Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0626

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Estonja ddaħħal miżura li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    COM/2021/626 final

    Brussell, 13.10.2021

    COM(2021) 626 final

    2021/0322(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Estonja ddaħħal miżura li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT 1 ”), il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

    Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ Frar 2021, l-Estonja talbet awtorizzazzjoni biex iddaħħal miżura li tidderoga mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-dritt ta' deduzzjoni l-VAT tal-input fir-rigward tal-infiq marbut mal-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali.

    F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra datata d-19 ta’ Marzu 2021, infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Estonja. Permezz ta' ittra datata t-23 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja li kellha l-informazzjoni kollha li tqis li kellha bżonn biex tevalwa t-talba.

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-Artikolu 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT jistipula li persuna taxxabbli hija intitolata għal deduzzjoni tal-VAT dovut minn fuq xiri li jkun sar għal finijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli. L-Artikolu 26(1)(a) tal-istess Direttiva jeżiġi li l-użu ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi ta’ negozju għal finijiet privati, ikun provvista ta’ servizzi li jitqiesu jekk il-VAT fuq il-merkanzija kienet eliġibbli għal deduzzjoni. Din is-sistema tippermetti l-irkupru tal-VAT li tkun ġiet dedotta fil-bidu b’rabta mal-użu privat.

    Fil-każ ta’ karozzi tal-passiġġieri, huwa diffiċli li din is-sistema tiġi applikata, b’mod partikolari minħabba li diffiċli li ssir distinzjoni ċara bejn l-użu privat u dak professjonali. Meta jinżammu r-reġistri, iż-żamma u l-verifika tagħhom iżidu piż addizzjonali kemm fuq l-impriża kif ukoll fuq l-amministrazzjoni.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjenu ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.

    L-Estonja ġiet awtorizzata abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE 2 biex tillimita għal 50 % id-dritt ta’ deduzzjoni tal-VAT fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri kif ukoll in-nefqa relatata magħhom meta dawk il-karozzi ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali. Il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE ġiet estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2017/1854/UE 3 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

    Minħabba li l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2014/797 kienet skadiet qabel ma l-Estonja ppreżentat, fi Frar 2021, l-aħħar talba biex il-kamp ta’ applikazzjoni temporali tagħha jiġi estiż ulterjorment, din it-talba se tiġi ttrattata bħala talba oriġinali biex tiġi applikata miżura li tidderoga mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-dritt ta’ deduzzjoni tal-VAT tal-input fir-rigward tan-nefqa marbuta mal-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali.

    Għalhekk, l-Estonja talbet li titħalla tillimita d-dritt ta’ deduzzjoni għal perċentwal stabbilit u min-naħa l-oħra biex tneħħi l-obbligu li n-negozji jiddikjaraw it-taxxa fuq l-użu privat. Dan għandu l-benefiċċju li jissimplifika s-sistema għal dawk kollha kkonċernati u fl-istess ħin tipprevjeni l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa minħabba żamma ta’ rekords skorretta.

    L-Estonja infurmat lill-Kummissjoni li r-raġunijiet għall-għoti tal-miżura huma fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dawk stabbiliti fit-talbiet li wasslu għad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE u 2017/1854/UE.

    L-Estonja ppreżentat data li tissuġġerixxi li mill-mument tal-implimentazzjoni tad-deroga skont id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE, il-maġġoranza l-kbira tal-karozzi tal-kumpaniji komplew jintużaw għal finijiet privati, u dan jikkonferma li d-deroga hija ġġustifikata.

    Jenħtieġ li din il-miżura tapplika għall-vetturi tal-passiġġieri kollha b'massimu ta' tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq, li ma jaqbżux it-3 500 kilogramma u li ma jintużawx esklużivament għal finijiet kummerċjali. Madankollu, il-karozzi tal-passiġġieri li jintużaw għal ċerti attivitajiet speċifiċi jiġu ttrattati skont ir-regoli normali: karozzi mixtrijin biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kiri jew għal-lokazzjoni, karozzi użati għat-trasport tal-passiġġieri (bħat-taksis) u karozzi użati għal-lezzjonijiet tas-sewqan.

    Jenħtieġ li r-restrizzjoni tad-dritt ta’ deduzzjoni tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta' karozzi tal-passiġġieri speċifikati kif ukoll fuq in-nefqa marbuta magħhom.

    Skont l-Estonja, jenħtieġ li l-limitu ta’ deduzzjoni jiġi stabbilit għal 50 %, minħabba li s-sitwazzjoni baqgħet ma nbidlitx meta mqabbla ma’ meta l-miżura speċjali ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-2014. Għalkemm l-użu privat tal-karozzi tal-kumpaniji fl-Estonja huwa stmat li huwa madwar 60 %, abbażi ta’ evidenza indiretta u suppożizzjonijiet disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa Estonjani, limitu ta’ deduzzjoni tal-VAT tal-input ta’ 50 % huwa meqjus l-aktar xieraq, sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ sopravalutazzjoni tal-proporzjon tal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri.

    Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura fuq il-piż amministrattiv kemm tal-kontribwenti kif ukoll tal-awtoritajiet tat-taxxa, qed jiġi propost li tiġi awtorizzata l-miżura ta’ deroga. Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tkun limitata fiż-żmien, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 2024, sabiex ikun jista’ jrid rieżami tan-neċessità u l-effikaċja tal-miżura li tidderoga u r-rata ta' porzjonament bejn l-użu kummerċjali u dan mhux kummerċjali li hija bbażata fuqu. Jenħtieġ li kull talba għal estensjoni tkun akkumpanjata b’rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat u li tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Derogi simili b’rabta mad-dritt ta’ deduzzjoni ngħataw lil Stati Membri oħrajn (l-Ungerija 4 , il-Latvja 5 , il-Kroazja 6 , il-Polonja 7 , l-Italja 8 u r-Rumanija 9 ).

    L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax tiġi dedotta l-VAT. Sakemm dan iseħħ, huwa jawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet, li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979. Għalhekk, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ sospensjoni li jirrestrinġu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT b’rabta mal-karozzi tal-passiġġieri.

    Minkejja l-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli dwar liema kategoriji tan-nefqa jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni fuq id-dritt ta’ deduzzjoni 10 , tali deroga hija xierqa sakemm dawn ir-regoli jiġu armonizzati fil-livell tal-UE.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li l-proposta hija bbażata fuqha, il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Proporzjonalità

    Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

    Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, meta jitqies il-potenzjal li n-negozji jonqsu milli jiddikjaraw bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħhom u l-verifiki skabrużi tad-data dwar il-kilometraġġ lill-awtoritajiet tat-taxxa, ir-restrizzjoni ta’ 50 % tissimplifika l-ġbir tal-VAT f’settur speċifiku.

    Għażla tal-istrument

    Strument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT tkun possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Din il-proposta hija bbażata fuq talba li saret mill-Estonja u tikkonċerna lil dan l-Istat Membru biss.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ għarfien espert estern.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa billi tneħħi l-ħtieġa li persuni taxxabbli jżommu rekords dwar l-użu privat ta' karozzi tal-passiġġieri speċifikati u, fl-istess ħin, tipprevjeni li jkun hemm evażjoni tal-VAT permezz ta’ żamma ta' rekords skorretta. Għalhekk, hija għandha impatt potenzjalment pożittiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. L-Estonja tqis li din is-soluzzjoni hija miżura adegwata u hija komparabbli ma' derogi oħrajn tal-imgħoddi u tal-lum.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-miżura ta’ deroga jkollhom biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Il-proposta hija limitata biż-żmien u tinkludi klawżola ta’ estinzjoni għall-31 ta’ Diċembru 2024.

    F’każ li l-Estonja tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura speċjali lil hinn mill-2024, jenħtieġ li jintbagħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal flimkien mat-talba għal estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2024.

    2021/0322 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Estonja ddaħħal miżura li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 11 , u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt li persuni taxxabbli jiddeduċu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi li jirċievu li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħhom. Skont l-Artikolu 26(1), il-punt (a) ta' dik id-Direttiva, l-użu ta' assi tan-negozju għall-użu privat ta' persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b'mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra li ma jkunux dawk tan-negozju tagħhom irid jiġi ttrattat bħala provvista ta' servizzi.

    (2)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE 12 tawtorizza lill-Estonja biex tirrestrinġi d-dritt ta’ deduzzjoni tal-VAT għal 50 % fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta' ċerti karozzi tal-passiġġieri u biex teħles mill-obbligu li l-persuna taxxabbli jkollha tiddikjara l-VAT fuq l-użu mhux kummerċjali tal-vetturi koperti minn din ir-restrizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2017.

    (3)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2017/1854/UE 13 estendiet id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/797/UE sal-31 ta’ Diċembru 2020.

    (4)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ Frar 2021, l-Estonja ressqet talba lill-Kummissjoni biex tiġi awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tillimita d-dritt ta’ deduzzjoni fir-rigward tax-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri użati għal finijiet mhux kummerċjali.

    (5)F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/UE, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Marzu 2021, infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Estonja. Permezz ta' ittra tat-23 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja li kellha l-informazzjoni kollha li tqis li kellha bżonn biex tevalwa t-talba.

    (6)Ħafna drabi jkun diffiċli ħafna li jiġi identifikat preċiżament l-użu mhux kummerċjali tal-karozzi tal-passiġġieri, u anke meta jkun possibbli, il-mekkaniżmu meħtieġ biex dan isir huwa wieħed oneruż. Skont l-awtorizzazzjoni mitluba, jenħtieġ li, ħlief f’xi eċċezzjonijiet, l-ammont ta' VAT fuq in-nefqa eliġibbli għad-deduzzjoni fir-rigward ta' vetturi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali ikun iffissat b'rata perċentwali fissa. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, l-awtoritajiet Estonjani jemmnu li rata ta' 50 % hija ġustifikabbli. Fl-istess ħin, sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, jenħtieġ li r-rekwiżit ta' dikjarazzjoni tal-VAT fuq l-użu mhux kummerċjali ta' karozzi tal-passiġġieri jkun sospiż meta dawn ikunu ġew soġġetti għal limitazzjoni. Din il-miżura ta' simplifikazzjoni tneħħi l-ħtieġa li jinżammu rekords dwar l-użu privat ta' karozzi kummerċjali u, fl-istess ħin, tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa permezz taż-żamma ta' rekords skorretta.

    (7)Jenħtieġ li l-limitazzjoni tad-dritt ta' deduzzjoni skont l-awtorizzazzjoni mitluba tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta' kategoriji speċifiċi ta’ karozzi tal-passiġġieri u fuq l-infiq marbut magħhom, inkluż ix-xiri tal-fjuwil.

    (8)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tapplika biss għall-karozzi tal-passiġġieri b'piż massimu awtorizzat ta' mhux aktar minn 3 500 kilogramma u li ma jkollhomx aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq, peress li kull użu mhux kummerċjali tal-karozzi tal-passiġġieri li jaqbżu it-3 500 kilogramma jew li jkollhom aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq, huwa negliġibbli minħabba n-natura ta’ dawk il-karozzi tal-passiġġieri jew it-tip ta' kummerċ li jintużaw għalih. Jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll lista dettaljata ta' karozzi tal-passiġġieri speċifiċi esklużi minn dik l-awtorizzazzjoni, abbażi tal-użu partikolari tagħhom.

    (9)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tkun limitata fiż-żmien sal-31 ta' Diċembru 2024, sabiex ikun jista’ jsir rieżami tan-neċessità u l-effikaċja tal-miżura derogattiva u r-rata ta' porzjonament bejn l-użu kummerċjali u dak mhux kummerċjali li hija bbażata fuqu.

    (10)Jekk l-Estonja tikkunsidra li tkun meħtieġa estensjoni tal-awtorizzazzjoni għal wara l-2024, ikun jenħtieġ li, sal-31 ta' Marzu 2024, tibgħat talba lill-Kummissjoni għal estensjoni flimkien ma' rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat.

    (11)Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jiġu mill-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja hija awtorizzata tillimita għal 50 % id-dritt ta’ deduzzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq in-nefqa fuq karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali meta dik in-nefqa tkopri x-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju jew l-importazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali, kif ukoll fuq in-nefqa relatata mal-manutenzjoni u t-tiswija ta’ tali karozzi u max-xiri tal-fjuwil għalihom.

    Artikolu 2

    B'deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja ma għandhiex tittratta bħala provvista ta' servizzi l-użu għal finijiet mhux kummerċjali ta' karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi tan-negozju ta' persuna taxxabbli, meta dik il-karozza kienet suġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    1.Din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għal karozzi tal-passiġġieri b'piż massimu awtorizzat li ma jaqbiżx it-3 500 kilogramma u li ma jkollhomx aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq.

    2.Din id-deċiżjoni ma għandhiex tapplika għall-kategoriji ta' karozzi tal-passiġġieri li ġejjin:

    (a)karozzi mixtrijin biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kiri jew għal-lokazzjoni;

    (b)karozzi użati għat-trasport tal-passiġġieri bi ħlas, inklużi servizzi tat-taksi;

    (c)karozzi użati biex jingħataw lezzjonijiet tas-sewqan.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2024 u għandha tkun akkumpanjata b’rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU 347, 11.12.2006, p.1.
    (2)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2014/797 tas-7 ta' Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 48).
    (3)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1854 tal-10 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 17).
    (4)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta' Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 252, 8.10.2018, p. 44–46.
    (5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1921 tal-4 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 311, 7.12.2018, p. 36–37.
    (6)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 tal-11 ta' Diċembru 2018 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 320, 17.12.2018, p. 35–37.
    (7)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1594 tal-24 ta' Settembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżuri li jidderogaw mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 248, 27.9.2019, p. 71–72.
    (8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2138 tal-5 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 324, 13.12.2019, p. 7–8.
    (9)    Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1262 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 296, 10.09.2020, p. 6.
    (10)    KUMM (2004) 728 finali - Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 24, 29.1.2005, p.10) irtirata fil-21 ta’ Mejju 2014 (ĠU C 153 21. 05. 2014, p. 3)
    (11)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (12)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE tas-7 ta' Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 48).
    (13)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1854 tal-10 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 17).
    Top