Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0226(04)

    Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 2021/C 66/17

    C/2021/1371

    ĠU C 66, 26.2.2021, p. 66–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 66/66


    Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

    (2021/C 66/17)

    Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

    L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data eAmbrosia tal-Kummissjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    “SALCHICHÓN DE VIC”/“LLONGANISSA DE VIC”

    Nru tal-UE: PGI-ES-0119-AM02 – 9.9.2020

    DOP ( ) IĠP (X)

    1.   Isem/Ismijiet

    “Salchichón de Vic”/“Llonganissa de Vic”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Spanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    Is-“Salchichón de Vic”/“Llonganissa de Vic” huwa zalzett tradizzjonali mill-Katalonja maħdum minn laħam dgħif tal-majjal, xaħam, zokkrijiet, melħ u bżar bħala l-uniku taħwir. Dan jiġi kkapuljat, immaċerat, ippakkjat f’budellati u staġjonat.

    Huwa zalzett b’budellat naturali, b’dehra karatteristika esterna mkemmxa u bil-budellat issikkat mal-mili, b’forma ċilindrika pjuttost regolari, kulur bajdani fuq barra, riżultat tal-flora fungali, li maż-żmien tieħu sfumaturi vjola fil-kannella. Fuq ġewwa jidhru sew il-biċċiet tax-xaħam u l-bżar sħiħ.

    Riħa u togħma karatteristika u pjaċevoli li tiġi mill-proċess tal-istaġjonar u mill-ħwawar.

    Il-budellat li jintuża jiddetermina d-dijametru u d-daqs tas-“Salchichón de Vic”/“Llonganissa de Vic”. Dawn huma d-daqsijiet fil-waqt tad-dispaċċ u ż-żmien tal-istaġjonar:

    Piż (g)

    Dijametru taz-zalzett staġjonat

    (imnixxef) (mm)

    Perjodu minimu ta’ staġjonar (jiem)

    200-300

    ≥ 35

    ≤ 75

    30 jum

    ≥ 300

    > 40

    ≤ 90

    45 jum

    Parametri fiżikokimiċi:

    Kontenut massimu ta’ xaħam: 48 % (*)

    Kontenut minimu ta’ proteini: 38 % (*)

    Proporzjon ta’ kollaġen/proteini x 100: massimu 12

    Total ta’ zokkrijiet li jinħallu, espressi fi glukożju: massimu 3 % (*)

    Proteini miżjuda: l-ebda

    Attività tal-ilma f’20oC: Aw < 0,92

    5,3 ≤ pH ≤ 6,2

    (*)

    valur espress abbażi tal-estratt niexef

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall- prodotti pproċessati biss)

    Il-prodott huwa magħmul minn laħam dgħif tal-majjal (spalla, koxxa, u laħam ieħor dgħif) xaħam tal-majjal, melħ, bżar, u budellati (warranin u nofsanin, meħjutin jew sħaħ).

    Ingredjenti oħra: jistgħu jintużaw biss zokkrijiet (monosakkaridi u disakkaridi), tinsiliet tal-produttur stess, nitrit tal-potassju u tas-sodju, nitrat tal-potassju u tas-sodju, aċidu askorbiku u l-melħ sodiku tiegħu.

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-produzzjoni tal-prodott (it-tħejjija tal-laħam frisk, it-tindif u l-ikkapuljar, it-taħlit, l-għaġna, l-immaċerar, l-ippakkjar, l-istaġjonar u l-immaturar) iridu jsiru fiż-żona ġeografika deskritta fil-punt 4.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    Is-Salchichón de Vic jista’ jinbiegħ isslajsjat u ppakkjat, u dan jista’ jsir kemm fiż-żona ġeografika definita fil-punt 4 jew barra minnha.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Fuq l-imballaġġ jidher, b’mod ċar u obbligatorju, l-isem tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Salchichón de Vic” (bl-Ispanjol) / “Llonganissa de Vic” (bil-Katalan), il-logo tal-IĠP stess u s-simbolu tal-UE għall-IĠP, it-tikketta awtorizzata u nnumerata tal-Kunsill Regolatorju, flimkien ma’ informazzjoni oħra ġenerali kif stabbilit mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

    Ir-riproduzzjoni tal-logo speċifiku tal-IĠP:

    Image 1

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona koperta mill-IĠP tinkludi l-muniċipalitajiet kollha tal-Plana de Vic, li jinsabu fid-distrett ta’ Osona, fil-provinċja ta’ Barċellona, kif ġej:

    Aiguafreda, Sant Martí de Centelles, El Brull, Seva, Tona, Muntanyola, Malla, Taradell, Sant Julià de Vilatorta, Santa Eugènia de Berga, Calldetenes, Folgueroles. Vic. Santa Eulàlia de Riuprimer, Gurb, Tavèrnolas, Roda de Ter, Manlleu, Santa Cecila de Voltregà, Sant Hipòlit de Voltregà, Les Masies de Voltregà, Oris, Torelló, Centelles, Balenyà, Les Masies de Roda, San Vicenç de Torelló u Sant Pere de Torelló

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    L-ispeċifiċità taz-zalzett ta’ Vic hija bbażata fuq ir-reputazzjoni u l-fama li dan il-prodott kiseb kemm fil-Katalonja kif ukoll fil-kumplament ta’ Spanja matul is-sekli, speċjalment mis-seklu 19 ’il quddiem, u fuq il-kundizzjonijiet ambjentali u klimatiċi taż-żona ġeografika li jippermettu l-produzzjoni tiegħu.

    Iż-żona ġeografika tal-IĠP, il-Plana de Vic, hija pjanura b’kundizzjonijiet agrikoli tajbin ħafna u b’għadd ta’ rziezet u rħula żgħar. Tinsab bejn 400 u 600 metru ’il fuq mil-livell tal-baħar, u hija mdawra mill-muntanji Guilleries, le Montseny Collsacabra, u le Lluçanés li jagħtuha ċertu grad ta’ iżolament. Għandha klima Mediterranja kontinentali iżda minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, f’ċirkostanzi antiċikloniċi huwa normali li l-massa tal-arja tistaġna f’din iż-żona. Għaldaqstant, tipproduċi inverżjoni termika, b’temperaturi tal-pjanura li jinżlu sa 20 °C inqas minn dawn taż-żoni tal-madwar. Barra minn hekk, fuq iż-żona jaqa’ ċ-ċpar ta’ spiss (b’medja ta’ 225 jum ta’ ċpar fis-sena). Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Plana de Vic għandha kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi ħafna li huma diffiċli li jiġu riprodotti. Dawn jiffavorixxu l-iżvilupp tal-flora mikrobika tipika, li hija responsabbli għall-proċessi enzimatiċi u ta’ fermentazzjoni li jagħtu l-aromi u t-togħmiet karatteristiċi tas-Salchichón de Vic.

    Jeżistu referenzi miktuba li jmorru lura għas-sena 1456 dwar is-Salchichón de Vic, għalkemm wieħed jista’ anke jsib ħjiel tal-oriġini tiegħu li tmur lura sar-raba’ seklu. Fil-qedem, dan iz-zalzett kien jiġi prodott fid-djar tal-bdiewa fqar taż-żona bħala mezz kif jippreservaw l-iprem qatgħat tal-laħam. Minn nofs is-seklu 19 ’il quddiem, insibu ħafna kitbiet li jfaħħru l-kwalità tas-Salchichón de Vic u jikkonfermaw ir-reputazzjoni tajba tiegħu. Bħala eżempju, artiklu mill-ġurnal “El Porvenir” (il-Ġejjieni) ippubblikat fid-29 ta’ Mejju 1867 isemmi: “[…] los ya famosos salchichones de Vic” (il-famużi zliezet ta’ Vic). Huwa magħruf ukoll li wieħed mill-ammiraturi tas-Salchichón de Vic kien ir-re Alfonso XIII innifsu. Huwa għalhekk li Vic u “salchichón” ilhom snin jissemmew flimkien. Iz-zalzett ta’ Vic maż-żmien sar teżor żgħir.

    Minkejja t-tradizzjoni tal-kelma “salchichón” li tirreferi għal zalzett oħxon u staġjonat, ta’ min jinnota li bil-Katalan dan jissejjaħ “llonganissa”, li huwa l-isem reġjunali oriġinali tiegħu, li nbidel għal “salchichón” meta ġie tradott għall-Kastellan; din hija r-raġuni għala l-ismijiet “Salchichón de Vic” u “Llonganissa de Vic” jintużaw b’mod interkambjabbli.

    Fil-qosor, is-Salchichón de Vic huwa prodott b’reputazzjoni eċċellenti, frott l-esperjenza li għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra ta’ produtturi u l-kundizzjonijiet ambjentali partikolari taż-żona ġeografika fejn isir.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

    L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott aġġornata hija aċċessibbli permezz tal-link li ġejja matul l-ipproċessar tat-talba għal emenda http://agricultura.gencat.cat/web/.content/al_alimentacio/al02_qualitat_alimentaria/normativa-dop-igp/plecs-tramit/pliego-condiciones-igp-llonganissa-vic-cambio-logo.pdf imbagħad, ladarba tiġi approvata, permezz tal-link http://agricultura.gencat.cat/ca/ambits/alimentacio/segells-qualitat-diferenciada/distintius-origen/dop-igp/normativa-dop-igp/plecs-condicions/ .


    (1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.


    Top