IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.12.2021
COM(2021) 565 final
2021/0434(CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa u li temenda d-Direttiva 2011/16/UE
{SEC(2021) 565 final} - {SWD(2021) 577 final} - {SWD(2021) 578 final} - {SWD(2021) 579 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fit-18 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-seklu 21 sabiex tippromwovi sistema fiskali fuq l-intrapriżi robusta, effiċjenti u ġusta fl-Unjoni Ewropea. Din tistabbilixxi viżjoni kemm għal terminu twil kif ukoll għal terminu qasir sabiex jiġi appoġġat l-irkupru tal-Ewropa mill-pandemija tal-COVID-19 u jiġi żgurat dħul pubbliku adegwat matul is-snin li ġejjin. Din għandha l-għan li toħloq ambjent tan-negozju ekwu u stabbli, li jista’ jagħti spinta lit-tkabbir sostenibbli u li joħloq l-impjiegi fl-Unjoni. Din il-proposta hija waħda mill-inizjattivi fil-mira għal terminu qasir li ġew imħabbra fil-Komunikazzjoni bħala mezz sabiex tittejjeb is-sistema fiskali attwali b’enfasi fuq l-iżgurar ta’ tassazzjoni ġusta u effettiva.
Filwaqt li sar progress importanti f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin, speċjalment bl-adozzjoni tad-Direttiva kontra l-evitar tat-taxxa (ATAD) u l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva (DAC), l-entitajiet legali mingħajr ebda sustanza minima u attività ekonomika għadhom joħolqu riskju li jintużaw għal finijiet ta’ taxxa mhux xierqa, bħall-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kif konfermat minn rivelazzjonijiet tal-media massivi riċenti. Filwaqt li jista’ jkun hemm raġunijiet validi għall-użu ta’ dawn l-entitajiet, hemm bżonn ta’ azzjoni ulterjuri sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn il-kontribwenti jevitaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt fiskali jew jaġixxu kontra l-fini reali tad-dritt fiskali billi jużaw ħażin impriżi li ma jwettqu l-ebda attività ekonomika reali. L-eżitu ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn huwa li titnaqqas l-obbligazzjoni ta’ taxxa ġenerali tal-kontribwenti. Eżitu bħal dan iwassal għal bidla fil-piż tat-taxxa għad-detriment ta’ kontribwenti onesti u jfixkel id-deċiżjonijiet kummerċjali fis-suq intern. Sakemm ma tiġix indirizzata b’mod effettiv, din is-sitwazzjoni toħloq ambjent ta’ kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa u ta' distribuzzjoni inġusta tal-piż tat-taxxa. Din id-Direttiva tapplika għall-impriżi kollha li huma meqjusa residenti fiskali u li huma eliġibbli li jirċievu ċertifikat ta’ residenza fiskali fi Stat Membru.
Billi għandha l-għan li tiġġieled kontra l-prattiki ta’ evitar u ta' evażjoni tat-taxxa, li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa f’qasam speċifiku. Hija twieġeb għal talba mill-Parlament Ewropew għal azzjoni tal-UE sabiex jiġi miġġieled l-użu ħażin tal-entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa u, b’mod aktar ġenerali, għad-domanda ta’ bosta Stati Membri, negozji u soċjetà ċivili għal approċċ tal-UE aktar b’saħħtu u aktar koerenti kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din id-Direttiva hija parti mill-istrateġija ċentrali tal-UE dwar it-tassazzjoni korporattiva diretta bil-għan li jiġi żgurat li kulħadd iħallas is-sehem ġust tiegħu. Il-Kummissjoni kienet konsistenti fit-twettiq ta’ politiki għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa fl-aħħar għaxar snin.
B’mod partikolari, u permezz ta’ eżempju, fl-2012, il-Kummissjoni ppubblikat rakkomandazzjoni dwar l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa, li tirrakkomanda lill-Istati Membri miżuri speċifiċi kontra n-nontassazzjoni doppja u l-arranġamenti artifiċjali għal finijiet ta’ taxxa. Fl-2016, ġiet adottata d-Direttiva kontra l-evitar tat-taxxa (ATAD) sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni koordinata fl-Istati Membri ta’ miżuri ewlenin kontra l-evitar tat-taxxa li rriżultaw mill-azzjonijiet internazzjonali tal-Proġett tal-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti. B’mod parallel, id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva (DAC), sa mill-adozzjoni tagħha fl-2011, ġiet riveduta u estiża diversi drabi sabiex tippermetti skambju fuq skala kbira u f’waqtu ta’ informazzjoni relatata mat-taxxa madwar l-UE, inkluż dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa u r-rapportar obbligatorju ta’ arranġamenti minn intermedjarji tat-taxxa. Minn perspettiva internazzjonali, il-lista tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx fi kwistjonijiet tat-taxxa tnediet mill-2017, fost l-oħrajn, sabiex tipproteġi l-bażijiet għat-taxxa tal-Istati Membri minn prattiki dwar it-taxxa dannużi ta’ pajjiżi terzi.
Madankollu, l-istrumenti tat-taxxa eżistenti fil-livell tal-UE ma fihomx dispożizzjonijiet espliċiti mmirati lejn entitajiet fittizji, jiġifieri entitajiet li ma jwettqu l-ebda attività ekonomika reali, anke jekk preżumibbilment ikunu involuti f’waħda, u li jistgħu jintużaw ħażin għal finijiet ta’ evitar jew ta’ evażjoni tat-taxxa. Ir-riskju li dawn l-entitajiet jistgħu joħolqu għas-Suq Uniku u speċifikament għall-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri ġie enfasizzat minn skandli riċenti relatati mat-taxxa.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni (inizjattivi futuri possibbli ta’ rilevanza għall-qasam ta’ politika)
Din id-Direttiva ssegwi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-seklu 21 għal sistema fiskali tal-intrapriżi robusta, effiċjenti u ġusta fl-UE u tirrifletti waħda mill-inizjattivi ta’ politika previsti f’din il-Komunikazzjoni. Bħala tali, din tikkomplementa numru ta’ inizjattivi ta’ politika oħra promossi mill-Kummissjoni b’mod parallel, għal terminu twil u qasir. Dawn jinkludu proposta għal Direttiva dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi multinazzjonali fl-Unjoni. Din id-Direttiva, li għandha l-għan li tiskoraġġixxi l-użu ta’ entitajiet fittizji stabbiliti fl-Unjoni għal finijiet ta’ taxxa, għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ mid-Direttiva dwar livell minimu ta’ tassazzjoni, minħabba li tinkludi l-entitajiet u l-arranġamenti legali kollha residenti fiskali fl-Unjoni, mingħajr ebda limitu bbażat fuq id-dħul. Min-naħa l-oħra, il-qafas legali dwar il-livell minimu ta’ tassazzjoni japplika biss għall-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u għall-gruppi domestiċi fuq skala kbira bi dħul ikkombinat li jaqbeż is-EUR 750 miljun. Dawn il-gruppi jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dan għaliex iż-żewġ inizjattivi għandhom finijiet differenti.
Il-qafas legali dwar il-livell minimu ta’ tassazzjoni esklużivament jikkonċerna r-rata, jiġifieri l-livell ta’ tassazzjoni. Dan ma jindirizzax il-karatteristiċi potenzjalment dannużi tal-bażi tat-taxxa. Lanqas ma jinvolvi li jiġi eżaminat jekk entità għandhiex sustanza suffiċjenti sabiex twettaq l-attività li suppost trid twettaq. Huwa minnu li l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-livell minimu ta’ tassazzjoni tista’ gradwalment tiskoraġġixxi l-ħolqien ta’ entitajiet fittizji sa ċertu punt. Madankollu, dan għadu riżultat mhux magħruf li ma jistax jiġi ggarantit f’dan l-istadju.
Barra minn hekk, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tal-gruppi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar livell minimu ta’ tassazzjoni toħloq trattament mhux ugwali kontra entitajiet “fittizji” li jifformaw parti minn gruppi ta’ daqs iżgħar li ma jissodisfawx il-limitu ta’ EUR 750 miljun. Prinċipalment, ikunu fil-biċċa l-kbira gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali kbar li jirċievu eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ trasparenza u mill-konsegwenzi tat-taxxa skont din id-Direttiva.
Inizjattivi addizzjonali mħabbra jinvolvu proposti li jirrikjedu li l-entitajiet kollha tal-UE jippubblikaw ir-rata tat-taxxa effettiva tagħhom fuq bażi annwali u jindirizzaw il-parzjalità tat-taxxa favur il-finanzjament tad-dejn billi jqiegħdu l-finanzjament mill-bejgħ tal-ishma fis-suq uniku fuq bażi ugwali mad-dejn. Barra minn hekk, din id-Direttiva hija konsistenti mal-politiki tal-Unjoni fir-rigward tat-trasparenza tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u hija komplementarja għalihom.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa diretta taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE). Il-klawżola tistipula li l-miżuri legali tal-approssimazzjoni skont dak l-artikolu għandhom jingħataw il-forma ġuridika ta’ Direttiva.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. In-natura tas-suġġett teħtieġ inizjattiva komuni fis-suq intern.
Ir-regoli ta’ din id-Direttiva għandhom l-għan li jindirizzaw il-prattiki transfruntiera tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa u jipprovdu qafas komuni li jrid jiġi implimentat fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri b’mod koordinat. Dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu b’mod sodisfaċenti permezz ta’ azzjoni meħuda minn kull Stat Membru filwaqt li jaġixxi waħdu.
L-użu ta’ entitajiet u arranġamenti legali mingħajr sustanza minima għal finijiet ta’ evitar tat-taxxa jew ta’ evażjoni tat-taxxa normalment ma jkunx limitat għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss. Karatteristika ewlenija tal-iskemi rilevanti hija li jinvolvu s-sistemi fiskali ta’ aktar minn Stat Membru wieħed fl-istess ħin. Għalhekk, diversi Stati Membri jistgħu jiġu affettwati minn skema li tinkludi l-użu ta’ entità fittizja li tinsab fi Stat Membru ieħor.
Ir-rieżami tar-regoli tal-Istati Membri kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa jindika frammentazzjoni. Xi Stati Membri żviluppaw regoli jew prattiki mmirati, inklużi kriterji dwar is-sustanza, sabiex jiġġieldu kontra l-abbuż minn entitajiet fittizji fil-qasam tat-tassazzjoni. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma japplikawx regoli mmirati, iżda jistgħu jiddependu fuq regoli ġenerali kontra l-abbuż, li għandhom it-tendenza li japplikaw fuq bażi ta’ każ b’każ. Anke fost il-ftit Stati Membri li żviluppaw regoli mmirati fil-livell nazzjonali, ir-regoli jvarjaw b’mod sinifikanti, u jirriflettu aktar sistemi fiskali u prijoritajiet nazzjonali, milli jimmiraw lejn id-dimensjoni tas-suq intern.
Il-frammentazzjoni eżistenti tista’ tiġi rreplikata u possibbilment aggravata, kieku l-Istati Membri jieħdu azzjoni individwalment. Approċċ bħal dan jipperpetwa l-ineffiċjenzi u t-tfixkil preżenti fl-interazzjoni ta’ miżuri distinti. Jekk l-objettiv huwa li jiġu adottati soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern kollu u li tittejjeb ir-reżiljenza (interna u esterna) tiegħu kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw jew li jistgħu jaffettwaw bl-istess mod lill-Istati Membri kollha, id-direzzjoni xierqa ’l quddiem tinvolvi inizjattiva koordinata fil-livell tal-UE.
Barra minn hekk, inizjattiva tal-UE żżid il-valur, meta mqabbla ma’ dak li jistgħu jiksbu għadd kbir ta’ metodi ta’ implimentazzjoni nazzjonali. Minħabba li r-regoli previsti għandhom dimensjoni transfruntiera u li l-entitajiet fittizji spiss jintużaw sabiex jimminaw il-bażi tat-taxxa ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn tinsab l-entità fittizja, huwa essenzjali li kwalunkwe proposta tibbilanċja l-interessi diverġenti fis-suq intern u tqis l-istampa sħiħa, sabiex tidentifika objettivi u soluzzjonijiet komuni. Dan jista’ jinkiseb biss jekk il-leġiżlazzjoni tkun imfassla b’mod ċentrali. Barra minn hekk, approċċ komuni lejn l-entitajiet fittizji jiżgura ċ-ċertezza legali u jnaqqas il-kostijiet ta’ konformità għan-negozji li joperaw fl-UE.
Għalhekk, dan l-approċċ huwa f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.
•Proporzjonalità
Il-miżuri previsti ma jmorrux lil hinn milli jiżguraw il-livell minimu meħtieġ ta’ protezzjoni għas-suq intern. Id-Direttiva għalhekk ma tippreskrivix armonizzazzjoni sħiħa iżda biss protezzjoni minima għas-sistemi fiskali tal-Istati Membri.
B’mod partikolari, id-Direttiva tistabbilixxi test li jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-Istati Membri ta' każijiet ċari ta’ entitajiet fittizji użati ħażin għal finijiet ta’ taxxa b’mod koordinat madwar l-UE. Ir-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli li jittrasponu d-dritt tal-UE, għandhom ikomplu japplikaw sabiex jiġu identifikati l-entitajiet fittizji li ma jaqgħux taħt din id-Direttiva. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli nazzjonali tal-aħħar għandha tiġi ffaċilitata wkoll bis-saħħa tal-miżuri ta’ din id-Direttiva, peress li l-Istati Membri se jkollhom aċċess għal informazzjoni ġdida dwar entitajiet fittizji. Barra minn hekk, id-Direttiva tistabbilixxi l-konsegwenzi għall-entitajiet fittizji filwaqt li tqis kif xieraq il-ftehimiet u l-konvenzjonijiet stabbiliti bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi għall-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja tal-introjtu, u fejn applikabbli, il-kapital.
B’hekk, id-Direttiva tiżgura l-livell essenzjali ta’ koordinazzjoni fl-Unjoni għall-fini li jkunu mmaterjalizzati l-miri tagħha. Fid-dawl ta’ dan, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha u għalhekk hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
•Għażla tal-istrument
Il-proposta hija għal Direttiva, li hija l-uniku strument disponibbli skont il-bażi ġuridika tal-Artikolu 115 tat-TFUE.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-leġiżlazzjoni eżistenti kontra l-evitar tat-taxxa ma tinkludix miżuri mmirati lejn impriżi li ma għandhomx sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa. Għalhekk, l-evalwazzjoni ma hijiex rilevanti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Fl-4 ta’ Ġunju 2021, TAXUD nieda konsultazzjoni pubblika dwar inizjattiva potenzjali għall-ġlieda kontra l-użu ta’ entitajiet fittizji u ta' arranġamenti għal finijiet ta’ taxxa. Kien fiha 32 mistoqsija mmirati, fost l-oħrajn, sabiex jiddefinixxu l-problema u l-fatturi ewlenin tagħha u jidentifikaw il-forma xierqa ta’ azzjoni tal-UE u l-karatteristiċi ewlenin tal-entitajiet fittizji fir-riskju li jintużaw ħażin għal finijiet ta’ taxxa. Il-konsultazzjoni għalqet fis-27 ta’ Awwissu 2021 b’total ta’ 50 tweġiba.
Ir-rispondenti kollha jirrikonoxxu li minkejja l-miżuri riċenti tal-UE kontra l-evitar tat-taxxa, il-problema tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa tippersisti, inkluż permezz tal-użu ħażin tal-entitajiet fittizji. Filwaqt li xi rispondenti wrew sodisfazzjoni lejn il-miżuri ġodda mmirati sabiex jindirizzaw l-abbuż fil-qasam tat-taxxa, oħrajn iqisu li huma potenzjalment prematuri.
Ir-rispondenti jindikaw il-kapaċità baxxa tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni amministrattiva mhux adegwata bħala l-ixprunaturi ewlenin tal-problema.
Fir-rigward tal-karatteristiċi komuni fl-entitajiet fittizji li jippreżentaw riskju li jintużaw ħażin għal finijiet ta’ taxxa, hemm qbil wiesa’ li n-nuqqas ta’ kont bankarju proprju huwa wieħed minnhom u huwa indikattiv. Hemm ukoll konverġenza wiesgħa li karatteristika komuni oħra hija li d-diretturi, fil-maġġoranza tagħhom, ma jkunux residenti fil-pajjiż fejn tinsab l-entità. Madankollu, ma hemm l-ebda qbil wiesa’ dwar il-pertinenza ta’ fatturi oħrajn, bħan-numru ta’ impjegati.
Barra minn hekk, ir-rispondenti jaqblu li l-entitajiet fittizji fir-riskju li jintużaw ħażin huma aktar probabbli li jiġu identifikati fost dawk involuti fl-attività taż-żamma u l-ġestjoni tal-ekwità jew tal-proprjetà intellettwali jew f’attività ta’ finanzjament u ta' kiri. Filwaqt li r-rispondenti jqisu li entità fittizja suxxettibbli għall-użu ħażin tista’ tiġi stabbilita fi kwalunkwe forma ġuridika, jidher li jsibu li t-trusts jinsabu f’riskju ftit ogħla. Jekk entità hijiex intrapriża żgħira jew medja (SME) ma jirriżultax bħala karatteristika rilevanti li trid tiġi kkunsidrata.
B’mod partikolari 33 rispondent, b’mod partikolari assoċjazzjonijiet ta' impriżi u professjonali, ipprovdew kontribut estensiv li jmur lil hinn mill-mistoqsijiet tal-konsultazzjoni. Parti sinifikanti minn dawn ir-rispondenti, differenti għar-rispondenti l-oħrajn, għandhom tħassib li leġiżlazzjoni ġdida tal-UE mmirata lejn l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa permezz tal-użu ħażin tal-entitajiet fittizji tista’ ma tkunx f’waqtha, anke fid-dawl tad-diskussjonijiet internazzjonali lejn tassazzjoni effettiva minima globali.
Barra minn hekk, dawn ir-rispondenti jenfasizzaw li d-definizzjoni ta’ x’inhi entità fittizja hija ta’ sfida u li l-valutazzjoni tan-nuqqas ta’ sustanza tiddependi fuq il-fatti u ċ-ċirkostanzi ta’ kull entità speċifika. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li l-kontribwenti għandu jkollhom dritt effettiv li jipprovdu evidenza taċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom. B'mod utli, dawn ir-rispondenti pprovdew ukoll eżempji speċifiċi ta’ strutturi li jistgħu jitqiesu bħala li ma għandhomx sustanza, jiġifieri li huma fittizji, iżda ma humiex stabbiliti sabiex jinkisbu benefiċċji fuq it-taxxi iżda minflok għal raġunijiet kummerċjali validi.
Minbarra l-konsultazzjoni pubblika, l-esperti nazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni diretta ġew ikkonsultati b’mod immirat. Fit-22 ta’ Ġunju 2021 saret laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma IV dwar kwistjonijiet tat-taxxa segwita minn konsultazzjonijiet bilaterali. B’mod ġenerali, l-Istati Membri esprimew appoġġ għal inizjattiva ġdida tal-UE mmirata lejn l-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji sabiex jinkisbu benefiċċji fuq it-taxxi. L-Istati Membri wrew is-sodisfazzjoni tagħhom bid-definizzjoni ta’ regoli komuni dwar l-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji flimkien ma’ qafas għall-kooperazzjoni amministrattiva. L-Istati Membri argumentaw ukoll għal kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-miżuri l-ġodda u enfasizzaw li l-SMEs għandhom ikunu koperti bl-istess mod. Fost l-għażliet ta’ politika disponibbli, l-Istati Membri esprimew appoġġ għal azzjoni regolatorja.
Hi u tfassal il-proposta tagħha, il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tal-konsultazzjoni. B’mod partikolari, fost id-diversi għażliet ta’ politika, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi bi proposta għal azzjoni regolatorja u vinkolanti, jiġifieri direttiva skont l-Artikolu 115 tat-TFUE. Barra minn hekk, id-Direttiva proposta tagħmel distinzjoni bejn l-entitajiet fir-riskju li jkunu fittizji u li jintużaw ħażin sabiex jinkisbu benefiċċji fuq it-taxxi b’referenza għal sett ta’ karatteristiċi komuni f’dawn l-entitajiet. Madankollu, numru ta’ entitajiet fittizji speċifiċi jingħataw konċessjoni minn qabel peress li spiss jintużaw għal raġunijiet kummerċjali tajbin. Fit-tfassil tal-kriterji distintivi li jkunu jidentifikaw entitajiet fir-riskju u fid-definizzjoni tal-każijiet li għandhom jiġu esklużi minħabba li ma jippreżentawx riskji ta’ evitar jew ta’ evażjoni tat-taxxa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati. L-SMEs ma humiex esklużi mill-proposta minħabba li hemm qbil wiesa’ li jippreżentaw riskji rilevanti. B’rikonoxximent tal-fatt li s-sustanza fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni ta’ fatti u ċirkostanzi, id-Direttiva tinkludi mekkaniżmu li jippermetti lill-kontribwenti jikkontestaw l-eżitu tat-test, inkluż billi jagħtu prova ta’ raġunijiet kummerċjali u mhux tat-taxxa, li fuqhom hija bbażata ċerta struttura. Bl-istess mod, l-istrutturi li ma jiġux stabbiliti bil-fini ewlenija li jinkiseb benefiċċju fuq it-taxxa jistgħu jagħmlu użu minn mekkaniżmu sabiex jitolbu eżenzjoni bil-quddiem.
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżuri mmirati lejn l-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa jkunux f’waqthom jew prematuri, il-Kummissjoni tqis li tabilħaqq hemm ħtieġa ċara għal dawn il-miżuri. Il-ħtieġa għal dawn il-miżuri tirriżulta b’mod ċar wara l-iskandli kontinwi dwar l-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji madwar id-dinja u speċifikament fis-suq uniku. L-applikazzjoni futura tar-regoli dwar it-tassazzjoni effettiva minima globali ma tindirizzax bis-sħiħ il-kwistjoni tal-kumpaniji fittizji peress li dawk ir-regoli japplikaw biss għal kumpaniji multinazzjonali li jissodisfaw il-limitu ta’ EUR 750 miljun, u b’hekk il-kumpaniji kollha taħt dan il-limitu jitħallew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tapprezza li l-protezzjoni tal-bażijiet taxxabbli tal-Istati Membri hija ta’ importanza akbar sabiex tiġi żgurata ekonomija sostenibbli fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali imposti mill-kriżi tas-saħħa.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Fl-identifikazzjoni ta’ miżuri xierqa sabiex jiġi indirizzat l-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa, il-Kummissjoni bbażat fuq studju estensiv imwettaq mill-Uffiċċju Internazzjonali tad-Dokumentazzjoni Fiskali (IBFD). L-istudju ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika. Huwa jikkonkludi li l-miżuri eżistenti tal-UE kontra l-evitar ma humiex biżżejjed sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mat-taxxa li jikkonċernaw il-kumpaniji fittizji u li għandha tintlaqa' azzjoni koordinata li tippromwovi konsistenza transfruntiera fit-trattament tat-taxxa applikabbli għal arranġamenti fittizji. Huwa josserva wkoll li r-regoli tal-Istati Membri mmirati speċifikament lejn arranġamenti fittizji ma humiex relattivament komuni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq studju dwar il-kumpaniji fantażma imwettaq minn kuntrattur estern u kkummissjonat indipendentement minn din l-inizjattiva.
Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-riżultati ta’ dawn l-istudji fid-definizzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi li għandhom jidentifikaw l-entitajiet f’riskju ċar li jkunu fittizji u użati ħażin sabiex jinkisbu benefiċċji fuq it-taxxi.
•Valutazzjoni tal-impatt
Twettqet valutazzjoni tal-impatt bi tħejjija għal din l-inizjattiva.
Fit-22 ta’ Ottubru 2021, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi dwar il-valutazzjoni tal-impatt ippreżentata fir-rigward ta’ din il-proposta, inklużi diversi suġġerimenti għal titjib. Ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt (IA) reġa’ ġie rivedut skont dawn il-linji, kif spjegat hawn taħt.
L-IA teżamina erba’ għażliet ta’ politika minbarra x-xenarju ta' referenza, jiġifieri l-ebda azzjoni. L-Għażla 1 kienet it-twettiq ta’ azzjoni legali mhux vinkolanti billi jiġi estiż il-mandat ta’ strument eżistenti ta’ rieżami bejn il-pari, il-Kodiċi ta’ Kondotta (it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi). Bħala alternattiva, l-IA eżaminat il-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta rakkomandazzjoni lill-Istati Membri. Madankollu, strumenti legali mhux vinkolanti jistgħu jkunu mistennija li jkunu ta’ effett limitat fis-soluzzjoni tal-problema tal-użu ħażin tal-entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa, din hija kwistjoni transfruntiera u teħtieġ approċċ konsistenti madwar l-UE, li ma jistax jiġi żgurat permezz ta’ liġi mhux vinkolanti.
L-Għażliet 2, 3 u 4 huma regolatorji u jippreskrivu sett ta’ regoli li għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri kollha. Dawn ivarjaw skont sa liema punt qiegħda tintalab il-koordinazzjoni. L-Għażla 2 tipprevedi koordinazzjoni tal-kriterji u tal-proċessi sabiex jiġu identifikati entitajiet fittizji kif ukoll koordinazzjoni dwar it-trattament tagħhom. L-Għażla 3 tinkludi, b’żieda mal-Għażla 2, mekkaniżmu għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni. L-Għażla 4 żżid mal-Għażla 3 preskrizzjoni ta’ sanzjonijiet kontra entitajiet mhux konformi.
L-Għażliet varji tqabblu mal-kriterji li ġejjin: a) l-effettività fit-tnaqqis tal-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji, b) il-qligħ mit-taxxa għall-finanzi pubbliċi, c) il-kostijiet ta’ konformità għan-negozji, d) il-kostijiet ta’ konformità għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, e) l-effetti indiretti fuq is-suq uniku, f) l-effetti indiretti fuq il-kompetizzjoni fost id-ditti, g) l-effetti indiretti fuq il-kompetittività tal-UE, h) l-effetti indiretti – impatti soċjali u i) l-koerenza. It-tqabbil ħareġ fid-dieher li l-Għażliet 2, 3 u 4 jistgħu jkunu mistennija li jkunu effettivi, minkejja l-kostijiet tagħhom, sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din l-inizjattiva. Fosthom, l-Għażla 4 tidher li għandha l-aħjar prestazzjoni. B’mod speċifiku, hija mistennija li tkun dik li tiżgura l-ogħla livell ta’ konformità mill-entitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni, filwaqt li hija koerenti mal-aġenda attwali tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa u tibni fuq sistemi eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni.
Impatti ekonomiċi
Il-valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi kienet soġġetta għal limitazzjonijiet tad-data, minħabba li l-inizjattiva tikkonċerna tip ta’ entità li dwaru hemm nuqqas serju ta’ data u l-ebda definizzjoni aċċettabbli b’mod komuni.
Benefiċċji
Madankollu, l-għażla ppreferuta (l-Għażla 4) hija mistennija jkollha impatt ekonomiku pożittiv. Bħala benefiċċju dirett ewlieni, huwa mistenni li se jkun hemm żieda fil-ġbir tad-dħul mit-taxxa billi jitnaqqas l-użu ħażin tal-entitajiet fittizji fl-UE. Anke tnaqqis żgħir tat-telf stmat attwali tat-taxxa (stmat għal madwar EUR 20 biljun fl-UE) se jirrappreżenta riżorsi pubbliċi addizzjonali sinifikanti. L-Għażla 4 hija l-aktar effettiva peress li l-eżitu tal-identifikazzjoni tal-eżistenza ta’ entità fittizja huwa msaħħaħ b’implikazzjonijiet: l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u reġim komuni ta’ sanzjonijiet fil-livell tal-UE. Xi benefiċċji diretti addizzjonali jistgħu jinkisbu minn tariffi regolatorji minħabba s-sanzjonijiet. L-inizjattiva se tipprovdi wkoll benefiċċji indiretti sinifikanti. Bis-saħħa ta’ din l-azzjoni, se tinġabar informazzjoni siewja sabiex jiġi mifhum aħjar il-fenomenu tal-entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa. Din se tindika wkoll li l-UE ntrabtet li ttemm l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa fi ħdan il-fruntieri tagħha u li tinkoraġġixxi l-konformità mar-regoli tat-taxxa.
Kostijiet
Il-kostijiet ewlenin relatati mal-għażla magħżula huma ż-żieda fil-kostijiet ta’ konformità għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Il-kostijiet tal-konformità mar-regoli tat-taxxa għan-negozju huma mistennija jiżdiedu b’mod limitat. B’mod ġenerali, il-kostijiet għandhom ikunu relattivament limitati minħabba li l-għadd ta’ kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva huwa mistenni li jkun baxx (anqas minn 0,3 % tal-kumpaniji kollha tal-UE), u d-data addizzjonali li trid tiġi rrapportata minn dawk fil-kamp ta’ applikazzjoni għandha tkun faċli sabiex tiġi rkuprata u relattivament sempliċi sabiex tiġi pprovduta. Għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, il-kostijiet huma wkoll mistennija jiżdiedu b’mod modest. L-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandhom jespandu l-kapaċitajiet tagħhom sabiex jamministraw l-informazzjoni li se jkollhom aċċess għaliha, jimplimentaw is-sistemi li jappoġġaw l-iskambju ta’ informazzjoni u jinfurzaw is-sanzjonijiet proposti. Din il-proposta għandha l-għan li, skont id-disinn, issib bilanċ tajjeb bejn l-impatti pożittivi u l-piż addizzjonali. Hemm riskji relatati mal-kapaċità tal-Istati Membri biex jindirizzaw ir-responsabbiltajiet il-ġodda, pereżempju l-ġestjoni tad-deċiżjonijiet tat-taxxa.
Bidliet ewlenin implimentati
L-RSB ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi dwar l-IA. B’mod partikolari, l-RSB innota li l-IA ma hijiex ċara dwar għaliex l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa għandhom jiġu indirizzati flimkien u dwar dak li jiddistingwi bejn l-entitajiet fittizji leġittimi u dawk użati ħażin għal finijiet ta’ taxxa. L-RSB innota wkoll li l-IA ma tipprovdix ħarsa ġenerali suffiċjenti lejn miżuri alternattivi u/jew komplementarji possibbli, lil hinn mill-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, l-RSB innota li l-IA għandha tissaħħaħ fir-rigward tal-istimi kwantitattivi, b’mod partikolari l-kostijiet ta’ konformità għan-negozji, u għandha tirrifletti aħjar il-fehmiet differenti tal-partijiet ikkonċernati fl-analiżi ewlenija. L-Anness I tal-Valutazzjoni tal-Impatt jispjega kif ġew indirizzati l-osservazzjonijiet tal-RSB. Ġew riveduti diversi partijiet tal-IA u ġew miżjuda partijiet ġodda sabiex jiġi indirizzat it-tħassib li tqajjem mill-RSB. L-ewwel nett, ġiet miżjuda taqsima ġdida sabiex tispjega, ukoll permezz ta’ eżempji, kif l-entitajiet fittizji jistgħu jservu kemm il-prattika tal-evitar tat-taxxa kif ukoll tal-evażjoni tat-taxxa b’modi simili u għaliex, għaldaqstant, hemm lok sabiex dawn jiġu indirizzati flimkien. Barra minn hekk, l-IA ġiet riveduta sabiex jiġi ċċarat li d-distinzjoni bejn kumpaniji fittizji leġittimi u mhux leġittimi hija kwistjoni ta’ kif jintużaw aktar milli hija waħda ta’ kostruzzjoni. It-tieni, l-IA ġiet estiża sabiex tirrifletti fid-dettall id-diversi alternattivi kkunsidrati fi stadju bikri sabiex jiġi indirizzat l-użu problematiku ta’ entitajiet fittizji fil-qasam tat-taxxa. F’dan ir-rigward, ġie spjegat għaliex ma ġietx promossa l-għażla li jiġu rregolati l-fornituri ta’ servizzi ta’ trusts u ta’ kumpaniji bħala miżura awtonoma jew komplementarja. Ir-raġunijiet għaliex l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ sustanza tqieset bħala l-għażla adattata għall-fini ukoll ġew analizzati aktar. It-tielet, l-IA ġiet riveduta sabiex tinkludi aktar dettalji dwar l-istima tal-kostijiet ta’ konformità għan-negozju u għall-amministrazzjonijiet, u b’mod partikolari, dettalji dwar ir-raġunament wara l-istimi, argumenti addizzjonali u provi ġodda. Barra minn hekk, diversi taqsimiet tal-parti ewlenija tal-IA ġew riveduti sabiex jinkludu l-kontribut rilevanti tal-partijiet ikkonċernati, miġbur permezz ta’ proċeduri ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi u speċifiċi.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ara d-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Din il-proposta, ladarba tiġi adottata bħala Direttiva, għandha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri sat-30 ta’ Ġunju 2023 u tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2024. Għall-fini tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, l-informazzjoni rilevanti għal kull sena fiskali, inkluża lista ta’ data statistika. L-informazzjoni rilevanti hija stabbilita fl-Artikolu 12 tad-Direttiva.
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill kull ħames snin, li għandu jibda jitqies wara [l-1 ta’ Jannar 2024]. Ir-riżultati ta’ din il-proposta se jiġu inklużi fir-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li se jinħareġ [sal-1 ta’ Jannar 2029].
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Id-Direttiva hija ġeneralment inklużiva u għandha l-għan li tkopri l-impriżi kollha li jistgħu jitqiesu bħala residenti fi Stat Membru għal finijiet ta’ taxxa, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħhom. B’dan il-mod, hija tkopri wkoll arranġamenti legali, bħal sħubijiet, li huma meqjusa bħala residentifiskali fi Stat Membru.
Id-Direttiva għandha fil-mira skema speċifika użata għall-finijiet tal-evitar tat-taxxa jew tal-evażjoni tat-taxxa. L-iskema mmirata tinvolvi l-istabbiliment ta’ impriżi fl-UE li huma preżumibbilment involuti f’attività ekonomika iżda li, fir-realtà, ma jwettqu l-ebda attività ekonomika. Minflok, ir-raġuni li minħabba fiha huma stabbiliti hija li ċerti benefiċċji fuq it-taxxi jitħallew jgħaddu għand is-sid benefiċjarju tagħhom jew għand il-grupp li minnu jagħmlu parti, b’mod sħiħ. Pereżempju, impriża azzjonarja finanzjarja tista’ tiġbor il-pagamenti kollha minn attivitajiet finanzjarji ta’ impriżi fi Stati Membri differenti tal-UE, filwaqt li tieħu vantaġġ mill-eżenzjonijiet mit-taxxi minn ras il-għajn skont id-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties u mbagħad dan l-introjtu jgħaddi lil intrapriża assoċjata f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz b’taxxa baxxa, filwaqt li jiġu sfruttati trattati tat-taxxa favorevoli jew saħansitra dritt fiskali domestiku ta’ Stat Membru speċifiku. Sabiex tiġi indirizzata din l-iskema, din id-Direttiva tistabbilixxi test li se jgħin lill-Istati Membri jidentifikaw impriżi li huma involuti f’attività ekonomika, iżda li ma għandhomx sustanza minima u li huma użati ħażin sabiex jinkisbu benefiċċji fuq it-taxxi. Dan it-test jista’ b’mod komuni jissejjaħ “test tas-sustanza”. Barra minn hekk, id-Direttiva tagħti konsegwenzi tat-taxxa lill-impriżi li ma għandhomx sustanza minima (kumpaniji fittizji). Din tipprevedi wkoll skambju awtomatiku ta’ informazzjoni kif ukoll talba potenzjali minn Stat Membru għal ieħor għal awditi tat-taxxa għal grupp usa’ ta’ impriżi li huma ttrattati bħala fir-riskju (peress li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet) iżda ma humiex neċessarjament neqsin fis-sustanza għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Id-definizzjoni tat-trattament xieraq tat-taxxa u l-iskambju ta’ informazzjoni għandha tiskoraġġixxi l-iskema mmirata billi tinnewtralizza kwalunkwe benefiċċju fuq it-taxxa miksub jew li jista’ jinkiseb.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, id-Direttiva hija strutturata b’tali mod li essenzjalment tirrifletti s-sekwenza loġika ta’ kull pass tat-test tas-sustanza msemmi hawn fuq. Hemm seba’ stadji: l-impriżi li għandhom jirrapportaw (minħabba li jinstabu “fir-riskju”); ir-rapportar; il-possibbiltà li tinkiseb eżenzjoni mir-rapportar minħabba nuqqas ta’ raġunijiet ta’ taxxa; il-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ sustanza minima; il-possibbiltà ta’ konfutazzjoni; il-konsegwenzi tat-taxxa; l-iskambju ta’ informazzjoni b’mod awtomatiku billi d-data ssir disponibbli fuq Direttorju Ċentrali kif ukoll talba potenzjali għat-twettiq ta’ awditu tat-taxxa.
Impriżi li għandhom jirrapportaw
L-ewwel stadju jaqsam id-diversi tipi ta’ impriżi f’dawk fir-riskju għax ma għandhomx sustanza u li jintużaw ħażin għal finijiet ta’ taxxa u f’dawk f’riskju baxx. Il-każijiet ta’ riskju huma dawk li fl-istess ħin jippreżentaw numru ta’ karatteristiċi li normalment jiġu identifikati f’impriżi li ma għandhomx sustanza. Dawn il-kriterji spiss jissejħu “gateway”. Il-każijiet ta’ riskju baxx huma dawk li ma jippreżentaw l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji jew uħud minnhom biss, jiġifieri dawk li ma jgħaddux mill-gateways.
Il-kriterji rilevanti li jistabbilixxu l-gateways għandhom l-għan li jiddistingwu bħala fir-riskju dawk l-impriżi li jidhru li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet transfruntiera li huma ġeografikament mobbli u barra minn hekk li jiddependu fuq impriżi oħrajn għall-amministrazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fornituri ta’ servizzi ta’ partijiet terzi professjonali jew ekwivalenti.
Il-każijiet ta’ riskju baxx li ma jgħaddux mill-gateway huma irrilevanti għall-finijiet tad-Direttiva. Għalhekk, ir-riżorsi jistgħu jiffokaw fuq l-aktar każijiet riskjużi, jiġifieri dawk li jippreżentaw il-karatteristiċi rilevanti kollha u, b’hekk, jgħaddu mill-gateway.
Għaċ-ċertezza tat-taxxa, l-impriżi li jwettqu ċerti attivitajiet jiġu sseparati b’mod espliċitu u għalhekk jitqiesu mill-bidu bħala ta’ riskju baxx u irrilevanti għall-finijiet tad-Direttiva. Dawn jinkludu impriżi li jew ma għaddewx mill-gateway jew, jekk għamlu dan, jinstabu irrilevanti għall-finijiet tad-Direttiva fi stadju aktar tard tat-test. L-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-konċessjonijiet ma għandhomx għalfejn jikkunsidraw jekk jgħaddux mill-gateway.
Rapportar
Huma biss l-impriżi meqjusa fir-riskju fl-ewwel stadju li jipproċedu għat-tieni stadju, li huwa l-qalba tat-test tas-sustanza nnifsu. Minħabba l-fatt li huma fir-riskju, dawn l-impriżi huma mitluba jirrapportaw dwar is-sustanza tagħhom fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom.
Ir-rapportar dwar is-sustanza jfisser l-għoti ta’ informazzjoni speċifika, li normalment diġà tirriżulta mid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-impriża, b’mod li jiffaċilita l-valutazzjoni tal-attività mwettqa mill-impriża. L-enfasi hija fuq ċirkostanzi speċifiċi li normalment ikunu preżenti f’impriża li twettaq attività ekonomika sostanzjali.
Tliet elementi huma meqjusa importanti: l-ewwel nett, bini disponibbli għall-użu esklużiv tal-impriża; it-tieni, mill-anqas kont bankarju wieħed proprju u attiv fl-Unjoni; u t-tielet, mill-anqas direttur wieħed residenti qrib l-impriża u ddedikat għall-attivitajiet tagħha jew, inkella, li għadd suffiċjenti ta’ impjegati tal-impriża li jkunu involuti fl-attivitajiet ewlenin tagħha li jiġġeneraw l-introjtu jkunu residenti qrib l-impriża. Id-dedikazzjoni ta’ direttur għal-attivitajiet tal-impriża tista’ tintwera fil-kwalifiki tiegħu, li għandhom ikunu kwalifiki li jippermettu lid-direttur jaqdi rwol attiv fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, is-setgħat formali li huwa/hija jingħata/tingħata u l-parteċipazzjoni reali tad-direttur fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-impriża. Meta l-ebda direttur bil-kwalifiki meħtieġa ma jkun residenti qrib l-impriża, inkella jkun mistenni li l-impriża jkollha rabta adegwata mal-Istat Membru ta’ residenza fiskali ddikjarat jekk il-biċċa l-kbira tal-impjegati tagħha li jwettqu funzjonijiet ta’ kuljum ikunu residenza fiskali qrib dak l-Istat Membru. It-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jsir ukoll fl-Istat Membru tal-impriża. Dawn l-elementi speċifiċi ntgħażlu abbażi tal-istandard internazzjonali dwar attività ekonomika sostanzjali għal finijiet ta’ taxxa.
Wieħed irid iżomm f’moħħu li dawn l-elementi huma stabbiliti fir-rigward ta’ impriżi b’attivitajiet transfruntiera li huma ġeografikament mobbli u li ma għandhomx riżorsi proprji għall-amministrazzjoni tagħhom stess.
Barra minn hekk, ir-rapportar irid ikun akkumpanjat minn evidenza dokumentarja sodisfaċenti, li għandha tkun mehmuża mad-dikjarazzjoni tat-taxxa wkoll, jekk ma tkunx diġà inkluża. L-evidenza meħtieġa għandha l-għan li tippermetti lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa jivverifikaw direttament il-verità tal-informazzjoni rapportata kif ukoll jifformaw ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni tal-impriża sabiex jikkunsidraw jekk jinbediex awditu tat-taxxa.
Preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ sustanza minima u abbuż fiskali
It-tielet stadju tat-test jippreskrivi l-valutazzjoni xierqa tal-informazzjoni li l-impriża rrapportat fit-tieni stadju f’termini ta’ sustanza. Dan jistabbilixxi kif l-eżitu tar-rapportar, jiġifieri d-dikjarazzjoni tal-impriża li għandha jew ma għandhiex l-elementi rilevanti, għandu jiġi kkwalifikat, mill-anqas mal-ewwel daqqa ta’ għajn.
Impriża li tkun każ ta’ riskju, peress li tkun għaddiet mill-gateway, u li r-rapportar tagħha jwassal ukoll għas-sejba li hemm nuqqas ta’ mill-anqas wieħed mill-elementi rilevanti dwar is-sustanza, għandha tiġi preżunta li hija “fittizja” għall-finijiet tad-Direttiva, jiġifieri ma għandhiex sustanza u li qiegħda tiġi użata ħażin għal finijiet ta’ taxxa.
Impriża li hija każ ta’ riskju iżda li r-rapportar tagħha joħroġ fid-dieher li għandha l-elementi rilevanti kollha ta’ sustanza, għandha tiġi preżunta li ma tkunx “fittizja” għall-finijiet tad-Direttiva. Madankollu, din il-preżunzjoni ma teskludix li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa xorta jsibu li din l-impriża:
·hija kumpanija fittizja għall-finijiet tad-Direttiva minħabba li l-evidenza dokumentarja prodotta ma tikkonfermax l-informazzjoni rapportata; jew
·hija kumpanija fittizja jew nieqsa minn attività ekonomika sostanzjali skont regoli domestiċi għajr din id-Direttiva, filwaqt li titqies l-evidenza dokumentarja prodotta u/jew elementi addizzjonali; jew
·ma hijiex is-sid benefiċjarju ta’ ebda fluss ta’ introjtu mħallas lilha.
Konfutazzjoni
Ir-raba’ stadju jinvolvi d-dritt tal-impriża li hija preżunta li tkun fittizja u użata ħażin għal finijiet ta’ taxxa, għall-finijiet tad-Direttiva, li tagħti prova mod ieħor, jiġifieri li tagħti prova li għandha sustanza jew fi kwalunkwe każ ma tintużax ħażin għal finijiet ta’ taxxa. Din l-opportunità hija importanti ħafna minħabba li t-test tas-sustanza huwa bbażat fuq indikaturi u għaldaqstant, jista’ jonqos milli jkopri l-fatti u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ individwali. Għalhekk, il-kontribwenti se jkollhom dritt effettiv li jiddikjaraw li ma humiex “fittizji” fis-sens tad-Direttiva.
Sabiex jiddikjaraw konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ kumpanija fittizja l-kontribwenti għandhom jipproduċu evidenza konkreta tal-attivitajiet li jwettqu u kif jagħmlu dan. L-evidenza prodotta hija mistennija tinkludi informazzjoni dwar ir-raġunijiet kummerċjali (jiġifieri mhux tat-taxxa) għat-twaqqif u ż-żamma tal-impriża li ma teħtieġx bini u/jew kont bankarju tagħha u/jew ġestjoni jew impjegati ddedikati. Huwa mistenni wkoll li tinkludi informazzjoni dwar ir-riżorsi li din l-impriża tuża sabiex twettaq l-attività tagħha. Huwa mistenni wkoll li tinkludi informazzjoni li tippermetti li tiġi vverifikata r-rabta bejn l-impriża u l-Istat Membru fejn tiddikjara li hija residenti fiskali, jiġifieri li tivverifika li d-deċiżjonijiet ewlenin dwar l-attivitajiet li jiġġeneraw il-valur tal-impriża jittieħdu hemmhekk.
Filwaqt li l-informazzjoni ta’ hawn fuq hija essenzjali u meħtieġa li tiġi prodotta mill-impriża konfutabbli, l-impriża hija ħielsa li tipproduċi informazzjoni addizzjonali sabiex tressaq il-każ tagħha. Din l-informazzjoni mbagħad għandha tiġi vvalutata mill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Istat ta’ residenza fiskali tal-impriża. Meta l-amministrazzjoni tat-taxxa tkun sodisfatta li impriża tikkonfuta l-preżunzjoni li hija kumpanija fittizja għall-finijiet tad-Direttiva, għandha tkun tista’ tiċċertifika l-eżitu tal-proċess ta’ konfutazzjoni għas-sena fiskali rilevanti. Peress li l-proċess ta’ konfutazzjoni probabbilment joħloq piż kemm għall-impriża kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa filwaqt li jwassal għall-konklużjoni li hemm sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa, se jkun possibbli li tiġi estiża l-validità tal-konfutazzjoni għal ħames snin oħra (jiġifieri għal massimu totali ta’ sitt snin), wara s-sena fiskali rilevanti, sakemm iċ-ċirkostanzi legali u fattwali murija mill-impriża ma jinbidlux. Wara dan il-perjodu, l-impriża se jkollha ġġedded il-proċess ta’ konfutazzjoni jekk tkun tixtieq tagħmel dan.
Eżenzjoni minħabba nuqqas ta’ raġunijiet ta’ taxxa
Impriża li tista’ tgħaddi mill-gateway u/jew li ma tissodisfax is-sustanza minima tista’ tintuża għal attivitajiet kummerċjali ġenwini mingħajr ma toħloq benefiċċju tat-taxxa għaliha nnifisha, għall-grupp ta’ kumpaniji li tagħmel parti minnu jew għas-sid benefiċjarju aħħari. Impriża bħal din għandu jkollha opportunità li turi dan, fi kwalunkwe ħin, u li titlob eżenzjoni mill-obbligi ta’ din id-Direttiva.
Sabiex titlob eżenzjoni bħal din, l-impriża hija mistennija tipproduċi elementi li jippermettu li titqabbel l-obbligazzjoni ta’ taxxa tal-istruttura jew tal-grupp li tagħmel parti minnu mal-interpożizzjoni tagħha u mingħajrha. Dan huwa simili għall-eżerċizzju rakkomandat li jitwettaq sabiex jiġu vvalutati kwalunkwe tipi ta’ skemi ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa (ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar ippjanar aggressiv tat-taxxa).
Bħal fil-każ tal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni, l-amministrazzjoni tat-taxxa tal-post ta’ residenza fiskali tal-impriża ddikjarat tista’ titqies li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa l-evidenza rilevanti prodotta mill-impriża. Meta l-amministrazzjoni tat-taxxa tkun sodisfatta li l-interpożizzjoni ta’ impriża speċifika fi ħdan il-grupp ma jkollhiex impatt fuq l-obbligazzjoni ta’ taxxa tal-grupp, għandha tkun tista’ tiċċertifika li l-impriża ma hijiex fir-riskju li tinstab “fittizja” skont din id-Direttiva għal sena fiskali. Peress li l-proċess għall-kisba ta’ eżenzjoni jista’ joħloq piż kemm għall-impriża kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa filwaqt li jwassal għall-konklużjoni li ma hemm l-ebda fini ta’ evitar jew ta’ evażjoni tat-taxxa, se jkun possibbli li tiġi estiża l-validità tal-eżenzjoni għal ħames snin oħra (jiġifieri għal massimu totali ta’ sitt snin), sakemm iċ-ċirkostanzi legali u fattwali murija mill-impriża ma jinbidlux. Wara dan il-perjodu, l-impriża se jkollha tirrepeti l-proċess ta’ talba għal eżenzjoni jekk tixtieq tkompli tkun eżentata u tista’ tissostanzja li tibqa’ intitolata għaliha.
Konsegwenzi
Ladarba impriża tkun preżunta li tkun fittizja għall-finijiet tad-Direttiva, u ma tikkonfutax din il-preżunzjoni, għandhom jibdew il-konsegwenzi tat-taxxa. Dawn il-konsegwenzi għandhom ikunu proporzjonati u jkollhom l-għan li jinnewtralizzaw l-impatt tat-taxxa tagħha, jiġifieri li ma jippermettu l-ebda benefiċċju fuq it-taxxa li nkiseb, jew li jista’ jinkiseb, permezz tal-impriża f’konformità ma’ ftehimiet jew ma' konvenzjonijiet stabbiliti fl-Istat Membru tal-impriża jew ma' Direttivi rilevanti tal-UE, b’mod partikolari d-Direttivi tal-Kunsill 2011/96/UE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti u 2003/49/KE dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti. Fil-fatt, dawn il-vantaġġi ma jkunux permessi jekk il-ftehimiet, il-konvenzjonijiet u d-Direttivi tal-UE rilevanti jiġu injorati fir-rigward tal-impriża li tinstab li ma kellhiex sustanza minima u li ma tatx prova tal-kuntrarju.
Minħabba li sabiex jinkisbu dawn il-vantaġġi, impriża normalment ikollha bżonn tipprovdi ċertifikat ta’ residenza fiskali, sabiex takkomoda għal proċess effiċjenti, l-Istat Membru tar-residenza fiskali tal-kumpanija fittizja jew ma joħroġ l-ebda ċertifikat ta’ residenza fiskali jew inkella joħroġ ċertifikat b’dikjarazzjoni ta’ twissija, jiġifieri li jinkludi dikjarazzjoni espliċita sabiex jiġi evitat l-użu tiegħu għall-finijiet tal-kisba tal-vantaġġi ta’ hawn fuq. Meta ma jinħariġx ċertifikat tar-residenza fiskali jew jinħareġ ċertifikat speċjali, li jinkludi t-twissija deskritta hawn fuq, ma jitwarrbux ir-regoli nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-kumpanija fittizja hija residenti fiskali fir-rigward ta’ kwalunkwe obbligu ta’ taxxa marbut mal-kumpanija fittizja. Dan se jservi biss bħala prattika amministrattiva sabiex il-pajjiż sors jiġi informat li ma għandux jagħti l-benefiċċji tat-trattat dwar it-taxxa tiegħu lill-Istat Membru tal-kumpanija fittizja (jew tad-Direttivi applikabbli tal-UE) għall-pagamenti lejn il-kumpanija fittizja.
Jekk il-benefiċċji fuq it-taxxi mogħtija lill-impriża ma jkunux permessi, għandu jiġi ddeterminat kif il-flussi ta’ introjtu lejn u mill-impriża, kif ukoll kwalunkwe assi li huma tal-impriża, għandhom jiġu intaxxati. B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat liema ġuriżdizzjoni għandu jkollha d-dritt li tintaxxa dawn il-flussi u/jew assi ta’ introjtu. Din id-determinazzjoni ma għandha taffettwa l-ebda taxxa li tista’ tapplika fil-livell tal-kumpanija fittizja nnifisha; hekk, l-Istat Membru tal-kumpanija fittizja jibqa’ ħieles li jkompli jqis il-kumpanija fittizja bħala residenza fiskali fit-territorju tiegħu u japplika t-taxxa fuq il-flussi ta’ introjtu u/jew l-assi rilevanti skont id-dritt nazzjonali tiegħu.
L-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ intaxxar għandha tqis il-ġuriżdizzjonijiet kollha li jistgħu jiġu affettwati minn tranżazzjonijiet li jinvolvu l-kumpanija fittizja. Dawn il-ġuriżdizzjonijiet, ħlief għall-Istat Membru tal-kumpanija fittizja, huma:
(i)Fil-każ ta’ flussi ta’ introjtu: minn naħa waħda, il-ġuriżdizzjoni jew il-ġuriżdizzjoni tas-sors fejn jinsab il-pagatur tal-introjtu u min-naħa l-oħra, il-ġuriżdizzjoni tad-destinazzjoni finali tal-fluss, jiġifieri l-ġuriżdizzjoni tal-azzjonist tal-impriża;
(ii)Fil-każ ta’ assi ta’ proprjetà immobbli: minn naħa waħda, il-ġuriżdizzjoni jew il-ġuriżdizzjoni tas-sors fejn jinsabu l-assi u min-naħa l-oħra, il-ġuriżdizzjoni fejn jirrisjedi s-sid, jiġifieri l-ġuriżdizzjoni tal-azzjonist tal-impriża;
(iii)Fil-każ ta’ assi mobbli ta’ valur, bħal kollezzjonijiet tal-arti, jottijiet eċċ.: il-ġuriżdizzjoni tas-sid, jiġifieri tal-azzjonist tal-impriża.
L-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ intaxxar neċessarjament taffettwa biss lill-Istati Membri, li huma marbuta b’din id-Direttiva, jiġifieri ma taffettwax u ma tistax taffettwa lil pajjiżi terzi. Madankollu, is-sitwazzjonijiet li jinvolvu pajjiżi terzi huma tabilħaqq probabbli li jinħolqu, eż. fejn l-introjtu minn pajjiż terz jgħaddi għall-kumpanija fittizja jew fejn l-azzjonist(i) tal-kumpanija fittizja jkunu f’pajjiż terz jew fejn il-kumpanija fittizja jkollha assi li jinsabu f’pajjiż terz. F’dawn il-każijiet, għandhom jiġu rrispettati kif xieraq il-ftehimiet għall-evitar tat-tassazzjoni doppja bejn Stat Membru u pajjiż terz fir-rigward tal-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ intaxxar. Fin-nuqqas ta’ dawn il-ftehimiet, l-Istat Membru involut se japplika d-dritt nazzjonali tiegħu.
Fid-dettall, jistgħu jiġu previsti erba’ xenarji:
(1)Ġuriżdizzjoni tas-sors ta’ pajjiż terz tal-pagatur – ġuriżdizzjoni tal-kumpaniji fittizji fl-UE – ġuriżdizzjoni(jiet) tal-azzjonist(i) tal-UE
F’dan il-każ, il-ġuriżdizzjoni tas-sors ma hijiex marbuta bid-Direttiva, filwaqt li l-ġuriżdizzjonijiet tal-kumpanija fittizja u tal-azzjonist jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni.
oSors / pagatur ta’ pajjiż terz: jista’ japplika t-taxxa domestika fuq il-pagament li joħroġ mill-pajjiż jew jista’ jiddeċiedi li japplika t-trattat stabbilit bil-ġuriżdizzjoni tal-azzjonist tal-UE
oKumpanija fittizja fl-UE: se tkompli tkun residenti fiskali fl-Istat Membru rispettiv u se jkollha tissodisfa l-obbligi rilevanti skont id-dritt nazzjonali, inkluż billi tirrapporta l-pagament riċevut; tista’ tkun f’pożizzjoni li tipprovdi evidenza tat-taxxa applikata fuq il-pagament
oAzzjonist(i) tal-UE: għandu jinkludi l-pagament riċevut mill-impriża fittizja fl-introjtu taxxabbli tiegħu, skont id-dritt nazzjonali u jista’ jitlob ħelsien minn kwalunkwe taxxa mħallsa fis-sors, f’konformità mat-trattat applikabbli bil-ġuriżdizzjoni tas-sors ta’ pajjiż terz. Se titqies ukoll u titnaqqas kwalunkwe taxxa mħallsa mill-kumpanija fittizja.
(2)Ġuriżdizzjoni tas-sors tal-UE tal-pagatur – ġuriżdizzjoni tal-kumpaniji fittizji fl-UE – ġuriżdizzjoni(jiet) tal-azzjonist(i) tal-UE
F’dan il-każ, il-ġuriżdizzjonijiet kollha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u għalhekk huma marbuta biha.
oSors / pagatur tal-UE: dan mhux se jkollu d-dritt li jintaxxa l-pagament iżda jista’ japplika t-taxxa domestika fuq il-pagament li joħroġ mill-pajjiż sal-punt li ma jkunx jista’ jidentifika jekk l-azzjonist(i) tal-impriża huwiex/humiex fl-UE
oKumpanija fittizja fl-UE: se tkompli tkun residenti fiskali fl-Istat Membru rispettiv u se jkollha tissodisfa l-obbligi rilevanti skont id-dritt nazzjonali, inkluż billi tirrapporta l-pagament riċevut; tista’ tkun f’pożizzjoni li tipprovdi evidenza tat-taxxa applikata fuq il-pagament
oAzzjonist(i) tal-UE: se jinkludi l-pagament riċevut mill-impriża fittizja fl-introjtu taxxabbli tiegħu, skont id-dritt nazzjonali u jista’ jitlob ħelsien minn kwalunkwe taxxa mħallsa fis-sors, inkluż permezz ta’ Direttivi tal-UE. Se titqies ukoll u titnaqqas kwalunkwe taxxa mħallsa mill-kumpanija fittizja.
(3)Ġuriżdizzjoni tas-sors tal-UE tal-pagatur – ġuriżdizzjoni tal-kumpaniji fittizji fl-UE – ġuriżdizzjoni(jiet) tal-azzjonist(i) ta’ pajjiż terz
F’dan il-każ, is-sors u l-ġuriżdizzjoni tal-kumpanija fittizja biss huma marbuta bid-Direttiva filwaqt li l-ġuriżdizzjoni tal-azzjonist ma hijiex.
oSors / pagatur tal-UE: se jintaxxa l-pagament li joħroġ mill-pajjiż skont it-trattat stabbilit bil-ġuriżdizzjoni tal-pajjiż terz tal-azzjonist(i) jew fin-nuqqas ta’ dan it-trattat f’konformità mad-dritt- nazzjonali tiegħu.
oKumpanija fittizja fl-UE: se tkompli tkun residenza fiskali fi Stat Membru u se jkollha tissodisfa l-obbligi rilevanti skont id-dritt nazzjonali, inkluż billi tirrapporta l-pagament riċevut; tista’ tkun f’pożizzjoni li tipprovdi evidenza tat-taxxa applikata fuq il-pagament.
oAzzjonist(i) ta’ pajjiż terz: filwaqt li l-ġuriżdizzjoni tal-pajjiż terz tal-azzjonist(i) ma hijiex obbligata li tapplika ebda konsegwenza, tista’ tintalab tapplika trattat dwar it-taxxa stabbilit mal-Istat Membru tas-sors sabiex tipprovdi ħelsien.
(4)Ġuriżdizzjoni tas-sors ta’ pajjiż terz tal-pagatur – ġuriżdizzjoni tal-kumpaniji fittizji fl-UE – ġuriżdizzjoni(jiet) tal-azzjonist(i) ta’ pajjiż terz
oSors / pagatur ta’ pajjiż terz: jista’ japplika t-taxxa domestika fuq il-pagament li joħroġ mill-pajjiż jew jista’ jiddeċiedi li japplika t-taxxa skont it-trattat dwar it-taxxa stabbilit bil-ġuriżdizzjoni tal-pajjiż terz tal-azzjonist(i) jekk jixtieq ukoll janalizza l-entità fittizja fl-UE.
oKumpanija fittizja fl-UE: se tkompli tkun residenza fiskali fi Stat Membru u tissodisfa l-obbligi rilevanti skont id-dritt nazzjonali, inkluż billi tirrapporta l-pagament riċevut; tista’ tkun f’pożizzjoni li tipprovdi evidenza tat-taxxa applikata fuq il-pagament
oAzzjonist(i) ta’ pajjiż terz: filwaqt li l-ġuriżdizzjoni tal-azzjonist ta' pajjiż terz ma hijiex obbligata li tapplika ebda konsegwenza, tista’ tqis l-applikazzjoni ta' trattat stabbilit mal-ġuriżdizzjoni sors sabiex tipprovdi ħelsien.
Xenarji fejn l-impriżi fittizji li jkunu residenti barra mill-UE jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.
Skambju ta’ informazzjoni
L-Istati Membri kollha se jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-kumpaniji fittizji fl-UE, f’kull ħin u mingħajr il-ħtieġa ta’ rikors għal talba għall-informazzjoni. Għal dan il-għan, l-informazzjoni se tiġi skambjata fost l-Istati Membri fl-ewwel stadju, meta impriża tiġi kklassifikata bħala fir-riskju għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. L-iskambju se japplika wkoll meta l-amministrazzjoni tat-taxxa ta’ Stat Membru tagħmel valutazzjoni bbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkostanzi ta’ każijiet individwali u tiddeċiedi li tiċċertifika li impriża partikolari tkun ikkonfutat il-preżunzjoni li hija fittizja jew li għandha tkun eżentata mill-obbligi skont id-Direttiva. Dan se jiżgura li l-Istati Membri kollha jkunu f’pożizzjoni li jsiru konxji, fi żmien xieraq, mid-diskrezzjoni eżerċitata u mir-raġunijiet għal kull valutazzjoni. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jitolbu wkoll lill-Istat Membru tal-impriża jwettaq awditi tat-taxxa fejn ikollhom raġunijiet sabiex jissuspettaw li l-impriża tista’ ma jkollhiex sustanza minima għall-finijiet tad-Direttiva.
Sabiex dan jinkiseb, l-informazzjoni hi disponibbli għall-Istati Membri kollha li jista’ jkollhom interess fiha fi żmien xieraq, l-informazzjoni se tiġi skambjata awtomatikament permezz ta’ direttorju ċentrali billi jintuża l-mekkaniżmu eżistenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva fi kwistjonijiet tat-taxxa. L-Istati Membri se jiskambjaw l-informazzjoni fix-xenarji kollha ta’ hawn fuq mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien 30 jum minn meta l-amministrazzjoni jkollha din l-informazzjoni. Dan ifisser fi żmien 30 jum minn meta tirċievi d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa jew fi żmien 30 jum minn meta l-amministrazzjoni toħroġ deċiżjoni li tiċċertifika li impriża kkonfutat preżunzjoni jew li għandha tkun eżentata. L-iskambju awtomatiku se jsir ukoll fi żmien 30 jum mill-konklużjoni ta’ awditu ta’ impriża fir-riskju għall-finijiet tad-Direttiva, jekk l-eżitu ta’ dawn l-awditu jkollu impatt fuq l-informazzjoni diġà skambjata jew li kellha tiġi skambjata għal din l-impriża. L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata hija preskritta fl-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva. Il-prinċipju huwa li din l-informazzjoni għandha tippermetti lill-Istati Membri kollha jirċievu l-informazzjoni rapportata mill-impriżi fir-riskju għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Barra minn hekk, meta l-amministrazzjoni ta’ Stat Membru tivvaluta l-konfutazzjoni tal-preżunzjoni jew l-eżenzjoni mill-obbligi tad-Direttiva, l-informazzjoni skambjata għandha tippermetti lil Stati Membri oħrajn jifhmu r-raġunijiet għal din il-valutazzjoni. Stati Membri oħrajn għandhom dejjem ikunu jistgħu jitolbu awditu tat-taxxa minn Stat Membru ieħor dwar kwalunkwe impriża li tgħaddi mill-gateway ta’ din id-Direttiva, jekk ikollhom dubji dwar jekk għandhiex is-sustanza minima meħtieġa. L-Istat Membru li lilu ssir it-talba għandu jwettaq l-awditu tat-taxxa f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u jikkondividi l-eżitu mal-Istat Membru li jagħmel it-talba. Jekk ikun hemm sejba ta’ entità “fittizja”, l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun awtomatiku f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva.
Penali
Il-leġiżlazzjoni proposta tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu penali applikabbli kontra l-ksur tal-obbligi ta’ rapportar previsti minn din id-Direttiva kif trasposti fl-ordni legali nazzjonali. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għandu jinkiseb livell minimu ta’ koordinazzjoni fost l-Istati Membri permezz ta’ sett ta’ penali monetarja minima skont id-dispożizzjonijiet eżistenti fis-settur finanzjarju. Il-penali għandhom jinkludu sanzjoni amministrattiva pekunarja ta’ mill-anqas 5 % tal-fatturat tal-impriża. Dan l-ammont minimu għandu jqis iċ-ċirkostanzi tal-entità speċifika li tirrapporta.
2021/0434 (CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa u li temenda d-Direttiva 2011/16/UE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)L-iżgurar ta’ tassazzjoni ġusta u effettiva fis-suq intern u l-indirizzar tal-evitar u tal-evażjoni tat-taxxa jibqgħu prijoritajiet politiċi għoljin fl-Unjoni. Filwaqt li f'dawn l-aħħar snin sar progress importanti f’dan il-qasam, speċjalment bl-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2016/1164 dwar il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, huma meħtieġa aktar miżuri sabiex jiġu indirizzati prattiki identifikati speċifikament ta’ evitar u ta' evażjoni tat-taxxa, li ma humiex koperti kompletament mill-qafas legali eżistenti tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-gruppi multinazzjonali spiss joħolqu impriżi mingħajr ebda sustanza minima, sabiex inaqqsu l-obbligazzjoni ta’ taxxa ġenerali tagħhom, inkluż billi jittrasferixxu l-profitti lil hinn minn ċerti Stati Membri b’taxxa għolja li fihom iwettqu attività ekonomika u joħolqu valur għan-negozju tagħhom. Din il-proposta tikkomplementa l-progress miksub fit-trasparenza korporattiva permezz ta’ rekwiżiti li jikkonċernaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja introdotta mill-qafas kontra l-ħasil tal-flus, li jindirizza sitwazzjonijiet fejn jinħolqu impriżi sabiex jaħbu sjieda ġenwina, kemm jekk tal-impriżi nfushom kif ukoll jekk tal-assi li jimmaniġġjaw u li għandhom, bħal proprjetà immobbli jew proprjetà ta’ valur għoli.
(2)Huwa rikonoxxut li impriżi mingħajr ebda sustanza minima jistgħu jiġu stabbiliti fi Stat Membru bl-objettiv ewlieni li jiksbu benefiċċju fuq it-taxxa, b’mod partikolari billi jimminaw il-bażi tat-taxxa ta’ Stat Membru ieħor. Filwaqt li xi Stati Membri żviluppaw qafas leġiżlattiv jew amministrattiv sabiex jipproteġu l-bażi tat-taxxa tagħhom minn skemi bħal dawn, ir-regoli rilevanti spiss ikollhom effett limitat, peress li japplikaw biss fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u ma jkoprux b’mod effettiv sitwazzjonijiet li jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed. Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali li japplikaw f’dan il-qasam ivarjaw b’mod sinifikanti madwar l-Unjoni filwaqt li xi Stati Membri ma għandhom l-ebda regola, sabiex jindirizzaw l-użu ħażin ta’ impriżi mingħajr ebda sustanza jew ta’ sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa.
(3)Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Istati Membri kontra l-prattiki ta’ evitar u ta’ evażjoni tat-taxxa marbuta mal-użu ta’ impriżi li ma jwettqux attività ekonomika anke jekk preżumibbilment ikunu involuti f’attività ekonomika u għalhekk ma jkollhom l-ebda sustanza jew ikollhom biss sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa. Dan isir sabiex jiġi żgurat li l-impriżi li ma jkollhomx sustanza minima ma jintużawx bħala strumenti ta’ evażjoni tat-taxxa jew ta' evitar tat-taxxa. Peress li dawk l-impriżi jistgħu jiġu stabbiliti fi Stat Membru wieħed iżda jistgħu jintużaw bl-effett tal-imminar tal-bażi tat-taxxa ta’ Stat Membru ieħor, huwa importanti li jintlaħaq qbil dwar sett komuni ta’ regoli għad-determinazzjoni ta’ x’jenħtieġ li jitqies bħala sustanza insuffiċjenti għal finijiet ta’ taxxa fis-suq intern kif ukoll għad-delinjazzjoni ta’ konsegwenzi speċifiċi tat-taxxa marbuta ma’ din is-sustanza insuffiċjenti. Meta impriża tinstab li għandha sustanza suffiċjenti skont din id-Direttiva, dan jenħtieġ li ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jkomplu joperaw regoli kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, sakemm dawn ikunu konsistenti mad-dritt tal-Unjoni.
(4)Sabiex jiġi żgurat approċċ komprensiv, ir-regoli jenħtieġ li japplikaw għall-impriżi kollha fl-Unjoni li huma taxxabbli fi Stat Membru, irrispettivament mill-forma u mill-istatus ġuridiċi tagħhom, sakemm ikollhom ir-residenza tagħhom għal finijiet ta’ taxxa fi Stat Membru u jkunu eliġibbli sabiex jiksbu ċertifikat ta’ residenza fiskali f’dak l-Istat Membru.
(5)Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern, il-proporzjonalità u l-effettività tar-regoli potenzjali, ikun tajjeb li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jiġi llimitat għal impriżi fir-riskju li jinstabu li ma jkollhomx sustanza minima u li jintużaw bl-objettiv ewlieni li jiksbu benefiċċju fuq it-taxxa. Għalhekk, ikun importanti li jiġi stabbilit kriterju primarju (gateway), fil-forma ta’ sett ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi u indikattivi, sabiex jiġi konkluż liema impriżi huma fir-riskju biżżejjed kif imsemmi qabel sabiex jiġġustifikaw li jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar. L-ewwel kundizzjoni jenħtieġ li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ impriżi preżumibbilment involuti prinċipalment f’attivitajiet ekonomiċi ġeografikament mobbli, peress li l-post fejn jitwettqu dawn l-attivitajiet normalment ikun aktar diffiċli sabiex jiġi identifikat. Attivitajiet bħal dawn normalment iwasslu għal flussi importanti ta’ introjtu passiv. Għalhekk, l-impriżi, li l-introjtu tagħhom jikkonsisti fil-biċċa l-kbira fi flussi ta’ introjtu passiv, jissodisfaw din il-kundizzjoni. Jenħtieġ li jitqies ukoll li l-entitajiet li għandhom assi għall-użu privat, bħal proprjetà immobbli, jottijiet, ġettijiet, xogħlijiet tal-arti, jew ekwità biss, jista’ ma jkollhomx introjtu għal perjodi ta’ żmien itwal, iżda xorta waħda jippermettu benefiċċji sinifikanti tat-taxxa permezz tas-sjieda ta’ dawk l-assi. Peress li sitwazzjonijiet purament domestiċi ma joħolqux riskju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jkunu indirizzati bl-aħjar mod fil-livell domestiku, it-tieni kundizzjoni jenħtieġ li tiffoka fuq impriżi involuti f’attivitajiet transfruntiera. Jenħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment f’attivitajiet transfruntiera fir-rigward, minn naħa waħda, tan-natura tat-tranżazzjonijiet tal-impriża, domestiċi jew barranin, u min-naħa l-oħra, tal-proprjetà tagħha, minħabba li l-entitajiet li għandhom biss assi privati, mhux kummerċjali, ma jistgħux jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet għal żmien konsiderevoli. Barra minn hekk, it-tielet kundizzjoni jenħtieġ li tindika lil dawk l-impriżi li ma għandhom l-ebda riżorsi proprji jew riżorsi proprji mhux adegwati sabiex iwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni ewlenin. F’dan ir-rigward, l-impriżi li ma għandhomx riżorsi proprji adegwati għandhom it-tendenza li jinvolvu lil fornituri terzi ta’ amministrazzjoni, ta' ġestjoni, ta' servizzi ta’ korrispondenza u ta' konformità legali jew li jidħlu fi ftehimiet rilevanti ma’ intrapriżi assoċjati għall-provvista ta’ dawn is-servizzi sabiex jistabbilixxu u jżommu preżenza legali u tat-taxxa. L-esternalizzazzjoni ta’ ċerti servizzi anċillari biss, bħas-servizzi taż-żamma tal-kotba biss, filwaqt li l-attivitajiet ewlenin jibqgħu f’idejn l-impriża, fiha nnifisha ma tkunx biżżejjed sabiex impriża tissodisfa din il-kundizzjoni. Filwaqt li dawn il-fornituri ta’ servizzi jistgħu jiġu rregolati għal finijiet oħrajn, mhux tat-taxxa, l-obbligi tagħhom għal dawn il-finijiet oħrajn ma jistgħux dejjem itaffu r-riskju li jippermettu l-istabbiliment u l-manutenzjoni ta’ impriżi użati ħażin għal prattiki ta’ evitar u ta’ evażjoni tat-taxxa.
(6)Ikun ġust li jiġu esklużi mir-regoli previsti impriżi li l-attivitajiet tagħhom huma soġġetti għal livell adegwat ta’ trasparenza u għalhekk ma jippreżentawx riskju ta’ nuqqas ta’ sustanza għal finijiet ta’ taxxa. Kumpaniji li għandhom titolu trasferibbli ammess għan-negozjar jew elenkat f’suq regolat jew f’faċilità multilaterali tan-negozjar kif ukoll ċerti impriżi finanzjarji li huma regolati ħafna fl-Unjoni, direttament jew indirettament, u soġġetti għal aktar rekwiżiti ta’ trasparenza u superviżjoni, jenħtieġ li bl-istess mod jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Impriżi azzjonarji puri li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni tas-sussidjarja operazzjonali u tas-sid(ien) benefiċjarju(i) tagħhom lanqas ma huma probabbli li jservu l-objettiv li jiksbu benefiċċju fuq it-taxxa. Każ simili huwa dak ta’ impriżi subazzjonarji li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni tal-azzjonist tagħhom jew tal-entità prinċipali aħħarija. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li dawn ukoll jiġu esklużi. L-impriżi li jinvolvu numru adegwat ta’ persuni, full-time u esklużivament, sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom jenħtieġ li bl-istess mod ma jitqisux li ma għandhomx sustanza minima. Filwaqt li ma humiex raġonevolment mistennija li jgħaddu mill-kriterju primarju (gateway), jenħtieġ li dawn jiġu esklużi b’mod espliċitu għal finijiet ta’ ċertezza legali.
(7)Sabiex issir distinzjoni bejn impriżi li huma f’riskju li jinstabu li ma għandhomx sustanza għal finijiet ta’ taxxa u jiġi żgurat li r-regoli jkopru biss impriżi li ma għandhomx sustanza għal finijiet ta’ taxxa, l-impriżi jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar ir-riżorsi tagħhom fl-Istat Membru fejn ikunu residenti fiskali. Din l-informazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi vverifikat li l-impriża għandha r-riżorsi u fil-fatt twettaq attività ekonomika fl-Istat Membru tar-residenza fiskali tagħha u li hemm rabta suffiċjenti bejn l-introjtu jew l-assi tal-impriża u dak l-Istat Membru.
(8)Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-impriżi fir-riskju li jinstabu li ma għandhomx sustanza u li jintużaw bl-objettiv ewlieni li jiksbu benefiċċju fuq it-taxxa jenħtieġ li jiddikjaraw, fid-dikjarazzjoni tat-taxxa annwali tagħhom, li għandhom livell minimu ta’ riżorsi bħal persuni u bini fl-Istat Membru tar-residenza fiskali u jipprovdu evidenza dokumentarja jekk dan ikun il-każ. Filwaqt li huwa rikonoxxut li attivitajiet differenti jistgħu jeħtieġu livell jew tip differenti ta’ riżorsi, ikun mistenni livell minimu komuni ta’ riżorsi fiċ-ċirkostanzi kollha. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li timmira biss li tidentifika s-sustanza tal-impriżi għal finijiet ta’ taxxa u ma tiddubitax ir-rwol li “fornituri ta’ servizzi ta’ trusts jew kumpaniji”, kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom fl-identifikazzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tagħhom u l-finanzjament tat-terroriżmu. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ livell minimu ta’ riżorsi jista’ jitqies bħala indikazzjoni li ma hemmx sustanza meta impriża tkun diġà fir-riskju li tinstab li ma għandhiex sustanza għal finijiet ta’ taxxa. Sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-istandards internazzjonali rilevanti, livell minimu komuni jenħtieġ li jibbaża fuq l-istandards eżistenti tal-Unjoni u dawk internazzjonali dwar attività ekonomika sostanzjali fil-kuntest ta’ reġimi tat-taxxa preferenzjali jew fin-nuqqas ta’ tassazzjoni korporattiva, kif żviluppat fil-kuntest tal-Forum dwar il-Prattiki ta’ Taxxa Dannużi. Huwa meħtieġ li tiġi prevista l-preżentazzjoni ta’ evidenza dokumentarja mad-dikjarazzjoni tat-taxxa b’appoġġ għad-dikjarazzjoni tal-impriża li għandha minimu ta’ riżorsi. Huwa meħtieġ ukoll sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ tifforma opinjoni bbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-impriża u tiddeċiedi jekk tinbediex proċedura tal-awditjar.
(9)Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tat-taxxa, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli komuni dwar il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi. Jenħtieġ li l-impriżi li jissodisfaw il-kriterju primarju (gateway) u konsegwentement ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar jiġu preżunti li ma jkollhomx sustanza suffiċjenti għal finijiet ta’ taxxa jekk jiddikjaraw ukoll li ma jkollhomx wieħed jew aktar mill-elementi li b’mod kumulattiv jikkostitwixxu livell minimu ta’ sustanza, jew ma jipprovdux l-evidenza ta’ sostenn meħtieġa. L-impriżi li jiddikjaraw li għandhom l-elementi kollha tal-livell minimu ta’ sustanza u li jipprovdu d-dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa jenħtieġ li minflok jiġu preżunti li għandhom sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa u jenħtieġ li ma jġarrbu l-ebda obbligu u konsegwenza ulterjuri skont din id-Direttiva. Madankollu, dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe liġi applikabbli u d-dritt tal-amministrazzjoni li twettaq awditu, inkluż abbażi tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn, u li possibbilment tasal għal konklużjoni differenti.
(10)Huwa rikonoxxut li jekk impriża hijiex qiegħda twettaq attivitajiet ekonomiċi għal finijiet ta’ taxxa jew jekk isservix l-aktar għal finijiet ta’ evitar jew ta’ evażjoni tat-taxxa fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni ta’ fatti u ċirkostanzi. Dan jenħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ fir-rigward ta’ kull impriża speċifika. Għalhekk, l-impriżi preżunti li ma għandhomx sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa jenħtieġ li jkunu intitolati li jipprovaw il-kuntrarju, inkluż li jipprovaw li ma jaqdux primarjament objettivi ta’ taxxa, u jikkonfutaw din il-preżunzjoni. Wara li jissodisfaw l-obbligi ta’ rapportar tagħhom skont din id-Direttiva, jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni addizzjonali lill-amministrazzjoni tal-Istat Membru fejn jirrisjedu għal finijiet ta’ taxxa. Filwaqt li jistgħu jipprovdu kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jqisu xierqa, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti rekwiżiti komuni ta’ dak li jista’ jikkostitwixxi evidenza addizzjonali xierqa u għalhekk jenħtieġ li jkunu meħtieġa fil-każijiet kollha. Fejn l-Istat Membru, abbażi ta’ din l-evidenza addizzjonali, iqis li impriża tkun ikkonfutat preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ sustanza b’mod sodisfaċenti, jenħtieġ li jkun jista’ joħroġ deċiżjoni sabiex jiċċertifika li l-impriża għandha sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa f’konformità ma’ din id-Direttiva. Din id-deċiżjoni tista’ tibqa’ valida għall-perjodu li matulu ċ-ċirkostanzi fattwali u legali tal-impriża jibqgħu l-istess u sa sitt snin minn meta tinħareġ id-deċiżjoni. Dan se jippermetti li jiġu llimitati r-riżorsi allokati għal każijiet li jkunu ġew ipprovati li ma humiex fittizji għall-finijiet tad-Direttiva.
(11)Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tipprevjeni l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa li huwa probabbli li jiffjorixxu permezz ta’ azzjonijiet minn impriżi mingħajr sustanza minima, u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tat-taxxa u jittejjeb il-funzjonament xieraq tas-suq intern, huwa ta’ importanza kbira li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ eżenzjonijiet għal impriżi li jissodisfaw il-kriterju primarju iżda li madankollu l-interpożizzjoni tagħhom ma għandha l-ebda impatt vantaġġjuż reali fuq il-pożizzjoni tat-taxxa ġenerali tal-grupp tal-impriża jew tas-sid(ien) benefiċjarju/i. Għal dik ir-raġuni, dawn l-impriżi jenħtieġ li jkunu intitolati jitolbu lill-amministrazzjoni tal-Istat Membru, fejn jirrisjedu għal finijiet ta’ taxxa, sabiex joħorġu deċiżjoni li teżentahom milli jikkonformaw mar-regoli proposti kompletament u bil-quddiem. Din l-eżenzjoni jenħtieġ li tkun limitata wkoll fiż-żmien, sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ tivverifika fuq bażi regolari li ċ-ċirkostanzi fattwali u legali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni jibqgħu validi. Fl-istess ħin, durata potenzjali estiża ta’ din id-deċiżjoni se tippermetti li jiġu limitati r-riżorsi allokati għal każijiet li jenħtieġ li jiġu eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.
(12) Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza tat-taxxa u t-tassazzjoni ġusta fis-suq intern, ikun xieraq li jiġu stabbiliti b’mod espliċitu r-regoli li jispeċifikaw it-trattament għal finijiet ta’ taxxa tal-introjtu li jgħaddi lil jew minn impriżi li nstabu li m'għandhomx sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa u li ma pprovdewx evidenza għall-kuntrarju jew evidenza li ma jaqdux l-objettiv li jinkiseb benefiċċju fuq it-taxxa. Dan l-introjtu jenħtieġ li jkun taxxabbli fl-Istat Membru fejn l-azzjonist(i) tal-impriża jkun(u) residenza fiskali, daqslikieku tħallas direttament lil dawn l-azzjonist(i). Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ tassazzjoni doppja, it-taxxa mħallsa fuq dan l-introjtu fl-Istat Membru tal-impriża, jekk ikun hemm, jenħtieġ li titqies u titnaqqas mit-taxxa pagabbli fl-Istat Membru tal-azzjonist(i) tal-impriża. Jekk l-azzjonisti tal-impriża ma jkunux residenti fiskali fi Stat Membru, dan l-introjtu jenħtieġ li jkun taxxabbli fil-ġuriżdizzjoni ta’ residenza fiskali tal-pagatur, daqslikieku tħallas direttament lill-azzjonist(i) tal-impriża. Jenħtieġ li r-regoli ta’ effett ekwivalenti japplikaw għal sitwazzjonijiet fejn ma jkun hemm l-ebda fluss ta’ introjtu. B’mod partikolari, dan jista’ jseħħ fil-każ ta’ pussess ta’ proprjetà immobbli jew proprjetà oħra ta’ valur għoli ħafna għal finijiet privati biss jew ta’ parteċipazzjonijiet purament fl-ekwità. Meta jitqies li hemm riskju li diversi impriżi mingħajr sustanza minima jiġu stabbiliti f’katina, huwa essenzjali wkoll li jiġi eskluż li l-introjtu jitqies taxxabbli fil-ġuriżdizzjoni ta’ azzjonist li huwa nnifsu impriża mingħajr sustanza minima. L-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ intaxxar f’konformità ma’ ftehimiet u ma' konvenzjonijiet li jipprevedu l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja tal-introjtu, u fejn applikabbli, tal-kapital konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz jenħtieġ li ma tiġix affettwata minn din id-Direttiva.
(13)Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-qafas propost, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti konsegwenzi tat-taxxa xierqa għall-impriżi li ma għandhomx sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa. L-impriżi li jkunu ssodisfaw il-kriterju primarju u li huma preżunti li ma għandhomx sustanza għal finijiet ta’ taxxa filwaqt li, barra minn hekk, ma pprovdewx evidenza għall-kuntrarju jew evidenza li ma jaqdux l-objettiv li jinkiseb benefiċċju fuq it-taxxa, jenħtieġ li ma jitħallewx jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet u ta' konvenzjonijiet li jipprevedu l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja tal-introjtu, u fejn applikabbli, il-kapital, li għalih l-Istat Membru tar-residenza fiskali tagħhom ikun parti u minn kwalunkwe ftehim ieħor, inklużi dispożizzjonijiet fi ftehimiet internazzjonali għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tal-investimenti, b’għan jew effett ekwivalenti. Dawn l-impriżi jenħtieġ li ma jitħallewx jibbenefikaw mid-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE u mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE. Għaldaqstant, dawk l-impriżi jenħtieġ li ma jkunux intitolati għal ċertifikat ta’ residenza fiskali sal-punt li dan iservi sabiex jinkisbu dawk il-benefiċċji. L-Istat Membru fejn l-impriża tkun residenti fiskali jenħtieġ li għalhekk jirrifjuta li joħroġ ċertifikat ta’ residenza fiskali. Inkella, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jkun jista’ joħroġ dan iċ-ċertifikat filwaqt li jindika, permezz ta’ twissija, li jenħtieġ li ma jintużax mill-impriża sabiex jinkisbu benefiċċji tat-taxxa bħal ta’ hawn fuq. Jenħtieġ li dan ir-rifjut ta’ ċertifikat ta’ residenza fiskali, jew inkella tal-ħruġ ta’ ċertifikat speċjali ta’ residenza fiskali, ma jwarrabx ir-regoli nazzjonali tal-Istat Membru tal-impriża fir-rigward tar-residenza fiskali u l-obbligi rilevanti marbuta magħhom. Pjuttost iservi sabiex jikkomunika lil Stati Membri oħrajn, u lil pajjiżi terzi, li jenħtieġ li ma tingħata l-ebda ħelsien jew rifużjoni fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu lil din l-impriża abbażi ta’ kwalunkwe trattat mal-Istat Membru tal-impriża jew tad-Direttivi tal-Unjoni, jekk applikabbli.
(14)Meta jitqies li l-impriżi mingħajr sustanza minima jistgħu jintużaw bil-għan li jinkiseb benefiċċju fuq it-taxxa għad-detriment ta’ Stat Membru għajr dak tar-residenza fiskali tagħhom, l-informazzjoni rilevanti jenħtieġ li tiġi kondiviża mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri interessati kollha jkollhom aċċess f’waqtu għal din l-informazzjoni, jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi skambjata awtomatikament permezz tan-network komuni ta’ komunikazzjoni (“NKK”) żviluppat mill-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi rreġistrata f’direttorju ċentrali sigur dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni disponibbli għall-Istati Membri kollha. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu mitluba jimplimentaw sensiela ta’ arranġamenti prattiċi, inklużi miżuri sabiex tiġi standardizzata l-komunikazzjoni tal-informazzjoni kollha meħtieġa permezz tal-ħolqien ta’ formola standard. Jenħtieġ ukoll li dan jinvolvi l-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti lingwistiċi għall-iskambju previst ta’ informazzjoni u t-titjib tan-NKK skont kif ikun meħtieġ. Fejn meħtieġ, wara l-istadju tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva, jenħtieġ li Stat Membru jkun jista’ jibbaża fuq l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba sabiex tinkiseb informazzjoni addizzjonali dwar l-impriżi li jirrapportaw mill-Istat Membru li lilu dawn l-impriżi jkunu responsabbli li jkunu rrapportaw din l-informazzjoni. Meta jitqies li aktar ma jaslu malajr it-tweġibiet għat-talbiet għall-informazzjoni, aktar ikunu effettivi, huwa xieraq li jiġi żgurat li t-tweġibiet għat-talbiet għall-informazzjoni jiġu pprovduti malajr.
(15)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2011/16/UE tiġi emendata skont dan.
(16)Sabiex tittejjeb l-effettività, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu penali kontra l-ksur tar-regoli nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. Dawn il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza tat-taxxa u livell minimu ta’ koordinazzjoni fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita penali monetarja minima, filwaqt li titqies ukoll is-sitwazzjoni ta’ kull impriża speċifika. Ir-regoli previsti jiddependu fuq l-awtovalutazzjoni mill-impriżi fir-rigward ta’ jekk jissodisfawx il-kriterji primarji jew le. Sabiex tinkiseb l-effettività tad-dispożizzjonijiet, l-inċentivar ta’ konformità adegwata madwar l-Unjoni, filwaqt li jitqies li impriża fittizja fi Stat Membru wieħed tista’ tintuża sabiex timmina l-bażi tat-taxxa ta’ Stat Membru ieħor, huwa importanti li kwalunkwe Stat Membru jkollu d-dritt li jitlob lil Stat Membru ieħor iwettaq awditi tat-taxxa ta’ impriżi fir-riskju li ma jissodisfawx is-sustanza minima kif definita f’din id-Direttiva. Għaldaqstant, sabiex tissaħħaħ l-effettività, huwa essenzjali li l-Istat Membru li lilu ssir it-talba jkollu obbligu li jwettaq dan l-awditjar u li jikkondividi informazzjoni dwar l-eżitu, anke fejn ma jkun hemm l-ebda sejba ta’ entità “fittizja”.
(17)Peress li l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tar-regoli proposti f’kull Stat Membru huma importanti ħafna għall-protezzjoni tal-bażi tat-taxxa ta’ Stati Membri oħrajn, jenħtieġ li din l-implimentazzjoni u infurzar jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni fuq bażi regolari, informazzjoni speċifika, inkluża statistika, dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri nazzjonali adottati skont din id-Direttiva fit-territorju tagħhom.
(18)Sabiex tiġi evalwata l-effettività tar-regoli l-ġodda proposti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji evalwazzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u minn data oħra disponibbli. Ir-rapport tal-Kummissjoni jenħtieġ li jiġi ppubblikat.
(19)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva 2011/16/UE, b’mod partikolari għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tadotta formola standard b’għadd limitat ta’ komponenti, inklużi l-arranġamenti lingwistiċi, l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għat-titjib tad-direttorju ċentrali dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni. Dawk is-setgħat, kif previst fid-Direttiva 2011/16/UE, jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(20)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(21)Kwalunkwe proċessar ta’ data personali mwettaq fil-qafas tad-Direttiva 2011/16/UE jenħtieġ li jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mar-Regolament (UE) 2018/1725. L-ipproċessar tad-data huwa stabbilit fid-Direttiva 2011/16/UE bl-objettiv biss li jservi interess pubbliku ġenerali, jiġifieri l-kwistjonijiet tat-tassazzjoni u l-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, is-salvagwardja tad-dħul mit-taxxa u l-promozzjoni tat-tassazzjoni ġusta, li jsaħħu l-opportunitajiet għall-inklużjoni soċjali, politika u ekonomika fl-Istati Membri.
(22)Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista’, minħabba l-fatt li dawn l-impriżi normalment ikunu stabbiliti fi Stat Membru wieħed iżda jintużaw b’mod li jkollu impatt fuq il-bażi tat-taxxa ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi indikaturi ta’ sustanza minima għall-impriżi fl-Istati Membri u regoli dwar it-trattament għal finijiet ta’ taxxa ta’ dawk l-impriżi li ma jissodisfawx l-indikaturi.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Direttiva tapplika għall-impriżi kollha li huma meqjusa residenti fiskali u li huma eliġibbli li jirċievu ċertifikat ta’ residenza fiskali fi Stat Membru.
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal atti legali oħra tal-Unjoni.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“impriża” tfisser kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li hija residenti fiskali fi Stat Membru;
(2)“sena fiskali” tfisser sena fiskali, sena kalendarja jew kwalunkwe perjodu ieħor xieraq għal finijiet ta’ taxxa;
(3)“dħul” tfisser is-somma tal-fatturat nett, introjtu operatorju ieħor, introjtu minn interessi parteċipanti, inklużi dividendi riċevuti minn impriżi affiljati, introjtu minn investimenti oħra u self ieħor li jifformaw parti mill-assi fissi, imgħax ieħor riċevibbli u introjtu simili kif elenkat fl-Annessi V u VI tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(4)“Stat Membru tal-impriża” tfisser l-Istat Membru fejn l-impriża hija resident fiskali;
(5)“sid benefiċjarju” tfisser sid benefiċjarju kif definit fil-Artikolu 3(6) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(6)“azzjonisti tal-impriża” tfisser l-individwi jew l-entitajiet li għandhom direttament ishma, interessi, involvimenti, parteċipazzjonijiet, drittijiet ta’ sħubija, intitolament għal benefiċċji jew kwalunkwe dritt jew intitolamenti ekwivalenti fl-impriża u fil-każ ta’ parteċipazzjonijiet indiretti, dawk l-individwi jew l-entitajiet li għandhom interess fl-impriża permezz ta’ impriża waħda jew katina ta’ impriżi li l-ebda waħda minnhom ma tissodisfa l-indikaturi ta' sustanza minima stabbiliti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 4
Introjtu rilevanti
Għall-finijiet tal-Kapitoli II u III “introjtu rilevanti” għandha tfisser introjtu li jaqa’ taħt kwalunkwe waħda mill-kategoriji li ġejjin:
(a)imgħax jew kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat minn assi finanzjarji, inklużi l-kriptoassi, kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 3(1) tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937;
(b)royalties jew kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat minn proprjetà intellettwali jew permessi negozjabbli;
(c)dividendi u introjtu miċ-ċessjoni ta’ ishma;
(d)introjtu minn self finanzjarju;
(e)dħul minn proprjetà immobbli;
(f)introjtu minn proprjetà immobbli, għajr flus kontanti, ishma jew titoli, miżmuma għal finijiet privati u b’valur kontabilistiku ta’ aktar minn miljun euro.
(g)dħul minn attivitajiet tal-assigurazzjoni, attivitajiet bankarji u attivitajiet finanzjarji oħrajn;
(h)introjtu minn servizzi li l-impriża tkun esternalizzat lil intrapriżi assoċjati oħrajn.
Artikolu 5
Intrapriża assoċjata
1.Għall-finijiet tal-Artikoli 4 u 7, “intrapriża assoċjata” għandha tfisser persuna li hija relatata ma’ persuna oħra bi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:
(a)persuna tipparteċipa fil-ġestjoni ta’ persuna oħra billi tkun f’pożizzjoni li teżerċita influwenza sinifikanti fuq il-persuna l-oħra;
(b)persuna tipparteċipa fil-kontroll ta’ persuna oħra permezz ta’ parteċipazzjoni li taqbeż il-25 % tad-drittijiet tal-vot;
(c)persuna tipparteċipa fil-kapital ta’ persuna oħra permezz ta’ dritt ta’ sjieda li, direttament jew indirettament, jaqbeż il-25 % tal-kapital;
(d)persuna tkun intitolata għal 25 % jew aktar tal-profitti ta’ persuna oħra.
2.Jekk aktar minn persuna waħda tipparteċipa fil-ġestjoni, fil-kontroll, fil-kapital jew fil-profitti tal-istess persuna, kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-persuni kollha kkonċernati għandhom jitqiesu bħala intrapriżi assoċjati.
Jekk l-istess persuni jipparteċipaw fil-ġestjoni, fil-kontroll, fil-kapital jew fil-profitti ta’ aktar minn persuna waħda, kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-persuni kkonċernati kollha għandhom jitqiesu bħala intrapriżi assoċjati.
3.Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, persuna għandha tfisser kemm persuni ġuridiċi kif ukoll persuni fiżiċi. Persuna li taġixxi flimkien ma’ persuna oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-vot jew tas-sjieda tal-kapital ta’ entità għandha tiġi ttrattata bħala li għandha parteċipazzjoni fid-drittijiet kollha tal-vot jew fis-sjieda tal-kapital ta’ dik l-entità li huma miżmuma mill-persuna l-oħra.
4.F’parteċipazzjonijiet indiretti, it-twettiq tal-kriterji stabbiliti fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandu jiġi ddeterminat billi jiġu mmultiplikati r-rati ta’ parteċipazzjoni fil-livelli suċċessivi. Persuna li jkollha iżjed minn 50 % tad-drittijiet tal-vot għandha titqies li għandha 100 %.
Individwu, il-konjuġi tiegħu u l-axxendenti jew id-dixxendenti diretti tiegħu għandhom jiġu ttrattati bħala persuna waħda.
KAPITOLU II
IDENTIFIKAZZJONI TA’ IMPRIŻI LI MA JISSODISFAWX INDIKATURI TA’ SUSTANZA MINIMA GĦAL FINIJIET TA’ TAXXA
Artikolu 6
Impriżi li jirrapportaw
1.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 7:
(a)aktar minn 75 % tad-dħul li jakkumula għall-impriża fis-sentejn tat-taxxa preċedenti huwa introjtu rilevanti;
(b)l-impriża hija involuta f’attività transfruntiera għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(i)aktar minn 60 % tal-valur kontabilistiku tal-assi tal-impriża li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(e) u (f) kien jinsab barra mill-Istat Membru tal-impriża fis-sentejn tat-taxxa preċedenti;
(ii)mill-anqas 60 % tal-introjtu rilevanti tal-impriża jinkiseb jew jitħallas permezz ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera;
(c)fis-sentejn tat-taxxa preċedenti, l-impriża esternalizzat l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kuljum u t-teħid tad-deċiżjonijiet dwar funzjonijiet sinifikanti.
Impriża li jkollha assi li jistgħu jiġġeneraw introjtu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(e) u (f) għandha titqies ukoll li tissodisfa l-kriterju stabbilit fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, irrispettivament minn jekk l-introjtu minn dawn l-assi jkunx akkumula lill-impriża fis-sentejn tat-taxxa preċedenti, jekk il-valur kontabilistiku ta’ dawn l-assi jkun aktar minn 75 % tal-valur kontabilistiku totali tal-assi tal-impriża.
Impriża li jkollha assi li jistgħu jiġġeneraw introjtu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) għandha titqies ukoll li tissodisfa l-kriterju stabbilit fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, irrispettivament minn jekk l-introjtu minn dawn l-assi jkunx akkumula lill-impriża fis-sentejn tat-taxxa preċedenti, jekk il-valur kontabilistiku ta’ dawn l-assi jkun aktar minn 75 % tal-valur kontabilistiku totali tal-assi tal-impriża.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jaqgħu fi ħdan kwalunkwe waħda mill-kategoriji li ġejjin ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 7:
(a)kumpaniji li għandhom titolu trasferibbli ammess għan-negozjar jew elenkat f’suq regolat jew f’faċilità multilaterali tan-negozjar kif definit skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)impriżi finanzjarji regolati;
(c)impriżi li l-attività ewlenija tagħhom hi li jkollhom ishma f’negozji operazzjonali fl-istess Stat Membru filwaqt li s-sidien benefiċjarji tagħhom huma wkoll residenti fiskali fl-istess Stat Membru;
(d)impriżi b’attivitajiet ta’ parteċipazzjoni li huma residenti fiskali fl-istess Stat Membru tal-azzjonist(i) tal-impriża jew l-entità prinċipali aħħarija, kif definit fil-punt 7 tat-Taqsima I tal-Anness III tad-Direttiva 2011/16/UE;
(e)impriżi b’mill-anqas ħames impjegati jew membri tal-persunal ekwivalenti full-time proprji li esklużivament iwettqu l-attivitajiet li jiġġeneraw l-introjtu rilevanti;
Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu japplika għall-“impriżi finanzjarji regolati” li ġejjin:
(a)istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)ditta tal-investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(c)maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIFM) kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), inkluż maniġer ta’ Euveca skont ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, maniġer ta’ Eusef skont ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u maniġer ta’ Eltif skont ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(d)kumpanija tal-maniġment ta’ impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(e)impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(f)impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;
(g)istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali kif definita fil-punt (6) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(h)istituzzjonijiet tal-pensjoni li joperaw skemi ta’ pensjoni li huma kunsidrati bħala skemi tas-sigurtà soċjali koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll kwalunkwe entità ġuridika stabbilita għall-fini ta’ investiment ta’ skemi bħal dawn;
(i)fond ta’ investiment alternattiv (AIF) ġestit minn AIFM kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE jew AIF taħt superviżjoni skont id-dritt nazzjonali applikabbli;
(j)UCITS skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;
(k)kontroparti ċentrali kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(l)depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(m)strumenti ta’ għan speċjali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 211 tad-Direttiva 2009/138/KE;
(n) “entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni” kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(o)kumpanija holding tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (f) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE jew kumpanija holding finanzjarja mħallta kif definita fil-punt (h) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, li hija parti minn grupp tal-assigurazzjoni li huwa soġġett għal superviżjoni fil-livell tal-grupp skont l-Artikolu 213 ta’ dik id-Direttiva u li ma huwiex eżentat mis-superviżjoni tal-grupp skont l-Artikolu 214(2) tad-Direttiva 2009/138/KE;
(p)istituzzjoni ta’ pagament kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(q)istituzzjoni tal-flus elettroniċi kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(r)fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(s)fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 3(1) tal-[proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937] meta jwettaq servizz wieħed jew aktar tal-kriptoassi kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 3(1) tal-[proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937].
Artikolu 7
Indikaturi ta’ sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa
1.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) jiddikjaraw fid-dikjarazzjoni tat-taxxa annwali tagħhom, għal kull sena fiskali, jekk jissodisfawx l-indikaturi li ġejjin ta’ sustanza minima:
(a)l-impriża għandha l-bini tagħha stess fl-Istat Membru, jew bini għall-użu esklużiv tagħha;
(b)l-impriża għandha mill-anqas kont bankarju wieħed proprju u attiv fl-Unjoni;
(c)waħda mill-approvazzjonijiet li ġejjin:
(i)Direttur wieħed jew aktar tal-impriża:
(1)huma residenti fiskali fl-Istat Membru tal-impriża, jew f’ distanza minn dak l-Istat Membru li tkun kompatibbli mat-twettiq xieraq tad-dmirijiet tagħhom;
(2)huma kwalifikati u awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet li jiġġeneraw introjtu rilevanti għall-impriża jew fir-rigward tal-assi tal-impriża;
(3)jużaw b’mod attiv u indipendenti l-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (2) fuq bażi regolari;
(4)ma humiex impjegati ta’ intrapriża li ma hijiex intrapriża assoċjata u li ma jwettqux il-funzjoni ta’ direttur jew ekwivalenti ta’ intrapriżi oħrajn li ma humiex intrapriżi assoċjati;
(ii)il-maġġoranza tal-impjegati ekwivalenti full-time tal-impriża huma residenti fiskali fl-Istat Membru tal-impriża, jew f’distanza minn dak l-Istat Membru li tkun kompatibbli mat-twettiq xieraq tad-dmirijiet tagħhom, u dawn l-impjegati jkunu kwalifikati sabiex iwettqu l-attivitajiet li jiġġeneraw introjtu rilevanti għall-impriża.
2.L-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jakkumpanjaw id-dikjarazzjoni tar-ritorn tat-taxxa tagħhom b’evidenza dokumentarja. L-evidenza dokumentarja għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-indirizz u t-tip ta’ bini;
(b)l-ammont ta’ dħul gross u t-tip tiegħu;
(c)l-ammont ta’ spejjeż tan-negozju u t-tip tagħhom;
(d)it-tip ta’ attivitajiet ta’ negozju mwettqa sabiex jiġi ġġenerat l-introjtu rilevanti;
(e)l-għadd ta’ diretturi, il-kwalifiki, l-awtorizzazzjonijiet u l-post ta’ residenza fiskali tagħhom jew l-għadd ta’ impjegati ekwivalenti full-time li jwettqu l-attivitajiet kummerċjali li jiġġeneraw l-introjtu rilevanti u l-kwalifiki tagħhom, il-post ta’ residenza fiskali tagħhom;
(f)l-attivitajiet ta’ negozju esternalizzati;
(g)in-numru tal-kont bankarju, kwalunkwe mandat mogħti għall-aċċess tal-kont bankarju u għall-użu jew il-ħruġ ta’ struzzjonijiet ta’ pagament u evidenza tal-attività tal-kont.
Artikolu 8
Preżunzjoni ta’ sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa
1.Impriża li tiddikjara li tissodisfa l-indikaturi kollha tas-sustanza minima stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u li tipprovdi l-evidenza dokumentarja ta’ sostenn sodisfaċenti f’konformità mal-Artikolu 7(2) għandha tiġi preżunta li għandha sustanza minima għas-sena fiskali.
2.Impriża li tiddikjara li ma tissodisfax wieħed jew aktar mill-indikaturi stabbiliti fl-Artikolu 7(1) jew li ma tipprovdix evidenza dokumentarja ta’ sostenn sodisfaċenti f’konformità mal-Artikolu 7(2) għandha tiġi preżunta li ma għandhiex sustanza minima għas-sena fiskali.
Artikolu 9
Konfutazzjoni tal-preżunzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jippermettu lill-impriżi li huma preżunti li ma għandhomx sustanza minima skont l-Artikolu 8(2) jikkonfutaw din il-preżunzjoni billi jipprovdu kwalunkwe evidenza ta’ sostenn addizzjonali tal-attivitajiet kummerċjali li jwettqu sabiex jiġġeneraw introjtu rilevanti.
2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-impriżi għandhom jipprovdu l-evidenza addizzjonali li ġejja:
(a)dokument li jippermetti li tiġi aċċertata r-raġuni kummerċjali għall-istabbiliment tal-impriża;
(b)informazzjoni dwar il-profili tal-impjegati, inklużi l-livell tal-esperjenza tagħhom, is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom fl-organizzazzjoni, ir-rwol u l-pożizzjoni ġenerali fl-organigramma, it-tip tal-kuntratt tal-impjieg tagħhom, il-kwalifiki u d-durata tal-impjieg tagħhom;
(c)evidenza konkreta li t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-attività li tiġġenera l-introjtu rilevanti qiegħed iseħħ fl-Istat Membru tal-impriża.
3.Stat Membru għandu jittratta impriża bħala waħda li kkonfutat il-preżunzjoni jekk l-evidenza li l-impriża pprovdiet skont il-paragrafu 2 tagħti prova li l-impriża wettqet u kontinwament kellha kontroll fuq, u ġarrbet ir-riskji tal-attivitajiet tan-negozju li ġġeneraw l-introjtu rilevanti jew, fin-nuqqas ta’ introjtu, l-assi tal-impriża.
4.Wara tmiem is-sena fiskali li għaliha l-impriża kkonfutat il-preżunzjoni b’suċċess, f’konformità mal-paragrafu 3, Stat Membru jista’ jikkunsidra għal perjodu ta’ ħames snin li l-impriża kkonfutat il-preżunzjoni bil-kundizzjoni li ċ-ċirkostanzi fattwali u legali tal-impriża jibqgħu l-istess matul dan il-perjodu.
Artikolu 10
Eżenzjonijiet
1.Stat Membru għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jippermetti lil impriża li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) titlob eżenzjoni mill-obbligi tagħha skont din id-Direttiva jekk l-eżistenza tal-impriża ma tnaqqasx l-obbligazzjoni ta’ taxxa tas-sid(ien) benefiċjarju/i tagħha jew tal-grupp, kollu, li l-impriża hija membru tiegħu.
2.Stat Membru jista’ jagħti dik l-eżenzjoni għal sena fiskali waħda jekk l-impriża tipprovdi evidenza suffiċjenti u oġġettiva li l-interpożizzjoni tagħha ma twassalx għal benefiċċju tat-taxxa għas-sid(ien) benefiċjarju/i tagħha jew għall-grupp kollu, skont il-każ. Dik l-evidenza għandha tinkludi informazzjoni dwar l-istruttura tal-grupp u l-attivitajiet tiegħu. Dik l-evidenza għandha tippermetti li jitqabbel l-ammont ta’ taxxa globali dovuta mis-sid(ien) benefiċjarju/i jew mill-grupp kollu, skont il-każ, skont il-każ, b’kont meħud tal-interpożizzjoni tal-impriża, mal-ammont li jkun dovut fl-istess ċirkostanzi fin-nuqqas tal-impriża.
3.Wara t-tmiem is-sena fiskali li għaliha ngħatat eżenzjoni f’konformità mal-paragrafu 2, Stat Membru jista’ jestendi l-validità tal-eżenzjoni għal ħames snin bil-kundizzjoni li ċ-ċirkostanzi fattwali u legali tal-impriża, inklużi tas-sid(ien) benefiċjarju/i u tal-grupp, skont il-każ, jibqgħu l-istess fil-perjodu rilevanti.
KAPITOLU III
TRATTAMENT TAT-TAXXA TA’ IMPRIŻI LI MA GĦANDHOMX SUSTANZA MINIMA GĦAL FINIJIET TA’ TAXXA
Artikolu 11
Konsegwenzi tat-taxxa f’każ ta’ nuqqas ta’ sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tal-impriża
1.L-Istati Membri għajr l-Istat Membru tal-impriża għandhom jinjoraw kwalunkwe ftehim u konvenzjoni li jipprevedu l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja fuq l-introjtu, u fejn applikabbli, il-kapital, fis-seħħ mal-Istat Membru tal-intrapriża kif ukoll l-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Direttiva 2011/96/UE u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/49/KE, sa fejn dawk id-Direttivi japplikaw minħabba li l-impriża titqies li hija residenti fiskali fi Stat Membru, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)impriża hija preżunta li ma għandhiex sustanza minima;
(b)impriża ma tikkonfutax il-preżunzjoni msemmija fil-punt (a) għal sena fiskali.
2.L-Istat Membru tal-azzjonist(i) tal-intrapriża għandu jintaxxa l-introjtu rilevanti tal-impriża f’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu daqslikieku kien akkumula direttament lill-azzjonist(i) tal-intrapriża u jnaqqas kwalunkwe taxxa mħallsa fuq dan l-introjtu fl-Istat Membru tal-impriża, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)l-introjtu rilevanti jakkumula għal impriża li hija preżunta li ma għandhiex sustanza minima;
(b)l-impriża ma tikkonfutax il-preżunzjoni msemmija fil-punt (a);
(c)kemm l-azzjonisti tal-impriża kif ukoll il-pagatur huma residenti fiskali fi Stat Membru.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika minkejja kwalunkwe ftehim jew konvenzjoni li tipprevedi l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja tad-dħul, u fejn applikabbli, tal-kapital, fis-seħħ ma’ Stat Membru ieħor.
Meta l-pagatur ma jkunx residenti fiskali fi Stat Membru, l-Istat Membru tal-azzjonist(i) tal-impriża għandu jintaxxa l-introjtu rilevanti li jakkumula lill-impriża f’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu daqslikieku kien akkumula direttament lill-azzjonist(i) tal-impriża, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim jew konvenzjoni li tipprevedi l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja fuq l-introjtu, u fejn applikabbli, fuq il-kapital, fis-seħħ bejn l-Istat Membru tal-azzjonisti tal-intrapriża u l-ġuriżdizzjoni tal-pajjiż terz tal-pagatur;
Meta l-azzjonist(i) tal-impriża ma jkunx residenti fiskali fi Stat Membru, l-Istat Membru tal-pagatur ta’ dan l-introjtu għandu japplika t-taxxa minn ras il-għajn f’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim jew konvenzjoni li tipprevedi l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja fuq l-introjtu, u fejn applikabbli, fuq il-kapital, fis-seħħ mal-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz tal-azzjonist(i) tal-intrapriża.
3.Meta l-proprjetà msemmija fl-Artikolu 4 tkun proprjetà ta’ impriża li tkun preżunta li ma jkollhiex sustanza minima u ma tikkonfutax din il-preżunzjoni:
(a)l-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 4 għandu jintaxxa din il-proprjetà skont id-dritt nazzjonali tiegħu, daqslikieku din il-proprjetà kienet direttament proprjetà tal-azzjonist(i) tal-impriża, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim jew konvenzjoni li tipprevedi l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja fuq l-introjtu, u fejn applikabbli, il-kapital, fis-seħħ mal-ġuriżdizzjoni tal-azzjonist(i) tal-impriża;
(b)l-Istat Membru tal-azzjonist(i) tal-impriża għandu jintaxxa din il-proprjetà f’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu daqslikieku kienet direttament proprjetà tal-azzjonist(i) tal-impriża, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim jew konvenzjoni li tipprevedi l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja tal-introjtu, u fejn applikabbli, il-kapital, fis-seħħ mal-ġuriżdizzjoni fejn tinsab il-proprjetà.
Artikolu 12
Konsegwenzi tat-taxxa f’każ ta’ nuqqas ta’ sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa fl-Istat Membru tal-impriża
Meta impriża ma jkollhiex sustanza minima għal finijiet ta’ taxxa fl-Istat Membru fejn tkun residenti fiskali, dak l-Istat Membru għandu jieħu kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin:
(a)jirrifjuta talba għal ċertifikat ta’ residenza fiskali lill-impriża għall-użu barra mill-ġuriżdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru;
(b)jagħti ċertifikat ta’ residenza fiskali li jippreskrivi li l-impriża ma hijiex intitolata għall-benefiċċji ta’ ftehimiet u konvenzjonijiet li jipprevedu l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja tal-introjtu, u fejn applikabbli, tal-kapital, u ta’ ftehimiet internazzjonali b'fini jew effett simili u tal-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Direttiva 2011/96/UE u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/49/KE.
KAPITOLU IV
SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI
Artikolu 13
Emendi għad-Direttiva 2011/16/KE
Id-Direttiva 2011/16/UE hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 3, il-punt 9 huwa emendat kif ġej:
(a)il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a) għall-finijiet tal-Artikolu 8(1) u l-Artikoli 8a sa 8ad, il-komunikazzjoni sistematika ta’ informazzjoni definita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, f’intervalli regolari stabbiliti minn qabel; għall-finijiet tal-Artikolu 8(1), ir-referenza għall-informazzjoni disponibbli hija relatata mal-informazzjoni fil-fajls tat-taxxa tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni, li tista’ tiġi rkuprata f’konformità mal-proċeduri dwar il-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni f’dak l-Istat Membru;”
(b)il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(c) għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva minbarra l-Artikolu 8(1) u (3a) u l-Artikoli 8a sa 8ad, il-komunikazzjoni sistematika ta’ informazzjoni definita minn qabel provduta fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-punt.”
(2)Fit-Taqsima II tal-Kapitolu II, jiżdied l-Artikolu 8ad li ġej:
“Artikolu 8ad
Kamp ta’ applikazzjoni u kondizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni dwar l-impriżi li huma meħtieġa jirrapportaw dwar indikaturi ta’ sustanza minima
1.L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li tirċievi informazzjoni minn impriża stabbilita fit-territorju tagħha f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill [OP] (daħħal it-titolu sħiħ u r-referenza tal-ĠU)* għandha, permezz ta’ skambju awtomatiku, u fi żmien 30 jum mill-wasla ta’ dik l-informazzjoni, tikkomunika din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn kollha f’konformità mal-paragrafu 4 u mal-arranġamenti prattiċi applikabbli adottati bis-saħħa tal-Artikolu 21.
2.L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li tiċċertifika li impriża kkonfutat il-preżunzjoni f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva [OP] jew li impriża hija eżentata f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva għandha, permezz ta’ skambju awtomatiku, u fi żmien 30 jum minn din iċ-ċertifikazzjoni, tikkomunika din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn kollha, f’konformità mal-arranġamenti prattiċi applikabbli adottati bis-saħħa tal-Artikolu 21.
3.L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li tikkonkludi inkluż permezz ta’ awditu, skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, li impriża ma tissodisfax l-indikaturi tas-sustanza minima stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva [OP] għandha, permezz ta’ skambju awtomatiku, u fi żmien 30 jum mid-data ta’ meta l-eżitu tal-awditjar isir definittiv, tikkomunika din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn kollha, f’konformità mal-arranġamenti prattiċi applikabbli adottati bis-saħħa tal-Artikolu 21.
4.L-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont il-paragrafu 1 rigward kull impriża għandha tinkludi dan li ġej:
(a)in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (TIN) tal-impriża meħtieġa li tirrapporta skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva [OP];
(b)in-numru tal-VAT, fejn disponibbli, tal-impriża meħtieġa li tirrapporta skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva [OP];
(c)l-identifikazzjoni tal-azzjonisti tal-impriża u tas-sid(ien) benefiċjarju/i tal-impriża, kif definit fl-Artikolu 3(5) u (6);
(d)l-identifikazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn, jekk ikun hemm, li huwa probabbli li jkunu mħassba dwar ir-rapportar tal-impriża;
(e)l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna fl-Istati Membri l-oħrajn li huwa probabbli li jiġu affettwati mir-rapportar tal-impriża;
(f)id-dikjarazzjoni pprovduta mill-impriża, f’konformità mal-Artikolu 7(1);
(g)sommarju tal-evidenza pprovduta mill-impriża f’konformità mal-Artikolu 7(2).
5.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont il-paragrafu 2 għandha tinkludi wkoll dan li ġej:
(h)iċ-ċertifikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-impriża kkonfutat il-preżunzjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva [OP] jew li l-impriża hija eżentata mir-rapportar f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva;
(i)sommarju tal-evidenza addizzjonali kkunsidrata rilevanti mill-awtorità kompetenti għall-ħruġ taċ-ċertifikazzjoni li l-preżunzjoni ġiet ikkonfutata skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva [OP] jew li l-impriża hija eżentata mir-rapportar skont l-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva.
6.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont il-paragrafu 3 għandha tinkludi wkoll ir-rapport tal-awditjar fejn dan ir-rapport jinħareġ mill-awtorità kompetenti.
7.Sabiex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-Artikolu, inklużi miżuri sabiex tiġi standardizzata l-komunikazzjoni tal-informazzjoni stabbilita fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 26(2).
8.Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, “impriża” għandha tfisser impriża kif definita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [OP].
9.L-informazzjoni proċessata għandha tinżamm għal ħames snin u fi kwalunkwe każ mhux aktar milli meħtieġ sabiex jintlaħqu l-finijiet ta’ din id-Direttiva.
10.L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-data u l-Kummissjoni għandha titqies bħala proċessur tad-data.
11.L-Istati Membri fil-każ ta’ żvelar mhux awtorizzat tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 4 jistgħu jiddeċiedu li jissospendu, bħala miżura ta’ mitigazzjoni, l-iskambji ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva mal-Istat Membru fejn tkun seħħ l-iżvelar mhux awtorizzata.”
(3)fl-Artikolu 20, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5.Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta formoli standard, inklużi l-arranġamenti lingwistiċi, fil-każijiet li ġejjin:
(a)għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet antiċipati transfruntiera u arranġamenti preliminari ta’ prezzijiet ta' trasferiment skont l-Artikolu 8a qabel l-1 ta’ Jannar 2017;
(b)għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar arranġamenti transfruntiera li għandhom jiġu rrapportati skont l-Artikolu 8ab qabel it-30 ta’ Ġunju 2019;
(c)għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar l-impriżi meħtieġa li jirrapportaw dwar indikaturi ta’ sustanza minima skont l-Artikolu 8ad qabel l-1 ta’ Jannar 2024.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 26(2).
Dawk il-formoli standard ma għandhomx jeċċedu l-komponenti għall-iskambju ta’ informazzjoni elenkati fl-Artikolu 8a(6), l-Artikolu 8ab(14) u l-Artikolu 8ad(4), (5) u (6), u tali oqsma relatati oħra li huma konnessi ma’ dawn il-komponenti li huma neċessarji sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Artikoli 8a, 8ab u 8ac, rispettivament.
L-arranġamenti lingwistiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx jipprekludu lill-Istati Membri milli jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 8a, 8ab u 8ad bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Madankollu, dawk l-arranġamenti lingwistiċi jistgħu jipprevedu li l-elementi ewlenin ta’ tali informazzjoni għandhom jintbagħtu wkoll b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.”;
(4)fl-Artikolu 21(5) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5.Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2017, tiżviluppa u tipprovdi b’appoġġ tekniku u loġistiku direttorju ċentrali sigur tal-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fejn l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata fil-qafas tal-Artikolu 8a(1) u (2) għandha tiġi rreġistrata sabiex jiġi ssodisfat l-iskambju awtomatiku previst f’dawk il-paragrafi.
Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2019, tiżviluppa u tipprovdi b’appoġġ tekniku u loġistiku direttorju ċentrali sigur tal-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fejn l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata fil-qafas tal-Artikolu 8ab(13), (14) u (16) għandha tiġi rreġistrata sabiex jiġi ssodisfat l-iskambju awtomatiku previst f’dawk il-paragrafi.
Il-Kummissjoni għandha, sat-30 ta’ Ġunju 2024, tiżviluppa u tipprovdi b’appoġġ tekniku u loġistiku direttorju ċentrali sigur tal-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fejn l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata fil-qafas tal-Artikolu 8ad(1), (2) u (3) għandha tiġi rreġistrata sabiex jiġi ssodisfat l-iskambju awtomatiku previst f’dawk il-paragrafi.
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni rreġistrata f’dak id-direttorju. Il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll aċċess għall-informazzjoni rreġistrata f’dak id-direttorju, iżda fil-limitazzjonijiet stipulati fl-Artikoli 8a(8) u 8ab(17). Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 26(2).
Sakemm dak id-direttorju ċentrali sigur isir operattiv, l-iskambju awtomatiku previst fl-Artikolu 8a(1) u (2), l-Artikolu 8ab(13), (14) u (16) u l-Artikolu 8ad(1), (2) u (3) għandu jitwettaq f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u mal-arranġamenti prattiċi applikabbli.”.
KAPITOLU V
INFURZAR
Artikolu 14
Penali
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-penali jinkludu sanzjoni amministrattiva pekunarja ta’ mill-anqas 5 % tal-fatturat tal-impriża fis-sena fiskali rilevanti, jekk l-impriża li tkun meħtieġa li tirrapporta skont l-Artikolu 6 ma tikkonformax ma’ dan ir-rekwiżit għal sena fiskali sal-iskadenza stabbilita jew tagħmel dikjarazzjoni falza fid-dikjarazzjoni tat-taxxa skont l-Artikolu 7.
Artikolu 15
Talba għal awditi tat-taxxa
Meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed ikollha raġuni temmen li impriża li hija residenti fiskali fi Stat Membru ieħor ma tkunx issodisfat l-obbligi tagħha skont din id-Direttiva, l-Istat Membru preċedenti jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti ta’ dan tal-aħħar sabiex twettaq awditu tat-taxxa tal-impriża.
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li lilu ssir it-talba għandha tibdih fi żmien xahar mid-data tal-wasla tat-talba u twettaq l-awditu tat-taxxa, f’konformità mar-regoli li jirregolaw l-awditi tat-taxxa fl-Istat Membru li lilu ssir it-talba.
L-awtorità kompetenti li tkun wettqet l-awditu tat-taxxa għandha tipprovdi feedback dwar l-eżitu ta’ dan l-awditjar lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li għamel it-talba mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn xahar wara li jkun magħruf l-eżitu tal-awditu tat-taxxa.
Artikolu 16
Monitoraġġ
1.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni għal kull sena fiskali:
(a)in-numru ta’ impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1);
(b)in-numru ta’ impriżi li rrapportaw skont l-Artikolu 7;
(c)il-penali imposti skont l-Artikolu 14 għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;
(d)in-numru ta’ impriżi preżunti li ma għandhomx sustanza minima f’konformità mal-Artikolu 8 u n-numru ta’ impriżi li kkonfutaw din il-preżunzjoni f’konformità mal-Artikolu 9;
(e)in-numru ta’ impriżi eżentati mir-rekwiżiti skont din id-Direttiva f’konformità mal-Artikolu 10;
(f)in-numru ta’ awditi ta’ impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1),
(g)in-numru ta’ każijiet fejn impriża preżunta li għandha sustanza minima nstabet li ma kellhiex attività sostanzjali, b’mod partikolari wara awditu;
(h)in-numru ta’ talbiet għall-iskambju ta’ informazzjoni ppreżentati u n-numru ta’ talbiet riċevuti;
(i)in-numru ta’ talbiet għall-awditi tat-taxxa ppreżentati u n-numru ta’ talbiet riċevuti.
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fuq talba tal-Kummissjoni.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 fuq bażi biannwali sal-31 ta’ Diċembru tas-sena fiskali wara t-tmiem il-perjodu biannwali.
Artikolu 17
Rapporti
1.Sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.
2.Meta tfassal ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 15.
3.Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapport fuq is-sit web tagħha.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [it-30 ta’ Ġunju 2023], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [l-1 ta’ Jannar 2024].
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
1.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 20
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Politika tat-tassazzjoni.
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
X azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja
◻ l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
◻ fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettiv(i) ġenerali
Il-Proposta tfittex li tnaqqas it-telf tad-dħul mit-taxxa relatat mal-evitar tat-taxxa u mal-evażjoni tat-taxxa minħabba l-użu ta’ entitajiet fittizji fl-UE. Barra minn hekk, il-Proposta se tippermetti lill-Istati Membri jiddeskrivu u jikkwantifikaw b’mod akkurat il-firxa tal-abbuż tat-taxxa minn entitajiet fittizji fl-UE. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Proposta għandha tiskoraġġixxi aktar il-ħolqien ta’ entitajiet fittizji fl-UE.
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
1)
L-identifikazzjoni ta’ entitajiet fittizji fl-UE fir-riskju ta’ abbuż tat-taxxa permezz tal-użu ta’ kriterji oġġettivi tas-sustanza. Ladarba entità fittizja tkun ġiet identifikata bħala riskju ta’ abbuż tat-taxxa, il-proposta se tistabbilixxi konsegwenzi tat-taxxa komuni, ċari, u determinati minn qabel madwar l-UE kollha sabiex jiġi evitat it-telf tat-taxxa;
2)
L-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikollhom informazzjoni disponibbli sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw entitajiet fittizji residenti/stabbiliti fi Stati Membri oħrajn sabiex ikunu jistgħu jipprevjenu l-abbuż tat-taxxa transfruntier, pereżempju, billi jirrifjutaw il-benefiċċji tat-trattat dwar it-taxxa fuq it-taxxi minn ras il-għajn;
3)
Il-Proposta għandha l-għan li tiskoraġġixxi l-użu tat-TCSPs milli joħloq entitajiet fittizji fl-UE mill-bidu. Il-kriterji tas-sustanza identifikati f’1) hawn fuq huma mfassla sabiex jiġġieldu l-istess servizzi li joffru t-TCSPs, bħall-istabbiliment ta’ indirizzi postali, li t-TCSPs jipprovdu lill-entitajiet fittizji.
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
L-entitajiet fil-mira se jkollhom jirrapportaw lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa jekk jissodisfawx l-indikaturi minimi tas-sustanza. Se jkun hemm konsegwenzi tat-taxxa għall-entitajiet li ma jissodisfawx dawk l-indikaturi.
|
1.4.4. Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
Objettivi
|
Indikaturi
|
Għodod ta’ kejl/sorsi ta’ data
|
L-użu ta’ kriterji ta’ sustanza komuni sabiex jiġu identifikati l-entitajiet fittizji sabiex jiġi evitat it-telf tad-dħul mit-taxxa minħabba l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa.
|
Dħul addizzjonali mit-taxxa garantit bis-saħħa tal-inizjattiva li tipprevjeni lill-entitajiet fittizji milli jiksbu benefiċċju tat-taxxa fil-livell nazzjonali jew transfruntier.
|
Valutazzjoni annwali tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni (sors: amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri)
|
L-għoti ta’ informazzjoni lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw l-entitajiet fittizji użati għal finijiet ta’ abbuż tat-taxxa.
|
In-numru ta’ skambji ta’ kumpaniji fittizji magħmula u l-attivitajiet ta’ konformità tal-Istati Membri.
|
Data li għandha tiġi ppreżentata fuq bażi annwali mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għal finijiet ta’ monitoraġġ (sors: amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri)
|
Effett ta’ deterrent fuq TCSPs li joħolqu entitajiet fittizji fl-UE.
|
Valutazzjoni kwalitattiva mill-Istati Membri tal-impatt tal-inizjattiva fuq l-iskoraġġiment tat-TCSPs milli joffru servizzi sabiex jiġu stabbiliti entitajiet fittizji.
|
Valutazzjoni annwali tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni (sors: amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri)
|
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
L-entitajiet u l-arranġamenti legali li huma meħtieġa jirrapportaw skont il-proposta se jivvalutaw lilhom infushom billi jużaw kriterji tas-sustanza sabiex jiddeterminaw jekk humiex fir-riskju ta’ abbuż tat-taxxa. L-informazzjoni dwar l-entitajiet u l-arranġamenti li huma meħtieġa biex jivvalutaw lilhom infushom fi Stat Membru se tkun awtomatikament għand il-Awtoritajiet Kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet se jintalbu jippreżentaw l-informazzjoni divulgata f’direttorju ċentrali li l-Istati Membri kollha se jkollhom aċċess għalih. Il-Kummissjoni se tingħata aċċess limitat għad-Direttorju sabiex ikun żgurat li tista’ tiġi informata b’mod suffiċjenti sabiex timmonitorja l-funzjonament tad-Direttiva. Il-proposta se tuża l-arranġamenti prattiċi attwalment skont id-Direttiva 2011/16/UE dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tat-Tassazzjoni Diretta (id-“DAC”).
F’termini ta’ twaqqit mill-istabbiliment ta’ Direttorji Ċentrali oħrajn għal finijiet ta’ skambju tat-taxxa, bħad-DAC3 u d-DAC6, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jirrikjedu mill-anqas 18-il xahar wara l-adozzjoni tal-proposta sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu s-sistemi sabiex jippermettu li jseħħ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija hija mistennija minn Jannar tal-2024.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
Il-Proposta ma għandhiex l-għan li tissostitwixxi r-regoli nazzjonali u internazzjonali eżistenti għall-ġlieda kontra l-abbuż tat-taxxa minn entitajiet fittizji fl-UE. Minflok, il-Proposta għandha l-għan li ssaħħaħ u tikkomplementa miżuri eżistenti billi tipprovdi kriterji ta’ sustanza oġġettiva għall-prevenzjoni tal-abbuż tat-taxxa f’kuntest transfruntier. Li jkun hemm regoli uniformi jiżgura l-konsistenza tar-rekwiżiti ta’ sustanza għal finijiet ta’ taxxa fl-UE kif ukoll dwar il-kontromiżuri li għandhom jiġu applikati inklużi l-konsegwenzi tat-taxxa u s-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità.
Għall-kumpaniji fi gruppi madwar l-UE jkun hemm ekonomiji ta’ skala peress li jkun meħtieġ li jiġi applikat sett wieħed biss ta’ regoli dwar is-sustanza. Dan imbagħad jiżgura kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta għan-negozji fl-UE.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
L-inizjattiva hija mekkaniżmu ġdid. L-għażla ppreferuta fil-Valutazzjoni tal-Impatt tibbaża fuq l-approċċ li ssegwi l-UE fil-valutazzjoni ta' sustanza f’pajjiżi terzi rilevanti bħala parti mill-proċess li jwassal għall-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet mhux kooperattivi għal finijiet ta’ taxxa. Hija għandha l-għan li tirreplika xi wħud mill-karatteristiċi ta’ dan il-proċess.
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi fis-seklu 21, il-Kummissjoni ntrabtet li tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi regoli tal-unjoni sabiex jiġi nnewtralizzat l-użu ħażin tal-entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa sa tmiem l-2021. Il-Proposta se tuża l-proċeduri, l-arranġamenti u l-għodod tal-IT diġà stabbiliti jew li qegħdin jiġu żviluppati skont id-DAC.
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
Il-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva se jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE li jikkonċernaw biss il-komponenti ċentrali għas-sistema ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni. Inkella, se jkun f’idejn l-Istati Membri li jimplimentaw il-miżuri previsti.
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
◻ durata limitata
–◻
fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
–◻
Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
X durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS,
–segwita minn operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat/i
X Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–X mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–◻
mill-aġenziji eżekuttivi
◻ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
◻ Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
–◻ lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
–◻ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
–◻ lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
–◻ lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
–◻ lill-korpi tal-liġi pubblika;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
Kummenti
Din il-proposta tibni fuq il-qafas u fuq is-sistemi eżistenti għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bl-użu ta’ Direttorju Ċentrali għal deċiżjonijiet antiċipati transfruntiera (“DAC3”) u arranġamenti transfruntiera ta’ taxxa rapportabbli (“DAC6”) li ġew żviluppati skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/16/UE fil-kuntest ta’ dawn l-emendi preċedenti għad-DAC. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandhom jiżviluppaw formats u forom standardizzati għall-iskambju ta’ informazzjoni permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni. Fir-rigward tan-network komuni ta’ komunikazzjoni (NKK) li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-iżvilupp ta’ dan in-network u l-Istati Membri se jimpenjaw ruħhom sabiex joħolqu l-infrastruttura domestika xierqa li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni permezz tan-network komuni ta’ komunikazzjoni.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Il-Kummissjoni se tiżgura li jkun hemm arranġamenti stabbiliti sabiex tagħmel monitoraġġ u tevalwa l-funzjonament tal-intervent u tevalwah fil-kuntest tal-objettivi ta’ politika ewlenin. Minħabba li l-“Unshell” tinvolvi modifika lid-DAC, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jistgħu jitwettqu skont l-elementi l-oħra tal-kooperazzjoni amministrattiva.
L-Istati Membri se jippreżentaw data fuq bażi annwali lill-Kummissjoni għall-informazzjoni deskritta fit-Tabella ta’ hawn fuq dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni li se jintużaw għall-monitoraġġ tal-konformità mal-Proposta.
Peress li d-data ta’ monitoraġġ hija disponibbli, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-kamp ta' applikazzjoni tal-intervent sabiex teżamina l-possibbiltà li jiġi estiż sabiex ikopri setturi addizzjonali u/jew jirrevedi xi wħud mill-karatteristiċi tagħha.
Se ssir evalwazzjoni ħames snin wara l-implimentazzjoni tal-Proposta li se tippermetti lill-Kummissjoni tirrieżamina r-riżultati tal-politika fir-rigward tal-objettivi tagħha kif ukoll l-impatti ġenerali f’termini ta’ dħul mit-taxxa, ta’ negozji u tas-suq intern.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
L-implimentazzjoni tal-inizjattiva se tiddependi fuq l-awtoritajiet kompetenti (l-amministrazzjonijiet tat-taxxa) tal-Istati Membri. Huma se jkunu responsabbli għall-finanzjament tas-sistemi nazzjonali tagħhom stess u l-adattamenti tagħhom meħtieġa għall-iskambji li għandhom isiru mad-Direttorju Ċentrali li għandhom jiġu stabbiliti għall-finijiet tal-Proposta.
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-infrastruttura, inkluż id-Direttorju Ċentrali, li se tippermetti li jsiru skambji bejn l-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni ta’ entitajiet fittizji. Ġew stabbiliti sistemi tal-IT għad-DAC li se jintużaw għal din l-inizjattiva. Il-Kummissjoni se tiffinanzja s-sistemi meħtieġa sabiex jippermettu li jsiru skambji, inkluż id-Direttorju Ċentrali, li se jgħaddi mill-elementi ewlenin ta’ kontroll li huma dawk għall-kuntratti ta’ akkwist, il-verifika teknika tal-akkwist, il-verifika ex ante tal-impenji, u l-verifika ex ante tal-pagamenti.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
L-intervent propost se jkun ibbażat fuq sistema dikjarattiva, li tinvolvi r-riskju ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni jew dikjarazzjoni ħażina minn entitajiet legali u arranġamenti li huma meħtieġa sabiex jivvalutaw lilhom infushom fil-kuntest tal-kriterji tas-sustanza skont il-Proposta. L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jawditjaw dawn l-awtovalutazzjonijiet u jirrapportaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali statistika li tinkludi n-numru ta’ entitajiet li ġew awditjati u s-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità.
Sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità tal-entitajiet u tal-arranġamenti legali, il-Proposta tinkludi qafas ta’ sanzjonar. L-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa se jkunu inkarigati mill-infurzar tas-sanzjonijiet u b’mod aktar ġenerali mill-iżgurar tal-konformità mal-“Unshell”. Is-sanzjonijiet jiġu stabbiliti f’livell għoli biżżejjed sabiex iservu bħala deterrent. Barra minn hekk, l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa se jkunu jistgħu jwettqu awditi sabiex jidentifikaw u jiskoraġġixxu n-nuqqas ta’ konformità.
Sabiex tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni kif suppost tal-Proposta, il-Kummissjoni se jkollha aċċess limitat għad-Direttorju Ċentrali fejn l-Istati Membri se jiskambjaw informazzjoni dwar entitajiet u arranġamenti li jirrapportaw skont il-Proposta.
L-elementi ewlenin tal-istrateġija ta’ kontroll huma:
Kuntratti ta’ akkwist
Il-proċeduri ta’ kontroll għall-akkwist definiti fir-Regolament Finanzjarju: kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist jiġi stabbilit wara l-proċedura stabbilita ta’ verifika mis-servizzi tal-Kummissjoni għall-pagament, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-obbligi kuntrattwali u l-ġestjoni finanzjarja u ġenerali tajba. Miżuri kontra l-frodi (kontrolli, rapporti, eċċ.) huma previsti fil-kuntratti kollha konklużi bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji. Termini dettaljati ta’ referenza huma abbozzati u jifformaw il-bażi ta’ kull kuntratt speċifiku. Il-proċess ta’ aċċettazzjoni jsegwi b’mod strett il-metodoloġija TAXUD TEMPO: ir-riżultati jiġu rieżaminati, jekk ikun meħtieġ emendati u finalment aċċettati (jew irrifjutati) b’mod espliċitu. Ma tista’ titħallas l-ebda fattura mingħajr “ittra ta’ aċċettazzjoni”.
Verifika teknika ta’ akkwist
Id-DĠ TAXUD iwettaq kontrolli fuq ir-riżultati u jissorvelja l-operat u s-servizzi mwettqa mill-kuntratturi. Iwettaq ukoll verifiki tal-kwalità u s-sigurtà tal-kuntratturi tagħhom fuq bażi regolari. L-awditi tal-kwalità jivverifikaw il-konformità tal-proċessi effettivi tal-kuntratturi mar-regoli u l-proċeduri definiti fil-pjanijiet ta’ kwalità tagħhom. L-awditi tas-sigurtà jiffokaw fuq il-proċessi speċifiċi, il-proċeduri u l-istabbiliment.
Minbarra l-kontrolli ta’ hawn fuq, id-DĠ TAXUD iwettaq il-kontrolli finanzjarji tradizzjonali:
Verifiki ex ante tal-impenji
L-impenji kollha fid-DĠ TAXUD jiġu vverifikati mill-Kap tal-Unità tal-Finanzi u mill-korrispondent tan-negozju tar-Riżorsi Umani. Għaldaqstant, 100 % tal-ammonti impenjati jiġu koperti mill-verifika ex ante. Il-proċedura tagħti livell għoli ta’ garanzija fir-rigward tal-legalità u tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet.
Verifika ex ante tal-pagamenti
100 % tal-pagamenti huma verifikati ex ante. Barra minn hekk, kull ġimgħa mill-anqas pagament wieħed (mill-kategoriji kollha tan-nefqiet) jintgħażel b’mod aleatorju għal verifika ex ante addizzjonali li titwettaq mill-kap tal-Unità tal-Finanzi u mill-korrispondent tan-negozju tar-Riżorsi Umani. Ma hemm l-ebda mira għal dak li jirrigwarda l-kopertura, billi l-għan ta’ din il-verifika huwa l-iċċekkjar “aleatorju” tal-pagamenti sabiex jiġi vverifikat li l-pagamenti kollha jkunu preparati f’konformità mar-rekwiżiti. Il-pagamenti li jifdal jiġu pproċessati kuljum skont ir-regoli fis-seħħ.
Id-Dikjarazzjonijiet tal-Uffiċjali tal-Awtorizzazzjoni b’Sottodelegazzjonijiet (AOSD)
L-Uffiċjali tal-AOSD kollha jiffirmaw dikjarazzjonijiet li jappoġġaw ir-Rapport tal-Attività Annwali għas-sena kkonċernata. Dawn id-dikjarazzjonijiet ikopru l-operazzjonijiet skont il-programm. L-AOSD tiddikjara li l-operazzjonijiet konnessi mal-implimentazzjoni tal-baġit ikunu twettqu f’konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba, li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll stabbiliti jkunu pprovdew garanzija sodisfaċenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet u li r-riskji assoċjati ma’ dawn l-operazzjonijiet ikunu ġew identifikati b’mod xieraq, u rapportati u li l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni jkunu ġew implimentati.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontrolli ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żbalji (mal-ħlas u fl-għeluq)
Il-kontrolli stabbiliti jippermettu li d-DĠ TAXUD ikollu garanzija biżżejjed tal-kwalità u tar-regolarità tan-nefqa u jnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta' konformità. Il-miżuri tal-istrateġija tal-kontroll ta’ hawn fuq inaqqsu r-riskji potenzjali taħt il-mira ta’ 2 % u jilħqu lill-benefiċjarji kollha. Miżuri addizzjonali għat-tnaqqis ulterjuri tar-riskju jirriżultaw f’kostijiet sproporzjonalment għoljin u għaldaqstant ma humiex previsti. Il-kostijiet ġenerali involuti sabiex tiġi implimentata l-istrateġija ta’ kontroll ta’ hawn fuq – għall-infiq kollu skont il-programm Fiscalis – huma limitati għal 1,6 % tat-total tal-pagamenti magħmula. Dan il-proporzjon ma huwiex mistenni li jinbidel għal din l-inizjattiva. Il-programm tal-istrateġija ta’ kontroll jillimita r-riskju ta’ nuqqas ta' konformità għal prattikament żero u huwa wkoll proporzjonat mar-riskji involuti.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, fosthom verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi tip ta’ attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjat skont dan ir-Regolament.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Type of
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
14.03.01
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati
|
minn pajjiżi terzi
|
skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju
|
|
Titjib tal-funzjonament xieraq tas-sistemi fiskali
|
Diff./Mhux diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
·Linji baġitarji ġodda mitluba
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Type of
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
Numru
|
Diff
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati
|
minn pajjiżi terzi
|
skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju
|
|
Mhux applikabbli
|
Diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
–X
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
Numru
|
14.03.01
|
DĠ: TAXUD
|
|
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
• Approprjazzjonijiet operazzjonali
|
|
|
|
|
|
|
|
Linja baġitarja 14.03.01
|
Impenji
|
(1a)
|
0,680
|
0,082
|
0,082
|
0,082
|
0,082
|
0,082
|
1,088
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
|
0,680
|
0,082
|
0,082
|
0,082
|
0,082
|
1,008
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
għad-DĠ TAXUD
|
Impenji
|
= 1a+1b +3
|
0,680
|
0,082
|
0,082
|
0,082
|
0,082
|
0,082
|
1,088
|
|
Pagamenti
|
= 2a+2b
+3
|
|
0,680
|
0,082
|
0,082
|
0,082
|
0,082
|
1,008
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
7
|
“Nefqa amministrattiva”
|
Jenħtieġ li din it-taqsima timtela billi tintuża d-“data baġitarja ta’ natura amministrattiva” li, qabel kollox, trid tiġi introdotta
fl-Anness tad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva
(l-Anness V għar-regoli interni), li jittella’ fid-DECIDE għall-finijiet ta’ konsultazzjoni bejn is-servizzi.
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali): Prezzijiet Kurrenti
|
|
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
QFP 2021 sa 2027
|
DĠ: TAXUD
|
• Riżorsi umani
|
0,300
|
0,036
|
0,036
|
0,036
|
0,036
|
0,444
|
• Nefqa amministrattiva oħra – Missjonijiet
|
0,020
|
0,002
|
0,002
|
0,002
|
0,002
|
0,028
|
TOTAL TAD-DĠ TAXUD
|
Approprjazzjonijiet
|
0,320
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,472
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
0,320
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,472
|
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali): Prezzijiet Kurrenti
|
|
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
QFP 2021 – 2027
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURI 1 sa 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
1
|
0,120
|
0,120
|
0,120
|
0,120
|
1,480
|
|
Pagamenti
|
0,320
|
0,718
|
0,120
|
0,120
|
0,120
|
1,398
|
3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–X
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Year
2023
|
Year
2024
|
Year
2025
|
Year
2026
|
Year
2027
|
Year
2028
|
Year
2029
|
TOTAL
|
HEADING 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
0,300
|
0,036
|
0,036
|
0,036
|
0,036
|
0,036
|
0,036
|
0,516
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
0,020
|
0,002
|
0,002
|
0,002
|
0,002
|
0,002
|
0,002
|
0,032
|
Subtotal HEADING 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
0,320
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,548
|
Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Other expenditure
ta’ natura amministrattiva
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal
barra mill-INTESTATURA 7
of the multiannual financial framework
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
0,320
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,038
|
0,548
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.2.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–X
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time
|
Year
2023
|
Year
2024
|
Year
2025
|
Year
2026
|
Year
2027
|
Year
2028
|
Total
|
• Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)
|
20 01 02 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)
|
1
|
1
|
0,4
|
0,2
|
0,1
|
0,1
|
2,8
|
20 01 02 03 (Delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 01 (Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 11 (Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
• Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full Time: FTE)
|
20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)
|
|
|
|
|
|
|
|
20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
XX 01 xx ss zz
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 02 (AC, END, INT - Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 12 (AC, END, INT - Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
1
|
1
|
0,4
|
0,2
|
0,1
|
0,1
|
2,8
|
XX huwa l-qasam ta’ politika jew it-titolu baġitarju kkonċernat.
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
Uffiċjali u persunal temporanju
|
It-tħejjija ta’ laqgħat u korrispondenza mal-Istati Membri, il-ħidma fuq il-formoli, il-formats tal-IT u d-Direttorju Ċentrali.
|
Persunal estern
|
Mhux applikabbli
|
3.2.3.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
Il-proposta/l-inizjattiva:
–X
tista’ tiġi ffinanzjata kompletament permezz ta’ riallokazzjoni fl-intestatura rilevanti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).
–◻
teħtieġ l-użu tal-marġni mhux allokat taħt l-intestatura rilevanti tal-QFP u/jew l-użu tal-istrumenti speċjali ddefiniti fir-Regolament dwar il-QFP.
Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati, l-ammonti korrispondenti, u l-istrumenti proposti li għandhom jintużaw.
–◻
teħtieġ reviżjoni tal-QFP.
Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.
3.2.4.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–◻
ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
–◻
tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Year
N
|
Year
N+1
|
Year
N+2
|
Year
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
Total
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–X
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–◻
fuq ir-riżorsi proprji
–◻
fuq dħul ieħor
–jekk jogħġbok indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa ◻
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja kurrenti
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
Year
N
|
Year
N+1
|
Year
N+2
|
Year
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
L-Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Għal dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Rimarki oħra (eż. il-metodu/il-formula li ntużaw biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).