Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0722

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2015/760 fir-rigward tal-firxa tal-assi u l-investimenti eliġibbli, ir-rekwiżiti tal-kompożizzjoni tal-portafoll u tad- diversifikazzjoni, ir-regoli dwar is-self ta’ flus kontanti u regoli oħrajn tal-fondi u fir-rigward tar-rekwiżiti li jappartjenu għall-awtorizzazzjoni, għall-politiki ta’ investiment u għall-kundizzjonijiet operattivi tal-fondi Ewropej tal-investiment fuq terminu twil

COM/2021/722 final

Brussell, 25.11.2021

COM(2021) 722 final

2021/0377(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/760 fir-rigward tal-firxa tal-assi u l-investimenti eliġibbli, ir-rekwiżiti tal-kompożizzjoni tal-portafoll u tad- diversifikazzjoni, ir-regoli dwar is-self ta’ flus kontanti u regoli oħrajn tal-fondi u fir-rigward tar-rekwiżiti li jappartjenu għall-awtorizzazzjoni, għall-politiki ta’ investiment u għall-kundizzjonijiet operattivi tal-fondi Ewropej tal-investiment fuq terminu twil

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2021) 571 final} - {SWD(2021) 342 final} - {SWD(2021) 343 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ir-“Regolament ELTIF”) huwa qafas Ewropew għal fondi ta’ investiment alternattivi (alternative investment funds - AIFs) li jinvestu f’investimenti ta’ terminu twil, bħal proġetti ta’ infrastruttura soċjali u tat-trasport, proprjetà immobbli u SMEs. Ir-Regolament ELTIF jistabbilixxi regoli uniformi dwar l-awtorizzazzjoni, il-politiki ta’ investiment u l-kundizzjonijiet operattivi u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs.

Il-qafas regolatorju tal-ELTIFs huwa maħsub biex jiffaċilita l-investimenti ta’ terminu twil f’dawn it-tipi ta’ assi minn investituri istituzzjonali u fil-livell tal-konsumatur u jipprovdi sors alternattiv ta’ finanzjament mhux bankarju għall-ekonomija reali. Tali finanzjament fit-tul jista’ jappoġġa l-iżvilupp tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea tul it-triq ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Mill-pubblikazzjoni tal-ewwel pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (‘Capital Markets Union’ - CMU) fl-2015, ittieħdu għadd ta’ azzjonijiet biex jiġu żviluppati aktar sorsi ta’ finanzjament fit-tul fl-UE 1 . Madankollu, sar evidenti li huma meħtieġa aktar interventi ta’ politika biex jiġi żgurat li jiġu mgħoddija aktar investimenti lin-negozji li jeħtieġu kapital u għal proġetti ta’ investiment ta’ terminu twil, b’mod partikolari matul l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19.

Dan ir-rieżami għandu l-għan li jżid l-użu tal-ELTIFs madwar l-UE għall-benefiċċju tal-ekonomija u l-investituri Ewropej. Min-naħa tiegħu, dan jappoġġa t-tkomplija tal-iżvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), li għandha wkoll l-għan li tiffaċilita l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għal finanzjament fit-tul aktar stabbli, sostenibbli u divers.

Jeħtieġ li l-Ewropa tippromwovi tkabbir aktar intelliġenti, sostenibbli u inklużiv li joħloq l-impjiegi u li jtejjeb il-kompetittività globali tagħha. Din il-prijorità ġiet appoġġata aktar mir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Kummissjoni tal-pjan ta’ azzjoni tas-CMU 2 , li ddetermina li l-UE kienet qed tbati minn nuqqas kroniku ta’ finanzjament fit-tul għall-SMEs meta mqabbla ma’ ekonomiji ewlenin oħrajn. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni rivedut tal-Kummissjoni dwar is-CMU 3 irrikonoxxa b’mod espliċitu l-ħtieġa li jiġu appoġġati aktar il-mezzi ta’ investiment li jwasslu l-finanzjament għal proġetti ta’ investiment ta’ terminu twil 4 . Fil-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrieżamina l-qafas leġiżlattiv għall-ELTIFs 5 .

Din l-azzjoni maħsuba biex tiżviluppa l-ELTIFs hija konsistenti wkoll mal-ambizzjoni stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u, b’mod aktar speċifiku, fl-istrateġija ta’ finanzjament sostenibbli 6 , sabiex jiġu indirizzati l-għanijiet ta’ sostenibbiltà u l-objettivi tan-newtralità klimatika permezz tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati ekonomiċi kollha, b’mod partikolari dawk li għandhom rwol fl-istrateġiji ta’ finanzjament fit-tul. Din l-inizjattiva hija wkoll opportunità biex jiġi żgurat li l-istrateġiji ta’ investiment u l-attivitajiet ta’ rapportar tal-ELTIFs ikunu allinjati mal-għanijiet klimatiċi u ambjentali tal-UE 7 .

Mill-adozzjoni tal-qafas legali oriġinali tal-ELTIFs f’April 2015, ġew imnedija biss 57 ELTIF (minn Ottubru 2021) b’ammont relattivament żgħir ta’ assi netti taħt ġestjoni (l-assi totali taħt ġestjoni huma stmati għal madwar EUR 2,4 biljun fl-2021). Tali ELTIFs awtorizzati huma domiċiljati f’erba’ Stati Membri biss (il-Lussemburgu, Franza, l-Italja u Spanja), u l-Istati Membri l-oħrajn ma kellhom l-ebda ELTIF domestiku.

Filwaqt li l-ELTIF għadu qafas relattivament ġdid, id-data tas-suq disponibbli tindika li l-iżvilupp tas-suq ma żdiedx kif mistenni, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettiv tal-Kummissjoni li tippromwovi finanzjament fit-tul fl-Unjoni.

Ċerti karatteristiċi tad-deskrizzjoni ta’ hawn fuq tas-suq tal-ELTIFs (jiġifieri l-għadd baxx ta’ fondi, id-daqs żgħir nett tal-assi, il-ftit ġuriżdizzjonijiet li fihom huma domiċiljati l-ELTIFs, il-kompożizzjoni tal-portafoll fil-biċċa l-kbira distorta lejn ċerta kategorija ta’ investiment eliġibbli) juru n-natura kkonċentrata tas-suq kemm ġeografikament kif ukoll f’termini tat-tip ta’ investiment.

Meta mqabbel ma’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIF), il-qafas tal-ELTIFs għandu ċerti vantaġġi. L-ewwel nett, huwa tikketta Ewropea kompletament armonizzata għall-prodotti finanzjarji, li tippermetti distribuzzjoni madwar l-UE kollha u bbażata fuq passaport kemm għall-investituri professjonali, kif ukoll għal dawk fil-livell tal-konsumatur. Meta mqabbla, l-AIFs skont id-Direttiva 2011/61/UE dwar il-Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (l-AIFMD) jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali, filwaqt li l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur hija soġġetta għal regoli nazzjonali. Ir-regoli tal-ELTIFs jistgħu jipprovdu wkoll il-kapaċità, f’xi każijiet, li jkunu jifilħu għall-volatilità tas-suq minħabba n-natura magħluqa u l-orjentazzjoni fit-tul tagħhom u, f’ċerti każijiet, jistgħu jimplikaw trattamenti tat-taxxa nazzjonali preferenzjali għall-investituri tal-ELTIFs skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli dwar it-taxxa. L-ELTIFs jistgħu wkoll jirrappreżentaw perkors aktar sikur għall-investituri interessati f’investimenti ta’ ekwità privata, iżda jippreżentaw profil ta’ riskju aktar baxx mill-fondi purament ta’ ekwità privata.

Abbażi tal-evalwazzjoni tal-funzjonament tal-qafas legali tal-ELTIFs u tal-feedback tal-partijiet ikkonċernati, il-vantaġġi tal-ELTIFs jitnaqqsu bir-regoli restrittivi tal-fondi u bl-ostakli għad-dħul għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, li l-effett ikkombinat tagħhom inaqqas l-utilità, l-effettività u l-attraenza tal-qafas legali tal-ELTIFs għall-maniġers u għall-investituri. Dawn ir-restrizzjonijiet huma l-ixprunaturi ewlenin tan-nuqqas tal-ELTIFs li jiżdiedu b’mod sinifikanti u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom li jidderieġu l-investimenti lejn l-ekonomija reali.

F’dan ir-rigward, ir-rieżami tal-qafas regolatorju tal-ELTIFs ifittex li jaċċellera l-aċċettazzjoni u jtejjeb l-attraenza tal-ELTIFs bħala struttura ta’ fondi ta’ riferiment għal investimenti ta’ terminu twil. Sabiex dan il-qafas isir aktar attraenti, il-proposta li jmiss se tagħmel bidliet immirati fir-regoli tal-fond. Dan ifisser b’mod speċjali t-twessigħ tal-firxa tal-assi u l-investimenti eliġibbli, li jippermetti regoli aktar flessibbli tal-fondi, li jinkludu l-faċilitazzjoni ta’ strateġiji “fond ta’ fond”, u t-tnaqqis tal-ostakli mhux ġustifikati li jwaqqfu lill-investituri fil-livell tal-konsumatur milli jaċċessaw l-ELTIFs, b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ investiment inizjali ta’ EUR 10 000 u r-rekwiżit ta’ limitu massimu aggregat ta’ 10 % għal dawk l-investituri fil-livell tal-konsumatur, li l-portafolli finanzjarji tagħhom huma taħt il-EUR 500 000.

Barra minn hekk, il-proposta għandha l-għan li tagħmel l-istruttura tal-ELTIFs aktar attraenti billi tiffaċilita r-regoli tal-fondi magħżula għall-ELTIFs distribwiti biss lil investituri professjonali. Ir-rieżami tal-qafas legali tal-ELTIFs jintroduċi wkoll mekkaniżmu fakultattiv ta’ tieqa tal-likwidità biex tiġi pprovduta likwidità addizzjonali lill-investituri tal-ELTIFs u lill-investituri li jkunu għadhom kif issottoskrivew ruħhom mingħajr ma jkun meħtieġ prelevament mill-kapital tal-ELTIFs. Il-proposta tfittex ukoll li tiżgura li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tal-investituri.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-pjan ta’ azzjoni rivedut tal-Kummissjoni dwar is-CMU rrikonoxxa b’mod espliċitu l-ħtieġa li jiġu appoġġati mezzi ta’ investiment li jidderieġu l-finanzjament għal proġetti ta’ investiment ta’ terminu twil. Fil-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrieżamina l-qafas legali għall-ELTIFs.

Il-qafas legali tal-ELTIFs huwa marbut mill-qrib ukoll mal-AIFMD, minħabba li l-AIFMD tifforma l-qafas legali li jirregola l-ġestjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFs) fl-Unjoni. Minnhom infushom, l-ELTIFs huma AIFs tal-UE li huma ġestiti minn maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) awtorizzati f’konformità mal-AIFMD. B’riżultat ta’ dan, ir-regoli applikabbli għall-maniġers tal-ELTIFs huma stabbiliti u rregolati mill-AIFMD. Minħabba l-interkonnessjonijiet tar-Regolament ELTIF mal-qafas tal-AIFMD, huwa importanti wkoll li jiġi nnotat li minbarra dan ir-rieżami tal-ELTIFs, il-Kummissjoni qiegħda tirrieżamina wkoll l-AIFMD. Iż-żewġ proposti ġew adottati fl-istess data.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-rieżami tal-qafas tal-ELTIFs għandu rabtiet qawwija mas-CMU, mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea, mas-Suq Uniku Diġitali u ma’ inizjattivi ta’ politika oħrajn tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 114(1) tat-TFUE jservi bħala l-bażi ġuridika għal Regolament li joħloq dispożizzjonijiet uniformi mmirati lejn il-funzjonament tas-suq intern. Ir-regoli prudenzjali dwar il-prodotti jistabbilixxu l-limiti tar-riskji marbuta mal-fondi ta’ investiment li qed jimmiraw għal assi fit-tul. Bħala tali, dawn ma jirregolawx l-aċċess għal attivitajiet tal-immaniġġjar tal-assi, iżda jirregolaw il-mod li bih jitwettqu tali attivitajiet, sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri u l-istabbiltà finanzjarja. Huma jservu bħala l-bażi għall-funzjonament korrett tas-suq intern.

Sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-integrità tas-suq intern, il-miżura leġiżlattiva proposta se toħloq qafas regolatorju għall-ELTIFs biex jiġi żgurat li tali fondi jkunu soġġetti għal regoli konsistenti madwar l-UE u li jkunu identifikabbli bħala tali mill-investituri fl-UE kollha. Il-mira tar-Regolament propost hija li jinħoloq sett ta’ regoli robusti, iżda flessibbli, li jkunu jikkorrespondu speċifikament għan-natura fit-tul tal-investimenti inkwistjoni. Jenħtieġ li r-regoli proposti jiżguraw ukoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn maniġers differenti ta’ fondi ta’ investiment ta’ terminu twil. Għalhekk, din il-proposta leġiżlattiva tarmonizza l-kundizzjonijiet operattivi għall-atturi rilevanti kollha fis-suq tal-fondi ta’ investiment, għall-benefiċċju tal-investituri kollha u għall-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku fis-servizzi finanzjarji.

Il-bażi ġuridika għar-rieżami tar-Regolament (UE) 2015/760 hija stabbilita fl-Artikolu 37. Dan jistipula li ladarba r-rieżami msemmi fl-Artikolu 37(1) li jevalwa l-funzjonament tal-qafas regolatorju tal-ELTIFs ikun tlesta u wara li tkun ġiet ikkonsultata l-ESMA, il-Kummissjoni hija meħtieġa tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jivvaluta l-kontribut ta’ dan ir-Regolament u tal-ELTIFs għat-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u għall-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fir-Regolament ELTIF. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Sussidjarjetà

F’konformità mar-Regolament ELTIF, l-ELTIFs huma rikonoxxuti b’mod espliċitu bħala mezz għall-appoġġ u t-tlestija tas-CMU billi jipprovdu sors ta’ finanzjament fit-tul għall-ekonomija reali li huwa aċċessibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur. L-objettivi tar-Regolament ELTIF, jiġifieri li jiġu żgurati rekwiżiti uniformi dwar l-investimenti u l-kundizzjonijiet operattivi għall-ELTIFs, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ is-sikurezza u l-affidabbiltà tal-ELTIFs għall-maniġers tal-ELTIFs, għall-investituri u għal diversi partijiet ikkonċernati, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri li jaġixxu weħidhom.

B’riżultat ta’ dan, l-objettivi tar-Regolament ELTIF jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom. L-Unjoni għandha d-dritt li tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ir-Regolament ELTIF ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

Proporzjonalità

Fir-rigward tal-proporzjonalità, il-proposta tilħaq il-bilanċ xieraq bejn l-interess pubbliku involut u l-kosteffiċjenza tal-miżura. Ir-regoli proposti jfittxu li joħolqu tikketta ta’ prodott komuni li għaliha hemm interess pubbliku qawwi u li tistabbilixxi s-sisien għal suq komuni, kompetittiv u kosteffiċjenti għall-ELTIFs madwar l-Unjoni. Ir-rekwiżiti imposti fuq il-partijiet differenti kkonċernati ġew ikkalibrati bir-reqqa. Kull meta kien possibbli, ir-rekwiżiti tfasslu bħala standards minimi u r-rekwiżiti regolatorji tfasslu b’tali mod li ma jfixklux bla bżonn il-mudelli ta’ negozju eżistenti. B’mod partikolari, ir-Regolament propost għaqqad flimkien parametri adattati għal investimenti ta’ terminu twil u gruppi ta’ investituri speċifiċi, billi kkunsidra bis-sħiħ il-kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza u ta’ fiduċja relatati ma’ kwalunkwe deżinjazzjoni tal-ELTIFs.

Għalhekk, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb qafas legali komuni għall-ELTIFs. Iżda fl-istess ħin hija tindirizza l-kwistjonijiet regolatorji li jaffettwaw l-affidabbiltà tat-tikketta.

Għażla tal-istrument

Il-proposta attwali hija emenda tar-Regolament eżistenti tal-UE. Regolament jitqies bħala l-aktar strument legali xieraq biex jiġu introdotti rekwiżiti uniformi li se jittrattaw, fost l-oħrajn, il-firxa tal-assi eliġibbli, il-kompożizzjoni tal-portafoll, ir-regoli tad-diversifikazzjoni, il-politika ta’ fidi, kif ukoll regoli dwar l-awtorizzazzjoni tal-fondi li għandhom l-intenzjoni li jidħlu f’investimenti ta’ terminu twil. L-objettiv ta’ dawn ir-regoli dwar il-prodotti huwa li jiġi żgurat li l-ELTIFs jaħdmu b’mod aktar effiċjenti.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Minn Ottubru 2021, ġew awtorizzati biss 57 ELTIF. Għal dik ir-raġuni, huwa importanti li r-rieżami tal-ELTIF jindirizza l-firxa ta’ kwistjonijiet identifikati mill-partijiet ikkonċernati biex tiġi mħeġġa adozzjoni akbar ta’ dawn il-fondi mis-suq.

In-natura tas-sottoskala attwali tas-suq tal-ELTIFs turi wkoll potenzjal sinifikanti mhux sfruttat fil-qafas legali bl-għan li tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ekonomija reali u għall-iżvilupp tas-CMU.

Aktar informazzjoni dwar il-problemi identifikati fil-proposta hija pprovduta fil-valutazzjoni tal-impatt dwar il-funzjonament tal-qafas tal-ELTIFs anness ma’ din il-proposta.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’Ġunju 2020, il-Forum ta’ Livell Għoli (‘High Level Forum’ - HLF) dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) ippubblika r-rapport finali tiegħu 8 bi 17-il rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija tal-ostakli fis-swieq kapitali tal-UE, inkluża rakkomandazzjoni dwar ir-rieżami tar-Regolament ELTIF. Skont ir-rapport, rieżami tal-qafas regolatorju tal-ELTIFs b’emendi mmirati jista’ jaċċellera l-adozzjoni minn investituri b’orizzont ta’ investiment ta’ terminu twil u jżid il-fluss ta’ finanzjament fit-tul għall-ekonomija reali 9 .

Sabiex tifhem ir-raġunijiet ewlenin wara l-adozzjoni bil-mod fl-ELTIFs madwar l-Unjoni u tiġbor suġġerimenti tal-partijiet ikkonċernati għal funzjonament imtejjeb tal-qafas regolatorju tal-ELTIFs, il-Kummissjoni ġabret u analizzat l-evidenza disponibbli minn konsultazzjoni pubblika, kuntatt bilaterali ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati u kisbet feedback u rieżami tad-dokumenti ta’ riċerka tal-industrija. B’mod ġenerali, il-konsultazzjoni pubblika tal-ELTIF attirat 54 tweġiba formali.

Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-impatt inkorporat u qieset il-feedback minn gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi maniġers tal-fondi, rappreżentanti tal-investituri, awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-pubbliku ġenerali (inklużi ċ-ċittadini).

Abbażi ta’ konsultazzjonijiet mal-industrija, il-maniġers tal-fondi jidhru li jaqblu b’mod wiesa’ (hemm differenzi żgħar skont l-ispeċjalizzazzjoni, il-ġuriżdizzjoni tad-domiċilju u l-istrateġija ta’ investiment speċifika segwita) li n-nuqqasijiet ewlenin tal-ELTIFs jinsabu fil-firxa limitat tal-assi u l-investimenti eliġibbli, kif ukoll fl-ostakli tanġibbli li jiffaċċjaw l-investituri fl-aċċess għall-ELTIFs.

Hemm kunsens wiesa’ fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) dwar is-suġġetti ewlenin li jeħtieġ li jiġu riveduti (jiġifieri l-assi eliġibbli, il-limiti numeriċi, id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt ta’ interess, eċċ.). Dan il-kunsens kien rifless fil-parir tekniku tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), li jikkoinċidi mill-qrib ħafna mal-proposti ta’ politika stabbiliti fil-valutazzjoni tal-impatt. Sa issa, l-NCAs appoġġaw b’mod wiesa’ l-objettiv li tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-oqfsa billi jiġu eliminati l-lakuni, id-duplikazzjonijiet u l-inkonsistenzi.

Rappreżentanti magħżula ta’ investituri (eż. rappreżentanti ta’ investituri fil-livell tal-konsumatur, rappreżentanti ta’ investituri istituzzjonali li jaġixxu fl-ispazju tal-assi reali u rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet ta’ fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjoni) tkellmu favur titjib immirat simili fil-qafas tal-ELTIF.

Diversi tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa ġew ipprovduti barra mill-mezzi ta’ sottomissjoni formali, u xi sottomissjonijiet saru wara d-data ta’ skadenza. Diversi minn dawn is-sottomissjonijiet (jew konsultazzjonijiet ex post) saru minn rappreżentanti ta’ maniġers tal-ELTIFs.

Aktar informazzjoni dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati hija pprovduta fl-Anness 2 tal-valutazzjoni tal-impatt dwar il-funzjonament tal-qafas tal-ELTIFs, li huwa anness ma’ din il-proposta.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar ir-rieżami tal-ELTIFs kienet opportunità għall-partijiet ikkonċernati kollha (il-pubbliku ġenerali, l-Istati Membri, l-ESMA, l-NCAs, l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-maniġers tal-assi, l-investituri, eċċ.) biex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar ir-riskji u l-opportunitajiet relatati mar-rieżami tal-qafas tal-ELTIFs u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni. Hija ppreżentat ukoll firxa ta’ soluzzjonijiet possibbli biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imqajma mill-partijiet ikkonċernati.

Din il-valutazzjoni tal-impatt hija bbażata primarjament fuq il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u r-riċerka addizzjonali bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. F’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar dwar il-ħtieġa għal valutazzjonijiet tal-impatt ibbażati fuq l-evidenza, il-Kummissjoni ġabret evidenza permezz ta’ diversi sorsi.

Minbarra s-sorsi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni wettqet serje ta’ konsultazzjonijiet ma’: (i) il-Grupp ta’ Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli (EGESC) fis-27 ta’ Novembru 2020 u fid-19 ta’ Lulju 2021; (ii) il-Kumitat Permanenti dwar l-Immaniġġjar tal-Investiment tal-ESMA, flimkien ma’ tkomplija tal-kollaborazzjoni mal-NCAs; (iii) il-kollokju tal-partijiet ikkonċernati dwar il-fondi Ewropej ta’ investiment fuq terminu twil (ELTIFs) bit-titolu “ELTIFs - Sfidi u Opportunitajiet fl-2020” li sar fl-4 ta’ Frar 2020; (iv) sessjoni ta’ ħidma dwar l-ELTIFs organizzata mill-Assoċjazzjoni Franċiża għall-Immaniġġjar tal-Assi fis-7 ta’ Diċembru 2020; (v) sessjoni ta’ ħidma dwar l-ELTIFs organizzata mill-Assoċjazzjoni għall-Immaniġġjar tal-Investimenti Alternattivi fit-2 ta’ Frar 2021 dwar l-esperjenza regolatorja tal-funzjonament tal-korporazzjonijiet tal-iżvilupp tan-negozju (“business development corporations” - BDCs) tal-Istati Uniti u s-similaritajiet tagħhom mal-ELTIFs; u (vi) sessjoni ta’ ħidma dwar l-ELTIFs organizzata minn EuropeInvest ma’ rappreżentanti tal-industrija tal-ekwità privata fis-27 ta’ Mejju 2021.

Valutazzjoni tal-impatt

L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ġie sottomess lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (‘Regulatory Scrutiny Board’ - RSB) fil-11 ta’ Ġunju 2021. Is-seduta ta’ smigħ tal-RSB saret fis-7 ta’ Lulju 2021. Abbażi tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta qabel is-seduta ta’ smigħ, l-RSB ħareġ opinjoni pożittiva, soġġetta għal rakkomandazzjonijiet dwar definizzjoni u analiżi aħjar tal-għażliet u t-twettiq ta’ analiżi addizzjonali dwar id-data u monitoraġġ aktar mill-qrib. Sabiex tindirizza l-kummenti tal-Bord, il-Kummissjoni inkorporat fil-valutazzjoni tal-impatt informazzjoni u analiżi addizzjonali, inkluż dwar l-adozzjoni reċenti tal-ELTIFs.

L-iskeda tas-sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt u l-opinjoni pożittiva tal-RSB huma mehmuża ma’ din il-proposta.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-inizjattiva għandha l-għan, parzjalment, li tnaqqas il-kostijiet regolatorji għall-maniġers tal-ELTIFs u l-ELTIFs assoċjati mar-regoli restrittivi tal-fondi u li tneħħi l-ostakli li jiffaċċjaw l-investituri sabiex jiksbu aċċess għall-ELTIFs.

B’mod ġenerali, l-emendi proposti għar-Regolament ELTIF huma mistennija li jintroduċu flessibbiltà addizzjonali u jtaffu l-piż fuq il-maniġers tal-fondi li jipprovdu prodotti mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-klijenti professjonali. Fl-istess ħin, it-tneħħija tal-ostakli li jiffaċċjaw l-investituri sabiex jiksbu aċċess għall-ELTIFs (filwaqt li jinżammu l-protezzjonijiet attwali għall-investituri) se tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u tagħmel l-ELTIFs aktar attraenti kemm għall-maniġers tal-assi kif ukoll għall-investituri.

Madankollu, il-kwantifikazzjoni preċiża ta’ kemm l-għażliet ippreferuti jnaqqsu l-kostijiet regolatorji tkun ta’ sfida minħabba diversi fatturi. Minħabba d-daqs limitat tal-univers tal-ELTIFs u n-natura kunfidenzjali tad-data dwar il-kostijiet relatati mal-fondi, il-Kummissjoni jkollha tagħmel sett ta’ suppożizzjonijiet u testrapola l-effetti possibbli li l-miżuri proposti jkollhom fuq it-tnaqqis tal-kostijiet billi tistrieħ fuq sett ta’ valutazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi tal-miżuri proposti.

Barra minn hekk, l-ELTIF huwa qafas volontarju. Il-maniġers tal-assi ma għandhom l-ebda obbligu li jagħżlu l-ELTIF bħala struttura ta’ fondi. Minflok, il-maniġers tal-assi jistgħu jagħżlu li “jipparteċipaw” fl-istabbiliment ta’ ELTIF. Huma liberi li jistabbilixxu l-fond bħala AIF standard taħt l-AIFMD jew kwalunkwe struttura ta’ fondi nazzjonali alternattiva, jew jistgħu jistrutturaw l-investimenti fuq terminu twil tagħhom permezz ta’ mezzi oħrajn (bħal investimenti ta’ ekwità privata). Minħabba dawk l-effetti ta’ sostituzzjoni u ta’ distribuzzjoni, tkun ta’ sfida biex jiġi ssostanzjat b’mod awtorevoli kwalunkwe ffrankar potenzjali jew implikat tal-kostijiet tal-għażliet ta’ politika ppreferuti b’livell suffiċjenti ta’ robustezza.

Fl-aħħar nett, fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa, il-Kummissjoni staqsiet b’mod espliċitu lill-partijiet ikkonċernati dwar il-kostijiet u l-piżijiet ta’ ċerti dispożizzjonijiet u rekwiżiti tal-qafas legali tal-ELTIFs. Madankollu, minkejja diversi tentattivi biex tinġabar informazzjoni numerika dwar il-kostijiet u l-iffrankar tal-kostijiet ta’ ċerti għażliet ta’ politika, ftit li xejn ġiet ipprovduta informazzjoni. Dan jista’ jiġi spjegat parzjalment mil-limitazzjonijiet inerenti tal-qafas legali tal-ELTIFs imsemmi hawn fuq (kampjun limitat ta’ fondi, l-opaċità tas-settur, ir-restrizzjonijiet tal-kunfidenzjalità u n-natura volontarja tal-qafas tal-ELTIFs). Madankollu, dan jindika b’mod impliċitu li l-kost tal-konformità mar-regoli tal-ELTIFs mhuwiex tali punt ta’ tbatija għall-partijiet ikkonċernati rilevanti daqs in-natura restrittiva tagħhom.

Drittijiet fundamentali

Ir-Regolament ELTIF jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-qafas tal-ELTIFs jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji, u l-emendi mmirati għar-Regolament ELTIF ma jkollhom l-ebda konsegwenza jew effett negattiv fuq l-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt baġitarju għall-Kummissjoni

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1(2) itenni l-objettiv tal-qafas legali tal-ELTIFs li jiġbor u jidderieġi l-kapital lejn proġetti ta’ terminu twil. L-aderenza ta’ dan il-qafas mal-objettiv tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tibqa’ intatta. Madankollu, il-formulazzjoni li għadha kif ġiet proposta tal-Artikolu 1(2) ma għadhiex tinkludi r-referenza għal proġetti Ewropej ta’ terminu twil biex tissaħħaħ il-firxa usa’ tal-assi eliġibbli, li mhux bilfors jeħtieġ li jkunu jinsabu fl-Unjoni. Minħabba l-fatt li l-qafas tal-ELTIFs jippermetti b’mod espliċitu li l-assi u l-investimenti eliġibbli jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ELTIF, huwa importanti li jiġi żgurat li l-istrateġiji ta’ investiment tal-ELTIFs ikunu jistgħu jsegwu mandat ta’ investiment globali. Din il-kjarifika tiżgura wkoll aktar ċarezza u ċertezza legali dwar il-flessibbiltà tal-ELTIFs fl-allokazzjoni ġeografika tal-investiment. Tali strateġiji ta’ allokazzjoni “tematiċi” jistgħu jinkludu investimenti fi proġetti ta’ preservazzjoni jew ta’ sostenibbiltà ambjentali f’pajjiżi terzi, f’faċilitajiet ta’ riċerka u żvilupp jew f’infrastruttura tal-enerġija, li għandhom il-potenzjal li jkunu ta’ benefiċċju għall-investituri tal-ELTIFs u għat-tkabbir fit-tul tal-UE u li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-ELTIF.

Il-punt 6 tal-Artikolu 2 jinkludi definizzjoni ta’ “assi reali” li ġiet riveduta biex tfisser kwalunkwe assi li għandhom valur intrinsiku minħabba s-sustanza u l-proprjetajiet tagħhom. L-iskop ta’ din ir-reviżjoni huwa li titwessa’ l-firxa tal-istrateġiji ta’ investiment f’assi reali li jistgħu jsegwu l-maniġers tal-ELTIFs. Tali assi reali jistgħu, iżda mhux bilfors jeħtieġ li, jipprovdu flussi ta’ flus jew redditi fuq l-investiment, bħal infrastruttura soċjali, tal-komunikazzjoni, ambjentali, tal-enerġija jew tat-trasport, kif ukoll l-edukazzjoni, is-saħħa, l-appoġġ soċjali jew faċilitajiet jew installazzjonijiet industrijali. Din id-definizzjoni ssimplifikata ta’ “assi reali” tiżgura wkoll li l-firxa usa’ tal-assi tista’ tinkludi dawk l-assi li ma jistgħux jiġu kkwantifikati faċilment, pereżempju, dawk ibbażati fuq fluss ta’ flus skontat jew metodu ta’ valwazzjoni ta’ tqabbil. Barra minn hekk, id-definizzjoni estiża ta’ “assi reali” timplika li tali assi jinkludu l-infrastruttura, il-proprjetà intellettwali, il-bastimenti, it-tagħmir, il-makkinarju, l-inġenji tal-ajru jew il-vetturi ferrovjarji, u l-beni immobbli, inklużi d-drittijiet marbuta jew assoċjati ma’ assi reali, bħad-drittijiet relatati mal-ilma, il-foresti u l-minerali. L-ambitu estiż tad-definizzjoni ta’ “assi reali” jinkludi wkoll investimenti fil-proprjetà kummerċjali, l-edukazzjoni, il-konsulenza, ir-riċerka, il-faċilitajiet sportivi jew ta’ żvilupp, jew l-akkomodazzjoni, bħal dik għar-residenti anzjani jew l-akkomodazzjoni soċjali. L-iskala tal-proġetti infrastrutturali tista’ tirrikjedi li ammonti kbar ta’ kapital jibqgħu jiġu investiti għal perjodi twal ta’ żmien. Tali proġetti infrastrutturali jistgħu jinkludu l-infrastruttura tal-bini pubbliku bħal skejjel, sptarijiet jew ħabsijiet, l-infrastruttura soċjali bħall-akkomodazzjoni soċjali, l-infrastruttura tat-trasport bħat-toroq, is-sistemi ta’ tranżitu tal-massa jew l-ajruporti, l-infrastruttura tal-enerġija bħall-grilji tal-enerġija, il-proġetti ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, l-impjanti tal-enerġija jew il-pipelines, l-infrastruttura għall-immaniġġjar tal-ilma bħas-sistemi tal-provvista tal-ilma, is-sistemi tad-drenaġġ u tal-irrigazzjoni, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni bħan-netwerks, u l-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart bħas-sistemi ta’ riċiklaġġ jew ta’ ġbir.

Il-punt 14a tal-Artikolu 2 jipprovdi definizzjoni ta’ titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata permezz ta’ kontroreferenza għall-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata.

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament ELTIF ġie rivedut sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija jew irtirati u kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni dwar l-ELTIFs tiġi kkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA fuq bażi ta’ kull xahar, minflok fuq bażi ta’ kull tliet xhur. Barra minn hekk, is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 3(3) jispeċifika kompożizzjoni aktar granulari tar-reġistru pubbliku tal-ELTIFs, u jenħtieġ li jinkludi kampijiet ta’ data addizzjonali lil hinn mill-ismijiet tal-ELTIFs awtorizzati, il-maniġers tal-ELTIFs u l-awtoritajiet kompetenti tal-ELTIFs. L-iskop ta’ dan ir-reġistru elettroniku ċentrali tal-ELTIFs huwa li jiżgura viżibbiltà aħjar tal-univers tal-investiment kollu tal-ELTIFs u li jippermetti lill-investituri, b’mod partikolari l-investituri fil-livell tal-konsumatur, jiksbu u jevalwaw informazzjoni rilevanti dwar l-opportunitajiet ta’ investiment disponibbli fl-Istat Membru ta’ dawk l-investituri.

L-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament ELTIF jistabbilixxi xi bidliet li jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni tal-ELTIF u li jissimplifikaw is-separazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li jindirizzaw l-awtorizzazzjoni tal-ELTIF u dik tal-maniġer tal-AIF (AIFM). B’mod partikolari, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament ELTIF ġie emendat biex jiġi ċċarat li l-awtorità nazzjonali kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjoni tal-ELTIF hija unikament responsabbli għall-awtorizzazzjoni ta’ ELTIF u ma hijiex involuta fl-awtorizzazzjoni jew l-“approvazzjoni” addizzjonali tal-AIFM tal-UE. Barra minn hekk, ġie ċċarat li jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ ELTIF ma tkunx soġġetta għal rekwiżit li l-ELTIF ikun ġestit minn AIFM li jkollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fl-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF jew li l-AIFM isegwi jew jiddelega kwalunkwe attività fl-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF.

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament ELTIF huwa emendat f’diversi aspetti. L-ewwel nett, il-punt (iii) tal-Artikolu 10(1)(a) huwa emendat biex jiġi żgurat li l-ELTIFs ikunu jistgħu jagħmlu koinvestimenti minoritarji f’opportunitajiet ta’ investiment, li jistgħu jattiraw promoturi aktar modesti ta’ proġetti ta’ investiment, aktar milli jkunu meħtieġa jinvestu permezz ta’ sussidjarji “bi sjieda maġġoritarja” jew fihom. Il-punt (d) huwa emendat biex jiffaċilita l-possibbiltà li l-ELTIFs isegwu strateġiji ta’ investiment ta’ fond tal-fondi u jinvestu fl-AIFs tal-UE - minbarra l-ELTIFs, l-EuVECAs u l-EuSEFs - ġestiti mill-AIFMs tal-UE, diment li dawk l-ELTIFs, l-EuVECAs, l-EuSEFs, l-UCITS u l-AIFs tal-UE jinvestu f’investmenti eliġibbli. Jenħtieġ li dan l-approċċ ta’ trasparenza jiżgura l-prudenza fl-istrateġiji ta’ fond tal-fondi, filwaqt li l-assi tal-ELTIF rispettiv u ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv oħrajn għandhom jiġu kkombinati għall-finijiet tal-limiti stabbiliti fl-Artikoli 13 u 16(1).

L-Artikolu 10(1)(e) tar-Regolament ELTIF jippermetti investimenti f’assi reali u jiżgura li tali investimenti tal-ELTIF ma jkunux limitati biss għall-forom ta’ sjieda permezz ta’ parteċipazzjonijiet diretti jew parteċipazzjonijiet indiretti permezz ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti ta’ assi reali individwali. Skont id-dispożizzjonijiet riveduti, l-ELTIFs jistgħu jinvestu f’assi reali jekk il-valur minimu tal-investiment ta’ tali assi jkun mill-inqas EUR 1 000 000, u ma jibqax meħtieġ li l-assi reali jkollhom sjieda diretta jew permezz ta’ “parteċipazzjoni indiretta permezz ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti”. Din il-bidla tagħmilha possibbli li tiġi koperta firxa wiesgħa ta’ strateġiji potenzjali ta’ investiment f’assi reali. It-tnaqqis tal-livell limitu jikkontribwixxi wkoll għall-flessibbiltà tal-maniġers tal-ELTIFs, minħabba li dan huwa prattika standard tas-suq għall-assi reali individwali ta’ portafoll kbir li jkollhom valur ta’ ferm inqas minn EUR 10 000 000. Il-portafolli li ilhom joperaw għal xi żmien altrimenti jkunu affettwati b’mod partikolari, minħabba li l-valur ta’ ċerti assi fl-ispazju tal-enerġija rinnovabbli (bħal pannelli solari jew pali tat-turbini tar-riħ) normalment jonqos matul iż-żmien tal-ħajja tiegħu. It-tnaqqis tal-valur minimu tal-assi reali individwali jfittex ukoll li jiżgura li l-maniġers tal-assi jingħataw aċċess għal portafolli kbar, irrispettivament mill-valuri tal-assi reali individwali li jifformaw dawn il-portafolli kbar u li portafoll ikun aktar diversifikat u konsegwentement ikollu inqas riskji.

L-Artikolu 10(1)(f) ġie emendat biex jispeċifika l-firxa tat-titolizzazzjonijiet eliġibbli, li jinkludu titolizzazzjonijiet ta’ erba’ kategoriji: self residenzjali li huwa garantit b’ipoteka waħda jew aktar fuq beni immobbli residenzjali (jiġifieri titolu sostnut b’ipoteka residenzjali); self kummerċjali li huwa garantit b’ipoteka waħda jew aktar fuq beni immobbli kummerċjali; self korporattiv (inkluż self mogħti lil intrapriżi żgħar u medji); u riċevibbli tan-negozju jew skoperturi sottostanti oħrajn li l-oriġinatur iqis li jifformaw tip ta’ assi distint, diment li r-rikavati mit-titolizzazzjoni ta’ dawn ir-riċevibbli tan-negozju jew ta’ skoperturi sottostanti oħrajn jintużaw għall-finanzjament jew għar-rifinanzjament ta’ investimenti ta’ terminu twil. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li d-daqs u l-firxa tal-assi eliġibbli għall-ELTIFs jitwessgħu, u, min-naħa l-oħra, jagħmlu l-qafas regolatorju tal-ELTIF aktar attraenti għall-maniġers tal-assi u għall-investituri.

L-Artikolu 11(1) huwa emendat biex jissimplifika l-kunċett ta’ “impriża ta’ portafoll kwalifikanti”. L-Artikolu 11(1)(b) huwa emendat ukoll sabiex il-livell limitu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq għall-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti elenkati jogħla minn EUR 500 miljun għal EUR 1 biljun u sabiex ikun żgurat li l-limitu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq jiġi applikat biss fiż-żmien tal-investiment inizjali.

L-Artikolu 12 huwa emendat f’żewġ aspetti. L-ewwel nett, l-ambitu tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt ta’ interess fil-paragrafu 1 jinkludi r-referenzi għall-AIFs tal-UE li jistgħu jiġu ġestiti mill-maniġer tal-ELTIF. Il-paragrafu 2, min-naħa tiegħu, ifittex b’mod espliċitu li jiżgura li l-maniġers tal-ELTIFs u l-entitajiet affiljati tagħhom li jappartjenu għall-istess grupp, u l-persunal tagħhom, ikunu jistgħu jinvestu f’dak l-ELTIF u fl-istess assi. Tali koinvestimenti jistgħu jkunu parti neċessarja mill-istrateġiji ta’ koinvestiment segwiti mill-maniġers tal-AIF u f’xi każijiet jistgħu jirrappreżentaw prattika standard tal-industrija. L-Artikolu 12(2) jippermetti l-koinvestimenti mill-maniġer u mill-entitajiet affiljati tiegħu li jappartjenu għall-istess grupp ma’ dak il-maniġer tal-ELTIF, u l-persunal tagħhom biss sakemm il-maniġer tal-ELTIF ikun implimenta arranġamenti organizzattivi u amministrattivi biex jidentifika, jipprevjeni, jiġġestixxi u jimmonitorja l-kunflitti ta’ interess u diment li tali kunflitti ta’ interess ikunu ġew divulgati b’mod adegwat. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jfittxu li jipprovdu s-salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni tal-investituri u għall-integrità tas-suq.

Bħalissa, l-Artikolu 13 jistabbilixxi li livell limitu minimu għall-assi u l-investimenti eliġibbli jenħtieġ li jkun ta’ 70 %. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 jistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-portafoll u r-rekwiżiti tad-diversifikazzjoni. Ir-rekwiżiti tad-diversifikazzjoni tal-ELTIFs huma granulari ħafna u huwa stabbilit rekwiżit prestabbilit ta’ investiment ta’ 10 % għal investimenti f’self, għal kwalunkwe assi reali uniku u għal fondi ta’ investiment oħrajn. Biex tiġi promossa l-attraenza tal-ELTIFs għall-maniġers tal-assi, il-modifika għall-Artikolu 13(1) tnaqqas il-limitu għal assi ta’ investiment eliġibbli tal-ELTIFs għal 60 %. It-tnaqqis ta’ dan il-livell limitu jtejjeb il-profil tal-likwidità tal-portafolli sottostanti tal-ELTIFs u jippromwovi l-flessibbiltà tal-maniġers tal-assi fit-twettiq tal-istrateġiji ta’ investiment tagħhom.

Il-punti minn (a) sa (c) tal-Artikolu 13(2) iżidu għal 20 % l-iskoperturi massimi tal-ELTIF fil-livell tal-konsumatur għal strumenti maħruġa minn, jew self mogħti lil, kwalunkwe impriża ta’ portafoll kwalifikanti waħda. Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ 20 % ġie stabbilit ukoll għal dawk l-ELTIFs li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur għal investimenti fi kwalunkwe ELTIF, EuVECA, EuSEF jew AIF tal-UE uniku ġestit minn AIFM tal-UE eliġibbli għal investiment skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament ELTIF. Għal dawk l-assi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) li nħarġu minn kwalunkwe korp uniku, il-livell limitu ġie rdoppjat għal 10 %.

Sabiex tiġi indirizzata l-kalibrazzjoni tal-iskoperturi tal-ELTIFs fil-livell tal-konsumatur għal titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati, paragrafu 3a ġdid jistabbilixxi li l-valur aggregat ta’ titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati ma jistax jaqbeż l-20 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF. Jenħtieġ li l-iskopertura għar-riskju aggregat għal kontroparti tal-ELTIF li toħroġ minn tranżazzjonijiet ta’ derivattivi barra l-borża (OTC), ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid jew ftehimiet ta’ retroriakkwist ma taqbiżx l-10 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF. L-Artikolu 13(5) jitħassar, minħabba ż-żieda fil-limiti ta’ skopertura tal-ELTIFs fil-livell tal-konsumatur. Huwa importanti li paragrafu 8 ġdid tal-Artikolu 13 jispeċifika li jenħtieġ li l-livelli limiti ta’ investiment stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 4 ma japplikawx meta l-ELTIFs jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.

L-Artikolu 15(1) jispeċifika li ELTIF jista’ jakkwista mhux aktar minn 30 % tal-unitajiet jew tal-ishma ta’ ELTIF, EuVECA, EuSEF jew AIF tal-UE uniku ġestit minn AIFM tal-UE eliġibbli skont l-Artikolu 10(1)(d). Il-paragrafu 2 jispeċifika li l-limiti ta’ konċentrazzjoni ma jistgħux japplikaw meta l-ELTIFs jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.

L-Artikolu 16 ifittex li jippermetti lill-ELTIFs li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur iżidu t-teħid b’self ta’ flus tagħhom sa 50 % tal-livell limitu tal-ELTIF. B’kuntrast ma’ dan, dawk l-ELTIFs ikkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali jkunu permessi li japplikaw ingranaġġ sa 100 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF. Il-proposta tfittex ukoll li tipprovdi flessibbiltà addizzjonali fir-regoli relatati mal-munita u testendi l-possibbiltà li l-ELTIFs jikkuntrattaw f’munita għajr il-munita bażi fejn tali skoperturi tal-munita jkunu ġew iħħeġġjati jew fejn jista’ jintwera b’mod ieħor li t-teħid b’self f’munita oħra ma jesponix lill-ELTIF għal riskji tal-munita materjali. Ir-rekwiżit ta’ aggravar ta’ 30 % fil-punt (e) tal-Artikolu 16(1) jitħassar, u huwa ċċarat li l-aggravju tal-assi huwa permess meta dan ikun qed ifittex li jimplimenta l-istrateġija ta’ teħid b’self. Paragrafu 1a ġdid tal-Artikolu 16 jintroduċi kjarifika li dawk l-arranġamenti ta’ teħid b’self koperti bis-sħiħ mill-impenji tal-kapital tal-investituri ma jitqisux li jikkostitwixxu teħid b’self. Din id-dispożizzjoni tipprovdi flessibbiltà addizzjonali lill-maniġers tal-assi fl-użu tal-ingranaġġ. Sabiex jiġu indirizzati salvagwardji ogħla għall-protezzjoni tal-investituri, il-paragrafu 2 rivedut tal-Artikolu 16 jirrikjedi li l-maniġers tal-ELTIFs jipprovdu preżentazzjoni dettaljata tal-istrateġija u l-limiti tat-teħid b’self tal-ELTIF. Dan ir-rekwiżit ifittex ukoll li jobbliga lill-maniġers tal-ELTIFs biex jiddeskrivu kif eżattament it-teħid b’self jgħin fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-ELTIF u fil-mitigazzjoni tar-riskji tat-teħid b’self, tal-munita u tad-durata.

Ir-regoli relatati mal-fidi fl-Artikolu 18(7) jiġu emendati biex jippermettu lill-ESMA tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar iċ-ċirkostanzi għall-fidi f’ċirkostanza limitata speċifikata fil-paragrafu 2. Tali fidi jista’ jinkludi każijiet fejn l-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti u l-kriterji tal-fidi u l-persentaġġ għall-fidi jippermettu lill-ELTIFs jipprovdu fidi limitat ibbażat fuq il-flussi tal-flus u l-obbligazzjonijiet mistennija tal-ELTIF. Barra minn hekk, l-ESMA tkun meħtieġa tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-ELTIFs jeħtieġ li jiddivulgaw lill-investituri.

L-Artikolu 19 jippermetti, iżda ma jirrikjedix, li l-maniġers tal-ELTIF jinkludu fir-regoli jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF il-possibbiltà għal mekkaniżmu fakultattiv ta’ tieqa tal-likwidità. Dan il-mekkaniżmu ta’ likwidità tas-suq sekondarju għandu l-għan li jipprovdi, qabel it-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF, tqabbil sħiħ jew parzjali tat-talbiet għal trasferiment tal-unitajiet jew tal-ishma tal-ELTIF minn investituri tal-ELTIF li jkunu ħerġin b’talbiet għal sottoskrizzjoni minn investituri ġodda. It-tqabbil tat-talbiet għal trasferiment u sottoskrizzjoni jista’ jsir, diment li jiġu ssodisfati diversi kundizzjonijiet kumulattivi. B’mod partikolari, il-maniġer tal-ELTIF għandu jkollu politika definita għal tali mekkaniżmu ta’ likwidità fakultattiv u jispeċifika f’dik il-politika l-informazzjoni li ġejja: il-proċess ta’ trasferiment kemm għall-investituri eżistenti kif ukoll għal dawk li jissottoskrivu, ir-rwoli tal-maniġer tal-fond jew tal-amministratur tal-fond, il-perjodu ta’ żmien applikabbli, il-prezz tal-eżekuzzjoni, il-kundizzjonijiet għall-prorazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u t-tariffi, il-kostijiet u l-imposti applikabbli. Huwa kritiku li tali mekkaniżmu ta’ likwidità fakultattiv jiżgura trattament ġust tal-investituri u jipprovdi opportunità suffiċjenti għall-maniġer tal-ELTIFs biex jimmonitorja r-riskju ta’ likwidità tal-ELTIFs.

L-Artikolu 21(1) jimmodifika d-dispożizzjonijiet dwar id-disponiment tal-assi tal-ELTIFs billi jirrikjedi li l-maniġer tal-ELTIFs jinforma lill-awtorità nazzjonali kompetenti dwar id-disponiment tajjeb tal-assi għall-fidi tal-investituri. Talba separata mill-awtorità kompetenti tal-ELTIF twassal għal obbligu għall-ELTIF li jissottometti lill-awtorità kompetenti skeda dettaljata għad-disponiment tajjeb tal-assi.

L-Artikolu 26 jirrikjedi li l-maniġer ta’ ELTIF li l-unitajiet jew l-ishma tiegħu huma maħsuba li jiġu kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur jistabbilixxi, f’kull Stat Membru fejn ikunu qed jiġu kkummerċjalizzati l-ELTIFs, faċilitajiet biex isiru sottoskrizzjonijiet, pagamenti lil titolari ta’ unitajiet jew azzjonisti, riakkwist jew fidi ta’ unitajiet jew ishma u jagħmel disponibbli l-informazzjoni li l-ELTIF u l-maniġer tiegħu huma meħtieġa li jipprovdu. Dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitajiet tal-investituri jitħassru biex jiffaċilitaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs, b’mod partikolari l-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera, b’mod konformi mal-acquis tal-UE. It-tħassir tal-Artikolu 26 ifittex ukoll li jiżgura li l-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs tkun tista’ ssir mingħajr ma l-maniġers tal-ELTIF jiġu soġġetti għar-rekwiżit li jistabbilixxu “faċilitajiet”, li xi drabi jkunu interpretati li jimplikaw faċilitajiet fiżiċi jew arranġamenti jew rekwiżiti separati tal-IT, relatati mal-persunal jew amministrattivi.

L-Artikolu 28(1) ifittex li jneħħi d-duplikazzjoni parzjali tal-valutazzjoni tal-adegwatezza msemmija fir-Regolament ELTIF u fid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II). Għal dak l-għan, l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 30(1) jagħmlu kontroreferenza għall-obbligu tal-maniġers u d-distributuri tal-ELTIFs, meta joffru jew iqiegħdu l-ELTIFs direttament, li jwettqu l-valutazzjoni tal-adegwatezza f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-MiFID II. Dan l-allinjament tat-test tal-adegwatezza tal-ELTIFs ma’ dak tal-MiFID II huwa importanti fil-kuntest tat-tħassir propost tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3), li fih ir-rekwiżit ta’ investiment minimu inizjali ta’ EUR 10 000 u l-livell limitu aggregat ta’ 10 % għall-portafolli finanzjarji tal-investituri fil-livell tal-konsumatur. Il-proposta tfittex li tneħħi dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri l-investiment minimu ta’ EUR 10 000 (il-“biljett tad-dħul”) u l-limitu ta’ skopertura ta’ 10 % għall-investituri fil-livell tal-konsumatur li l-portafolli finanzjarji tagħhom huma taħt il-EUR 500 000. Dan huwa dovut għall-fatt li tali rekwiżiti jikkostitwixxu ostakli mhux ġustifikati li jimpedixxu lill-investituri fil-livell tal-konsumatur milli jkollhom aċċess għall-ELTIFs u li tali livelli limiti wrew, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, li huma onerużi, dissważivi u mhux effettivi.

L-Artikolu 30(4) ifittex li jiċċara l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif applikat fil-klassi jew il-klassijiet rilevanti tal-ELTIFs. L-Artikolu 30(6) ifittex li jiżgura li l-perjodu ta’ rtirar ta’ ġimagħtejn japplika biss għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u jista’ jkun effettiv biss matul il-ġimagħtejn wara d-data effettiva tal-ftehim ta’ impenn jew ta’ sottoskrizzjoni.

L-Artikolu 37(1) huwa mmodifikat biex jespandi l-kundizzjonijiet tar-rieżami l-ġdid tal-qafas regolatorju tal-ELTIF. Tali rieżami jista’ jibda fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ELTIF u jenħtieġ li jkopri sett aktar komprensiv ta’ regoli tal-fondi minn dawk inizjalment stabbiliti fl-Artikolu 37. L-evalwazzjoni komprensiva tal-funzjonament ta’ dan ir-Regolament se titwettaq ħames snin wara li jibda japplika. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ rieżami riveduta huwa estiż biex ikopri l-operat u l-applikazzjoni tar-regoli ewlenin tal-fondi u l-impatt li dawn ir-regoli għandhom fuq il-maniġers u l-investituri tal-ELTIFs. Ir-rieżami tal-qafas legali tal-ELTIFs ikun jeħtieġ konsultazzjoni mal-ESMA.

2021/0377 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/760 fir-rigward tal-firxa tal-assi u l-investimenti eliġibbli, ir-rekwiżiti tal-kompożizzjoni tal-portafoll u tad- diversifikazzjoni, ir-regoli dwar is-self ta’ flus kontanti u regoli oħrajn tal-fondi u fir-rigward tar-rekwiżiti li jappartjenu għall-awtorizzazzjoni, għall-politiki ta’ investiment u għall-kundizzjonijiet operattivi tal-fondi Ewropej tal-investiment fuq terminu twil

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 10 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Minn mindu ġie adottat ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 , ġew awtorizzati biss ftit fondi Ewropej tal-investiment fuq terminu twil (ELTIFs). Id-daqs aggregat tal-assi netti ta’ dawk il-fondi kien stmat għal madwar EUR 2 400 000 000 fl-2021.

(2)Id-data tas-suq disponibbli tindika li l-iżvilupp tas-segment tal-ELTIF ma żdiedx kif mistenni, minkejja l-enfasi tal-Unjoni fuq il-promozzjoni ta’ finanzjament fit-tul fl-Unjoni.

(3)Ċerti karatteristiċi tas-suq tal-ELTIFs, inkluż l-għadd baxx ta’ fondi, id-daqs żgħir tal-assi netti, l-għadd baxx ta’ ġuriżdizzjonijiet li fihom huma domiċiljati l-ELTIFs, u kompożizzjoni tal-portafoll li hija distorta lejn ċerti kategoriji ta’ investiment eliġibbli, juru n-natura kkonċentrata ta’ dak is-suq, kemm ġeografikament kif ukoll f’termini tat-tip ta’ investiment. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi rieżaminat il-funzjonament tal-qafas legali tal-ELTIFs sabiex jiġi żgurat li aktar investimenti jiġu mgħoddija lil negozji li jeħtieġu kapital u għal proġetti ta’ investiment ta’ terminu twil.

(4)L-ELTIFs għandhom potenzjal li jiffaċilitaw l-investimenti ta’ terminu twil fl-ekonomija reali. L-investimenti ta’ terminu twil fi proġetti, impriżi u proġetti infrastrutturali f’pajjiżi terzi jistgħu jġibu kapital għall-ELTIFs u, b’hekk, ikunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-Unjoni. Tali benefiċċji jistgħu joriġinaw b’diversi modi, inkluż permezz ta’ investimenti li jippromwovu l-iżvilupp ta’ reġjuni tal-fruntieri, itejbu l-kooperazzjoni kummerċjali, finanzjarja u teknoloġika u jiffaċilitaw l-investimenti fi proġetti ambjentali u tal-enerġija sostenibbli. L-investimenti f’impriżi kwalifikanti u assi eliġibbli ta’ pajjiżi terzi jistgħu jġibu benefiċċji sostanzjali għall-investituri u għall-maniġers tal-ELTIFs u għall-ekonomiji, għall-infrastruttura, għas-sostenibbiltà klimatika u ambjentali u għaċ-ċittadini ta’ tali pajjiżi terzi. Għalhekk, jenħtieġ li jkun permess li l-maġġoranza ta’ tali assi u investimenti jew il-ġenerazzjoni ta’ dħul jew profitt prinċipali ta’ tali assi u investimenti jkunu jinsabu f’pajjiż terz.

(5)Ir-regoli għall-ELTIFs huma kważi identiċi kemm għall-investituri professjonali kif ukoll għal dawk fil-livell tal-konsumatur, inklużi regoli dwar l-użu ta’ ingranaġġ, dwar id-diversifikazzjoni tal-assi u l-kompożizzjoni tal-portafolli, dwar il-limiti ta’ konċentrazzjoni u dwar il-limiti fuq l-assi u l-investimenti eliġibbli. Madankollu, iż-żewġ tipi ta’ investituri għandhom perjodi ta’ żmien, tolleranzi tar-riskju u ħtiġijiet ta’ investiment differenti. Minħabba dawk ir-regoli kważi identiċi u l-piż amministrattiv għoli konsegwenzjali u l-kostijiet assoċjati għall-ELTIFs destinati għal investituri professjonali, il-maniġers tal-assi qagħdu lura milli joffru prodotti mfassla apposta lil tali investituri. L-investituri professjonali għandhom tolleranza tar-riskju ogħla mill-investituri fil-livell tal-konsumatur u jista’ jkollhom, minħabba n-natura u l-attivitajiet tagħhom, perjodu ta’ żmien u objettivi ta’ redditu differenti. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu previsti regoli speċifiċi għall-ELTIFs li huma destinati li jiġu kkummerċjalizzati lil investituri professjonali, b’mod partikolari fir-rigward tad-diversifikazzjoni u l-kompożizzjoni tal-portafoll ikkonċernat, il-livell limitu minimu għall-assi eliġibbli, il-limiti ta’ konċentrazzjoni, u t-teħid b’self ta’ flus.

(6)Huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-flessibbiltà tal-maniġers tal-assi fl-investiment f’kategoriji wesgħin ta’ assi reali. Għalhekk, jenħtieġ li l-parteċipazzjonijiet diretti jew indiretti ta’ assi reali jitqiesu li jifformaw kategorija ta’ assi eliġibbli, diment li dawk l-assi reali jkollhom valur minħabba n-natura jew is-sustanza tagħhom. Tali assi reali jinkludu l-beni immobbli, il-komunikazzjoni, l-ambjent, l-infrastruttura tal-enerġija jew tat-trasport, l-infrastruttura soċjali, inklużi djar tal-irtirar jew sptarijiet, kif ukoll l-infrastruttura għall-edukazzjoni, is-saħħa u l-appoġġ soċjali jew faċilitajiet industrijali, installazzjonijiet, u assi oħrajn, inklużi l-proprjetà intellettwali, il-bastimenti, it-tagħmir, il-makkinarju, l-inġenji tal-ajru jew il-vetturi ferrovjarji, u l-proprjetà immobbli.

(7)L-investimenti fi proprjetà kummerċjali, f’faċilitajiet jew installazzjonijiet għall-edukazzjoni, ir-riċerka, l-isport jew l-iżvilupp, jew fl-akkomodazzjoni, inkluż f’akkomodazzjoni għar-residenti anzjani jew akkomodazzjoni soċjali, jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala assi eliġibbli minħabba l-kapaċità ta’ tali assi li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Sabiex ikunu permessi strateġiji ta’ investiment reali f’oqsma fejn l-investimenti diretti f’assi reali ma humiex possibbli jew ekonomiċi, l-investimenti eliġibbli f’assi reali jenħtieġ li jinkludu wkoll investimenti fid-drittijiet tal-ilma, fid-drittijiet tal-foresti, fid-drittijiet tal-bini u fid-drittijiet tal-minerali.

(8)Sabiex tiġi promossa r-responsabbiltà tal-investimenti u tiġi pprovduta divulgazzjoni adegwata dwar l-impatt tal-istrateġija ta’ investiment, jenħtieġ li l-investimenti f’beni immobbli jiġu ddokumentati, inkluż sa liema punt l-assi reali huma integrali għal, jew element anċillari ta’, proġett ta’ investiment ta’ terminu twil li jikkontribwixxi għall-objettiv tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

(9)Huwa meħtieġ li tiżdied l-attraenza tal-ELTIFs għall-maniġers tal-assi u li titwessa’ l-firxa ta’ strateġiji ta’ investiment disponibbli għall-maniġers tal-ELTIFs u, b’hekk, tiġi evitata l-limitazzjoni bla bżonn tal-firxa tal-eliġibbiltà tal-assi u tal-attivitajiet ta’ investiment tal-ELTIFs. Jenħtieġ li l-eliġibbiltà tal-assi reali ma tiddependix fuq in-natura u l-objettiv tagħhom jew fuq divulgazzjonijiet u kundizzjonijiet ambjentali, tas-sostenibbiltà jew soċjali u relatati mal-governanza, li huma diġà koperti mir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 u mir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 .

(10)Huwa meħtieġ li jiġi estiż l-ambitu tal-assi eliġibbli u li jiġu promossi l-investimenti tal-ELTIFs f’assi titolizzati. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li, fejn l-assi sottostanti jkunu jikkonsistu minn skoperturi ta’ terminu twil, jenħtieġ li l-assi ta’ investiment eliġibbli jkunu jinkludu wkoll titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) kif imsemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 . Dawk l-iskoperturi ta’ terminu twil jinkludu titolizzazzjonijiet ta’ self residenzjali li huma garantiti b’ipoteka waħda jew aktar fuq beni immobbli residenzjali (titoli abbażi ta’ ipoteka residenzjali (RMBS)), self kummerċjali li huwa garantit b’ipoteka waħda jew aktar fuq proprjetà immobbli kummerċjali, self korporattiv, inkluż self li jingħata lil intrapriżi żgħar u medji (SMEs), u riċevibbli tan-negozju jew skoperturi sottostanti oħrajn li l-oriġinatur iqis li jifformaw tip ta’ assi distint, diment li r-rikavati mit-titolizzazzjoni ta’ dawk ir-riċevibbli tan-negozju jew skoperturi sottostanti oħrajn jintużaw għall-finanzjament jew għar-rifinanzjament ta’ investimenti ta’ terminu twil.

(11)Sabiex jittejjeb l-aċċess tal-investituri għal informazzjoni aktar aġġornata u kompluta dwar is-suq tal-ELTIFs, huwa meħtieġ li jiżdiedu l-granularità u l-puntwalità tar-reġistru pubbliku ċentrali msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/760 (“ir-reġistru tal-ELTIFs”). Għalhekk, jenħtieġ li r-reġistru tal-ELTIF ikun fih informazzjoni addizzjonali għall-informazzjoni li dak ir-reġistru jkun fih diġà, inklużi, fejn disponibbli, l-Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (“LEI”) u l-identifikatur tal-kodiċi nazzjonali tal-ELTIF, l-isem, l-indirizz u l-LEI tal-maniġer tal-ELTIF, il-kodiċijiet tan-Numri Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (“ISIN”) tal-ELTIF u ta’ kull klassi ta’ sehem jew unità separata, l-awtorità kompetenti tal-ELTIF u l-Istat Membru domiċiljari ta’ dak l-ELTIF, l-Istati Membri fejn jiġi kkummerċjalizzat l-ELTIF, jekk l-ELTIF jistax jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur jew jistax jiġi kkummerċjalizzat biss lil investituri professjonali, id-data tal-awtorizzazzjoni tal-ELTIF, u d-data li fiha tkun bdiet il-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIF. Barra minn hekk, sabiex l-investituri tal-ELTIF ikunu jistgħu janalizzaw u jqabblu l-ELTIFs eżistenti, jenħtieġ li r-reġistru tal-ELTIFs ikun fih links aġġornati għad-dokumentazzjoni tal-ELTIF, inkluż għar-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF ikkonċernat, għar-rapporti annwali, għall-prospett u, fejn disponibbli, għad-Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija mfassal f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 . Sabiex jiġi żgurat status aġġornat tar-reġistru tal-ELTIF, huwa xieraq li l-awtoritajiet kompetenti jintalbu jikkomunikaw lill-ESMA kwalunkwe bidla fl-informazzjoni dwar ELTIF, inklużi l-awtorizzazzjonijiet u l-irtirar ta’ tali awtorizzazzjonijiet, fuq bażi ta’ kull xahar.

(12)Ċerti investimenti mill-ELTIFs jistgħu jitwettqu permezz tal-parteċipazzjoni ta’ entitajiet intermedjarji, inklużi entitajiet bi skop speċjali u entitajiet ta’ titolizzazzjoni jew aggregaturi jew kumpaniji azzjonarji. Ir-Regolament (UE) 2015/760 bħalissa jirrikjedi li l-investimenti fi strumenti ta’ ekwità jew kważi ekwità tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jistgħu jseħħu biss meta dawk l-impriżi jkunu sussidjarji bi sjieda maġġoritarja, li jillimita sostanzjalment l-ambitu tal-ambitu potenzjali tal-bażi tal-assi eliġibbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-ELTIFs ikollhom il-possibbiltà li jwettqu koinvestiment minoritarju f’opportunitajiet ta’ investiment. Dik il-possibbiltà mistennija tippermetti lill-ELTIFs jiksbu flessibbiltà addizzjonali fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ investiment tagħhom, jattiraw aktar promoturi ta’ proġetti ta’ investiment u jżidu l-firxa ta’ assi fil-mira eliġibbli possibbli, li kollha huma essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ investiment indirett.

(13)Minħabba tħassib li l-istrateġiji tal-fond ta’ fondi jistgħu jwasslu għal investimenti li ma jaqgħux fil-firxa tal-assi ta’ investiment eliġibbli, ir-Regolament (UE) 2015/760 bħalissa fih restrizzjonijiet fuq l-investimenti f’fondi oħrajn matul il-ħajja kollha tal-ELTIF. Madankollu, l-istrateġiji tal-fond ta’ fondi huma mod komuni u effettiv ħafna kif tinkiseb skopertura rapida għal assi illikwidi, b’mod partikolari fir-rigward tal-proprjetà immobbli u fil-kuntest ta’ strutturi ta’ kapital imħallas totalment. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-ELTIFs jingħataw il-possibbiltà li jinvestu f’fondi oħrajn, minħabba li dan jippermetti lill-ELTIFs jiżguraw skjerament aktar mgħaġġel tal-kapital. L-iffaċilitar tal-investimenti tal-fond ta’ fondi mill-ELTIFs jippermetti wkoll l-investiment mill-ġdid ta’ flus kontanti żejda f’fondi, minħabba li investimenti differenti b’maturitajiet distinti jistgħu jbaxxu ż-żamma ta’ porzjon ta’ portafoll fi flus kontanti tal-ELTIF. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-eliġibbiltà tal-istrateġiji tal-fond ta’ fondi tiġi estiża għall-maniġers tal-ELTIF lil hinn mill-investimenti f’fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (EuVECAs) jew f’fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (EuSEFs). B’hekk, jenħtieġ li l-firxa tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li fihom jistgħu jinvestu l-ELTIFs titwessa’ għall-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u għall-fondi ta’ investiment alternattivi tal-UE (AIFs tal-UE) ġestiti mill-maniġers tal-AIF tal-UE. Madankollu, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-investituri, huwa meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit li meta ELTIF jinvesti f’ELTIFs oħrajn, f’fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (EuVECAs), f’fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (EuSEFs), fl-UCITS u fl-AIFs tal-UE ġestiti mill-AIFMs tal-UE, jenħtieġ li dawk l-impriżi ta’ investiment kollettiv jinvestu wkoll f’investimenti eliġibbli u ma jkunux huma stess investew aktar minn 10 % tal-kapital tagħhom fi kwalunkwe impriża ta’ investiment kollettiv oħra.

(14)Sabiex jintuża aħjar l-għarfien espert tal-maniġers tal-ELTIFs u minħabba l-benefiċċji tad-diversifikazzjoni, f’ċerti każijiet jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-ELTIFs li jinvestu l-assi kollha jew kważi kollha tagħhom fil-portafoll diversifikat tal-ELTIF prinċipali. Għalhekk, jenħtieġ li l-ELTIFs jitħallew jiġbru flimkien l-assi tagħhom u jagħmlu użu minn strutturi prinċipali-alimentaturi billi jinvestu f’ELTIFs prinċipali.

(15)Ir-rekwiżiti tad-diversifikazzjoni stipulati fil-verżjoni attwali tar-Regolament (UE) 2015/760 ġew introdotti biex jiġi żgurat li l-ELTIFs ikunu jistgħu jifilħu għaċ-ċirkostanzi avversi tas-suq. Madankollu, dawk il-livelli limiti ta’ diversifikazzjoni jimplikaw li l-ELTIFs huma, bħala medja, meħtieġa li jagħmlu għaxar investimenti distinti. B’rabta mal-investiment fi proġetti jew f’infrastrutturi ta’ skala kbira, ir-rekwiżit li jsiru għaxar investimenti għal kull ELTIF jista’ jkun diffiċli li jintlaħaq, u jiġi jiswa ħafna flus f’termini ta’ kostijiet tat-tranżazzjonijiet u allokazzjoni ta’ kapital. Sabiex jitnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u amministrattivi għall-ELTIFs u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-investituri tagħhom, għalhekk, jenħtieġ li l-ELTIFs ikunu jistgħu jsegwu strateġiji ta’ investiment aktar ikkonċentrati u, b’hekk, ikunu esposti għal inqas assi eliġibbli. Huwa għalhekk meħtieġ li r-rekwiżiti ta’ diversifikazzjoni għall-iskoperturi tal-ELTIFs jiġu aġġustati għal impriżi ta’ portafoll kwalifikanti uniċi, assi reali uniċi, impriżi ta’ investiment kollettiv u ċerti assi ta’ investiment, kuntratti u strumenti finanzjarji eliġibbli oħrajn. Jenħtieġ li dik il-flessibbiltà addizzjonali fil-kompożizzjoni tal-portafoll tal-ELTIFs u t-tnaqqis fir-rekwiżiti ta’ diversifikazzjoni ma jaffettwawx b’mod materjali l-kapaċità tal-ELTIFs li jkunu jifilħu għall-volatilità tas-suq, minħabba li l-ELTIFs tipikament jinvestu f’assi li spiss ma jkollhomx kwotazzjoni tas-suq faċilment disponibbli, jistgħu jkunu illikwidi ħafna, u spiss ikollhom maturità jew perjodu ta’ żmien fit-tul.

(16)Għall-kuntrarju tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, l-investituri professjonali jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, ikollhom perjodu ta’ żmien itwal, objettivi distinti tar-redditi finanzjarji, aktar għarfien espert, ikollhom tolleranza tar-riskju ogħla għall-kundizzjonijiet avversi tas-suq u kapaċità ogħla li jassorbu t-telf. B’hekk, tali professjonisti jeħtieġu inqas miżuri ta’ protezzjoni tal-investituri mill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, huwa xieraq li jitneħħew ir-rekwiżiti ta’ diversifikazzjoni għall-ELTIFs li huma kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.

(17)L-Artikoli 28 u 30 tar-Regolament (UE) 2015/760 bħalissa jesiġu li l-maniġers jew id-distributuri tal-ELTIFs iwettqu valutazzjoni tal-adegwatezza. Dak ir-rekwiżit huwa diġà stabbilit fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 . Dak ir-rekwiżit duplikattiv jikkostitwixxi saff addizzjonali ta’ piżijiet amministrattivi li jwassal għal kostijiet ogħla għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u huwa diżinċentiv qawwi għall-maniġers tal-ELTIFs biex joffru ELTIFs ġodda lill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, huwa meħtieġ li dak ir-rekwiżit duplikat jitneħħa mir-Regolament (UE) 2015/760.

(18)L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi wkoll li l-maniġers jew id-distributuri tal-ELTIF jipprovdu pariri xierqa dwar l-investiment meta jikkummerċjalizzaw l-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur. In-nuqqas ta’ preċiżjoni f’dak li jikkostitwixxi parir xieraq dwar l-investiment fir-Regolament (UE) 2015/760 u n-nuqqas ta’ kontroreferenza għad-Direttiva 2014/65/UE, li fiha definizzjoni ta’ parir dwar l-investiment, wasslu għal nuqqas ta’ ċertezza legali u konfużjoni fost il-maniġers u d-distributuri tal-ELTIF. Barra minn hekk, l-obbligu li jiġi pprovdut parir dwar l-investiment ikun jeħtieġ li d-distributuri esterni jiġu awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE meta jikkummerċjalizzaw l-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur. Dan joħloq impedimenti bla bżonn għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs lil dawk l-investituri. Jenħtieġ li d-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti aktar stretti mid-distribuzzjoni ta’ prodotti finanzjarji kumplessi oħrajn, inklużi r-rekwiżiti għat-titolizzazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 u għall-obbligazzjonijiet eliġibbli subordinati stabbiliti fid-Direttiva 2014/59 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 . L-obbligu li jitwettaq test tal-adegwatezza huwa biżżejjed biex jipprovdi lill-investituri fil-livell tal-konsumatur bil-protezzjoni meħtieġa u huwa konformi mal-obbligi eżistenti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2402 u fid-Direttiva 2014/59. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li d-distributuri u l-maniġers tal-ELTIFs jintalbu jipprovdu lill-investituri fil-livell tal-konsumatur b’dak il-parir dwar l-investiment.

(19)L-Artikolu 30(3) tar-Regolament (UE) 2015/760 bħalissa jirrikjedi, għal investituri potenzjali fil-livell tal-konsumatur li l-portafoll tal-istrumenti finanzjarji tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 500 000, investiment minimu inizjali f’ELTIF wieħed jew aktar ta’ EUR 10 000, u jirrikjedi li tali investituri ma jinvestux ammont aggregat li jaqbeż l-10 % tal-portafoll tal-istrumenti finanzjarji tagħhom fl-ELTIFs. Meta jiġu applikati flimkien, il-parteċipazzjoni ta’ investiment inizjali minimu ta’ EUR 10 000 u l-limitazzjoni ta’ 10 % fuq l-investiment aggregat joħolqu ostaklu sinifikanti għall-investitur fil-livell tal-konsumatur biex jinvesti fl-ELTIFs, li huwa f’kunflitt mal-għan ta’ ELTIF li jistabbilixxi prodott ta’ fond ta’ investiment alternattiv fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, huwa meħtieġ li jitneħħew dak ir-rekwiżit ta’ investiment minimu inizjali ta’ EUR 10 000 u l-limitazzjoni ta’ 10 % fuq l-investiment aggregat.

(20)Il-punt (e) tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2015/760 bħalissa jirrikjedi li l-assi ta’ investiment eliġibbli, fejn dawk l-assi jkunu assi reali individwali, ikollhom valur ta’ mill-inqas EUR 10 000 000. Madankollu, il-portafolli tal-assi reali spiss ikunu magħmula minn għadd ta’ assi reali individwali li jkollhom valur ta’ inqas minn EUR 10 000 000. Għalhekk, jenħtieġ li l-valur ta’ assi reali individwali jitnaqqas għal EUR 1 000 000. Dak l-ammont huwa bbażat fuq il-valur stmat tal-assi reali individwali li tipikament jistgħu jifformaw portafolli kbar ta’ assi reali u, b’hekk, jistgħu jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni ta’ portafoll ta’ investiment.

(21)Il-punt (b)(ii) tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2015/760 bħalissa jirrikjedi li l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, fejn dawk l-impriżi kwalifikanti jkunu ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’faċilità multilaterali tan-negozjar, ikollhom kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ mhux aktar minn EUR 500 000 000. Madankollu, ħafna kumpaniji elenkati b’kapitalizzazzjoni tas-suq baxxa għandhom likwidità limitata li timpedixxi lill-maniġers tal-ELTIFs milli jibnu, fi żmien raġonevoli, pożizzjoni suffiċjenti f’tali kumpaniji elenkati, u dan inaqqas il-firxa ta’ miri ta’ investiment disponibbli. Għalhekk, sabiex l-ELTIFs jiġu pprovduti bi profil ta’ likwidità aħjar, il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-impriżi kwalifikanti elenkati li fihom jistgħu jinvestu l-ELTIFs jenħtieġ li tiżdied minn massimu ta’ EUR 500 000 000 għal massimu ta’ EUR 1 000 000 000. Sabiex jiġu evitati bidliet potenzjali fl-eliġibbiltà ta’ tali investimenti minħabba varjazzjonijiet fil-munita jew fatturi oħrajn, id-determinazzjoni tal-livell limitu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq jenħtieġ li ssir biss fiż-żmien tal-investiment inizjali.

(22)Il-maniġers tal-ELTIFs li għandhom sehem f’impriża ta’ portafoll jistgħu jqiegħdu l-interessi tagħhom stess qabel l-interessi tal-investituri fl-ELTIF. Sabiex jiġi evitat tali kunflitt ta’ interess, u sabiex tiġi żgurata governanza korporattiva tajba, il-verżjoni attwali tar-Regolament (UE) 2015/760 tirrikjedi li ELTIF jinvesti biss f’assi li ma jkunux relatati mal-maniġer tal-ELTIF, sakemm l-ELTIF ma jinvestix f’unitajiet jew ishma ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv oħrajn li huma ġestiti mill-maniġer tal-ELTIF. Madankollu, hija prattika stabbilita tas-suq li strument ta’ investiment wieħed jew aktar tal-maniġer tal-assi jikkoinvestu flimkien ma’ fond ieħor li jkollu objettiv u strateġija simili għal dak l-ELTIF. Tali koinvestimenti mill-maniġer tal-AIF u minn entitajiet affiljati oħrajn li jappartjenu għall-istess grupp jippermettu l-attrazzjoni ta’ gruppi akbar ta’ kapital għal investimenti fi proġetti fuq skala kbira. Għal dak l-għan, il-maniġers tal-assi tipikament jinvestu b’mod parallel mal-ELTIF f’entità fil-mira u jistrutturaw l-investimenti tagħhom permezz ta’ strumenti ta’ koinvestiment. Bħala parti mill-mandat tal-ġestjoni tal-assi, il-maniġers tal-portafoll u l-persunal superjuri tal-maniġers tal-assi huma tipikament meħtieġa jew mistennija li jikkoinvestu fl-istess fond li jiġġestixxu. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi speċifikat li jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt ta’ interess ma jwaqqfux lil maniġer tal-ELTIF jew lil impriża li tappartjeni għal dak il-grupp milli jikkoinvestu f’dak l-ELTIF u jikkoinvestu ma’ dak l-ELTIF fl-istess assi. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji effettivi għall-protezzjoni tal-investituri, fejn iseħħu tali koinvestimenti, jenħtieġ li l-maniġers tal-ELTIF jistabbilixxu arranġamenti organizzattivi u amministrattivi maħsuba biex jidentifikaw, jipprevjenu, jiġġestixxu u jimmonitorjaw il-kunflitti ta’ interess u jiżguraw li tali kunflitti ta’ interess jiġu ddivulgati b’mod adegwat.

(23)Sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess, jiġu evitati tranżazzjonijiet li ma jsirux fuq termini kummerċjali u tiġi żgurata governanza korporattiva tajba, il-verżjoni attwali tar-Regolament (UE) 2015/760 ma tippermettix lill-membri tal-persunal tal-maniġer tal-ELTIF u tal-impriżi li jappartjenu għall-istess grupp mal-maniġer tal-ELTIF jinvestu f’dak l-ELTIF jew jikkoinvestu mal-ELTIF fl-istess assi. Madankollu, hija prattika stabbilita tas-suq li l-membri tal-persunal tal-maniġer tal-ELTIF u ta’ entitajiet affiljati oħrajn li jappartjenu għall-istess grupp, li jikkoinvestu flimkien mal-maniġer tal-ELTIF, inklużi l-maniġers tal-portafoll u l-persunal superjuri responsabbli għad-deċiżjonijiet finanzjarji u operattivi ewlenin tal-maniġer tal-ELTIF, spiss ikunu meħtieġa jew mistennija, minħabba n-natura tal-mandat tal-immaniġġjar tal-assi, li jikkoinvestu fl-istess fond jew fl-istess assi sabiex jippromwovu l-allinjament tal-inċentivi finanzjarji ta’ dawk il-persunal u l-investituri. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi speċifikat li jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt ta’ interess ma jwaqqfux lill-membri tal-persunal tal-maniġer tal-ELTIF jew ta’ impriżi li jappartjenu għal dak il-grupp milli jikkoinvestu fil-kapaċità personali tagħhom f’dak l-ELTIF u milli jikkoinvestu ma’ dak l-ELTIF fl-istess assi. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji effettivi għall-protezzjoni tal-investituri, meta jseħħu tali koinvestimenti mill-membri tal-persunal, jenħtieġ li l-maniġers tal-ELTIF jistabbilixxu arranġamenti organizzattivi u amministrattivi maħsuba biex jidentifikaw, jimpedixxu, jiġġestixxu u jimmonitorjaw il-kunflitti ta’ interess u jiżguraw li tali kunflitti ta’ interess jiġu ddivulgati b’mod adegwat.

(24)L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2015/760 attwalment jirrikjedi li l-ELTIFs jinvestu mill-inqas 70 % tal-kapital tagħhom f’assi ta’ investiment eliġibbli. Dan il-livell limitu għoli għall-kompożizzjoni tal-assi ta’ investiment eliġibbli fil-portafolli tal-ELTIFs kien inizjalment stabbilit fid-dawl tal-enfasi tal-ELTIFs fuq investimenti ta’ terminu twil u l-kontribuzzjoni li dawn l-investimenti jagħtu għall-finanzjament ta’ tkabbir sostenibbli tal-ekonomija tal-Unjoni. Minħabba n-natura illikwida u idjosinkratika ta’ ċerti assi ta’ investiment eliġibbli fi ħdan il-portafolli tal-ELTIFs, madankollu, jista’ jkun diffiċli u għali għall-maniġers tal-ELTIFs li jimmaniġġjaw il-likwidità tal-ELTIFs, li jonoraw it-talbiet għall-fidi, li jidħlu f’arranġamenti ta’ self, u li jeżegwixxu elementi oħra tal-istrateġiji ta’ investiment tal-ELTIFs li jappartjenu għat-trasferiment, il-valwazzjoni u l-pleġġjar ta’ tali assi ta’ investiment eliġibbli. It-tnaqqis tal-livell limitu tal-assi ta’ investiment eliġibbli jippermetti lill-maniġers tal-ELTIF jiġġestixxu aħjar il-likwidità tal-ELTIFs.

(25)L-ingranaġġ jintuża ta’ spiss biex jippermetti l-operat ta’ kuljum ta’ ELTIF u biex titwettaq strateġija ta’ investiment speċifika. Ammonti moderati ta’ ingranaġġ jistgħu jamplifikaw ir-redditi, u, fejn ikunu kkontrollati b’mod adegwat, jagħmlu dan mingħajr ma jġarrbu jew jaggravaw riskji eċċessivi. Barra minn hekk, l-ingranaġġ jista’ spiss jintuża minn varjetà ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv biex jinkisbu effiċjenzi addizzjonali jew riżultati operattivi. Minħabba li l-livell limitu tat-teħid b’self ta’ flus bħalissa huwa limitat għal 30 % tal-kapital tal-ELTIF, jista’ jkun li l-maniġers tal-ELTIF ma jkunux jistgħu jsegwu b’suċċess ċerti strateġiji ta’ investiment, inkluż fil-każ ta’ investimenti f’assi reali, fejn l-użu ta’ livelli ogħla ta’ ingranaġġ huwa norma tal-industrija jew inkella huwa meħtieġ biex jinkisbu redditi attraenti aġġustati għar-riskju. Għalhekk, huwa xieraq li tiżdied il-flessibbiltà tal-maniġers tal-ELTIFs biex jiġbru aktar kapital matul il-ħajja tal-ELTIF. Fid-dawl tar-riskji possibbli li jista’ jinvolvi l-ingranaġġ, l-ELTIFs ikkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur jenħtieġ li jitħallew jissellfu flus li jammontaw sa 50 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF. Il-livell limitu ta’ 50 % huwa xieraq minħabba t-teħid b’self ġenerali ta’ limiti ta’ flus komuni għal fondi li jinvestu f’assi reali bi profil ta’ likwidità u ta’ fidi simili. Madankollu, fir-rigward tal-ELTIFs ikkummerċjalizzati lil investituri professjonali, jenħtieġ li jkun permess livell limitu ta’ ingranaġġ ogħla, minħabba li l-investituri professjonali għandhom tolleranza tar-riskju ogħla mill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, it-teħid b’self tal-livell limitu ta’ flus kontanti għall-ELTIFs li huma kkummerċjalizzati lil investituri professjonali biss jenħtieġ li jiġi estiż għal 100 % tal-kapital tal-ELTIF.

(26)Sabiex l-ELTIFs jingħataw opportunitajiet ta’ investiment usa’, jenħtieġ li l-ELTIFs ikunu jistgħu jissellfu fil-munita li fiha l-maniġer tal-ELTIF jistenna li jikseb l-assi. Madankollu, huwa meħtieġ li jittaffa r-riskju ta’ diskrepanzi fil-muniti u, b’hekk, jiġi limitat ir-riskju tal-munita għall-portafoll tal-investiment. Għalhekk, jenħtieġ li l-ELTIFs jew jistabbilixxu ħeġġijiet adegwati tal-iskopertura għall-munita, jew inkella jissellfu f’munita oħra fejn l-iskoperturi għal munita barranija ma jġibux riskji sinifikanti tal-munita.

(27)Jenħtieġ li l-ELTIFs ikunu jistgħu jaggravaw l-assi tagħhom biex jimplimentaw l-istrateġija ta’ self tagħhom. Madankollu, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-attivitajiet kreditizji mhux bankarji, jenħtieġ li l-flus missellfa mill-ELTIFs ma jintużawx biex jingħata self lil impriżi ta’ portafoll kwalifikanti. Madankollu, sabiex tiżdied il-flessibbiltà tal-ELTIFs fl-eżekuzzjoni tal-istrateġija ta’ self tagħhom, jenħtieġ li l-arranġamenti ta’ teħid b’self ma jgħoddux bħala teħid b’self meta dak it-teħid b’self ikun kopert kompletament mill-impenji kapitali tal-investituri.

(28)Minħabba ż-żieda tal-livelli limiti massimi għat-teħid b’self ta’ flus mill-ELTIFs u t-tneħħija ta’ ċerti limitazzjonijiet fuq it-teħid b’self ta’ flus f’muniti barranin, jenħtieġ li l-investituri jkollhom informazzjoni aktar komprensiva dwar l-istrateġija ta’ self u l-limiti użati mill-ELTIF. Għalhekk, huwa xieraq li l-maniġers tal-ELTIF jintalbu jiddivulgaw b’mod espliċitu fil-prospett tal-ELTIF ikkonċernat l-istrateġija ta’ self u l-limiti ta’ teħid b’self u jipprovdu informazzjoni dwar kif l-ingranaġġ se jikkontribwixxi għall-istrateġija tal-ELTIF u kif se jittaffew ir-riskji tal-munita u tad-durata.

(29)L-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) 2015/760 bħalissa jirrikjedi li l-investituri f’ELTIF jistgħu jitolbu l-istralċ ta’ dak l-ELTIF meta t-talbiet tagħhom għal fidi, magħmula f’konformità mal-politika ta’ fidi tal-ELTIF, ma jkunux ġew issodisfati fi żmien sena mid-data li fiha jkunu saru dawk it-talbiet. Minħabba l-orjentazzjoni fit-tul tal-ELTIFs u l-profil tal-assi spiss idjosinkratiku u illikwidu tal-portafolli tal-ELTIF, l-intitolament ta’ kwalunkwe investitur jew grupp ta’ investituri li jitolbu l-istralċ ta’ ELTIF jista’ jkun sproporzjonat u ta’ detriment kemm għall-eżekuzzjoni b’suċċess tal-istrateġija ta’ investiment tal-ELTIF, kif ukoll għall-interessi ta’ investituri jew gruppi ta’ investituri oħrajn. Għalhekk, huwa xieraq li titħassar il-possibbiltà għall-investituri li jitolbu l-istralċ ta’ ELTIF fejn dak l-ELTIF ma jkunx jista’ jissodisfa t-talbiet għal fidi.

(30)Il-verżjoni attwali tar-Regolament (UE) 2015/760 ma hijiex ċara dwar il-kriterji biex jiġi vvalutat il-persentaġġ tal-fidi f’perjodu ta’ żmien, u dwar l-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-possibbiltà ta’ fidi. Minħabba r-rwol ċentrali tal-ESMA fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/760 u l-għarfien espert tagħha dwar it-titoli u s-swieq tat-titoli, huwa xieraq li l-ESMA tiġi fdata bit-tfassil ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw dawk il-kriterji u dik l-informazzjoni.

(31)L-Artikolu 19(1) tal-verżjoni attwali tar-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li r-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ ELTIF ma jwaqqfux lill-unitajiet jew lill-ishma tal-ELTIF milli jiġu ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’faċilità multilaterali tan-negozjar. Minkejja dik il-possibbiltà, il-maniġers, l-investituri u l-parteċipanti fis-suq tal-ELTIFs bilkemm użaw il-mekkaniżmu ta’ negozjar sekondarju għan-negozjar tal-ishma jew tal-unitajiet tal-ELTIFs. Sabiex jiġi promoss in-negozjar sekondarju ta’ unitajiet jew ishma tal-ELTIFs, huwa xieraq li l-maniġers tal-ELTIFs jitħallew jistabbilixxu possibbiltà għal ħruġ bikri tal-investituri tal-ELTIF, qabel it-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF. Sabiex jiġi żgurat funzjonament effettiv ta’ tali mekkaniżmu ta’ negozjar sekondarju, jenħtieġ li tali ħruġ bikri jkun possibbli biss meta l-maniġer tal-ELTIF ikun daħħal fis-seħħ politika għat-tqabbil ta’ investituri potenzjali u talbiet ta’ ħruġ. Jenħtieġ li dik il-politika, fost l-oħrajn, tispeċifika l-proċess tat-trasferiment, ir-rwol tal-maniġer tal-ELTIF u tal-amministratur tal-ELTIF, id-durata tat-tieqa ta’ likwidità li matulha jistgħu jiġu skambjati l-unitajiet jew l-ishma tal-ELTIF, il-prezz tal-eżekuzzjoni, il-kundizzjonijiet tal-prorazzjoni, ir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni, it-tariffi, il-kostijiet u l-imposti u kundizzjonijiet oħrajn li jappartjenu għal tali mekkaniżmu ta’ tieqa ta’ likwidità.

(32)L-Artikolu 26 tal-verżjoni attwali tar-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li l-maniġers tal-ELTIFs jistabbilixxu faċilitajiet lokali f’kull Stat Membru fejn ikollhom il-ħsieb li jikkummerċjalizzaw l-ELTIFs. Madankollu, ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti faċilitajiet lokali tneħħa mid-Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 19 fir-rigward tal-UCITS u l-fondi ta’ investiment alternattivi kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur, minħabba li tali faċilitajiet lokali joħolqu kostijiet u frizzjoni addizzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera tal-ELTIFs. Barra minn hekk, il-metodu ta’ kuntatt ippreferut mal-investituri nbidel minn laqgħat fiżiċi f’faċilitajiet lokali għal interazzjoni diretta bejn il-maniġers jew id-distributuri tal-fondi u l-investituri permezz ta’ mezzi elettroniċi. Għalhekk, it-tneħħija ta’ dan l-obbligu mir-Regolament ELTIF għall-investituri kollha tal-ELTIFs b’hekk tkun konsistenti mad-Direttiva (UE) 2019/1160 u mal-metodi kontemporanji ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti finanzjarji, u tista’ tippromwovi l-attraenza tal-ELTIFs għall-maniġers tal-assi li ma jibqgħux meħtieġa jġarrbu kostijiet li jirriżultaw mill-operat tal-faċilitajiet lokali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 26 jitħassar.

(33)Il-verżjoni attwali tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2015/760 tirrikjedi li l-ELTIFs jadottaw skeda dettaljata għad-disponiment tajjeb tal-assi tagħhom sabiex jifdu l-unitajiet jew l-ishma tal-investituri wara t-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF. Dik id-dispożizzjoni tirrikjedi wkoll li l-ELTIFs jiddivulgaw dik l-iskeda dettaljata lill-awtoritajiet kompetenti. Dawk ir-rekwiżiti jissoġġettaw lill-maniġers tal-ELTIFs għal piżijiet amministrattivi u ta’ konformità sostanzjali, mingħajr ma jġibu żieda korrispondenti fil-protezzjoni tal-investituri. Sabiex itaffu dawk il-piżijiet mingħajr ma jnaqqsu l-protezzjoni tal-investituri, jenħtieġ li l-ELTIFs ikunu meħtieġa jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-ELTIFs dwar id-disponiment tajjeb tal-assi tagħhom biex jifdu l-unitajiet jew l-ishma tal-investituri wara t-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF, u jipprovdu biss lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF bi skeda dettaljata meta huma jintalbu espliċitament mill-awtorità kompetenti tal-ELTIF biex jagħmlu dan.

(34)Divulgazzjoni adegwata tat-tariffi u tal-imposti hija ta’ importanza kritika għall-evalwazzjoni tal-ELTIFs bħala mira ta’ investiment potenzjali mill-investituri. Tali divulgazzjoni hija importanti wkoll meta l-ELTIF ikun ikkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur fil-każ ta’ strutturi prinċipali-alimentaturi. Għalhekk, huwa xieraq li l-maniġer tal-ELTIF jintalab jinkludi fir-rapport annwali tal-ELTIF alimentatur dikjarazzjoni dwar l-imposti aggregati tal-ELTIF alimentatur u tal-ELTIF prinċipali.

(35)Ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li l-maniġers tal-ELTIF jiddivulgaw fil-prospett tal-ELTIF informazzjoni dwar it-tariffi relatati mal-investiment f’dak l-ELTIF. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 , fih ukoll rekwiżiti dwar id-divulgazzjoni tat-tariffi. Sabiex tiżdied it-trasparenza fuq l-istruttura tat-tariffi, ir-rekwiżit stabbilit fir-Regolament (UE) 2015/760 jenħtieġ li jiġi allinjat mar-rekwiżit stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014.

(36)Hija prattika stabbilita tas-suq li l-maniġer tal-portafoll jew il-persunal anzjan tal-maniġer tal-ELTIF huma meħtieġa jew mistennija li jinvestu f’ELTIFs ġestiti minn dak il-maniġer tal-ELTIF. Tali persuni huma preżunti li huma finanzjarjament sofistikati u informati tajjeb dwar l-ELTIF ikkonċernat. F’dawk iċ-ċirkostanzi, huwa superfluwu li dawk l-individwi jintalbu jgħaddu minn test ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza għall-investimenti fl-ELTIF. Għalhekk, huwa xieraq li l-maniġers tal-ELTIF jew id-distributuri ma jintalbux iwettqu valutazzjoni tal-adegwatezza għal tali individwi.

(37)Il-prospett tal-ELTIF alimentatur jista’ jkun fih informazzjoni rilevanti ħafna għall-investituri, li tippermetti lill-investituri jivvalutaw aħjar ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali ta’ investiment. Għalhekk, huwa xieraq li jkun meħtieġ li, f’każ ta’ struttura prinċipali-alimentatriċi, il-prospett tal-ELTIF alimentatur ikun fih divulgazzjonijiet dwar l-istruttura prinċipali-alimentatriċi, l-ELTIF alimentatur u l-ELTIF prinċipali, deskrizzjoni tar-remunerazzjoni kollha jew tar-rimborż kollu tal-kostijiet pagabbli mill-ELTIF alimentatur u deskrizzjoni tal-implikazzjonijiet fiskali tal-investiment fl-ELTIF prinċipali għall-ELTIF alimentatur.

(38)L-Artikolu 30(7) tar-Regolament (UE) 2015/760 bħalissa jirrikjedi li l-investituri jiġu ttrattati b’mod ugwali u jipprojbixxi t-trattament preferenzjali ta’ investituri individwali jew ta’ gruppi ta’ investituri, jew l-għoti ta’ benefiċċji ekonomiċi speċifiċi lil dawk l-investituri. Madankollu, l-ELTIFs jista’ jkollhom diversi klassijiet ta’ ishma jew unitajiet b’kundizzjonijiet kemxejn jew sostanzjalment distinti fir-rigward tat-tariffi, l-istruttura legali, ir-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni u rekwiżiti oħrajn. Sabiex jitqiesu dawk id-differenzi. Jenħtieġ li jiġi speċifikat li dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw biss għal investituri individwali jew għal gruppi ta’ investituri li jinvestu fl-istess klassi jew klassijiet ta’ ELTIFs.

(39)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/760 huwa emendat kif xieraq.

(40)Sabiex il-maniġers tal-ELTIF jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda, inklużi r-rekwiżiti li jappartjenu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs lil investituri, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2015/760 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.    L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jiffaċilita l-ġbir u d-direzzjoni tal-kapital lejn investimenti ta’ terminu twil fl-ekonomija reali, f’konformità mal-objettiv tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.”;

(2)l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(6)    “assi reali” tfisser assi li għandu valur intrinsiku minħabba s-sustanza u l-proprjetajiet tiegħu;”;

(b)iddaħħal il-punt (14a) li ġej:

“(14a)    “titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata” tfisser titolizzazzjoni li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*1”;

____________________________________

*1Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).”;

(c)iddaħħal il-punt (14b) li ġej:

“(6)    “grupp” ifisser grupp kif definit fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*2”;

____________________________________

*2Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;

(d)ġew miżjudin il-punti (20) u (21) li ġejjin:

“(20)    “ELTIF alimentatur” ifisser ELTIF, jew kompartiment ta’ investiment tiegħu, li jkun ġie approvat biex jinvesti mill-inqas 85 % tal-assi tiegħu f’unitajiet ta’ ELTIF ieħor jew kompartiment ta’ investiment ta’ ELTIF;

(21)    “ELTIF prinċipali” ifisser ELTIF, jew kompartiment ta’ investiment tiegħu, li fih ELTIF ieħor jinvesti mill-inqas 85 % tal-assi tiegħu f’unitajiet ta’ ELTIF ieħor jew kompartiment ta’ investiment ta’ ELTIF.”

(3)fl-Artikolu 3, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.    L-awtoritajiet kompetenti tal-ELTIFs għandhom, fuq bażi ta’ kull xahar, jinformaw lill-ESMA bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija jew irtirati skont dan ir-Regolament u bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni dwar ELTIF li hija stabbilita fir-reġistru pubbliku ċentrali msemmi fit-tieni subparagrafu.

L-ESMA għandha żżomm reġistru pubbliku ċentrali aġġornat li jidentifika għal kull ELTIF awtorizzat skont dan ir-Regolament:

(a)l-Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (LEI) u l-identifikatur tal-kodiċi nazzjonali ta’ dak l-ELTIF, fejn disponibbli;

(b)l-isem tal-maniġer tal-ELTIF, u l-indirizz u l-LEI ta’ dak il-maniġer;

(c)il-kodiċijiet ISIN tal-ELTIF u kull klassi separata ta’ ishma jew ta’ unitajiet, fejn disponibbli;

(d)il-LEI tal-fond prinċipali, fejn disponibbli;

(e)il-LEI tal-fondi alimentaturi, fejn disponibbli;

(f)l-awtorità kompetenti tal-ELTIF u l-Istat Membru domiċiljari ta’ dak l-ELTIF;

(g)l-Istati Membri fejn huwa kkummerċjalizzat l-ELTIF;

(h)jekk l-ELTIF jistax jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur jew jistax jiġi kkummerċjalizzat biss lil investituri professjonali;

(i)id-data tal-awtorizzazzjoni tal-ELTIF;

(j)id-data li fiha tkun bdiet il-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIF;

(k)links aġġornati għad-dokumentazzjoni tal-ELTIF, inkluż għar-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF, għar-rapporti annwali, għall-prospett u, fejn disponibbli, għad-Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija;

(l)id-data tal-aħħar aġġornament mill-ESMA tal-informazzjoni dwar l-ELTIF.

Ir-reġistru pubbliku ċentrali għandu jkun magħmul disponibbli f’format elettroniku.”;

(4)l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF għandu jkun fiha dawn li ġejjin:

(a)ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni;

(b)l-isem tal-maniġer propost tal-ELTIF;

(c)l-isem tad-depożitarju u, fejn mitlub mill-awtorità kompetenti għall-ELTIFs kummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur, il-ftehim bil-miktub mad-depożitarju;

(d)meta l-ELTIF ikun maħsub sabiex jiġi kkummerċjalizzat lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, deskrizzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi magħmula disponibbli għall-investituri, inkluża deskrizzjoni tal-arranġamenti għat-trattament tal-ilmenti sottomessi mill-investituri fil-livell tal-konsumatur;

(e)fejn applikabbli, l-informazzjoni li ġejja dwar l-istruttura prinċipali-alimentatriċi tal-ELTIF:

(i)dikjarazzjoni li l-ELTIF alimentatur huwa alimentatur tal-ELTIF prinċipali;

(ii)ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF prinċipali u l-ftehim bejn l-alimentatur u l-ELTIF prinċipali msemmi jew ir-regoli interni dwar il-kondotta tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 29(6);

(iii)meta l-ELTIF prinċipali u l-ELTIF alimentatur ikollhom depożitarji differenti, il-ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 29(7),;

(iv)meta l-ELTIF alimentatur ikun stabbilit fi Stat Membru għajr l-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF prinċipali, attestazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF prinċipali li l-ELTIF prinċipali huwa ELTIF ipprovdut mill-ELTIF alimentatur.”;

(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.    L-applikanti għandhom jiġu informati fi żmien xahrejn mid-data tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompluta jekk tkunx ingħatat awtorizzazzjoni bħala ELTIF. L-awtorizzazzjoni ma għandhiex tkun soġġetta għal rekwiżit li l-ELTIF ikun ġestit minn AIFM li jkollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fl-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF jew li l-AIFM isegwi jew jiddelega kwalunkwe attività fl-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF.”;

(c)fil-paragrafu 5, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)    meta l-ELTIF ikun maħsub sabiex jiġi kkummerċjalizzat lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, deskrizzjoni tal-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-investituri, inkluża deskrizzjoni tal-arranġamenti għat-trattament tal-ilmenti sottomessi mill-investituri fil-livell tal-konsumatur.”;

(5)l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Assi ta’ investiment eliġibbli

1.Assi msemmi fil-punt (a) ta-Artikolu 9(1) għandu jkun eliġibbli biss għal investiment minn ELTIF meta jaqa’ f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)strumenti ta’ ekwità jew kważi ekwità li kienu:

(i)maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) u akkwistati mill-ELTIF mingħand dik l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jew mingħand parti terzi permezz tas-suq sekondarju;

(ii)maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) bi skambju għal strument ta’ ekwità jew kważi ekwità akkwistat preċedentement mill-ELTIF mingħand l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jew mingħand parti terza permezz tas-suq sekondarju;

(iii)maħruġa minn impriża li fiha impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) ikollha parteċipazzjoni ta’ kapital bi skambju għal strument ta’ ekwità jew kważi ekwità akkwistat mill-ELTIF f’konformità mal-punti (i) jew (ii) ta’ dan il-paragrafu;

(b)strumenti ta’ dejn maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11(1);

(c)self mogħti mill-ELTIF lil impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) b’maturità li ma taqbiżx il-ħajja tal-ELTIF;

(d)unitajiet jew ishma ta’ wieħed jew diversi minn ELTIFs, EuVECAs, EuSEFs, UCITS u AIFs tal-UE oħrajn ġestiti minn AIFM tal-UE, diment li dawk l-ELTIFs, l-EuVECAs, l-EuSEFs, l-UCITS u l-AIFs tal-UE jinvestu f’investimenti eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) u (2) u huma stess ma jkunux investew aktar minn 10 % tal-assi tagħhom fi kwalunkwe impriża ta’ investiment kollettiv oħra.

(e)assi reali b’valur ta’ mill-inqas EUR 1 000 000 jew l-ekwivalenti tiegħu fil-munita li fiha ssir in-nefqa, u fiż-żmien meta ssir;

(f)titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati fejn l-iskoperturi sottostanti jikkorrespondu għal waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i)assi elenkati fil-punti (a)(i), (ii) jew (iv) tal-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1851*3;

(ii)assi elenkati fil-punti (a), (vii) u (viii) tal-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat 2019/1851, diment li r-rikavati mill-bonds ta’ titolizzazzjoni jintużaw għall-finanzjament jew għar-rifinanzjament ta’ investimenti ta’ terminu twil.

___________

*3Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1851 tat-28 ta’ Mejju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar l-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni (ĠU L 285, 6.11.2019, p. 1).”;

2.Meta ELTIF ikun investa f’ishma jew unitajiet ta’ ELTIFs, EuVECAs, EuSEFs, UCITS u AIFs tal-UE oħrajn ġestiti mill-AIFMs tal-UE f’konformità mal-punt (d) tal-paragrafu 1, l-assi tal-ELTIF rispettiv u impriżi ta’ investiment kollettiv oħrajn għandhom jiġu kkombinati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-konformità mal-limiti stipulati fl-Artikolu 13 u fl-Artikolu 16(1).”

(6)L-Artikolu 11(1) huwa emendat kif ġej:

(a)is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:

“Impriża ta’ portafoll kwalifikanti msemmija fl-Artikolu 10 għandha tkun impriża li tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:”;

(b)fil-punt (b), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)    tkun ammessa għan-negozjar f’suq regolat jew f’faċilità multilaterali tan-negozjar u jkollha kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ mhux aktar minn EUR 1 000 000 000 fiż-żmien tal-investiment inizjali;”;

(7)l-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Kunflitt ta’ interess

1.ELTIF ma gћandux jinvesti f’assi ta’ investiment eliġibbli li fih il-maniġer tal-ELTIF ikollu jew jieħu interess dirett jew indirett, ħlief billi jżomm unitajiet jew ishma tal-ELTIFs, tal-EuSEFs, tal-EuVECAs, tal-UCITS jew tal-AIFs tal-UE li huwa jiġġestixxi.

2.L-AIFM li jiġġestixxi ELTIF u l-impriżi li jappartjenu għall-istess grupp ma’ AIFM li jiġġestixxi ELTIF, u l-membri tal-persunal tagħhom jistgħu jikkoinvestu f’dak l-ELTIF u jikkoinvestu mal-ELTIF fl-istess assi, diment li l-maniġer tal-ELTIF ikun stabbilixxa arranġamenti organizzattivi u amministrattivi mfassla biex jidentifikaw, jimpedixxu, jiġġestixxu u jimmonitorjaw il-kunflitti ta’ interess u diment li tali kunflitti ta’ interess jiġu ddivulgati b’mod adegwat.”;

(8)l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.    ELTIF għandu jinvesti mill-inqas 60 % tal-kapital tiegħu f’assi ta’ investiment eliġibbli.

2.    ELTIF għandu jinvesti mhux aktar minn:

(a)20 % tal-kapital tiegħu fi strumenti maħruġa minn, jew self mogħti lil, kwalunkwe impriża ta’ portafoll kwalifikanti unika;

(b)20 % tal-kapital tiegħu direttament jew indirettament f’assi reali uniku;

(c)20 % tal-kapital tiegħu f’unitajiet jew ishma ta’ kwalunkwe ELTIF, EuVECA, EuSEF, UCITS jew AIF tal-UE uniku ġestit minn AIFM tal-UE;

(d)10 % tal-kapital tiegħu fl-assi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1), fejn dawk l-assi jkunu nħarġu minn kwalunkwe korp uniku.

3.    Il-valur aggregat ta’ unitajiet jew ishma ta’ ELTIFs, EuVECAs, EuSEFs, UCITS u ta’ AIFs tal-UE ġestiti minn AIFM tal-UE f’portafoll tal-ELTIF ma għandux jaqbeż l-40 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF.”;

(b)iddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.    Il-valur aggregat ta’ titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati f’portafoll tal-ELTIF ma għandux jaqbeż l-20 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF.”;

(c)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.    L-iskopertura għar-riskju aggregata għal kontroparti tal-ELTIF li tirriżulta minn tranżazzjonijiet ta’ derivattivi barra l-borża (OTC), ftehimiet ta’ riakkwist, jew ftehimiet ta’ retroriakkwist ma għandhiex taqbeż l-10 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF.”;

(d)tħassar il-paragrafu 5;

(e)fil-paragrafu 6, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’din li ġejja:

“B’deroga mill-punt (d) tal-paragrafu 2, ELTIF jista’ jgħolli l-limitu ta’ 10 % imsemmi f’dak il-punt għal 25 % meta l-bonds jinħarġu minn istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru u li tkun soġġetta bil-liġi għal superviżjoni pubblika speċjali maħsuba biex tipproteġi lid-detenturi tal-bonds.”;

(f)ġie miżjud il-paragrafu 8 li ġej:

“8.    Il-livelli limiti ta’ investiment stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta l-ELTIFs ikunu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.”;

(9)l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    ELTIF jista’ jakkwista mhux aktar minn 30 % tal-unitajiet jew tal-ishma ta’ ELTIF, EuVECA, EuSEF, UCITS uniku jew ta’ AIF tal-UE ġestit minn AIFM tal-UE. Dak il-limitu ma għandux japplika meta l-ELTIFs jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.”;

(b)fil-paragrafu 2, ġie miżjud is-subparagrafu li ġej:

“Dawk il-limiti ta’ konċentrazzjoni ma għandhomx japplikaw meta l-ELTIFs jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.”;

(10)l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)il-punti (a), (b) u (ċ) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(a)    jirrappreżenta mhux aktar minn 50 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF, u mhux aktar minn 100 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF għall-ELTIFs ikkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali;

(b)    iservi l-iskop li jsiru investimenti jew li tiġi pprovduta likwidità, inkluż li jitħallsu l-kostijiet u l-ispejjeż, ħlief għas-self kif imsemmi fil-punt (ċ) tal-Artikolu 10, diment li l-parteċipazzjonijiet fi flus kontanti jew f’ekwivalenti għal flus kontanti tal-ELTIF ma jkunux biżżejjed biex isir l-investiment ikkonċernat;

(c)    jiġi kkuntrattat fl-istess munita bħall-assi li għandhom jiġu akkwistati bil-flus missellfa jew f’munita oħra meta l-iskopertura għall-munita tkun ġiet iħħeġġjata jew fejn ikun jista’ jintwera b’mod ieħor li s-self f’munita oħra ma jesponix lill-ELTIF għal riskji tal-munita materjali.”;

(ii)il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)    jaggrava l-assi biex jimplimenta l-istrateġija ta’ self tal-ELTIF ikkonċernat.”;

(b)iddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.    L-arranġamenti ta’ teħid b’self li huma koperti bis-sħiħ mill-impenji ta’ kapital tal-investituri ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu teħid b’self għall-finijiet tal-paragrafu 1.”;

(c)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.    Il-maniġer tal-ELTIF għandu jispeċifika fil-prospett tal-ELTIF jekk l-ELTIF għandux il-ħsieb jew le li jissellef flus bħala parti mill-istrateġija ta’ investiment tal-ELTIF u għandu jipprovdi preżentazzjoni dettaljata tal-istrateġija u l-limiti tas-self tal-ELTIF. B’mod partikolari, il-maniġer tal-ELTIF għandu jindika kif is-self se jgħin fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-ELTIF u jtaffi r-riskji tas-self, tal-munita u tad-durata.”;

(11)fl-Artikolu 18, tħassar il-paragrafu 4;

(12)fl-Artikolu 18, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom il-ħajja ta’ ELTIF titqies li hija twila biżżejjed biex tkopri ċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kull wieħed mill-assi individwali tal-ELTIF, kif imsemmi fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti skont il-punt (b) tal-Artikolu 18(2), u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-persentaġġ imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 18(2), filwaqt li tqis il-flussi ta’ flus u l-obbligazzjonijiet mistennija tal-ELTIF.”;

(13)l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(i)iddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.    Ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF jistgħu jipprevedu l-possibbiltà ta’ tqabbil sħiħ jew parzjali, qabel it-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF, tat-talbiet għat-trasferiment ta’ unitajiet jew ishma tal-ELTIF mill-investituri eżistenti tal-ELTIF mat-talbiet għat-trasferiment minn investituri potenzjali, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)il-maniġer tal-ELTIF ikun stabbilixxa politika għat-tqabbil tat-talbiet li tistabbilixxi b’mod ċar dawn kollha li ġejjin:

(i)il-proċess ta’ trasferiment kemm għall-investituri eżistenti kif ukoll għal dawk potenzjali;

(ii)ir-rwol tal-maniġer tal-fond jew tal-amministratur tal-fond fit-twettiq tat-trasferimenti, u t-tqabbil tat-talbiet rispettivi;

(iii)il-perjodi ta’ żmien li matulhom l-investituri eżistenti u potenzjali jistgħu jitolbu t-trasferiment ta’ ishma jew unitajiet tal-ELTIF;

(iv)il-prezz tal-eżekuzzjoni;

(v)il-kundizzjonijiet tal-prorazzjoni;

(vi)iż-żmien u n-natura tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni fir-rigward tal-proċess ta’ trasferiment;

(vii)it-tariffi, il-kostijiet u l-imposti, jekk ikun hemm, relatati mal-proċess ta’ trasferiment;

(b)il-politika u l-proċeduri għat-tqabbil tat-talbiet tal-investituri eżistenti u potenzjali tal-ELTIF jiżguraw li l-investituri jiġu ttrattati b’mod ġust u li t-tqabbil jitwettaq fuq bażi pro rata fejn ikun hemm diskrepanza bejn l-investituri eżistenti u dawk potenzjali;

(c)it-tqabbil tat-talbiet jippermetti lill-maniġer tal-ELTIF jimmonitorja r-riskju tal-likwidità tal-ELTIF u huwa kompatibbli mal-istrateġija ta’ investiment ta’ terminu twil tal-ELTIF.”;

(ii)ġie miżjud il-paragrafu 5 li ġej:

“5. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom għandu jiġi applikat l-Artikolu 19(2a), inkluża l-informazzjoni li l-ELTIFs jeħtieġ li jiddivulgaw lill-investituri.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa […].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(14)fl-Artikolu 21, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    ELTIF għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tiegħu dwar id-disponiment tajjeb tal-assi tiegħu sabiex jifdi l-unitajiet jew l-ishma tal-investituri wara t-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF mhux aktar tard minn sena qabel id-data tat-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF. Fuq it-talba tal-awtorità kompetenti tal-ELTIF, l-ELTIF għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti tiegħu skeda dettaljata għad-disponiment tajjeb ta’ dawk l-assi.”;

(15)l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)iddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.    Il-prospett tal-ELTIF alimentatur għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)    dikjarazzjoni li l-ELTIF alimentatur huwa alimentatur ta’ ELTIF prinċipali partikolari u, bħala tali, jinvesti b’mod permanenti 85 % jew aktar mill-assi tiegħu f’unitajiet ta’ dak l-ELTIF prinċipali;

(b)    l-objettiv u l-politika tal-investiment, inklużi l-profil tar-riskju u jekk il-prestazzjoni tal-ELTIF alimentatur u tal-ELTIF prinċipali humiex identiċi, jew sa liema punt u għal liema raġunijiet huma differenti;

(c)    deskrizzjoni fil-qosor tal-ELTIF prinċipali, l-organizzazzjoni tiegħu, l-objettiv u l-politika tal-investiment tiegħu, inkluż il-profil tar-riskju, u indikazzjoni ta’ kif jista’ jinkiseb il-prospett tal-ELTIF prinċipali;

(d)    sommarju tal-ftehim konkluż bejn l-ELTIF alimentatur u l-ELTIF prinċipali jew tar-regoli interni dwar il-kondotta tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 29(6));

(e)    kif it-titolari tal-unitajiet jistgħu jiksbu aktar informazzjoni dwar l-ELTIF prinċipali u l-ftehim konkluż bejn l-ELTIF alimentatur u l-ELTIF prinċipali msemmi fl-Artikolu 29(6);

(f)    deskrizzjoni tar-remunerazzjoni kollha jew tar-rimborż kollu tal-kostijiet li għandhom jitħallsu mill-ELTIF alimentatur bis-saħħa tal-investiment tiegħu f’unitajiet tal-ELTIF prinċipali, kif ukoll tal-imposti aggregati tal-ELTIF alimentatur u tal-ELTIF prinċipali;

(g)    deskrizzjoni tal-implikazzjonijiet tat-taxxa għall-ELTIF alimentatur tal-investiment fl-ELTIF prinċipali.”;

(b)fil-paragrafu 5, ġie miżjud is-subparagrafu li ġej:

“Meta l-ELTIF jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur, il-maniġer tal-ELTIF għandu jinkludi fir-rapport annwali tal-ELTIF alimentatur dikjarazzjoni dwar l-imposti aggregati tal-ELTIF alimentatur u tal-ELTIF prinċipali. Ir-rapport annwali tal-ELTIF alimentatur għandu jindika kif jistgħu jinkisbu r-rapport jew ir-rapporti annwali tal-ELTIF prinċipali”.

(16)fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.    Il-prospett għandu jiddivulga proporzjon tal-kostijiet globali tal-ELTIF.”;

(17)l-Artikolu 26 tħassar.

(18)l-Artikolu 28 tħassar.

(19)fl-Artikolu 29, ġew miżjudin il-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:

“6.    Fil-każ ta’ struttura prinċipali-alimentatriċi, l-ELTIF prinċipali għandu jipprovdi lill-ELTIF alimentatur bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tal-aħħar jissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Għal dak l-iskop, l-ELTIF alimentatur għandu jidħol fi ftehim mal-ELTIF prinċipali.

Dak il-ftehim għandu jkun disponibbli, fuq talba u mingħajr ħlas, għat-titolari tal-unitajiet kollha. Fil-każ li kemm l-ELTIF prinċipali kif ukoll l-ELTIF alimentatur ikunu ġestiti mill-istess kumpanija maniġerjali, il-ftehim jista’ jiġi sostitwit b’regoli interni dwar il-kondotta tal-operazzjonijiet li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu.

7.    Meta l-ELTIF prinċipali u l-ELTIF alimentatur ikollhom depożitarji differenti, dawk id-depożitarji għandhom jidħlu fi ftehim ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni sabiex jiżguraw it-twettiq tad-dmirijiet taż-żewġ depożitarji. L-ELTIF alimentatur ma għandux jinvesti f’unitajiet tal-ELTIF prinċipali qabel ma tali ftehim ikun sar effettiv.

Meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f’dan il-paragrafu, la d-depożitarju tal-ELTIF prinċipali u lanqas dak tal-ELTIF alimentatur ma għandhom jinstabu li qegħdin jiksru kwalunkwe regola li tirrestrinġi d-divulgazzjoni tal-informazzjoni jew li tirrigwardja l-protezzjoni tad-data, fejn tali regoli jkunu previsti f’kuntratt jew f’liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva. Tali konformità ma għandha tagħti lok għall-ebda responsabbiltà min-naħa ta’ tali depożitarju jew kwalunkwe persuna li taġixxi f’ismu.

L-ELTIF alimentatur jew, fejn applikabbli, il-kumpanija maniġerjali tal-ELTIF alimentatur, għandhom ikunu inkarigati li jikkomunikaw lid-depożitarju tal-ELTIF alimentatur kwalunkwe informazzjoni dwar l-ELTIF prinċipali li hija meħtieġa għall-ikkompletar tad-dmirijiet tad-depożitarju tal-ELTIF alimentatur. Id-depożitarju tal-ELTIF prinċipali għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF prinċipali, lill-ELTIF alimentatur jew, fejn applikabbli, lill-kumpanija maniġerjali u lid-depożitarju tal-ELTIF alimentatur dwar kwalunkwe irregolarità li jsib fir-rigward tal-ELTIF prinċipali li titqies li għandha impatt negattiv fuq l-ELTIF alimentatur.”;

(20)L-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 30

Rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw id-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur

1.L-unitajiet jew l-ishma ta’ ELTIF jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss lil investitur fil-livell tal-konsumatur meta tkun twettqet valutazzjoni tal-adegwatezza f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 5 tal-Artikolu 25, mat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 25(6) u mal-Artikolu 25(7) tad-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward ta’ dak l-investitur.

2.Meta l-ħajja ta’ ELTIF li jiġi offrut lil, jew imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’, investituri fil-livell tal-konsumatur taqbeż l-10 snin, il-maniġer tal-ELTIF jew id-distributur għandu joħroġ twissija ċara bil-miktub li l-prodott tal-ELTIF jista’ ma jkunx adattat għall-investituri fil-livell tal-konsumatur li ma jistgħux isostnu tali impenn illikwidu u fit-tul.

3. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw meta l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun membru ta’ persunal anzjan, maniġer ta’ portafoll, direttur, uffiċjal, aġent jew impjegat tal-maniġer jew ta’ affiljat tal-maniġer u jkollu biżżejjed għarfien dwar l-ELTIF ikkonċernat.

4.Fil-każ ta’ struttura prinċipali-alimentatriċi, il-prospett tal-ELTIF alimentatur għandu jkun fih l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)dikjarazzjoni li l-ELTIF alimentatur huwa alimentatur tal-ELTIF prinċipali;

(b)l-objettiv u l-politika tal-investiment, inklużi l-profil tar-riskju u jekk il-prestazzjoni tal-ELTIF alimentatur u tal-ELTIF prinċipali humiex identiċi, jew sa liema punt u għal liema raġunijiet huma differenti;

(c)deskrizzjoni fil-qosor tal-ELTIF prinċipali, l-organizzazzjoni tiegħu, l-objettiv u l-politika tal-investiment tiegħu, inkluż il-profil tar-riskju, u informazzjoni dwar kif jista’ jinkiseb il-prospett tal-ELTIF prinċipali;

(d)deskrizzjoni tar-remunerazzjoni kollha jew tar-rimborż kollu tal-kostijiet li għandhom jitħallsu mill-ELTIF alimentatur bis-saħħa tal-investiment tiegħu f’unitajiet tal-ELTIF prinċipali, kif ukoll tal-imposti aggregati tal-ELTIF alimentatur u tal-ELTIF prinċipali;

(e)deskrizzjoni tal-implikazzjonijiet tat-taxxa għall-ELTIF alimentatur tal-investiment fl-ELTIF prinċipali.

5. ELTIF alimentatur għandu jiddivulga fi kwalunkwe komunikazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni li huwa jinvesti b’mod permanenti 85 % jew aktar mill-assi tiegħu f’unitajiet tal-ELTIF prinċipali.

6.Ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ ELTIF ikkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur fil-klassi rilevanti ta’ unitajiet jew ishma għandhom jistabbilixxu li l-investituri kollha jibbenefikaw minn trattament ugwali u li ma għandu jingħata l-ebda trattament preferenzjali jew benefiċċju ekonomiku speċifiku lil investituri individwali jew gruppi ta’ investituri fi ħdan il-klassi jew klassijiet rilevanti.

7.Il-forma ġuridika ta’ ELTIF ikkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur ma għandiex twassal għal xi responsabbiltà ulterjuri għall-investitur fil-livell tal-konsumatur jew tirrikjedi xi impenji addizzjonali f’isem tali investitur, minbarra l-impenn ta’ kapital oriġinali.

8. L-investituri fil-livell tal-konsum għandhom ikunu jistgħu, matul il-perjodu ta’ sottoskrizzjoni u mill-inqas ġimagħtejn wara d-data effettiva tal-impenn jew tal-ftehim ta’ sottoskrizzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma tal-ELTIF, jikkanċellaw is-sottoskrizzjoni tagħhom u jingħataw flushom lura mingħajr penali.

9.Il-maniġer ta’ ELTIF ikkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur għandu jistabbilixxi proċeduri u arranġamenti xierqa biex jittratta l-ilmenti tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, li għandhom jippermettu lill-investituri fil-livell tal-konsumatur iressqu lmenti bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tagħhom.”;

(21)fl-Artikolu 37, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Mhux aktar tard minn [id-data tad-dħul fis-seħħ + 5 snin], il-Kummissjoni għandha tibda rieżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rieżami għandu janalizza, b’mod partikolari:

(a)l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 u l-impatt ta’ dik l-applikazzjoni fuq il-politika ta’ fidi u l-ħajja tal-ELTIFs;

(b)l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-ELTIFs, kif stabbilit fl-Artikoli minn 3 sa 6;

(c)jekk id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistru pubbliku ċentrali tal-ELTIFs kif stipulati fl-Artikolu 3 jenħtieġx li jiġu aġġornati;

(d)l-impatt tal-applikazzjoni tal-livelli limiti minimi tal-assi ta’ investiment eliġibbli stipulati fl-Artikolu 13(1) fuq id-diversifikazzjoni tal-assi;

(e)il-punt sa fejn l-ELTIFs huma kkummerċjalizzati fl-Unjoni, inkluż jekk l-AIFMs imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE jistax ikollhom interess fil-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs;

(f)jekk il-lista ta’ assi u investimenti eliġibbli, ir-regoli ta’ diversifikazzjoni, ir-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, ir-regoli ta’ konċentrazzjoni u l-limiti rigward it-teħid b’self ta’ flus jenħtieġx li jiġu aġġornati;

(g)jekk jenħtieġx li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kunflitti ta’ interess kif stabbiliti fl-Artikolu 12 jiġu aġġornati;

(h)jekk ir-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fil-Kapitolu IV humiex xierqa;

(i)jekk id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet jew ishma tal-ELTIFs stipulati fil-Kapitolu V humiex xierqa u jiżgurawx protezzjoni effettiva tal-investituri, inklużi l-investituri fil-livell tal-konsumatur.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn [dħul fis-seħħ + 6 xhur].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Il-Kummissjoni Ewropea. Pjan ta’ azzjoni dwar il-bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali. Sors: https://ec.europa.eu/info/publications/2015-action-plan-building-capital-markets-union_en (Disponibbli: fit-8 ta’ Frar 2021). B’rabta ma’ dan, huwa meħtieġ li jiġi nnotat li l-indirizzar tal-kriżi klimatika u l-ġestjoni tat-tranżizzjoni enerġetika għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll sfidi ambjentali u soċjali oħrajn, jeħtieġu orizzont fit-tul u investimenti assoċjati aktar fit-tul. Is-suċċess ta’ dawn l-investimenti f’teknoloġiji u infrastrutturi ġodda jeħtieġ oqfsa regolatorji effettivi u strutturi finanzjarji robusti u kosteffettivi.
(2)    Il-Kummissjoni Ewropea. COM(2017) 292 final. Sors: https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/communication-cmu-mid-term-review-june2017_en.pdf (it-2 ta’ Mejju 2021).
(3)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta’ azzjoni ġdid. COM(2020) 590 final. L-24 ta’ Settembru 2020. Sors: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12498-A-Capital-Markets-Union-for-people-and-businesses-new-action-plan (it-8 ta’ Frar 2021).
(4)    Il-pjan ta’ azzjoni jħares lejn kif “il-bidliet possibbli fil-qafas leġiżlattiv u ż-żieda fl-inċentivi biex tintuża l-istruttura tal-fondi tal-ELTIF jistgħu jippromwovu l-introduzzjoni ta’ fondi ta’ investiment pan-Ewropej fit-tul u fl-aħħar mill-aħħar iwasslu aktar finanzjament, inkluż minn investituri fil-livell tal-konsumatur, fl-ekonomija reali tal-UE”. Ibid, paġna 8.
(5)    Ibid, paġna 8 (Azzjoni 3).
(6)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Strateġija għall-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli. COM(2021) 390 final.
(7)    Skont ir-regoli tal-UE dwar it-tassonomija ta’ attivitajiet sostenibbli (ir-Regolament 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament 2019/2088, ĠU L 198, 22.6.2020), u l-qafas ta’ divulgazzjoni tal-UE għall-kumpaniji mhux finanzjarji u finanzjarji (Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014, fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli minn ċerti impriżi, COM (2021) 189 final, 21.4.2021; Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji, ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1.
(8)    Rapport finali tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali - Viżjoni ġdida għas-swieq kapitali tal-Ewropa. L-10 ta’ Ġunju 2020. Sors: https://ec.europa.eu/info/files/200610-cmu-high-level-forum-final-report_en (it-8 ta’ Frar 2021).
(9)    Ibid, paġna 12.
(10)    ĠU C , , p. .
(11)    Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).
(12)    Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).
(13)    Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
(14)    Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(15)    Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).
(16)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(17)    Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(18)    Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
(19)    Id-Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 106).
(20)    Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).
Top