EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021SC0612

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi

SWD/2021/612 final

Brussell, 14.7.2021

SWD(2021) 612 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi

{COM(2021) 555 final} - {SEC(2021) 555 final} - {SWD(2021) 553 final} - {SWD(2021) 611 final}


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi

Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR) jistabbilixxi miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għas-setturi li bħalissa mhumiex koperti mill-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet bħall-bini, it-trasport bit-triq, l-agrikoltura u l-iskart. Madankollu, b’tisħiħ tal-mira ġenerali ġdida għall-ekonomija kollha tal-UE ta’ tnaqqis nett ta’ gassijiet serra ta’ mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990, il-miri attwali stabbiliti għall-ESR mhumiex adegwati biex jikkontribwixxu b’mod suffiċjenti għall-mira ġenerali miżjuda tal-UE. It-tieni, l-estensjoni possibbli tal-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet u l-bidla possibbli fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija jiġġustifikaw il-konsiderazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ESR innifsu bħala parti mill-arkitettura ġenerali tal-politika dwar il-klima. It-tielet, mit-tfassil tiegħu l-ESR huwa bbażat fuq il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-kosteffiċjenza, u dawn il-karatteristiċi għandhom jiġu ppreżervati fir-reviżjoni.

X’għandu jinkiseb?

L-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva huwa li tikkontribwixxi biex jintlaħaq tnaqqis nett ta’ gassijiet serra (GHG) ta’ mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbel mal-1990, bil-għan li tinkiseb newtralità klimatika (jiġifieri emissjonijiet żero netti tal-GHG) sal-2050 b’mod gradwali u bbilanċjat. Hemm tliet objettivi speċifiċi għar-rieżami tal-ESR: l-ewwel, li jiġu ddefiniti b’mod koerenti l-kamp ta’ applikazzjoni u l-ambizzjoni kollettiva tal-ESR fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u b’mod partikolari li titqies il-possibbiltà ta’ Skema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet ġdida u estiża li tkopri setturi bħall-bini u t-trasport bit-triq. It-tieni, li jiġi żgurat li l-isforzi addizzjonali jinqasmu b’mod konsistenti, ġust u ekwu bejn l-Istati Membri. It-tielet, li jiġu promossi soluzzjonijiet kosteffiċjenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi bl-użu ta’ aġġustamenti u flessibbiltajiet tal-miri.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

It-tibdil fil-klima hija problema transkonfinali fejn l-azzjoni koordinata tal-UE tissupplimenta u ssaħħaħ l-azzjoni nazzjonali u lokali b’mod effettiv. L-azzjoni koordinata tippermetti ambizzjoni għolja filwaqt li tagħraf is-sussidjarjetà u l-kapaċitajiet differenti ta’ azzjoni fost l-Istati Membri, billi l-ESR tindirizza primarjament lill-Istati Membri, filwaqt li tippermetti kosteffiċjenza miżjuda permezz ta’ flessibbiltajiet xierqa fl-Istati Membri u bejniethom u ma’ leġiżlazzjoni settorjali oħra (l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija).

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex?

L-għażliet prinċipali ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt huma relatati mal-bidliet potenzjali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ESR:

oGħażla 1: Jinżamm il-kamp ta’ applikazzjoni settorjali attwali tal-ESR b’mod parallel mal-estensjoni tal-iskambju tal-emissjonijiet, b’żewġ varjanti: 1.1. żieda b’saħħitha fl-ambizzjoni tal-ESR u 1.2. żieda limitata fl-ambizzjoni tal-ESR.

oGħażla 2: Jinżammu biss fl-ESR is-setturi li mhumiex koperti mill-iskambju tal-emissjonijiet, b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni mnaqqas mingħajr il-bini u t-trasport b’żewġ varjanti: 2.1. miri miżjuda għal projezzjonijiet kosteffiċjenti tas-setturi tal-ESR li jifdal; 2.2 jinżammu l-miri attwali tal-ESR

oGħażla 3: It-tneħħija gradwali tal-ESR u s-sostituzzjoni tiegħu bi strumenti oħra ta’ politika.

Flimkien mal-għażliet tal-kamp ta’ applikazzjoni, il-valutazzjoni teżamina wkoll jekk il-flessibbiltajiet eżistenti fi ħdan l-ESR humiex adegwati biex iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tintlaħaq b’mod kosteffettiv.

Minħabba r-rwol b’saħħtu tas-sussidjarjetà f’ħafna mill-politiki tal-UE applikabbli fis-setturi koperti, ambizzjoni miżjuda tal-ESR b’konformità mal-ambizzjoni klimatika ġenerali filwaqt li jinżamm l-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-ESR hija meqjusa bħala l-għażla ppreferuta, li tiżgura li l-Istati Membri jkunu responsabbli u jkollhom l-inċentivi biex jimplimentaw kemm il-politika nazzjonali u tal-UE b’mod ambizzjuż, filwaqt li tagħti lill-Istati Membri l-flessibilità li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

F’termini ta’ ambizzjoni, il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet ikkonċernati li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika qablu li l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom u jipprovaw jiksbu miri aktar ambizzjużi. Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, 60 % tar-rispondenti kienu favur li s-setturi koperti fil-futur minn Skema għall-Iskambju tal-Emissjonijiet estiża għandhom jibqgħu wkoll taħt l-ESR, filwaqt li 26 % kienu kontra dan. Jekk tiġi introdotta Skema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet estiża, ħafna rispondenti enfasizzaw il-ħtieġa ta’ perjodu ta’ ttestjar qabel ma jiġi deċiż jekk l-ESR għandhiex tinbidel. Fl-1 ta’ Ġunju 2021, il-Viċi President Eżekuttiv Timmermans u l-Kummissarju Schmit organizzaw seduta tas-sħab soċjali biex jiddiskutu d-dimensjoni ekonomika u soċjali tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %. Is-sħab soċjali pprovdew appoġġ għall-mira ta’ tnaqqis ta’ 55 % u indikaw il-fehmiet tagħhom fir-rigward tal-proposti differenti tal-pakkett.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-għażla ppreferuta tipprevedi qafas ta’ politika li jiżgura livell għoli ta’ integrità ambjentali, ekwità u solidarjetà fid-distribuzzjoni tal-isforzi u tipprevedi flessibbiltajiet adegwati biex l-objettivi jintlaħqu b’mod kosteffiċjenti.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Il-kostijiet ġenerali tal-għażla ppreferuta huma vvalutati bħala parti mill-analiżi ekonomika ġenerali taż-żieda għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ mill-inqas 55 %. Il-projezzjonijiet fl-ekonomija kollha li jikkombinaw kemm miżuri regolatorji u l-introduzzjoni ta’ Skema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet estiża jbassru żieda fil-kostijiet tas-sistema tal-enerġija matul l-għaxar snin li ġejjin b’0.3 % sa 0.6 % tal-PDG (dan tal-aħħar meta jiġi inkluż l-impatt tal-ipprezzar tal-karbonju) meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza. Tali kostijiet jinkludu kemm il-kostijiet ta’ investiment addizzjonali fuq in-naħa tal-provvista u tad-domanda, kif ukoll l-iffrankar tal-fjuwil. L-impatti makroekonomiċi huma limitati u jistgħu jkunu pożittivi, skont kif pereżempju d-dħul mill-ipprezzar tal-karbonju jiġi rriċiklat fl-ekonomija.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

L-ESR jindirizza primarjament lill-Istati Membri bħala atturi istituzzjonali u b’hekk jaffettwa direttament fil-biċċa l-kbira lill-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom. Fir-rigward tan-negozji b’mod ġenerali u l-SMEs b’mod partikolari, ma hemm l-ebda obbligi ta’ rappurtar dirett għall-SMEs jew intrapriżi oħra fil-qafas tal-ESR u l-għażliet ta’ politika mhux se jibdlu dan l-istatus. Madankollu, bosta SMEs, pereżempju fit-trasport, fl-enerġija u fl-agrikoltura, huma fost is-setturi koperti tal-ESR. B’mod ġenerali, is-setturi kollha fl-ekonomija huma mistennija jaraw żieda fl-ambizzjoni tal-gassijiet b’effett serra, li se tikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija, iżda se jaraw ukoll xi setturi jonqsu, pereżempju dawk relatati mal-estrazzjoni u d-distribuzzjoni tal-fjuwils fossili.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

L-implikazzjonijiet prattiċi għall-Istati Membri b’rabta mal-implimentazzjoni tal-politiki u l-miżuri nazzjonali fis-setturi tal-ESR jiddependu fuq il-miżuri magħżula f’kull pajjiż speċifiku u ppreżentati fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) aġġornati tagħhom u vvalutati mill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament dwar il-Governanza.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

L-ESR se jirriżulta fit-teħid ta’ azzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’setturi bħall-bini, it-trasport bit-triq, l-industrija żgħira u l-agrikoltura. It-trasformazzjoni spiss se tkun assoċjata ma’ ħtiġijiet akbar ta’ investiment li jirriżultaw f’aktar effiċjenza u/jew tnaqqis fil-kostijiet operatorji. Għaldaqstant, l-impatti se jkunu relatati mal-isfidi tal-investiment u kif dawn għandhom jiġu indirizzati, pereżempju f’unitajiet domestiċi bi dħul baxx. Fl-ESR, dan se jiġi indirizzat billi jiġu stabbiliti miri b’mod differenzjat ibbażat l-aktar fuq il-PDG per capita aktar milli fuq approċċ ibbażat purament fuq il-kosteffiċjenza biex jiġu definiti l-miri, li jwassal għal impatti relattivament akbar fl-Istati Membri bi dħul baxx.

Proporzjonalità? 

Sabiex tinkiseb ambizzjoni miżjuda fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra se tkun meħtieġa azzjoni addizzjonali, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. L-ESR hija għodda biex tiġi inċentivizzata l-azzjoni mill-Istati Membri tal-UE b’mod flessibbli u xieraq, u dan tagħmlu b’mod komplementari ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE. L-azzjoni proposta hija proporzjonata sabiex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi li l-UE impenjat ruħha għalihom.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

L-ESR mistenni jkun fis-seħħ mill-inqas sal-2030. Il-progress qed jiġi vvalutat bħala parti mis-sistema ta’ monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni annwali għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Se jiġi previst rieżami regolari fil-leġiżlazzjoni. Dan se jiġi allinjat mar-rieżami ta’ leġiżlazzjoni oħra dwar il-klima bħal pereżempju d-Direttiva tal-UE dwar l-Iskema għall-Iskambju tal-Emissjonijiet, ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija u r-Regolament li jistabbilixxi standards ta’ CO2 għall-karozzi u l-vannijiet.

Top