezza tagħhom għat-tqaddim jirrikjedu perjodu itwal ta’ maturazzjoni biex il-konsumatur jiġi offrut inbid ottimu.

L-inbejjed kollha tad-denominazzjoni huma soġġetti għal maturazzjoni f’temperatura kkontrollata. Tal-anqas sal-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad u tal-anqas sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad għall-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru”.

It-teknika taż-żbir “à queue” f’arkata waħda jew fi tnejn, karatteristika ta’ “Mâconnais”, għadha pprattikata ħafna. Din tipproteġi d-dwieli mill-ġlata tar-rebbiegħa.

Fl-2019, il-vinja tkopri madwar 800 ettaru għal produzzjoni ta’ 40 000 ettolitru prodotti minn aktar minn 300 operatur.

8.3.   Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott

Il-Pouilly-Fuissé, normalment b’kulur dehbi fl-aħdar qabel jimmatura, huwa nbid xott, b’finezza u distinzjoni, li spiss jesprimi noti delikati ta’ fjuri bojod u frott taċ-ċitru. Dawn ħafna drabi jiżviluppaw f’noti ta’ ġellewż, lewż inkaljat, vanilla jew żnied matul it-tqaddim. L-istruttura fil-ħalq hija mimlija u rikka, b’bilanċ ta’ suċċess bejn il-qawwa u l-elegenza.

L-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni “premier cru” jesprimu aktar intensità. Dawn jista’ jkollhom karatteristika ta’ frott aktar pronunzjata, jew jistgħu jkunu aktar qawwija jew ikollhom aktar minerali skont l-oriġini tal-għeneb, u għalhekk jirriflettu s-sitwazzjonijiet pedoloġiċi u meżoklimatiċi tat-territorju.

Dawn huma nbejjed li jitħallew jimmaturaw li jeħtieġu ftit snin biex jiksbu l-karatteristiċi sħaħ tagħhom. Jeħtieġu wkoll perjodu ta’ maturazzjoni itwal biex jesprimu b’mod ċar il-bilanċ, it-tul, l-intensità u l-kumplessità tagħhom.

8.4.   Interazzjonijiet kawżali

Il-klima oċeanika moderata minn influwenzi min-Nofsinhar tesprimi ruħha f’ġentilezza speċifika għas-“Sud-Mâconnais”. L-inbejjed ta’ Pouilly-Fuissé jasserixxu tipiċità partikolari li d-denominatur komuni tagħha huwa l-karattru mlaħħam u ta’ frott fil-ħalq, li turi l-oriġini ta’ “Bourgogne du Sud”.

Il-pajsaġġ kumpless, iffurmat minn quċċati mmewġin bi ġnub ta’ esponimenti differenti, flimkien ma’ substrati varji, għalkemm l-aktar tal-ġir, jiffurmaw mużajk ta’ ambjenti fejn il-varjetà tad-dwieli chardonnay B sabet benniena mill-aqwa, b’mod partikolari fil-wileġ naturali ta’ Solutré-Pouilly, Fuissé u Vergisson u fuq l-għoljiet ta’ Chaintré. Dan l-arranġament iġġenera rikkezza kbira ta’ ambjenti naturali, li kull wieħed huwa kkarratterizzat l-iktar minn ħamrija u meżoklima proprji. Ir-rikonoxximent ta’ din id-diversità ħeġġeġ lill-produtturi jsemmu l-isem tal-“klima” minn fejn oriġina l-għeneb fuq it-tikketti, u b’hekk xeħtu dawl fuq dawn id-differenzi żgħar li jesprimu ruħhom b’mod sħiħ fl-inbejjed.

L-isforzi li saru mill-produtturi huma permanenti u l-għarfien baqa’ jirrispetta l-karattru oriġinali tal-inbejjed espressi min-natura tal-ħamrija, kemm fl-użanzi vitikulturali kif ukoll fil-kantini. Filwaqt li jirriflettu dan l-għarfien, l-irqajja’ ta’ raba’ demarkati b’mod preċiż għall-ħsad tal-għeneb jiġu mħawla fuq għoljiet bejn wieħed u ieħor weqfin, b’tali mod li jħarsu lejn il-pjanura tas-Saône, b’esponimenti li jvarjaw, mil-Lbiċ sal-Grigal, minn altitudni ta’ bejn 220 metru sa 420 metru.

Il-blat ta’ Solutré u Vergisson, simboli tal-vinja, huma preżenti kullimkien fuq id-dwieli u jidhru fuq ħafna tikketti u logos promozzjonali. Fil-pjazza tar-raħal ta’ Solutré-Pouilly, l-“Unjoni tal-Produtturi ta’ Pouilly-Fuissé” ħolqot l-“Atrium”, post fejn wieħed jista’ jduq, jixtri u jiskopri l-inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata. Dan l-ambjent naturali eċċezzjonali ta’ Pouilly-Fuissé huwa rikonoxxut fuq livell nazzjonali u protett bl-isem ta’ “Grand site Solutré-Pouilly-Vergisson”. Bi kważi 200 000 viżitatur fis-sena, il-“Grand Site” huwa wieħed mid-destinazzjonijiet turistiċi l-aktar iffrekwentati f’Bourgogne.

Fl-1995, legat ippermatta lill-Hospices de Beaune jsiru l-proprjetarji ta’ vinja ta’ 4 ettari f’Chaintré. Il-Pouilly-Fuissé għalhekk huwa l-uniku “cru” li ma huwiex prodott f’Côte-d’Or u li huwa inkluż fost il-cuvées irkantati kull sena waqt il-fiera rinomata ta’ Novembru.

L-inbejjed ta’ Pouilly-Fuissé, il-vinja ewlenija ta’ Mâconnais, huma esportati fuq skala kbira, b’aktar minn 70 % tal-produzzjoni tiġi esportata, prinċipalment lejn il-Gran Brittanja, l-Asja u l-Istati Uniti, fejn kisbu fama kbira ħafna.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Denominazzjonijiet ġeografiċi u indikazzjonijiet addizzjonali

Qafas ġuridiku:

 

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

 

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

 

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jista’ jiġi ssupplimentat bl-indikazzjoni “premier cru” għall-inbejjed li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni stabbiliti għal din l-indikazzjoni.

 

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jista’ jiġi ssupplimentat bl-indikazzjoni “premier cru” u segwit bl-isem ta’ waħda mill-klimi mniżżlin hawn taħt, għall-inbejjed li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-produzzjoni stabbiliti għall-indikazzjoni “premier cru”.

 

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jista’ jiġi ssupplimentat bl-isem ta’ waħda mill-klimi mniżżlin hawn taħt, għall-inbejjed li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni stabbiliti għall-indikazzjoni “premier cru”.

Lista ta’ klimi:

 

Il-muniċipalità ta’ Chaintré:

Le Clos de Monsieur Noly

Les Chevrières

Aux Quarts

Le Clos Reyssier

 

Il-muniċipalità ta’ Fuissé:

Le Clos

Les Brulés

Les Ménétrières

Les Reisses

Les Vignes Blanches

Les Perrières

Vers Cras

 

Il-muniċipalità ta’ Solutré-Pouilly:

La Frérie

Le Clos de Solutré

Au Vignerais

En Servy

Aux Bouthières

Aux Chailloux

Pouilly

Vers Cras

 

Il-muniċipalità ta’ Vergisson:

Les Crays

La Maréchaude

Sur la Roche

En France

Muniċipalitajiet fiż-żona fil-viċinanza immedjata tad-département ta’ Côte d’Or

Qafas ġuridiku:

 

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

 

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

 

Agencourt, Aloxe-Corton, Ancey, Arcenant, Argilly, Autricourt, Auxey-Duresses, Baubigny, Beaune, Belan-sur-Ource, Bévy, Bissey-la-Côte, Bligny-lès-Beaune, Boncourt-le-Bois, Bouix, Bouze-lès-Beaune, Brion-sur-Ource, Brochon, Cérilly, Chambœuf, Chambolle-Musigny, Channay, Charrey-sur-Seine, Chassagne-Montrachet, Châtillon-sur-Seine, Chaumont-le-Bois, Chaux, Chenôve, Chevannes, Chorey-lès-Beaune, Clémencey, Collonges-lès-Bévy, Combertault, Comblanchien, Corcelles-les-Arts, Corcelles-les-Monts, Corgoloin, Cormot-Vauchignon, Corpeau, Couchey, Curley, Curtil-Vergy, Daix, Dijon, Ebaty, Echevronne, Epernay-sous-Gevrey, L’Etang-Vergy, Etrochey, Fixin, Flagey-Echézeaux, Flavignerot, Fleurey-sur-Ouche, Fussey, Gerland, Gevrey-Chambertin, Gilly-lès-Cîteaux, Gomméville, Grancey-sur-Ource, Griselles, Ladoix-Serrigny, Lantenay, Larrey, Levernois, Magny-lès-Villers, Mâlain, Marcenay, Marey-lès-Fussey, Marsannay-la-Côte, Massingy, Mavilly-Mandelot, Meloisey, Merceuil, Messanges, Meuilley, Meursanges, Meursault, Molesme, Montagny-lès-Beaune, Monthelie, Montliot-et-Courcelles, Morey-Saint-Denis, Mosson, Nantoux, Nicey, Noiron-sur-Seine, Nolay, Nuits-Saint-Georges, Obtrée, Pernand-Vergelesses, Perrigny-lès-Dijon, Plombières-lès-Dijon, Poinçon-lès-Larrey, Pommard, Pothières, Premeaux-Prissey, Prusly-sur-Ource, Puligny-Montrachet, Quincey, Reulle-Vergy, La Rochepot, Ruffey-lès-Beaune, Saint-Aubin, Saint-Bernard, Saint-Philibert, Saint-Romain, Sainte-Colombe-sur-Seine, Sainte-Marie-la-Blanche, Santenay, Savigny-lès-Beaune, Segrois, Tailly, Talant, Thoires, Vannaire, Velars-sur-Ouche, Vertault, Vignoles, Villars-Fontaine, Villebichot, Villedieu, Villers-la-Faye, Villers-Patras, Villy-le-Moutier, Vix, Volnay, Vosne-Romanée, Vougeot;

Muniċipalitajiet fiż-żona fil-viċinanza immedjata tad-département ta’ Rhône

Qafas ġuridiku:

 

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

 

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

 

Alix, Anse, L’Arbresle, Les Ardillats, Arnas, Bagnols, Beaujeu, Belleville-en-Beaujolais Belmont-d’Azergues, Blacé, Le Breuil, Bully, Cercié, Chambost-Allières, Chamelet, Charentay, Charnay, Châtillon, Chazay-d’Azergues, Chénas, Chessy, Chiroubles, Cogny, Corcelles-en-Beaujolais, Denicé, Dracé, Emeringes, Fleurie, Frontenas, Gleizé, Juliénas, Jullié, Lacenas, Lachassagne, Lancié, Lantignié, Légny, Létra, Limas, Lozanne, Lucenay, Marchampt, Marcy, Moiré, Montmelas-Saint-Sorlin, Morancé, Odenas, Le Perréon, Pommiers, Porte des Pierres Dorées, Quincié-en-Beaujolais, Régnié-Durette, Rivolet, Saint-Clément-sur-Valsonne, Saint-Cyr-le-Chatoux, Saint-Didier-sur-Beaujeu, Saint-Etienne-des-Oullières, Saint-Etienne-la-Varenne, Saint-Georges-de-Reneins, Saint-Germain-Nuelles, Saint-Germain-sur-l’Arbresle, Saint-Jean-d’Ardières, Saint-Jean-des-Vignes, Saint-Julien, Saint-Just-d’Avray, Saint-Lager, Saint-Romain-de-Popey, Saint-Vérand, Sainte-Paule, Salles-Arbuissonnas-en-Beaujolais, Sarcey, Taponas, Ternand, Theizé, Le Val d’Oingt, Vaux-en-Beaujolais, Vauxrenard, Vernay, Villefranche-sur-Saône, Ville-sur-Jarnioux, Villié-Morgon, Vindry-sur-Turdine għat-territorju tal-muniċipalitajiet qodma ta’ Dareizé, Les Olmes u Saint-Loup biss;

Muniċipalitajiet fiż-żona fil-viċinanza immedjata tad-département ta’ Saône-et-Loire

Qafas ġuridiku:

 

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

 

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

 

Aluze, Ameugny, Azé, Barizey, Beaumont-sur-Grosne, Berzé-la-Ville, Berzé-le-Châtel, Bissey-sous-Cruchaud, Bissy-la-Mâconnaise, Bissy-sous-Uxelles, Bissy-sur-Fley, Blanot, Bonnay, Bouzeron, Boyer, Bray, Bresse-sur-Grosne, Burgy, Burnand, Bussières, Buxy, Cersot, Chagny, Chalon-sur-Saône, Chamilly, Champagny-sous-Uxelles, Champforgeuil, Chânes, Change, Chapaize, La Chapelle-de-Bragny, La Chapelle-de-Guinchay, La Chapelle-sous-Brancion, Charbonnières, Chardonnay, La Charmée, Charnay-lès-Mâcon, Charrecey, Chasselas, Chassey-le-Camp, Château, Châtenoy-le-Royal, Chaudenay, Cheilly-lès-Maranges, Chenôves, Chevagny-les-Chevrières, Chissey-lès-Mâcon, Clessé, Cluny, Cormatin, Cortambert, Cortevaix, Couches, Crêches-sur-Saône, Créot, Cruzille, Culles-les-Roches, Curtil-sous-Burnand, Davayé, Demigny, Dennevy, Dezize-lès-Maranges, Donzy-le-Pertuis, Dracy-le-Fort, Dracy-lès-Couches, Epertully, Etrigny, Farges-lès-Chalon, Farges-lès-Mâcon, Flagy, Fleurville, Fley, Fontaines biss, Fragnes-La Loyère għat-territorju tal-muniċipalità qadima ta’ La Loyère, Genouilly, Germagny, Givry, Granges, Grevilly, Hurigny, Igé, Jalogny, Jambles, Jugy, Jully-lès-Buxy, Lacrost, Laives, Laizé, Lalheue, Leynes, Lournand, Lugny, Mâcon, Malay, Mancey, Martailly-lès-Brancion, Massilly, Mellecey, Mercurey, Messey-sur-Grosne, Milly-Lamartine, Montagny-lès-Buxy, Montbellet, Montceaux-Ragny, Moroges, Nanton, Ozenay, Paris-l’Hôpital, Péronne, Pierreclos, Plottes, Préty, Prissé, Pruzilly, Remigny, La Roche-Vineuse, Romanèche-Thorins, Rosey, Royer, Rully, Saint-Albain, Saint-Ambreuil, Saint-Amour-Bellevue, Saint-Boil, Saint-Clément-sur-Guye, Saint-Denis-de-Vaux, Saint-Désert, Saint-Gengoux-de-Scissé, Saint-Gengoux-le-National, Saint-Germain-lès-Buxy, Saint-Gervais-sur-Couches, Saint-Gilles, Saint-Jean-de-Trézy, Saint-Jean-de-Vaux, Saint-Léger-sur-Dheune, Saint-Mard-de-Vaux, Saint-Martin-Belle-Roche, Saint-Martin-du-Tartre, Saint-Martin-sous-Montaigu, Saint-Maurice-de-Satonnay, Saint-Maurice-des-Champs, Saint-Maurice-lès-Couches, Saint-Pierre-de-Varennes, Saint-Rémy, Saint-Sernin-du-Plain, Saint-Symphorien-d’Ancelles, Saint-Vallerin, Saint-Vérand, Saint-Ythaire, Saisy, La Salle, Salornay-sur-Guye, Sampigny-lès-Maranges, Sancé, Santilly, Sassangy, Saules, Savigny-sur-Grosne, Sennecey-le-Grand, Senozan, Sercy, Serrières, Sigy-le-Châtel, Sologny, Taizé, Tournus, Uchizy, Varennes-lès-Mâcon, Vaux-en-Pré, Vers, Verzé, Le Villars, La Vineuse għat-territorju tal-muniċipalitajiet qodma ta’ Donzy-le-National, La Vineuse u Massy, Vinzelles, Viré biss;

Muniċipalitajiet fiż-żona fil-viċinanza immedjata tad-département ta’ Yonne

Qafas ġuridiku:

 

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

 

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

 

Aigremont, Annay-sur-Serein, Arcy-sur-Cure, Asquins, Augy, Auxerre, Avallon, Bazarnes, Beine, Bernouil, Béru, Bessy-sur-Cure, Bleigny-le-Carreau, Censy, Chablis, Champlay, Champs-sur-Yonne, Chamvres, La Chapelle-Vaupelteigne, Charentenay, Châtel-Gérard, Chemilly-sur-Serein, Cheney, Chevannes, Chichée, Chitry, Collan, Coulangeron, Coulanges-la-Vineuse, Courgis, Cruzy-le-Châtel, Dannemoine, Deux Rivières, Dyé, Epineuil, Escamps, Escolives-Sainte-Camille, Fleys, Fontenay-près-Chablis, Gy-l’Evêque, Héry, Irancy, Island, Joigny, Jouancy, Junay, Jussy, Lichères-près-Aigremont, Lignorelles, Ligny-le-Châtel, Lucy-sur-Cure, Maligny, Mélisey, Merry-Sec, Migé, Molay, Molosmes, Montigny-la-Resle, Montholon għat-territorju tal-muniċipalitajiet ta’ Champvallon, Villiers-sur-Tholon u Volgré biss, Mouffy, Moulins-en-Tonnerrois, Nitry, Noyers, Ouanne, Paroy-sur-Tholon, Pasilly, Pierre-Perthuis, Poilly-sur-Serein, Pontigny, Préhy, Quenne, Roffey, Rouvray, Saint-Bris-le-Vineux, Saint-Cyr-les-Colons, Saint-Père, Sainte-Pallaye, Sainte-Vertu, Sarry, Senan, Serrigny, Tharoiseau, Tissey, Tonnerre, Tronchoy, Val-de-Mercy, Vallan, Venouse, Venoy, Vermenton, Vézannes, Vézelay, Vézinnes, Villeneuve-Saint-Salves, Villy, Vincelles, Vincelottes, Viviers, Yrouerre.

Dispożizzjonijiet addizzjonali

Qafas ġuridiku:

 

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

 

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

a) -

L-isem ta’ klima jista’ jiġi assoċjat mal-indikazzjoni “premier cru” u jitpoġġa immedjatament wara l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata u jiġi stampat b’ittri li d-daqs tagħhom ma jkunx ogħla u usa’ mid-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

b) –

It-tikkettar tal-inbejjed li jibbenefikaw mid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jista’ jispeċifika l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar bil-kundizzjoni li:

din tkun post irreġistrat;

dan il-post ikun fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad;

l-isem tal-post irreġistrat ma jkunx identiku għal dak ta’ klima li tista’ tibbenefika mill-indikazzjoni “premier cru”, biex tiġi evitata kull problema ta’ omonimija.

L-isem tal-post irreġistrat għandu jkun miktub b’ittri li d-daqs tagħhom ma jkunx akbar u usa’ minn nofs id-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

c) -

It-tikkettar tal-inbejjed bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jista’ jispeċifika l-unità ġeografika usa’ “Vin de Bourgogne” jew “Grand Vin de Bourgogne”.

d) -

Meta l-indikazzjoni tal-varjetà tkun speċifikata fuq it-tikketta, din l-indikazzjoni ma għandhiex tidher fl-istess kamp viżiv bħall-indikazzjonijiet obbligatorji, u għandha tkun stampata b’ittri li d-daqs tagħhom ma jkunx aktar minn 2 millimetri.

Link għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-4cfb89bd-e375-438d-90ff-d88fb1a54e0a


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


Top