Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021SC0632

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    SWD/2021/632 final

    Brussell, 14.7.2021

    SWD(2021) 632 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    {COM(2021) 559 final} - {SEC(2021) 560 final} - {SWD(2021) 631 final} - {SWD(2021) 637 final} - {SWD(2021) 638 final}


    Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

    Valutazzjoni tal-impatt dwar Proposta għal Reviżjoni tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi.

    A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

    X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

    Bi tweġiba għaż-żieda fl-ambizzjoni klimatika għall-2030, stabbilita mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Mira Klimatika tal-Kummissjoni, l-Istrateġija għall-Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tikkonferma l-ħtieġa għal adozzjoni aċċellerata b’mod rapidu ta’ vetturi u bastimenti b’emissjonijiet baxxi u żero. Hemm bżonn ta’ network wiesa’ u dens biżżejjed ta’ infrastruttura pubblika tal-irriċarġjar u tar-riforniment biex jappoġġa din l-adozzjoni. L-evalwazzjoni indikat li d-Direttiva mhijiex adatta għall-iskop li sservi l-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment meħtieġa b’reazzjoni għaż-żieda fl-ambizzjoni klimatika għall-2030. Xprunati min-nuqqasijiet fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva attwali, il-problemi ewlenin jinkludu 1) l-ippjanar tal-infrastruttura tal-Istati Membri fil-qafas tad-Direttiva, bħala medja, huwa nieqes mil-livelli ta’ ambizzjoni, konsistenza u koerenza meħtieġa, li jwassal għal infrastruttura insuffiċjenti li mhijiex distribwita b’mod uniformi. 2) għadhom jippersistu problemi tal-interoperabbiltà f’termini ta’ konnessjonijiet fiżiċi, inkluża l-konnessjoni mal-grilja tal-elettriku u 3) għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni trasparenti għall-konsumatur u sistemi ta’ pagament faċli biex jintużaw, li għandhom impatt fuq l-aċċettazzjoni mill-utenti. Mingħajr intervent ulterjuri fil-livell tal-UE, nuqqas bħal dan ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment, interoperabbli u faċli biex tintuża, x’aktarx li jsir ostaklu għat-tkabbir meħtieġ fis-suq tal-vetturi u l-bastimenti b’emissjonijiet baxxi u żero fid-dawl tal-ambizzjoni klimatika miżjuda tal-2030.

    X’għandu jinkiseb?

    Sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050 u sabiex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, din l-inizjattiva tfittex li tiżgura d-disponibbiltà u l-użu ta’ network mifrux ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi madwar l-UE. L-utenti kollha ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi (inklużi bastimenti u inġenji tal-ajru) għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament madwar l-UE b’mod faċli, ħaġa li ssir possibbli permezz ta’ infrastruttura ewlenija bħall-awtostradi, il-portijiet u l-ajruporti. L-objettivi speċifiċi huma: 1) l-iżgurar ta’ infrastruttura minima biex jiġi appoġġat l-użu meħtieġ ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi fil-modi kollha u fl-Istati Membri kollha sabiex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE, 2) l-iżgurar tal-interoperabbiltà sħiħa tal-infrastruttura u 3) l-iżgurar ta’ informazzjoni sħiħa għall-utent u għażliet ta’ pagament adegwati.

    X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

    Konnettività sħiħa u esperjenza tal-utenti bla xkiel tul in-network Ewropew tat-trasport għall-vetturi, u l-bastimenti b’emissjonijiet baxxi u żero, żgurati permess ta’ kwantità suffiċjenti ta’ infrastruttura bejn il-fruntieri u interoperabbiltà sħiħa, huma prerekwiżit biex jintlaħaq l-għan tal-Patt Ekoloġiku Ewropew dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u biex jiġi żviluppat suq tat-trasport komuni tal-UE. Dawk l-objettivi jistgħu biss jintlaħqu permezz ta’ qafas leġiżlattiv Ewropew komuni. Ir-reviżjoni ta’ din id-Direttiva se tikkontribwixxi għal żvilupp u introduzzjoni koerenti u konsistenti tal-flotot ta’ vetturi, l-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment u l-informazzjoni u s-servizzi għall-utenti.

    B. Soluzzjonijiet

    X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex? 

    Ġew analizzati tliet għażliet ta’ politika (PO) li kollha jiżguraw li jkun hemm infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment suffiċjenti, interoperabbli u faċli għall-utent disponibbli biex tappoġġa l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi u żero sal-2030 u lil hinn. L-għażliet kollha jinkludu miri ta’ varar obbligatorji fil-livell nazzjonali, iżda jvarjaw f’termini tal-preskrizzjoni tal-post ta’ din l-infrastruttura, il-livell ta’ armonizzazzjoni tal-konnetturi fiżiċi u tal-protokolli ta’ komunikazzjoni kif ukoll f’termini tal-informazzjoni u s-servizzi li għandhom jiġu offruti lill-konsumaturi. L-għażla ppreferuta hija PO2 peress li tiżgura kwantità suffiċjenti ta’ infrastruttura b’mod ġenerali kif ukoll infrastruttura suffiċjenti fuq in-network TEN-T, filwaqt li tħalli flessibbiltà lill-Istati Membri f’termini tal-post preċiż u l-kapaċità tal-infrastruttura. Barra minn hekk, l-interoperabbiltà sħiħa u l-aċċess sħiħ tal-utent għall-informazzjoni u s-servizzi rilevanti hija żgurata.

    X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha? 

    L-għażla ta’ politika ppreferuta (PO2) hija appoġġata mill-industrija tal-karozzi, bosta manifatturi u operaturi tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment, is-settur tal-elettriku u bosta assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għalkemm jeżistu fehmiet differenti fir-rigward tar-rekwiżiti kwantitattivi. Madankollu, il-portijiet u l-ajruporti qajmu tħassib dwar il-kostijiet addizzjonali sabiex tiġi pprovduta l-infrastruttura relatata b’mod partikolari għall-provvista tal-elettriku fuq l-art (OPS) u l-provvista tal-elettriku lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji. L-awtoritajiet pubbliċi huma fil-biċċa l-kbira tagħhom favur reviżjoni tad-Direttiva b’mod partikolari fir-rigward tal-interoperabbiltà u l-faċilità tal-użu iżda l-fehmiet huma aktar imħallta f’dak li għandu x’jaqsam mal-miri obbligatorji tal-varar, b’mod partikolari fir-rigward tal-miri bbażati fuq il-flotta għall-infrastruttura tal-irriċarġjar.

    C. Impatti tal-għażla ppreferuta

    X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

    It-tnaqqis fis-CO2 u fl-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja se jirriżultaw f’benefiċċji soċjetali. B’mod ġenerali, l-investimenti fil-kwantità u l-kwalità tal-infrastruttura mhux se jwasslu direttament għal adozzjoni akbar tal-vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero li pjuttost se tiġi skattata minn politiki oħra, pereżempju l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet. Madankollu, jista’ biss jiġi mistenni li l-vetturi jmorru tajjeb fis-suq sal-punt meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tal-Pjan ta’ Mira Klimatika tal-UE jekk tkun disponibbli infrastruttura suffiċjenti u interoperabbli li tipprovdi servizzi minimi lill-konsumaturi. It-tnaqqis tal-kostijiet esterni tal-emissjonijiet ta’ CO2 huwa stmat għal madwar EUR 445 biljun meta mqabbel mal-linja bażi matul il-perjodu 2021–2050, espress bħala valur preżenti, filwaqt li t-tnaqqis fil-kostijiet esterni tat-tniġġis tal-arja huwa ta’ EUR 75 biljun. Dan it-tnaqqis huwa xprunat minn politiki oħra, iżda huwa permess mill-adozzjoni tal-infrastruttura. L-għażla ppreferuta mistennija li jkollha impatt pożittiv fuq l-innovazzjoni, partikolarment fil-qasam tal-iżvilupp ta’ vetturi u bastimenti b’emissjonijiet baxxi jew żero, tas-servizzi tal-utenti innovattivi li jibnu fuq infrastruttura tad-data komuni u tal-mudelli tan-negozju relatati iżda wkoll fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-irriċarġjar u tar-riforniment aktar innovattivi. Dawk l-innovazzjonijiet x’aktarx li jsaħħu l-kompetittività tal-industrija Ewropea. 

    X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? 

    Il-kostijiet totali tal-infrastruttura, inklużi l-kostijiet kapitali u operazzjonali għal infrastruttura kompletament interoperabbli u faċli għall-utent, huma mistennija jammontaw għal EUR 67.1–70.5 biljun meta mqabbla mal-linja bażi matul il-perjodu 2021–2050, espressi bħala valur preżenti, li minnhom EUR 60.3–63.7 biljun se jkunu għall-infrastruttura tat-toroq, EUR 5.9 biljun għat-trasport fuq l-ilma u EUR 0.9 biljun għall-avjazzjoni. Ma hemm l-ebda impatt negattiv dirett sinifikanti fl-oqsma ekonomiċi, soċjali jew ambjentali.

    X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

    L-għażliet ta’ politika jżidu ċ-ċertezza tad-domanda tas-suq fit-tul fl-Istati Membri kollha. Dan ġeneralment ikun ta' benefiċċju għall-intrapriżi kollha li huma attivi f’dan is-suq. Speċjalment fis-suq tal-mobbiltà elettrika, l-atturi ġodda tas-suq spiss ikunu SMEs li se jibbenefikaw mill-varar aċċellerat tal-infrastruttura tal-irriċarġjar skont id-Direttiva u mid-dispożizzjonijiet għall-kondiviżjoni tad-data permezz tal-punti ta’ aċċess nazzjonali. Il-kompetittività tal-intrapriżi attivi fl-installazzjoni u l-operazzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u r-riforniment se tiżdied fl-għażliet ta’ politika kollha, billi domanda ogħla għall-prattiki tal-irriċarġjar u tar-riforniment skattata mill-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet, iżda wkoll għall-vetturi tqal, se twassal għal profittabbiltà aħjar tal-operazzjonijiet, ikkomplementata minn tnaqqis fil-kost tat-teknoloġiji.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

    Il-kostijiet għall-awtoritajiet pubbliċi mir-rekwiżiti għar-rieżami u l-aġġornament tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali (NPFs) u r-rappurtar dwar l-implimentazzjoni huma l-istess bħal dawk tal-linja bażi. Fil-linja bażi huma stmati għal EUR 3,400,000 (EUR 126,000 għal kull Stat Membru) għal kull ċirku ta’ rappurtar skont l-Oqfsa ta’ Politika Nazzjonali li huwa ppjanat għal kull tliet snin. Il-kostijiet tal-monitoraġġ jistgħu jiżdiedu sa ċertu punt biex jirrapportaw dwar il-konformità mal-miri stretti stabbiliti. Madankollu l-kostijiet addizzjonali relattivi mal-linja bażi ma jistgħux jiġu kkwantifikati; u l-forniment ta’ formati tad-data standardizzata, trasferiment tad-data diġitalizzata u sistema komuni għar-rapportar lill-punti ta’ aċċess nazzjonali tal-Istati Membri, se jissimplifikaw ir-rappurtar ġenerali skont id-Direttiva. L-investimenti fl-infrastruttura mistennija jkunu fil-biċċa l-kbira koperti minn investimenti privati. Madankollu, speċjalment fil-fażi bikrija tal-iżvilupp tas-suq, l-awtoritajiet pubbliċi se jkollhom jagħtu appoġġ finanzjarju lil uħud mill-investimenti tas-suq bi tnaqqis fl-intensitajiet tal-għajnuna maż-żmien. Sal-2030, huwa mistenni li l-awtoritajiet pubbliċi se jkollhom jikkontribwixxu medja ta’ EUR 0.64 biljun kull sena (41 % tal-investimenti totali). Għall-perjodu 2031–2050, l-appoġġ pubbliku huwa pproġettat għal medja ta’ EUR 0.45 biljun fis-sena (10 % tal-investimenti totali).

    Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

    Il-konsumaturi se jkollhom aċċess għal infrastruttura suffiċjenti u kompletament interoperabbli, informazzjoni u servizzi relatati li se jagħmlu l-ivvjaġġar b’vetturi b’emissjonijiet baxxi u żero madwar l-UE aktar konvenjenti u prevedibbli peress li se jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-iżgurar ta’ informazzjoni sħiħa għall-utenti u għażliet ta’ pagament adegwati. Madankollu, dawk il-benefiċċji ma jistgħux jiġu kkwantifikati.

    Proporzjonalità

    L-ebda waħda mill-għażliet ta’ politika ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali ta’ politika. L-intervent propost jiżgura l-użu ta’ infrastruttura suffiċjenti għall-irriċarġjar u r-riforniment tal-vetturi bi fjuwils alternattivi fl-Unjoni li huwa meħtieġ sabiex titwassal l-ambizzjoni akbar dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 u l-objettiv ġenerali li tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050.

    D. Segwitu

    Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

    Il-politika se tiġi rieżaminata fi tmiem l-2026 sabiex jiġu vvalutati l-livell ta’ varar tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi b’rabta mal-użu tal-vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero u l-iżviluppi teknoloġiċi, b’mod partikolari fit-trasport fuq l-ilma u fl-avjazzjoni, iżda wkoll dak ferrovjarju, sabiex tiġi ddeterminata l-ħtieġa għal infrastruttura tal-fjuwils alternattivi f’dawk is-setturi.

    Top